12.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/5


Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-114/12)

(2012/C 138/09)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Castillo de la Torre, J. Samnadda, aġenti)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tal-parti rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill, u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri miġbura fi ħdan il-Kunsill, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha fin-negozjati għal Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-organi tax-xandir

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

 

L-ewwel motiv: Ksur tal-Artikoli 2(2) u 3(2) TFUE, għaliex il-Kunsill ikkunsidra li l-kwistjoni hija waħda ta’ kompetenza kondiviża, u awtorizza lil Stati Membri jew lil Istituzzjoni li ma hijiex il-Kummissjoni sabiex tinnegozja l-ftehim, fi kwistjoni ta’ kompetenza esklużiva. Il-konvenzjoni futura tal-Kunsill tal-Ewropa tista’ tolqot jew tbiddel l-iskop tad-direttivi tal-UE li jirrigwardaw id-drittijiet tal-organi tax-xandir, kif ukoll dak tad-direttivi tal-UE dwar il-liġi tal-proprjetà intellettwali b’mod ġenerali. Il-konvenzjoni futura ser tkun ibbażata fuq l-acquis tal-UE, u twassal b’mod inevitabbli għall-emendar ta’ Direttivi tal-UE jekk jingħata livell ta’ protezzjoni ogħla lill-organizzazzjonijiet tax-xandir fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa.

 

It-tieni motiv: Ksur tal-proċedura u tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ negozjati ta’ ftehim internazzjonali mill-Unjoni. Huwa l-Kunsill (u mhux il-Kunsill li jaġixxi flimkien mal-Istati Membri) li huwa kompetenti sabiex jawtorizza negozjati mill-Unjoni.

 

It-tielet motiv: Ksur tar-regoli tal-votazzjoni fil-Kunsill. Bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser l-Artikolu 218(8) li jistabbilixxi li l-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

 

Ir-raba’ motiv: Ksur tal-għanijiet tat-Trattati u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera. Il-Kunsill, meta jaġixxi flimkien mal-Istati Membri, jimmina l-pożizzjoni tal-Unjoni u jdgħajjef il-qafas istituzzjonali tal-Unjoni.