KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-9 ta’ April 2014 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑119/13 sa C‑121/13

eco cosmetics GmbH & Co. KG (C‑119/13)

vs

Virginie Laetitia Barbara Dupuy,

Raiffeisenbank St. Georgen reg. Gen. mbH (C‑120/13)

vs

Tetyana Bonchyk

u

Rechtsanwaltskanzlei CMS Hasche Sigle, Partnerschaftsgesellschaft (C‑121/13)

vs

Xceed Holding Ltd

[talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mill-Amtsgericht Wedding (il-Ġermanja)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ordni għal ħlas Ewropea — Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Assenza ta’ notifika valida — Reviżjoni — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Artikolu 47 tal-Karta”

1. 

Bħala qafas ġuridiku, dawn il-kawżi għal deċiżjoni preliminari kollha għandhom ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 ( 2 ) li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Huma jqajmu l-kwistjoni dwar jekk, f’każ ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni jew notifika tal-ordni għal ħlas Ewropea lill-konvenut, dan tal-aħħar jistax jitlob l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006.

2. 

Din id-dispożizzjoni tipprovdi, wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, il-possibbiltà li jintalab, taħt ċerti kundizzjonijiet, ir-reviżjoni tal-ordni għal ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini (iktar ’il quddiem il-“qorti ta’ oriġini”) minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali. B’mod partikolari, il-konvenut għandu d-dritt li jitlob r-reviżjoni ta’ din l-ordni jekk din tkun ġiet ikkomunikata jew innotifikata skont wieħed mill-metodu previsti fl-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament u jekk il-komunikazzjoni jew in-notifika ma tkunx saret fi żmien suffiċjenti li jippermettilu jipprepara għad-difiża tiegħu, mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu.

3. 

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena nikkunsidra li r-Regolament Nru 1896/2006 għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20 tiegħu f’każ li fih l-ordni għal ħlas Ewropea ma tkunx ġiet innotifikata jew ma tkunx ġiet innotifikata b’mod validu lill-konvenut. Sabiex ikun żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, din tal-aħħar għandu jkollha rimedju indipendenti quddiem il-qorti ta’ oriġini li jippermettilha turi li hija ma tkunx ġiet innotifikata b’din l-ordni u, jekk ikun il-każ, titlob li tiġi kkonstata l-invalidità tagħha.

I – Il-qafas ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 jindika li l-għan tiegħu huwa “li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea”.

5.

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jipprovdi dan li ġej:

“L-ordni ta’ ħlas Ewropea tista’ tiġi notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat li fih għandha ssir in-notifika, b’wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

notifika minn persuna għal persuna, attestata b’dikjarazzjoni li tkun waslet, inkluż id-data tal-wasla, u li tkun iffirmata mill-konvenut;

(b)

notifika minn persuna għal persuna attestata b’dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li wasslet in-notifika fejn hu ddikjarat li l-konvenut irċieva d-dokument jew irrifjuta li jirċevih bla ebda ġustifikazzjoni legali, u bid-data tan-notifika;

(ċ)

notifika bil-posta attestata b’dikjarazzjoni li tkun waslet, inkluż id-data tal-wasla, u li tkun iffirmata u rritornata mill-konvenut;

(d)

notifika b’mezzi elettroniċi bħall-fax jew l-e-mail, attestata b’dikjarazzjoni li tkun waslet, inkluż id-data tal-wasla, u li tkun iffirmata u rritornata mill-konvenut”.

6.

L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, intitolat “Notifika mingħajr prova li waslet għand il-konvenut”, huwa fformulat bil-mod segwenti:

“1.   L-ordni ta’ ħlas Ewropea tista’ wkoll tiġi notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat li fih issir in-notifika, b’wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

notifika minn persuna għal persuna fl-indirizz personali tal-konvenut lil persuni li joqogħdu fl-istess dar bħall-konvenut jew huma impjegati hemm;

(b)

f’każ ta’ konvenut li jaħdem għal rasu jew persuna ġuridika, notifika minn persuna għal persuna fis-sit kummerċjali tal-konvenut lil persuni li huma impjegati mill-konvenut;

(ċ)

depożitu ta’ l-ordni fil-kaxxa postali tal-konvenut;

(d)

depożitu ta’ l-ordni f’uffiċċju postali jew ma’ awtoritajiet pubbliċi kompetenti u t-tqegħid ta’ notifika bil-miktub ta’ dak id-depożitu fil-kaxxa postali tal-konvenut, dment li n-notifika bil-miktub turi b’mod ċar il-karattru tad-dokument bħala dokument tal-qorti jew l-effett legali tal-komunikazzjoni li taffetwa n-notifika u li tibda tiddekorri l-limiti ta’ żmien;

(e)

servizz postali mingħajr prova b’mod konformi mal-paragrafu 3 fejn il-konvenut għandu l-indirizz tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini;

(f)

mezzi elettroniċi attestati b’konferma awtomatika tal-wasla, sakemm il-konvenut ikun esprima l-aċċettazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ servizz minn qabel.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, in-notifika taħt il-paragrafu 1 mhuwiex ammissibbli jekk l-indirizz tal-konvenut ma jkunx magħruf b’ċertezza.

3.   Is-servizz b’mod konformi mal-paragrafu 1 (a), (b), (ċ) u (d) għadu jiġi attestat b’:

(a)

dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li effettwat in-notifika, li jindika:

(i)

il-metodu tan-notifika użat;

u

(ii)

id-data tan-notifika;

u

(iii)

fejn l-ordni ġie notifikat lil persuna oħra barra mill-konvenut, l-isem ta’ dik il-persuna u r-relazzjoni tagħha mal-konvenut;

jew

(b)

rikonoxximent ta’ riċevuta mill-persuna notifikata, għall-finijiet tal-paragrafi (1)(a) u (b)”.

7.

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi dan li ġej:

“1.   Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.

[…]”

8.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jipprovdi l-possibbiltà, li l-konvenut jitlob reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea. B’hekk din id-dispożizzjoni tistabbilixxi:

“1.   Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-konvenut għandu jkun intitolat biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti […] ta’ oriġini fejn:

a)

(i)

l-ordni ta’ ħlas ġiet notifikata b’wieħed mill-metodi previsti fl-Artikolu 14;

u

(ii)

in-notifika ma ġietx effettwata fi żmien suffiċjenti li jippermettilu jipprepara għad-difiża tiegħu, mingħajr l-ebda nuqqas mill-parti tiegħu,

jew

b)

il-konvenut ma tħalliex joġġezzjona għat-talba għal raġuni ta’ force majeure, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu,

sakemm fi kwalunkwe każ huwa jaġixxi fil-pront.

2.   Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra.

3.   Jekk il-qorti tirrifjuta l-applikazzjoni tal-konvenut abbażi li l-ebda mir-raġunijiet għal reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma japplikaw, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tibqa’ fis-seħħ.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni hi ġustifikata għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tkun nulla u mingħajr effett”.

B – Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

9.

Fid-dritt Ġermaniż, huwa l-Kodiċi ta’ proċedura ċivili (Zivilprozessordnung, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”) li jindika l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-qasam tal-proċedura għal ordni għal ħlas. B’hekk, fil-verżjoni taz-ZPO applikabbli għall-kawżi prinċipali, il-punt 1 tal‑Artikolu 692(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 700(3) tiegħu jipprovdu, li wara li tkun ifformulata oppożizzjoni — indipendentement minn jekk din tkunx ammissibbli jew le, jekk din tkunx fit-termini jew le u anki jekk din tkunx ċara jew le -, il-proċedura ta’ ordni għal ħlas taqa’ awtomatikament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti kompetenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima.

10.

Skont il-punt 5 tal-Artikolu 690(1) taz-ZPO, meta ssir it-talba għal-ħruġ ta’ ordni għal ħlas, il-kreditur għandu jindika liema qorti tkun kompetenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima f’każ ta’ oppożizzjoni.

11.

Mhux l-istess japplika fir-rigward ta’ talba għal ordni għal ħlas Ewropea li għaliha l-Amtsgericht Wedding (il-Ġermanja) tispjega li l-indikazzjoni tal-qorti kompetenti f’każ ta’ tilwima ma hijiex prevista. L-astensjoni favur il-qorti kompetenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima wara oppożizzjoni ssir biss, skont l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1896/2006, bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini, jiġifieri l-Istat Membru li fih tinħareġ ordni għal ħlas Ewropea.

12.

Il-qorti tar-rinviju tindikalna li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1090(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1090(2) taz-ZPO, hija l-qorti Ewropea kompetenti għall-ordni għal ħlas Ewropea li titlob lill-kreditur jindika l‑qorti kompetenti f’każ ta’ tilwima. Sa fejn il-kreditur ma jaġixxix f’dan is-sens jew ma jinnomina ebda qorti, ma jkun hemm ebda astensjoni mill-kawża favur qorti oħra. Il-qorti tar-rinviju tasal għal konsegwenza segwenti, jiġifieri li l-attur għandu ordni għal ħlas Ewropea flimkien ma’ dikjarazzjoni relatata man-natura eżekuttiva tagħha, iżda l-konvenut ma għandu ebda possibbiltà li jivverifika permezz ta’ qorti l-osservanza tat-terminu tal-oppożizzjoni, jew saħansitra l-fatt li dan tal-aħħar qatt ma beda jiddekorri, għar-raġuni li l-proċess ma ġiex ittrasferit lil qorti skont ir-regoli proċedurali ġenerali u li r-reviżjoni, prevista fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, ma hijiex direttament applikabbli.

II – Il-fatti tal-kawżi prinċipali

A – Il-Kawża C‑119/13

13.

Eco cosmetics GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “eco cosmetics”), iddomiċiljata fil-Ġermanja, talbet lill-Amtsgericht Wedding il-ħruġ ta’ ordni għal ħlas Ewropea kontra V. L. B. Dupuy, residenti fi Franza. Għal dan il-għan, hija indikat indirizz fi Franza bħala r-residenza ta’ din tal-aħħar. Fit-22 ta’ Marzu 2010, l-Amtsgericht Wedding laqgħet it-talba ta’ eco cosmetics u ħarġet l-ordni għal ħlas Ewropea. Din ġiet innotifikata permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta fl-indirizz indikat, bil-konferma ta’ rċevuta li tindika d-data tat-31 ta’ Marzu 2010 bħala d-data tan-notifika.

14.

Mingħajr oppożizzjoni min-naħa ta’ V. L. B. Dupuy u skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, fl-20 ta’ Mejju 2010, l-Amtegericht Wedding iddikjarat din l-ordni eżekuttiva.

15.

Kien biss permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 2010, riċevuta mill-Amtsgericht Wedding fit-3 ta’ Awwissu 2010, li V. L. B. Dupuy opponiet għall-ordni għal ħlas Ewropea. Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Awwissu 2010, l-Amtsgericht Wedding informat lil V. L. B. Dupuy li l-oppożizzjoni kienet barra mit-terminu u hija setgħet biss titlob reviżjoni ta’ din l-ordni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006. Huwa għalhekk li, permezz tal-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2010, V. L. B. Dupuy talbet ir-reviżjoni tal-imsemmija ordni u ppreżentat, permezz tal-ittra tat-13 ta’ April 2011, il-motivazzjoni għal din it-talba għar-reviżjoni.

16.

Skont V. L. B. Dupuy, l-ordni għal ħlas Ewropea fl-ebda ħin ma ġiet innotifikata lilha, peress li hija kienet telqet mir-residenza fl-indirizz indikat minn eco cosmetics sa minn Ottubru 2009. Hija indikat, ukoll, li kien biss permezz ta’ ittra mill-bank tagħha tat-23 ta’ Lulju 2010 li hija saret taf b’din l-ordni. Eco cosmetics tikkontesta dawn id-dikjarazzjonijiet.

B – Il-Kawża C‑120/13

17.

Raiffeisenbank St. Georgen reg. Gen. mbH (iktar ’il quddiem “Raiffeisenbank”), iddomiċiljata fl-Awstrija, talbet il-ħruġ ta’ ordni għal ħlas Ewropea kontra T. Bonchyk, residenti fil-Ġermanja. Fit-2 ta’ Settembru 2010, l-Amtsgericht Wedding laqgħet din it-talba u ħarġet din l-ordni. Din il-qorti ppruvat darbtejn tinnotifika l-imsemmija ordni bil-posta fl-indirizzi indikati mir-Raiffeisenbank, iżda ma rnexxilhiex. Din tal-aħħar għalhekk ipprovdiet indirizz ġdid. L-ordni għal ħlas Ewropea kienet għalhekk innotifikata f’dan l-indirizz ġdid permezz ta’ depożitu fil-kaxxa postali fl-1 ta’ Frar 2011.

18.

Mingħajr oppożizzjoni min-naħa ta’ T. Bonchyk, din l-ordni ġiet iddikjarata eżekuttiva mill-Amtsgericht Wedding, fl-10 ta’ Marzu 2011. Permezz ta’ faks datata 1 ta’ Ġunju 2011, T. Bonchyk opponiet l-imsemmija ordni. Hija indikat ukoll li hija saret taf bl-eżistenza ta’ din l-istess ordni b’kumbinazzjoni. Barra minn hekk, hija ppreċiżat, li hija ma kinitx għadha toqgħod fl-indirizz li fih ġiet innotifikata l-ordni għal ħlas Ewropea sa mis-sena 2009. Fl-aħħar nett hija indikat li hija fl-ebda ħin ma ġiet innotifikata b’din l-ordni.

19.

L-Amtsgericht Wedding innotat, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju 2011, li l-oppożizzjoni fformulata minn T. Bonchyk kienet barra mit-terminu u li hija setgħet biss tagħmel talba għar-reviżjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006. Għalhekk, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ġunju 2011, T. Bonchyk ippreżentat talba għal reviżjoni kontra l-ordni għal ħlas Ewropea.

C – Il-Kawża C‑121/13

20.

Rechtsanwaltskanzlei CMS Hasche Sigle, Partnerschaftsgesellschaft (iktar ’il quddiem “CMS Hasche Sigle”), iddomiċiljata fil-Ġermanja, talbet il-ħruġ ta’ ordni għal ħlas Ewropea kontra Xceed Holding Ltd, iddomiċiljata f’Ċipru. Għal dan il-għan hija indikat indirizz f’Nikosija (Ċipru). Fl-4 ta’ Ġunju 2010, l-Amtsgericht Wedding laqgħet din it-talba u sussegwentement innotifikat l-ordni għal ħlas Ewropea permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta fl-indirizz indikat minn CMS Hasche Sigle. Mill-konferma ta’ rċevuta jirriżulta li din l-ordni ġiet innotifikata f’dan l-indirizz fit-30 ta’ Ġunju 2010, u l-konferma ta’ rċevuta kienet iffirmata u ttimbrata minn uffiċju legali, mingħajr ma kellha, madankollu, marki fil-kaxxa “innotifikata” u lanqas f’xi kaxxa oħra. Fl-10 ta’ Awwissu 2010, l-Amtsgericht Wedding iddikjarat l-imsemmija ordni eżekuttiva.

21.

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2010, riċevuta fl-20 ta’ Ottubru tal-istess sena mill-Amtsgericht Wedding, Xceed Holding Ltd ressqet talba għar-reviżjoni kontra l-ordni għal ħlas Ewropea u b’mod kawtelatorju, opponiet din l-ordni.

22.

Xceed Holding Ltd argumentat, mingħajr ma dan ġie ikkontestat, li l-imsemmija ordni fl-ebda ħin ma ġiet innotifikata lilha. Hija indikat li, sat-18 ta’ Mejju 2010, is-sede tagħha kien f’Larnaka (Ċipru), imbagħad f’Limassol (Ċipru) u li hija qatt ma kellha kuntatt mal‑uffiċċju legali li rċieva u ffirma l-konferma ta’ rċevuta. Kien biss fis-7 ta’ Ottubru 2010 li hija saret taf bl-ordni għal ħlas Ewropea, wara intimazzjoni ta’ CMS Hasche Sigle.

23.

F’dawn it-tliet kawżi, l-Amtsgericht Wedding għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lir-Regolament Nru 1896/2006. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk it-talbiet għar-reviżjoni fformulati mit-tliet konvenuti fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxux rimedju validu.

III – Id-domandi preliminari

24.

Fit-tliet kawżi prinċipali, l-Amtsgericht Wedding iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari. Jiena ser nirriproduċi hawnhekk id-domandi mressqa fil-Kawża C-119/13 li għandhom l-ewwel u tielet domanda identiċi għad-domandi mressqa fil-Kawżi C-120/13 u C‑121/13:

“1)

Ir-Regolament […] Nru 1896/2006 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konvenut jista’ jitlob ukoll reviżjoni, mill-qorti, tal-ordni ta’ ħlas Ewropea meta l-ordni ta’ ħlas ma tkunx ġiet innotifikata lilu jew ma tkunx ġiet innotifikata lilu b’mod validu? Għal dan il-għan, jista’ wieħed jinvoka, b’analoġija, b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) jew l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, fil-każ li l-ordni ta’ ħlas ma tkunx ġiet innotifikata lilu jew ma tkunx ġiet innotifikata lilu b’mod validu, il-konvenut għandu josserva l-limiti ta’ żmien għall-applikazzjoni tiegħu għal reviżjoni? Għal dan il-għan, jista’ wieħed jinvoka b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 1896/2006?

3)

Ukoll fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, x’konsegwenzi ġuridiċi proċedurali jkun hemm fil-każ ta’ suċċess tal-applikazzjoni għal reviżjoni; f’dan il-kuntest, jista’ wieħed jinvoka, b’analoġija, b’mod partikolari l-Artikolu 20(3) jew l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1896/2006?”

IV – L-analiżi tiegħi

25.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk ir-Regolament Nru 1896/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li meta l-ordni għal ħlas Ewropea ma tkunx ġiet innotifikata jew ma tkunx ġiet innotifikata b’mod validu lill-konvenut, dan tal-aħħar jistax jitlob ir-reviżjoni ta’ din l-ordni abbażi, b’analoġija, tal-Artikolu 20(1) jew (2) ta’ dan ir-regolament.

26.

Fit-tliet kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-prinċipju li n-notifika tal-ordni għal ħlas Ewropea jew ma saritx, jew hija invalida sa fejn hija ma saritx skont ir-regoli minimi preskritti mill-imsemmi regolament.

27.

Fir-realtà, dawn il-kawżi jqajmu l-kwistjoni dwar liema rimedju għandu l-konvenut kontra ordni għal ħlas Ewropea li ma ġietx innotifikata lilu jew li ma ġietx innotifikata lilu b’mod validu u li saret eżekuttiva. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprovdi xejn dwar l-eventwali rimedji għad-dispożizzjoni tal-konvenut f’tali ċirkustanzi u joħloq, għalhekk, lakuna legali. Il-kwistjoni kollha hija għalhekk x’inhuma l-konsegwenzi legali ta’ nuqqas ta’ notifika jew ta’ notifika mhux valida.

28.

Il-qorti tar-rinviju u l-parti l-kbira tal-partijiet fil-kawża donnhom iqisu li l-uniku rimedju huwa r-reviżjoni tal-ordni għal ħlas Ewropea abbażi tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament. Jiena ma naqbilx ma’ din l-opinjoni.

29.

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tal-imsemmi regolament, dan tal-aħħar għandu l-għan li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet pekunjarji mhux ikkontestati permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni għal ħlas Ewropea. Din il-proċedura tista’ tkun deskritta bħala “proċedura unilaterali” peress li ma tinvolvi ebda trattazzjoni quddiem il-qorti ta’ oriġini u l-konvenut jidher biss fi stadju ulterjuri, meta l-ordni għal ħlas Ewropea tkun inħarġet minn din il-qorti u tkun ġiet ikkomunikata u nnotifikata lilu.

30.

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1896/2006 jistabbilixxi standards minimi dwar il-metodi ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika, maqsuma f’żewġ kategoriji.

31.

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jipprovdi l-metodi ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika akkumpanjata mill-prova ta’ rċevuta mill-konvenut. Dan ifisser li jkun iddokumentat li l-konvenut ikun irċieva l-ordni għal ħlas Ewropea maħruġa kontrieh — u għalhekk li huwa kien jaf biha — u li l-mekkaniżmu, previst mill-imsemmi regolament, jista’ għalhekk jipproduċi l-effetti tiegħu.

32.

B’hekk, jekk il-konvenut jiddeċiedi li jressaq oppożizzjoni għall‑ordni għal ħlas Ewropea, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-proċedura ssir quddiem il-qorti ta’ oriġini skont ir-regoli tal-proċedura ċivili ordinarja, ħlief jekk ir-rikorrent ikun espressament talab biex f’dak il-każ jintemmu l-proċeduri ( 3 ). Jekk min-naħa l-oħra, il-konvenut ma jiħux passi kontra din l-ordni, ladarba t-terminu previst fl-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament jiskadi, l-imsemmija ordni tiġi immedjatament iddikjarata eżekuttiva mill-qorti ta’ oriġini, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, filwaqt li l-Artikolu 19 tiegħu jippreċiża, b’mod partikolari, li ordni għal ħlas Ewropea li saret eżekuttiva fl-Istat Membru ta’ oriġini hija rrikonoxxuta u infurzata fl-Istati Membri l-oħra.

33.

Huwa biss b’eċċezzjoni li l-konvenut jista’ jitlob ir-reviżjoni tal-ordni għal ħlas Ewropea, jew għax ma tħallix jikkontesta t-talba għal ħlas minħabba force majeure, jew minħabba ċirkustanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu ( 4 ), jew għax ikun ċar li l-ordni għal ħlas Ewropea inħarġet ħażin, fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-regolament, jew minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali oħra ( 5 ).

34.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1896/2006 jsemmi l-metodi ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika mhux akkumpanjati minn prova ta’ rċevuta mill-konvenut, meta l-ordni għal ħlas Ewropea tingħata lil terza persuna. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jitlaq mill-preżunzjoni, f’dak il-każ, li l-konvenut huwa assenti temporanjament meta jgħaddi l-marixxall jew inkella l-pustier. Dan ifisser li, b’dawn il-metodi ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika, qed jiġi preżunt li l-konvenut ġie korrettament innotifikat bl-ordni għal ħlas Ewropea maħruġa kontrieh u li għalhekk normalment huwa jkun ħa konjizzjoni tad-drittijiet li huwa għandu kif ukoll tal-effetti legali li jirriżultaw minn oppożizzjoni jew min-nuqqas ta’ risposta fit-terminu mogħti, f’dan il-każ id-dikjarazzjoni tas-saħħa eżekuttiva ta’ din l-ordni, skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament.

35.

Madankollu, anki hawn, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni wkoll eventwali dewmien billi ta l-possibbiltà lill-konvenut, skont l-Artikolu 20(1) u (2) tal-imsemmi regolament, li jitlob ir-reviżjoni tal-ordni għal ħlas Ewropea.

36.

Jiena nikkonstata, fid-dawl tal-kunsiderezzjonijiet preċedenti, l-importanza kbira ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika valida fil-proċeduri Ewropej ta’ ordni għal ħlas. Din tiżgura li l-konvenut ikollu aċċess għall-informazzjoni kollha neċessarja sabiex ikun jista’ jiddefendi ruħu u tiggarantixxi wkoll ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ( 6 ). Fix-xogħlijiet preparatorji tagħha, il-Kummissjoni Ewropea diġà kienet enfasizzat dan il-punt peress li indikat li “[s]abiex jiġi żgurat smigħ xieraq, il-konvenut għandu jkun jaf perfettament id-drittijiet u l-obbligi proċedurali tiegħu fil-kuntest tal-ordni għal ħlas. […] Informazzjoni qasira iżda kompleta, hija għalhekk kundizzjoni indispensabbli sabiex jiġi żgurat li t-termini jibqgħu qosra u li l-konvenut jista’ jiddeċiedi, qabel jiskadu t-termini, jekk huwa jixtieqx jikkontesta t-talba b’konoxxenza sħiħa tal-konsegwenzi mingħajr ma jkollu jirrikorri għal pariri legali” ( 7 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

37.

Dan huwa l-għan tal-proċedura stabbilita mir-Regolament Nru 1896/2006, jiġifieri li jirrikonċilja r-rapidità u l-effiċjenza ta’ proċedura ġudizzjarja mar‑rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-każijiet transkonfinali li jirrigwardaw talbiet pekunjarji mhux ikkontestati. Ladarba jkun informat, u jkun ħa konoxxenza tal-indikazzjonijiet fid-dokumenti li jakkumpanjaw b’mod obbligatorju l-komunikazzjoni jew in-notifika, il-konvenut ikun jista’, imbagħad, jeżerċita d-drittijiet tiegħu b’mod informat. Din hija r-raġuni għaliex, konsegwentement, huwa jibqagħlu biss mezzi limitati sabiex jopponi l-eżekuzzjoni tal-ordni għal ħlas Ewropea.

38.

Madankollu, peress li huwa jkun ġie personalment innotifikat bil-ħruġ ta’ din l-ordni, id-drittijiet tiegħu, u b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża tiegħu, ikunu ġew perfettament osservati.

39.

L-istess japplika meta l-eżekuzzjoni tal-imsemmija ordni maħruġa skont il-proċedura tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1896/2006 tirrileva li fil-fatt, u mingħajr nuqqas min-naħa tiegħu, id-debitur preżunt ma jkunx intlaħaq fir-realtà?

40.

Assolutament le.

41.

Kif rajna, il-komunikazzjoni jew in-notifika fis-sistema stabbilita minn dan ir-regolament hija intiża sabiex tippreżerva d-drittijiet tad‑difiża. Hija tikkostitwixxi preżunzjoni ta’ rċevuta tal-ordni għal ħlas Ewropea mill-konvenut, stadju importanti ħafna f’din is-sistema. L‑osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet fil-proċedura ta’ ordni għal ħlas Ewropea hija vitali sabiex jinżamm bilanċ bejn l-għanijiet differenti li l-imsemmi regolament irid jilħaq.

42.

Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jistax ikun żgurat permezz ta’ preżunzjoni meta l-eżekuzzjoni ta’ din l-ordni turi li din il-preżunzjoni hija żbaljata. Għalhekk, hemm bżonn ta’ preżunzjoni inkonfutabbli li, fil-qasam tad-drittijiet tad-difiża, ma tagħmel ebda sens.

43.

Is-simplifikazzjoni eċċessiva tal-mekkaniżmu previst mir-Regolament Nru 1896/2006, tikkawża preġudizzju preċiżament għad-drittijiet tad-difiża u għalhekk għad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

44.

Fil-fatt, qabelxejn, l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament twassal sabiex iċċaħħad mid-drittijiet l-iktar fundamentali tiegħu lil konvenut ta’ bona fide li, fin-nuqqas li jiġi nnotifikat, bl-osservanza tar-regoli minimi, bl-ordni għal ħlas Ewropea, ma jkunx ġie informat bil-metodi ta’ kontestazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, filwaqt li ħaddieħor li, għall-kuntrarju, ikun ġie nnotifikat korrettament b’tali ordni seta’ jibbenfika minn dawn id-drittijiet. Minbarra l-fatt li tali interpretazzjoni tmur kontra r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta, din tirriżulta wkoll fi ksur tal-ugwaljanza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ konvenuti ta’ bona fide.

45.

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika tal-ordni għal ħlas Ewropea lill-konvenut, ma huwiex possibbli li jiġi ammess li t-talba inkwistjoni hija talba inkontestata, peress li l-konvenut, fin-nuqqas ta’ tali komunikazzjoni jew notifika, ġustament ma seta’ jikkontestaha fl-ebda ħin. Għalhekk, hawnhekk mhux biss immorru kontra l-għan tar-Regolament Nru 1896/2006 stess, li nfakkar, jistabilixxi proċedura ta’ ordni għal ħlas Ewropea għat-“talbiet inkonstestati”, iżda fuq kollox ikun ukoll każ ta’ ksur manifest tad-drittijiet tad-difiża li, fuq kollox, għandu konsegwenzi legali serji għall-konvenut. Fil-fatt, jekk b’applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament għall-każijiet li għandna quddiemna, ir-reviżjoni tiġi miċħuda, l-ordni għal ħlas Ewropea żżomm in-natura eżekuttiva tagħha għax tibqa’ valida skont l-Artikolu 20(3) tal-imsemmi regolament.

46.

Ninnota wkoll, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb jindika li l-qorti ta’ oriġini għandha d-dmir li tiżgura, waqt l-istadju tal-ħruġ ta’ ordni għal ħlas Ewropea, li din tiġi kkomunikata jew innotifikata lill-konvenut skont il-liġi nazzjonali permezz ta’ metodu li jirrispetta l-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tar-Regolament Nru 1896/2006 ( 8 ). L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, li jipprovdi l-metodi ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika mhux akkumpanjata b’notifika ta’ rċevuta tal-ordni għal ħlas Ewropea mingħand il-konvenut, huwa iktar ċar f’dan ir-rigward, għaliex fil-paragrafu 2 tiegħu jindika li “in-notifika taħt il-paragrafu 1 mhuwiex ammissibbli jekk l-indirizz tal-konvenut ma jkunx magħruf b’ċertezza”.

47.

Billi jinsisti fuq id-dmir tal-qorti ta’ oriġini li tiżgura li r-regoli minimi dwar il-komunikazzjoni jew in-notifika jiġu osservati tajjeb, il‑leġiżlatur tal-Unjoni wera r-rieda tiegħu li jiżgura li d-drittijiet tad‑difiża jkunu osservati fi proċedura unilaterali li fiha, fl-aħħar mill‑aħħar, il-konvenut jista’ jsostni d-drittjiet tiegħu iktar tard.

48.

X’inhi għalhekk l-utilità tal-proċedura tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1896/2006? Jidhirli li hija ċara. Hija toħloq preżunzjoni li tippermetti li l-proċedura tieħu l-kors tagħha u, fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni, li l-ordni għal ħlas Ewropea tiġi ddikjarata eżekuttiva. Din hija loġika fejn il-metodu ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika jirrendi probabbli l-fatt li hija ser tilħaq id-destinatarju tagħha. Fl-interess tal-effiċjenza, din il-probabbiltà tiġġustifika li wieħed jista’ jipproċedi bl-istadji segwenti tal-proċedura, għax, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-preżunzjoni tikkorrispondi mar-realtà. Mill-banda l-oħra, fil-każ, statistikament inqas frekwenti, fejn ir-realtà kienet differenti, il-komunikazzjoni jew in-notifika għandhom ikunu kkunsidrati qishom li ma ġewx imwettqa. B’mod globali, għandha tkun żgurata l-effiċjenza tas-sistema u, b’mod individwali, għandhom ikunu ppreżervati l-libertajiet individwali.

49.

Barra minn hekk, huwa taħt din l-interpretazzjoni biss li l-proċedura tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1896/2006 jidhirli li hija eżenti mill-kritika, b’mod partikolari dik ifformulata mid-dottrina ( 9 ).

50.

Għalhekk, jiena naħseb li applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 għal każijiet bħal dawk li huma sottomessi f’dawn il-kawżi la hija konformi mat-test ta’ dan ir-regolament u lanqas mal-ispirtu tiegħu u tmur kontra l-Artikolu 47 tal-Karta. Fl-opinjoni tiegħi, l-imsemmi regolament ma jistax jittollera tali żbilanċ fid-drittijiet li huwa jrid jipproteġi.

51.

Jiena nqis, barra minn hekk, li l-konvenut ma jistax ikun imċaħħad minn rimedju għar-raġuni li huwa sempliċement probabbli li l-komunikazzjoni jew in-notifika saret minkejja li l-kontestazzjoni tiegħu turi li huwa ma kienx ħa konjizzjoni tal-ordni għal ħlas Ewropea. Huwa għandu għalhekk jibbenefika b’mod effettiv minn dan ir-rimedju sabiex jipprova juri, quddiem il-qorti ta’ oriġini, li huwa ma ġiex innotifikat b’din l-ordni. Fil-każ fejn din il-qorti tikkonstata n-nuqqas ta’ kwalunkwe komunikazzjoni jew notifika, l-unika konsegwenza legali li fl-opinjoni tiegħi tirriżulta hija d-dikjarazzjoni tal-invalidità tal-imsemmija ordni.

52.

Għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-punti, jiena tal-opinjoni li r-Regolament Nru 1896/2006 għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20 tiegħu għal każ fejn l-ordni għal ħlas Ewropea ma tkunx ġiet innotifikata jew ma tkunx ġiet innotifikata b’mod validu lill-konvenut. Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, dan tal-aħħar għandu jkollu rimedju indipendenti quddiem il-qorti ta’ oriġini li jippermettilu juri li huwa ma ġiex innotifikat b’din l-ordni, u jekk ikun il-każ, li tiġi kkonstatata l-invalidità tagħha.

53.

Fid-dawl tar-risposta li jiena nipproponi li għandha tingħata lill-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju, fl-opinjoni tiegħi, li nirrispondi għat-tieni u t-tielet domandi.

V – Konklużjoni

54.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Amtsgericht Wedding bil-mod segwenti:

Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 20 tiegħu għal każ fejn l-ordni għal ħlas Ewropea ma tkunx ġiet innotifikata jew ma tkunx ġiet innotifikata b’mod validu lill-konvenut.

Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-konvenut għandu jkollu rimedju indipendenti quddiem il-qorti kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini li jippermettilu juri li huwa ma ġiex innotifikat b’din l-ordni, u jekk ikun il-każ, li tiġi kkonstatata l-invalidità tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, p. 1).

( 3 ) Ara l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament.

( 4 ) Ara l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006.

( 5 ) Ara l-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament.

( 6 ) Ara, dwar in-notifika ta’ att promotur, is-sentenza Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punti 32 u 33). Ara wkoll, is-sentenza Alder (C‑325/11, EU:C:2012:824, punti 34 sa 36).

( 7 ) Ara p. 38 tal-Green paper dwar proċedura għal ordni għal ħlas Ewropea u dwar miżuri li jissimplifikaw u li jħaffu l-litigazzjoni ta’ talbiet żgħar [COM(2002) 746 finali].

( 8 ) Ara l-Artikolu 12(5) ta’ dan ir-regolament.

( 9 ) Id-dottrina ma naqsitx milli turi dan id-difett tal-imsemmi regolament. Ara, f’dan ir-rigward, E. Guinchard, “L’Europe, la procédure civile et le créancier: l’injonction de payer européenne et la procédure européenne de règlement des petits litiges”, Revue trimestrielle de droit commercial et de droit économique, 2008, p. 465, u J. Miguet, “Procédure d’injonction européenne”, Jurisclasseur commercial, faxxikolu 185, 2008. Ara wkoll, M. Lopez de Tejada, u L. d’Avout, “Les non-dits de la procédure européenne d’injonction de payer”, Revue critique de droit international privé, 2007, p. 717.