SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/29/KE — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Dritt ta’ riproduzzjoni — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Kunċett ta’ ‘parodija’ — Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C-201/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2013, fil-proċedura

Johan Deckmyn,

Vrijheidsfonds VZW

vs

Helena Vandersteen,

Christiane Vandersteen,

Liliana Vandersteen,

Isabelle Vandersteen,

Rita Dupont,

Amoras II CVOH,

WPG Uitgevers België,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Borg Barthet u M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, G. Arestis, D. Šváby, A. Prechal (Relatur), C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin.

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Jannar 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal J. Deckmyn, minn B. Siffert, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda kif ukoll minn F. Wilman u T. van Rijn, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Deckmyn u l-Vrijheidsfonds VZW (iktar ’il quddiem il-“Vrijheidsfonds”), assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, u diversi werrieta ta’ W. Vandersteen, awtur ta’ sensiela ta’ komiks Suske en Wiske (bil-lingwa Franċiża Bob et Bobette), kif ukoll detenturi tad-drittijiet marbuta ma’ dawn ix-xogħlijiet (iktar ’il quddiem “Vandersteen et”), rigward id-distribuzzjoni minn J. Deckmyn ta’ kalendarju li fih ġie rriprodott disinn (iktar ’il quddiem id-“disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali”) li jixbah disinn li jidher fil-qoxra ta’ wieħed mill-albums tas-sensiela Suske en Wiske.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 3 tad-Direttiva 2001/29 tipprovdi li:

“L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà, inkluża proprjetà intellettwali, u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.”

4

Skont il-premessa 31 ta’ din id-direttiva:

“Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati.[...]”

5

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 [, intitolati rispettivament ‘Dritt ta’ riproduzzjoni’ u ‘Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor’,] fil-każi li ġejjin:

[...]

k)

użu għal skop ta’ karikatura, parodija jew pastiċċ;

[...]”

Id-dritt Belġjan

6

L-Artikolu 22(1) tal-liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati (Belgisch Staatsblad, tas-27 ta’ Lulju 1994, p. 19297) jipprovdi:

“Meta x-xogħol jiġi ppubblikat b’mod legali, l-awtur ma jkollux id-dritt li jopponi:

[...]

6.

il-karikaturi, parodiji jew pastiċċi, imwettqa b’mod konformi mal-użanzi aċċettati tal-moralità;

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

J. Deckmyn huwa membru tal-Vlaams Belang, filwaqt li l-Vrijheidsfonds għandha għan statutorju li ma għandu l-ebda skop ta’ lukru, li jikkonsisti li jsostni dan il-partit politiku finanzjarjament u materjalment.

8

Matul ir-riċeviment organizzat fid-9 ta’ Jannar 2001, mill-belt ta’ Gent (il-Belġju), fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida, J. Deckmyn qassam kalendarji tas-sena 2011 li fihom kien hemm indikazzjoni tal-fatt li huwa kien l-editur responsabbli. Fil-qoxra ta’ dawn il-kalendarji kien jidher id-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

9

Dan id-disinn kien jixbah dak irrappreżentat fil-qoxra tal-album ta’ sensiela ta’ komiks Suske en Wiske, intitolat “De Wilde Weldoener” (Il-benefattur kompulsiv), li sar matul is-sena 1961 minn W. Vandersteen u li l-verżjoni tiegħu bil-lingwa Franċiża kienet iġġib it-titolu “Il-qabar Ħindu”. Dan l-aħħar disinn kien jirrappreżenta wieħed mill-persunaġġi prinċipali ta’ dan l-album, imlibbes tunika bajda waqt li qed jitfa’ muniti lejn persuni, li qed jippruvaw jiġbruhom. Fid-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan il-persunaġġ ġie ssostitwit mis-sindku tal-belt ta’ Gent u l-persuni li jiġbru l-muniti ġew issostitwiti minn persuni mlebbsin il-velu u ta’ kulur.

10

Peress li qiesu li d-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku kisru d-drittijiet tal-awtur rispettivi tagħhom, Vandersteen et ippreżentaw rikors kontra J. Deckmyn u l-Vrijheidsfonds quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell), li kkundannat lil dawn tal-aħħar sabiex iwaqqfu, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, kull użu ta’ dan id-disinn.

11

Quddiem il-qorti tar-rinviju adita bl-appell mid-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, J Deckmyn u l-Vrijheidsfonds osservaw b’mod partikolari li d-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi karikatura politika, li taqa’ taħt il-parodija li hija aċċettata skont il-punt 6 tal-Artikolu 22(1) tal-liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994, dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.

12

Vandersteem et jikkontestaw din l-interpretazzjoni, peress li, fil-fehma tagħhom, il-parodija għandha twieġeb għal ċerti kundizzjonijiet, li ma humiex issodisfatti f’dan il-każ, jiġifieri għandha jkollha skop kritiku, turi hija stess li hija xogħol oriġinali, turi spirtu umoristiku, turi li hija intiża li twaqqa’ x-xogħol oriġinali għaċ-ċajt, u ma tiħux mix-xogħol oriġinali numru ta’ elementi figurattivi li huwa iktar minn dak strettament meħtieġ għat-twettiq tal-parodija. F’dan il-kuntest, huma jilmentaw ukoll li d-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali jittrażmetti messaġġ diskriminatorju, peress li l-persunaġġi li, fix-xogħol oriġinali, jiġbru l-muniti mitfugħa mal-art, ġew issostitwiti fih b’persuni mlebbsin il-velu u ta’ kulur.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-‘parodija’ hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, parodija għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti jew tikkonforma mal-karatteristiċi segwenti:

ikollha karattru oriġinali tagħha stess (oriġinalità);

ikollha dan il-karattru b’tali mod li l-parodija ma tistax raġonevolment tiġi attribwita lill-awtur tax-xogħol oriġinali;

tkun intiża biex toħloq umoriżmu jew twaqqa’ għaċ-ċajt, irrispettivament mill-fatt li l-kritika eventwalment magħmula f’dan ir-rigward tkun tolqot ix-xogħol oriġinali jew lil xi ħaġa jew lil xi ħadd;

issemmi s-sors tax-xogħol li jkun is-suġġett tal-parodija?

3)

Xogħol għandu jissodisfa wkoll kundizzjonijiet oħra jew jikkonforma ma’ karatteristiċi oħra biex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala parodija?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

14

Hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal‑applikazzjoni uniformi tad‑dritt tal‑Unjoni kif ukoll mill‑prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l‑kliem ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni li ma tinkludi l‑ebda riferiment speċifiku għad‑dritt tal‑Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s‑sens u l‑portata tagħha għandhom normalment, fl‑Unjoni Ewropea kollha, jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fejn din l‑interpretazzjoni tkun waħda studjata fid‑dawl tal‑kuntest tad‑dispożizzjoni u tal‑għan imfittex mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza Padawan, C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

Minn din il‑ġurisprudenza jirriżulta li l‑kunċett ta’ “parodija”, li jinsab f’dispożizzjoni li tagħmel parti minn direttiva li ma tagħmel ebda riferiment għad‑drittijiet nazzjonali, għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad‑dritt tal‑Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit‑territorju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Padawan, EU:C:2010:620, punt 33).

16

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata min-natura fakultattiva tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, interpretazzjoni li tgħid li l‑Istati Membri li jkunu introduċew tali eċċezzjoni huma liberi li jippreċiżaw il‑parametri tagħha b’mod mhux armonizzat, li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall‑ieħor, tmur kontra l‑għan tal‑imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Padawan, EU:C:2010:620, punt 36, u ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 49).

17

Konsegwentement, l-ewwel domanda għandha tingħatalha r-risposta li l-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “parodija” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

18

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kif għandha tinftiehem l-eċċezzjoni għal parodija, prevista fl-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk il-kunċett ta’ parodija jiddependix mill-preżenza ta’ ċerti kundizzjonijiet li hija telenka fit-tieni domanda tagħha.

19

Hemm lok li jitfakkar li, fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni, fid-Direttiva 2001/29, tal-kunċett ta’ parodija, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ din il-kelma għandha tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont is-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ kurrenti, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih tintuża u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Fir-rigward tas-sens abitwali tal-kelma “parodija” fil-lingwaġġ kurrenti, huwa paċifiku, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-parodija għandha bħala karatteristiċi essenzjali, minn naħa, li tevoka xogħol eżistenti, filwaqt li jkollha differenzi perċettibbli meta pparagunata miegħu, u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi manifestazzjoni ta’ umoriżmu jew twaqqa’ għaċ-ċajt.

21

Ma jirriżulta la mis-sens abitwali tal-kelma “parodija” fil-lingwaġġ kurrenti, u lanqas, barra minn hekk, hekk kif josservaw ġustament il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni Ewropea, mit-test tal-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, li dan il-kunċett għandu jkun suġġett għall-kundizzjonijiet, evokati mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, li skont dawn il-parodija għandha jkollha natura oriġinali tagħha stess, barra minn dik li jkollha differenzi perċettibbli meta pparagunata max-xogħol oriġinali li jkun is-suġġett tal-parodija, li hija tkun tista’ raġonevolment tiġi attribwita lil persuna li ma tkunx l-awtur tax-xogħol oriġinali stess, li għandha tirrigwarda x-xogħol oriġinali stess jew li għandha ssemmi s-sors tax-xogħol li jkun is-suġġett tal-parodija.

22

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-kuntest tal-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, li jistabbilixxi eċċezzjoni għad-drittijiet previsti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva u li, għalhekk, għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ACI Adam et, EU:C:2014:254, punt 23).

23

Fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ parodija għandha, fi kwalunkwe każ, tippermetti li titħares l-effettività tal-eċċezzjoni hekk stabbilita u li jiġi osservat l-għan tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 163).

24

Il-fatt li l-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29 jikkostitwixxi eċċezzjoni għalhekk ma għandux bħala konsegwenza li jnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni permezz ta’ kundizzjonijiet, bħal dawk stabbiliti fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, liema kundizzjonijiet ma jirriżultaw la mis-sens abitwali tal-kelma “parodija” fil-lingwaġġ kurrenti, u lanqas mit-test ta’ din id-dispożizzjoni.

25

Fir-rigward tal-għan imsemmi fl-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, hemm lok li jitfakkru l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva b’mod ġenerali, li fosthom, hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, hemm dak li jkun hemm armonizzazzjoni sabiex tgħin l-implementazzjoni tal-erba’ libertajiet tas-suq intern u li għandha x’taqsam mal-osservanza tal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà, inkluża l-proprjetà intellettwali, u tal-libertà ta’ espressjoni u tal-interess pubbliku. Issa, huwa paċifiku li l-parodija tikkostitwixxi mezz xieraq sabiex tiġi espressa opinjoni.

26

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29, l-eċċezzjonijiet għad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi l-Artikolu 5 tagħha, huma intiżi sabiex iżommu “bilanċ ġust” bejn, b’mod partikolari, id‑drittijiet u l‑interessi tal‑awturi, minn naħa, u dawk tal‑utenti ta’ suġġetti protetti, min‑naħa l‑oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Padawan, EU:C:2010:620, punt 43, u Painer, C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 132).

27

Isegwi li l-applikazzjoni, f’sitwazzjoni konkreta, tal-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, għandha tosserva bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi u d-drittijiet tal-persuni msemmija fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ espressjoni tal-utent ta’ xogħol protett li jibbaża ruħu fuq l-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(3)(k).

28

Sabiex jiġi vverifikat jekk, f’sitwazzjoni konkreta, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, tosservax dan il-bilanċ ġust, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

29

Għalhekk, fir-rigward tal-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont Vandersteen et, peress li, fid-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persunaġġi li, fix-xogħol oriġinali, ġabru l-muniti mitfugħa mal-art ġew issostitwiti minn persunaġġi mlebbsin il-velu u ta’ kulur, dan id-disinn jittrażmetti messaġġ diskriminatorju li għandu bħala effett li jassoċja x-xogħol protett ma’ tali messaġġ.

30

Jekk dan huwa effettivament il-każ, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, hemm lok li titfakkar l-importanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażat fuq ir-razza, il-kulur u l-oriġini etnika, hekk kif dan il-prinċipju ġie kkonkretizzat bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23), u kkonfermat, b’mod partikolari, fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

31

Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, detenturi ta’ drittijiet previsti fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29, bħal Vandersteen et, bħala prinċipju għandhom interess leġittimu li x-xogħol protett ma jkunx assoċjat ma’ tali messaġġ.

32

Bħala konsegwenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, bis-suppożizzjoni li d-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwieġeb għall-karatteristiċi essenzjali stabbiliti fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, tosservax il-bilanċ ġust li għalih isir riferiment fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

33

Konsegwentement, it-tieni u t-tielet domandi għandhom jingħatalhom risposta li l-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parodija għandha bħala karatteristiċi essenzjali, minn naħa, li tevoka xogħol eżistenti, filwaqt li jkollha differenzi perċettibbli meta pparagunata miegħu, u, min-naħa l-oħra, li tikkostitwixxi manifestazzjoni ta’ umoriżmu jew twaqqa’ għaċ-ċajt. Il-kunċett ta’ “parodija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet li jgħidu li l-parodija għandha jkollha natura oriġinali tagħha stess, barra minn dik li jkollha differenzi perċettibbli meta pparagunata max-xogħol oriġinali li jkun is-suġġett tal-parodija, li għandha tkun tista’ raġonevolment tiġi attribwita lil persuna li ma tkunx l-awtur tax-xogħol oriġinali stess, li għandha tirrigwarda x-xogħol oriġinali stess jew li għandha ssemmi s-sors tax-xogħol li jkun is-suġġett tal-parodija.

34

Għalhekk, l-applikazzjoni, f’sitwazzjoni konkreta, tal-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, għandha tosserva bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi u d-drittijiet tal-persuni msemmija fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ espressjoni tal-utent ta’ xogħol protett li jibbaża ruħu fuq l-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(3)(k).

35

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, bis-suppożizzjoni li d-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwieġeb għall-imsemmija karatteristiċi essenzjali tal-parodija, tosservax dan il-bilanċ ġust.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “parodija” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.

 

2)

L-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parodija għandha bħala karatteristiċi essenzjali, minn naħa, li tevoka xogħol eżistenti, filwaqt li jkollha differenzi perċettibbli meta pparagunata miegħu, u, min-naħa l-oħra, li tikkostitwixxi manifestazzjoni ta’ umoriżmu jew twaqqa’ għaċ-ċajt. Il-kunċett ta’ “parodija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet li jgħidu li l-parodija għandha jkollha natura oriġinali tagħha stess, barra minn dik li jkollha differenzi perċettibbli meta pparagunata max-xogħol oriġinali li jkun is-suġġett tal-parodija, li għandha tkun tista’ raġonevolment tiġi attribwita lil persuna li ma tkunx l-awtur tax-xogħol oriġinali stess, li għandha tirrigwarda x-xogħol oriġinali stess jew li għandha ssemmi s-sors tax-xogħol li jkun is-suġġett tal-parodija.

Għalhekk, l-applikazzjoni, f’sitwazzjoni konkreta, tal-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, għandha tosserva bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi u d-drittijiet tal-persuni msemmija fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ espressjoni tal-utent ta’ xogħol protett li jibbaża ruħu fuq l-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5(3)(k).

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali, jekk l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għal parodija, fis-sens tal-Artikolu 5(3)(k) tad-Direttiva 2001/29, bis-suppożizzjoni li d-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwieġeb għall-imsemmija karatteristiċi essenzjali tal-parodija, tosservax dan il-bilanċ ġust.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.