SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

13 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Artikolu 5(1) u (3) — Azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili — Natura kuntrattwali jew delittwali”

Fil-Kawża C‑548/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Krefeld (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2012, fil-proċedura

Marc Brogsitter

vs

Fabrication de Montres Normandes EURL,

Karsten Fräßdorf,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Brogsitter, avukat, irrappreżentat minnu stess,

għal Fabrication de Montres Normandes EURL u K. Fräβdorf, minn A. Mansouri, avukat,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u S. Nunes de Almeida, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u A.-M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, M. Brogsitter, iddomiċiljat f’Kempen (il-Ġermanja), u, min-naħa l-oħra, Fabrication de Montres Normandes EURL (iktar ’il quddiem “Fabrication de Montres Normandes”), kumpannija stabbilita fi Brionne (Franza), u K. Fräβdorf, iddomiċiljat f’Neuchâtel (l-Isvizzera), dwar azzjonijiet imressqa minn M. Brogsitter għal diversi finijiet minħabba danni li huwa allegatament ġarrab b’riżultat ta’ aġir meqjus bħala li jikkostitwixxi kompetizzjoni żleali.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

4

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 jipprovdi li:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)

a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

ċ)

jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[…]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li M. Brogsitter jikkummerċjalizza arloġġi lussużi tal-idejn. Fl-2005, huwa kkonkluda kuntratt ma’ mastru arluġġar, K. Fräβdorf, li dak iż-żmien kien jirrisjedi fi Franza, li permezz tiegħu dan tal-aħħar obbliga ruħu li jiżviluppa mekkaniżmi tal-arloġġ għal arloġġi lussużi tal-idejn, intiżi sabiex jiġu kkummerċjalizzati f’serje, f’isem M. Brogsitter. K. Fräβdorf eżerċita l-attività tiegħu mal-kumpannija Fabrication de Montres Normandes, li fir-rigward tagħha huwa kien l-uniku azzjonist u l-amministratur. Mill-2010, K. Fräβdorf huwa ddomiċiljat fl-Isvizzera.

7

M. Brogsitter obbliga ruħu li jħallas l-ispejjeż finanzjarji kollha relatati mal-ħolqien ta’ żewġ mekkaniżmi tal-arloġġ li kienu s-suġġett ta’ dan il-kuntratt.

8

Minbarra dan ix-xogħol relatat ma’ dawn iż-żewġ mekkaniżmi, K. Fräβdorf u Fabrication de Montres Normandes ħolqu wkoll, b’mod parallel, mekkaniżmi oħra tal-arloġġ kif ukoll kejsings u kwadranti, li huma ppreżentaw f’isimhom fil-fiera dinjija tal-arloġġerija f’Basel (l-Isvizzera) matul il-xhur ta’ April u ta’ Mejju tas-sena 2009. Huma kkummerċjalizzaw dawn il-prodotti f’isimhom u żguraw ir-reklamar tagħhom fuq sit internet bil-Ġermaniż u bil-Franċiż.

9

M. Brogsitter isostni li, permezz ta’ dawn l-aħħar attivitajiet, il-konvenuti kisru l-obbligi kuntrattwali tagħhom. Huwa jsostni li K. Fräβdorf u Fabrication de Montres Normandes obbligaw ruħhom jaħdmu esklużivament f’ismu u ma setgħux għalhekk la jiżviluppaw u lanqas jużaw, f’isimhom, mekkaniżmi tal-arloġġ, kemm jekk humiex identiċi jew le ma dawk li jikkostitwixxu s-suġġett ta’ dan il-kuntratt.

10

M. Brogsitter jitlob il-waqfien tal-attivitajiet inkwistjoni kif ukoll l-għoti ta’ kumpens għad-danni minħabba r-responsabbiltà delittwali tal-partijiet kontraenti, abbażi, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, tal-liġi kontra l-kompetizzjoni żleali (Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb) u tal-Artikolu 832(2) tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch), billi jsostni li, permezz tal-aġir tagħhom, il-konvenuti marru kontra s-sigriet kummerċjali, ġabu diżordni fl-impriża tiegħu, kif ukoll wettqu frodi u abbuż ta’ fiduċja.

11

Il-konvenuti jitolbu ċ-ċaħda tar-rikors. Huma ressqu wkoll kontrotalba li fiha huma jsostnu li l-mekkaniżmi inkwistjoni jinvolvu, f’kull każ, kostruzzjoni differenti minn dik li hija s-suġġett tal-kuntratt u li huma ma kinux koperti minn dritt ta’ esklużività. Il-konvenuti jqajmu wkoll eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq il-fatt li huma biss il-qrati Franċiżi li għandhom il-ġurisdizzjoni territorjali, abbażi tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talbiet kollha fformulati minn M. Brogsitter, peress li kemm il-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizz li jikkostitwixxi s-suġġett tal-kuntratt kontenzjuż kif ukoll il-post fejn seħħ l-aġir li kkawża d-dannu allegat jinsabu fi Franza.

12

Fabrication de Montres Normandes tpoġġiet, fil-mori tal-kawża, fi stralċ ġudizzjarju. L-istralċjarju, maħtur fi Franza, awtorizza lill-mandatarji tal-konvenuti sabiex ikomplu l-proċeduri.

13

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-Oberlandesgericht Düsseldorf (tribunal reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) diġà ta deċiżjoni fl-appell, f’sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, dwar sentenza fl-ewwel istanza tal-Landgericht Krefeld fejn ġie ddikjarat li dan tal-aħħar ma kellux ġurisdizzjoni territorjali. L-Oberlandesgericht Düsseldorf qies li, fir-rigward tal-kawża pendenti quddiemu, il-qorti tal-ewwel istanza kellha ġurisdizzjoni internazzjonali abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex tieħu konjizzjoni biss ta’ talbiet għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili ta’ natura delittwali mressqa minn M. Brogsitter. Min-naħa l-oħra, it-talbiet l-oħra jaqgħu taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament, u għandhom jitressqu quddiem qorti Franċiża.

14

Il-Landgericht Krefeld jistaqsi madankollu jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, u, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ kuntratt bejn il-partijiet inkwistjoni, l-azzjonijiet għad-danni li tressqu quddiemu għandhomx jitqiesu wkoll li jaqgħu taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, u għalhekk jaqgħu, minflok, taħt il-ġurisdizzjoni ta’ qorti Franċiża.

15

F’dan il-kuntest, il-Landgericht Krefeld iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(1) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li rikorrent li jallega li sofra dannu minħabba [aġir li jikkostitwixxi kompetizzjoni żleali] li fid-dritt Ġermaniż jaqa’ taħt il-kamp tar-responsabbiltà delittwali u li huwa imwettaq mill-parti l-oħra kontraenti stabbilita fi Stat Membru ieħor, jinvoka wkoll drittijiet li jaqgħu taħt il-kamp kuntrattwali fir-rigward ta’ din il-parti l-oħra kontraenti, anki jekk dan jibbaża l-azzjoni tiegħu fuq bażi legali marbuta mar-responsabbiltà [ċivili] delittwali?”

Fuq id-domanda preliminari

16

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ natura delittwali fid-dritt nazzjonali, għandhomx madankollu jitqiesu li jaqgħu taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, fid-dawl tal-kuntratt li jorbot lill-partijiet fil-kawża prinċipali.

17

Qabelxejn, għandha tiġi miċħuda bħala mhux fondata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn M. Brogsitter, skont liema din id-domanda hija irrilevanti peress li l-qorti tar-rinviju għandha f’kull każ titqies li għandha ġurisdizzjoni territorjali skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, li jirrigwarda l-kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija, jew skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, tali argument jittratta biss l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxix kawża ta’ inammissibbiltà tad-domanda preliminari magħmula.

18

Sussegwentement, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kliem “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” u “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 5(1)(a) u (3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi prinċipalment isir riferiment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi żgurat l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, punt 27). Għaldaqstant, ma jistgħux jinftiehmu bħala li jirreferu għall-klassifikazzjoni li l-liġi nazzjonali applikabbli tagħti lir-relazzjoni legali inkwistjoni quddiem il-qorti nazzjonali.

19

Barra minn hekk, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), hekk kif emendata b’konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tapplika wkoll għal dawk ta’ dan ir-regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza ÖFAB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). L-istess japplika għas-subparagrafi 1(a) u 3 tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament meta mqabbla, rispettivament, mas-subparagrafi 1 u 3 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ÖFAB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

20

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-“materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jinkludu kull talba intiża sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma humiex relatati ma’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis, 189/87, Ġabra p. 5565, punt 17).

21

Għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita n-natura tat-talbiet għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat l-ewwel nett jekk dawn għandhomx, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali, natura kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C-167/00, Ġabra p. I-8111, punt 37).

22

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-partijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma marbuta b’kuntratt.

23

Madankollu, iċ-ċirkustanza waħedha li waħda mill-partijiet kontraenti tressaq azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili kontra l-parti l-oħra ma hijiex suffiċjenti sabiex jitqies li din l-azzjoni taqa’ taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

24

L-istess japplika jekk l-aġir ikkritikat ikun jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali, liema obbligi jkunu jistgħu jiġu ddeterminati fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt.

25

Dan ikun a priori l-każ jekk l-interpretazzjoni tal-kuntratt li jorbot lill-konvenut mar-rikorrent tidher indispensabbli sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew, bil-kontra, illegali tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-konvenut mir-rikorrent.

26

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-azzjonijiet mressqa mir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandhomx bħala suġġett talba għal kumpens li l-kawża tagħha tista’ raġonevolment titqies li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet u tal-obbligi tal-kuntratt li jorbot lill-partijiet fil-kawża prinċipali, liema fatt ikun irid jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi deċiża l-kawża.

27

Jekk dan ikun il-każ, dawn l-azzjonijiet ikunu relatati ma’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-każ kuntrarju, huma għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

28

Għandu jiġi osservat ukoll li, fl-ewwel ipoteżi, il-ġurisdizzjoni territorjali fil-qasam kuntrattwali għandha tiġi stabbilita skont il-kriterji ta’ konnessjoni ddefiniti fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 jekk il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija jew ta’ provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Hekk kif jipprovdi l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, fil-fatt huwa biss fl-ipoteżi fejn kuntratt ma jkun jaqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji li għandha tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni territorjali skont il-kriterju ta’ konnessjoni previst fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch, C-533/07, Ġabra p. I-3327, punt 40, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2013, Corman Collins, C‑9/12, punt 42).

29

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari magħmula hija li azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ natura delittwali fid-dritt nazzjonali, għandhom, madankollu, jitqiesu li jaqgħu taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jekk l-aġir ikkritikat jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali, liema obbligi jistgħu jiġu stabbiliti fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ natura delittwali fid-dritt nazzjonali, għandhom, madankollu, jitqiesu li jaqgħu taħt “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, jekk l-aġir ikkritikat jista’ jitqies li jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali, liema obbligi jistgħu jiġu stabbiliti fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.