5.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 133/15


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht Leipzig (il-Ġermanja) fit-13 ta’ Frar 2012 — Gemeinde Altrip et vs Land Rheinland-Pfalz

(Kawża C-72/12)

2012/C 133/28

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht Leipzig

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gemeinde Altrip, Gebrüder Hört GbR, Willi Schneider

Konvenut: Land Rheinland-Pfalz

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2003/35/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri kellhom l-obbligu li jipprovdu li d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE (2) japplikaw ukoll għall-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni mibdjia qabel il-25 ta’ Ġunju 2005 li madankollu wasslu għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni biss wara din id-data?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda:

L-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri kellhom l-obbligu li jestendu l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni u li jirrigwardaw il-kontestazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-proċedura fil-każ ta’ evalwazzjoni ambjentali li tkun saret u li madankollu tkun irregolari?

(3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din it-tieni domanda:

L-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337/KEE għandu, fil-każijiet fejn id-dritt amministrattiv proċedurali ta’ Stat Membru jistipula, kif permess mill-Artikolu 10a(b) ta’ din l-istess direttiva, il-prinċipju li l-membri tal-pubbliku kkonċernat jistgħu jaġixxu b’azzjoni quddiem korp ġudizzjarju biss sabiex jiġi ddikjarat ksur ta’ dritt, jiġi interpretat fis-sens

(a)

li azzjoni ġudizzjarja li tikkontesta l-legalità, fir-rigward tal-proċedura, ta’ deċiżjonijiet li għalihom huma applikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, tista’ tirnexxi u twassal għall-annullament tad-deċiżjoni biss meta jkun konkretament prevedibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti mingħajr id-difett proċedurali, u li dan id-difett proċedurali jaffettwa wkoll pożizzjoni ġuridika materjali tar-rikorrent, jew

(b)

li, fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja li tikkontesta l-legalità, fir-rigward tal-proċedura, ta’ deċiżjonijiet li għalihom huma applikabbli d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, id-difetti proċedurali għandhom jistgħu jwasslu għall-annullament fuq skala ikbar?

Fil-każ li għal din id-domanda għandha tingħata risposta fis-sens propost taħt il-paragrafu b):

Liema kundizzjonijiet sostantivi għandhom jissodisfaw id-difetti proċedurali sabiex ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni favur rikorrent fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja li tikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-proċedura?


(1)  Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248).