SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ April 2014 ( *1 )

“Direttiva 2003/96/KE — Intaxxar ta’ prodotti tal-enerġija — Prodotti mhux imsemmija fid-Direttiva 2003/96/KE — Kunċett ta’ ‘karburant tal-karozzi jew karburant li jsaħħan [kombustibbli jew karburant ekwivalenti]’”

Fil-Kawżi magħquda C‑43/13 u C‑44/13,

li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjonijiet tal-14 ta’ Novembru 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Jannar 2013, fil-proċeduri

Hauptzollamt Köln

vs

Kronos Titan GmbH (C-43/13)

u

Hauptzollamt Krefeld

vs

Rhein-Ruhr Beschichtungs-Service GmbH (C-44/13)

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), J. Malenovský, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Niilo Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

Għall-Hauptzollamt Köln, minn J. Krebs, bħala aġent,

għal Kronos Titan GmbH, minn W. Meilicke u D. E. Rabback, avukati,

għall-Hauptzollamt Krefeld, minn X. Konoplev, bħala aġent,

għal Rhein-Ruhr Beschichtungs-Service GmbH, minn D. Schiebold u N. Liebheit, avukati,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, A. Cunha u R. Collaço, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Barslev u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405)

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, fl-ewwel każ, il-Hauptzollamt Köln (Uffiċċju prinċipali doganali ta’ Köln) u Kronos Titan GmbH (iktar ’il quddiem “Kronos”) u, fit-tieni każ, il-Hauptzollamt Krefeld (Uffiċċju prinċipali doganali ta’ Krefeld) u Rhein-Ruhr Beschichtungs-Service GmbH (iktar ’il quddiem “RRBS”), dwar il-livell ta’ taxxa applikabbli, minn naħa, għat-toluen u, min-naħa l-oħra, għall-white spirit kif ukoll għaż-żejt irqiq Exxsol D60, prodotti li Kronos u RRBS jużaw rispettivament bħala kombustibbli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2003/96

3

Il-premessi 2 sa 6, 9, 17 u 18 tad-Direttiva 2003/96 huma redatti kif ġej:

“(2)

L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li timponi rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern. .

(3)

Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)

Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun [jistgħu jkunu] ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)

L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali. .

(6)

L-Artikolu 6 tat-Trattat [KE] jitlob li rekwiżiti dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tal-Komunità.

[...]

(9)

Stati Membri għandhom jingħataw il-flessibilità neċessarja biex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki xierqa skond iċ-cirkostanzi nazzjonali tagħhom.

[…]

(17)

Huwa neċessarju li l-Komunità tistabilixxi livelli minimi u differenti ta’ tassazzjoni skond l-użu ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku.

(18)

Prodotti ta’ enerġija użati bħala karburant għall-għanijiet industrijali u kummerċjali u dawk użati bħala karburant biex isaħħan [kombustibbli] huma normalment intaxxati b’rati iktar baxxi minn dawk applikabbli fuq prodotti ta’ enerġija użati bħala propellant [karburant].”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku skont din id-direttiva.

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jinkludi, fil-paragrafi 1, 3 u 5, id-dispożizzjonijiet segwenti:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminoloġija ‘prodotti ta’ enerġija’ għandha tapplika għall-prodotti:

a)

[...]

b)

li huma deskritti taħt Kodiċi NM […] 2704 sa 2715; ;

(ċ)

li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2901 u 2902;

[...]

3.   Meta l-prodotti tal-enerġija, minbarra dawk li għalihom hemm livell ta’ tassazzjoni speċifikata f’din id-Direttiva, ikunu intenzjonati għal użu, għal bejgħ jew użati bħala karburant tal-karrozzi jew karburant li jsaħħan [bħala karburant jew kombustibbli], dawn għandhom jiġu intaxxati skont l-użu, bl-istess rata tal-karburant li jsaħħan u l-karburant tal-karrozzi [tal-kombustibbli jew karburant ekwivalenti].

Minbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1, kull prodott li se jintuża, jinbiegħ jew jiġi użat bħala karburant tal-karozzi [karburant], jew bħala addittiv jew sustanza miżjuda fil-karburanti tal-karozzi, għandu jiġi intaxxat bl-istess rata tal-karburant tal-karozzi.

Minbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1, kull idrokarbonju ieħor, minbarra l-pit, li se jintuża, jinbiegħ jew jiġi użat biex isaħħan għandu jiġi intaxxat b’rata ekwivalenti ta’ prodott ta’ enerġija.

[...]

5.   Referenzi f’din id-Direttiva għall-kodiċi ta’ [NM] għandhom ikunu għal dawk tar-[Regolament] tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001 tas-6 ta’ Awwissu 2001, li [jemenda] Annex I tar-[Regolament] tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 fuq it-tariffa u nomenklatura tal-istatistika u fuq it-tariffa doganali komuni [(ĠU L 279, p. 1)].”

[...]”

6

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi s-segwenti:

“1.   Il-livelli ta’ tassazzjoni li Stati Membri għandhom japplikaw fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif imniżżla fl-Artikolu 2 ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli miimi ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva.

2.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva ‘livell ta’ tassazzjoni’ huwa il-piż totali intaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti kollha (ħlief il-VAT) ikkalkulat direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku meta dawn ikunu rilaxxati għall-konsum.”

7

L-Artikoli 7 u 8 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxu li l-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli, rispettivament, għall-karburanti u għall-prodotti użati bħala karburant huma stabbiliti skont it-Tabelli A jew B tal-Anness I tal-istess direttiva. Skont l-Artikolu 9 tagħha, il-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-kombustibbli jinsabu fit-Tabella Ċ tal-imsemmi anness.

8

L-ebda minn dawn it-tabelli ma tinkludi livelli li jikkonċernaw it-toluen (Kodiċi NC 2902 30 00) il-white spirit jew iż-żejt irqiq (il-kodiċi ta’ dawn l-aħħar tnejn huwa NC 2710 11 21).

9

It-Tabella Ċ tal-Anness I tad-Direttiva 2003/96 tipprovdi s-segwenti:

Ċ — Livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli fuq karburanti li jsaħħnu [kombustibbli] u elettriku

 

Użu għan‑negozju

Użu Privat

Nafta

(bl-euro kull 1000 l)

Kodiċi NM 2710 19 41 sa 2710 19 49

21

21

Żejt tqil għall-magni

(bl-euro kull 1000 kg)

Kodiċi NM 2710 19 61 sa 2710 19 69

15

15

Pitrolju

(bl-euro kull 1000 l)

Kodiċi NM 2710 19 21 u 2710 19 25

0

0

LPG

(bl-euro kull 1000 kg)

Kodiċi NM 2711 12 11 sa 2711 19 00

0

0

Gass naturali

(bl-euro kull gigajoule gross valur kalorifiku)

Kodiċi NM 2711 11 00 u 2711 21 00

0.15

0.3

Faħam u kokk

(bl-euro kull gigajoule gross valur kalorifiku)

Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704

0.15

0.3

Elettriku

(bl-euro kull MWh)

Kodiċi NM 2716

0.5

1.0

Id-dritt Ġermaniż

10

L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija (Energiesteuergesetz), tal-15 ta’ Lulju 2006 (iktar ’il quddiem l-“EnergieStG”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ matul is-sena 2007 u 2008, jiġifieri d-dati meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“(1)   Għandha titħallas taxxa,

1.

għal 1 000 l ta’ petrol tas-subintestaturi 2710 11 41 sa 2710 11 49 tan-[NM]

[...]

b)

b’kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 10 mg/kg, ta’ EUR 654.50

[...]

(3)   B’deroga mill-punti 1 u 2, it-taxxa titla’ għal […] [skont lista dettaljata ta’ ħames intestaturi, li parti minnhom tinkludi subintestatura, u r-rati ta’ tassazzjoni, inekwivokament inferjuri, applikabbli fir-rigward tagħhom, li ssemmi b’mod partikolari d-diżil tas-subintestaturi 2710 19 41 sa 2710 19 49 tan-NM kif ukoll iż-żejt tas-subintestaturi 2710 19 61 sa 2710 19 69 tan-NM],

meta jintużaw bħala kombustibbli jew jiġu ddikjarati għal dan il-għan. […].

(4)   Il-prodotti għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 huma suġġetti għall-istess taxxa bħal prodotti tal-enerġija li huma l-iktar viċin tagħhom, abbażi tal-karatteristiċi tagħhom u l-għan li għalihom huma maħsuba. […]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-fatti prinċipali fil-Kawża C-43/13

11

Kronos tipproduċi trab tad-dijossidu tat-titanju (imsejjaħ “pigment abjad”). Sabiex tipprovoka r-reazzjoni kimika mixtieqa, it-temperatura għandha tittella’ għal 1 650°C. Kronos tilħaq din it-temperatura billi tivvaporizza t-toluen f’ossiġnu li jiġi minfuħ f’apparat għall-ħruq.

12

Matul is-sena 2007, Kronos iddikjarat lill-Hauptzollamt Köln ammont ta’ madwar EUR 1.1 miljun abbażi tat-taxxa dwar l-enerġija għall-użu tat-toluen. F’dan ir-rigward, hija b’mod leali segwiet il-pożizzjoni legali tal-Hauptzollamt Köln billi applikat rata ta’ tassazzjoni ta’ EUR 654.50 għal kull 1000 kg. Din ir-rata hija ffissata fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-EnergieStG għall-petrol li jaqa’ taħt is-subinterstatura 2710 11 41 sa 2710 11 49 tan-NM, b’kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 10 mg/kg. Kronos ippreżentat fl-istess ħin ilment kontra d-dikjarazzjoni tagħha, billi talbet l-applikazzjoni ta’ waħda mir-rati ta’ tassazzjoni li huma ħafna iktar baxxi stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tal-EnergieStG għal sensiela ta’ prodotti tal-enerġija użati bħala kombustibbli.

13

Peress li t-toluen ma jinsabx fl-Artikolu 2 tal-EnergieStG, għalhekk, skont il-kliem tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, kellha tiġi applikata r-rata ta’ tassazzjoni tal-prodott tal-enerġija l-iktar viċin il-kwalità u l-għan tiegħu.

14

L-azzjoni ppreżentata wara li l-ilment ġie miċħud intlaqgħet mill-Finanzgericht li qieset li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96. Din il-qorti qieset li, peress li t-toluen huwa użat bħala kombustibbli, ir-rata ta’ tassazzjoni ma tistax tirriżulta, skont interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tal-EnergieStG konformi mal-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/96, mill-Artikolu 2(1) tal-EnergieStG, iżda kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 2(3) ta’ din l-aħħar liġi, għaliex din id-dispożizzjoni biss tistabbilixxi rati ta’ tassazzjoni għall-kombustibbli.

15

Il-Hauptzollamt Köln ippreżenta azzjoni ta’ “Reviżjoni” kontra s-sentenza tal-Finanzgericht quddiem il-Bundesfinanzhof.

Il-fatti prinċipali fil-Kawża C‑44/13

16

RRBS tipproduċi passati ta’ finitura billi tuża proċedura termali. Għal dan il-għan, hija tuża white spirit mixtri f’tankijiet mhux taxxabbli (subintestatura 2710 11 21 tan-NM) u ż-żejt irqiq Exxsol D60 li jaqa’ taħt l-istess intestatura, sabiex jaħraqhom.

17

Permezz tad-dikjarazzjonijiet ta’ taxxa tal-1 ta’ Diċembru 2008 u tas-7 ta’ Diċembru 2009 li jikkonċernaw is-sena 2007 u s-sena 2008, il-Hauptzollamt Krefeld stabbilixxa għall-white spirit u għaż-żejt irqiq Exxsol D60 taxxa dwar l-enerġija f’ammont totali ta’ EUR 134 747.70 skont rata ta’ taxxa ta’ EUR 654.50 għal kull 1000 kg. Din ir-rata hija ffissata fil-punt 1(b) tal-Artikolu 2(1) tal-EnergieStG għall-petrol li jaqa’ taħt is-subinterstaturi 2710 11 41 sa 2710 11 49 tan-NM, b’kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 10 mg/kg. Peress li l-ilment tagħha ma ġiex milqugħ, RRBS ippreżentat rikors, fejn talbet l-applikazzjoni ta’ waħda mir-rati ta’ tassazzjoni li huma ħafna iktar baxxi stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tal-EnergieStG għal sensiela ta’ prodotti tal-enerġija użati bħala kombustibbli.

18

Peress li l-white spirit u ż-żejt irqiq Exxsol D60 ma jinsabux fl-Artikolu 2 tal-EnergieStG, għalhekk, skont il-kliem tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, kellha tiġi applikata r-rata ta’ tassazzjoni tal-prodott tal-enerġija li huwa l-eqreb fil-kwalità u fl-għan tiegħu.

19

L-azzjoni ntlaqgħet mill-Finanzgericht li qieset li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96. Skont l-imsemmija qorti, peress li l-white spirit u ż-żejt irqiq huma użati bħala kombustibbli, ir-rata ta’ tassazzjoni ma tistax tirriżulta, skont interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tal-EnergieStG konformi ma’ din id-dispożizzjoni tad-direttiva, mill-Artikolu 2(1) tal-EnergieStG, iżda kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 2(3) ta’ din il-liġi, għaliex din id-dispożizzjoni biss tistabbilixxi rati ta’ tassazzjoni għall-kombustibbli.

20

Il-Hauptzollamt Krefeld ippreżenta azzjoni ta’ “Reviżjoni” kontra s-sentenza tal-Finanzgericht quddiem il-qorti tar-rinviju.

Id-domanda preliminari

21

Għalkemm tikkunsidra li t-taxxa b’rata għolja għall-prodotti inkwistjoni minkejja l-użu tagħhom bħala kombustibbli hija skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/96, il-qorti tar-rinviju madankollu tqis li din il-konformità ma hijiex ċerta.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti, redatta bi kliem identiku fiż-żewġ kawżi.

“L-Artikolu 2(3) tad-[Direttiva 2003/96] jeżiġi li fit-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija minbarra dawk li fir-rigward tagħhom il-livell ta’ tassazzjoni huwa speċifikat fid-Direttiva, tiġi applikata rata ta’ tassazzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali stabbilixxiet fir-rigward tal-użu ta’ prodott tal-enerġija bħala kombustibbli meta dan il-prodott l-ieħor tal-enerġija jintuża ukoll bħala kombustibbli? Altrimenti, jekk il-prodott l-ieħor tal-enerġija jkun ekwivalenti għal prodott tal-enerġija speċifiku fl-użu tiegħu bħala kombustibbli, tista’ tiġi applikata r-rata ta’ tassazzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward ta’ dan il-prodott tal-enerġija anki jekk din tkun rata uniformi li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-użu bħala karburant jew bħala kombustibbli?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23

Permezz ta’ digriet tat-7 ta’ Frar 2013, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li l-Kawżi C‑43/13 u C‑44/13 jiġu magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domanda preliminari

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf kif għandha tiġi interpretata l-kundizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva2003/96, li tipprovdi li l-prodotti tal-enerġija li ma humiex dawk li għalihom ġie stabbilit livell ta’ tassazzjoni fl-imsemmija direttiva huma ntaxxati skont l-użu tagħhom, bir-rata applikata għall-kombustibbli jew il-karburant ekwivalenti.

25

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għad-determinazzjoni tal-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jitqiesu fl-istess ħin kliemha, il-kuntest u l-għanijiet tagħha (sentenza Spedition Welter GmbH, C-306/12, EU:C:2013:650, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Huwa minnu li, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96, bosta verżjonijiet lingwistiċi, jiġifieri, b’mod partikolari, il-verżjonijiet Spanjola, Ġermaniża, Ingliża, Franċiża u Taljana, jikkwotaw sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ taxxa applikabbli “l-użu” bħala l-ewwel kriterju, filwaqt li l-kriterju tal-prodott “ekwivalenti” huwa msemmi biss sussegwentement. Tali sekwenza tista’ tissuġġerixxi li, fl-ewwel stadju, għandu jiġi eżaminat liema huwa l-użu konkret tal-prodott inkwistjoni u huwa biss fit-tieni stadju li għandu jiġi ddeterminat liema prodott ta’ referenza huwa “ekwivalenti”.

27

Peress li l-preżentazzjoni tal-imsemmija kriterji ma hijiex, madankollu, l-istess għall-verżjonijiet lingwistiċi kollha tad-Direttiva 2003/96, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-kuntest u l-għanijiet tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonfermawx il-prevalenza tal-użu konkret tal-prodott fuq il-kriterju tal-ekwivalenza.

28

Fir-rigward tal-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-bażi tad-Direttiva 2003/96 tistrieħ fuq distinzjoni ċara bejn il-karburanti u l-kombustibbli. Din id-distinzjoni, introdotta bil-premessi 17 u 18 ta’ din id-direttiva, hija applikata, b’mod partikolari, bl-Artikoli 7 sa 9 tagħha, dwar il-modalitajiet tal-iffissar tal-livelli minimu ta’ tassazzjoni applikabbli, minn naħa, għall-kombustibbli u, min-naħa l-oħra, għall-karburanti kif ukoll għall-prodotti użati bħala karburanti għall-finijiet industrijali u kummerċjali speċifiċi.

29

Billi jirreferi għall-prodotti użati bħala karburanti, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/96 jikkontribwixxi biex idawwal il-funzjoni żgurata mill-kriterju tal-użu fil-kuntest ta’ din id-direttiva, jiġifieri dik li prodott determinat jiġi intaxxat skont l-użu li jsir minnu bħala jew karburant jew bħala kombustibbli.

30

Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li l-bażi tad-Direttiva 2003/96 tistrieħ fuq distinzjoni ċara bejn il-karburanti u l-kombustibbli, skont, b’mod partikolari, il-kriterju tal-użu.

31

Fir-rigward tal-għanijiet imfittxa mill-iskema li fih tidħol id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessi 3 sa 5 tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex, permezz tad-distinzjoni bejn il-karburanti u l-kombustibbli u billi stabbilixxa ċertu numru ta’ livelli minimi ta’ tassazzjoni, li jiżgura il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

32

Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva fis-sens li l-Istati Membri għandhom japplikaw għal kull prodott użat bħala karburant jew bħala kombustibbli rata ta’ tassazzjoni prevista, rispettivament, għal karburant ieħor jew għal kombustibbli ieħor tippermetti l-approssimazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ tassazzjoni, billi jiġi evitat li l-istess prodott jiġi intaxxat f’ċerti Stati Membri bħala karburant filwaqt li, fi Stati Membri oħra, jiġi suġġett għar-rata ta’ kombustibbli. Jekk jiġi interpretat b’dan il-mod, il-mekkaniżmu implementat minn din id-dispożizzjoni jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

33

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 fis-sens li l-kriterju tal-użu bħala karburant jew kombustibbli huwa determinanti jippermetti li jiġu esklużi distorsjonijiet eventwali ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti użati għall-istess finijiet.

34

Għalhekk, hemm lok, fl-ewwel stadju, li jiġi ddeterminat l-użu bħala karburant jew kombustibbli magħmul mill-prodotti inkwistjoni qabel ma jiġi stabbilit, fit-tieni stadju, liema huwa, skont il-każ, il-karburant jew il-kombustibbli li huwa ekwivalenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

35

Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “ekwivalenza ta’ prodott” għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, mill-perspettiva tas-sostitwibbiltà jew tal-interkambjalità tal-prodotti tal-enerġija inkwistjoni. Fil-kawża prinċipali, għandu għalhekk jiġi vverifikat, jekk wieħed mill-prodotti li jinsab fit-Tabella Ċ tal-Anness I tad-Direttiva 2003/96 setax jintuża bħala sostitut għall-imsemmija prodotti tal-enerġija sabiex jinkiseb ir-riżultat li huwa mfittex f’dan il-każ. B’dan il-mod, huwa ggarantit li żewġ prodotti li jissodisfaw l-istess funzjoni jiġu ntaxxati fl-istess livell.

36

Għandu wkoll jiġi ppreċiżat li, sa fejn ma hemmx sostitut fis-sens tal-punt preċedenti, għandu jiġi identifikat, skont il-każ, il-karburant jew il-kombustibbli li huwa, permezz tal-karatteristiċi u l-għan tiegħu, l-eqreb għall-prodott inkwistjoni. Billi jsir hekk, ikun qed jiġi osservat l-obbligu li ssir distinzjoni bejn il-karburanti u l-kombustibbli fir-rigward tal-prodotti li għalihom il-livelli minimi ta’ tassazzjoni ma ġewx stabbiliti individwalment fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

37

Minn dan isegwi li “karburant li jsaħħan u l-karburant tal-karozzi [kombustibbli jew il-karburant ekwivalenti]” fis-sens tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi ddeterminat, qabelxejn, skont l-użu, bħala kombustibbli jew bħala karburant, li jsir mill-prodott inkwistjoni, qabel ma jiġi identifikat dak il-karburant jew il-kombustibbli li jinsab fit-tabella rilevanti tal-Anness I tad-Direttiva 2003/96 li dan il-prodott effettivament jissostitwixxi minħabba l-użu tiegħu u, fin-nuqqas ta’ dan, dak li, minħabba l-karatteristiċi tiegħu u l-għan tiegħu, huwa l-eqreb lejh.

38

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-kundizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96, li tipprovdi li l-prodotti tal-enerġija li ma humiex dawk li għalihom livell ta’ tassazzjoni huwa speċifikat fl-imsemmija direttiva huma ntaxxati skont l-użu tagħhom, bir-rata applikata għall-kombustibbli jew għall-karburant ekwivalenti, għandha tiġi interpretata fis-sens li għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel stadju, jekk il-prodott inkwistjoni huwiex użat bħala kombustibbli jew bħala karburant, qabel ma jiġi identifikat, fit-tieni stadju, għal liema karburant jew għal liema kombustibbli, skont il-każ, li jinsab fit-tabella korrispondenti tal-Anness I ta’ din id-direttiva, il-prodott inkwistjoni huwa minħabba l-użu tiegħu sostitut effettiv, jew, fin-nuqqas ta’ dan, liema mill-imsemmija karburanti jew l-imsemmija kombustibbli huwa, minħabba l-karatteristiċi tiegħu u l-għan tiegħu, l-eqreb lejh.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-kundizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, li tipprovdi li l-prodotti tal-enerġija li ma humiex dawk li għalihom livell ta’ tassazzjoni huwa speċifikat fl-imsemmija direttiva huma ntaxxati skont l-użu tagħhom, bir-rata applikata għall-kombustibbli jew għall-karburant ekwivalenti, għandha tiġi interpretata fis-sens li għandu jiġi ddeterminat, fl-ewwel stadju, jekk il-prodott inkwistjoni huwiex użat bħala kombustibbli jew bħala karburant, qabel ma jiġi identifikat, fit-tieni stadju, għal liema karburant jew għal liema kombustibbli, skont il-każ, li jinsab fit-tabella korrispondenti tal-Anness I ta’ din id-direttiva, il-prodott inkwistjoni huwa minħabba l-użu tiegħu sostitut effettiv, jew, fin-nuqqas ta’ dan, liema mill-imsemmija karburanti jew l-imsemmija kombustibbli huwa, minħabba l-karatteristiċi tiegħu u l-għan tiegħu, l-eqreb lejh.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.