KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2014 ( 1 )

Kawża C‑249/13

Khaled Boudjlida

vs

Préfet des Pyrénées-Atlantiques

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal administratif de Pau (Franza)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn — Prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari — Kontenut tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ — Dritt għal espressjoni ta’ opinjoni b’terminu ta’ riflessjoni suffiċjenti — Dritt għal benefiċċju mill-għajnuna ta’ avukat — Limitazzjonijiet tad-dritt għal smigħ”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa fir-Reġistru tal‑Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Mejju 2013 mill-qorti amministrattiva ta’ Pau (Franza), tirrigwarda n-natura u l-portata tad-dritt għal smigħ previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn K. Boudjlida u l‑prefett tal-Pyrénées-Atlantiques. K. Boudjlida jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 2013 li permezz tagħha l‑prefett tal-Pyrénées-Atlantiques irrifjuta li jagħtih permess ta’ residenza, obbligah jitlaq mit-territorju Franċiż f’terminu ta’ 30 jum u stabbilixxa l-Alġerija, jew kwalunkwe pajjiż ieħor li fih huwa jistabbilixxi li r-rikorrent ikun legalment ammissibbli, bħala l-post destinatarju tal‑eventwali tneħħija tiegħu.

3.

F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nanalizza l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li fihom ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari, li għandu jkun suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn, għandu jkun jista’ jeżerċita d‑dritt għal smigħ tiegħu kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja u kkonfermat fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-possibbiltà li janalizza l-provi kollha kontra tiegħu fir-rigward tad-dritt ta’ residenza tiegħu, li jesprimi l‑opinjoni tiegħu wara żmien ta’ riflessjoni u li jibbenefika mill‑għajnuna ta’ avukat tal-għażla tiegħu.

II – Id-Direttiva 2008/115

4.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 intitolat “Definizzjonijiet” jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[...]”

5.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 intitolat “Non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa” jipprovdi:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

a)

l-aħjar interessi tat-tfal,

b)

il-ħajja familjari,

c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u, jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

6.

L-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment [irregolarment] fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed irregolarment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.

[…]

6.   Din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju […].”

III – It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7.

K. Boudjlida, ta’ nazzjonalità Alġerina, wasal fi Franza fis-26 ta’ Settembru 2007 u bbenefika minn diversi permessi ta’ residenza bħala student. Huwa ma talabx it-tiġdid tal-aħħar permess ta’ residenza tiegħu, li skada fil-31 ta’ Ottubru 2012, u lanqas talab l-għoti ta’ permess ġdid.

8.

Minkejja li kien jinsab f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju Franċiż, fis-7 ta’ Jannar 2013 huwa talab sabiex jirreġistra ruħu bħala persuna li taħdem għal rasha fi ħdan l-Union de recouvrement des cotisations de sécurité sociale et d’allocations familiales [Unjoni ta’ rkupru ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u ta’ allowances tal-familja (Urssaf)] sabiex joħloq impriża żgħira fil-qasam tal-inġinerija.

9.

Minħabba s-sitwazzjoni irregolari tiegħu, fil-15 ta’ Jannar 2013 huwa ssejjaħ mis-servizzi tal-pulizija tal-fruntieri u mar volontarjament għal din is-sejħa. K. Boudjlida nstema’ minn dawn is-servizzi dwar is‑sitwazzjoni tiegħu fir-rigward tad-dritt ta’ residenza fi Franza. L‑intervista, li damet 30 minuta, kienet tirrigwarda t-talba tiegħu sabiex jirreġistra ruħu bħala persuna li taħdem għal rasha kif ukoll dwar iċ‑ċirkustanzi tal-wasla tiegħu fi Franza, il-kundizzjonijiet tar-residenza tiegħu bħala student minn dik id-data u r-rabtiet familjari tiegħu fi Franza u fl-Alġerija. Għad-domanda jekk kienx ser jaqbel li jitlaq mit‑territorju Franċiż, jekk din tkun id-deċiżjoni tal-prefettura, huwa rrisponda fl-affermattiv.

10.

Fi tmiem din l-intervista, il-prefett ta’ Pyrénées-Atlantiques ħa deċiżjoni fil-15 ta’ Jannar 2013 stess li obbligat lil K. Boudjlida jitlaq mit-territorju Franċiż, b’terminu ta’ ritorn volontarju ta’ 30 jum u li stabbilixxiet b’mod partikolari l-Alġerija bħala l-pajjiż destinatarju.

11.

Fit-18 Frar 2013, K. Boudjlida ppreżenta rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qorti amministrattiva ta’ Pau.

12.

K. Boudjlida sostna quddiem il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 2013 kienet ivvizzjata minn żball ta’ liġi għaliex, fid-dawl tal-integrazzjoni tiegħu fi Franza u tal-istudji universitarji tiegħu kif ukoll tal-preżenza ta’ żewġ zijiet tiegħu professuri universitarji fi Franza, kienet tikkawża preġudizzju sproporzjonat għall-ħajja privata tiegħu. Barra minn hekk, huwa sostna li t-terminu ta’ 30 jum kien qasir wisq għal persuna li tkun ilha fit‑territorju għal iktar minn ħames snin u li huwa ma bbenefikax effettivament mid-dritt għal smigħ b’mod utli, qabel it-teħid tad‑deċiżjoni li ordnatlu jitlaq mit-territorju Franċiż.

13.

Il-prefett ta’ Pyrénées-Atlantiques irrileva li ma kienet ittieħdet ebda deċiżjoni ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza kontra K. Boudjlida. Fil-fatt, K. Boudjlida kiseb, mingħajr diffikultà, it-tiġdid tal‑permessi ta’ residenza tiegħu bejn is-26 ta’ Settembru 2007 u l-31 ta’ Ottubru 2012 u ma kienx talab it-tiġdid tal-aħħar permess tiegħu skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Franċiża, jiġifieri fix‑xahrejn qabel l-iskadenza tal-permess preċedenti. Skont il-prefett ta’ Pyrénées-Atlantiques, K. Boudjlida kien għalhekk f’sitwazzjoni irregolari fil-jum tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa jżid li l-obbligu ta’ tluq mit‑territorju Franċiż kien fondat peress li, f’din il-kawża, il-barrani kien f’sitwazzjoni irregolari. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ rabtiet familjari iktar mill-qrib fi Franza meta mqabbla mal-pajjiż tal-oriġini tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkawżax preġudizzju sproporzjonat għad-dritt ta’ K. Boudjlida għal ħajja privata u familjari tiegħu. Barra minn hekk, it-terminu mogħti sabiex jiġi eżegwit dan l‑obbligu huwa t-terminu mogħti bħala regola u, skont il-prefett ta’ Pyrénées-Atlantiques, ma ssemmiet l-ebda ċirkustanza partikolari li tiġġustifika terminu itwal.

14.

Il-prefett ta’ Pyrénées-Atlantiques jiddefendi l-legalità tad‑deċiżjoni tiegħu billi jirreferi għal sentenza tal-Qorti amministrattiva tal-appell ta’ Lyon li minnha jirriżulta li d-dritt għal smigħ imsemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta ma jimplikax obbligu fuq l‑amministrazzjoni li torganizza, minn jeddha, intervista mal-persuna kkonċernata jew li tistedinha tressaq l-osservazzjonijiet tagħha, filwaqt li preġudizzju għal dan id-dritt lanqas jista’ jaffettwa r-regolarità tal‑proċedura ħlief jekk il-persuna kkonċernata tistabbilixxi li ma ngħatatx il-possibbiltà li tippreżenta punti rilevanti li setgħu jinfluwenzaw il-kontenut tad-deċiżjoni (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Rikors Nru 12LY02737).

15.

Barra minn hekk, il-prefett indika li d-dritt għal smigħ ta’ K. Boudjlida kien ġie rrispettat peress illi matul it-30 minuta mas-servizzi tal-pulizija huwa seta’ jitkellem kemm dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala persuna li taħdem għal rasha, dwar iċ-ċirkustanzi tal-wasla tiegħu fi Franza, dwar il-kundizzjonijiet tar-residenza tiegħu bħala student minn dik id-data kif ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-familja tiegħu. Minn hawn irriżulta li huwa kien f’sitwazzjoni irregolari, li huwa ma kellux iktar rabtiet fi Franza milli fl-Alġerija u li ma kien hemm ebda ċirkustanza partikolari li tiġġustifika terminu itwal għat-tluq volontarju.

16.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li la d-Direttiva 2008/115 u lanqas id-dispożizzjonijiet Franċiżi previsti sabiex jimplementawha ma stabbilixxew il-kundizzjonijiet li fihom barrani għandu jinstema’ qabel ma deċiżjoni ta’ ritorn, li, minnha nnifisha, taffettwah b’mod sfavorevoli, tittieħed fil-konfront tiegħu. Madankollu, hija tikkunsidra li mis-sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744) jirriżulta li, bis-saħħa tad-dritt kif stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, l‑amministrazzjoni għandha, qabel tobbliga barrani f’sitwazzjoni irregolari jitlaq mit-territorju nazzjonali, tagħtih l-opportunità li jinstema’, anki jekk id-Direttiva 2008/115 u l-leġiżlazzjoni Franċiża li timplementaha ma jsemmux dan b’mod espress.

17.

Skont din il-qorti, id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ li huwa l-korollarju tagħhom jirrikjedu, fil-kuntest iktar ġenerali tal‑prinċipju ta’ kontradittorju, li persuna li hija s-suġġett ta’ miżura sfavorevoli tingħata l-opportunità li tanalizza l-provi kollha li jitressqu kontriha ( 3 ) u li tesprimi l-opinjoni tagħha ( 4 ), wara żmien ta’ riflessjoni suffiċjenti kemm għaliha u kemm għall-amministrazzjoni sabiex taġixxi b’effiċjenza ( 5 ), jekk ikun il-każ bl-għajnuna avukat li tista’ tintalab mill‑istadju tal-investigazzjoni preliminari ( 6 ). Madankollu, hija tikkunsidra li fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, dawn il-komponenti differenti tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża jiddependu min-natura tal-għanijiet li għandhom jiġu segwiti mill‑amministrazzjoni u mill-prerogattivi li huma għandhom sabiex jilħquhom. Għalhekk hija tqis li ma huwiex ċert li dawn il-komponenti kollha huma marbuta mad-dritt għal smigħ utili u effettiv kif stabbilit bl-Artikolu 41 tal-Karta.

18.

Hija tikkunsidra li hemm ukoll lok li jkun magħruf jekk il-punt ta’ ekwilibriju bejn, minn naħa waħda, il-ħtieġa li jiġi osservat l‑Artikolu 41 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, dik li tiġi implementata politika ta’ ritorn effiċjenti jistax jiġġustifika li ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari jsofri minn aġġustament jew limitazzjoni, wieħed/waħda jew iktar, tad-dritt tiegħu li jitpoġġa f’sitwazzjoni li janalizza l-provi li tressqu kontrih fir-rigward tad-dritt ta’ residenza tiegħu, li jesprimi l‑opinjoni tiegħu, oralment jew bil-miktub, b’terminu ta’ riflessjoni suffiċjenti, jekk ikun il-każ, bl-għajnuna tal-avukat tal-għażla tiegħu, u, fl-affermattiv, jekk il-grad ta’ dawn l-aġġustamenti għandux jiddependi mit-tul u min-natura tar-rabtiet mal-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea li fih huwa jinsab jew minn kwalunkwe kriterju ieħor li jkun meħtieġ li jiġi kkunsidrat.

19.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti amministrattiva ta’ Pau ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

Liema hija l-portata, għal barrani ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab f’sitwazzjoni illegali li ser ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, tal-kontenut tad-dritt għal smigħ iddefinit fl-Artikolu 41 tal-[Karta]?

B’mod partikolari, dan id-dritt jinkludi t-tqegħid f’pożizzjoni li janalizza l-provi kollha miġjuba kontrih f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ soġġorn tiegħu, dak li jesprimi fehmtu, oralment jew bil-miktub, wara żmien ta’ riflessjoni suffiċjenti, u dak li jibbenefika minn assistenza ta’ konsulent tal-għażla tiegħu?

2)

Jekk ikun hemm bżonn, din il-portata tal-kontenut għandha tiġi aġġustata jew imrażżna fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali tal-politika ta’ ritorn espost mid-direttiva [2008/115]?

3)

Jekk iva, liema aġġustamenti għandhom jiġu aċċettati, u fuq liema kriterji għandhom jiġu ddeterminati?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.

K. Boudjlida, il-Gvern Franċiż, dak Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. K. Boudjlida, il‑Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta li saret fit-8 ta’ Mejju 2014.

V – Analiżi

A – L-argumenti tal-partijiet

21.

K. Boudjlida jħoss li huwa ma setax isostni l-argumenti tiegħu u lanqas jiddiskuti r-raġunijiet tar-rinviju tiegħu peress li l-prefettura ma ħaditx id-deċiżjoni ta’ ritorn tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva kontradittorja. Huwa jirrileva li d-deċiżjoni ta’ ritorn “issir awtomatika malli l-prefettura tikkonstata r-residenza irregolari u li ma hemm l-ebda possibbiltà reali sabiex tiddefendi ruħek b’mod effettiv qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, u fid-dawl barra minn hekk tal‑immedjatezza tad‑deċiżjoni li tobbliga persuna titlaq mit-territorju, ma jkun hemm l-ebda rimedju ieħor ħlief li tipproċedi quddiem il-qorti amministrattiva sabiex tikkontestaha wara”.

22.

K. Boudjlida josserva li huwa qatt ma nstema’ b’mod formali mis-servizzi tal-prefettura, li huma l-unika awtorità kompetenti f’dan il‑qasam, la dwar it-tiġdid tad-dritt ta’ residenza tiegħu u lanqas dwar deċiżjoni ta’ ritorn. Huwa jikkunsidra li l-intervista mal-pulizija ma tagħtux l-opportunità li jitlob permess ta’ residenza, u lanqas li jsostni l‑argumenti tiegħu kontra deċiżjoni ta’ ritorn, filwaqt li bl-ebda mod ma kien jaf liema kienet ser tittieħed mill-awtorità amministrattiva. K. Boudjlida bl-ebda mod ma ħaseb li setgħet tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn fl-istess jum, mingħajr ma jinstema’ dwar ir-raġunijiet ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk huwa ma setax jiddefendi ruħu, peress li ma nstemax dwar il-kontenut previst tad-deċiżjoni ta’ ritorn. Skont K. Boudjlida, matul l-intervista mal-pulizija huwa spjega li kien qed jistenna risposta dwar it-talba ta’ naturalizzazzjoni tiegħu u għad‑domanda magħmula dwar jekk jaċċettax li jitlaq mit-territorju jekk din tkun id-deċiżjoni tal-prefettura, huwa jikkonferma li rrisponda li jkun lest li jitlaq mit-territorju jekk ikun hemm bżonn. Huwa jħoss li ma hemm xejn f’din l-intervista li jindika li huwa ngħata d-dritt li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u li nstema’ qabel deċiżjoni ta’ ritorn li kienet ser tittieħed fl-istess jum.

23.

K. Boudjlida jirrileva li, kieku kien ġie informat li kienet ser tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn, huwa kien ikun jista’ jressaq quddiem il‑prefettura l-argumenti li setgħu jibdlu din id-deċiżjoni. Huwa jżid li kien ikun jista’, li kieku ngħata l-possibbiltà, qabel id-deċiżjoni ta’ ritorn, jinvoka preġudizzju sproporzjonat għad-dritt tar-rispett tal-ħajja privata tiegħu, u ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.313-11 7 tal-code de l’entrée et du séjour des étrangers et du droit d’asile (il-Kodiċi dwar id-dħul u r-residenza tal‑persuni barranin u d-dritt għall-ażil) (iktar ’il quddiem iċ‑“Ceseda”), fid-dawl tal-integrazzjoni perfetta tiegħu fi Franza.

24.

K. Boudjlida josserva wkoll li “ma jistax ma jiġix ikkonstatat li intervista waħda ta’ 30 minuta mal-pulizija ma tikkorrispondi bl-ebda mod mal-kontenut tad-dritt għal smigħ mill-amministrazzjoni matul il‑proċedura amministrattiva kif mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil‑ġurisprudenza tagħha. Id-deċiżjoni ta’ ritorn għalhekk ittieħdet wara l-intervista mal-pulizija, mingħajr l-għajnuna ta’ avukat u bi ksur tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25.

Skont K. Boudjlida, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif previst b’mod partikolari mill-Artikolu 41(2) tal-Karta jimplika, fil‑kuntest tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2008/15, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed miżura individwali fil-konfront tagħha li tista’ taffettwaha b’mod sfavorevoli. Huwa jqis li d-dritt għal smigħ għandu jkun iddefinit bħala d-dritt ta’ kull persuna li tippreżenta, b’mod utli u effettiv, l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha matul proċedura amministrattiva qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ tikkawżalha preġudizzju. K. Boudjlida jżid li l-kontenut tad-dritt għal smigħ jirrikjedi li l-persuna suġġetta għal miżura sfavorevoli titpoġġa f’pożizzjoni li tanalizza l-provi kollha li jitressqu kontriha, tkun tista’ tesprimi l-opinjoni tagħha wara żmien ta’ riflessjoni suffiċjenti u bl‑għajnuna ta’ avukat mill-istadju tal-investigazzjoni preliminari sad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

26.

Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li mill-kliem stess tal-Artikolu 41 tal-Karta jirriżulta li dan huwa indirizzat mhux lejn l-Istati Membri, iżda unikament lejn l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni ( 7 ). Madankollu, huwa jżid li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal smigħ jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li mhux biss jifforma parti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl‑Artikolu 41 tal-Karta, iżda jaqa’ wkoll taħt ir-rispett tad-drittijiet tad‑difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq iggarantiti fl-Artikoli 47 u 48 tal‑Karta. Skont dan l-istess gvern, ir-rispett tad-dritt għal smigħ għalhekk ma huwiex impost biss fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, skont l-Artikolu 41 tal-Karta, iżda wkoll, peress li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fuq l-amministrazzjonijiet ta’ kull Stat Membru meta jadottaw deċiżjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u dan anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità ( 8 ).

27.

Il-Gvern Franċiż jirrileva li d-Direttiva 2008/115 tirrigwarda biss ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li qed jirrisjedu irregolarment u għalhekk ma għandhiex l-għan li tarmonizza fl-intier tagħhom ir-regoli nazzjonali dwar ir-residenza tal-barranin ( 9 ). B’hekk, skont dan l-istess Gvern, il-modalitajiet ta’ eżami dwar jekk ir-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hijiex regolari jew le u l-modalitajiet li permezz tagħhom iċ‑ċittadin, jekk ikun il-każ, jinstema’ fil-kuntest ta’ tali eżami, jaqgħu fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri. Madankollu, ladarba jiġi stabbilit li r-residenza hija irregolari, il-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn huwa obbligu għall-Istati Membri skont l‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2008/115, ħlief fil-każijiet speċifiċi msemmija fil‑paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-artikolu. Peress li d-deċiżjoni ta’ ritorn tirriżulta neċessarjament mid-deċiżjoni li tikkonstata l-irregolarità tar-residenza tal-persuna kkonċernata, il-Gvern Franċiż iqis li hija ma għandhiex terġa’ tinstema’ mill-ġdid qabel il‑ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, meta, bis-saħħa tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, hija nstemgħet fil-kuntest tal-proċedura tal-eżami tad-dritt ta’ residenza tagħha. Għall-kuntrarju, huwa jqis li jekk id-dritt ta’ Stat Membru ma jipprovdix għas-smigħ tal-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-eżami tad-dritt ta’ residenza tagħha, din għandha titpoġġa fil‑pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel il-ħruġ tad‑deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tagħha.

28.

Il-Gvern Franċiż iżid li, bħal fil-kawża prinċipali, l-għoti ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jista’ jsir wara l-istħarriġ mis-servizzi tal-pulizija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma għandux permess ta’ residenza validu. F’każ bħal dan, l-amministrazzjoni għandha, qabel il-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, teżamina s-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata u tpoġġiha fil-pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar eventwali dritt ta’ residenza. Madankollu, il-persuna kkonċernata għandha tinstema’ f’ċirkustanzi li ma jikkawżawx preġudizzju għall‑effiċjenza tal-proċedura ta’ ritorn u li jikkunsidraw kemm l‑urġenza li biha trid taġixxi l-amministrazzjoni kif ukoll ir-riskju ta’ ħarba. Tali smigħ jista’ jsir, bħal fil-kawża prinċipali, meta l-persuna taċċetta li tmur fl-uffiċċji tas-servizzi tal-pulizija sabiex tinstema’ dwar is-sitwazzjoni tagħha. F’każijiet oħra, il-verifika tas-sitwazzjoni tal‑persuna kkonċernata tista’ wkoll tirrikjedi li l-persuna titpoġġa temporanjament taħt arrest.

29.

Skont il-Gvern Franċiż, jekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ arrest preventiv bħal dak ta’ arrest sabiex issir il-verifika tad-dritt ta’ residenza, id-dritt Franċiż joffri l-possibbiltà ta’ assistenza minn avukat, dan ir-rekwiżit jirriżulta unikament mill-fatt li l-persuna kkonċernata dak il-ħin tkun taħt arrest. Min-naħa l-oħra, id-dritt li tibbenefika mill‑għajnuna ta’ avukat tal-għażla tiegħek fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva qabel il-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ma għandux jitqies li huwa komponent tad-dritt għal smigħ. Dan l-istess gvern iqis li, jekk l-Artikolu 47(3) tal-Karta jipprovdi li għajnuna legali għandha tingħata lil dawk li ma għandhomx mezzi biżżejjed, sa fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall‑ġustizzja, mill-kliem tal-istess dispożizzjoni jirriżulta li din tapplika biss fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji.

30.

Sussidjarjament, il-Gvern Franċiż jipproponi li r-risposta għat‑tieni u għat-tielet domandi preliminari għandha tkun li d‑Direttiva 2008/115 għandha tkun interpretata fis-sens li l-kontenut tad-dritt għal smigħ jista’ jkun limitat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din id-direttiva, li huwa li jiġi żgurat b’mod effettiv ir-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari. Skont dan il-Gvern, dawn il‑limitazzjonijiet għandhom jiġu previsti bil-liġi, jkunu meħtieġa u proporzjonati u jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt.

31.

Il-Gvern Olandiż iqis li barranin bħal K. Boudjlida ma għandhom l-ebda dritt li jirriżulta mill-Artikolu 41 tal-Karta fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Stat Membru. Fl-opinjoni tiegħu, mill-kliem tal-Artikolu 41 tal-Karta jirriżulta li din id-dispożizzjoni tiggarantixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal‑Unjoni. Din id-dispożizzjoni għalhekk ma hijiex indirizzata lejn l‑Istati Membri ( 10 ). Madankollu, il-Gvern Olandiż iqis li l-bażi tal‑Artikolu 41 tal-Karta hija prinċipju fundamentali tad-dritt tal‑Unjoni u jikkunsidra li meta l-amministrazzjoni nazzjonali tipproponi li tipproċedi fil-konfront ta’ persuna permezz ta’ att li jikkawżalha preġudizzju, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġu applikat ( 11 ).

32.

Skont il-Gvern Olandiż, id-drittijiet tad-difiża jinkludu b’mod partikolari d-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju. Il-kontenut ta’ dawn id-drittijiet jiddependi mill-kuntest konkret ta’ kawża u mill-kuntest ġuridiku applikabbli. Huwa jenfasizza li stħarriġ dwar barranin f’sitwazzjoni irregolari huwa dejjem kompitu tas‑servizzi tal-pulizija u/jew tal-immigrazzjoni. Għal dawn l‑awtoritajiet, ikun importanti, fid-dawl tal-għanijiet tad‑Direttiva 2008/115, li jkun hemm kjarifika malajr dwar jekk ir‑residenza ta’ barrani hijiex legali jew le u, jekk tkun residenza irregolari, li din tintemm kemm jista’ jkun malajr. Il-preparazzjoni ta’ deċiżjoni f’dan is-sens ma għandhiex awtomatikament tkun is-suġġett ta’ proċedura bil-miktub fid-dettall. Id-deċiżjoni ta’ ritorn stess ovvjament għandha tingħata bil-miktub skont l-Artikolu 12(1) tad‑Direttiva 2008/115.

33.

Il-Gvern Olandiż jirrileva li deċiżjoni ta’ ritorn tikkostitwixxi l‑fażi inizjali tal-proċedura ta’ ritorn ( 12 ). Deċiżjoni ta’ ritorn tistabbilixxi li ċittadin ta’ pajjiż terz qed jirrisjedi b’mod irregolari u timponi obbligu ta’ ritorn. F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni dwar jekk residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hijiex irregolari, il-Gvern Olandiż josserva li l‑effetti ġuridiċi ta’ din il-konstatazzjoni ma humiex (partikolarment) diffiċli għall-barrani kkonċernat peress li l-illegalità tar-residenza tal‑persuna kkonċernata tkun diġà ġiet stabbilita minħabba n-nuqqas ta’ permess ta’ residenza validu u għalhekk ma tirriżultax mid-deċiżjoni ta’ ritorn.

34.

Skont il-Gvern Olandiż, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom, skont is-sentenza M. (EU:C:2012:744), jagħtu lill‑barrani fil-kuntest ta’ proċedura dwar jekk ir-residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru hijiex regolari jew le, il-possibbiltà li jagħti, b’mod utli u effettiv, l-opinjoni tiegħu u jagħtu l-attenzjoni kollha meħtieġa għall‑osservazzjonijiet li huwa jagħmel f’dan ir-rigward. Huwa jqis li minkejja li l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jistabbilixxu jekk barrani għandux permess ta’ residenza validu jew le, huma ma għandhomx jikkunsidraw id-drittijiet kollha ta’ residenza li l-barrani jista’ (potenzjalment) jinvoka.

35.

Il-Gvern Olandiż jirrileva li l-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2008/115 jimponi li deċiżjoni ta’ ritorn għandha tittieħed fil-konfront ta’ barrani li qed jirrisjedi b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru. F’dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, il-Gvern Olandiż jirrimarka li K. Boudjlida qed jirrisjedi b’mod irregolari fi Franza, peress li huwa ma ressaqx talba għal tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu. Abbażi tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa stabbilit li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, huwa ma kellux permess ta’ residenza. F’dan il-kuntest, il-Gvern Olandiż iqis li, f’dan il‑każ speċifiku, id-drittijiet tad-difiża ma nkisrux. Fir-rigward tan-natura speċifika tad-deċiżjoni ta’ ritorn, il-barrani għandu jkollu biss żmien limitat sabiex jirreaġixxi u skont il-Gvern Olandiż, ma hemm ebda raġuni biex wieħed jissuponi li ż-żmien ta’ riflessjoni kien qasir wisq fil-kawża prinċipali. Huwa jżid li dejjem hemm il-possibbiltà ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ ritorn. Il-Gvern Olandiż iżid li d-dritt għal smigħ matul l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ma jinkludix id-dritt ta’ benefiċċju minn għajnuna legali b’xejn.

36.

Il-Kummissjoni tosserva li d-dritt għal smigħ f’kull proċedura huwa stabbilit bl-Artikolu 41 tal-Karta. Fl-opinjoni tagħha, minkejja li huwa speċifikat li dan l-artikolu tal-Karta japplika biss għall‑istituzzjonijiet u għall-korpi tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fis-sentenza M. (EU:C:2012:744) li “[g]ħandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-kliem tagħha stess, din id-dispożizzjoni hija ta’ applikazzjoni ġenerali” ( 13 ). Hija tqis li meta l-Istati Membri jadottaw deċiżjonijiet ta’ ritorn, huma jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni u għalhekk huma marbuta bl-obbligi li jirriżultaw mill-Karta ( 14 ).

37.

Il-Kummissjoni tqis li peress li l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/15 li jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront ta’ kull barrani f’sitwazzjoni irregolari, l-għan prinċipali tad-dritt għal smigħ tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn huwa sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-modalitajiet tar-ritorn jew dwar l-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet previsti mill‑Artikolu 6(2) sa (5) tad-Direttiva 2008/115. Preliminarjament, il‑barrani jista’ wkoll jagħmel osservazzjonijiet dwar jekk ir-residenza tiegħu hijiex irregolari jew le sabiex jistabbilixxi jekk din kinitx taqa’ jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ ritorn.

38.

Skont il-Kummissjoni, peress li d-Direttiva 2008/15 ma tistabbilixxi kważi l-ebda regola dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, ma jistax jiġi konkluż li d-dritt għal smigħ jimponi l‑implementazzjoni ta’ proċedura kontradittorja tat-tip ta’ dawk previsti għall-implementazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Hija tfakkar li l‑għan tal-imsemmija direttiva huwa l-implementazzjoni ta’ proċedura effiċjenti li tiżgura r-ritorn kemm jista’ jkun malajr lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari. Fir-rigward tar-ritorn, il-qorti nazzjonali għandha ssib il-bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li tiġi implementata “politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb” ( 15 ) u d-dmir tal‑Istati Membri li “jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn irregolari ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti” ( 16 ). Fl-opinjoni tagħha, il-portata tad-dritt għal smigħ tista’ f’ċerti ċirkustanzi tkun limitata meta jkun hemm riskju ta’ preġudizzju għal interess pubbliku superjuri ( 17 ).

39.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, b’analoġija mal-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M. (EU:C:2012:744, punt 95), id-dritt sabiex persuna tesprimi l-opinjoni tagħha, bil-miktub jew oralment, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ma jfissirx għalhekk li l-awtorità nazzjonali għandha tinforma lid-destinatarju tad‑deċiżjoni li hija fi ħsiebha tadotta, la li għandha tikkomunikalu l‑argumenti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni li tibbażaha u lanqas li tagħtih terminu ta’ riflessjoni qabel ma tadotta din id-deċiżjoni. Il‑barrani jkollu l-okkażjoni jikkontesta l-evalwazzjoni tal‑amministrazzjoni fil-kuntest ta’ appell kontenzjuż.

40.

Skont il-Kummissjoni, id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn għandu jippermetti lill-amministrazzjoni li tistudja l‑fajl b’mod li tieħu deċiżjoni informata u li timmotivaha, sabiex jekk ikun il-każ, il-persuna kkonċernata tkun tista’ teżerċita d-dritt ta’ appell tagħha b’mod validu. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dritt għal smigħ jinkludix dak li jibbenefika mill-għajnuna ta’ avukat tal-għażla tiegħu, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 13(3) tad‑Direttiva 2008/115 ma jipprovdix l-obbligu għall-Istati Membri li jagħtu assistenza legali lill-barranin f’sitwazzjoni irregolari ħlief mill‑mument li fih huma għandhom il-ħsieb li jużaw rimedju effettiv fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri, “quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza”.

41.

Hija tirrileva wkoll li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li K. Boudjlida jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza irregolari li l-konsegwenza tagħha hija l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u li qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, huwa seta’ jesprimi oralment l-osservazzjonijiet tiegħu dwar jekk ir-residenza tiegħu hijiex irregolari jew le, ir-rabtiet familjari tiegħu fi Franza, l-istudji akademiċi tiegħu u l-integrazzjoni tiegħu fil‑pajjiż kif ukoll dwar l-eventwali tneħħija tiegħu. Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dritt għal smigħ jidher li kien irrispettat. Skont il-Kummissjoni, xorta hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk l-intervista kinitx twila biżżejjed sabiex K. Boudjlida jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar is-suġġetti kollha li ssemmew b’tali mod li l-awtorità kompetenti kellha l‑informazzjoni neċessarja quddiemha qabel ma ordnatlu jitlaq mit‑territorju skont il-modalitajiet li ġew stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ ritorn.

B – Evalwazzjoni

1. Osservazzjonijiet preliminari

42.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, għal dak li jirrigwarda l‑azzjoni ta’ Stati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lejn l-Istati Membri biss meta huma jimplementaw ( 18 )id-dritt tal-Unjoni.

43.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 51 “tal-Karta jikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-punt sa liema l-azzjoni tal-Istati Membri għandha tkun konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali żgurati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni” ( 19 ).

44.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli, fil-punt 19 tas-sentenza Åkerberg Fransson (EU:C:2013:105) u fil-punt 33 tas-sentenza Pfleger et (EU:C:2014:281), li “jirriżulta essenzjalment, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-drittijiet fundamentali żgurati fl‑ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis‑sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat diġà li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal‑Unjoni. Għall-kuntrarju, ladarba tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan id-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett lejhom”.

45.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punt 21 tas-sentenza Åkerberg Fransson (EU:C:2013:105) u fil-punt 34 tas-sentenza Pfleger et (EU:C:2014:281), li, “[p]eress li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta għandhom, konsegwentement, jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikun hemm każ li jkun għalhekk jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali. L-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika dik tad-drittijiet fundamentali ggarantiti permezz tal-Karta”.

46.

Huwa veru li minkejja l-Artikolu 51 tal-Karta, li jiddefinixxi kemm fir‑rigward tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din taħt it-Titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-karta”, l-Artikolu 41 tal-Karta jsemmi d-dritt għal smigħ biss fir-rigward tal-“istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni” ( 20 ) kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza tagħha Cicala (EU:C:2011:868, punt 28), iċċitata mill-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ( 21 ), iżda madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma użatx dan bħala argument determinanti għad‑deċiżjoni li hija tat f’din l-istess sentenza.

47.

Ma jidhirlix li huwa koerenti u lanqas konformi mal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 22 ) li l-kliem tal-Artikolu 41 tal-Karta jista’ b’dan il-mod jintroduċi eċċezzjoni għar-regola stabbilita bl‑Artikolu 51 ta’ din, li jippermetti lill-Istati Membri li ma japplikawx artikolu tal-Karta, anki jekk ikunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, jiena nuri l-preferenza ċara tiegħi għall-applikabbiltà tal‑Artikolu 41 tal-Karta għall-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni iżda xorta, kif jirrileva l-Gvern Franċiż, id-dritt għal smigħ jikkostitwixxi, skont ġurisprudenza stabbilita, prinċipju ġenerali tad‑dritt tal-Unjoni li “mhux biss jifforma parti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, iżda jaqa’ wkoll taħt ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq li huma ggarantiti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta” ( 23 ). Ir-rispett ta’ dan id‑dritt huwa għalhekk impost b’dan il-mod tal-inqas għall-awtoritajiet “ta’ kull Stat Membru meta jadottaw deċiżjonijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” ( 24 ).

48.

Kif indikajt fil-punt 49 tal-pożizzjoni tiegħi fil-Kawża G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:553, punt 49), “[g]ħalkemm l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali li jirrispettaw id-dritt għal smigħ qabel l‑adozzjoni ta’ deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi ta’ persuna ilu rrikonoxxut mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja (11), l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jikkonferma dan l-obbligu (12) u jgħollih għal-livell kostituzzjonali”.

49.

F’dan il-każ, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn minn Stat Membru tikkostitwixxi implementazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva 2008/115 u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni, skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 51(1) tal-Karta. Minn dan jirriżulta li f’tali sitwazzjoni, irregolata mid-dritt tal-Unjoni, l‑Istati Membri għandhom japplikaw id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u fosthom, id-dritt għal smigħ meta l-awtorità nazzjonali jkollha l-intenzjoni li tadotta, fil-konfront ta’ persuna, att li jikkawżalha preġudizzju ( 25 ).

50.

Deċiżjoni ta’ ritorn simili, bħal dik iddefinita fl-Artikolu 3(4) u msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 tikkostitwixxi, kuntrarjament għall-osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż, deċiżjoni li tikkawża preġudizzju lid-destinatarju tagħha. Permezz ta’ din id‑deċiżjoni, Stat Membru jiddikjara illegali r-residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u jimponi jew iħabbar obbligu ta’ ritorn ( 26 ).

51.

Il-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115 tispeċifika li meta l-Istati Membri jadottaw id-deċiżjonijiet ta’ ritorn, huma għandhom jirrispettaw proċedura ekwa u trasparenti.

52.

Madankollu, id-Direttiva 2008/115 ma tipprovdix għal proċedura speċifika sabiex barrani jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ( 27 ). Is-salvagwardji proċedurali stipulati fil-Kapitolu III tad‑Direttiva 2008/115 jikkonċernaw biss il-forma tad-deċiżjoni ta’ ritorn (Artikolu 12) ( 28 ), ir-rimedji (Artikolu 13) u s-salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn (Artikolu 14).

53.

Minkejja dan, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, ir-rispett tad-dritt għal smigħ huwa imperattiv anki meta l‑leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprovdix espressament għal tali formalità ( 29 ).

54.

Minn dan jirriżulta li l-kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu żgurati r-rispett tad-drittijiet tad-difiża taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni irregolari u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ rispett ta’ dawn id-drittijiet għandhom jiġu ddeterminati mid-dritt nazzjonali, sakemm il-miżuri adottati f’dan ir-rigward ma jkunux iktar sfavorevoli minn dawk li minnhom jibbenefikaw l-individwi f’sitwazzjonijiet komparabbli rregolati mid-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill‑ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 30 ).

55.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M. (EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata), “[i]d-dritt li wieħed jinstema’ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li taffettwa b’mod sfavorevoli l‑interessi tagħha”. Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess sentenza żżid li “[l]‑imsemmi dritt jimplika wkoll li l-amministrazzjoni għandha tagħti kull attenzjoni meħtieġa għall-osservazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata billi teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, il-punti kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u billi timmotiva d-deċiżjoni tagħha fid‑dettall” ( 31 ).

56.

Konsegwentement, l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri marbuta mal-assenza ta’ proċedura speċifika fid-Direttiva 2008/115, ma jistax ikollha l-effett li ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi mċaħħad mid-dritt għal smigħ mill-awtorità nazzjonali kompetenti qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn.

57.

Madankollu l-Artikolu 52(1) tal-Karta jistipula xi limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, sakemm il-limitazzjoni kkonċernata tkun stabbilita b’liġi, tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din tkun neċessarja u tissodisfa effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea ( 32 ). Minn dan jirriżulta li d‑drittijiet tad-difiża ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti iżda jistgħu jwasslu għal xi restrizzjonijiet f’ċerti ċirkustanzi ( 33 ).

58.

Qabel ma tiġi eżaminata b’mod iktar konkret l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għall-fatti fil-kawża prinċipali, inqis li huwa utli li nfakkar li l-għan tad-dritt għal smigħ stabbilit mill‑Artikolu 41(2)(a) tal-Karta huwa, minn naħa waħda, li jippermetti l-istudju tal-fajl u li jiġu stabbiliti l-fatti bl-iktar mod preċiż u korrett possibbli u min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata protezzjoni effettiva lill‑persuna kkonċernata ( 34 ). Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tiżgura li kull deċiżjoni li taffettwa b’mod sfavorevoli lil persuna tittieħed b’mod informat.

2. Fuq l-ewwel domanda preliminari

59.

Din id-domanda tirrigwarda l-elementi li jifformaw parti mid‑dritt għal smigħ kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mbagħad fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u, b’mod iktar partikolari, jekk is-smigħ ta’ K. Boudjlida mis‑servizzi tal-pulizija tal-fruntieri li sar fil-15 ta’ Jannar 2013 jikkonformax jew le ma’ dawn ir-rekwiżiti.

a) Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali

60.

Is-smigħ tal-persuna kkonċernata ma huwiex intiż biss sabiex jiżgura li deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tittieħed b’mod informat ( 35 ), iżda għandu wkoll jippermetti lill-amministrazzjoni li tirrispetta l‑obbligu tagħha li timmotiva b’mod adegwat id-deċiżjonijiet tagħha ( 36 ). Motivazzjoni adegwata tippermetti, minn naħa waħda, lill-persuna kkonċernata tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ ritorn meħuda sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha f’każ ta’ appell kontra din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, lill-awtorità jew korp imsemmi fl‑Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 li jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom dwar il-legalità tad-deċiżjoni.

61.

Minkejja dan, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tiġi implementata miżura individwali fil-konfront tagħha li taffettwaha b’mod sfavorevoli għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-proporzjonalità jew tal-legalità ta’ din il-miżura, peress li d-dritt għal smigħ ma jinkludix id-dritt li tinkiseb deċiżjoni favorevoli. Fil-fatt, il-verifika tar‑rispett tad-dritt għal smigħ ma tikkonċernax il-fondatezza tad‑deċiżjoni ta’ ritorn. Dawn huma żewġ motivi distinti li jistgħu jkunu invokati fil-kuntest ta’ appell kif previst fl-Artikolu 13 tad‑Direttiva 2008/115 ( 37 ).

62.

Barra minn hekk, il-modalitajiet tad-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ma jistgħux jinqatgħu mill-kuntest tal-għan tad-Direttiva 2008/115 li hija intiża sabiex “jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb” ( 38 ).

63.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ladarba tkun ikkonstatata l-irregolarità tar-residenza, l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva u mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) sa (5) ta’ din, jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn ( 39 ).

64.

Fid-dawl ta’ dan l-obbligu tal-Istati Membri, jiena nikkunsidra, bħall-Kummissjoni, li l-għan tad-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn huwa li l-persuna kkonċernata tinstema’ dwar il‑legalità tar-residenza tagħha, dwar l-eventwali applikazzjoni tal‑eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) sa (5) tal-imsemmija direttiva u dwar il-modalitajiet tar-ritorn. Barra minn hekk, nikkunsidra li skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 intitolat “Non‑refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa”, meta l-Istati Membri jimplementaw l-imsemmija direttiva, huma għandhom, minn naħa waħda, jikkunsidraw b’mod adegwat l-interessi superjuri tat-tfal, tal-ħajja tal-familja u tal-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz, u, min-naħa l-oħra, jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement. Minn dan jirriżulta li meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkunsidra li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn, din l-awtorità għandha neċessarjament tirrispetta l-obbligi imposti bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 u tisma’ lill-persuna kkonċernata f’dan ir-rigward.

65.

Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata għandha tikkoopera mal-awtorità nazzjonali kompetenti waqt is-smigħ tagħha sabiex tagħtiha l-informazzjoni kollha rilevanti dwar is-sitwazzjoni personali u familjari tagħha u, b’mod partikolari, l-informazzjoni li timmilita kontra l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, peress li, sa dan l-istadju, in-natura regolari jew le tar-residenza tal-persuna kkonċernata ma tkunx qamet, jekk din tal-aħħar lanqas tkun għadha bdiet il-proċeduri adegwati sabiex tikseb il-permess ta’ residenza fl-Istat ikkonċernat.

b) Il-modalitajiet tad-dritt għal smigħ

66.

Fid-domandi tagħha u fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi b’mod partikolari l-possibbiltà għall-barrani li janalizza l-provi kollha li jitressqu kontra tiegħu, u dan jippreżumi li l-amministrazzjoni nazzjonali tinformah bihom minn qabel u tagħtih terminu ta’ riflessjoni suffiċjenti qabel is-smigħ (1), id-dritt tal-barrani li jibbenefika mill‑għajnuna ta’ avukat tal-għażla tiegħu (2 ) u t-tul ta’ dan is-smigħ (3). Issemma wkoll it-terminu ta’ 30 jum li ngħata lil K. Boudjlida sabiex jitlaq minn Franza (4).

i) Il-komunikazzjoni minn qabel tal-argumenti tal‑amministrazzjoni u ż-żmien ta’ riflessjoni

67.

Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxu proċedura speċifika sabiex jiggarantixxu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari d-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ( 40 ), nikkunsidra li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta ma għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, li tikkomunika l‑punti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni tibbaża din id-deċiżjoni u sabiex tiġbor l-osservazzjonijiet tal-persuna kkonċernata f’dan ir‑rigward wara żmien ta’ riflessjoni ( 41 ).

68.

L-ebda proċedura ta’ kontradittorju ta’ tali tip ma hija stabbilita bid-Direttiva 2008/115.

69.

Madankollu, jeħtieġ li ssir eċċezzjoni għall-konstatazzjonijiet preċedenti fil-każ fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ma setax b’mod raġonevoli jissuspetta xi provi setgħu jitressqu kontrih jew ma setax b’mod raġonevoli jirrispondi għalihom ħlief wara ċertu verifiki jew proċeduri sabiex b’mod partikolari jikseb dokumentazzjoni ta’ ġustifikazzjoni.

70.

F’dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, mill-minuti tal-intervista tiegħu mas-servizzi tal-pulizija tal-fruntieri, jirriżulta li K. Boudjlida ġie mistieden fil‑15 ta’ Jannar 2013 sabiex jippreżenta ruħu fl-uffiċċji tal-pulizija, jew fl-istess jum tal-15 ta’ Jannar 2013 jew fis-16 ta’ Jannar 2013 filgħodu sabiex jiġi “eżaminat il-permess ta’ residenza [tiegħu]”. Huwa ddeċieda, minn jeddu, li jmur fil-15 ta’ Jannar 2013. Minn dan jirriżulta li huwa ddeċieda wkoll li ma jużax iż-żmien ta’ riflessjoni ta’ ġurnata offrut lilu mill-Pulizija, u lanqas li jieħu parir legali.

71.

Mill-istess minuti tal-intervista ta’ K. Boudjlida jirriżulta li huwa kien jaf li “il-permess ta’ residenza tiegħu kien skadut” u li ma setax jinjora li huwa kien qed jirrisjedi b’mod irregolari fi Franza minħabba n-nuqqas ta’ talba sabiex iġedded il-permess ta’ residenza tiegħu li kien skada fil-31 ta’ Ottubru 2012. Barra minn hekk, il-pulizija informatu, b’mod espliċitu, li huwa seta’ jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn u interrogatu dwar il-kwistjoni jekk kienx jaċċetta li jitlaq minn Franza, jekk tittieħed deċiżjoni f’dan is-sens fil-konfront tiegħu. Għal din il-mistoqsija K. Boudjlida rrisponda “evidentemment” u żied li “[huwa] jaċċetta li jistenna fiċ-ċentri ta’ akkoljenza […] ir-risposta tal‑prefettura ta’ Pau li tista’ [titolbu jitlaq] mit-territorju, jew [tqiegħdu] f’ċentru ta’ detenzjoni, jew [titolbu jirregolarizza] s-sitwazzjoni [tiegħu].

72.

Konsegwentement, bla ħsara għal verifikazzjoni mill-qorti tar‑rinviju, K. Boudjlida ġie informat dwar ir-raġuni tas-seduta inkwistjoni u kien jaf is-suġġett li dwaru kien ser jiġi interrogat u l‑eventwali konsegwenzi ta’ din is-seduta. Barra minn hekk, bl-istess riżerva, din is-seduta kienet tirrigwarda b’mod ċar l-informazzjoni rilevanti u neċessarja għall-finijiet tal-implementazzjoni tad‑Direttiva 2008/115, b’rispett tad-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata.

73.

Fil-fatt, matul l-intervista mal-pulizija, K. Boudjlida ġie interrogat, b’mod partikolari, dwar l-identità tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-istat ċivili tiegħu, l-irregolarità tar-residenza tiegħu fi Franza, il‑proċeduri amministrattivi li huwa beda sabiex jirregolarizza r‑residenza tiegħu, kemm kien ilu residenti b’kollox fi Franza, il‑permessi ta’ residenzi antiki tiegħu, il-formazzjoni skolastika u professjonali tiegħu, ir-riżorsi tiegħu, is-sitwazzjoni familjari tiegħu fi Franza u fl-Alġerija. Fl-aħħar nett, is-servizzi tal-pulizija staqsewh jekk kienx jaċċetta “jitlaq mit-territorju Franċiż jekk din tkun id-deċiżjoni tal-prefettura ta’ Pau” ( 42 ).

ii) Id-dritt għall-għajnuna ta’ avukat

74.

Id-dritt għall-assistenza legali ma huwiex previst, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, ħlief wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ( 43 ) u fil-kuntest ta’ rikors sabiex jikkontesta tali deċiżjoni ( 44 ). F’ċerti ċirkustanzi, għandha tingħata għajnuna legali bla ħlas meta tintalab ( 45 ).

75.

Minkejja dan, ħadd ma jista’ jiċċaħħad milli jitlob, a spejjeż tiegħu, għajnuna legali waqt is-seduta tiegħu mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bil-kundizzjoni li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jaffettwax l-iżvolġiment korrett tal-proċedura u ma jikkompromettix l‑implementazzjoni effettiva tad-Direttiva 2008/115. Matul is-seduta K. Boudjlida ma talabx sabiex jirrikorri għal għajnuna legali.

iii) It-tul tas-smigħ

76.

K. Boudjlida u l-Kummissjoni jirreferu għall-ħin qasir, jiġifieri 30 minuta, tas-smigħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Jiena ma nikkunsidrax li t-tul ta’ ħin tas-smigħ huwa determinanti. L-importanti huwa jekk K. Boudjlida nstemax biżżejjed dwar il-legalità tar-residenza tiegħu u dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu ( 46 ), kif jidher li jirriżulta mill-punti 70 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

iv) It-terminu mogħti sabiex jitlaq mit-territorju Franċiż

77.

Dwar dan il-punt, nirrileva li l-Artikolu 7(1) tad‑Direttiva 2008/115 jipprovdi, b’mod partikolari, “perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom jestendu, “fejn neċessarju”, “l-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u soċjali oħrajn”.

78.

Mill-verbal ta’ K. Boudjlida jirriżulta li huwa nstema’, b’mod partikolari, dwar it-tul tar-residenza tiegħu fi Franza, dwar l‑istudji tiegħu fi Franza u r-rabtiet familjari tiegħu fi Franza. Mingħajr ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidhirli li huwa nstema’ dwar l‑eventwali applikazzjoni tal-kriterji li jippermettu l-estensjoni tat-terminu għat-tluq tiegħu previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/115. Dwar in‑natura adegwata tat-terminu għat-tluq mogħti lil K. Boudjlida fid‑dawl, b’mod partikolari, tal-osservazzjonijiet tiegħu waqt is-smigħ tiegħu mill-pulizija, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni tirrigwarda l-legalità tal-mertu tal-miżura ( 47 ).

79.

Fid-dawl ta’ dawn il-punti kollha, jiena nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari bil-mod segwenti:

id-dritt għal smigħ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu jobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tisma’ lill-persuna kkonċernata dwar il-legalità tar-residenza tagħha, dwar l‑eventwali applikazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) sa (5) tal‑imsemmija direttiva u dwar il-modalitajiet tar-ritorn tagħha;

min-naħa l-oħra, ħlief jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma setax b’mod raġonevoli jissuspetta l-eventwali adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew jaqta’ xi provi setgħu jitressqu kontrih, ħaġa li tobbligah isegwi ċerti proċeduri ta’ verifika jew jikseb dokumenti ta’ ġustifikazzjoni, id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jistabbilixxix l-obbligu li din il-persuna tkun informata mill-awtorità nazzjonali kompetenti, qabel is-smigħ organizzat bil-għan li tiġi adottata din id-deċiżjoni, dwar il-fatt li hija għandha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni ta’ ritorn u lanqas li tikkomunikalha l-punti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni tibbaża din id-deċiżjoni u lanqas li tagħtiha terminu ta’ riflessjoni qabel ma tiġbor l‑osservazzjonijiet tagħha.

jekk, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn mill-awtorità nazzjonali kompetenti, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jitlob għajnuna legali waqt is-smigħ tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bil-kundizzjoni li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jaffettwax l-iżvolġiment korrett tal-proċedura u ma jikkompromettix l-implementazzjoni effettiva tad‑Direttiva 2008/115, id-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-Istati Membri jassumu r-responsabbiltà għal din l-assistenza fil-kuntest tal-għajnuna legali b’xejn.

3. Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari

80.

B’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, u jekk ikun il-każ, skont liema kriterji, għandu jiġi aġġustat jew limitat id-dritt għal smigħ skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali tal-politika ta’ ritorn espost mid-Direttiva 2008/115.

81.

Fid-dawl tar-risposta tiegħi għall-ewwel domanda, jien nirrispondi fin-negattiv għat-tieni u t-tielet domandi preliminari.

VI – Konklużjoni

82.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti amministrattiva ta’ Pau:

“1)

Id-dritt għal smigħ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’sitwazzjoni irregolari qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu jobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tisma’ lill-persuna kkonċernata dwar il-legalità tar-residenza tagħha, dwar l‑eventwali applikazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, kif ukoll tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2) sa (5) tal‑imsemmija direttiva u dwar il-modalitajiet tar-ritorn tagħha.

Min-naħa l-oħra, l-oħra, ħlief jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma setax b’mod raġonevoli jissuspetta l-eventwali adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew jaqta’ xi provi setgħu jitressqu kontrih, ħaġa li tobbligah isegwi ċerti proċeduri ta’ verifika jew jikseb dokumenti ta’ ġustifikazzjoni, id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jobbligax lill-awtorità nazzjonali kompetenti tinforma lil din il-persuna, qabel is-smigħ organizzat bil-għan li tiġi adottata din id-deċiżjoni, dwar il-fatt li hija għandha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni ta’ ritorn u lanqas li tikkomunikalha l-punti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni tibbaża din id-deċiżjoni u lanqas li tagħtiha terminu ta’ riflessjoni qabel ma tiġbor l‑osservazzjonijiet tagħha.

Għalkemm, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn mill-awtorità nazzjonali kompetenti, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jitlob għajnuna legali waqt is-smigħ tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bil-kundizzjoni li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jaffettwax l-iżvolġiment korrett tal-proċedura u ma jikkompromettix l-implementazzjoni effettiva tad‑Direttiva 2008/115, id-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-Istati Membri jbatu li-ispejjeż għal din l-assistenza fil-kuntest tal-għajnuna legali b’xejn.

2)

Ma hemmx lok li jiġi aġġustat jew limitat b’xi mod ieħor il‑kontenut tad-dritt għal smigħ fid-dawl tal-għan ġenerali tad-Direttiva 2008/115.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 348, p. 98.

( 3 ) Sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punti 14 sa 23).

( 4 ) Sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punti 52 u 56).

( 5 ) Sentenza Dokter et (C‑28/05, EU:C:2006:408, punti 73 sa 79).

( 6 ) Sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni (EU:C:1989:337, punti 14 sa 16) dwar id-dritt għall-għajnuna ta’ avukat mill-istadju tal-investigazzjoni preliminari sad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

( 7 ) Sentenza Cicala (C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 28).

( 8 ) Sentenza M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 82 sa 86).

( 9 ) Sentenza Achughbabian (C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 28).

( 10 ) Sentenza Cicala (EU:C:2011:868, punt 28).

( 11 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C‑32/95 P, EU:C:1996:402, punt 30) u Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746, punt 26).

( 12 ) Sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punti 35 u 36).

( 13 ) Punt 84.

( 14 ) Sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21).

( 15 ) Premessa 4 tad-Direttiva 2008/115.

( 16 ) Premessa 6 tad-Direttiva 2008/115.

( 17 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:253, punt 41).

( 18 ) Enfasi miżjuda minni.

( 19 ) Sentenzi Åkerberg Fransson (EU:C:2013:105, punt 18) kif ukoll Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 32).

( 20 ) Il-portata attwali tal-Artikolu 41 tal-Karta ġiet diskussa fi ħdan il-presidju tal‑Konvenzjoni li żviluppat il-Karta. Xi emendi intiżi, minn naħa, sabiex jestendu u, min-naħa l-oħra, sabiex jikkjarifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ġew proposti iżda ma ġewx aċċettati. Ara l-abbozz tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Sinteżi ta’ emendi ppreżentata mill-presidju (Karta 4284/00 CONVENT 37).

( 21 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Ara s-sentenza N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50).

( 23 ) Ara l-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Idem.

( 25 ) Sentenza Sopropé (EU:C:2008:746, punt 36).

( 26 ) Ara l-Artikoli 3(4) u 6(1) tad-Direttiva 2008/115.

( 27 ) Wieħed ma jistax ma jkunx sorpriż bl-assenza ta’ tali proċedura speċifika fid‑Direttiva 2008/115 fid-dawl tal-impatt sinjifikattiv li deċiżjoni ta’ ritorn jista’ jkollha fuq il-ħajja ta’ bniedem, minkejja li proċedura simili ġiet żviluppata sabiex tiżgura r-rispett tad-dritt għal smigħ fil-qasam tad-dazji doganali u tad-dritt tal‑kompetizzjoni! Dwar id-dazji doganali, ara l-Artikolu 22(6) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Ottubru 2013, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269 p. 1, u rettifika ĠU 2013, L 287, p. 90), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Kamino International Logistics u Datema Hellman Worldwide Logistics (C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:94, punti 51 sa 57). Dwar id-dritt tal-kompetizzjoni, l‑Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) li jipprovdi li “[q]abel ma jiġu meħuda d-deċiżjonijiet kif previsti mil-Artikoli 7, 8, 23 u l-Artikolu 24(2), il-Kummissjoni ħa tagħti l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li huma suġġetti għal proċeduri kondotti mil-Kummissjoni l-opportunità li jiġu msemma’ fuq matterji li l-Kummissjoni kellha oġġezzjoni fuqhom. Il-Kummissjoni ħa tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati kienu kapaċi jikkummentaw fuqhom. L-ilmenti ħa jkunu assoċjati mil-viċin mal-proċeduri”. Enfasi miżjuda minni.

( 28 ) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115 tipprovdi li “[d]eċiżjonijiet ta’ ritorn […] għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil‑fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli”.

( 29 ) Ara s-sentenza M. (EU:C:2012:744, punt 86).

( 30 ) Ara s-sentenza G. u R. (C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 35). L-obbligu tal‑Istati Membri li josservaw il-prinċipju ta’ effettività huwa kkonfermat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) li jipprovdi li dawn għandhom “jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”.

( 31 ) Sentenza M. (EU:C:2012:744, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 101) kif ukoll Schwarz (C‑291/12, EU:C:2013:670, punt 34).

( 33 ) Ara s-sentenza Dokter et (C‑28/05, EU:C:2006:408, punt 75). Ara, ukoll, is‑sentenza G. u R. (EU:C:2013:533, punt 36) fejn il-Qorti ddeċidiet li għalkemm l‑Istati Membri jistgħu jippermettu l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż illegalment skont l-istess modalitajiet bħal dawk magħżula sabiex jiġu rregolati s-sitwazzjonijiet interni, dawn il-modalitajiet għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ma għandhomx idgħajfu l-effettività tad-Direttiva 2008/115.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża M. (C‑277/11, EU:C:2012:253, punti 35 u 36).

( 35 ) Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Ara l-Artikoli 12(1) tad-Direttiva 2008/115 u 41(2)(c) tal-Karta.

( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑455/11 P, EU:C:2013:796, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Premessa 4 tad-Direttiva 2008/115. Enfasi miżjuda minni.

( 39 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi El Dridi (EU:C:2011:268, punt 35) u Achughbabian (EU:C:2011:807, punt 31). Fil-fatt, id-Direttiva 2008/115 tikkonċerna biss ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fi Stat Membru irregolarment u għalhekk ma għandhiex l-għan li tarmonizza fl-intier tagħhom ir-regoli nazzjonali dwar ir‑residenza tal-barranin. Sentenzi Achughbabian (EU:C:2011:807, punt 28) u Sagor (C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 31).

( 40 ) Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza M. (EU:C:2012:744, punti 60 u 61).

( 42 ) Ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Jekk ikun il-każ, id-deċiżjonijiet marbuta mar-ritorn imsemmija fl‑Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115, jiġifieri d-deċiżjonijiet li jipprojbixxu d-dħul kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ tneħħija.

( 44 ) Għandu jiġi enfasizzat li K. Boudjlida ma kellux proċeduri kriminali kontrih fil‑kawża prinċipali u ma kienx taħt arrest preventiv jew imċaħħad mil-libertà tiegħu waqt l-intervista tiegħu mal-pulizija. Għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013, dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi informata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, p. 1), “il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat”“qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija”. Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/48/UE, l‑Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mis-27 ta’ Novembru 2016.

( 45 ) Ara l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2008/115. Skont l-Artikolu 4(3) tad‑Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-persuni kkonċernati, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli mad-Direttiva 2008/115.

( 46 ) Ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Ara l-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.