DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

tas-7 ta’ Marzu 2013 ( *1 )

“Artikolu 99 tar-Regoli ta’ Proċedura — Direttiva 2005/29/KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-offerta għal bejgħ jew il-bejgħ ta’ beni b’telf”

Fil-Kawża C-343/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank van koophandel te Gent (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

Euronics Belgium CVBA

vs

Kamera Express BV,

Kamera Express Belgium BVBA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Berger, President tal-Awla, A. Borg Barthet u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali”) (ĠU L 149, p. 22, rettifika tal-verżjoni bil-Malti fil-ĠU L 114, 27.4.2006, p. 101).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Euronics Belgium CVBA (iktar ’il quddiem “Euronics”) u, min-naħa l-oħra, Kamera Express BV (iktar ’il quddiem “KE”) u Kamera Express Belgium BVBA (iktar ’il quddiem “KEB”), dwar il-prezz tal-bejgħ ta’ diversi apparati fotografiċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 6, 8 u 17 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jipprovdu kif ġej:

“(6)

Din id-Direttiva [...] tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. [...] Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja. [...]

[...]

(8)

Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur.[...]

[...]

(17)

Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva :

[...]

d)

‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiki kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi;

[...]”

6

L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

7

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali:

“L-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.”

8

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti

2.   Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:

a)

hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,

u

b)

toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.

[...]

4.   B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li:

a)

jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,

jew

b)

jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.

5.   Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”

Id-dritt Belġjan

9

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 101(1) tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 dwar il-prattiki tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur (Belgisch Staatsblad, 12 ta’ April 2010, p. 20803, iktar ’il quddiem il-“LPPC”), li daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Mejju 2010, “[l]-ebda impriża ma tista’ toffri għal bejgħ jew tbigħ beni b’telf”.

10

Skont it-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni “[b]ejgħ b’telf huwa bejgħ bi prezz li ma huwiex, minn tal-inqas, daqs il-prezz li bih l-impriża xtrat il-beni jew il-prezz li għandha tħallas l-impriża għar-riforniment tal-beni, wara li jkunu tnaqqsu kwalunkwe skontijiet li ngħataw definittivament. Sabiex jiġi ddeterminat jekk bejgħ huwiex bejgħ b’telf, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iskontijiet li jkunu ngħataw, esklużivament jew le, bi skambju għall-impenji tal-impriża minbarra x-xiri tal-beni”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, KE u KEB kienu pproponew il-bejgħ ta’ apparat fotografiku Panasonic Lumix DMC-TZ20 bi prezz ta’ EUR 229, li miegħu kien hemm garanzija ta’ ħames snin, kif ukoll apparat fotografiku Canon EOS5D Mark II Body bi prezz ta’ EUR 1695, li miegħu kien hemm ukoll garanzija ta’ ħames snin.

12

Euronics ikkunsidrat li KE u KEB kienu qegħdin ibigħu dawn l-apparati fotografiċi b’telf, peress li l-prezz ta’ xiri uffiċjali mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud ta’ dawn l-apparati kien EUR 227.84 u EUR 1634.78, rispettivament. Fil-fatt, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis definittiv possibbilment mogħti, ma huwiex possibbli li jingħata prezz daqstant baxx mingħajr ma l-imsemmija apparati fotografiċi ma jkunu qegħdin jinbiegħu b’telf. Madankollu, dan il-bejgħ huwa pprojbit mill-Artikolu 101 tal-LPPC. Għaldaqstant, Euronics ressqet kawża quddiem ir-rechtbank van koophandel te Gent (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Gent), sabiex tiddikjara l-ksur tal-Artikolu 101 tal-LPPC u sabiex twaqqaf immedjatament il-prattiki inkwistjoni, inkluż il-waqfien tar-reklamar assoċjat magħhom.

13

F’dan il-kuntest, ir-rechtbank van koophandel te Gent iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 101 tal-[LPPC], li, fost l-oħrajn, huwa intiż li jipproteġi l-interessi tal-konsumaturi huwa inkompatibbli mad-Direttiva [dwar il-prattiki kummerċjali żleali] sa fejn jipprekludi bejgħ b’telf, meta jidher li l-imsemmija direttiva ma tipprekludix tali prattiki ta’ bejgħ u li l-leġiżlazzjoni Belġjana tista’ tkun iktar stretta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29/KE, liema sitwazzjoni hija pprojbita mill-Artikolu 4 [tagħha]?”

Fuq id-domanda preliminari

14

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-projbizzjoni b’mod ġenerali tal-offerta għal bejgħ jew tal-bejgħ ta’ beni b’telf.

15

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, f’kull waqt, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat li jirreferi għall-ġurisprudenza inkwistjoni.

16

Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan huwa l-każ fil-kawża ineżami sa fejn ir-risposta għad-domanda magħmula tista’ tiġi dedotta b’mod ċar b’mod partikolari mis-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C-304/08, Ġabra p. I-217, punti 35 sa 51), u tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C-540/08, Ġabra p. I-10909, punti 15 sa 38), kif ukoll id-digrieti tat-30 ta’ Ġunju 2011, Wamo (C-288/10, Ġabra p. I-5835, punti 20 sa 40), u tal-15 ta’ Diċembru 2011, INNO (C-126/11, punti 22 sa 32).

17

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu preliminarjament jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 101 tal-LPPC għandux għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi b’tali mod li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali.

18

F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju, ir-rechtbank van koophandel te Gent tirrileva li jekk il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101 tal-LPPC tista’ ċertament tiġi kkunsidrata bħala li għandha effett fuq ir-relazzjonijiet bejn l-operaturi ekonomiċi, jibqa’ xorta waħda l-fatt li dan l-artikolu għandu l-għan li jipproteġi lill-konsumaturi.

19

Huwa preċiżament fid-dawl tal-għanijiet tal-imsemmi artikolu hekk identifikati li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tipprekludix tali dispożizzjoni.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għad għandu jrid jiġi ddeterminat jekk l-offerta għal bejgħ b’telf jew il-bejgħ b’telf innifsu, li huma s-suġġett tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxux prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali u jekk humiex, għalhekk, suġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 35, u Mediaprint Zeitungs-und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

21

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jiddefinixxi, filwaqt li juża formulazzjoni partikolarment wiesgħa, il-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali” bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 36, u Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punt 17, kif ukoll id-digriet Wamo, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 30).

22

Madankollu, il-prattiki ta’ bejgħ b’telf, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li joperaw, kif il-qorti tar-rinviju tirrileva, b’mod li jiġbdu lill-konsumaturi lejn il-ħwienet ta’ kummerċjant, għandhom l-għan li jħajru lill-imsemmijin konsumaturi biex jixtru. Dawn jaqgħu għaldaqstant fil-kuntest tal-istrateġija kummerċjali ta’ operatur u jikkonċernaw direttament il-promozzjoni ta’ u ż-żieda fil-bejgħ tiegħu. Minn dan isegwi li tali prattiki jikkostitwixxu prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet Wamo, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 31).

23

Wara li ġie stabbilit dan, għandu jiġi vverifikat jekk id-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tipprekludix projbizzjoni li jsiru offerti għal bejgħ jew bejgħ ta’ beni b’telf, bħal dawk previsti fl-Artikolu 101 tal-LPPC.

24

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li d-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali tagħmel armonizzazzjoni kompleta tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fir-rigward tal-konsumaturi u għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw, kif jipprovdi espressament l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, miżuri iktar restrittivi minn dawk iddefiniti mill-istess direttiva, u dan lanqas sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi (sentenza Plus Warenhandelsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet Wamo, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 33).

25

It-tieni nett, għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jistabbilixxi l-kriterji li permezz tagħhom jistgħu jiġu ddeterminati ċ-ċirkustanzi li fihom prattika kummerċjali għandha titqies li hija żleali u, għalhekk, ipprojbita.

26

B’hekk, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 5, prattika kummerċjali tkun żleali jekk tmur kontra r-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali u toħloq distorsjoni jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott.

27

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali jiddefinixxi żewġ kategoriji preċiżi ta’ prattiki kummerċjali żleali, jiġifieri l-“prattiċi li jqarrqu” u l-“prattiċi li jkunu aggressivi” li jissodisfaw il-kriterji speċifiċi stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 6 u 7 u fl-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva.

28

Fl-aħħar nett, l-istess direttiva tistabbilixxi, fl-Anness I tagħha, lista eżawrjenti ta’ 31 prattika kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, huma kkunsidrati bħala żleali “f’kull ċirkostanza”. Għaldaqstant, kif tippreċiża espressament il-premessa 17 tad-direttiva msemmija, huma biss dawn il-prattiki kummerċjali li jistgħu jitqiesu bħala żleali mingħajr ma jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni individwali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-Direttiva (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 45, u Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punt 34, kif ukoll id-digriet Wamo, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 37).

29

Fir-rigward tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li prattiki li jikkonsistu fl-offerta ta’ bejgħ jew bejgħ b’telf ma humiex inklużi fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali. Għalhekk, tali prattiki ma jistgħux ikunu pprojbiti f’“kull ċirkostanza” iżda jistgħu jiġu pprojbiti biss wara analiżi speċifika li tippermetti li tiġi stabbilita n-natura żleali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, u d-digriet Wamo, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 38).

30

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-Artikolu 101 tal-LPPC jipprojbixxi b’mod ġenerali l-offerta ta’ bejgħ jew bejgħ ta’ beni b’telf, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat, b’riferiment għall-kuntest fattwali ta’ kull każ, jekk l-operazzjoni kummerċjali inkwistjoni hijiex ta’ natura “żleali” fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali u mingħajr ma jingħata marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward lill-qrati kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Plus Warenhandelsgesellschaft, punt 48, u Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, punt 36, kif ukoll id-digriet Wamo, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 39).

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li d-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi projbizzjoni ġenerali tal-offerta għal bejgħ jew tal-bejgħ ta’ beni b’telf, sa fejn din id-dispożizzjoni jkollha għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

Fuq l-ispejjeż

32

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali”) għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi projbizzjoni ġenerali tal-offerta għal bejgħ jew tal-bejgħ ta’ beni b’telf, sa fejn din id-dispożizzjoni jkollha għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.