SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikolu 56 TFUE — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni li tipprekludi logħob tal-ażżard permezz tal-internet li ma kinitx applikabbli, għal perijodu limitat, f’entità federali ta’ Stat Membru — Koerenza — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑156/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Digibet Ltd,

Gert Albers

vs

Westdeutsche Lotterie GmbH & Co. OHG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ April 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Digibet Ltd u M. Albers, minn R. Reichert u U. Karpenstein, avukati, kif ukoll minn R. A. Jacchia, avukat,

għal Westdeutsche Lotterie GmbH & Co. OHG, minn M. Hecker, M. Ruttig u M. Pagenkopf, avukati,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti, kif ukoll minn R. Verbeke, avukat,

għall-Gvern Malti, minn A. Buhagiar, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn P. de Sousa Inês u A. Silva Coelho, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F.W. Bulst u I.V. Rogalski kif ukoll minn H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Digibet Ltd (iktar ’il quddiem “Digibet”) u G. Albers, u min-naħa l-oħra, Westdeutsche Lotterie GmbH & Co. OHG (iktar ’il quddiem “Westdeutsche Lotterie”) dwar il-projbizzjoni tal-offerta ta’ logħob tal-ażżard permezz tal-internet minn Digibet.

Il-kuntest ġuridiku Ġermaniż

3

Skont l-Artikoli 70 u 72 tal-Liġi Fundamentali Ġermaniża, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard taqa’ taħt il-kompetenza tal-Länder.

4

Konsegwentement, fl-2008, is-sittax-il Länder adottaw trattat tal-Istat dwar il-logħob tal-ażżard (Glücksspielstaatsvertrag, iktar ’il quddiem il-“GlüStV 2008”), li permezz tiegħu huma stabbilixxew regoli komuni f’dan il-qasam. Dan it-trattat kien jipprovdi li r-regoli tiegħu jkunu applikabbli għal erba’ snin b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008, u għalhekk id-data ta’ skadenza ta’ tali trattat kienet il-31 ta’ Diċembru 2011.

5

Fl-2012, it-trattat ta’ emenda fil-qasam tal-logħob tal-ażżard (Glücksspieländerungsstaatsvertrag, iktar ’il quddiem il-“GlüStV 2012”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2012, segwa l-GlüStV 2008. Inizjalment, dan it-trattat ġie rratifikat mil-Länder kollha, għajr il-Land ta’ Schleswig-Holstein.

6

Fl-20 ta’ Ottubru 2011, il-Land ta’ Schleswig-Holstein fil-fatt adotta Liġi dwar ir-riorganizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard (Gesetz zur Neuordnung des Glücksspiels, GVOB1. Sch.-H, p. 280, iktar ’il quddiem il-“GlSpielG SH”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012, bil-għan li tilliberalizza l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard.

7

Kuntrarjament għall-Artikolu 5(3) tal-GlüStV 2008, l-Artikolu 26 tal-GlSpielG SH awtorizza, fil-prinċipju, ir-reklamar tal-logħob tal-ażżard pubbliku fuq it-televiżjoni jew fuq l-internet.

8

Bis-saħħa tal-GlSpielG SH, l-organizzazzjoni u l-medjazzjoni tal-logħob tal-ażżard pubbliku permezz tal-internet ma humiex iktar preklużi. Għalkemm awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Land kienet dejjem meħtieġa sabiex dawn jitwettqu, l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-imħatri pubbliċi kellha madankollu tingħata lil kull ċittadin u lil kull persuna ġuridika fl-Unjoni Ewropea ġaladarba ċerti kundizzjonijiet oġġettivi kienu ssodisfatti.

9

Għal-Länder l-oħra kollha, skont l-Artikolu 4(4) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(3) tal-GlüStV 2012, l-organizzazzjoni u l-medjazzjoni tal-logħob tal-ażżard pubbliku permezz tal-internet u r-reklamar għal-logħob tal-ażżard pubbliku fuq it-televiżjoni, fuq l-internet jew fuq netwerks ta’ telekomunikazzjoni jibqgħu, fil-prinċipju, preklużi. Fil-fatt, skont dan it-trattat, l-użu tal-internet għal dawn il-finijiet jista’ biss jiġi awtorizzat eċċezzjonalment u skont ċerti kundizzjonijiet, għal-lotteriji jew għall-imħatri relatati mal-isports, sabiex tiġi proposta alternattiva xierqa għall-offerta illegali tal-logħob tal-ażżard jew sabiex jiġu miġġielda l-iżvilupp u l-espansjoni ta’ dan l-aħħar tip ta’ logħob.

10

Il-leġiżlazzjoni l-iktar libera fil-qasam tal-logħob tal-ażżard applikabbli fil-Land ta’ Schleswig-Holstein ma baqgħetx fis-seħħ wara d-9 ta’ Frar 2013, meta l-Land adotta l-GlüStV 2012, li d-dispożizzjonijiet komuni tagħha ssostitwixxew dawk tal-GlSpielG SH. Madankollu, skont il-GlSpielG SH, il-Land ta’ Schleswig-Holstein ħareġ serje ta’ awtorizzazzjonijiet lill-operaturi, sabiex joffri logħob tal-ażżard permezz tal-internet, li baqgħu validi għal perijodu tranżitorju anki wara l-abrogazzjoni tal-GlSpielG SH.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Il-Westdeutsche Lotterie hija l-kumpannija tal-lotterija pubblika ta’ Nordrhein-Westfalen. Digibet, kumpannija li s-sede tagħha jinsab f’Ġibiltà, toffri, bi ħlas, permezz tas-sit internet “digibet.com”, logħob tal-ażżard u mħatri dwar l-isports bil-lingwa Ġermaniża. Hija proprjetarja ta’ liċenzja tal-logħob maħruġa mill-Ġibiltà. G. Albers huwa d-direttur ta’ Digibet.

12

Il-Westdeutsche Lotterie tikkunsidra li l-offerta proposta minn Digibet hija antikompetittiva sa fejn tikser ċerti regoli applikabbli għal-logħob tal-ażżard. Wara li tressqu proċeduri minn Westdeutsche Lotterie quddiem il-Landgericht Köln, din il-qorti, permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, ordnat lil Digibet u lil G. Albers, inter alia, jieqfu joffru logħob tal-ażżard permezz tal-internet u bi ħlas, lil persuni fit-territorju Ġermaniż, f’kuntest kummerċjali u għall-finijiet kompetittivi.

13

Adita b’appell ippreżentat minn Digibet u G. Albers, l-Oberlandesgericht Köln ċaħdet l-appell tagħhom u kkonfermat, fit-3 ta’ Settembru 2010, is-sentenza fl-ewwel istanza.

14

Dawn tal-aħħar ippreżentaw appell fuq punti ta’ liġi kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi talbu ċ-ċaħda sħiħa tal-azzjoni inizjali tal-Westdeutsche Lotterie.

15

Il-Bundesgerichtshof hija tal-fehma li, fid-dawl tal-emendi leġiżlattivi li seħħew mill-1 ta’ Jannar 2012 fil-Land ta’ Schleswig-Holstein, l-appell fuq punti ta’ liġi jista’ jintlaqa’ abbażi ta’ ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita mid-dritt tal-Unjoni. Hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet għal-leġiżlazzjoni li tillimita l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard għandhom ikunu suġġetti għal kontroll ta’ koerenza sabiex jiġi vverifikat jekk jaffettwawx il-kapaċità ta’ din il-leġiżlazzjoni li tilħaq l-għanijiet leġittimi tagħha ta’ interess ġenerali (ara sentenza Carmen Media Group, C‑46/08, EU:C:2010:505, punti 106 et seq). F’dan il-kuntest, is-sitwazzjoni legali differenti ta’ Land meta mqabbla ma’ dik ta’ Länder oħra, tista’ timplika l-inapplikabbiltà ta’ restrizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni u għar-reklamar tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet fil-Länder l-oħra, minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod li projbizzjoni ta’ medjazzjoni u ta’ organizzazzjoni online tal-logħob tal-ażżard tkun mingħajr bażi.

16

Skont din il-qorti, ikun madankollu inadattat u inkonsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-Länder l-oħra kollha jiġu preklużi milli jeżerċitaw il-prerogattiva, li jirrikonoxxilhom id-dritt tal-Unjoni, li jiddeċiedu huma stess jekk hemmx lok li jiġu preklużi totalment jew parzjalment ċerti attivitajiet tal-logħob tal-ażżard jew jekk huwiex suffiċjenti li jiġu limitati jew li jiġu stabbiliti għal dan il-għan kundizzjonijiet ta’ kontroll ftit jew wisq stretti (ara sentenza Carmen Media Group, EU:C:2010:505, punt 58) sempliċement peress li Land wieħed irid jintroduċi leġiżlazzjoni derogatorja. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-Kostituzzjoni Federali, Land ma jistax jiġi obbligat, la mill-Istat federali u lanqas minn Länder oħra, jadotta leġiżlazzjoni partikolari f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Länder.

17

Fl-aħħar nett, din il-qorti tosserva li, fis-setturi mhux armonizzati bħal dawk tal-logħob tal-ażżard, ma għandhiex issir distinzjoni bejn il-konsegwenzi prattiċi ta’ kwalunkwe inkoerenzi eventwali kkawżati bid-differenzi bejn il-Länder ta’ Stat Federali fis-suq intern, u kwalunkwe liġijiet eventwalment diverġenti li jista’ jkun hemm bejn Stat Membri żgħar u kbar u li għandhom jiġu ammessi fid-dritt tal-Unjoni.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Jikkostitwixxi restrizzjoni inkoerenti għall-attività tal-logħob tal-ażżard, il-fatt li, minn naħa, fi Stat Membru kkostitwit taħt il-forma ta’ Stat Federali, l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard pubbliku permezz tal-internet ikunu, bħala prinċipju, ipprojbiti permezz tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-parti l-kbira tal-Länder u li huma jistgħu jiġu awtorizzati biss, mhux bħala dritt kweżit, għal-lotteriji u l-imħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi sabiex tkun disponibbli alternattiva xierqa għall-offerta illegali ta’ logħob tal-ażżard kif ukoll ġlieda kontra l-iżvilupp tagħha u l-espansjoni tagħha, filwaqt li, min-naħa l-oħra, f’Land ta’ dan l-Istat Membru, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ tipprevedi li kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna ġuridika legalment assimilata għandha, taħt ċerti kundizzjonijiet oġġettivi ddefiniti sew, tingħata awtorizzazzjoni sabiex tikkummerċjalizza l-imħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi permezz tal-internet, u li dan ikun jista’ jikkomprometti l-kapaċità tar-restrizzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard permezz tal-internet applikabbli fil-bqija tat-territorju Federali sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li hija ssegwi?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi mill-kwistjoni jekk is-sitwazzjoni legali derogatorja f’Land tqajjimx dubju jew tikkomprometti b’mod serju l-kapaċità tar-restrizzjonijiet għal-logħob tal-ażżard applikabbli fil-Länder l-oħra sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li huma jsegwu?

3)

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: L-inkoerenza ma tibqax teżisti jekk il-Land li għandu l-leġiżlazzjoni derogatorja jadotta r-restrizzjonijiet għal-logħob tal-ażżard applikabbli fil-Länder l-oħra, anki jekk il-leġiżlazzjonijiet eżistenti li huma iktar favorevoli għal-logħob tal-ażżard fuq l-internet kienu miżmuma f’dan il-Land matul perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ diversi snin fir-rigward tal-konċessjonijiet li huma diġà mogħtija fih, peress li dawn ir-restrizzjonijiet ma jistgħux jiġu rtirati jew jistgħu jiġu rtirati biss inkambju ta’ kumpens li diffiċilment jista’ jiġi sosnut għal-Land?

4)

Ir-risposta għat-tielet domanda tiddependi mill-kwistjoni jekk, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ diversi snin, l-effikaċità tar-restrizzjonijiet għal-logħob tal-ażżard applikabbli fil-Länder l-oħra tiġi kkontestata jew kompromessa b’mod serju?”

Fuq id-domandi preliminari

19

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, wara d-digriet tar-rinviju, il-Land ta’ Schleswig-Holstein adotta l-GlüstV 2012 u abroga l-GlSpielG SH, b’effett mit-8 ta’ Frar 2013, filwaqt li baqa’ jqis validi l-awtorizzazzjonijiet mogħtija matul perijodu tranżitorju.

20

Fid-dawl ta’ dan il-punt, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati konġuntament, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni komuni għall-maġġoranza tal-entitajiet federali ta’ Stat Membru, li għandu struttura federali, li tipprekludi, fil-prinċipju, l-organizzazzjoni u l-medjazzjoni tal-logħob tal-ażżard permezz tal-internet, fejn, matul perijodu limitat, entità federali waħda tkun żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni iktar liberali koeżistenti ma’ leġiżlazzjoni restrittiva f’entitajiet federali oħra u li l-imsemmija entità tkun ħarġet awtorizzazzjonijiet lil operaturi sabiex toffri logħob fuq l-internet validi matul perijodu tranżitorju wara l-abrogazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni iktar liberali.

21

Huwa paċifiku li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprekludi, fil-prinċipju, ir-reklamar, l-organizzazzjoni u l-medjazzjoni tal-logħob tal-ażżard pubbliku permezz tal-internet, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE (ara sentenza Stoß et, C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, EU:C:2010:504, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għandu madankollu jiġi eżaminat jekk tali restrizzjoni tistax tiġi awtorizzata bħala miżura derogatorja, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, kif previst espressament fl-Artikoli 51 TFUE u 52 TFUE, applikabbli wkoll għall-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bis-saħħa tal-Artikolu 62 TFUE, jew iġġustifikata, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (sentenzi Garkals, C‑470/11, EU:C:2012:505, punt 35 u Stanleybet International et, C‑186/11 u C‑209/11, EU:C:2013:33, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-restrizzjonijiet għall-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard jistgħu jkunu ġġustifikati b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni tal-frodi u tal-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob (sentenzi Garkalns, EU:C:2012:505, punt 39, u Stanleybet International et, EU:C:2013:33, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet diversi drabi li l-leġiżlazzjoni tal-logħob tal-ażżard tagħmel parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fin-nuqqas ta’ tali armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni f’dan il-qasam, kull Stat Membru għandu jevalwa, f’dawn l-oqsma, skont l-iskala tiegħu ta’ valuri, ir-rekwiżiti tal-osservanza tal-interessi inkwistjoni (sentenzi Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, EU:C:2009:519, punt 57 u Stanleybet International et, EU:C:2013:33, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata); l-identifikazzjoni tal-għanijiet effettivament mixtieqa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’, fil-kuntest ta’ kawża li tkun tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (sentenzi Dickinger u Ömer, C‑347/09, EU:C:2011:582, punt 51 u Stanleybet International et, EU:C:2013:33, punt 26).

25

Fil-każ inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju ma tqajjimx domandi dwar il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni inkwistjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

26

Madankollu, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżit li r-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni li jikkonċernawha, kif stabbilit mill-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, dwar il-kundizzjoni li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun biss adatta li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat jekk tissodisfa ġenwinament it-tħassib li tali għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara sentenza Stanleybet International et, EU:C:2013:33, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Il-qorti tar-rinviju tixtieq għalhekk tkun taf jekk in-natura proporzjonata u koerenti tal-leġiżlazzjoni restrittiva fl-intier tagħha, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax tiġi kkonfutata, fid-dawl tal-eżistenza, matul perijodu limitat, ta’ leġiżlazzjoni iktar liberali fil-Land ta’ Schleswig-Holstein biss.

28

Kemm Digibet kif ukoll G. Albers u l-Gvern Malti jsostnu li n-nuqqas ta’ koerenza tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tinsilet b’mod partikolari mill-qari tal-punti 69 u 70 tas-sentenza Carmen Media Group (EU:C:2010:505), li jipprovdu li l-awtoritajiet tal-Land ikkonċernat u l-awtoritajiet federali huma konġuntament obbligati jissodisfaw l-obbligu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma tiksirx l-Artikolu 56 TFUE, b’mod li huma marbuta, għal dan il-għan, jikkoordinaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

29

Barra minn hekk, billi jirreferu għall-istruttura federali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, huma jinvokaw il-punt 61 tas-sentenza Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503), li jipprovdi li regoli tad-dritt nazzjonali, anki ta’ natura kostituzzjonali, ma jistgħux jippreġudikaw l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni.

30

Min-naħa l-oħra, il-Westdeutsche Lotterie, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Belġju u tal-Portugall kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fin-negattiv u li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-GlüStV 2012 ma tikkostitwixxix restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

31

F’dan ir-rigward, għandha tiġi osservata qabel xejn in-natura partikolari tal-oqsma tal-logħob tal-ażżard fejn, għad-differenza tal-introduzzjoni ta’ kompetizzjoni libera u mhux distorta fi ħdan suq tradizzjonali, il-preżenza ta’ tali kompetizzjoni f’dan is-suq speċifiku, jiġifieri bejn diversi operaturi li huma awtorizzati joperaw l-istess logħob tal-ażżard, tista’ timplika effett detrimentali, fid-dawl tal-fatt li dawn l-operaturi jkunu inklinati jikkompetu bejniethom fuq il-kreattività sabiex irendu l-offerta tagħhom iktar attraenti minn dik tal-kompetituri tagħhom u, b’dan il-mod, iżidu l-ispejjeż tal-konsumaturi marbuta mal-logħob kif ukoll ir-riskji ta’ dipendenza ta’ dawn tal-aħħar (ara sentenza Stanleybet International et, EU:C:2013:33, punt 45).

32

Għaldaqstant, u għar-raġunijiet invokati fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, fil-qasam partikolari tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard, l-awtoritajiet nazzjonali jibbenefikaw minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti li timplika l-protezzjoni tal-konsumatur u l-ordni fis-soċjetà u, sa fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huma barra minn hekk osservati, kull Stat Membru għandu jevalwa jekk, fil-kuntest tal-għanijiet leġittimi tiegħu, jekk huwiex neċessarju li jiġu preklużi totalment jew parzjalment ċerti attivitajiet tal-logħob tal-ażżard jew jekk huwiex suffiċjenti li jiġu limitati jew li jiġu stabbiliti għal dan il-għan kundizzjonijiet ta’ kontroll ftit jew wisq stretti (ara, f’dan is-sens, sentenzi Stanleybet International et, EU:C:2013:33, punt 44, u Dickinger u Ömer, EU:C:2011:582, punt 99).

33

Sussegwentement, għandu jitfakkar li, meta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat jew tar-regolamenti jagħtu setgħat lill-Istati Membri jew jimponu fuqhom obbligi għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-kwistjoni dwar b’liema mod l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat u l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi jista’ jiġi fdat mill-Istati lil organi interni speċifiċi taqa’ biss taħt is-sistema kostituzzjonali ta’ kull Stat (sentenza Horvath, C‑428/07, EU:C:2009:458, punt 49). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet li, fi Stat bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-leġiżlatur jista’ jqis li, fl-interess tal-persuni kollha kkonċernati, huma l-Länder u mhux l-awtoritajiet federali li għandhom jadottaw ċerti miżuri leġiżlattivi (ara, f’dan is-sens, sentenza Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punt 55).

34

Fil-kawża inkwistjoni, it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Länder ma tistax tiġi kkonfutata, peress li dan jibbenefika bil-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 4(2) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti għall-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali, inkluż dawk li jikkonċernaw l-awtonomija lokali u reġjonali.

35

Barra minn hekk, tista’ ssir distinzjoni bejn iċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti u dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza Carmen Media Group (EU:C:2010:505), peress li, fil-kawża prinċipali, ma hemmx inkwistjoni r-relazzjoni u l-eventwali dmir ta’ koordinazzjoni vertikali bejn l-awtoritajiet tal-Land ikkonċernat u l-awtoritajiet federali, iżda r-relazzjoni orizzontali bejn il-Länder li jibbenefikaw mill-kompetenzi leġiżlattivi fil-kuntest ta’ Stat Membru li għandu struttura federali.

36

Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li leġiżlazzjoni ta’ Land, iktar liberali minn dik fis-seħħ f’Länder oħra, tista’ possibbilment tipperikola l-koerenza tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fl-intier tagħha, għandu jiġi osservat li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tali eventwali dannu għall-koerenza ġie limitat ratione temporis u ratione loci għal Land wieħed. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li s-sitwazzjoni legali derogatorja f’Land taffettwa serjament in-natura adatta tar-restrizzjonijiet għal-logħob tal-ażżard applikabbli fil-Länder l-oħra kollha li jwettqu għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali.

37

Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż u tal-Westdeutsche Lotterie, il-leġiżlazzjoni l-iktar liberali fil-qasam tal-logħob tal-ażżard adottata mil-Land ta’ Schleswig-Holstein baqgħet fis-seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 2012 u t-8 ta’ Frar 2013. Wara din l-aħħar data, dan il-Land applika regoli iktar restrittivi tal-GlüStV 2012, diġà fis-seħħ f’Länder oħra.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 u 29 tas-sentenza preżenti ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-ħmistax-il Länder l-oħra kellhom jadottaw il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fis-seħħ biss fil-Land ta’ Schleswig-Holstein matul perijodu limitat.

39

Minn dan isegwi li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-logħob tal-ażżard inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità bħal dawk stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40

Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jitfakkar li hija l-qorti tar-rinviju li, b’kunsiderazzjoni għall-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tivverifika jekk ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istat Membru kkonċernat jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-proporzjonalità tagħhom (ara sentenza Dickinger u Ömer, EU:C:2011:582, punt 50).

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni komuni għall-maġġoranza tal-entitajiet federali ta’ Stat Membru li għandu struttura federali li tipprekludi, fil-prinċipju, l-organizzazzjoni u l-medjazzjoni tal-logħob tal-ażżard permezz tal-internet, fejn, matul perijodu limitat, entità federali waħda tkun żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni iktar liberali koeżistenti ma’ leġiżlazzjoni restrittiva f’entitajiet federali oħra, sa fejn tali leġiżlazzjoni tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni komuni għall-maġġoranza tal-entitajiet federali ta’ Stat Membru li għandu struttura federali li tipprekludi, fil-prinċipju, l-organizzazzjoni u l-medjazzjoni tal-logħob tal-ażżard permezz tal-internet, fejn, matul perijodu limitat, entità federali waħda tkun żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni iktar liberali koeżistenti ma’ leġiżlazzjoni restrittiva f’entitajiet federali oħra, sa fejn tali leġiżlazzjoni tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.