SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Transport bit-triq — Ammont tal-ispejjeż minimi tal-operat iddeterminat minn organu li jirrappreżenta l-operaturi kkonċernati — Assoċjazzjoni ta’ impriżi — Restrizzjoni tal-kompetizzjoni — Għan ta’ interess ġenerali — Sigurtà fit-toroq — Proporzjonalità”

Fil-Kawżi magħquda C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-17 ta’ Jannar 2013, li wasslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 u fil-15 ta’ April 2013, fil-proċeduri

API – Anonima Petroli Italiana SpA

vs

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

Ministero dello Sviluppo economico,

fil-preżenza ta’:

FEDIT – Federazione Italiana Trasportatori,

Bertani Remo di Silvio Bertani e C. Srl,

Transfrigoroute Italia Assotir,

Confartigianato Trasporti (C‑184/13),

ANCC-Coop – Associazione Nazionale Cooperative di Consumatori,

ANCD – Associazione Nazionale Cooperative Dettaglianti,

Sviluppo Discount SpA,

Centrale Adriatica Soc. coop.,

Coop Consorzio Nord Ovest Soc. cons. arl,

Coop Italia Consorzio Nazionale non Alimentari Soc. coop.,

Coop Centro Italia Soc. coop.,

Tirreno Logistica Srl,

Unicoop Firenze Soc. coop.,

Conad – Consorzio Nazionale Dettaglianti Soc. coop.,

Conad Centro Nord Soc. coop.,

Commercianti Indipendenti Associati Soc. coop.,

Conad del Tirreno Soc. coop.,

Pac2000A Soc. coop.,

Conad Adriatico Soc. coop.,

Conad Sicilia Soc. coop.,

Sicilconad Mercurio Soc. coop.

vs

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

Ministero dello Sviluppo economico,

Consulta generale per l’autotrasporto e la logistica,

Osservatorio sulle attività di autotrasporto,

Autorità garante della concorrenza e del mercato,

fil-preżenza ta’:

Unatras – Unjonie Nazionale Associazioni Autostrasporto Merci,

Brt SpA,

Coordinamento Interprovinciale FAI,

FIAP – Federazione Italiana Autotrasporti Professionali (C‑185/13),

Air Liquide Italia SpA et,

Omniatransit Srl,

Rivoira SpA,

SIAD – Società Italiana Acetilene e Derivati SpA

vs

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

Ministero dello Sviluppo economico,

fil-preżenza ta’:

TSE Group Srl (C‑186/13),

Confetra – Confederazione Generale Italiana dei Trasporti e della Logistica,

Fedespedi – Federazione Nazionale delle Imprese di Spedizioni Internazionali,

Assologistica – Associazione Italiana Imprese di Logistica Magazzini Generali Frigoriferi Terminal Operators Portuali,

FISI – Federazione Italiana Spedizionieri Industriali,

Federagenti – Federazione Nazionale Agenti Raccomandatari Marittimi e Mediatori Marittimi,

Assofer – Associazione Operatori Ferroviari e Intermodali,

Anama – Associazione Nazionale Agenti Merci Aeree,

ACA Trasporti Srl,

Automerci Srl,

Eurospedi Srl,

Safe Watcher Srl,

Sogemar SpA,

Number 1 Logistic Group SpA

vs

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti – Osservatorio sulle Attività di Trasporto,

Ministero dello Sviluppo economico,

fil-preżenza ta’:

Legacoop Servizi,

Mancinelli Due Srl,

Intertrasporti Srl,

Confartigianato Trasporti (C‑187/13),

Esso Italiana Srl

vs

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

Ministero dello Sviluppo economico,

fil-preżenza ta’:

Autosped G SpA,

Transfrigoroute Italia Assotir,

Confartigianato Trasporti (C‑194/13),

Confindustria – Confederazione generale dell’industria italiana,

Unjonie Petrolifera,

AITEC – Associazione Italiana Tecnico Economica del Cemento,

ANCE – Associazione Nazionale Costruttori Edili,

ANFIA – Associazione Nazionale Filiera Industria Automobilistica,

Assocarta – Associazione Italiana Fra Industriali della Carta Cartoni e Paste per Carta,

Assografici – Associazione Nazionale Italiana Industrie Grafiche Cartotecniche e Trasformatrici,

Assovetro – Associazione Nazionale degli Industriali del Vetro,

Confederazione Italiana Armatori,

Confindustria Ceramica,

Federacciai – Federazione imprese siderurgiche italiane,

Federalimentare – Federazione Italiana Industria Alimentare,

Federchimica – Federazione Nazionale Industria Chimica,

Italmopa – Associazione Industriale Mugnai d’Italia,

Burgo Group SpA,

Cartesar SpA,

Cartiera Lucchese SpA,

Cartiera del Garda SpA,

Cartiera Modesto Cardella SpA,

Eni SpA,

Polimeri Europa SpA,

Reno De Medici SpA,

Sca Packaging Italia SpA,

Shell Italia SpA,

Sicem Saga SpA,

Tamoil Italia SpA,

Totalerg SpA

vs

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

Ministero dello Sviluppo economico,

fil-preżenza ta’:

FEDIT – Federazione Italiana Trasporti,

Autosped G SpA,

Consorzio Trasporti Europei Genova,

Transfrigoroute Italia Assotir,

Coordinamento Interprovinciale FAI,

FIAP – Federazione Italiana Autotrasporti Professionali,

Semenzin Fabio Autotrasporti

Conftrasporto,

Confederazione generale italiana dell’artigianato (C‑195/13),

u

Autorità garante della concorrenza e del mercato

vs

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

Ministero dello Sviluppo economico,

fil-preżenza ta’:

Legacoop Servizi,

Mancinelli Due Srl,

Intertrasporti Srl,

Roquette Italia SpA,

Coordinamento Interprovinciale FAI,

Conftrasporto,

Confartigianato Trasporti,

Transfrigoroute Italia Assotir,

FIAP – Federazione Italiana Autotrasporti Professionali,

Ferrallele SpA, (C‑208/13),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ April 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal API – Anonima Petroli Italiana SpA, minn F. Di Gianni u G. Coppo, avukati,

għal ANCC‑Coop – Associazione Nazionale Cooperative di Consumatori et, minn G. Roderi u A. Turi, avukati,

għal Confetra – Confederazione Generale Italiana dei Trasporti e della Logistica et, minn C. Scoca, F. Scoca u F. Vetrò, avukati,

għal Esso Italiana Srl kif ukoll għal Confindustria – Confederazione generale dell’industria italiana et, minn F. Di Gianni u G. Coppo, avukati,

għall-Autorità garante della concorrenza e del mercato, minn B. Caravita di Toritto, avukat,

għal Consorzio Trasporti Europei Genova, minn G. Motta, avukat,

għal Semenzin Fabio Autotrasporti kif ukoll pour Conftrasporto, minn I. Di Costa u M. Maresca, avukati,

għal Roquette Italia SpA, minn G. Giacomini, R. Damonte u G. Demartini, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L Malferrari, T. Vecchi, I. V. Rogalski u J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE, 96 TFUE u 101 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 4(3) TUE.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, fil-Kawża C‑184/13, API – Anonima Petroli Italiana SpA et u l-Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti (Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport) u l-Ministero dello Sviluppo economico (Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku), fil-Kawża C‑185/13, ANCC-Coop – Associazione Nazionale Cooperative di Consumatori et u l-Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti, il-Ministero dello Sviluppo economico, il-Consulta generale per l’autotrasporto e la logistica (Kunsill Ġenerali għat-trasport bit-triq u l-loġistika, iktar ’il quddiem il-“Consulta”), l-Osservatorio sulle attività di autotrasporto (iktar ’il quddiem l-“Osservatorio”) u l-Autorità garante della concorrenza e del mercato, fil-Kawża C‑186/13, Air Liquide Italia SpA et u l-Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti u l-Ministero dello Sviluppo economico, fil-Kawża C‑187/13, Confetra – Confederazione Generale Italiana dei Trasporti e della Logistica et u l-Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti – Osservatorio sulle Attività di Trasporto u l-Ministero dello Sviluppo economico, fil-Kawżi C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, rispettivamemt, Esso Italiana Srl, Confindustria – Confederazione generale dell’industria italiana et u l-Autorità garante della concorrenza e del mercato u l-Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti kif ukoll il-Ministero dello Sviluppo economico, dwar miżuri li jiffissaw l-ispejjeż minimi tal-operat fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq f’isem terzi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4058/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar l-iffissar ta’ rati għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 286), ir-rati tat-trasport tal-merkanzija bit-triq f’isem terzi bejn l-Istati Membri għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim ħieles. Skont it-tielet premessa ta’ dan ir-regolament, “l-iffissar ħieles ta’ rati għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq hija s-sistema ta’ tariffi l-aktar addattati għall-ħolqien ta’ suq tat-trasport ħieles kif iddeċieda l-Kunsill, għall-għanijiet tas-suq intern u għall-ħtieġa ta’ sistema ta’ tariffi applikata uniformament fil-Komunità kollha”.

4

Fil-premessa 4 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, p. 72), hemm provdut li “[l-]istabbiliment ta’ politika tat-trasport komuni timplika t-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha kontra l-persuna li tipprovdi s-servizzi ta’ trasport fuq bażi taċ-ċittadinanza jew il-fatt li hija stabbilita fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikun ser jiġi provdut is-servizz”. Il-premessa 6 tal-imsemmi regolament tipprovdi li “[it-]twettiq gradwali ta’ suq Ewropew wieħed għandha twassal għall-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-swieq domestiċi tal-Istati Membri. Minkejja dan, dan it-twettiq għandu jieħu kont tal-effettività tal-kontrolli u l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjieg fil-professjoni, l-armonizzazzjoni ta’ regoli fl-oqsma, inter alia, tal-infuzar u l-ħlasijiet tal-utenti tat-triq, u l-leġiżlazzjoni soċjali u dwar is-sikurezza”.

5

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1072/2009 jipprovdi li “[k]ull trasportatur b’kiri jew qligħ [f’isem terzi], li huwa detentur ta’ liċenza Komunitarja u li x-xufier tiegħu, jekk ikun ċittadin ta’ pajjiż terz, ikollu l-attestazzjoni tax-xufier, ikun intitolat, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, iwettaq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ”.

6

L-Artikolu 9(1) tal-istess regolament jipprovdi li

“It-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ għandu jkun soġġett, sakemm mhux previst mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja, għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:a)

il-

kondizzjonijiet li jiggwidaw il-kuntratt tat-trasport;

[...]”.

7

Id-dritt tal-Unjoni jinkludi diversi atti relatati mas-sigurtà fit-toroq. Għaldaqstant, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 319) jistabbilixxi, fl-Artikoli 6 u 7 tiegħu, ir-regoli komuni dwar il-perijodi ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tas-sewwieqa. Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑11 ta’ Marzu 2002, dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 224) tistabbilixxi, fl-Artikoli 4 sa 7, rekwiżiti minimi dwar il-ħin massimu ta’ xogħol matul il-ġimgħa, il-perijodu ta’ waqfien, il-perijodu ta’ mistrieħ u x-xogħol ta’ bil-lejl. L-Artikoli 13 sa 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227), kif emendat bir-Regolament Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006 (ĠU L 102, p. 1), jistabbilixxu l-obbligi tal-persuna li timpjega u tas-sewwieqa dwar l-użu tal-apparat ta’ reġistrazzjoni u tal-formoli ta’ reġistrazzjoni. Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, p. 18), kif ukoll id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (ĠU L 263, p. 1) jistabbilixxu wkoll regoli komuni importanti dwar il-ħarsien tas-sigurtà fit-toroq.

Id-dritt Taljan

8

Minbarra d-diversi regolamenti dwar it-traffiku, b’mod partikolari, dawk relatati mal-kodiċi tat-triq, il-Liġi Nru 32, tal-1 ta’ Marzu 2005, li tiddelega lill-Gvern ir-riforma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport bit-triq tal-persuni u tal-merkanzija (GURI Nru 57, tal-10 ta’ Marzu 2005, p. 5), stabbilixxiet il-prinċipji u l-kriterji li jirregolaw l-organizzazzjoni mill-ġdid tat-trasport bit-triq. L-għan ta’ din il-liġi kien, b’mod partikolari, li tintroduċi liberalizzazzjoni rregolata u li tissostitwixxi s-sistema preċedenti ta’ tariffi obbligatorji skont il-kategoriji, stabbilita bil-Liġi Nru 298, tas-6 ta’ Ġunju 1974, b’sistema bbażata fuq negozjati ħielsa tal-prezzijiet għas-servizzi ta’ trasport bit-triq. Fost il-prinċipji u l-kriterji li jirregolaw din id-delega kien hemm ukoll l-adattament tar-regoli għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bl-għan ta’ suq miftuħ u kompetittiv, tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi kif ukoll tal-ħarsien tas-sigurtà tat-traffiku u tas-sigurtà soċjali.

9

B’applikazzjoni tad-delega msemmija iktar ’il fuq, il-Gvern Taljan adotta diversi digrieti leġiżlattivi bl-għan li jimplementaw l-imsemmija riforma.

10

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 284, tal-21 ta’ Novembru 2005, inkariga lill-Consulta sabiex teżerċita attivitaijiet proattivi, ta’ studju, ta’ sorveljanza u ta’ konsultazzjoni lill-awtoritajiet politiċi sabiex jiġu mfassla politiki ta’ intervent u strateġiji tal-Gvern fis-settur tat-trasport bit-triq. Il-Consulta hija kkostitwita minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istat, tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija tat-trasportaturi bit-triq, tal-assoċjazzjonijiet tal-mandanti u tal-impriżi u/jew ta’ organi li fihom l-Istat għandhu l-maġġoranza tal-ishma. Fid-data tal-fatti tal-kawżi prinċipali, hija kienet tinkludi 102 membri, permanenti u supplenti, imqassma kif ġej:

60 membru li jirrappreżentaw l-assoċjazzjonijiet tal-industrija tat-trasportaturi bit-triq u tal-mandanti;

36 membru li jirrappreżentaw l-awtoritajiet tal-Istat, u

6 membri li jirrappreżentaw l-impriżi u/jew organi li fihom l-Istat għandu l-maġġoranza tal-ishma.

11

Barra minn hekk, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 284, tal-21 ta’ Novembru 2005 stabbilixxa, bħala korp tal-Consulta, l-Osservatorio li jeżerċita, fost oħrajn, kompiti ta’ sorveljanza li jikkonċernaw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tat-traffiku u ta’ sigurtà soċjali u jaġġorna l-prattiki u l-użanzi applikabbli għall-kuntratti ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq konklużi oralment. Skont l-Artikolu 6(1)(g) ta’ dan id-digriet, l-Osservatorio huwa kompost minn għaxar membri magħżula mill-President tal-Consulta fost il-membri tagħha li għandhom kompetenzi speċifiċi fil-qasam tal-istatistika u tal-ekonomija. Fid-data li fiha l-kawżi prinċipali ġew mibdija, l-Osservatorio kellu għaxar membri, li tmienja minnhom kienu jirrappreżentaw l-assoċjazzjonijiet tat-trasportaturi bit-triq u tal-mandanti u t-tnejn l-oħra kienu jirrappreżentaw l-awtoritajiet tal-Istat.

12

Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 286, tal-21 ta’ Novembru 2005, li jimplementa l-liberalizzazzjoni rregolata jipprovdi, fl-Artikolu 4(1) tiegħu, li r-remunerazzjonijiet għas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq huma ddeterminati permezz ta’ negozjati ħielsa bejn il-partijiet tal-kuntratt ta’ trasport u, barra minn hekk jiżgura, fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-ħarsien tas-sigurtà fit-toroq billi jipprovdi li “l-klawżoli tal-kuntratti ta’ trasport li jinkludu modalitajiet u kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tas-servizzi li jmorru kontra r-regoli dwar is-sigurtà fit-toroq” huma invalidi. Għal dak li jikkonċerna l-kuntratti konklużi oralment, li jistgħu jkunu iktar ta’ ħsara għas-sitwazzjoni tal-kontraenti li huwa f’pożizzjoni dgħajfa, l-imsemmi digriet leġiżlattiv immodera l-prinċipju tal-libertà kuntrattwali billi pprovda l-applikazzjoni tal-prattiki u tal-użanzi tas-settur, li huma ddeterminati mill-Osservatorio.

13

L-Artikolu 83a tad-Digriet Liġi Nru 112, tal-25 ta’ Ġunju 2008, naqqas il-portata tal-liberalizzazzjoni tat-tariffi introdotta mid-Digriet‑Liġi Nru 286, tal-21 ta’ Novembru 2005, billi pprovda, għal dak li jikkonċerna l-kuntratti konklużi oralment, li r-remunerazzjoni dovuta mill-mandant ma tistax tkun inqas mill-ispejjeż minimi tal-operat li l-iffissar tagħhom intalbet li ssir mill-Osservatorio.

14

Dawn l-ispejjeż minimi jinkludu:

l-ispiża medja tal-karburant għal kull kilometru, għad-diversi tipi ta’ vetturi, iffissata għal kull xahar, u

il-parti, espressa f’perċentwali tal-ispejjeż tal-operat tal-impriżi tat-trasport bit-triq għal terzi rrappreżentata mill-ispejjeż tal-karburant, iffissata kull sitt xhur.

15

Ir-regoli inklużi fl-Artikolu 83a tad-Digriet‑Liġi Nru 112, tal-25 ta’ Ġunju 2008, ġew suġġetti għal emendi sinjifikattivi li eliminaw id-distinzjoni bejn il-kuntratti bil-miktub u l-kuntratti orali, filwaqt li awtorizzaw lill-Osservatorio sabiex jaġixxi wkoll dwar l-iffissar tat-tariffi tal-kuntratti bil-miktub u invokaw għal dan il-għan il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-osservanza tar-regoli ta’ sigurtà.

16

L-Artikolu 83a tad-Digriet‑Liġi Nru 112, tal-25 ta’ Ġunju 2008, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 83a tad-Digriet‑Liġi Nru 112/2008 kif emendat”), intitolat “Ħarsien tas-sigurtà fit-toroq u tal-funzjonament regolari tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq f’isem terzi”, jipprovdi:

“1.   L-Osservatorio msemmi fl-Artikolu 9 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286, tal-21 ta’ Novembru 2005, għandu jiddetermina kull xahar, fuq il-bażi ta’ sondaġġ xieraq u fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmula kull xahar mill-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku fuq il-prezz medju tad-diżil, l-ispiża medja tal-karburant għal kull kilometru, skont id-diversi tipi ta’ vetturi u l-impatt rispettiv.

2.   Skont it-tipi ta’ vetturi, l-Osservatorio għandu jiddetermina, fil-ħmistax-il jum ta’ Ġunju u ta’ Diċembru, il-parti, espressa f’perċentwali, tal-ispejjeż tal-operat tal-impriża tat-trasport bit-triq f’isem terzi rrappreżentata mill-ispejjeż tal-karburant.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 sa 11 ta’ dan l-artikolu għandhom l-għan li jirregolaw il-mekkaniżmi ta’ adattament tar-remunerazzjonijiet dovuti mill-mandant għall-ispejjeż tal-karburant sostnuti mit-trasportatur u huma suġġetti għal verifika, skont l-impatt tagħhom fuq is-suq, wara perijodu ta’ sena mid-data tad-dħul tagħhom fis-seħħ.

4.   Sabiex jiġi ggarantit il-ħarsien tas-sigurtà fit-toroq u l-funzjonament regolari tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq f’isem terzi, fil-kuntratt tat-trasport, konkluż bil-miktub, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286, tal-21 ta’ Novembru 2005, l-ammont li għandu jitħallas lit-trasportatur għandu jippermetti li għall-inqas jiġu koperti l-ispejjeż minimi tal-operat li jiggarantixxu, fi kwalunkwe każ, l-osservanza tal-parametri ta’ sigurtà previsti mil-liġi. Dawn l-ispejjeż minimi huma ddeterminati fil-kuntest tal-ftehimiet volontarji tas-settur, konklużi bejn l-assoċjazzjonijiet tat-trasportaturi rrappreżentati fil-Consulta, imsemmija fil-paragrafu 16, u l-assoċjazzjonijiet tal-mandanti. Dawn il-ftehimiet jistgħu wkoll jipprevedu kuntratti tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ta’ perijodi jew ta’ kwantitajiet iggarantiti, li permezz tagħhom huwa possibbli li ssir deroga mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preżenti, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7(3) u 7a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286, tal-21 ta’ Novembru 2005 u mid-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-azzjoni diretta.

4a.   Jekk il-ftehimiet volontarji previsti fil-paragrafu 4 ma jiġux konklużi fid-disa’ xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni preżenti, l-Osservatorio msemmi fl-Artikolu 6(1)(g) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 284, tal-21 ta’ Novembru 2005, għandu jiddetermina l-ispejjeż minimi, skont kif hemm previst fil-paragrafu 4. Wara li jiskadi l-ewwel perijodu, jekk f’terminu ta’ 30 jum addizzjonali, l-Osservatorio ma jkunx ipproċeda sabiex jadotta kalkoli tal-prezzijiet minimi, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 6 u 7 għandhom japplikaw ukoll għall-kuntratti ta’ trasport konklużi bil-miktub, għas-sempliċi finijiet tal-iffissar tar-remunerazzjoni.

4b.   Jekk il-fattura ssemmi remunerazzjoni inqas minn dak li huwa previst fil-paragrafu 4 jew fil-paragrafu 4a, l-azzjoni tat-trasportatur fil-konfront tal-mandant għall-ħlas tad-differenza hija preskritta f’terminu ta’ sena, mid-data tal-jum li fih ikun twettaq is-servizz ta’ trasport, sakemm ma jkunx hemm ftehim kuntrarju bbażat fuq ftehimiet volontarji tas-settur konklużi skont il-paragrafu 4.

4c.   B’deroga għal dak li huwa previst fil-paragrafi 4 u 4a, l-ammont tar-remunerazzjoni li għandu jitħallas lit-trasportatur għas-servizzi ta’ trasport imwettqa skont kuntratt konkluż bil-miktub, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286 tal-21 ta’ Novembru 2005, jista’ jiġi nnegozjat b’mod awtonomu mill-partijiet, meta s-servizzi msemmija iktar ’il fuq jitwettqu fil-limitu ta’ 100 kilometru kull jum, sakemm ma jkunx hemm ftehim kuntrarju bbażat fuq ftehimiet volontarji tas-settur fis-sens tal-paragrafu 4.

4d.   Fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, it-trasportatur huwa obbligat jipprovdi lill-mandant ċertifikat maħruġ mill-organi ta’ protezzjoni soċjali, bid-data ta’ mhux iktar minn tliet xhur qabel, li tindika li l-impriża hija fl-ordni fir-rigward ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali u tal-assigurazzjoni.

5.   Jekk il-kuntratt ikun jirrigwarda servizzi ta’ trasport li għandu jsir fuq perijodu ta’ iktar minn 30 jum, il-parti tar-remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-ispiża tal-karburant sostnuta mit-trasportatur għall-eżekuzzjoni tas-servizzi kuntrattwali, kif indikata fil-kuntratt jew fuq il-fatturi maħruġa b’riferiment għas-servizzi mwettqa mit-trasportatur matul l-ewwel xahar tal-validità tal-imsemmi kuntratt, hija adattata fuq il-bażi tal-varjazzjonijiet li jkunu seħħew fil-prezz tad-diżil iddeterminat skont il-paragrafu 1, jekk dawn il-varjazzjonijiet jeċċedu 2 % tal-valur ta’ riferiment meħud inkunsiderazzjoni fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt jew tal-aħħar adattament.

6.   Jekk il-kuntratt ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq ma jkunx ġie konkluż bil-miktub, skont l-Artikolu 6 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286 tal-21 ta’ Novembru 2005, il-fattura maħruġa mit-trasportatur tkun ta’ prova, għal finijiet legali u amministrattivi biss, tal-parti tar-remunerazzjoni dovuta mill-mandant li tikkorrispondi għall-ispiża tal-karburant sostnuta mit-trasportatur għall-eżekuzzjoni tas-servizzi kuntrattwali. Dan l-ammont għandu jikkorrispondi għar-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-ammont tal-ispiża fissa għal kull kilometru, għall-klassi li fiha taqa’ l-vettura użata għat-trasport, fis-sens tal-paragrafu 1, matul ix-xahar ta’ qabel dak li fih ikun ġie eżegwit it-trasport, bin-numru ta’ kilometri li jikkorrispondu għas-servizz indikat fuq il-fattura.

7.   Il-parti tar-remunerazzjoni dovuta lit-trasportatur, differenti minn dik indikata fil-paragrafu 6, għandha tikkorrispondi, bla ħsara għal dak li huwa dovut mill-mandant għall-ispiża tal-karburant, għal parti minn din l-istess remunerazzjoni li hija għall-inqas ugwali għal dik identifikata bħala korrispondenti għal spejjeż oħra li ma humiex l-ispejjeż tal-karburant imsemmija fil-paragrafu 2.

8.   Jekk il-parti tar-remunerazzjoni dovuta lit-trasportatur, minbarra dik imsemmija fil-paragrafu 6, tikkorrispondi għal ammont iżgħar minn dak indikat fil-paragrafu 7, it-trasportatur jista’ jitlob lill-mandant il-ħlas tad-differenza. Jekk il-kuntratt tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma jkunx sar bil-miktub, l-azzjoni tat-trasportatur tkun preskritta wara terminu ta’ ħames snin mid-data li fiha jkun intemm is-servizz ta’ trasport. Jekk il-kuntratt ta’ trasport ikun ġie konkluż bil-miktub, l-azzjoni tat-trasportatur tkun preskritta wara terminu ta’ sena, skont l-Artikolu 2951 tal-Kodiċi Ċivili.

9.   Jekk il-mandant ma jwettaqx il-pagament f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata, it-trasportatur jista’ jippreżenta, fil-ħmistax-il jum ta’ wara, taħt piena ta’ dekadenza, talba għal ordni ta’ ħlas permezz ta’ rikors quddiem il-qorti kompetenti, skont l-Artikolu 638 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, filwaqt li jippreżenta d-dokumenti dwar ir-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru tat-trasportaturi tal-merkanzija bit-triq għal terzi, iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura użata sabiex isir it-trasport, il-fattura li tindika r-remunerazzjoni inerenti għas-servizz ta’ trasport, id-dokumenti dwar l-eżekuzzjoni tal-ħlas tal-ammont indikat u l-kalkoli li permezz tagħhom hija ddeterminata r-remunerazzjoni addizzjonali dovuta lit-trasportatur skont il-paragrafi 7 u 8. Wara li tkun ivverifikat li d-dokumenti huma regolari u li l-kalkoli prodotti huma ġusti, il-qorti titlob lill-mandant, permezz ta’ deċiżjoni motivata, fis-sens tal-Artikolu 641 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jħallas mingħajr dewmien l-ammont dovut lit-trasportatur, billi jawtorizza l-eżekuzzjoni provviżorja tad-deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 642 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivilu u billi jiffissa t-terminu li matulu jista’ jiġi ppreżentat rikors, fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu I tat-Titolu I tal-Ktieb IV tal-istess kodiċi.

[...]

14.   Bla ħsara għas-sanzjonijiet previsti mill-Artikolu 26 tal-Liġi Nru 298 tas-6 ta’ Ġunju 1974 u l-modifiki tagħha sussegwenti kif ukoll mill-Artikolu 7 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286, tal-21 ta’ Novembru 2005, jekk applikabbli, kwalunkwe ksur tar-regoli msemmija fil-paragrafi 6, 7, 8 u 9 jirriżulta fl-esklużjoni, għal perijodu li jista’ jammonta għal sitt xhur, mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għall-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi, kif ukoll l-esklużjoni għal perijodu ta’ sena mill-vantaġġi fiskali, finanzjarji u ta’ previdenza ta’ kull tip previsti mil-liġi.

15.   Is-sanzjonijiet indikati fil-paragrafu 14 huma applikati mill-awtorità kompetenti.

16.   Is-sanzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 14 ma humiex applikati jekk il-partijiet ikunu kkonkludew kuntratt ta’ trasport skont ftehim volontarju ffirmat bejn il-parti l-kbira tal-organizzazzjonijiet assoċjattivi tat-trasportaturi bit-triq u tal-utenti ta’ servizzi ta’ trasport irrappreżentati fil-Consulta bl-għan li jirregolaw l-iżvolġiment ta’ servizzi ta’ trasport f’settur kummerċjali speċifiku.

[...]”

17

Mit-12 ta’ Settembru 2012, il-funzjonijiet tal-Osservatorio ġew attribwiti bil-liġi lil dipartiment tal-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

18

Fl-assenza ta’ ftehimiet volontarji previsti mill-Artikolu 83a(4) u (4a) tad-Digriet‑Liġi Nru 112/2008 kif emendat, fil-21 ta’ Novembru 2011, l-Osservatorio adotta serje ta’ tabelli li jiffissaw l-ispejjeż minimi tal-operat tal-impriżi ta’ trasport bit-triq għal terzi. Dawn it-tabelli ġew riprodotti fid-digriet tad-Direttur Ġenerali tal-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport tat-22 ta’ Novembru 2011.

19

L-intestaturi tal-ispejjeż fit-tabelli msemmija iktar ’il fuq huma kkalkolati għal ħames kategoriji ta’ vetturi skont il-massa massima għat-tagħbija totali, filwaqt li tidentifika għadd medju ta’ kilometri fis-sena u konsum medju ta’ diżil għal kull kilometru. L-ispejjeż jinkludu dawk relatati mat-trakters tat-triq, mas-semi-karrijiet, mal-manutenzjoni, max-xogħol tas-sewwieqa impjegati fuq il-bażi ta’ ftehim kollettiv fis-seħħ, mal-assigurazzjonijiet, mal-manutenzjoni fuq il-vetturi u mal-liċenzji, mat-tajers, mal-karburant, mal-pedaġġi tal-awtostrada u mal-organizzazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea ssemmi, bħala eżempju, li l-vetturi li ma jiżnux iktar minn 3.5 tunnellata u għal vjeġġi ta’ bejn 101 kilometru u 150 kilometru, l-ispejjeż tal-operat stabbiliti skont l-Artikolu 83a(2) tad-Digriet‑Liġi Nru 112/2008 kif emendat, jammontaw għal EUR 0.999 għal kull kilometru, filwaqt li l-ispejjeż minimi tal-operat skont l-Artikolu 83a(4) u 4a tal-imsemmi digriet huma ta’ EUR 0.909 għal kull kilometru u l-ispiża tal-karburant ta’ EUR 0.122 għal kull kilometru.

20

L-Osservatorio stabbilixxa wkoll il-formula tal-adattament perijodiku tal-ispejjeż tal-operat u, konsegwentement, tat-tariffi tat-trasport bit-triq. Dan l-organu rranġa l-valuri stabbiliti meta ġew iffissati l-ewwel darba, billi fl-14 u l-21 ta’ Diċembru 2011 adotta l-atti intitolati “Pubblikazzjoni perijodika tal-ispejjeż tal-operat tal-impriżi tat-trasport bit-triq għal terzi u tal-ispejjeż minimi tal-operat li jiggarantixxu l-osservanza tal-parametri ta’ sigurtà”.

21

Il-kawżi prinċipali jirriżultaw minn serje ta’ rikorsi għal annullament, prinċipali u supplimentari, ippreżentati quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio kontra l-atti li bihom l-Osservatorio stabbilixxa l-ispejjeż minimi fis-sens tal-Artikolu 83a tad-Digriet‑Liġi Nru 112/2008 kif emendat.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Taljana tintroduċi sistema rreglata tal-iffissar tal-ispejjeż minimi tal-operat, li tirrestrinġi l-libertà kuntrattwali u l-libertà li jiġi ddeterminat wieħed mill-elementi essenzjali tal-kuntratt, anki jekk huwa bl-għan li tiżgura l-osservanza tar-regoli ta’ sigurtà.

23

In-neċessità li tiġi ppreżervata s-sigurtà fit-toroq hija preżenti fid-dritt tal-Unjoni, iżda l-qorti tar-rinviju tiddubita li l-bilanċ stabbilit bejn il-valuri kunfliġġenti mill-Artikolu 83a tad-Digriet‑Liġi Nru 112/2008 kif emendat huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13:

“1)

Il-protezzjoni tal-kompetizzjoni libera, tal-moviment liberu tal-impriżi, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (previsti fl-Artikoli 4(3) TUE u fl-Artikoli 101, 49, 56 u 96 TFUE) hija kompatibbli, u sa fejn, ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi spejjeż minimi tal-operat fis-settur tat-trasport bit-triq li jinvolvu l-iffissar, permezz ta’ fatturi esterni, ta’ element kostituttiv tar-remunerazzjoni għas-servizz u, għalhekk, tal-prezz kuntrattwali?

2)

Limitazzjonijiet għall-imsemmija prinċipji jistgħu jkunu ġġustifikati, u taħt liema kundizzjonijiet, mill-ħtieġa li jiġi ssalvagwardat l-interess pubbliku tas-sigurtà fit-toroq, u dan l-għan jista’ jiġġustifika l-iffissar ta’ spejjeż minimi tal-operat kif jipprovdu r-regoli stabbiliti bl-Artikolu 83a tad-Digriet-Liġi Nru 112/2008 kif emendat?

3)

F’din il-perspettiva, l-iffissar ta’ spejjeż minimi tal-operat, jista’ jsir permezz ta’ ftehim settorjali konklużi bejn l-operaturi kkonċernati u, sussidjarjament, permezz ta’ organi magħmula fil-parti l-kbira tagħhom minn persuni li jirrappreżentaw lill-operaturi ekonomiċi privati tas-settur, fl-assenza ta’ kriterji stabbiliti minn qabel fuq livell leġiżlattiv?”

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju 2013, il-Kawżi C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

26

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll l-Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE u 96 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li permezz tagħha l-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq għal terzi ma jistax ikun inqas mill-ispejjeż minimi tal-operat, li huma ffissati minn organu kompost prinċipalment minn rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

27

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tipprevedi li l-ispejjeż minimi tal-operat huma stabbiliti, prinċipalment, fil-kuntest ta’ ftehimiet volontarji tas-settur, konklużi mill-assoċjazzjonijiet professjonali tat-trasportaturi u tal-mandanti, sussidjarjament, fl-assenza ta’ tali ftehimiet, mill-Osservatorio u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ dan tal-aħħar, direttament mill-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport. Matul il-perijodu ta’ bejn Novembru 2011 u Awwissu 2012, kopert mill-kawżi prinċipali, l-ispejjeż minimi tal-operat ġew effettivament iffissati mill-Osservatorio.

Fuq id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni

28

Għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 101 TFUE jikkonċerna biss l-aġir tal-impriżi u ma jirrigwardax miżuri leġiżlattivi jew regolamentari li joħorġu mill-Istati Membri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan l-Artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, li jistabbilixxi obbligu ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, jimponi lil dawn tal-aħħar sabiex ma jadottawx jew ma jżommux fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ara s-sentenzi Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, EU:C:2006:758, punt 46, kif ukoll Sbarigia, C‑393/08, EU:C:2010:388, punt 31).

29

Ikun hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, meta Stat Membru jew jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ akkordji li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE jew isaħħaħ l-effetti ta’ tali akkordji, jew ineħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tagħha billi jiddelega lill-operaturi privati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet għal intervent ta’ interess ekonomiku (ara s-sentenzi Centro Servizi Spediporto, C‑96/94, EU:C:1995:308, punt 21; Arduino, C‑35/99, EU:C:2002:97, punt 35, kif ukoll Cipolla et, EU:C:2006:758, punt 47).

30

B’mod partikolari, fis-sentenza Centro Servizi Spediporto (EU:C:1995:308), adita b’domanda simili fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Taljana fis-seħħ f’dak iż-żmien li kienet tistabbilixxi sistema ta’ tariffi obbligatorji skont il-kategoriji, li tinkludi limitu massimu u limitu minimu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li meta leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprovdi li t-tariffi tat-trasport bit-triq tal-merkanzija huma approvati u magħmula eżekuttivi mill-awtorità pubblika, fuq il-bażi ta’ proposti ta’ kumitat, jekk dan ikun kompost minn maġġoranza ta’ rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi, flimkien ma’ minoranza ta’ rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, u għandu josserva fil-proposti tiegħu ċerti kriterji ta’ interess pubbliku, l-iffissar ta’ dawn it-tariffi ma jistax jitqies bħala akkordju bejn operaturi ekonomiċi privati impost jew ippreferut mill-awtoritajiet pubbliċi jew li tiegħu dawn tal-aħħar saħħew l-effetti u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet pubbliċi ma ddelegawx il-kompetenzi tagħhom lil operaturi ekonomiċi privati billi jieħdu inkunsiderazzjoni, qabel l-approvazzjoni tal-proposti, osservazzjonijiet ta’ organi pubbliċi u privati oħrajn, jew anki billi jiffissaw it-tariffi ex officio.

31

Fis-sentenza Librandi (C‑38/97, EU:C:1998:454), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex imminati mill-fatt li r-rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi ma humiex iktar fil-minoranza fi ħdan dan il-kumitat, sakemm it-tariffi jkunu ffissata fl-osservanza tal-kriterji ta’ interess pubbliku ddefiniti mil-liġi u li l-awtoritajiet pubbliċi ma jiddelegawx il-prerogattivi tagħhom lil operaturi privati billi jieħdu inkunsiderazzjoni, qabel l-approvazzjoni tal-proposti, osservazzjonijiet ta’ organi pubbliċi u privati oħrajn, jew anki billi jiffissaw it-tariffi ex officio.

32

Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tippermettix li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ akkordju bejn operaturi ekonomiċi privati, għandu jiġi rrilevat li l-kumitat li fil-kawżi prinċipali stabbilixxa l-ispejjeż minimi tal-operat, jiġifieri l-Osservatorio, huwa kompost prinċipalment minn rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet professjonali tat-trasportaturi u minn mandanti. Fil-fatt, fid-data tal-fatti tal-kawżi prinċipali, fost l-għaxar membri tal-Osservatorio magħżula mill-President tal-Consulta, tmienja kienu jirrappreżentaw l-espressjoni tal-assoċjazzjonijiet tat-trasportaturi u tal-mandanti, filwaqt li d-digriet ta’ nomina ta’ dawn il-membri kien jindika, barra minn hekk, li kienu nnominati “bħala rappreżentanti” tal-assoċjazzjoni jew tal-impriża li tagħha jagħmlu parti.

33

Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tal-Osservatorio huma approvati bil-maġġoranza tal-membri tagħha, mingħajr ma rappreżentant tal-Istat għandu dritt ta’ veto jew ta’ vot deċiżiv li jista’ jibbilanċja mill-ġdid ir-relazzjonijiet ta’ forza bejn l-amministrazzjoni u s-settur privat, bid-differenza tas-sitwazzjoni inkwistjoni fis-sentenzi Reiff (C‑185/91, EU:C:1993:886, punt 22), Delta Schiffahrts- und Speditionsgesellschaft (C‑153/93, EU:C:1994:240, punt 21), Centro Servizi Spediporto (EU:C:1995:308, punt 27), u Librandi (EU:C:1998:454, punt 35).

34

It-tariffa stabbilita minn tali organizzazzjoni professjonali tista’, hija wkoll, ikollha natura pubblika, b’mod partikolari meta l-membri ta’ din l-organizzazzjoni jkunu esperti indipendenti mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati u li jkunu obbligati bil-liġi, li jiffissaw it-tariffi billi jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interessi tal-impriżi jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi tas-settur li jkunu nnominawhom, imma wkoll l-interess ġenerali u l-interessi ta’ impriżi ta’ setturi oħrajn jew tal-utenti tas-servizzi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Reiff, EU:C:1993:886, punti 17 sa 19 u 24; Delta Schiffahrts- und Speditionsgesellschaft, EU:C:1994:240, punti 16 sa 18 u 23; DIP et, C‑140/94 sa C‑142/94, EU:C:1995:330, punti 18 u 19; Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑35/96, EU:C:1998:303, punt 44, kif ukoll Arduino, EU:C:2002:97, punt 37).

35

Madankollu, skont l-indikazzjonijiet inklużi fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi lill-Consulta u lill-Osservatorio ma tindikax il-prinċipji ta’ gwida li dawn l-organi għandhom jikkonformaw magħhom u ma tinkludi ebda dispożizzjoni tali li tipprojbixxi lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet professjonali milli jaġixxu fl-interess esklużiv tal-professjoni.

36

Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu s-sistema tal-ispejjeż minimi tal-operat u li jagħtu lill-Osservatorio s-setgħa li jiffisshom, għandu jiġi rrilevat li, huwa minnu li l-Artikolu 83a(4) tad-Digriet‑Liġi Nru 112/2008 kif emendat, minn naħa, jirreferi għall-għanijiet tal-ħarsien tas-sigurtà fit-toroq u tal-funzjonament regolari tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq għal terzi u, min-naħa l-oħra, jipprevedi li dawn l-ispejjeż minimi tal-operat għandhom, fi kwalunkwe każ, jiggarantixxu l-osservanza tal-parametri tas-sigurtà previsti minn din il-liġi.

37

Madankollu, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali sempliċement tirreferi b’mod vag għall-ħarsien tas-sigurtà fit-toroq u tħalli, barra minn hekk, lill-membri tal-Osservatorio marġni ta’ diskrezzjoni u ta’ awtonomija wiesa’ ħafna fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ispejjeż minimi tal-operat fl-interess tal-organizzazzjonijiet professjonali li nnominawhom. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward il-Kummissjoni tosserva li minuti ta’ laqgħa tal-Osservatorio jagħmlu riferiment għal fatt li meta l-membri tiegħu sabu li ma setgħux jaqblu dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispejjeż minimi tal-operat, wieħed minnhom esprima l-oppożizzjoni tiegħu abbażi tal-interessi tal-assoċjazzjoni professjonali li kien jirrappreżenta u mhux abbażi tal-interessi pubbliċi.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali la tinkludi modalitajiet proċedurali u lanqas rekwiżiti sostantivi li jistgħu jiżguraw li meta jistabbilixxi l-ispejjeż minimi tal-operat, l-Osservatorio jġib ruħu bħala parti mill-awtorità pubblika li taġixxi għal finijiet tal-interess ġenerali.

39

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet pubbliċi ddelegawx il-kompetenzi tagħhom, fil-qasam tal-iffissar tat-tariffi, lil operaturi privati, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 83a(1), (2) u (4a) tad-Digriet‑Liġi Nru 112/2008 kif emendat sempliċement jipprovdi li l-Osservatorio “jiffissa” d-diversi tipi ta’ spejjeż imsemmija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorità pubblika ma teżerċita ebda forma ta’ stħarriġ fuq l-evalwazzjonijiet tal-Osservatorio dwar il-kriterji għall-iffissar tal-ispejjeż minimi tal-operat jew il-valur iffissat.

40

Bl-istess mod, ma jidhirx li korpi oħra jew assoċjazzjonijiet pubbliċi huma kkonsultati qabel ma dawn l-ispejjeż jiġu trasposti f’digriet u magħmula eżekuttivi.

41

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-kompożizzjoni u tal-mod kif jiffunzjona l-Osservatorio, minn naħa, u tal-assenza kemm ta’ kriterji ta’ interess pubbliku ddefiniti mil-liġi b’mod suffiċjentement preċiż sabiex jiġi ggarantit li r-rappreżentanti tat-trasportaturi u tal-mandant joperaw b’mod effettiv fl-osservanza tal-interess pubbliku ġenerali li l-liġi tipprova tilħaq, kif ukoll ta’ stħarriġ effettiv u tas-setgħa deċiżjonali fl-aħħar istanza min-naħa tal-Istat, min-naħa l-oħra, l-Osservatorio għandu jitqies li huwa assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE meta huwa jadotta deċiżjonijiet li jiffissaw l-ispejjeż minimi tal-operat għat-trasport bit-triq bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

42

Sussegwentement, sabiex ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni japplikaw għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u jrendu obbligatorji l-ispejjeż minimi tal-operat stabbiliti mill-Osservatorio, dawn għandhom ikunu jistgħu jillimitaw ir-rwol tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq intern.

43

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-iffissar tal-ispejjeż minimi tal-operat, magħmula obbligatorji minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u li jipprekludu lill-impriżi milli jistabbilixxu tariffi inferjuri għal dawn l-ispejjeż, huwa ugwali għall-iffissar orizzontali ta’ tariffi minimi imposti.

44

Għal dak li jirrigwarda l-effett ħażin fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, huwa biżżejjed li jitfakkar li akkordju li jkun mifrux fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida d-diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat FUE (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:1998:303, punt 48, kif ukoll Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 45).

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-iffissar tal-ispejjeż minimi tal-operat għat-trasport bit-triq, magħmul obbligatorju permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jista’ jirrestrinġi r-rwol tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

46

Fl-aħħar nett, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li trendi vinkolanti deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li għandha bħala għan jew bħala effett li tirrestrinġi l-kompetizzjoni jew li tirrestrinġi l-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet jew ta’ waħda minnhom ma taqax neċessarjament fl-ambitu tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE.

47

Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal każ partikolari, għandu qabel kollox jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest globali li fih ġiet adottata jew toħloq l-effetti tagħha deċiżjoni tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi inkwistjoni u b’mod iktar partikolari tal-għanijiet tagħha. Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li jirriżultaw minnha humiex inerenti għat-tfittxija tal-imsemmija għanijiet (ara s-sentenzi Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 97, kif ukoll Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 53).

48

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mistħarreġ jekk ir-restrizzjonijiet hekk imposti mir-regoli inkwistjoni fil-kawżi prinċipali humiex limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ għanijiet leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Meca-Medina u Majcen vs Il‑Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 47, kif ukoll Consiglio nazionale dei geologi u Autorità garante della concorrenza e del mercato, EU:C:2013:489, punt 54).

49

Madankollu, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 47 u 48 tas-sentenza preżenti tapplikax għal leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ftehim orizzontali fuq il-prezz, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi ġġustifikata minn għan leġittimu.

50

Skont l-Artikolu 83a(4) tad-Digriet‑Liġi Nru 112/2008 kif emenda, l-iffissar tal-ispejjeż minimi tal-operat huwa intiż li jħares, b’mod partikolari, is-sigurtà fit-toroq.

51

Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-ħarsien tas-sigurtà fit-toroq jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu, l-iffissar tal-ispejjeż minimi tal-operat madankollu ma jidhirx adatt, la direttament u lanqas indirettament, sabiex jiggarantixxi li dan jitwettaq.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija sempliċement intiża, b’mod ġenerali, għall-ħarsien tas-sigurtà fit-toroq, mingħajr ma tistabbilixxi kwalunkwe rabta bejn l-ispejjeż minimi tal-operat u l-infurzar tas-sigurtà fit-toroq.

53

Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali hija biss xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat jekk hija tissodisfa, b’mod reali, ix-xewqa li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara s-sentenzi Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55, u Attanasio Group, C‑384/08, EU:C:2010:133, punt 51).

54

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għalkemm l-“ispiża minima”, fis-sens tal-Artikolu 83a tad-Digriet‑Liġi Nru 112/2008 kif emendat, għandha tirrappreżenta l-ammont minimu, iddeterminat b’mod oġġettiv, li fil-każ ta’ ammont inferjuri minnu ma huwiex possibbli li jiġu ssodisfatti l-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ħarsien tas-sigurtà fit-toroq, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tipprevedi madankollu xi eċċezzjonijiet. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 83a(4c) tad-Digriet‑Liġi Nru 112/2008 kif emendat, l-iffissar tar-remunerazzjoni jitħalla għan-negozjati ħielsa tal-partijiet, meta l-provvisti ta’ servizzi ta’ trasport jitwettqu fil-limitu ta’ 100 kilometru kull jum. Bl-istess mod, il-paragrafu 16 tal-imsemmi artikolu jipprovdi l-possibbiltà ta’ deroga, permezz ta’ ftehimiet settorjali, mill-ispiża minima ffissata mill-Osservatorio.

55

Fi kwalunkwe każ, il-miżuri inkwistjoni jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju. Minn naħa, huma ma jippermettux lit-trasportatur jipprova li, minkejja li huwa joffri prezzijiet inferjuri għat-tariffi minimi stabbiliti, huwa jikkonforma ruħu kompletament mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tas-sigurtà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Outokumpu Oy, C‑213/96, EU:C:1998:155, punt 39, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C‑446/03, EU:C:2005:763, punti 54 sa 56).

56

Min-naħa l-oħra, jeżistu diversi regoli, inklużi dawk tad-dritt tal-Unjoni, imsemmija fil-punt 7 tas-sentenza preżenti, intiżi speċifikament għas-sigurtà fit-toroq, li jikkostitwixxu miżuri iktar effikaċi u inqas restrittivi, bħar-regoli tal-Unjoni dwar il-ħin massimu ta’ xogħol matul il-ġimgħa, il-perijodu ta’ waqfien, il-perijodu ta’ mistrieħ u x-xogħol ta’ bil-lejl u l-kontroll tekniku tal-vetturi. L-osservanza rigoruża ta’ dawn ir-regoli tista’ effettivament tiżgura l-livell ta’ sigurtà fit-toroq adegwat.

57

Minn dan isegwi li l-iffissar tal-ispejjeż minimi tal-operat ma jistax jiġi ġġustifikat minn għan leġittimu.

58

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li permezz tagħha l-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq għal terzi ma jistax ikun inqas mill-ispejjeż minimi tal-operat, li huma ffissati minn organu kompost prinċipalment minn rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

Fuq il-prinċipji ta ’ moviment liberu u l-politika tat-trasport

59

Fid-dawl tar-risposta ta’ hawn fuq, ma huwiex neċessarju li tingħata interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE u 96 TFUE.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li permezz tagħha l-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq għal terzi ma jistax ikun inqas mill-ispejjeż minimi tal-operat, li huma ffissati minn organu kompost prinċipalment minn rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.