SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas — Assenza ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika valida — Effetti — Ordni għal ħlas Ewropea ddikjarata eżekuttiva — Oppożizzjoni — Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali — Termini”

Fil-Kawżi magħquda C‑119/13 u C‑120/13,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Wedding (il-Ġermanja), b’deċiżjonijiet, tas-7 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Frar 2013, rispettivament, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2013, fil-proċeduri

eco cosmetics GmbH & Co. KG

vs

Virginie Laetitia Barbara Dupuy (C‑119/13),

u

Raiffeisenbank St. Georgen reg. Gen. mbH

vs

Tetyana Bonchyk (C‑120/13),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal V. Dupuy, minn M. Stawska-Höbel, Avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn F. Dedousi u M. Skorila, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud‑Joët u B. Eggers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-9 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, fl-ewwel każ, eco cosmetics GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “eco cosmetics”), li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, u V. Dupuy, iddomiċiljata fi Franza, u, fit-tieni każ, bejn Raiffeisenbank St. Georgen reg. Gen. mbH, li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija, u T. Bonchyk, iddomiċiljata fil-Ġermanja, dwar proċeduri Ewropej ta’ ordni għal ħlas.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 13, 19 u 23 sa 25 tar-Regolament Nru 1896/2006 huma redatti kif ġej:

“(13)

Fl-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, il-pretendent għandu jkun obbligat li jipprovdi informazzjoni li hija suffiċjenti biex tidentifika u tappoġġa t-talba b’mod ċar sabiex tqiegħed lill-konvenut f’pożizzjoni li jagħmel għażla infurmata tajjeb jekk għandux jopponi jew ma jikkontestax it-talba.

[...]

(19)

Minħabba differenzi bejn ir-regoli ta’ proċedura ċivili, b’mod partikolari dawk li jirregolaw in-notifika ta’ dokumenti fl-Istati Membri, hemm ħtieġa li tiġi stabbilita definizzjoni speċifika u dettaljata ta’ l-istandards minimi li għandhom japplikaw fil-kuntest tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea. B’mod partikolari, rigward it-twettiq ta’ dawk l-istandards, kwalunkwe metodu bbażat fuq fictio juris m’għandux jitqies biżżejjed għan-notifika ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea.

[...]

(23)

Il-konvenut jista’ jissottometti d-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiegħu billi juża l-formola standard stabbilita f’dan ir-Regolament. Madankollu, il-qrati għandhom jieħdu kont ta’ kwalunkwe mezz ta’ oppożizzjoni bil-miktub oħra jekk dan jiġi espress b’mod ċar.

(24)

Dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni mressqa fil-limitu ta’ żmien għandha ttemm il-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u għandha twassal għal trasferiment awtomatiku tal-każ għal proċedimenti ċivili ordinarji sakemm il-pretendent ma jitlobx b’mod espliċitu li jtemm il-proċedimenti f’dak il-każ. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-kunċett ta’ proċedimenti ċivili ordinarji m’għandux bilfors jiġi interpretat fis-sens tal-liġi nazzjonali.

(25)

Wara li jiskadi l-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, f’ċerti każijiet eċċezzjonali l-konvenut għandu jkun intitolat japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea. Ir-reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali m’għandux ifisser li l-konvenut ikun qed jingħata opportunità oħra biex jopponi t-talba. Matul il-proċedura ta’ reviżjoni l-merti tat-talba m’għandhomx jiġu valutati lil hinn mir-raġunijiet li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali invokati mill-konvenut. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali l-oħra jistgħu jinkludu sitwazzjoni fejn l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet ibbażata fuq informazzjoni falza mogħtija fil-formola ta’ l-applikazzjoni.”

4

Skont il-premessa 27 tal-istess regolament, “[…] il-proċeduri għall-infurzar ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandhom jibqgħu jiġu regolati mil-liġi nazzjonali”.

5

L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2006 jipprovdi:

“L-għanijiet ta’ dan ir-Regolament huma:

(a)

li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea.”

6

L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dewmien”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi ddeterminata skond ir-regoli rilevanti tal-liġi Komunitarja, b’mod partikolari r-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonixximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42)].”

7

L-Artikolu 12(3) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 huwa redatt kif ġej:

“3.   Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat bl-għażliet li jkollu biex:

(a)

iħallas l-ammont indikat fl-ordni lill-pretendent;

jew

(b)

jopponi l-ordni billi jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti ta’ oriġini, mibgħuta fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni lill-konvenut.

[…]

5.   Il-qorti għandha tiżgura li l-ordni ġiet notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali permezz ta’ metodu li jirrispetta l-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13, 14 u 15.”

8

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Notifika bi prova li waslet għand il-konvenut”, jipprovdi:

“L-ordni ta’ ħlas Ewropea tista’ tiġi notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat li fih għandha ssir in-notifika, b’wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

notifika minn persuna għal persuna, attestata b’dikjarazzjoni li tkun waslet, inkluż id-data tal-wasla, u li tkun iffirmata mill-konvenut;

(b)

notifika minn persuna għal persuna attestata b’dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li wasslet in-notifika fejn hu ddikjarat li l-konvenut irċieva d-dokument jew irrifjuta li jirċevih bla ebda ġustifikazzjoni legali, u bid-data tan-notifika;

(ċ)

notifika bil-posta attestata b’dikjarazzjoni li tkun waslet, inkluż id-data tal-wasla, u li tkun iffirmata u rritornata mill-konvenut;

(d)

notifika b’mezzi elettroniċi bħall-fax jew l-e-mail, attestata b’dikjarazzjoni li tkun waslet, inkluż id-data tal-wasla, u li tkun iffirmata u rritornata mill-konvenut.”

9

L-Artikolu 14(1) u (2), intitolat “Notifika mingħajr prova li waslet għand il-konvenut”, jipprovdi:

“1.   L-ordni ta’ ħlas Ewropea tista’ wkoll tiġi notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat li fih issir in-notifika, b’wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

notifika minn persuna għal persuna fl-indirizz personali tal-konvenut lil persuni li joqogħdu fl-istess dar bħall-konvenut jew huma impjegati hemm;

(b)

f’każ ta’ konvenut li jaħdem għal rasu jew persuna ġuridika, notifika minn persuna għal persuna fis-sit kummerċjali tal-konvenut lil persuni li huma impjegati mill-konvenut;

(ċ)

depożitu ta’ l-ordni fil-kaxxa postali tal-konvenut;

(d)

depożitu ta’ l-ordni f’uffiċċju postali jew ma’ awtoritajiet pubbliċi kompetenti u t-tqegħid ta’ notifika bil-miktub ta’ dak id-depożitu fil-kaxxa postali tal-konvenut, dment li n-notifika bil-miktub turi b’mod ċar il-karattru tad-dokument bħala dokument tal-qorti jew l-effett legali tal-komunikazzjoni li taffetwa n-notifika u li tibda tiddekorri l-limiti ta’ żmien;

(e)

servizz postali mingħajr prova b’mod konformi mal-paragrafu 3 fejn il-konvenut għandu l-indirizz tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini;

(f)

mezzi elettroniċi attestati b’konferma awtomatika tal-wasla, sakemm il-konvenut ikun esprima l-aċċettazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ servizz minn qabel.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, in-notifika taħt il-paragrafu 1 mhuwiex ammissibbli jekk l-indirizz tal-konvenut ma jkunx magħruf b’ċertezza.”

10

L-Artikolu 15 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Notifika lil rappreżentant”, huwa redatt kif ġej:

“Notifika b’mod konformi ma’ l-Artikoli 13 jew 14 tista’ tiġi effettwata wkoll lil rappreżentant tal-konvenut.”

11

Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006:

“1.   Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.

3.   Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.

[...]”

12

L-Artikolu 17(1) tal-istess regolament jistipula:

“Jekk dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tiddaħħal fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-proċedimenti għandhom ikomplu qabel il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-pretendent ma jkunx talab b’mod espliċitu biex f’dak il-każ jintemmu l-proċedimenti.

[...]”

13

L-Artikolu 18 tal-istess regolament, intitolat “Esegwibilita”, jipprovdi:

“1.   Jekk fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), b’konsiderazzjoni meħuda taż-żmien xieraq li jippermetti li tasal dikjarazzjoni, ma tkun ġiet imressqa l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti ta’ oriġini, il-qorti ta’ oriġini għandha mingħajr dewmien tiddikjara l-ordni ta’ ħlas Ewropea esegwibbli, bl-użu tal-formola standard G kif stabbilit fl-Anness VII. Il-qorti ta’ oriġini għandha tivverifika d-data ta’ servizz.

2.   Bla preġudizzju għall-paragrafu 1, ir-rekwiżiti formali għall-esegwebilità għandhom ikunu regolati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini.

3.   Il-qorti għandha tibgħat l-ordni ta’ ħlas Ewropea esegwibbli lill-pretendent.”

14

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali”, jipprovdi:

“1.   Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-konvenut għandu jkun intitolat biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn:

(a)

(i)

l-ordni ta’ ħlas ġiet notifikata b’wieħed mill-metodi previsti fl-Artikolu 14;

u

(ii)

in-notifika ma ġietx effettwata fi żmien suffiċjenti li jippermettilu jipprepara għad-difiża tiegħu, mingħajr l-ebda nuqqas mill-parti tiegħu,

jew

(b)

il-konvenut ma tħalliex joġġezzjona għat-talba għal raġuni ta’ force majeure, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu,

sakemm fi kwalunkwe każ hu jaġixxi fil-pront.

2.   Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra.

3.   Jekk il-qorti tirrifjuta l-applikazzjoni tal-konvenut abbażi li l-ebda mir-raġunijiet għal reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma japplikaw, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tibqa’ fis-seħħ.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni hi ġustifikata għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tkun nulla u mingħajr effett.”

15

L-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament jistipula:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, proċeduri ta’ infurzar għandhom jiġu regolati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-infurzar.

Ordni ta’ ħlas Ewropea li tkun saret esegwibbli għandha tiġi infurzata taħt l-istess kondizzjonijiet bħal deċiżjoni esegwibbli fl-Istat Membru ta’ infurzar.”

16

L-Artikolu 26 tal-istess regolament, intitolat “Relazzjoni mal-liġi proċedurali nazzjonali”, huwa redatt kif ġej:

“Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx ittrattati b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.”

Id-dritt Ġermaniż

17

Fid-dritt Ġermaniż, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung) jindika l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-qasam ta’ ordni għal ħlas.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C‑119/13

18

eco cosmetics, kumpannija kkostitwita taħt id-dritt Ġermaniż, talbet lill-qorti tar-rinviju l-ħruġ ta’ ordni għal ħlas Ewropea kontra V. Dupuy, iddomiċiljata fi Franza.

19

Fit-22 ta’ Marzu 2010, l-Amtsgericht Wedding (qorti distrettwali ta’ Wedding) laqgħet, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1896/2006, l-imsemmija talba u ħarġet l-ordni għal ħlas Ewropea mitluba, sabiex tiġi nnotifikata b’ittra rreġistrata internazzjonali b’konferma ta’ rċevuta. Mill-konferma ta’ rċevuta jirriżulta li din l-ordni ġiet innotifikata fil-31 ta’ Marzu 2010 fl-indirizz indikat minn eco cosmetics. Il-konferma ta’ rċevuta ma tinkludi ebda informazzjoni oħra fir-rigward tan-notifika.

20

Fl-20 ta’ Mejju 2010, il-qorti tar-rinviju ddikjarat din l-ordni eżekuttiva.

21

Permezz ta’ ittra bl-avukat tat-28 ta’ Lulju 2010, V. Dupuy ikkontestat l-ordni għal ħlas inkwistjoni. B’ittra tal-5 ta’ Awwissu 2010, il-qorti tar-rinviju indikat li l-oppożizzjoni kienet barra mit-terminu u li, f’dan l-istadju, kien possibbli biss li ssir talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006.

22

Xahrejn wara, b’ittra tas-7 ta’ Ottubru 2010, V. Dupuy ressqet talba għal reviżjoni, mingħajr ma speċifikat il-mertu. Sitt xhur wara, permezz ta’ ittra bl-avukat tat-13 ta’ April 2011, hija mmotivat it-talba tagħha għal reviżjoni.

23

V. Dupuy issostni b’mod partikolari li l-ordni għal ħlas Ewropea maħruġa kontra tagħha ma ġiet fl-ebda ħin innotifikata lilha. Hija ppreċiżat li kienet ilha li telqet mill-indirizz indikat minn eco cosmetics mix-xahar ta’ Ottubru 2009 u li hija saret taf b’din l-ordni biss mill-bank tagħha fit-23 ta’ Lulju 2010.

Kawża C‑120/13

24

Raiffeisenbank St. Georgen reg. Gen. mbH, bank ikkostitwit taħt id-dritt Awstrijak, talab lill-qorti tar-rinviju li toħroġ ordni għal ħlas Ewropea kontra T. Bonchyk, iddomiċiljata fil-Ġermanja.

25

Fit-2 ta’ Settembru 2010, l-Amtsgericht Wedding ħarġet il-mitluba ordni għal ħlas Ewropea u pprovat f’żewġ okkażjonijiet, mingħajr suċċess, li tinnotifikaha bil-posta fl-indirizzi indikati mill-istess bank.

26

Sussegwentement, l-istess bank indika indirizz ieħor fejn l-ordni għal ħlas Ewropea inkwistjoni ġiet innotifikata billi tħalliet fil-kaxxa postali fl-1 ta’ Frar 2011.

27

Fl-10 ta’ Marzu 2011, l-Amtsgericht Wedding iddikjarat l-imsemmija ordni eżekuttiva.

28

Permezz ta’ faks tal-1 ta’ Ġunju 2011, T. Bonchyk ikkontestat l-ordni għal ħlas Ewropea maħruġa kontra tagħha. Hija argumentat li hija saret taf bl-eżistenza ta’ din l-ordni biss b’kumbinazzjoni u li, mis-sena 2009, hija ma kinitx għadha tgħix fl-indirizz fejn ġiet innotifikata.

29

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju 2011, l-Amtsgericht Wedding indikat lil T. Bonchyk li l-oppożizzjoni tagħha kienet barra mit-terminu u li, f’dan l-istadju, kien possibbli biss li ssir talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006. Permezz ta’ ittra bl-avukat tal-24 ta’ Ġunju 2011, T. Bonchyk ippreżenta talba għal reviżjoni.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Wedding iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati b’mod identiku fil-Kawżi C‑119/13 u C‑120/13, bl-eċċezzjoni tat-tieni domanda preliminari li hija speċifikament għall-Kawża C‑119/13:

“1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konvenut jista’ jitlob ukoll reviżjoni, mill-qorti, tal-ordni ta’ ħlas Ewropea meta l-ordni ta’ ħlas ma tkunx ġiet innotifikata lilu jew ma tkunx ġiet innotifikata lilu b’mod validu? Għal dan il-għan, jista’ wieħed jinvoka, b’analoġija, b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) jew l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

Fil-każ li l-ordni ta’ ħlas ma tkunx ġiet innotifikata lilu jew ma tkunx ġiet innotifikata lilu b’mod validu, il-konvenut għandu josserva l-limiti ta’ żmien għall-applikazzjoni tiegħu għal reviżjoni? Għal dan il-għan, jista’ wieħed jinvoka b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 1896/2006?

3)

Ukoll f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

X’konsegwenzi ġuridiċi proċedurali jkun hemm fil-każ ta’ suċċess tal-applikazzjoni għal reviżjoni; f’dan il-kuntest, jista’ wieħed jinvoka, b’analoġija, b’mod partikolari l-Artikolu 20(3) jew l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006?”

31

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2013, il-Kawżi C-119/13 u C120/13 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

32

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk meħtieġ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi sottomessi lilha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenza Worten, C-342/12, EU:C:2013:355, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Konsegwentement, anki jekk, fil-livell formali, id-domandi li saru jirreferu prinċipalment għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, tali fatt ma jżommx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli sabiex il-kawżi prinċipali jiġu deċiżi. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-rinviju, l-elementi ta’ dan id-dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwim (sentenza Worten, EU:C:2013:355, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, mill-proċessi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ma teskludix l-applikazzjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, tal-proċedura ta’ oppożizzjoni prevista fl-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Nru 1896/2006. Barra minn hekk, il-Gvern Elleniku u dak Taljan iqisu dawn id-dispożizzjonijiet bħala li huma l-uniċi dispożizzjonijiet applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali.

35

L-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-regolament hija rilevanti wkoll fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, ladarba l-ordnijiet għal ħlas Ewropej ġew iddikjarati eżekuttivi mill-qorti tar-rinviju.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-ewwel domanda għandha tiġi rriformulata bħala li tipprevedi, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk ir-Regolament Nru 1896/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 16 sa 20 ta’ dan ir-regolament ikunu applikabbli meta jirriżulta li ordni għal ħlas ma tkunx ġiet ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tal-imsemmi regolament.

37

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li mill-Artikoli 12(5) u 13 sa 15 tar-Regolament Nru 1896/2006 jirriżulta li kull ordni prevista minn dan ir-regolament għandha tkun suġġetta għal komunikazzjoni jew notifika li, filwaqt li ssegwi wieħed mill-modi deskritti fl-imsemmija Artikoli 13 sa 15, tkun konformi mal-istandards minimi imposti min dan ir-regolament. Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 36 sa 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ li dawn l-istandards minimi jiġu injorati, il-bilanċ bejn dawn l-għanijiet, imfittxija mir-Regolament Nru 1896/2006, ta’ rapidità u effikaċità, minn naħa, u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, min-naħa l-oħra, jiġi ppreġudikat.

38

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-possibbiltà ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ oppożizzjoni prevista fl-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Nru 1896/2006, għandu jiġi ppreċiżat li, kif jirriżulta mill-premessa 24 ta’ dan ir-regolament, l-oppożizzjoni hija l-mod ordinarju li bih tingħalaq il-proċedura ta’ ordni għal ħlas Ewropea, billi din twassal sabiex it-tilwima tgħaddi b’mod awtomatiku għall-proċedura ċivili ordinarja.

39

Fil-fatt, kemm-il darba l-krediti li jwasslu għal ordni għal ħlas Ewropea jiġu kkontestati permezz tal-oppożizzjoni, il-proċedura speċjali rregolata mir-Regolament Nru 1896/2006 ma tibqax tapplikax, ladarba, skont l-Artikolu 1(1)(a) ta’ dan ir-regolament, dan għandu biss l-għan li “jissimplifika, jħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus”.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-konvenut jista’ jopponi l-ordni għal ħlas Ewropea quddiem il-qorti li toħroġ l-ordni permezz tal-formola F li tiġi trażmessa flimkien mal-formola E li tinkludi l-ordni. L-oppożizzjoni għandha tiġi ppreżentata fi żmien 30 jum mill-komunikazzjoni jew min-notifika tal-ordni.

41

Issa, sa fejn l-ordni għal ħlas Ewropea ma tiġix ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-konvenut ma jirċevix il-formoli msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza u ma jkunx għalhekk informat b’mod regolari dwar l-eżistenza u l-bażi tal-ordni għal ħlas Ewropea maħruġa kontra tiegħu. F’każ bħal dan, dan ma jkollux neċessarjament l-informazzjoni utli kollha sabiex ikun jista’ jiddeċiedi jekk għandux jopponi din l-ordni.

42

Tali sitwazzjoni ma tistax tkun kompatibbli mad-drittijiet tad-difiża, b’tali mod li applikazzjoni tal-proċedura ta’ oppożizzjoni prevista fl-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Nru 1896/2006 ma tistax tkun prevista f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

43

Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni jew notifika konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tar-Regolament Nru 1896/2006, it-terminu ta’ oppożizzjoni previst fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament ma jibdiex jiddekorri, b’mod li l-validità tal-proċeduri li jiddependu fuq l-iskadenza ta’ dan it-terminu, bħad-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva prevista fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jew it-talba għal reviżjoni prevista fl-Artikolu 20 tiegħu, anki jekk dawn ikunu diġà ġew attivati, titqiegħed f’dubju.

44

Fir-rigward speċifikament tal-proċedura ta’ reviżjoni, għandu jitfakkar li din tapplika biss, kif jindika t-titolu stess tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, “f’każijiet eċċezzjonali” previsti b’mod limitattiv f’dan l-artikolu, filwaqt li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika ma jifformax parti minn dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

45

Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx espressament irregolati minn dan ir-regolament “għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali”.

46

Issa, f’dan il-każ, ir-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprovdi xejn fir-rigward ta’ rimedji possibbilment disponibbli lill-konvenut meta dan jirriżultalu biss wara d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ ordni għal ħlas Ewropea li din l-ordni ma tkunx ġiet ikkomunikata jew innotifikata lilu b’mod konformi mal-istandards minimi stipulati fl-Artikoli 13 sa 15 ta’ dan ir-regolament.

47

Minn dan isegwi li, f’tali każ, dawn id-domandi preliminari jibqgħu rregolati mid-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006.

48

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, meta ordni għal ħlas Ewropea ma tkunx ġiet ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tar-Regolament Nru 1896/2006, hija ma tkunx tista’ tibbenefika mill-applikazzjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament. Minn dan isegwi li d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ tali ordni għal ħlas għandha titqies invalida.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li r-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċeduri previsti fl-Artikoli 16 sa 20 ta’ dan ir-regolament ma jkunux applikabbli meta jirriżulta li ordni għal ħlas Ewropea ma tkunx ġiet ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tal-imsemmi regolament. Meta jkun biss wara d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ ordni għal ħlas Ewropea li tali irregolarità tiġi rrivelata, il-konvenut għandu jkollu l-opportunità li jinvoka din l-irregolarità, li għandha, jekk tiġi debitament ipprovata, twassal għall-invalidità ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

50

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi magħmula.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti tal-aħħar li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċeduri previsti fl-Artikoli 16 sa 20 ta’ dan ir-regolament ma jkunux applikabbli meta jirriżulta li ordni għal ħlas Ewropea ma tkunx ġiet ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tal-imsemmi regolament.

 

Meta jkun biss wara d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ ordni għal ħlas Ewropea li tali irregolarità tiġi rrivelata, il-konvenut għandu jkollu l-opportunità li jinvoka din l-irregolarità, li għandha, jekk tiġi debitament ipprovata, twassal għall-invalidità ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.