SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

30 ta’ April 2014 ( *1 )

“Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur — Artikoli 4(2) u 6(1) — Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali — Esklużjoni tal-klawżoli li jirrigwardaw is-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew l-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni jekk dawn huma mfassla b’mod ċar u li jinftiehem — Kuntratti ta’ self lill-konsumatur f’munita barranija — Klawżoli dwar ir-rati tal-kambju — Differenza bejn il-prezz tax-xiri, li japplika fil-mument tal-għoti tas-self, u l-prezz tal-bejgħ, li japplika fil-mument tal-ħlas tiegħu — Setgħat tal-qorti nazzjonali fil-preżenza ta’ klawżola kklassifikata bħala ‘inġusta’ — Sostituzzjoni tal-klawżola inġusta b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari — Ammissibbiltà”

Fil-Kawża C-26/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Kúria (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Jannar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura

Árpád Kásler,

Hajnalka Káslerné Rábai

vs

OTP Jelzálogbank Zrt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, A. Prechal (Relatur), F. Biltgen u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Aleksejev, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal OTP Jelzálogbank Zrt, minn G. Gadó, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn K. Szíjjártó u Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková u M. Smolek, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Alexaki u L. Pnevmatikou, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Talabér-Ritz u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Kásler u H. Káslerné Rábai (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“persuni li ssellfu”) u OTP Jelzálogbank Zrt (iktar ’il quddiem il-“Jelzálogbank”) dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali dwar ir-rata tal-kambju applikabbli għall-ħlasijiet ta’ self f’munita barranija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

It-tnax, it-tlettax, id-dsatax, l-għoxrin u l-erbgħa u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 jistipulaw:

“Billi, iżda, kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat [KEE], li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva;

Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; [...] billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra;

[…]

Billi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, m’għandhiex issir stima ta’ karattru inġust ta’ klawżoli li jiddeskrivu l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [is-suġġett prinċipali tal-kuntratt] u lanqas il-proporzjon bejn kwalità/il-prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti; billi l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [is-suġġett prinċipali tal-kuntratt] u l-proporzjon bejn kwalità/prezz jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati meta tkun qiegħda ssir l-istima dwar jekk klawżoli oħra jkunux ġusti; […]

Billi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha […]

[…]

Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija Direttiva:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

[…]

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu[.]

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [is-suġġett prinċipali tal-kuntratt] u lanqas mas-suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar [lingwaġġ ċar u li jinftiehem].”

7

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar [lingwaġġ ċar u li jinftiehem]. […]”

8

Skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

9

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

10

Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

11

L-anness tad-Direttiva 93/13, dwar il-klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3) tagħha, fil-punt 1 tiegħu jinkludi lista mhux limitattiva tal-klawżoli li jistgħu jitqiesu inġusti. Fil-paragrafu 1(j) jinsabu l-klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li “jawtorizzaw lill-bejjiegħ jew lill-fornitur li jibdel il-klawżoli ta’ kuntratt minn naħa waħda biss mingħajr raġuni valida li tkun speċifikata fil-kuntratt”. Fil-paragrafu 1(l) jinsabu dawk li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li “[...] jippermettu lil bejjiegħ ta’ merkanzija jew lil fornitur ta’ servizzi jżid il-prezz [tiegħu] mingħajr ma’ jagħti lill-konsumatur [...] d-dritt korrispondenti li jikkanċella l-kuntratt jekk l-aħħar prezz ikun għoli wisq f’relazzjoni mal-prezz miftiehem meta l-kuntratt ikun ġie konkluż”.

12

Il-paragrafu 2 ta’ dan l-anness jirrigwarda l-portata tas-subparagrafi (g), (j) u (l). Il-paragrafu 2(b) jindika b’mod partikolari li “[s]-subparagrafu (j) huwa mingħajr xkiel għal klawżoli li taħthom fornitur ta’ servizzi finanzjarji jirriserva d-dritt li jibdel ir-rata ta’ imgħaxijiet pagabbli mill-konsumatur jew dovuti lilu, jew l-ammont ta’ imposti oħra għal servizzi finanzjarji bla avviż fejn ikun hemm raġuni valida, sakemm dak il-fornitur ikun meħtieġ jinforma lil parti jew partijiet kontraenti oħra tagħhom fl-opportunità l-aktar kmieni u li dawn ta’ l-aħħar ikunu liberi li jxolju l-kuntratt immedjatament”. Il-paragrafu 2(d) jipprovdi li “[s]-subparagrafu (l) huwa mingħajr xkiel għal klawsoli ta’l-indiċjar tal-prezzijiet, fejn legali, sakemm il-metodu li bih ivarjaw il-prezzijiet jiġi deskritt b’mod espliċitu”.

Id-dritt Ungeriż

13

L-Artikolu 209 tal-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tiegħu applikabbli matul il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), kien jipprovdi:

“1.   Klawżola kuntrattwali ġenerali, jew klawżola kuntrattwali li ma hijiex innegozjata b’mod individwali, ta’ kuntratt ma’ konsumatur, hija inġusta jekk, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ bona fide u ta’ ekwità, b’mod unilaterali u mingħajr ġustifikazzjoni hija tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt b’mod li tiżvantaġġja lill-parti kontraenti għajr dak li jimponi l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni.

[…]

4.   Id-dispożizzjonijiet dwar il-klawżoli kuntrattwali inġusti la huma applikabbli għall-klawżoli kuntrattwali li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas għal dawk li jistabbilixxu l-bilanċ bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv mogħti għall-istess servizz.

[…]”

14

B’effett mit-22 ta’ Mejju 2009, il-paragrafi 4 u 5 ta’ din id-dispożizzjoni ġew emendati kif ġej:

“4.

Klawżola kuntrattwali ġenerali, jew klawżola kuntrattwali li ma hijiex innegozjata b’mod individwali ta’ kuntratt ma’ konsumatur, hija wkoll inġusta minħabba s-sempliċi fatt li din ma hijiex redatta b’mod ċar u li jinftiehem.

5.

Id-dispożizzjonijiet dwar il-klawżoli kuntrattwali inġusti la huma applikabbli għall-klawżoli kuntrattwali li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas għal dawk li jistabbilixxu l-bilanċ bejn is-servizz ipprovdut u l-korrispettiv mogħti għall-istess servizz, sa fejn dawn il-klawżoli huma redatti b’mod ċar u li jinftiehem.”

15

L-Artikolu 231 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.   Ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni kuntrarja, debitu ta’ somom ta’ flus għandu jitħallas fil-munita legali fil-post tal-eżekuzzjoni.

2.   Debitu espress f’munita oħra jew f’deheb għandu jiġi kkonvertit abbażi tal-munita awtentika fil-lok u fil-mument tal-pagament.”

16

Skont l-Artikolu 237 tal-imsemmi kodiċi:

“1.   Fil-każ ta’ kuntratt li ma huwiex validu, għandha tipprevali s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

2.   Jekk ma jkunx possibbli li tipprevali s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, il-qorti tista’ tiddikjara l-kuntratt applikabbli sakemm tkun tat id-deċiżjoni. Huwa possibbli li kuntratt li kien mingħajr validità jiġi ddikjarat validu jekk ikun possibbli li tintemm il-kawża tal-invalidità, b’mod partikolari f’każ ta’ sproporzjon tas-servizzi tal-partijiet f’kuntratt ta’ użura permezz tat-tneħħija tal-vantaġġ sproporzjonat. F’każ bħal dan, għandha tiġi ordnata r-restituzzjoni tas-servizz li jkun għadu dovut, jekk ikun il-każ, mingħajr korrispettiv.”

17

L-Artikolu 239 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“1.   Fil-każ ta’ nuqqas parzjali ta’ validità ta’ kuntratt, il-kuntratt ma huwiex ivvizzjat fit-totalità tiegħu ħlief jekk ma jkunx jista’ jiġi eżegwit mingħajr il-parti li ma hijiex valida. Dispożizzjonijiet legali jistgħu jidderogaw minn din id-dispożizzjoni.

2.   Fil-każ ta’ nuqqas parzjali ta’ validità ta’ kuntratt ma’ konsumatur, il-kuntratt ma huwiex ivvizzjat fit-totalità tiegħu ħlief jekk ma jkunx jista’ jiġi eżegwit mingħajr il-parti li ma hijiex valida.”

18

Skont l-Artikolu 239/A(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Il-parti tista’ titlob lill-qorti tikkonstata n-nuqqas ta’ validità ta’ kuntratt jew ta’ ċerti speċifikazzjoni tal-kuntratt (nuqqas parzjali ta’ validità), mingħajr ma fl-istess ħin ikollha titlob l-applikazzjoni ta’ konsegwenzi marbuta mal-imsemmi nuqqas ta’ validità.”

19

L-Artikolu 523 tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi dan li ġej:

“1.   Permezz ta’ kuntratt ta’ self, l-istabbiliment ta’ kreditu jew kwalunkwe persuna oħra li ssellef, huwa obbligat ipoġġi għad-dispożizzjoni tad-debitur l-ammont miftiehem; min-naħa tieħu, id-debitur huwa obbligat iħallas lura l-imsemmi ammont skont il-kuntratt.

2.   Jekk il-persuna li ssellef huwa stabbiliment ta’ kreditu, id-debitur ikun obbligat iħallas interessi, bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja (self bankarju).”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Fid-29 ta’ Mejju 2008, il-persuni li ssellfu kkonkludew ma’ Jelzálogbank kuntratt imsejjaħ “self ipotekarju f’munita barranija ggarantit b’ipoteka” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self”).

21

Skont il-paragrafu I/1 ta’ dan il-kuntratt, Jelzálogbank tat lill-persuni li ssellfu self tal-ammont ta’ 14400000 forint Ungeriż (HUF), fejn ġie ppreċiżat li “l-iffissar tal-ammont f’munita barranija tas-self għandu jsir skont il-prezz tax-xiri tal-munita applikata mill-bank fil-jum tal-għoti tal-fondi”. Skont dan il-paragrafu I/1 tal-kuntratt, “wara l-għoti tal-fondi, l-ammont tas-self, tal-interessi relatati u tal-ispejjeż tal-ġestjoni, kif ukoll l-ammont tal-interessi moratorji u ta’ spejjeż oħra ser jiġu stabbiliti f’munita barranija”.

22

Abbażi tal-prezz tax-xiri tal-frank Svizzeru (CHF) applikat minn Jelzálogbank meta ngħataw il-fondi, l-ammont tas-self ġie stabbilit għal CHF 94 240.84. Il-persuni li ssellfu kienu obbligati jirrimborsaw din is-somma fuq perijodu ta’ 25 sena, b’kull pagament isir fir-raba’ jum ta’ kull xahar.

23

Bis-saħħa tal-paragrafu II tal-imsemmi kuntratt, dan is-self sar b’rata ta’ interessi nominali ta’ 5.2 % li, miżjud bl-ispejjeż ta’ ġestjoni ta’ 2.04 %, kien ifisser rata annwali effettiva globali (RAEG) ta’ 7.43 % fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self.

24

Skont il-paragrafu III/2 ta’ dan il-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“klawżola III/2”), “il-persuna li ssellef għandha tiddetermina l-ammont f’HUF ta’ kull pagament li għandu jitħallas abbażi tal-prezz applikat mill-Bank għall-bejgħ tal-munita [barranija] fil-jum ta’ qabel id-data tal-eżiġibbiltà”.

25

Il-persuni li ssellfu ppreżentaw rikors kontra Jelzálogbank billi sostnew in-natura inġusta tal-klawżola III/2. Huma argumentaw li, peress li tippermetti lil Jelzálogbank tikkalkola l-pagamenti ta’ rimbors eżiġibbli abbażi tal-prezz tal-bejgħ tal-munita barranija applikata minn Jelzálogbank, filwaqt li l-ammont tas-self mogħti huwa stabbilit minn din tal-aħħar abbażi tal-prezz tax-xiri li hija tapplika għal din il-munita, din il-klawżola tagħti lil Jelzálogbank vantaġġ unilaterali u mhux iġġustifikat, skont l-Artikolu 209 tal-Kodiċi Ċivili.

26

Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet dan ir-rikors. Din is-sentenza sussegwentement ġiet ikkonfermata fl-appell. Fis-sentenza tagħha, il-qorti tal-appell ikkunsidrat b’mod partikolari li, fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ self bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ppreżentata quddiemha, Jelzálogbank ma kinitx tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha muniti barranin. Għall-kuntrarju, hija kkonstatat li Jelzálogbank kienet tagħmel l-ammont ta’ kull xahar, espress f’forint Ungeriż (HUF), jiddependi fuq ir-rata attwali tal-frank Svizzeru (CHF), għall-finijiet tal-indiċjar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tas-self mogħti f’HUF. Jelzálogbank ma tagħti lill-persuni li jissellfu l-ebda servizz finanzjarju relatat mal-bejgħ jew max-xiri tal-muniti barranin, b’tali mod li hija ma għandhiex tapplika rata tal-kambju għall-finijiet tal-amortizzazzjoni tas-self li hija differenti minn dik li ġiet użata meta ngħata s-self, bħala korrispettiv ta’ provvista ta’ servizz virtwali. Din il-qorti qieset ukoll li l-klawżola III/2 la kienet ċara u lanqas ma kienet tinftiehem, peress li din ma kinitx tippermetti li tkun magħrufa l-ġustifikazzjoni tad-differenza fil-metodu tal-kalkolu tas-self, skont jekk ikunx l-għoti tiegħu jew l-amortizzazzjoni tiegħu.

27

Jelzálogbank għaldaqstant ippreżentat appell, quddiem il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza mogħtija fl-appell. Hija sostniet, b’mod partikolari, li l-klawżola III/2, sa fejn din tippermettilha tirċievi dħul li jirrappreżenta l-korrispettiv li għandu jitħallas għall-ħlas tas-self f’munita barranija li minnu jibbenefikaw il-persuni li jissellfu u sservi sabiex tkopri l-ispejjeż marbuta mal-operat tal-istabbiliment tal-kreditu fis-suq bl-għan tax-xiri ta’ muniti, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 209(4) tal-Kodiċi Ċivili, b’mod li ma hemmx lok li jitwettaq eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ din il-klawżola skont l-Artikolu 209(1) tal-isemmi kodiċi.

28

Il-persuni li ssellfu sostnew li tali eżami għandu jsir. F’dan ir-rigward, huma sostnew li, fir-rigward tagħhom, Jelzálogbank ma tistax tinvoka l-partikolaritajiet tal-funzjonament tal-banek u titlobhom il-ħlas tal-ispejjeż li jirriżultaw minnhom, li jwassal sabiex id-dħul tal-bank u s-self mogħti jitwaħħdu. Billi kkonkludew dan il-kuntratt ta’ self, il-persuni li ssellfu indikaw il-ftehim tagħhom għall-għoti ta’ ammont f’muniti nazzjonali, jiġifieri l-HUF. Barra minn hekk, il-klawżola III/2 ma hijiex ċara.

29

Il-qorti tar-rinviju tqis li qabelxejn tqum il-kwistjoni ta’ jekk il-kunċett ta’ klawżola li tiddefinixxi l-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [is-suġġett prinċipali tal-kuntratt]”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, jinkludix kull element tal-korrispettiv li għandu jitħallas fi flus mill-persuna li tissellef, inklużi s-somom li jirriżultaw mid-differenza bejn ir-rati tal-kambju applikabbli għall-għoti u għall-ħlas lura tas-self, jew jekk huwiex biss il-ħlas tar-rati ta’ interess nominali, minbarra l-għoti tal-kreditu, li jaqa’ taħt dan il-kunċett.

30

Li kieku l-interpretazzjoni iktar stretta ta’ din l-ewwel eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 kellha tintlaqa’, sussegwentement ikollu jiġi eżaminat jekk l-obbligu ta’ ħlas li jirriżulta mid-differenza bejn ir-rati tal-kambju jistax jitqies li jirrigwarda l-adegwatezza bejn is-servizz u l-ħlas għalih jew il-prezz tiegħu, u għaldaqstant bħala li jagħmel parti mir-“remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u mit-tieni eċċezzjoni prevista hemmhekk.

31

F’dan il-kuntest, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk, fl-ipoteżi fejn ir-remunerazzjoni tikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ servizz kompost minn diversi provvisti, sabiex tkun tapplika, din it-tieni eċċezzjoni teħtieġx li jiġi vverifikat jekk ir-remunerazzjoni inkwistjoni, f’dan il-każ il-ħlas dovut minħabba d-differenza fir-rati tal-kambju, tikkorrispondi għal provvista effettiva li hija pprovduta direttament mill-bank lill-konsumatur.

32

Fir-rigward, minbarra dan, tar-rekwiżit li jgħid li huma biss il-klawżoli mfassla “b’mod ċar u li jinftiehem” jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali skont l-għanijiet ta’ din id-direttiva u għandha tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali li ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit, minkejja li l-imsemmi rekwiżit kien għadu ma ġiex traspost fid-dritt intern matul il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self.

33

Madankollu, il-portata eżatta ta’ dan ir-rekwiżit tibqa’ inċerta. Din tista’ tinftiehem fis-sens li kull klawżola kuntrattwali għandha tkun tinftiehem fuq il-livell lingwistiku u dak grammatikali. Madankollu, din tista’ tfisser ukoll, b’mod iktar wiesa’, li r-raġunijiet ekonomiċi sottostanti l-applikazzjoni ta’ klawżola speċifika jew il-formulazzjoni tal-imsemmija klawżola ma’ klawżoli oħra tal-kuntratt għandhom ikunu ċari u jinftiehmu.

34

Fl-aħħar nett, fl-ipoteżi fejn in-natura inġusta tal-klawżola III/2 tkun ġiet ikkonstatata, xorta waħda tqum il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju li jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u msemmi fil-punt 73 tas-sentenza Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349), huwiex applikabbli wkoll meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-kuntratt ta’ self ma jistax jissussisti wara t-tneħħija tal-imsemmija klawżola. Jekk dan kellu jkun il-każ, il-Kúria tistaqsi jekk dan il-prinċipju jipprekludix li l-qorti nazzjonali temenda din il-klawżola sabiex telimina n-natura inġusta tagħha, b’mod partikolari billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, bħall-qorti tal-appell.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ self f’munita barranija, iżda li fir-realtà jingħata f’munita nazzjonali u li għandu jiġi rrimborsat mill-konsumatur esklużivament f’munita nazzjonali, il-klawżola kuntrattwali li tistabbilixxi r-rati tal-kambju, li ma kinitx innegozjata individwalment, taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt]’?

Jekk dan ma huwiex il-każ, id-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ u l-prezz tax-xiri [tal-munita] għandha tiġi kkunsidrata, abbażi tat-tieni espressjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [93/13], bħala remunerazzjoni li l-ekwivalenza tagħha mas-servizz ipprovdut ma tistax tiġi eżaminata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura abużiva [inġusta] tagħha? F’dan ir-rigward, it-twettiq effettiv ta’ operazzjoni ta’ kambju bejn l-istabbiliment finanzjarju u l-konsumatur huwa determinanti?

2)

Jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista’, indipendentement mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, teżamina wkoll in-natura abużiva [inġusta] ta’ tali klawżoli kuntrattwali, fil-każ li dawn ma humiex ċari u komprensibbli, dan l-aħħar rekwiżit għandu jinftiehem fis-sens li jimponi li l-klawżola inkwistjoni għandha tkun fiha nnifisha grammatikalment ċara u komprensibbli għall-konsumatur, jew jimponi barra minn hekk li r-raġunijiet ekonomiċi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tal-klawżola kuntrattwali kif ukoll ir-relazzjoni tal-imsemmija klawżola mal-klawżoli l-oħra tal-kuntratt għandhom ikunu ċari u komprensibbli għal dan l-istess konsumatur?

3)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u l-punt 73 tas-sentenza [Banco Español de Crédito, EU:C:2012:349] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali lanqas ma tista’ tirrimedja għan-nuqqas ta’ validità, fir-rigward tal-konsumatur, ta’ dispożizzjoni abużiva [inġusta] ta’ klawżola kuntrattwali ġenerali użata f’kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur billi temenda jew tissupplimenta l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni, jekk il-kuntratt ma jistax jibqa’ applikabbli abbażi tal-klawżoli kuntrattwali li jifdal wara t-tħassir tal-klawżola abbużiva [inġusta]? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li d-dritt nazzjonali fih dispożizzjoni ta’ natura supplimentari li tirregola l-kwistjoni legali inkwistjoni fl-assenza tal-klawżola nieqsa minn validità?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

36

Permezz tal-ewwel mistoqsija tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-frażijiet “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” u “suffiċjenza [adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra” ikopru klawżola, imdaħħla f’kuntratt ta’ self f’munita barranija konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li ma ġietx innegozjata b’mod individwali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-prezz tal-bejgħ ta’ din il-munita għandu japplika għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlas tas-self.

37

Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 42).

38

L-istess jgħodd għall-frażijiet li jinsabu fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, billi din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment b’mod espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tiegħu.

39

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall-kundizzjonijiet imfassla minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C-484/08, EU:C:2010:309, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fid-dawl ta’ tali sitwazzjoni ta’ inferjorità, id-Direttiva 93/13 tobbliga lill-Istati Membri jipprevedu mekkaniżmu li jiżgura li kull klawżola kuntrattwali li ma ġietx innegozjata b’mod individwali tista’ tiġi kkontrollata sabiex tiġi evalwata n-natura possibbilment inġusta tagħha. F’dan il-kuntest, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni kriterji stabbiliti fl-Artikoli 3(1) u (5) tad-Direttiva 93/13, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, tali klawżola tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bona fide, ta’ bilanċ u ta’ trasparenza imposti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Invitel, C-472/10, EU:C:2012:242, punt 22, u RWE Vertrieb, C‑92/11, EU:C:2013:180, punti 42 sa 48).

41

Madankollu, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu fil-leġiżlazzjoni li tittrasponi din id-direttiva li l-“istima tan-natura inġusta” ma tirrigwardax il-klawżoli msemmija f’din id-dispożizzjoni, sakemm dawn il-klawżoli jkunu mfassla b’mod ċar u li jinftiehem. Mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-klawżola msemmija fiha ma humiex suġġetti għal evalwazzjoni tan-natura possibbilment inġusta tagħhom, iżda, hekk kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, jaqgħu fil-qasam irregolat minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, EU:C:2010:309, punti 31, 35 u 40).

42

Peress li b’hekk, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jippromulga eċċezzjoni għall-mekkaniżmu ta’ stħarriġ fil-mertu tal-klawżoli inġusti kif previst fil-kuntest tas-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi implementat minn din id-direttiva, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett.

43

Din tirrigwarda, fl-ewwel lok, il-klawżoli li jikkonċernaw il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [is-suġġett prinċipali tal-kuntratt]”.

44

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-klawżola III/2, sa fejn din tipprevedi li l-prezz tal-bejgħ ta’ munita barranija japplika għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet ta’ self f’din il-munita, taqax taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [is-suġġett prinċipali tal-kuntratt]” ta’ self, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

45

F’dan ir-rigward, minkejja li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-klawżola skont iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tidentifika mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, f’dan il-każ dawk tal-Artikolu 4(2), il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika matul l-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tagħhom (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza RWE Vertrieb, EU:C:2013:180, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 huwa intiż unikament sabiex jistabbilixxi l-metodi u l-portata tal-istħarriġ fil-mertu tal-klawżoli kuntrattwali li ma ġewx innegozjati b’mod individwali, li jiddeskrivu l-prestazzjonijiet essenzjali tal-kuntratt konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur (sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, EU:C:2010:309, punt 34).

47

Il-fatt li klawżola tkun ġiet innegozjata mill-partijiet kontraenti, fil-kuntest tal-awtonomija kuntrattwali tagħhom u tal-kundizzjonijiet tas-suq, ma jistax jikkostitwixxi kriterju li jippermetti li jiġi evalwat jekk din il-klawżola taqax taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [is-suġġett prinċipali tal-kuntratt]”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

48

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva u mit-tnax-il premessa tagħha, il-klawżoli li jkunu ġew innegozjati b’mod individwali, bħala prinċipju ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, il-kwistjoni tal-esklużjoni eventwali tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4(2) ma tistax tqum.

49

Għall-kuntrarju, b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tan-natura derogatorja tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u tar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni li tirriżulta minnha, il-klawżoli tal-kuntratt li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu l-provvisti essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh.

50

Min-naħa l-oħra, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

51

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tan-natura, tal-istruttura u tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ self, kif ukoll fid-dawl tal-kuntest legali u fattwali tiegħu, jekk il-klawżola li tiddetermina r-rata tal-kambju tal-ħlasijiet mensili tikkostitwixxix element essenzjali tal-provvista tad-debitur li tikkonsisti fil-ħlas tal-ammont mqiegħed għad-dispożizzjoni mill-kreditur.

52

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jirrigwarda, fit-tieni lok, il-klawżoli li jikkonċernaw is-“suffiċjenza [l-adegwatezza] tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra” jew, fi kliem id-dsatax-il premessa ta’ din id-direttiva, il-klawżoli “li jiddeskrivu […] il-proporzjon bejn kwalità/il-prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti”.

53

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-klawżola III/2, sa fejn din tipprevedi li l-prezz tal-bejgħ ta’ munita barranija tapplika għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet ta’ self, filwaqt li, skont klawżoli oħra tal-kuntratt ta’ self, l-ammont tas-self mogħti jiġi kkonvertit f’munita nazzjonali abbażi tal-prezz tax-xiri tal-munita barranija, jimponi obbligu pekunjarju għall-konsumatur, jiġifieri dak li jitħallsu, fil-kuntest tal-ħlasijiet tas-self, l-ammonti li jirriżultaw mid-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ u l-prezz tax-xiri tal-munita barranija, li tista’ tiġi kklassifikata bħala “remunerazzjoni” tas-servizz ipprovdut li l-adegwatezza tagħha ma tistax issir evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

54

F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li din it-tieni kategorija ta’ klawżoli li fir-rigward tagħhom ma tistax issir evalwazzjoni tan-natura possibbilment inġusta tagħhom, għandha portata mnaqqsa, peress li din l-esklużjoni tikkonċerna biss l-adegwatezza bejn il-prezz jew ir-remunerazzjoni prevista u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv.

55

Hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-esklużjoni ta’ stħarriġ tal-klawżoli kuntrattwali fir-rigward tal-proporzjon bejn il-kwalità u l-prezz ta’ provvista ta’ oġġetti jew servizzi tiġi spjegata mill-fatt li ma teżisti ebda skala jew kriterju legali li tista’ tappoġġa u tiggwida tali stħarriġ.

56

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmija esklużjoni ma tapplikax għal klawżola li tirrigwarda mekkaniżmu ta’ modifika tal-ispejjeż tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti lill-konsumatur (sentenza Invitel, EU:C:2012:242, punt 23).

57

F’dan il-każ, għandu jiġi indikat, barra minn hekk, li billi l-esklużjoni tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola hija limitata għall-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti, min-naħa l-oħra, din ma tistax tapplika fil-każ ta’ kontestazzjoni ta’ assimetrija bejn il-prezz tax-xiri tal-munita barranija, li għandu jintuża b’applikazzjoni ta’ din il-klawżola għall-kalkolu tal-ħlasijiet, u l-prezz tax-xiri ta’ din il-munita, li għandu jintuża b’applikazzjoni ta’ klawżoli oħra tal-kuntratt ta’ self għall-kalkolu tal-ammont tas-self mogħti.

58

Barra minn hekk, din l-esklużjoni ma tistax tapplika għal klawżoli li, bħalma hija l-klawżola III/2, jillimitaw ruħhom li jiddeterminaw, għall-kalkolu tal-ħlasijiet, ir-rata ta’ konverżjoni tal-munita barranija li fiha huwa mfassal il-kuntratt ta’ self, mingħajr madankollu ma ebda servizz tal-kambju ma jiġi pprovdut mill-kreditur matul l-imsemmi kalkolu, u għaldaqstant, ma jinkludu ebda “remunerazzjoni” li l-adegwatezza tagħha bħala korrispettiv ta’ servizz imwettaq mill-kreditur ma tistax tkun suġġetta għal evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

59

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-frażi “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” ma tkoprix klawżola, imdaħħla f’kuntratt ta’ self f’munita barranija konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li ma ġietx innegozjata b’mod individwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-prezz ta’ xiri ta’ din il-munita japplika għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet tas-self, ħlief jekk jiġi kkonstatat, u dan hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah fid-dawl tan-natura, tal-istruttura u tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll tal-kuntest legali u fattwali tiegħu, li l-imsemmija klawżola tistabbilixxi provvista essenzjali ta’ dan il-kuntratt li, bħala tali, tikkaratterizzah;

tali klawżola, sa fejn din tinkludi obbligu pekunjarju li l-konsumatur għandu jħallas, fil-kuntest tal-ħlasijiet tas-self, ammonti li jirriżultaw mid-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ tal-munita barranija, ma tistax titqies li tinkludi “remunerazzjoni” li l-adegwatezza tagħha bħala korrispettiv ta’ provvista mwettqa mill-kreditur ma tistax issir evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

Fuq it-tieni domanda

60

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li jistipula li klawżola kuntrattwali għandha titfassal b’mod ċar u li jinftiehem għandu jinftiehem bħala li jimponi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun grammatikalment ċara u li tinftiehem għall-konsumatur, iżda wkoll li r-raġunijiet ekonomiċi sottostanti l-applikazzjoni tal-klawżola kuntrattwali kif ukoll ir-relazzjoni tal-imsemmija klawżola ma’ klawżoli oħra tal-kuntratt ikunu ċari u li jinftiehmu minn dan l-istess konsumatur.

61

Anki li kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkunsidra li, fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, il-klawżola III/2 taqa’ taħt il-“kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [is-suġġett prinċipali tal-kawża]”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, madankollu din il-klawżola tkun eżentata mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha biss jekk din tkun imfassla b’mod ċar u li jinftiehem.

62

Fil-fatt, sabiex tiggarantixxi konkretament l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittxija mid-Direttiva 93/13, kwalunkwe traspożizzjoni tal-imsemmi Artikolu 4(2) għandha tkun kompleta, b’mod li l-projbizzjoni li ssir evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli tkun tirrigwarda biss dawk li huma mfassla b’mod ċar u li jinftiehem (sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, EU:C:2010:309, punt 39).

63

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 209(4) tal-Kodiċi Ċivili, li huwa dispożizzjoni intiża li tittrasponi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dritt intern, ma kienx jinkludi dan ir-rekwiżit ta’ tfassil ċar u li jinftiehem.

64

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li qorti nazzjonali, meta tkun adita b’kawża esklużivament bejn individwi, hija marbuta, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll fid-dawl tal-għan finali tad-direttiva applikabbli għall-qasam sabiex twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 44).

65

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċertu limiti. Għalhekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u tali obbligu ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza OSA, EU:C:2014:110, punt 45).

66

Jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi hekk delimitata, il-qorti tar-rinviju kellha tikkunsidra li d-dispożizzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva tista’ tinftiehem fis-sens li din tinkludi r-rekwiżit ta’ tfassil ċar u li jinftiehem, sussegwentement tqum il-kwistjoni tal-portata ta’ dan ir-rekwiżit.

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan l-istess rekwiżit jinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, li jipprevedi li l-klawżoli kuntrattwali miktuba għandhom “[dejjem]” jitfasslu b’mod ċar u li jinftiehem. L-għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 f’dan ir-rigward tippreċiża li l-konsumatur għandu effettivament ikollu l-opportunità biex isir jaf il-klawżoli kollha tal-kuntratt.

68

Minn dan isegwi li dan ir-rekwiżit ta’ tfassil ċar u li jinftiehem japplika fi kwalunkwe każ, inkluż meta klawżola tkun taqa’ taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u għaldaqstant tevita l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

69

Minn dan jirriżulta wkoll li dan ir-rekwiżit, kif jidher fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għandu l-istess portata bħal dik intiża bl-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva.

70

Issa, fir-rigward tal-Artikolu 5, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa b’mod partikolari abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ bejjiegħ jew fornitur billi jaċċetta l-kundizzjonijiet imfassla minn qabel minnu (ara s-sentenza RWE Vertrieb, EU:C:2013:180, punt 44).

71

Ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali impost mid-Direttiva 93/13 għaldaqstant ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali tagħhom.

72

Għall-kuntrarju, hekk kif diġà tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, billi s-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 tibbaża ruħha fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza għandu jinftiehem b’mod estensiv.

73

Fir-rigward ta’ klawżola kuntrattwali, bħall-klawżola III/2, li tippermetti lill-bejjiegħ jew fornitur jikkalkola l-livell tal-ħlasijiet mensili dovuti mill-konsumatur skont il-prezz tal-bejgħ tal-munita barranija applikat minn dan il-bejjiegħ jew fornitur, li għandha l-effett li l-ispejjeż tas-servizz finanzjarju jiżdiedu fuq il-konsumatur, apparentement mingħajr limitu massimu, mill-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/13, kif ukoll mill-punti 1(j) u (l), u 2(b) u (d) tal-anness ta’ din id-direttiva jirriżulta li għandu importanza essenzjali għall-finijiet tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza l-punt ta’ jekk il-kuntratt ta’ self jesponix b’mod trasparenti r-raġuni u l-partikolaritajiet tal-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tal-munita barranija kif ukoll ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra li jirrigwardaw l-għoti tas-self, b’mod li konsumatur ikun jista’ jipprevedi, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżulta minnu għalih (ara, b’analoġija, is-sentenza RWE Vertrieb, EU:C:2013:180, punt 49).

74

Fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tal-munita barranija kif speċifikati bil-klawżola III/2, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fir-rigward tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, fosthom il-pubbliċità u l-informazzjoni tagħhom ipprovduti mill-kreditur fil-kuntest tan-negozjar ta’ kuntratt ta’ self, konsumatur medju, li huwa informat b’mod normali u li huwa attentiv u avżat b’mod raġonevoli, setax mhux biss isir jaf bid-differenza, ġeneralment osservata fis-suq tat-titoli mobbli, bejn ir-rata tal-kambju tal-bejgħ u r-rata tal-kambju tax-xiri ta’ munita barranija, iżda wkoll jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, li jistgħu jkunu sinjifikattivi għalih, tal-applikazzjoni tar-rata tal-kambju tal-bejgħ għall-kalkolu tal-ħlasijiet li huwa ser ikollu finalment iħallas u, għaldaqstant, l-ispiża totali tas-self li ħa.

75

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ klawżola kuntrattwali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun imfassla b’mod ċar u li jinftiehem għandu jinftiehem bħala li jimponi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur fuq livell grammatikali, iżda wkoll li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tal-munita barranija li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata kif ukoll ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra dwar l-għoti tas-self, b’mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li ser jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt.

Fuq it-tielet domanda

76

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jistax jibqa’ applikabbli wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali tirrimedja għall-invalidità tal-klawżola inġusta billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li għandha natura supplimentari.

77

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi regola ta’ dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali, meta din tikkonstata l-invalidità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tikkompleta l-imsemmi kuntratt billi tagħmel reviżjoni tal-kontenut ta’ dik il-klawżola (sentenza Banco Español de Crédito, EU:C:2012:349, punt 73).

78

Minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li sserraħ fuqhom il-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew fornituri, id-Direttiva 93/13 timponi lill-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (ara s-sentenza Banco Español de Crédito, EU:C:2012:349, punt 68).

79

Issa, li kieku l-qorti nazzjonali tista’ tirrivedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’tali kuntratti, tali fakultà tkun tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għan għal żmien twil imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din il-fakultà tkun tikkontribwixxi sabiex telimina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bil-pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni, fir-rigward tal-konsumatur, ta’ tali klawżoli inġusti, sa fejn dawn jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli, filwaqt li jkunu jafu li, anki kieku dawn kellhom jiġu ddikjarati invalidi, il-kuntratt jista’ madankollu jitkompla, sa fejn ikun neċessarju, mill-qorti nazzjonali b’mod li jiggarantixxi l-interessi tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri (sentenza Banco Español de Crédito, EU:C:2012:349, punt 69).

80

Madankollu, minn dan ma jirriżultax li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ikun jipprekludi li l-qorti nazzjonali, b’applikazzjoni ta’ prinċipji tad-dritt tal-kuntratti, tħassar il-klawżola inġusta billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari.

81

Għall-kuntrarju, il-fatt li klawżola inġusta tiġi ssostitwita b’tali dispożizzjoni, li, hekk kif jirriżulta mit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 93/13, ma għandhiex ikollha klawżoli inġusti, sa fejn din twassal għar-riżultat li l-kuntratt jista’ jibqa’ applikabbli minkejja t-tneħħija tal-klawżola III/2 u jkompli jkun vinkolanti għall-partijiet, huwa ġġustifikat b’mod sħiħ fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 93/13.

82

Fil-fatt, is-sostituzzjoni ta’ klawżola inġusta b’dispożizzjoni nazzjonali ta’ natura supplimentari hija konformi mal-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni għandha t-tendenza li tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi l-ugwaljanza mill-ġdid bejn dawn tal-aħħar u mhux li jannulla l-kuntratti kollha li fihom klawżoli inġusti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 31, kif ukoll Banco Español de Crédito, EU:C:2012:349, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Għall-kuntrarju, li kieku, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kienx permess li klawżola inġusta tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni ta’ natura supplimentari, u b’hekk il-qorti tkun obbligata tannulla l-kuntratt kollu kemm hu, il-konsumatur jista’ jkun espost għal konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju, b’mod li n-natura dissważiva li tirriżulta mill-annullament tal-kuntratt tirriskja li tiġi kompromessa.

84

Fil-fatt, fil-prinċipju tali annullament għandu l-konsegwenza li l-ammont tas-self li jkun għad fadal jitħallas isir dovut immedjatament fi proporzjonijiet li jirriskjaw li jaqbżu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-konsumatur, u, minn dan il-fatt, għandu t-tendenza li jippenalizza lilu iktar milli lill-kreditur li, konsegwentement, ma jiġix skoraġġut milli jdaħħal tali klawżoli fil-kuntratti li huwa joffri.

85

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jistax jibqa’ applikabbli wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix regola ta’ dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali li tirrimedja għall-invalidità ta’ din il-klawżola billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari.

Fuq l-ispejjeż

86

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-frażi “kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [suġġett prinċipali tal-kuntratt]” ma tkoprix klawżola, imdaħħla f’kuntratt ta’ self f’munita barranija konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur u li ma ġietx innegozjata b’mod individwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha l-prezz ta’ xiri ta’ din il-munita japplika għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet tas-self, ħlief jekk jiġi kkonstatat, u dan hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah fid-dawl tan-natura, tal-istruttura u tal-istipulazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll tal-kuntest legali u fattwali tiegħu, li l-imsemmija klawżola tistabbilixxi provvista essenzjali ta’ dan il-kuntratt li, bħala tali, tikkaratterizzah;

tali klawżola, sa fejn din tinkludi obbligu pekunjarju li l-konsumatur għandu jħallas, fil-kuntest tal-ħlasijiet tas-self, ammonti li jirriżultaw mid-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ tal-munita barranija, ma tistax titqies li tinkludi “remunerazzjoni” li l-adegwatezza tagħha bħala korrispettiv ta’ provvista mwettqa mill-kreditur ma tistax issir evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħha skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

 

2)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ klawżola kuntrattwali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun imfassla b’mod ċar u li jinftiehem għandu jinftiehem bħala li jimponi mhux biss li l-klawżola kkonċernata tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur fuq livell grammatikali, iżda wkoll li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tal-munita barranija li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata kif ukoll ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra dwar l-għoti tas-self, b’mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li ser jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt.

 

3)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur ma jistax jibqa’ applikabbli wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix regola ta’ dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali li tirrimedja għall-invalidità ta’ din il-klawżola billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.