KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MACIEJ SZPUNAR

ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2014 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13

Raffaella Mascolo (C‑22/13),

Alba Forni (C‑61/13),

Immacolata Racca (C‑62/13)

vs

Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca

u

Fortuna Russo (C‑63/13)

vs

Comune di Napoli

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Napoli (l‑Italja)]

u

Carla Napolitano,

Salvatore Perrella,

Gaetano Romano,

Donatella Cittadino,

Gemma Zangari

vs

Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca (C‑418/13)

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte costituzionale (l‑Italja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat — Settur tal-iskejjel pubbliċi — Klawżola 5(1) — Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat — Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw tali kuntratti — Sanzjonijiet — Assenza ta’ kumpens għad-dannu — Projbizzjoni ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid bħala relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat”

I – Introduzzjoni

1.

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li jiġu konklużi kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma’ għalliema u persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju li jaġixxu bħala supplenti fis-settur tal-iskejjel pubbliċi għal perijodu twil ta’ żmien, jiġifieri għal bosta snin, u mingħajr ma jkun ġie stabbilit żmien preċiż għall-ftuħ ta’ kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, tinkludi miżuri suffiċjenti sabiex tipprevjeni u tissanzjona l-użu abbużiv ta’ tali kuntratti fis-sens tal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat ( 2 )? Din hija essenzjalment id-domanda li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-Tribunale di Napoli (Tribunal ta’ Napoli, l‑Italja) (Kawżi C‑22/13 u C‑61/13 sa C‑63/13) kif ukoll mill-Corte costituzionale (Qorti kostituzzjonali, l‑Italja) (Kawża C‑418/13) fil-kuntest tal-ftehim qafas.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 1999/70

2.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva hu li jġib fis-seħħ il-ftehim qafas [...] konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn.”

3.

Skont il-Klawżola 1 tal-ftehim qafas, bit-titolu “L-iskop”, l-għan tiegħu huwa, minn naħa waħda, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas għall-prevenzjoni tal-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

4.

Il-Klawżola 4 tal-ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi fil-punt 1 tagħha:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

5.

Il-Klawżola 5 tal-ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tistipula:

“1.

Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat], wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi [speċifiċi] u/jew kategoriji […] ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

(b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

(ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

(a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

(b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit [żmien indeterminat].”

2. Id-Direttiva 91/533/KEE

6.

Id-Direttiva 91/533/KEE ( 3 ) hija intiża sabiex tiżgura li l-ħaddiem ikun informat dwar l-elementi essenzjali tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ xogħol.

7.

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:

“Min iħaddem għandu jkun obbligat li jgħarraf lill-ħaddiem li għalih tapplika din id-Direttiva, minn hawn il’ [’il] quddiem imsemmi ’il-ħaddiem’, bl-aspetti essenzjali tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg.”

8.

Skont l-Artikolu 2(2)(e) tal-istess direttiva, l-informazzjoni mogħtija lill-ħaddiem, fil-każ ta’ kuntratt temporanju jew relazzjoni ta’ xogħol temporanja, għandha tkopri, inter alia, “id-dewmien mistenni tiegħu”.

9.

Skont l-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali tagħhom il-miżuri meħtieġa biex il-ħaddiema li jikkunsidraw lilhom infushom ittrattati ħażin permezz ta’ nuqqas li jaqblu ma’ l-obligazzjonijiet li joħorġu minn din id-Direttiva jkunu jistgħu jfittxu d-drittijiet tagħhom permezz ta’ proċess ġuridiku wara rikors possibbli għall-awtoritajiet kompetenti l-oħra.”

B – Id-dritt Taljan

10.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana jipprovdi li “[i]s-setgħa leġiżlattiva hija eżerċitata mill-Istat u r-Reġjuni b’osservanza tal-Kostituzzjoni, kif ukoll b’osservanza tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Komunitarja u l-obbligi internazzjonali”.

11.

Fl-Italja, il-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat fis-settur pubbliku hija rregolata mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 165, li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi (decreto legislativo n. 165 – Norme generali sull’ordinamento del lavoro alle dipendenze delle amministrazioni pubbliche), tat-30 ta’ Marzu 2001 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 106, tad-9 ta’ Mejju 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001”).

12.

L-Artikolu 36 ta’ dan id-digriet, kif emendat bil-Liġi Nru 102 dwar il-konverżjoni f’liġi, b’emendi, tad-Digriet Liġi Nru 78 tal-1 ta’ Lulju 2009, dwar miżuri kontra l-kriżi kif ukoll il-proroga tat-termini u l-parteċipazzjoni Taljana f’missjonijiet internazzjonali (legge n. 102 – Conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 1° luglio 2009, n. 78, recante provvedimenti anticrisi, nonché proroga di termini e della partecipazione italiana a missioni internazionali), tat-3 ta’ Awwissu 2009 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 179, tal-4 ta’ Awwissu 2009), jipprovdi, taħt it-titolu “Forom kuntrattwali flessibbli ta’ reklutaġġ u ta’ impjieg tal-persunal”:

“1.   Għar-rekwiżiti marbuta mal-bżonnijiet ordinarji tagħhom, l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jirreklutaw biss permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol bis-salarju għal żmien indeterminat skont il-proċeduri ta’ reklutaġġ previsti fl-Artikolu 35.

2.   Sabiex jissodisfaw rekwiżiti temporanji u eċċezzjonali, l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jirrikorru għall-forom kuntrattwali flessibbli ta’ reklutaġġ u ta’ impjieg tal-persunal previsti mill-Kodiċi Ċivili u mil-liġijiet dwar ir-relazzjonijiet ta’ xogħol fl-impriża, bl-osservanza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ fis-seħħ. Bla ħsara għall-kompetenza tal-amministrazzjonijiet fir-rigward tad-definizzjoni tal-bżonnijiet ta’ organizzazzjoni b’mod koerenti mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ, il-ftehim kollettivi nazzjonali jirregolaw il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat […]

3.   Sabiex jiġġieldu kontra l-abbuż fl-użu tax-xogħol flessibbli, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena u abbażi ta’ struzzjonijiet speċjali mogħtija b’direttiva tal-Ministru tal-Amministrazzjoni Pubblika u tal-Innovazzjoni, l-amministrazzjonijiet għandhom ifasslu, mingħajr ma jimponu spejjeż ġodda jew akkumulati għall-finanzi pubbliċi, rapport analitiku ta’ informazzjoni dwar il-kategoriji ta’ xogħol flessibbli użati, li għandu jintbagħat sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, liċ-ċelloli ta’ evalwazzjoni jew lis-servizzi ta’ kontroll intern imsemmija fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 286, tat-30 ta’ Lulju 1999, kif ukoll lill-presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, dipartiment tas-servizz pubbliku, li għandu jfassal rapport annwali għall-attenzjoni tal-Parlament. Il-membru tal-eżekuttiv u tat-tmexxija responsabbli minn irregolarità fl-użu ta’ xogħol flessibbli ma jistax jingħata performance bonus.

[…]

5.   Fi kwalunkwe każ, il-ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi fil-qasam tar-reklutaġġ jew tal-impjieg ta’ ħaddiema mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jistax iwassal għall-istabbiliment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat ma’ dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, bla ħsara għar-responsabbiltà u għas-sanzjonijiet li dawn jistgħu jinkorru. Il-ħaddiem ikkonċernat għandu dritt għall-kumpens għad-dannu li jirriżulta mix-xogħol imwettaq bi ksur ta’ dispożizzjonijiet imperattivi […]”

13.

Skont id-deċiżjonijiet tar-rinviju, ix-xogħol għal żmien determinat mal-amministrazzjoni pubblika huwa wkoll suġġett għad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368, li jittrasponi d-Direttiva 1999/70/KE dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (decreto legislativo n. 368 – Attuazione della direttiva 1999/70/CE relativa all’accordo quadro sul lavoro a tempo determinato concluso dall’UNICE, dal CEEP e dal CES), tas-6 ta’ Settembru 2001 (GURI Nru 235, tad-9 ta’ Ottubru 2001, p. 4, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001”).

14.

Skont l-Artikolu 5(4a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, kif imdaħħal permezz tal-Liġi Nru 247, tal-24 ta’ Diċembru 2007, u emendat bid-Digriet Liġi Nru 112, tal-25 ta’ Ġunju 2008:

“Bla ħsara għas-sistema ta’ kuntratti suċċessivi kif prevista fil-paragrafi preċedenti u għal xi dispożizzjonijiet kuntrarji ta’ konvenzjonijiet kollettivi konklużi fil-livell nazzjonali, lokali jew ta’ impriża mal-organizzazzjonijiet sindakali l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali, meta, b’effett ta’ sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat għall-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ekwivalenti, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess ħaddiem taqbeż, globalment, perijodu ta’ sitta u tletin xahar, inklużi l-estensjonijiet u t-tiġdid, indipendentement minn perijodi ta’ interruzzjoni bejn il-kuntratti, ir-relazzjoni ta’ xogħol għandha titqies li hija għal żmien indeterminat […]”

15.

Skont l-Artikolu 10(4a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, kif emendat bl-Artikolu 9(18) tad-Digriet Liġi Nru 70, tat-13 ta’ Mejju 2011 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 70/2011”), li sar il-Liġi Nru 106, tat-12 ta’ Lulju 2011 (GURI Nru 160, tat-12 ta’ Lulju 2011):

“[…] huma esklużi wkoll mill-applikazzjoni ta’ dan id-digriet il-kuntratti għal żmien determinat konklużi għas-sostituzzjoni ta’ għalliema u ta’ persunal ATA [amministrattiv, tekniku u awżiljarju, iktar ’il quddiem il-‘persunal ATA’)], meta tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità li tiġi ggarantita l-kontinwità tas-servizz skolastiku u edukattiv, inkluż fil-każ ta’ assenza temporanja ta’ għalliema u ta’ persunal ATA li jkollhom relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat jew determinat. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 5(4a) ta’ dan id-digriet ma għandux japplika.”

16.

Għal dak li jirrigwarda l-għalliema u l-persunal ATA, ir-regoli dwar ir-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat jinsabu fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 124, dwar dispożizzjonijiet urġenti fil-qasam tal-persunal skolastiku (legge n. 124 – Disposizioni urgenti in materia di personale scolastico), tat-3 ta’ Mejju 1999 (GURI Nru 107, tal-10 ta’ Mejju 1999), kif emendat bid-Digriet Liġi Nru 134, tal-25 ta’ Settembru 2009, li sar, b’emendi, il-Liġi Nru 167, tal-24 ta’ Novembru 2009 (GURI Nru 274, tal-24 ta’ Novembru 1999, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 124/1999”). Skont il-qorti tar-rinviju fil-Kawżi C‑22/13 u C‑61/13 sa C‑63/13, din il-liġi ma hijiex applikabbli għall-iskola komunali, li tibqa’ suġġetta għad-Digrieti Leġiżlattivi Nri 165/2001 u 368/2001.

17.

Skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 124/1999:

“1.   Meta ma jkunx possibbli li l-pożizzjonijiet ta’ professuri u ta’ għalliema li effettivament ikunu vakanti u disponibbli qabel il-31 ta’ Diċembru jimtlew b’għalliema permanenti li jifformaw parti mill-persunal provinċjali jew bl-użu ta’ persunal żejjed u meta jkun prevedibbli li tali pożizzjonijiet ser jibqgħu vakanti matul is-sena skolastika kollha, u bil-kundizzjoni li persunal permanenti ma jkunx diġà ġie assenjat f’dawn il-pożizzjonijiet bi kwalunkwe titolu, dawn għandhom jimtlew permezz ta’ sostituzzjonijiet annwali, fl-istennija tat-tmiem tal-proċeduri ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ għalliema permanenti.

2.   Il-pożizzjonijiet ta’ professuri u ta’ għalliema mhux vakanti li jsiru disponibbli de facto qabel il-31 ta’ Diċembru u sat-tmiem tas-sena skolastika għandhom jimtlew permezz ta’ sostituzzjonijiet temporanji sat-tmiem tal-attivitajiet ta’ tagħlim. Bl-istess mod, is-siegħat ta’ tagħlim li ma jippermettux li jinħolqu pożizzjonijiet full-time jew part-time għandhom jimtlew permezz ta’ sostituzzjonijiet temporanji sat-tmiem tal-attivitajiet ta’ tagħlim.

[…]

11.   Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi preċedenti għandhom japplikaw ukoll għall-persunal [ATA]. […]

[…]

14a.   Il-kuntratti għal żmien determinat konklużi sabiex isiru s-sostituzzjonijiet previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3, sa fejn huma neċessarji sabiex jiggarantixxu l-kontinwità tas-servizz skolastiku u edukattiv, ma jistgħux jinbidlu f’relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat ħlief fil-każ ta’ ħatra fuq bażi permanenti b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ u fuq il-bażi tal-listi ta’ kandidati xierqa previsti minn din il-liġi u fl-Artikolu 1(605)(c) tal-Liġi Nru 296, tas-27 ta’ Diċembru 2006, kif emendata.”

18.

Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Ministru tal-Edukazzjoni Nru 131 (decreto del Ministero della pubblica istruzione, n. 131) tat-13 ta’ Ġunju 2007, il-kompiti mogħtija lill-għalliema u lill-persunal amministrattiv tal-iskola jaqgħu għalhekk taħt tliet kategoriji:

sostituzzjonijiet annwali, għal pożizzjonijiet vakanti u disponibbli, jiġifieri mingħajr ħatra fuq bażi permanenti;

sostituzzjonijiet temporanji sat-tmiem tal-attivitajiet pedagoġiċi, għal pożizzjonijiet mhux vakanti iżda xorta waħda disponibbli; u

sostituzzjonijiet temporanji għal kull bżonn ieħor, jew sostituzzjonijiet għal żmien qasir.

19.

Il-ħatra fuq bażi permanenti tal-għalliema msemmija fl-Artikolu 4(14a) tal-Liġi Nru 124/1999 hija rregolata mill-Artikoli 399 u 401 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297, li jiġbor f’test uniku d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli fil-qasam tat-tagħlim (decreto legislativo n. 297 – Testo unico delle disposizioni legislative in materia di istruzione), tas-16 ta’ April 1994 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 115, tad-19 ta’ Mejju 1994, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994”).

20.

Skont l-Artikolu 399(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994:

“Ir-reklutaġġ ta’ għalliema tal-kindergarten, tal-iskola primarja u tal-iskola sekondarja, inklużi l-liċej artistiċi u l-istituti tal-arti, għandu jsir, għal 50 % tal-pożizzjonijiet disponibbli għal kull sena skolastika, permezz ta’ kompetizzjoni abbażi ta’ kwalifiki u ta’ eżamijiet u, għall-50 % li jifdal, fuq il-bażi tal-listi permanenti ta’ kandidati xierqa msemmija fl-Artikolu 401.”

21.

Skont l-Artikolu 401(1) u (2) ta’ dan l-istess digriet:

“1.   Il-listi ta’ kandidati xierqa li jirriżultaw minn kompetizzjonijiet organizzati esklużivament abbażi ta’ kwalifiki għall-għalliema tal-kindergarten, tal-iskola primarja u tal-iskola sekondarja, inklużi l-liċej artistiċi u l-istituti tal-arti, għandhom jinbidlu f’listi permanenti ta’ kandidati xierqa li għandhom jintużaw għall-ħatriet fuq bażi permanenti msemmija fl-Artikolu 399(1).

2.   Il-listi permanenti ta’ kandidati xierqa msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu kkompletati perijodikament permezz tal-inklużjoni ta’ għalliema li jkunu għaddew mill-eżamijiet tal-aħħar kompetizzjoni reġjonali abbażi ta’ kwalifiki u ta’ eżamijiet, fir-rigward tal-istess kategorija ta’ kompetizzjoni u l-istess kariga, u ta’ għalliema li jkunu talbu t-trasferiment tagħhom mill-lista permanenti korrispondenti ta’ kandidati xierqa ta’ provinċja oħra. Flimkien mal-inklużjoni ta’ kandidati ġodda, għandha tiġi aġġornata l-klassifikazzjoni ta’ dawk li diġà jkunu ġew inklużi.”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali

A – Il-Kawżi C‑22/13 u C‑61/13 sa C‑63/13

22.

R. Mascolo, A. Forni, I. Racca u F. Russo ġew irreklutati permezz ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, l-ewwel tlieta fil-kwalità ta’ għalliema mal-Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca (Ministeru tal-Edukazzjoni, tal-Universitajiet u tar-Riċerka, iktar ’il quddiem il-“Ministero”) u l-aħħar waħda fil-kwalità ta’ għalliema mal-Comune di Napoli (Komun ta’ Napoli). Abbażi ta’ dawn il-kuntratti, huma ħadmu għall-persuni rispettivi li impjegawhom għal dawn il-perijodi: total ta’ 71 xahar fuq perijodu ta’ 9 snin għal R. Mascolo (bejn l-2003 u l-2012); total ta’ 50 xahar u 27 jum fuq perijodu ta’ 5 snin għal A. Forni (bejn l-2006 u l-2012); total ta’ 60 xahar fuq perijodu ta’ 5 snin għal I. Racca (bejn l-2007 u l-2012); u total ta’ 45 xahar u 15-il jum fuq perijodu ta’ 5 snin għal F. Russo (bejn l-2006 u l-2011).

23.

Peress li jqisu dawn il-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat bħala illegali, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ressqu kawża quddiem it-Tribunale di Napoli u talbu, prinċipalment, li dawn il-kuntratti għal żmien determinat jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat u, għaldaqstant, li jinħatru fuq bażi permanenti ( 4 ) kif ukoll il-ħlas ta’ salarji li jikkorrispondu għall-perijodi ta’ interruzzjoni bejn it-tmiem ta’ kuntratt u d-dħul fis-seħħ ta’ dak ta’ wara u, sussidjarjament, li jingħataw kumpens għad-dannu mġarrab.

24.

Skont il-Ministero u l-Comune di Napoli, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 36 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001, kif emendat bil-Liġi Nru 102, jipprekludi kull klassifikazzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni ta’ xogħol. Huma jsostnu li l-Artikolu 5(4a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 ma huwiex applikabbli, meta jiġi kkunsidrat l-Artikolu 10(4)a tal-istess digriet, li ddaħħal permezz tal-Artikolu 9(18) tad-Digriet Liġi Nru 70/2011. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali lanqas ma għandhom dritt għad-danni, peress li l-proċedura ta’ reklutaġġ kienet legali u li, fi kwalunkwe każ, ma ingħatatx prova tal-illegalità tagħha. Finalment, billi l-kuntratti għal żmien determinat ma kinux marbuta ma’ xulxin u għalhekk la kienu jikkostitwixxu l-kontinwazzjoni u lanqas il-proroga ta’ kuntratti preċedenti, ma kien hemm ebda abbuż.

25.

Fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni prinċipali hija dik tal-inkompatibbiltà mal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas tas-sistema użata mill-Istat Taljan sabiex jiġu ssostitwiti ħaddiema għal żmien indeterminat fis-settur tal-iskejjel pubbliċi. It-Tribunale di Napoli josserva li din is-sistema hija bbażata fuq listi ta’ kandidati xierqa, li fuqhom l-għalliema supplenti jitniżżlu skont l-anzjanità. Huma jistgħu jinħatru fuq bażi permanenti skont il-progressjoni tagħhom fuq dawn il-listi u skont il-karigi disponibbli. Skont din il-qorti, din is-sistema tagħti lok, kif juru n-numru u t-tul globali tal-kuntratti għal żmien determinat konklużi f’dawn il-kawżi, għal użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur tal-iskejjel pubbliċi. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza ( 5 ), b’mod partikolari, li din is-sistema ma tinkludix miżuri ta’ prevenzjoni ta’ abbuż fis-sens tal-punt 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola. Hija tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà ta’ din is-sistema mad-diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

B – Il-Kawża C‑418/13

26.

C. Napolitano, D. Cittadino u G. Zangari kif ukoll S. Perrella u G. Romano ġew irreklutati mill-Ministero permezz ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, l-ewwel erbgħa fil-kwalità ta’ għalliema u l-aħħar wieħed fil-kwalità ta’ kollaboratur amministrattiv, f’diversi stabbilimenti skolastiċi. Skont dawn il-kuntratti, huma ħadmu għal perijodi ta’ bejn, skont il-każ, erba’ u seba’ snin skolastiċi.

27.

Peress li jqisu li dawn il-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat kienu illegali, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ressqu kawża, rispettivament, quddiem it-Tribunale di Roma u t-Tribunale di Lamezia Terme fejn huma talbu, prinċipalment, il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratti rispettivi tagħhom f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat u, konsegwentement, li jinħatru fuq bażi permanenti u jitħallsu s-salarji dovuti għall-perijodi ta’ interruzzjoni bejn it-tmiem ta’ kuntratt u d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt segwenti. Sussidjarjament, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali talbu kumpens għad-dannu mġarrab.

28.

Fil-kuntest tal-kawżi mressqa quddiemhom, it-Tribunale di Roma u t-Tribunale di Lamezia Terme għandhom dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 4(1) u (11) tal-Liġi Nru 124/1999 mal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas, sa fejn din id-dispożizzjoni tippermetti lill-amministrazzjoni li tirrekluta, mingħajr limitu, għal żmien determinat, għalliema u persunal tekniku u amministrattiv sabiex timla l-pożizzjonijiet vakanti fit-tabella tal-persunal ta’ skola. Peress li kienu tal-fehma li din il-kwistjoni ma setgħetx tiġi deċiża permezz ta’ interpretazzjoni konformi, billi l-imsemmija dispożizzjoni kienet ifformulata b’mod mhux ekwivoku, u lanqas permezz tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, billi l-Klawżola 5 tal-ftehim qafas kienet nieqsa minn effett dirett, dawn il-qrati ssottomettew fuq bażi inċidentali lill-Corte costituzionale kwistjoni ta’ legalità kostituzzjonali fir-rigward tal-Artikolu 4(1) u (11) tal-Liġi Nru 124/1999 għal inkompatibbiltà mal-Artikolu 117 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Taljana.

29.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Corte costituzionale tikkonstata li l-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli għas-settur skolastiku ma tipprevedi, fir-rigward tal-persunal irreklutat għal żmien determinat, la t-tul massimu tal-kuntratti u lanqas in-numru massimu tad-drabi li dawn jistgħu jiġġeddu, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(b) u (ċ) tal-ftehim qafas. Hija madankollu tistaqsi jekk din il-leġiżlazzjoni tistax tiġi ġġustifikata bħala “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-punt 1(a) tal-imsemmija klawżola.

30.

Il-Corte costituzionale tirrileva f’dan ir-rigward li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija strutturata, għall-inqas bħala prinċipju, b’tali mod li r-reklutaġġ ta’ persunal skolastiku taħt kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jista’ jissodisfa r-raġunijiet oġġettivi msemmija fil-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas. Madankollu, hija għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ dik il-klawżola.

IV – Id-domandi preliminari

31.

Hemm sovrapożizzjoni parzjali bejn id-domandi preliminari li saru mill-qrati tar-rinviju. L-ewwel sitt domandi li saru fil-Kawżi C‑22/13, C‑61/13 u C‑62/13 huma identiċi. L-ewwel tliet domandi magħmula fil-Kawża C‑63/13 jikkorrispondu rispettivament għat-tieni, għat-tielet u għar-raba’ domanda magħmula fil-Kawżi C‑22/13, C‑61/13 u C‑62/13. Fil-Kawżi C‑61/13 u C‑62/13 ġiet sottomessa domanda oħra, is-seba’ waħda, lill-Qorti tal-Ġustizzja. Finalment, id-domandi magħmula fil-Kawża C‑418/13 jikkorrispondu essenzjalment għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawżi C‑22/13, C‑61/13 u C‑62/13.

32.

Għall-finijiet ta’ ċarezza, ser nirriproduċi hawn isfel id-domandi preliminari kollha li saru minn kull waħda miż-żewġt iqrati tar-rinviju.

33.

Fil-kawżi C‑22/13 u C‑61/13 sa C‑63/13, it-Tribunale di Napoli ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-seba’ domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-qafas leġiżlattiv applikabbli fis-settur skolari, kif deskritt, jikkostitwixxi miżura ekwivalenti fis-sens tal-Klawżola 5 tad-Direttiva [1999/70]?

2)

F’liema ċirkustanzi għandu jitqies li relazzjoni ta’ xogħol hija mal-‘Istat’, fis-sens tal-Klawżola 5 tad-Direttiva [1999/70] u b’mod partikolari wkoll tal-espressjoni ‘setturi [speċifiċi] u/jew kategoriji [...] ta’ ħaddiema’, b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu ġġustifikati konsegwenzi differenti meta mqabbla mar-relazzjonijiet ta’ xogħol privati?

3)

Fid-dawl ta’ dak speċifikat fl-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva [tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79)] u fl-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva [2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23)], il-kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet tal-impjieg’ użat fil-Klawżola 4 tad-Direttiva [1999/70] jinkludi wkoll il-konsegwenzi tat-terminazzjoni illegali tar-relazzjoni ta’ xogħol? Fl-eventwalità li d-domanda li għadha kemm saret tingħata risposta fl-affermattiv, id-differenza fil-konsegwenzi normalment previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tat-terminazzjoni illegali tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat u għal żmien determinat tista’ tiġi ġġustifikata fis-sens tal-Klawżola 4?

4)

Fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, Stat huwa prekluż milli jippreżenta, fi proċedura għal deċiżjoni preliminari fejn tintalab l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, qafas leġiżlattiv nazzjonali li intenzjonalment ma jkunx jikkorrispondi għal dak reali, u l-qorti hija obbligata, fl-assenza ta’ [kwalsiasi] interpretazzjoni differenti [oħra] tad-dritt nazzjonali li tkun ukoll tissodi[s]fa l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, li tinterpreta, sa fejn possibbli, id-dritt nazzjonali inkonformità mal-interpretazzjoni proposta mill-Istat?

5)

Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni ta’ xogħol, previsti fid-Direttiva [91/533] u, b’mod partikolari, fl-Artikolu 2(1) u (2)(e) [tagħha], jinkludu l-indikazzjoni tal-każijiet li fihom il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jista’ jiġi ttrasformat f’kuntratt għal żmien indeterminat?

6)

Fl-eventwalità li d-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv, emenda b’effett retroattiv tal-qafas leġiżlattiv ta’ natura tali li ma tiggarantixxix lill-ħaddiem impjegat il-possibbiltà li jinvoka d-drittijiet tiegħu taħt [din] id-Direttiva, jiġifieri li ma tiggarantixxix l-osservanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol indikati fid-dokument ta’ reklutaġġ, hija kuntrarja għall-Artikolu 8(1) tad-Direttiva [91/533] u għall-għanijiet ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari għall-għan iddikjarat fit-tieni premessa [tagħha]?

7)

Il-prinċipji ġenerali tad-dritt [tal-Unjoni] applikabbli dwar iċ-ċertezza legali, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-aċċess għal qorti indipendenti u, b’mod iktar ġenerali, id-dritt għal smigħ xieraq, iggarantiti fl-[Artikolu 6 TUE] [...] — ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u mal-Artikoli 46, 47 u 52(3) tal-[Karta] […] — għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [1999/70], l-introduzzjoni mill-Istat Taljan, wara perijodu ta’ żmien kunsiderevoli (tliet snin u sitt xhur), ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, bħalma hija l-Artikolu 9 tad-Digriet Leġiżlattiv [Liġi] [Nru 70/2011], li żiedet il-paragrafu 4a fl-Artikolu 10 tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 368/2001], li hija ta’ natura li tibdel il-konsegwenzi ta’ proċessi pendenti billi tippreġudika direttament il-ħaddiem filwaqt li tiffavorixxi lill-persuna li timpjega, li tkun l-Istat, u billi telimina l-possibbiltà, prevista fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, li tiġi ssanzjonata l-konklużjoni abbużiva ta’ kuntratti għal żmien determinat?”

34.

Fil-Kawża C‑418/13, il-Corte costituzionale ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-klawżola 5(1) tal-[ftehim qafas] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-applikazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 4(11) tal-Liġi [Nru 124/1999] — li, wara li jistabbilixxu r-regoli għas-supplenti annwali għall-pożizzjonijiet ‘li huma effettivament vakanti u disponibbli qabel il-31 ta’ Diċembru’, jipprovdu li l-pożizzjonijiet jimtlew permezz ta’ supplenti annwali ‘fl-istennija tat-tmiem tal-proċeduri ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ għalliema permanenti’ — sa fejn din id-dispożizzjoni tippermetti li jintużaw kuntratti għal żmien determinat mingħajr ma jiġu indikati t-termini preċiżi għat-tmiem tal-kompetizzjonijiet u mingħajr ma tipprovdi d-dritt għall-kumpens għad-dannu?

2)

Il-ħtiġijiet ta’ organizzazzjoni tas-sistema skolastika Taljana, kif deskritt hawn fuq, jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-klawżola 5(1) [tal-ftehim qafas], b’tali mod li leġiżlazzjoni bħal dik Taljana, li ma tipprovdix id-dritt għall-kumpens għad-dannu fir-rigward tal-impjieg ta’ persunal fl-iskejjel għal żmien determinat, tkiun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni?”

V – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35.

Id-deċiżjonijiet tar-rinviju waslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar (Kawża C‑22/13), fis-7 ta’ Frar (Kawżi C‑61/13 sa C‑63/13) u fit-23 ta’ Lulju 2013 (Kawża C‑418/13). Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2013, ingħaqdu l-Kawżi C‑22/13 u C‑61/13 sa C‑63/13. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn R. Mascolo, A. Forni, I. Racca u F. Russo (Kawżi C‑22/13 u C‑61/13 sa C‑63/13), C. Napolitano, D. Cittadino u G. Zangari, S. Perrella u G. Romano (Kawża C‑418/13), mill-Gvern Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Federazione Gilda-Unams, il-Federazione Lavoratori della Conoscenza (FLC CGIL) u l-Confederazione Generale Italiana del Lavoro (CGIL) ippreżentaw osservazzjonijiet biss fil-Kawża C‑62/13. Il-Gvern Pollakk ippreżenta osservazzjonijiet fil-Kawżi C‑22/13 u C‑61/13 sa C‑63/13 u l-Gvern Grieg biss fil-Kawża C‑418/13.

36.

B’deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tgħaqqad il-Kawżi C‑22/13, C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 54(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37.

Fid-dawl taż-żamma ta’ seduta konġunta f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet li xtaqu jidhru sabiex jesprimu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom, sabiex jikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq l-interpretazzjoni tal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas u li jirrispondu għas-seba’ domanda li saret fil-Kawżi C‑61/13 u C‑62/13.

38.

Matul is-seduta tas-27 ta’ Marzu 2013, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali f’isem R. Mascolo, A. Forni, I. Racca, F. Russo, C. Napolitano u D. Cittadino, f’isem il-Ministero, il-Comune di Napoli, il-Federazione Gilda-Unams, il-Federazione Lavoratori della Conoscenza (FLC CGIL), il-Confederazione Generale Italiana del Lavoro (CGIL), il-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni.

VI – Analiżi

A – Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari

39.

Fl-ewwel lok, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Comune di Napoli, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni kkontestaw l-ammissibbiltà tar-raba’ domanda fil-Kawżi C‑22/13, C‑61/13 u C‑62/13 u tat-tielet domanda fil-Kawża C‑63/13.

40.

Dawn id-domandi jirrigwardaw, l-ewwel nett, l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fir-rigward tal-aġir ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, il-premessa tal-ewwel domanda magħmula fil-Kawżi C‑22/13, C‑61/13 u C‑62/13 hija li l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mogħtija mill-Gvern Taljan hija żbaljata. Abbażi ta’ din il-premessa, it-Tribunale di Napoli jirreferi, fir-raba’ domanda tiegħu, għall-interpretazzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali mogħtija mill-Gvern Taljan fil-kawża Affatato ( 6 ). Fil-fehma tiegħu, dik l-aħħar interpretazzjoni ma tikkorrispondix ma’ dik mogħtija mill-Gvern Taljan fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi. Għaldaqstant, huwa jistaqsi jekk l-Istat Taljan kisirx, minħabba dan il-fatt, l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali.

41.

It-tieni nett, din il-qorti ( 7 ) tixtieq tkun taf ukoll jekk l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali jobbligahiex, meta hija tinterpreta d-dritt intern tagħha b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, sabiex issegwi l-interpretazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja f’kuntest ieħor mill-Istat Membru li għalih hija tappartjeni, anki meta dik l-interpretazzjoni tkun ġiet meqjusa żbaljata minn qorti interna ta’ grad superjuri ( 8 ).

42.

Infakkar li, fil-kuntest tat-tqassim tal-funzjonijiet bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li jirregola l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-aġir ta’ Stat Membru u lanqas fuq l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali. Huma biss il-qrati nazzjonali, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandhom il-ġurisdizzjoni jinterpretaw id-dritt nazzjonali ( 9 ) u, b’hekk, li jiddeċiedu l-kwistjonijiet relatati ma’ dik l-interpretazzjoni.

43.

Fit-tieni lok, għandhom jiġu mwarrba l-argumenti ppreżentati fil-Kawża C‑63/13 mill-Comune di Napoli, li jgħidu li t-talba għal deċiżjoni preliminari indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja hija inammissibbli. Huwa essenzjalment argumenta li l-interpretazzjoni tal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas ma hijiex neċessarja. Effettivament, il-Comune di Napoli jsostni li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-Tribunale di Napoli jqis, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet mogħtija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-miżuri preventivi u s-sanzjonijiet adottati mil-leġiżlazzjoni Taljana sabiex jiġi traspost il-ftehim qafas huma insuffiċjenti, b’tali mod li, billi teżamina ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, hija setgħet tirrikorri għall-interpretazzjoni konformi fl-għoti tad-deċiżjoni tagħha.

44.

Infakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba ppreżentata minn qorti nazzjonali hija possibbli biss f’sitwazzjonijiet partikolari ( 10 ). Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali biss għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ).

B – Fuq il-mertu

45.

Permezz tad-domandi preliminari tagħhom, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-settur tal-iskejjel pubbliċi, bħal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, hijiex konformi mal-ftehim qafas. B’mod partikolari, it-Tribunale di Napoli jistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana mal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas kif ukoll ma’ diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew dispożizzjonijiet tal-Karta.

46.

Fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. Hija madankollu tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni kollha rilevanti tad-dritt Komunitarju li jistgħu jgħinuha tevalwa din il-kompatibbiltà sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li tkun tressqet quddiemha ( 12 ).

1. Rimarki preliminari

47.

Il-kawża preżenti taqa’ taħt kuntest ġuridiku kumpless ( 13 ). B’hekk jidhirli li huwa neċessarju li nibda billi nfakkar l-elementi essenzjali tas-sistema nazzjonali ta’ sostituzzjoni tal-għalliema applikabbli għas-settur tal-iskejjel pubbliċi ( 14 ), qabel ma nipproċedi għall-eżami tad-domandi preliminari. Billi nibbaża ruħi fuq l-informazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju kif ukoll fuq dik miġbura matul is-seduta, is-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni Taljan jidhirli li tiffunzjona, essenzjalment, bil-mod li ġej.

48.

Id-Digrieti Leġiżlattivi Nri 165/2001 u 368/2001 ittrasponew fid-dritt Taljan il-ftehim qafas, rispettivament, fis-settur pubbliku u fis-settur privat. Madankollu, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali applikabbli għall-iskejjel pubbliċi tidderoga fuq ċerti aspetti essenzjali minn dawn id-digrieti leġiżlattivi.

49.

Il-ħatra fuq bażi permanenti ta’ għalliema ssir, skont din il-leġiżlazzjoni, permezz ta’ żewġ modi differenti, jiġifieri, għal 50 % tal-pożizzjonijiet vakanti għal kull sena skolastika, permezz ta’ kompetizzjoni abbażi ta’ kwalifiki u ta’ eżamijiet u, għall-50 % li jifdal, fuq il-bażi ta’ listi permanenti ta’ kandidati xierqa li fihom huma inklużi, b’mod partikolari, l-għalliema li diġà jkunu għaddew minn tali kompetizzjoni ( 15 ). Għaldaqstant, il-pożizzjonijiet vakanti jimtlew permezz ta’ sostituzzjonijiet annwali, “fl-istennija tat-tmiem tal-proċeduri ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ għalliema permanenti” ( 16 ), billi jgħażlu kandidati minn dawn il-listi. Il-progressjoni f’dawn il-listi, li tista’ twassal għal ħatra fuq bażi permanenti, hija marbuta mar-repetizzjoni tal-funzjonijiet ta’ supplent.

50.

F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fil-Kawża C‑418/13, kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, jirriżulta li, fuq il-listi permanenti ta’ kandidati xierqa, jkun hemm mhux biss l-ismijet tal-għalliema li jkunu għaddew minn kompetizzjonijiet pubbliċi abbażi ta’ kwalifiki u ta’ eżamijiet li ma rnexxielhomx jiksbu ħatra fuq bażi permanenti, iżda wkoll dawk tal-għalliema li jkunu ffrekwentaw l-iskejjel ta’ speċjalizzazzjoni għat-tagħlim li b’hekk ikunu segwew korsijiet sabiex jingħataw liċenzja tat-tagħlim. B’hekk, din is-sistema ta’ progressjoni fil-listi ta’ kandidati xierqa, li hija bbażata fuq l-anzjanità miksuba mill-persuna li tkun imniżżla fuq dik il-lista, tippermetti ħatra fuq bażi permanenti, minn naħa waħda, tal-għalliema li jkunu għaddew minn kompetizzjonijiet pubbliċi u, min-naħa l-oħra, ta’ dawk li qatt ma jkunu għaddew minn tali kompetizzjoni iżda li jkunu segwew il-korsijiet ta’ liċenzja msemmija hawn fuq.

51.

Il-Corte costituzionale tirrileva f’dan ir-rigward li l-proċeduri ta’ kompetizzjoni ġew interrotti bejn l-1999 u l-2011 ( 17 ) u li dak il-perijodu kien ikkaratterizzat minn numru ferm limitat ta’ persuni rreklutati b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat fis-settur skolastiku u bi tnaqqis nett, bejn l-2007 u l-2012, tan-numru ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.

52.

Mill-proċess jirriżulta wkoll li l-aċċess għall-iskejjel speċjalizzati kien ġie sospiż għal perijodu indeterminat bil-Liġi Nru 133, tal-25 ta’ Ġunju 2008.

53.

Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati d-domandi preliminari.

2. Fuq l-ewwel domanda

54.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari magħmula mit-Tribunale di Napoli fil-Kawżi C‑22/13, C‑61/13 u C‑62/13 kif ukoll permezz tal-ewwel u t-tieni domanda preliminari magħmula mill-Corte costituzionale fil-Kawża C‑418/13, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, dawk il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk il-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi ma’ għalliema li jaħdmu bħala supplenti fis-settur tal-iskejjel pubbliċi tinkludix miżuri suffiċjenti sabiex jiġi evitat u ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ tali kuntratti u, b’hekk, jekk hijiex konformi mal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas ( 18 ).

55.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tinkludix miżuri suffiċjenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ser neżamina, fl-ewwel lok, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas qabel ma nindirizza, fit-tieni lok, l-interpretazzjoni tagħha fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti.

a) Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas

56.

Il-Gvern Grieg isostni li Stat Membru jista’ jeżenta totalment is-settur tat-tagħlim mill-obbligi imposti mill-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas. Insostenn ta’ dan l-argument, huwa josserva li din il-klawżola tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“ħtiġiet tas-setturi [speċifiċi] u/jew kategoriji […] ta’ ħaddiema”.

57.

Infakkar, f’dan ir-rigward, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas huwa ddefinit fil-Klawżola 2(1) moqrija flimkien mal-Klawżola 3(1) ta’ dan il-ftehim qafas. B’hekk, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mill-formulazzjoni ta’ din l-ewwel dispożizzjoni jirriżulta li l-ftehim qafas għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ li minnu ebda settur partikolari ma huwa eskluż bħala prinċipju ( 19 ). Fil-fatt, dan japplika, b’mod partikolari, għal “ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”.

58.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” ( 20 ) jiġbor fi ħdanu l-ħaddiema kollha, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata ta’ min jimpjegahom ( 21 ).

59.

Għaldaqstant, il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi fis-settur tat-tagħlim pubbliku ma jistgħux jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim qafas ( 22 ). B’hekk jidhirli li għandu jiġi miċħud l-argument propost mill-Gvern Grieg fil-kuntest tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑418/13.

b) Fuq l-interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas

60.

Mill-Klawżola 1 tal-ftehim qafas jirriżulta li l-għan tiegħu huwa li jiġi stabbilit qafas sabiex ikun hemm prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ( 23 ). Dan il-qafas b’hekk jipprevedi għadd ta’ dispożizzjonijiet protettivi minimi intiżi sabiex jevitaw li s-sitwazzjoni tal-impjegati ssir prekarja ( 24 ), u b’hekk li l-pożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar tiddgħajjef minħabba l-fatt li jkunu ġew irreklutati b’kuntratt għal żmien determinat għal perijodu twil ta’ żmien ( 25 ). Fil-fatt, din il-kategorija ta’ impjegati b’hekk tkun tinsab fir-riskju, għal parti sostanzjali tal-karriera professjonali tagħhom, li tiġi eskluża mill-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg, li tikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-ftehim qafas, element maġġuri tal-protezzjoni tal-ħaddiema ( 26 ).

61.

Għal dan il-għan, l-imsemmi qafas jinkludi żewġ tipi ta’ miżuri: miżuri ta’ prevenzjoni tal-abbużi, previsti fil-Klawżola 5(1), u miżuri ta’ sanzjoni tal-abbużi, previsti b’mod partikolari fil-Klawżola 5(2)(b) tal-ftehim qafas ( 27 ).

i) Fuq l-eżistenza ta’ miżuri ta’ prevenzjoni tal-abbużi

62.

L-Istati Membri għandhom l-obbligu (“adozzjoni effettiva u vinkolanti”) li jintroduċu waħda jew iktar mill-miżuri elenkati fil-Klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tal-ftehim qafas, sakemm id-dritt intern tagħhom ma jkunx diġà jinkludi miżuri legali ekwivalenti ( 28 ). Il-miżuri kkonċernati mill-imsemmija klawżola huma relatati, rispettivament, ma’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, mat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi u man-numru tagħhom.

63.

Il-qrati tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali u l-Kummissjoni jaqblu, essenzjalment, dwar il-fatt li l-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawżi prinċipali la tipprevedi n-numru ta’ dawn il-kuntratti suċċessivi u lanqas it-tul massimu tagħhom, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(b) u (ċ) tal-ftehim qafas. B’mod partikolari, it-Tribunale di Napoli jindika li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 70/2011, l-Artikolu 10(4a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(4a) tal-imsemmi digriet għas-settur tal-iskejjel pubbliċi, liema artikolu jipprevedi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat li jeċċedi 36 xahar għandhom jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, li jippermetti li l-kuntratti jiġġeddu b’mod indefinit.

64.

Skont l-analiżi tiegħi tal-proċess, jiena naqbel ma din l-opinjoni. B’hekk, għalkemm l-imsemmija leġiżlazzjoni inkwistjoni ma taqax taħt il-punt 1(b) u lanqas taħt il-punt 1(ċ) tal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas, għandu jiġi eżaminat jekk din tinkludix miżura preventiva fis-sens tal-punt 1(a) ta’ din il-klawżola jew, fin-nuqqas, miżura ekwivalenti għal dawk stipulati fl-imsemmija Klawżola 5.

65.

Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet kollha bil-miktub, ir-risposta għal din id-domanda għandha tinsab fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, preċiżament fis-sentenza Kücük ( 29 ). Dik is-sentenza tirrigwarda l-kwistjoni jekk il-bżonn temporanju għal persunal ta’ sostituzzjoni previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali jistax jikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas. B’hekk huwa utli li jitfakkar fil-qosor ir-raġunament żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza.

66.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw f’kuntest partikolari t-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, għandu jinkludi ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività speċifika u, b’hekk, li huma ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ( 30 ). Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha li tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt permezz ta’ norma leġiżlattiva jew regolamentari, l-użu ta’ dawn il-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ma tkunx konformi mal-imsemmija rekwiżiti ( 31 ).

67.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dispożizzjoni li tippermetti t-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat għas-sostituzzjoni ta’ impjegati oħra li jkunu jinsabu momentarjament f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli għalihom li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ma tmurx kontra per se l-ftehim qafas ( 32 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fatt li amministrazzjoni jkollha persunal sostanzjali jirrendi inevitabbli li ta’ spiss ikunu neċessarji sostituzzjonijiet temporanji minħabba, b’mod partikolari, l-indisponibbiltà ta’ impjegati li jkunu ħarġu bil-leave tal-mard, leave tal-maternità, leave tal-ġenituri jew oħrajn. Fil-fehma tagħha, is-sostituzzjoni temporanja tal-impjegati f’dawn iċ-ċirkustanzi tista’ tikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas, li tiġġustifika l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat kif ukoll it-tiġdid tagħhom skont il-bżonn ( 33 ).

68.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, anki jekk is-sostituzzjoni tal-persunal assenti tista’, bħala prinċipju, tiġi aċċettata bħala raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni konkreta ta’ din ir-raġuni oġġettiva, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-attività kkonċernata u tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħha, tkun konformi mar-rekwiżiti tal-ftehim qafas. Meta japplikaw il-leġiżlazzjoni kkonċernata, dawn l-awtoritajiet għandhom għalhekk ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu kriterji oġġettivi u trasparenti sabiex jivverifikaw jekk tali kuntratti jissodisfawx effettivament bżonn ġenwin ta’ natura provviżorja, u mhux permanenti u li jdum fiż-żmien ( 34 ).

69.

Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat sabiex jiġu koperti bżonnijiet ta’ natura permanenti u li jdumu fiż-żmien ma huwiex iġġustifikat fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas. Hija indikat li huma l-awtoritajiet kollha tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-osservanza tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas, billi jivverifikaw b’mod konkret li t-tiġdid ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat huwa intiż sabiex ikopri bżonnijiet provviżorji u li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma tintużax, fil-fatt, sabiex tissodisfa bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien tal-persuna li timpjega fir-rigward tal-persunal. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “hija r-responsabbiltà tal-imsemmija awtoritajiet sabiex jeżaminaw, f’kull każ, iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, billi jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru tal-imsemmija kuntratti suċċessivi konklużi mal-istess persuna jew għall-finijiet tat-twettiq tal-istess xogħol, sabiex jipprekludu li xi kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, anki jekk konklużi apparentement sabiex ikopru bżonn ta’ persunal ta’ sostituzzjoni, ikunu użati b’mod abbużiv minn min iħaddem” ( 35 ).

70.

Nosserva li, fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija fformulata b’mod pjuttost ġenerali u astratt, mingħajr konnessjoni tanġibbli mal-kontenut speċifiku u lanqas mal-kundizzjonijiet konkreti għall-eżerċizzju tal-attività kkonċernata mill-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat. Jidhirli li tali leġiżlazzjoni ma tippermettix, meta tiġi applikata mill-awtoritajiet kompetenti, li jiġu stabbiliti kriterji oġġettivi u trasparenti għall-finijiet li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ bżonn reali ta’ sostituzzjoni temporanja.

71.

Barra minn hekk, anki jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas ( 36 ), nerġa’ nistaqsi din id-domanda: is-sistema ta’ tiġdid ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat stabbilita permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni ġiet implementata unikament sabiex tkopri l-bżonnijiet provviżorji tal-amministrazzjonijiet fir-rigward tal-għalliema?

72.

Dan ma jidhirx li huwa l-każ. Fil-fatt, jirriżulta minn qari tad-deċiżjonijiet tar-rinviju li l-imsemmija leġiżlazzjoni Taljana applikabbli għas-settur tal-iskejjel pubbliċi ma tillimitax il-konklużjoni jew it-tiġdid ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ma’ persunal supplenti għas-sostituzzjoni ta’ persunal li jkun temporanjament assenti. Għall-kuntrarju, jidhirli li l-użu ta’ dawn is-sostituzzjonijiet għandu wkoll l-għan li jindirizza bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien f’termini ta’ persunal ( 37 ).

73.

B’mod partikolari, il-Corte costituzionale rrilevat f’dan ir-rigward li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 124/1999 tippreċiża li l-pożizzjonijiet li jkunu effettivament vakanti u disponibbli qabel il-31 ta’ Diċembru għandhom jimtlew permezz ta’ sostituzzjonijiet annwali “fl-istennija tat-tmiem tal-proċeduri ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ għalliema permanenti” ( 38 ). Hija tindika li din id-dispożizzjoni b’hekk jipprovdi wkoll espliċitament għat-tiġdid ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ta’ persunal supplenti sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti. Għaldaqstant, anki jekk ir-reklutaġġ ta’ persunal supplenti huwa bħala prinċipju temporanju, il-fatt li ebda terminu preċiż ma ġie ffissat għat-tmiem ta’ kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ persunal permanenti joħloq inċertezza totali fir-rigward tal-mument tal-iżvolġiment ta’ dawn il-kompetizzjonijiet. Kif argumentat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, dak il-mument huwa inċert għaliex jiddependi mill-eżistenza tal-mezzi finanzjarji neċessarji u minn deċiżjonijiet organizzattivi li jitħallew fid-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni.

74.

Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tippermetti l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat sabiex il-“ħtiġijiet [tas-settur skolastiku] jiġu koperti fit-tul”, liema użu ma huwiex aċċettabbli u l-prevenzjoni tiegħu hija mifhuma permezz tal-adozzjoni ta’ miżura jew bosta miżuri restrittivi previsti fl-imsemmija klawżola, liema użu għandu jiġi kkundannat u evitat bl-adozzjoni ta’ miżura waħda jew iktar previsti fil-Klawżola 5 tal-ftehim qafas ( 39 ).

75.

Huwa minnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-Istati Membri jibbenefikaw, bis-saħħa tal-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiksbu l-għan imsemmi f’din il-klawżola. Madankollu, hija żżid li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni li huma jiggarantixxu r-riżultat impost mid-dritt tal-Unjoni, hekk kif dan jirriżulta mhux biss mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, iżda wkoll mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, moqri fid-dawl tal-premessa 17 tagħha ( 40 ).

76.

Ma naħsibx li r-riżultat impost mill-ftehim qafas huwa ggarantit mill-imsemmija leġiżlazzjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti mressqa mill-Gvern Taljan u, essenzjalment, mill-Gvern Grieg, li jgħidu li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tar-reklutaġġ ta’ persunal skolastiku hija ġġustifikata. Il-ġustifikazzjonijiet huma, minn naħa, in-neċessità ta’ flessibbiltà ferm għolja li tippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni stretta bejn il-bżonn li jinsabu supplenti u l-varjazzjoni ċiklika u imprevedibbli tal-popolazzjoni skolastika. Min-naħa l-oħra, hemm raġunijiet ta’ natura finanzjarja skont liema għadd ta’ dispożizzjonijiet reċenti li jillimitaw l-ispejjeż pubbliċi imponew restrizzjonijiet għal dak li jirrigwarda n-numru ta’ ħatriet fuq bażi permanenti u l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat fis-settur skolastiku.

77.

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument dwar il-flessibbiltà tas-settur tat-tagħlim, hekk kif tosserva l-Corte costituzionale, huwa minnu li, sa fejn jikkorrispondi għad-dritt fundamentali għall-edukazzjoni, is-servizz skolastiku għandu jkun disponibbli skont il-bżonn. Il-mekkaniżmu maħsub sabiex jiġi ssodisfatt il-bżonn ta’ persunal supplent jeħtieġ ċerta flessibbiltà marbuta ma’ fatturi bħal, b’mod partikolari, l-iżviluppi fil-popolazzjoni skolastika jew il-leave tal-mard jew tal-maternità. Għaldaqstant, skont dik il-qorti, bħala prinċipju, is-sistema ta’ listi permanenti ta’ kandidati xierqa, assoċjata ma’ dik tal-kompetizzjoni pubblika, hija ta’ tali natura li tiggarantixxi l-osservanza ta’ kriterji oġġettivi meta jsir reklutaġġ ta’ persunal skolastiku taħt kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat. Dan jippermetti wkoll lil dak il-persunal li jkollu opportunità raġonevoli li jinħatar fuq bażi permanenti u li jingħata kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat.

78.

Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-fatt li ebda terminu preċiż ma ġie ffissat għat-tmiem ta’ kompetizzjonijiet pubbliċi, li kienu ġew sospiżi għal iktar minn għaxar snin ( 41 ), jimplika inċertezza totali fir-rigward tal-mument tal-iżvolġiment ta’ dawn il-kompetizzjonijiet u juri li l-kuntratti għal żmien determinat intużaw sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien tal-amministrazzjoni kkonċernata, li għandhom jiġu evalwati mill-qrati tar-rinviju.

79.

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-argument dwar restrizzjonijiet finanzjarji imposti reċentement mill-għadd kbir ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali fis-settur skolastiku, jiena tal-fehma li dawn ma jistgħux jiġġustifikaw l-użu abbużiv tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat. Għalhekk huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jevalwaw jekk restrizzjonijiet finanzjarji imposti fuq amministrazzjoni pubblika minn għadd kbir ta’ dispożizzjonijiet humiex ġustifikazzjoni suffiċjentement konkreta għall-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 66 sa 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw ruħhom sabiex jawtorizzaw, b’mod ġenerali u astratt permezz ta’ norma leġiżlattiva jew regolamentari, l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ma humiex konformi mar-rekwiżiti ta’ ġustifikazzjoni, permezz ta’ ċirkustanzi preċiżi u konkreti, tal-użu ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan ir-rigward li dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom kienu ġew konklużi tali kuntratti u tal-karatteristiċi inerenti tagħhom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru ( 42 ).

80.

Barra minn hekk, dispożizzjonijiet ġenerali li jimponu restrizzjonijiet finanzjarji jħallu lill-persuna li timpjega fis-settur tal-iskejjel pubbliċi libertà kbira li tikkonkludi b’mod abbużiv kuntratti għal żmien determinat filwaqt li l-għan tal-ftehim qafas huwa li jipprevjeni tali abbuż. Jidhirli li din il-libertà tmur lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fis-sens tal-ftehim qafas.

81.

Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, anki jekk is-sistema inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija, bħala prinċipju, strutturata b’mod li jiġu ssodisfatti r-raġunijiet oġġettivi msemmija fil-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas, il-Gvern Taljan ma ġab ebda prova tal-eżistenza ta’ elementi konkreti ta’ ġustifikazzjoni. Nirreferi, b’mod partikolari, għan-natura provviżorja u mhux permanenti tal-użu mtenni ta’ kuntratti għal żmien determinat fis-settur skolastiku. Għall-kuntrarju, jidhirli li mill-proċess jirriżulta b’mod ċar li l-użu ta’ tali kuntratti huwa abbużiv f’ċerti aspetti inkwantu għandu l-għan li jissodisfa l-bżonnijiet strutturali ta’ għalliema. Dawn il-bżonnijiet strutturali jirriżultaw mill-kwantità kunsiderevoli ta’ persunal li tpoġġa f’sitwazzjoni professjonali prekarja għal iktar minn għaxar snin, u dan mingħajr ma ġie previst ebda limitu fir-rigward tan-numru tad-drabi li l-kuntratti jistgħu jiġġeddu jew dwar it-tul massimu tal-imsemmija kuntratti. Fil-fehma tiegħi, porzjon tajjeb minn dawn il-pożizzjonijiet kien imisshom imtlew b’mod permanenti permezz ta’ kuntratti għal żmien indeterminat filwaqt li tinżamm il-flessibbiltà neċessarja ġustament imsemmija mill-Corte costituzionale.

82.

Konsegwentement, huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jevalwaw jekk l-użu ta’ għalliema għal perijodi twal permezz ta’ diversi kuntratti għal żmien determinat, kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, huwiex konformi mal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas.

ii) Fuq l-eżistenza ta’ miżuri li jissanzjonaw l-abbużi

83.

Skont il-qrati tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tinkludi ebda sanzjoni għall-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat. Fil-fatt, wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 70/2011, il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jinbidlu f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, skont l-Artikolu 4(14a) tal-Liġi Nru 124/1999, biss fil-każ ta’ ħatra fuq bażi permanenti abbażi tal-listi ta’ kandidati xierqa. Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, fis-settur skolastiku, is-sistema tal-kumpens għad-dannu mġarrab minn impjegat wara l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat hija eskluża ( 43 ).

84.

Skont il-Klawżola 5(2) tal-ftehim qafas, l-Istati Membri, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, u/jew l-imsieħba soċjali, “meta jkun xieraq”, għandhom jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti għal żmien determinat, minn naħa, jitqiesu suċċessivi u, min-naħa l-oħra, jitqiesu li ġew konklużi għal żmien indeterminat. Huma għalhekk għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddeterminaw, skont il-kuntest soċjali u legali eżistenti, jekk għandhomx jiġu adottati miżuri ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ( 44 ).

85.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkun sar użu abbużiv minn kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti għall-protezzjoni tal-ħaddiema għandha tkun tista’ tiġi applikata sabiex jiġi ssanzjonat debitament dak l-abbuż u jiġu rrimedjati l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-kliem stess tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri għandhom “jieħdu [il-]miżuri [kollha] neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b[l-imsemmija] Direttiva” ( 45 ), kemm jekk dan isir billi dawn ir-relazzjonijiet jinbidlu f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jew bil-ħlas ta’ danni ( 46 ).

86.

F’din il-kawża, hekk kif jirriżulta mill-punti 63, 64, 78, u 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kif deskritta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, ma tinkludix miżuri suffiċjenti la sabiex jiġi evitat u lanqas sabiex jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, fis-sens tal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas. Din iċ-ċaħda ta’ protezzjoni tal-għalliema fis-settur skolastiku tmur manifestament lil hinn minn dak li tawtorizza l-formulazzjoni tal-Klawżola 5(1) u (2) tal-ftehim qafas, u tmur kontra l-qafas stabbilit minnu ( 47 ), liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qrati nazzjonali.

c) Konklużjoni intermedjarja

87.

Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, minn naħa, tawtorizza t-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti ta’ għalliema u ta’ persunal ATA tal-iskejjel pubbliċi, fl-istennija tat-tmiem ta’ proċeduri ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ persunal permanenti, mingħajr ma jkun hemm l-inqas ċertezza dwar id-data li fiha dawn il-proċeduri ser jintemmu u, għaldaqstant, mingħajr ma jiġu ddefiniti kriterji oġġettivi u trasparenti li jippermettu li jiġi vverifikat jekk it-tiġdid tal-imsemmija kuntratti jissodisfax b’mod effettiv bżonn ġenwin u jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan segwit u neċessarju għal dan l-iskop, u, min-naħa l-oħra, ma tipprovdi ebda miżura intiża sabiex tipprevjeni u tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur skolastiku, ma tistax titqies li hija ġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas. Madankollu, huma l-qrati tar-rinviju li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom jevalwaw jekk dawk iċ-ċirkustanzi humiex issodisfatti fil-kawżi prinċipali.

3. Fuq it-tieni u t-tielet domanda

88.

Peress li nipproponi li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, nikkunsidra li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda preliminari fil-Kawżi C‑22/13, C‑61/13 u C‑62/13 u lanqas għall-ewwel u t-tieni domandi preliminari fil-Kawża C‑63/13, li jirrigwardaw il-konformità tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-ftehim qafas.

4. Fuq il-ħames, is-sitt u s-seba’ domanda

89.

Fid-dawl tar-risposta li qed nipproponi għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju fil-Kawżi C‑22/13 u C‑61/13 sa C‑63/13 għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawżi prinċipali ( 48 ).

VII – Konklużjoni

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari li saru mit-Tribunale di Napoli fil-Kawżi C‑22/13 u C‑61/13 sa C‑63/13 u mill-Corte costituzionale fil-Kawża C‑418/13 kif ġej:

Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, minn naħa, tawtorizza t-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat sabiex jimtlew pożizzjonijiet vakanti ta’ għalliema u ta’ persunal amministrattiv, tekniku u awżiljarju tal-iskejjel pubbliċi, fl-istennija tat-tmiem ta’ proċeduri ta’ kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ persunal permanenti, mingħajr ma jkun hemm l-inqas ċertezza dwar id-data li fiha dawn il-proċeduri ser jintemmu u, għaldaqstant, mingħajr ma jiġu ddefiniti kriterji oġġettivi u trasparenti li jippermettu li jiġi vverifikat jekk it-tiġdid tal-imsemmija kuntratti jissodisfax b’mod effettiv bżonn ġenwin u jekk huwiex ta’ natura li jilħaq l-għan segwit u neċessarju għal dan l-iskop, u, min-naħa l-oħra, ma tipprovdi ebda miżura intiża sabiex tipprevjeni u tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur skolastiku, ma tistax titqies li hija ġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP. Madankollu, huma l-qrati tar-rinviju li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandhom jevalwaw jekk dawk iċ-ċirkustanzi humiex issodisfatti fil-kawżi prinċipali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Ftehim qafas konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ottubru 1991, dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 3).

( 4 ) Billi nħatret fuq bażi permanenti matul il-proċedura bis-saħħa tal-progressjoni tagħha fil-lista permanenti ta’ kandidati xierqa msemmija fl-Artikolu 401 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994, I. Racca bidlet ir-rikors inizjali tagħha sabiex titlob ir-rikonoxximent sħiħ tal-anzjanità tagħha u kumpens għad-dannu mġarrab.

( 5 ) Għall-kuntrarju ta’ dak li ġie deċiż mill-Corte suprema di cassazione (Qorti tal-kassazzjoni) fis-Sentenza Nru 10127/12 tagħha.

( 6 ) F’dik il-kawża, il-Gvern Taljan kien sostna li l-Artikolu 5(4a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, li jipprovdi li l-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat li jeċċedi 36 xahar għandhom jinbidlu f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, kien applikabbli għas-settur pubbliku. Ara d-digriet Affatato (C‑3/10, EU:C:2010:574, punt 48).

( 7 ) Fir-rigward ta’ dan l-aspett tad-domanda, il-qorti tar-rinviju titlaq minn premessa differenti, jiġifieri li d-dritt nazzjonali seta’ jiġi interpretat fis-sens li l-Artikolu 5(4a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001, li jipprevedi l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat li jeċċedi 36 xahar f’kuntratti għal żmien indeterminat, japplika għas-settur pubbliku, inkluż għall-iskejjel. Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Corte suprema di cassazione, fis-Sentenza Nru 10127/12 tagħha, eskludiet l-applikazzjoni għas-settur pubbliku, inkluż għall-iskejjel, tal-Artikolu 5(4a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 368/2001 u, għaldaqstant, essenzjalment li l-osservazzjonijiet fil-kawża Affatato ma jikkorrispondux mar-realtà (ara d-digriet Affatato, EU:C:2010:574, punt 48).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dietz (C‑435/93, EU:C:1996:395, punt 39); Thibault (C‑136/95, EU:C:1998:178, punt 21); u Bouanich (C‑265/04, EU:C:2006:51, punt 51).

( 10 ) Sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 35).

( 11 ) Sentenza Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557; punt 32).

( 12 ) Sentenza Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura (C‑2/10, EU:C:2011:502, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Għandi nenfasizza li dan ġie spjegat b’mod pjuttost konfuż fid-deċiżjonijiet tar-rinviju mogħtija mit-Tribunale di Napoli.

( 14 ) Jirriżulta mill-proċess li l-kunċett ta’ skola pubblika għandu jinftiehem fis-sens li jeskludi l-iskola komunali.

( 15 ) Ara l-Artikolu 399(1) kif ukoll l-Artikolu 401(1) u (2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 297/1994.

( 16 ) Ara l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 124/1999.

( 17 ) Mill-proċess jirriżulta li fl-2012 ġew organizzati proċeduri ġodda ta’ kompetizzjoni.

( 18 ) Mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni jirriżulta li hija bdiet proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Taljana fuq il-bażi li din tal-aħħar ma adottatx miżuri xierqa sabiex tipprevjeni l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat fis-settur skolatistiku.

( 19 ) Sentenzi Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 56); Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punti 114 u 166); digriet Koukou (C‑519/08, EU:C:2009:269, punt 71); sentenzi Sorge (C‑98/09, EU:C:2010:369, punti 30 u 31); Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 39); kif ukoll Della Rocca (C‑290/12, EU:C:2013:235, punt 34).

( 20 ) Taħt il-Klawżola 3 tal-imsemmi ftehim qafas, il-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” ikopri “persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”.

( 21 ) Sentenzi Adeneler et (EU:C:2006:443, punt 56) kif ukoll Della Rocca (EU:C:2013:235, punt 34).

( 22 ) Skont il-Klawżola 2(2) tal-istess ftehim qafas, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom il-possibbiltà li jeskludu mill-qasam ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim qafas biss ir-“relazzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u skemi ta’ apprentistat tal-bidu” kif ukoll il-“kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg li kienu konklużi fil-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ tal-pubbliku ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid”. Sentenzi Adeneler et (EU:C:2006:443, punt 57) kif ukoll Della Rocca (EU:C:2013:235, punt 35).

( 23 ) Sentenza Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 26).

( 24 ) Sentenzi Adeneler et (EU:C:2006:443, punt 63); Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 88), kif ukoll Angelidaki et (EU:C:2009:250, punt 73). Fi ħdan l-Unjoni, il-biċċa l-kbira ta’ impjiegi ġodda maħluqa f’dawn l-aħħar snin (anki qabel il-kriżi) huma bbażati fuq kuntratti temporanji u forom atipiċi oħra ta’ impjieg. Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tat-18 ta’ April 2012, intitolat “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” [COM(2012) 173 final, p. 12].

( 25 ) Il-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas jiddikjara li l-kuntratti għal żmien indeterminat huma l-forma ġenerali ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol u jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u għat-titjib tal-prestazzjoni.

( 26 ) Sentenza Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 64). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li mit-tieni paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas u mil-punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu jirriżulta li huwa biss f’ċerti ċirkustanzi li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet kemm tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-ħaddiema. Ara d-digriet Vassilakis et (C‑364/07, EU:C:2008:346, punt 83).

( 27 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2005:569, punt 29).

( 28 ) Sentenzi Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517, punti 44 u 50) kif ukoll, iktar reċentement, Márquez Samohano (C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 42).

( 29 ) C‑586/10, EU:C:2012:39. Fir-rigward ta’ dik is-sentenza, ara l-kummentarju ta’ Robin‑Olivier, S., u Rémy, P., “La protection des travailleurs atypiques est-elle en régression ? Double réflexion sur l’arrêt Kücük de la Cour de justice”, Revue de droit de travail (2013), p. 645.

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Adeneler et (EU:C:2006:443, punt 69); Angelidaki et (EU:C:2009:250, punt 97); kif ukoll Kücük (EU:C:2012:39, punt 27).

( 31 ) Sentenzi Adeneler et (EU:C:2006:443, punt 71) kif ukoll Kücük (EU:C:2012:39, punt 28).

( 32 ) Sentenza Kücük (EU:C:2012:39, punt 30).

( 33 ) Ibidem (punt 31).

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, ibidem (punt 34 u 36).

( 35 ) Ibidem (punti 39 u 40).

( 36 ) Pereżempju, minħabba l-fatt li s-settur skolastiku għandu persunal sostanzjali li għalih huma neċessarji sostituzzjonijiet temporanji.

( 37 ) “A system in which permanent jobs are done by individual temporary agents, who are replaced by other individual temporary agents, contravenes the framework agreement, in the letter of the law and in the spirit of the law. Employers cannot take the easy route of employing successive temporary personnel for permanent jobs. Besides, such a system is contrary to the principle that employment should be on the basis of an indeterminate period and that it is only possible to offer temporary contracts if there are objective reasons”, Blanpain, R., European Labour Law, it-tnax-il edizzjoni, Wolters Kluwer, 2010, p. 472.

( 38 ) Enfasi miżjuda minni. Fil-fatt, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, diversi tipi ta’ kuntratti għal żmien determinat jistgħu jiġu konklużi bejn l-amministrazzjoni u l-għalliema: i) sostituzzjonijiet annwali fit-tabella tal-persunal “de jure”, għall-pożizzjonijiet disponibbli u vakanti, jiġifieri li għalihom ma jkunx hemm persuna maħtura fuq bażi permanenti, li jintemmu fit-tmiem tas-sena skolastika (31 ta’ Awwissu); ii) sostituzzjonijiet temporanji fit-tabella tal-persunal “de facto”, għall-pożizzjonijiet mhux vakanti iżda disponibbli, li jintemmu fit-tmiem tal-attivitajiet pedagoġiċi (30 ta’ Ġunju); u, finalment, iii) sostituzzjonijiet temporanji, jew għal żmien qasir, fil-każijiet l-oħra, li jkunu intiżi sabiex idumu sakemm jisparixxu ċ-ċirkustanzi li minħabba fihom ikunu saru neċessarji.

( 39 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Jansen (C‑313/10, EU:C:2011:593, punt 35).

( 40 ) Sentenzi Angelidaki et (EU:C:2009:250, punt 80) kif ukoll Kücük (EU:C:2012:39, punt 48).

( 41 ) Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Sentenzi Angelidaki et (EU:C:2009:250, punt 96) kif ukoll Kücük (EU:C:2012:39, punt 27). Il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi bħala għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali, il-miżuri intiżi sabiex jipproteġu t-tqala u l-maternità kif ukoll sabiex jippermettu lill-irġiel u lin-nisa sabiex jirrikonċiljaw l-obbligi tagħhom ta’ xogħol u ta’ familja (sentenza Kücük, EU:C:2012:39, punt 33).

( 43 ) Skont it-Tribunale di Napoli, l-Artikolu 36(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165/2001, għalkemm jipprevedi fit-teorija kumpens għad-dannu mġarrab mill-ħaddiem fis-settur pubbliku li jkun ġie rreklutat illegalment għal żmien determinat, dan ma jippermettix lil dan tal-aħħar li jikseb kumpens. Fil-fatt, il-Corte suprema di cassazione, fis-Sentenza Nru 10127/12 tagħha, iddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli meta l-kuntratti għal żmien determinat ikunu qabżu l-limitu massimu ta’ 36 xahar, għar-raġuni li r-reklutaġġ għal żmien determinat ikun sar b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni u li d-difett ma jikkonċernax il-modalitajiet tat-twettiq tas-servizz ta’ xogħol. Hija ddeċidiet ukoll li ħaddiem irreklutat illegalment għal żmien determinat ma jġarrab ebda dannu meta jkun irċieva remunerazzjoni abbażi ta’ dak il-kuntratt u li huwa ma setax jinjora n-nullità tiegħu.

( 44 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Marrosu u Sardino (EU:C:2005:569, punt 30).

( 45 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Vassallo (C‑180/04, EU:C:2006:518, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Angelidaki et (EU:C:2009:250, punti 160 sa 166).

( 47 ) Il-Gvern Taljan josserva, f’dan ir-rigward, li d-dritt nazzjonali seta’ joffri soluzzjonijiet f’dan is-sens, li jidher li jikkonferma l-osservazzjonijiet ta’ uħud mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali billi jirreferi għad-Digriet Liġi Nru 104, tat-12 ta’ Settembru 2013. Skont dawn ir-rikorrenti, dan id-digriet liġi jista’ jippermetti l-istabbilizzazzjoni tal-impjegati tas-settur skolastiku li jkunu akkumulaw perijodi ta’ servizz li jaqbżu s-36 xahar, billi jinħatru fuq bażi permanenti għall-perijodu li jkopri s-snin 2014 sa 2016.

( 48 ) Fis-sentenzi Scattolon (C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 84) u Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 49), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, fid-dawl tar-risposti l-oħra tagħha f’dawk il-kawżi, ma kienx hemm bżonn li tirrispondi, rispettivament, għar-raba’ u s-sitt domanda preliminari f’dawk il-kawżi, li kienu fformulati f’termini analogi għal dawk tas-seba’ domanda fil-Kawżi C‑61/13 u C‑62/13.