SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Mejju 2013 ( *1 )

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI — Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) — Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri — Regola tal-ispeċjalità — Talba għall-estensjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li ġġustifika l-konsenja jew it-talba għall-konsenja sussegwenti lil Stat Membru ieħor — Deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jagħti l-kunsens — Rikors għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Ammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑168/13 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil constitutionnel (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ April 2013, fil-proċedura

Jeremy F.

vs

Premier ministre,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, G. Arestis, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Mejju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal F., minn C. Waquet, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard u B. Beaupère-Manokha kif ukoll minn G. de Bergues, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Gvern Irlandiż, minn E. Regan, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Schillemans, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità mqajma mill-Cour de cassation (Franza), fl-okkażjoni ta’ appell ippreżentat minn F. mis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013 tal-awla istruttorja tal-Cour d’appel de Bordeaux (Franza), li tagħti l-kunsens għal talba għall-estensjoni ta’ konsenja ppreżentata mill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit, għal reat imwettaq qabel il-konsenja tiegħu, apparti dak li mmotiva l-mandat ta’ arrest Ewropew inizjali maħruġ kontrih mill-Crown court at Maidstone (ir-Renju Unit).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Intitolat “Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja”, l‑Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal‑Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il‑“KEDB”) jipprovdi:

“1.   Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma g]andu jiġi ipprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skond il-proċedura preskritta bil-liġi:

[…]

f)

l-arrest jew id-detenzjoni skond il-liġi ta’ persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew ta’ persuna li kontra tagħha tkun qed issir kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni.

2.   Kull min ikun arrestat għandu jiġi nfurmat minnufih, f’lingwa li jifhem, dwar ir-raġunijiet ta’ l-arrest tiegħu u dwar kull akkuża kontra tiegħu.

[…]

4.   Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b’arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skond il-liġi.

[…]”

4

L-Artikolu 13 KEDB, intitolat “Dritt għal rimedju effettiv”, jipprovdi li:

“Kull min ikollu miksura d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu kontemplati f ’din il-Konvenzjoni għandu jkollu rimedju effettiv quddiem awtorità nazzjonali għalkemm dak il-ksur ikun sar minn persuni li jkunu qed jaġixxu f’kariga uffiċjali.”

Id-dritt tal-Unjoni

5

Mill-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Ungerija jaċċettaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari fuq l-atti msemmija fl-Artikolu 35 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Diċembru 2005 (ĠU L 327, p. 19), jirriżulta li r-Repubblika Franċiża għamlet dikjarazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha hija aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi skont il-proċeduri previsti fl-Artikolu 35(3)(b) UE.

6

Skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattat FUE, l-effetti legali tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni adottati abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona għandhom jiġu ppreżervati sakemm dawk l-atti jiġu rrevokati, isiru nulli jew jiġu emendati fl-implementazzjoni ta’ dawn it-Trattati. Skont l-Artikolu 10(1) tal-istess protokoll, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel id-dħul tat-Trattat ta’ Lisbona, għandhom jibqgħu l-istess, inkluż fejn dawn ġew aċċettati taħt l-Artikolu 35(2) UE.

7

Il-premessi 5, 7, 8, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas huma fformulati kif ġej:

“(5)

L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

[…]

(7)

Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat- 13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(8)

Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

[…]

(10)

Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)

Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-“Karta”], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid tal-konsenja ta’ persuna li għaliha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-fini ta’ l-issoktar ta’ l-azzjoni kriminali jew il-kastig ta’ persuna għal raġunijiet ta’ sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi ppreġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] ma twaqqafx lil Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu relatati mal-proċess ġust, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni f’mezzi tax-xandir oħra.”

8

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas jiddisponi li:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

9

L-Artikoli 3, 4, 4a, 5, 8 u 9 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdu r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti meta l-persuna kkonċernata ma tidhirx personalment u f’każijiet speċifiċi oħra, kif ukoll il-kontenut, il-forma u t-trażmissjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas jiddetermina l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għall-emissjoni u għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

10

Bit-titolu “Kunsens għall-konsenja”, l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Qafas jiddisponi fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Jekk il-persuna arrestata tindika li tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja, dak il-kunsens u, jekk adatt, rinunzja espressa għall-benefiċċju tar-“regola ta’ l-ispeċjalità”, imsemmija fl-Artikolu 27(2), għandhom jingħataw quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, skond il-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni.

[…]

4.   Fil-prinċipju, il-kunsens ma jistax jiġi rrevokat. Kull Stat Membru jista’ jipprevedi li l-kunsens u, jekk adatt, ir-renunzja jistgħu jiġu rrevokati, skond ir-regoli applikabbli taħt il-liġi domestika tiegħu. F’dan il-każ, il-perjodu bejn id-data tal-kunsens u dik tar-revoka tiegħu m’għandux jiġi kkunsidrat fl-istabbiliment tal-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17. Stat Membru li jixtieq li jkollu rikors għal din il-possibbiltà għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill kif meħtieġ meta din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tiġi adottata u għandu jispeċifika l-proċeduri li permezz tagħhom għandha tkun possibbli r-revoka tal-kunsens u kwalunkwe emenda għalihom.”

11

L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas], jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

12

L-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas intitolat “Limiti ta’ żmien u proċeduri għad-deċiżjoni ta’ l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew” jipprovdi:

“1.   Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza.

2.   F’każijiet fejn il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 10 ijiem mill-għoti tal-kunsens.

3.   F’kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60 jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta.

4.   Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’dan il-każ, il-limiti ta’ żmien jistgħu jiġu estiżi b’ 30 jum ieħor.

5.   Sakemm l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, hija għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva tal-persuna jibqgħu sodisfatti.

6.   Għandhom jingħataw raġunijiet għal kwalunkwe ċaħda għall-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

7.   Fejn f’ċirkostanzi eċċezzjonali Stat Membru ma jistax iħares il-limiti ta’ żmien previsti f’dan l-Artikolu, huwa għandu jinforma lill-Eurojust, waqt li jagħti r-raġunijiet għad-dewmien. Barra dan, Stat Membru li esperjenza dewmien ripetut min-naħa ta’ Stat Membru ieħor fl-esekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej għandu jinforma lill-Kunsill bil-għan li tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] fil-livell ta’ l-Istati Membri.”

13

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni-Qafas, intitolat “Privileġġi u Immunitajiet”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-persuna rikjesta tgawdi minn privileġġ jew immunità fir-rigward ta’ ġurisdizzjoni jew esekuzzjoni fl-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, il-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 17 għandhom jibdew jiddekorru biss jekk, u mill-jum meta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tiġi infurmata bil-fatt li l-privileġġ jew l-immunità ġew rinunzjati.

L-Istat Membru ta’ esekuzzjoni għandu jiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva huma sodisfatti meta l-persuna ma tibqax tgawdi minn dan il-privileġġ jew l-immunità.”

14

L-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Kunflitt ta’ obbligi internazzjonali”, jistabbilixxi:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] m’għandhiex tkun ta’ preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni fejn il-persuna rikjesta ġiet estradita lejn dak l-Istat Membru minn Pajjiż terz u fejn dik il-persuna hi protetta minn dispożizzjonijiet ta’ l-arranġament dwar l-ispeċjalità skond liema l-persuna kienet estradita. L-Istat Membru ta’ esekuzzjoni għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għat-talba minnufih tal-kunsens ta’ l-Istat li minnu ġiet estradita l-persuna rikjesta biex il-persuna tista’ tiġi konsenjata lill-Istat Membru li ħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew. Il-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 17 m’għandhomx jibdew jiddekorru sal-jum li fiha ma jibqgħux japplikaw dawn ir-regoli ta’ l-ispeċjalità. Sakemm tittieħed id-deċiżjoni ta’ l-Istat li minnu kienet estradita l-persuna rikjesta, l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni jiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva jibqaw sodisfatti.”

15

Bit-titolu “Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra”, l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta’ esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.   Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.

3.   Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

[…]

g)

fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4.

4.   Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.

Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 l-Istat Membru emittenti għandu jagħti l-garanziji previsti fih.”

16

Skont l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Konsenja jew estradizzjoni sussegwenti”:

“1.   Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens għall-konsenja ta’ persuna lil Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni skond mandat ta’ arrest Ewropew li nħareġ għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha hu kkunsidrat li ngħata, ħlief jekk f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tiddikjara mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.

2.   Fi kwalunkwe każ, persuna li ġiet konsenjata lill-Istat Membru emittenti skond mandat ta’ arrest Ewropew tista’, mingħajr il-kunsens ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, tiġi konsenjata lil Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni skond mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal kwalunkwe reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha fil-każijiet li ġejjin:

[…]

c)

fejn il-persuna rikjesta mhijiex soġġetta għar-regola ta’ l-ispeċjalità, skond l-Artikolu 27(3)(a), (e), (f) u (g).

3.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tagħti l-kunsens għall-konsenja lil Stat Membru ieħor skond ir-regoli li ġejjin:

a)

it-talba għall-kunsens għandha tiġi ppresentata skond l-Artikolu 9, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u t-traduzzjoni kif iddikjarat fl-Artikolu 8(2);

b)

il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu fih innifsu soġġett għal konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas];

c)

id-deċiżjoni għandha tittieħed mhux iktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba;

d)

kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4.

Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5, l-Istat Membru emittenti għandu jagħti l-garanziji previsti fih.

[…]”

17

L-Artikolu 31 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Relazzjoni ma’ strumenti legali oħra”, jistabbilixxi fit-tieni u fit-tielet inċiż tal-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu strumenti ta’ ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara li din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tkun daħlet fis-seħħ safejn dawn l-istrumenti ta’ ftehim jew arranġamenti jippermettu li l-provvedimenti ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] jkunu estiżi jew imwessgħa u jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għall-konsenja ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ mandati ta’ arrest Ewropej, b’mod partikolari billi jistabbilixxu limiti ta’ żmien iżjed qosra minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 17, billi jestendu l-lista ta’ reati stabbiliti fl-Artikolu 2(2), billi jillimitaw aktar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, jew billi jnaqqsu l-limitu previst fl-Artikolu 2(1) jew (2).

L-istrumenti ta’ ftehim u l-arranġamenti msemmija fit-tieni subparagrafu fl-ebda każ ma jistgħu jaffetwaw ir-relazzjonijiet ma’ Stati Membri li mhumiex partijiet għalihom.”

Id-dritt Franċiż

18

L-Artikolu 695‑46 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, kif emendat bil-Liġi Nru 2009‑526, tat-12 ta’ Mejju 2009, li tissemplifika u tiċċara l-liġi u tħaffef il-proċeduri ssemplifikati (JORF tat-13 ta’ Mejju 2009, p. 7920), huwa intiż sabiex jimplementa l-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni Qafas fid-dritt Franċiż. Dan l-Artikolu 695-46 huwa fformulat kif ġej:

“L-awla istruttorja li quddiemha dehret il-persuna rikjesta hija adita b’kull talba mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti sabiex tagħti l-kunsens għal azzjoni jew għall-infurzar ta’ piena jew għal ordni ta’ detenzjoni imposta għal reati oħra li ma humiex dawk li mmotivaw il-konsenja u li twettqu qabel dawn.

L-awla istruttorja hija wkoll kompetenti sabiex tiddeċiedi, wara l-konsenja tal-persuna rikjesta, fir-rigward ta’ kull talba tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti sabiex tagħti l-kunsens għall-konsenja tal-persuna rikjesta lil Stat Membru ieħor għal azzjoni jew għall-eżekuzzjoni ta’ piena jew għal ordni ta’ detenzjoni għal kwalunkwe fatt preċedenti għall-konsenja u li huwa differenti mir-reat li mmotiva din l-azzjoni.

Fiż-żewġ każijiet, proċess verbali li jinkludi d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonsenjata huwa wkoll trażmess mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti u sottomess lill-awla istruttorja. Dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jiġu kkompletati permezz tal-osservazzjonijiet magħmula minn avukat tal-għażla tiegħu jew, alternattivament, maħtur ex officio mill-President tal-ordni tal-avukati.

L-awla istruttorja tiddeċiedi, mingħajr ma dan jista’ jkun suġġett għal appell, wara li tiżgura li t-talba tinkludi wkoll l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 695‑13 u wara li tkun kisbet, jekk ikun il-każ, il-garanziji fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 695‑32 , f’terminu ta’ tletin jum minn meta tirċievi t-talba.

Il-kunsens għandu jingħata meta l-azzjonijiet li fir-rigward tagħhom huwa rikjest jikkostitwixxu wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 695‑23, u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 695‑12.

Il-kunsens huwa rrifjutat għal kwalunkwe raġuni msemmija fl-Artikoli 695‑22 u 695‑23 u jista’ jkun irrifjutat għal wieħed minn dawk imsemmija fl-Artikolu 695‑24.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19

Fil-25 ta’ Settembru 2012, il-Crown court at Maidstone ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra r-rikorrent fil-kawża prinċipali, ċittadin tar-Renju Unit, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra dan tal-aħħar minħabba fi fatti mwettqa f’dan l-Istat Membru li jistgħu jiġu kkwalifikati, fid-dritt Ingliż, bħala ħtif ta’ minuri, reat li għalih huwa previst piena massima ta’ seba’ snin priġunerija.

20

Interpellat fi Franza fit-28 ta’ Settembru 2012, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fl-istess jum iddikjara espressament quddiem il-prokuratur ġenerali fil-Cour d’appel de Bordeaux, li huwa kien jaċċetta l-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit mingħajr ma fl-istess ħin ma jirrinunzja għar-regola tal-ispeċjalità. Tali dikjarazzjoni kienet imtennija mir-rikorrent meta assistit minn interpretu, fil-preżenza tal-avukat tiegħu, matul is-seduta li saret quddiem l-awla istruttorja tal-Cour d’appel de Bordeaux.

21

B’sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, l-awla istruttorja tal-Cour d’appel de Bordeaux ordnat il-konsenja tar-rikorrent fil-kawża prinċipali lil dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji għall-finijiet tal-azzjoni kriminali fuq imsemmija. Dan tal-aħħar kien konsenjat fl-10 ta’ Ottubru 2012 u minn dakinhar huwa miżmum il-ħabs fir-Renju Unit.

22

Fit-22 ta’ Ottubru 2012, il-prokuratur ġenerali fil-Cour d’appel de Bordeaux rċieva talba mill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit sabiex jikseb il-kunsens tal-awla istruttorja ta’ dik il-qorti sabiex jinbdew azzjonijiet fil-konfront tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għal atti mwettqa fir-Renju Unit qabel il-konsenja tiegħu, li jistgħu jikkostitwixxu reat ieħor apparti dak immotivat f’din il-konsenja.

23

Skont dawn l-awtoritajiet, wara r-ritorn tat-tfajla li kienet is-suġġett tal-allegat ħtif, din iddikjarat li kellha rapporti sesswali mar-rikorrent fil-kawża prinċipali f’diversi okkażjonijiet matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju u l-20 ta’ Settembru 2012. Tali fatti jistgħu jkunu kklassifikati taħt id-dritt Ingliż bħala reat ta’ attività sesswali ma’ minuri taħt is-sittax-il sena, li huwa punibbli bi piena massima ta’ erbatax-il sena ħabs, għalhekk dawn l-awtoritajiet ġudizzjarji ddeċidew li jibdew azzjoni kriminali fil-konfront tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għal dan ir-reat.

24

It-talba tal-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit ġiet ikkonkrettizata fis-16 ta’ Novembru 2012 permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward tar-reati li wasslu għall-azzjoni l-ġdida.

25

Wara s-seduta tat-18 ta’ Diċembru 2012, l-awla istruttorja tal-Cour d’appel de Bordeaux iddeċidiet, b’sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, li tagħti l-kunsens tagħha għat-talba għall-estensjoni tal-konsenja fid-dawl tal-azzjoni l-ġdida fil-konfront tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għar-reat ta’ attività sesswali ma’ minuri taħt is-sittax-il sena mwettaq waqt il-perijodu fuq imsemmi.

26

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ippreżenta appell minn din is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013 quddiem il-Cour de cassation, din tal-aħħar irreferiet lill-Conseil constitutionnel kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità dwar l-Artikolu 695‑46 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, f’dak li b’mod partikolari jirrigwarda l-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

27

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil constitutionnel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] […], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-Istati Membri jipprevedu rimedju li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi, f’terminu ta’ tletin jum li jibda jiddekorri mill-preżentata tat-talba, kemm biex tagħti l-kunsens tagħha għall-prosekuzzjoni, kundanna jew detenzjoni ta’ persuna bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja [piena] jew ordni ta’ detenzjoni, għal ksur [reat] imwettaq qabel ma tiġi ċeduta [konsenjata] b’riżultat ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, apparti minn dak li mmotiva ċ-ċediment [l-konsenja] tagħha, kif ukoll għal ċediment [konsenja] ta’ persuna lil Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, taħt mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal ksur [reat] imwettaq qabel ma tiġi ċeduta [konsenjata]?”

Fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari

Fuq il-proċedura b’urġenza

28

B’talba separata tal-4 ta’ April 2013, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, il-Conseil constitutionnel talab li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar.

29

Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi sostniet li kemm it-terminu ta’ tliet xhur li fih hija meħtieġa tiddeċiedi fuq il-kwistjoni prijoritarja ta’ kostituzzjonalità li hija suġġetta għalih kif ukoll iċ-ċaħda tal-libertà tar-rikorrent fil-kawża prinċipali huma s-suġġett tal-proċedura li wasslet għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari u li għalhekk dan jiġġustifika l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, li taqa’ fil-qasam speċifikat fit-tielet parti tat-Trattat TFUE, jiġifieri it-Titolu V tiegħu, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għalhekk dan jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

31

Fit-tieni lok għandu jiġi kkonstatat, hekk kif il-qorti tar-rinviju qieset, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali bħalissa huwa mċaħħad mil-libertà u li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali jaf ikollha rilevanza sinjifikattiva fuq it-tul ta’ tali ċaħda.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fl-10 ta’ April 2013, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza.

Fuq id-domanda preliminari

33

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-Istati Membri milli jipprovdu rimedju li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi, f’terminu ta’ tletin jum li jibda jiddekorri mill-preżentata tat-talba, kemm biex tagħti l-kunsens tagħha għall-prosekuzzjoni, kundanna jew detenzjoni ta’ persuna bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, għal reat imwettaq qabel ma tiġi kkonsenjata b’riżultat ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, apparti minn dak li mmotiva din il-konsenja tagħha, kif ukoll għal konsenja ta’ persuna lil Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, taħt mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal reat imwettaq qabel ma tiġi kkonsenjata.

34

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas, hekk kif b’mod partikolari jirriżulta mill-Artikolu 1(1) u (2) tiegħu, kif ukoll mill-premessi 5 u 7 tiegħu, għandha l-għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn l-Istati Membri permezz ta’ sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew ssuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ta’ azzjoni, b’din l-aħħar sistema bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu, C‑396/11, punt 33, u tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, punt 36).

35

Għalhekk, bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida u ssemplifikata li hija iktar effiċjenti għall-konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi, din id-Deċiżjoni Qafas hija intiża sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan stabbilit sabiex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ibbażata fuq il-grad għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Radu, punt 34, u Melloni, punt 37).

36

Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi l-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, jimplika, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas, li l-Istati Membri huma bħala prinċipju marbuta li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, dawn tal-aħħar huma kemm marbuta li jeżegwixxu, kif ukoll li ma jirrifjutawx l-eżekuzzjoni ta’ tali mandat, u huma ma jistgħux jissuġġettaw l-eżekuzzjoni tiegħu għal xi kundizzjoni ħlief fil-każijiet elenkati fl-Artikoli 3 sa 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 28(3) tiegħu, il-kunsens għal konsenja sussegwenti jista’ biss jiġi miċħud f’dawn l-istess każijiet (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, West, C‑192/12 PPU, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata) u dawn il-każijiet biss jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ kunsens għall-estensjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għal reat imwettaq qabel il-konsenja tal-persuna akkużata, apparti dak li mmotiva din il-konsenja skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas.

Fuq il-possibbiltà li tippreżenta rikors għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni

37

Fir-rigward tal-possibbiltà li tippreżenta rikors għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni fil-konfront tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew tad-deċiżjoni li tagħti kunsens għall-estensjoni ta’ din tal-aħħar jew għal konsenja sussegwenti, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni Qafas ma tirregolax espressament tali possibbiltà.

38

Madankollu, tali assenza ta’ regolamentazzjoni speċifika ma jfissirx li d-Deċiżjoni Qafas tostakola lill-Istati Membri milli jipprovdu tali rimedju jew milli jeħtieġu li jimponu tali rimedju.

39

Fil-fatt, fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni Qafas innifisha tippermetti li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew jibbenefikaw mill-garanziji kollha speċifiċi għal dan it-tip ta’ deċiżjoni.

40

Għalhekk, l-ewwel nett, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas espressament ifakkar li ma għandux l-effett li jimmodifika l-obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 UE, obbligu li, barra minn hekk, jikkonċerna lill-Istati Membri kollha, b’mod partikolari, kemm l-Istat Membru emittenti kif ukoll dak ta’ eżekuzzjoni.

41

Barra minn hekk, filwaqt li jiġi mfittex li jintlaħaq l-għan, imfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li tiġi ffaċilitata u mħaffa l-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan stabbilit sabiex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, id-Deċiżjoni Qafas innifisha, hekk kif jippreċiża l-ewwel paragrafu tal-premessa 12 tiegħu, tirrispetta wkoll id-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 UE u li huma riflessi fil-Karta, b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu, fir-rigward tal-persuna suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, bħal fil-proċeduri ta’ estradizzjoni, fil-proċeduri ta’ konsenja stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas id-dritt għal rimedju effettiv, kif stabbilit fl-Artikolu 13 KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta, li huwa inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huwa ta’ importanza partikolari.

43

Għalhekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat, fir-rigward ta’ detenzjoni intiża għal estradizzjoni, li l-Artikolu 5(4) KEDB huwa lex specialis meta mqabbel mar-rekwiżiti iktar ġenerali tal-Artikolu 13 tiegħu (ara, b’mod partikolari, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Chahal vs Ir‑Renju Unit, tal-15 ta’ Novembru 1996, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 1996‑V, punt 126). F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet li meta d-deċiżjoni ta’ kustodja tingħata minn qorti li tkun qed tiddeċiedi fir-rigward ta’ proċedura ġudizzjarja, l-istħarriġ imsemmi mill-Artikolu 5(4) KEDB huwa inkorporat fid-deċiżjoni (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Khodzhamberdiyev vs Ir‑Russja tal-5 ta’ Ġunju 2012, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li, barra minn hekk, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tobbligax lill-Istati Membri kontraenti li jistabbilixxu dritt ta’ appell għall-eżami tal-legalità tad-detenzjoni u għat-talbiet għal estensjoni (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Marturana vs L‑Italja tal-4 ta’ Marzu 2008, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2006, L 175M, p. 168), li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva joffri lill-individwi dritt għal aċċess għal qorti u mhux għal diversi livelli ta’ ġurisdizzjoni (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C-69/10, Ġabra p. I-7151, punt 69).

45

Għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-Deċiżjoni Qafas, id-deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata għandha tieħu deċiżjoni għal dak li jirrigwarda l-konsenja ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li awtorità ġudizzjarja mhux biss għandha tieħu din id-deċiżjoni, iżda wkoll dik dwar il-ħruġ ta’ mandat bħal dan. L-intervent ta’ awtorità ġudizzjarja hija wkoll meħtieġa fil-każ ta’ kunsens previst fl-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, kif ukoll fil-fażijiet l-oħra tal-proċeduri ta’ konsenja, bħas-smigħ tal-persuna rikjesta, iż-żamma tal-persuna f’detenzjoni jew it-trasferiment temporanju tagħha.

46

Għalhekk, il-proċeduri ta’ konsenja kollha bejn l-Istati Membri li huma previsti taħt id-Deċiżjoni Qafas huma, b’mod konformi ma’ dan, imwettqa taħt stħarriġ ġudizzjarju.

47

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas diġà jipprovdu huma nfushom proċeduri konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta, indipendentement mill-modalitajiet ta’ implementazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas magħżula mill-Istati Membri.

48

Fl-aħħar nett, għandu jingħad li, anki fil-kuntest tal-proċeduri kriminali jew tal-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-ordni ta’ detenzjoni, jew ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali fuq il-mertu, li jibqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas u tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu suġġetti għall-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-KEDB jew mid-dritt nazzjonali, inkluż fejn applikabbli, id-dritt ta’ appell ta’ persuni ddikjarati ħatja ta’ reat kriminali minn qorti.

49

Obbligu bħal dan, b’mod preċiż, isaħħaħ il-grad għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri u l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li jiġġustifika l-kliem tal-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas, li jgħidu li l-implementazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) UE, determinat mill-Kunsill skont l-Artikolu 7(1) UE, bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2).

50

Fil-fatt, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri dwar jekk l-ordinamenti legali nazzjonali rispettivi humiex kapaċi jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fl-Unjoni, b’mod partikolari fil-Karta, b’tali mod li huwa fl-ordinament legali tal-Istat Membru emittenti li l-persuni suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew jistgħu jużaw l-eventwali rimedji li jippermettu li tiġi kkontestata l-legalità tal-proċeduri kriminali jew tal-eżekuzzjoni tal-piena jew tal-ordni ta’ detenzjoni, jew ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali fuq il-mertu, li wasslu għal din il-piena jew miżura (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga, C-491/10 PPU, Ġabra p. I-14247, punti 70 u 71).

51

It-tieni nett, għandu jiġi madankollu kkonstatat li minkejja l-garanziji espliċiti stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas, l-assenza ta’ regolamentazzjoni f’dan tal-aħħar ta’ dritt eventwali ta’ rikors għas-sospensjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jostakolawx lill-Istati Membri milli jipprovdu tali dritt.

52

Fil-fatt, fl-assenza ta’ kjarifika ulterjuri fl-istess dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas u fid-dawl tal-Artikolu 34 UE, li jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompetenza għall-għażla tal-forma u l-mezzi neċessarji biex jinkiseb ir-riżultat imfittex mid-Deċiżjonijiet Qafas, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni Qafas tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-modalitajiet konkreti ta’ implementazzjoni tal-għanijiet imfittxa minnu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jipprovdu rikors għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni fil-konfront tad-deċiżjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sakemm ma jmurx kontra l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, dan ma jostakolax Stat Membru, hekk kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-premessa 12 tiegħu, milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu relatati b’mod partikolari mar-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq.

54

Barra minn hekk, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-possibbiltà li tibbenefika minn dritt għal azzjoni jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament mill-kliem “deċiżjoni finali” fl-Artikolu 17(2), (3) u (5) tad-Deċiżjoni Qafas, u xejn ma jissuġġerixxi li, fir-rigward tal-kliem tad-dispożizzjonijiet tagħhom, tali possibbiltà għandha tiġi eskluża fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi li tagħti l-kunsens għall-estensjoni ta’ mandat ta’ arrest jew għal konsenja sussegwenti lejn Stat Membru ieħor skont l-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, u dan huwa iktar u iktar minnu, hekk kif indikat fil-kawża prinċipali, fejn din l-estensjoni jew din il-konsenja jistgħu jkunu mitluba għal reat iktar serju minn dak li mmotiva l-konsenja.

55

Minn dan jirriżulta li l-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lill-Istati Membri milli jipprovdu rikors li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi li tagħti l-kunsens tagħha għall-prosekuzzjoni, kundanna jew detenzjoni ta’ persuna bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, għal reat imwettaq qabel ma tiġi kkonsenjata b’riżultat ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, apparti minn dak li mmotiva l-konsenja tagħha, kif ukoll għal konsenja ta’ persuna lil Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, taħt mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal reat imwettaq qabel ma tiġi kkonsenjata.

Fuq il-limiti għal dritt eventwali ta’ rikors għas-sospensjoni

56

Għalkemm id-Deċiżjoni Qafas ma tirregola ebda dritt eventwali ta’ rikors għas-sospensjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, minn dan isegwi li għandhom jiġu imposti ċerti limiti għall-marġni ta’ manuvra li minnhom jiddisponu l-Istati Membri għal dan il-għan.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif ġie mfakkar fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn l-Istati Membri permezz ta’ sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ssemplifikata u li hija iktar effiċjenti u intiża sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja. Għalhekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Deċiżjoni Qafas, l-introduzzjoni ta’ tali sistema ta’ konsenja tippermetti li jitneħħew il-kumplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri ta’ estradizzjoni, li kienu jeżistu qabel l-adozzjoni ta’ din.

58

Dan il-għan ta’ tħaffif tal-kooperazzjoni ġudizzjarja hija preżenti f’numru ta’ aspetti tad-Deċiżjoni Qafas u, b’mod partikolari, fit-trattament tat-terminu għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew.

59

F’dak li jirrigwarda dawn it-termini, għandha ssir distinzjoni bejn dawk previsti għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas u dawk previsti fl-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tagħha, dwar kunsens għall-estensjoni tal-mandat jew ta’ konsenja sussegwenti. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 15(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi, b’mod ġenerali, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi dwar il-konsenja tal-persuna “fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]”.

60

Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li dan tal-aħħar “għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza”. L-Artikolu 17(2) u (3) jistabbilixxi termini speċifiċi, rispettivament, għaxar jew sittin il-ġurnata sabiex tittieħed d-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat, skont jekk il-persuna rikjesta tagħti jew le l-kunsens tagħha għall-konsenja.

61

Huwa biss f’każijiet speċifiċi, fejn il-mandat ta’ arrest ma jistax jiġi eżegwit f’dawn it-termini, li l-Artikolu 17(4) jippermetti estensjoni ta’ tletin ġurnata addizzjonali, li jobbliga lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti billi tindika r-raġunijiet għal dan id-dewmien. Barra minn dawn il-każijiet speċifiċi, huma biss ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jippermettu lil Stat Membru skont l-Artikolu 17(7) tad-Deċiżjoni Qafas li ma jikkonformawx ma’ dawn it-termini, b’dan l-Istat Membru jkollu wkoll jinforma lil Eurojust billi jispeċifika r-raġunijiet għad-dewmien.

62

L-importanza tat-termini stabbiliti minn dan l-Artikolu 17 huwa espress mhux biss f’dan, iżda wkoll f’dispożizzjonijiet oħra tad-Deċiżjoni Qafas, bħall-Artikoli 13(4), 15(2), 20, 21 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

63

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li matul il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, il-kliem “id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed” li jinsabu fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas issostitwixxew il-kliem “id-deċiżjoni [dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew] tittieħed” li jinsabu fil-proposta ta’ Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri [COM(2001) 522 finali], ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ Novembru 2001 (ĠU C 332 E, p. 305, iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ Deċiżjoni Qafas”), xorta waħda jibqa’ il-fatt li, matul dawn il-proċeduri, ġiet ukoll miżjuda l-kelma “finali” ma’ “deċiżjoni”, u li t-terminu wieħed ta’ 90 ġurnata previst fil-proposta ta’ Deċiżjoni Qafas ġie ssostitwit minn termini differenti iżgħar li huma msemmija fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza.

64

Minn dan isegwi li t-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bħala li jeħtieġu li d-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, bħala prinċipju, issir jew fl-għaxart ijiem sussegwenti għall-kunsens għall-konsenja tal-persuna rikjesta, jew, f’każijiet oħra, fi żmien sittin jum mill-arrest ta’ din tal-aħħar. Huwa biss f’każijiet speċifiċi li dawn it-termini jistgħu jiġu estiżi b’tletin jum addizzjonali u dan huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali fejn it-termini speċifikati fl-Artikolu 17 jistgħu ma jkunux osservati minn Stat Membru.

65

Konsegwentement, rikors eventwali għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru fil-konfront tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax, fi kwalunkwe każ, u sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tiddeċidix li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, ikun bi ksur tat-termini msemmija fil-punt preċedenti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali.

66

Fit-tieni lok, fir-rigward, tad-deċiżjoni li tagħti l-kunsens għall-estensjoni tal-mandat jew ta’ konsenja sussegwenti, skont l-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi nnotat li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprovdu li d-deċiżjoni “għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba”.

67

Il-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li bħar-regola tal-ispeċjalità li huma jimplementaw, ma kienx inkluż fil-proposta ta’ deċiżjoni qafas, b’kontenut differenti minn dak tal-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas jikkorrispondi għal sitwazzjonijiet differenti fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ intervent.

68

Fil-fatt, minn naħa, il-persuna rikjesta ma għadhiex fil-kustodja fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tkun diġà ġiet ikkonsenjata lill-Istat Membru emittenti ta’ dan il-mandat.

69

Min-naħa l-oħra, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li hija dik li hija msejħa sabiex tagħti l-kunsens imsemmi fl-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, diġà għandha informazzjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi xjentement, sa fejn, hekk kif huwa mfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, dan il-kunsens jista’ biss jiġi rrifjutat, fir-rigward tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas, f’dawk il-każijiet li jippermettu li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u, barra minn hekk, tali kunsens għandu jingħata jekk ir-reat li għalih l-estensjoni tal-mandat jew il-konsenja sussegwenti hija mitluba twassal hija stess għall-obbligu ta’ konsenja.

70

Madankollu, id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas jikkonċernaw jew reat differenti għal dak li mmotiva l-konsenja, jew Stat Membru differenti mill-Istat Membru emittenti tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew, li jiġġustifika li terminu ta’ tletin jum ikun previst sabiex jingħata dan il-kunsens.

71

Minn dan jirriżulta li l-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati bħala li jimponu li d-deċiżjonijiet tal-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi li tagħti l-kunsens tagħha għall-prosekuzzjoni, kundanna jew detenzjoni ta’ persuna bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, għal reat imwettaq qabel ma tiġi kkonsenjata b’riżultat ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, apparti minn dak li mmotiva din il-konsenja, kif ukoll għal konsenja ta’ persuna lil Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, taħt mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal reat imwettaq qabel ma tiġi kkonsenjata, bħala prinċipju, isseħħ fi żmien tletin jum li jibda jiddekorri mill-preżentata tat-talba.

72

F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprovdu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, rikors għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni fil-konfront tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet, kuntrarjament għall-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas, ma jistabbilixxux termini għall-intervent tad-“deċiżjoni finali” u li, għaldaqstant, huma għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu li jiffissaw japplika biss għad-deċiżjoni inizjali u ma jikkonċernax il-każ fejn jitressaq tali rikors.

73

Madankollu, ikun kontra kemm il-loġika tad-Deċiżjoni Qafas kif ukoll l-għanijiet ta’ din, li jfittxu li jitħaffu l-proċeduri ta’ konsenja, li t-termini sabiex tiġi adottata deċiżjoni finali skont l-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas ikunu ogħla minn dawk previsti fl-Artikolu 17 tagħha.

74

Konsegwentement, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni koerenti tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi kkunsidrat li rikors eventwali għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru fil-konfront tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi eżerċitat f’kull każ fl-osservanza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-Istati Membri jipprovdu rimedju li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi, f’terminu ta’ tletin jum li jibda jiddekorri mill-preżentata tat-talba, sabiex tagħti l-kunsens tagħha għall-prosekuzzjoni, kundanna jew detenzjoni ta’ persuna bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, għal reat imwettaq qabel ma tiġi kkonsenjata b’riżultat ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, apparti minn dak li mmotiva l-konsenja tagħha, kif ukoll għal konsenja ta’ persuna lil Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, taħt mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal reat imwettaq qabel ma tiġi kkonsenjata, sa fejn id-deċiżjoni definittiva tiġi adottata fit-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tal-istess deċiżjoni qafas.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 27(4) u 28(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-Istati Membri jipprovdu rimedju li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi, f’terminu ta’ tletin jum li jibda jiddekorri mill-preżentata tat-talba, sabiex tagħti l-kunsens tagħha għall-prosekuzzjoni, kundanna jew detenzjoni ta’ persuna bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, għal reat imwettaq qabel ma tiġi kkonsenjata b’riżultat ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, apparti minn dak li mmotiva l-konsenja tagħha, kif ukoll għal konsenja ta’ persuna lil Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, taħt mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għal reat imwettaq qabel ma tiġi kkonsenjata, sa fejn id-deċiżjoni definittiva tiġi adottata fit-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tal-istess deċiżjoni qafas.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.