24.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/22


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-310/12)

2012/C 366/38

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Hetsch, D. Düsterhaus u A. Sipos, aġenti)

Konvenuta: L-Ungerija

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li, peress illi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tadatta d-dritt nazzjonali tagħha mad-Direttiva, b’mod konformi mal-Artikolu 40 tad-Direttiva, jew tal-inqas peress illi naqset milli tikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (1).

tikkundanna lill-Ungerija, b’mod konformi mal-Artikolu 260 (3) TFUE, għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 27 316,80 għal kull ġurnata mid-data li fiha tingħata din is-sentenza, peress li l-Ungerija ma kkomunikatx id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/98/KE lill-Kummissjoni.

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, hija l-istrument ġuridiku prinċipali f’dan is-settur u tistabbilixxi, fost aspetti oħra, il-kunċetti essenzjali relatati mal-immaniġġar tal-iskart, bħal pereżempju x’għandu jinftiehem bi skart, b’riċiklaġġ u b’irkupru.

It-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva skada fit-12 ta’ Diċembru 2010. L-Ungerija informat lill-Kummissjoni li ma kinitx ikkonkludiet l-obbligi leġiżlattivi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva. Peress illi sal-lum ma ġewx adottati l-miżuri ta’ traspożizzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Ungerija ma wettqitx l-obbligi tagħha relatati mat-traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva.

B’mod konformi mal-Artikolu 260(3) TFUE, fir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentati skont l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fis-sentenza li tiddikjara n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu, tobbliga lill-Istat Membru kkonċernat jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata b’mod konformi ma’ proċedura leġiżlattiva, jew tista’ tindika l-ammont tas-somma f’daqqa jew tal-pagamenti ta’ penalità li għandu jitħallas minn dan l-Istat u li hija tikkunsidra xierqa fiċ-ċirkustanzi. B’mod konformi mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE (2), il-Kummissjoni pproċediet għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità proposti skont il-metodu previst fil-Kommunikazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 228 KE.


(1)  ĠU L 312, p. 3.

(2)  ĠU C 12, p. 1