SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 91/477/KEE — Ħruġ tal-Pass Ewropew tal-armi tan-nar — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-ħruġ ta’ tali pass biss għall-pussessuri ta’ armi tan-nar għal finijiet tal-prattika tal-kaċċa jew tal-isparar fuq bersall”

Fil-Kawża C‑543/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Novembru 2012, fil-proċedura

Michal Zeman

vs

Krajské riaditeľstvo Policajného zboru v Žiline,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Zeman, minnu nnifsu,

għall-Krajské riaditeľstvo Policajného zboru v Žiline, minn M. Gajdošová, bħala aġent,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(4) u 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1991, dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 3), kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008 (ĠU L 179, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/477”), kif ukoll tal-Artikoli 45(1) u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Zeman u l-Krajské riaditeľstvo Policajného zboru v Žiline (Dipartiment reġjonali tal-Pulizija nazzjonali ta’ Žilina) minħabba li dan tal-aħħar ċaħad it-talba ta’ M. Zeman għall-ħruġ ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Transnazzjonali Organizzata, adottata bir-Riżoluzzjoni 55/25 tal-Assemblea Ġenerali tal-15 ta’ Novembru 2000, hija l-istrument prinċipali għall-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali organizzata. Hija nfetħet għall-firma mill-Istati Membri mit-12 sal-15 ta’ Diċembru 2000 f’Palermo (l-Italja) u daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Settembru 2003. Hija ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/579/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Transnazzjonali Organizzata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 51, p. 290).

4

L-imsemmija konvenzjoni hija ssupplimentata bi tliet protokolli, fosthom il-Protokoll kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Transnazzjonali Organizzata, adottat bir-Riżoluzzjoni 55/255 tal-Assemblea Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 2001 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”).

5

L-Artikolu 2 tal-Protokoll, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“L-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li jippromwovi, li jiffaċilita u li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Partijiet sabiex jiġu impediti, miġġielda u eradikati l-iffabbrikar u t-traffikar illeċiti tal-armi tan-nar u tal-partijiet, tal-komponenti u tal-munizzjon tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 10 tal-Protokoll, intitolat “Obbligi ġenerali dwar is-sistemi ta’ liċenzji jew ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni, ta’ importazzjoni u ta’ tranżitu”, jistabbilixxi:

“1.   Kull Stat Parti għandu jistabbilixxi jew iżomm sistema effikaċi ta’ liċenzji jew ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni jew ta’ importazzjoni, kif ukoll ta’ miżuri dwar it-tranżitu internazzjonali, għat-trasferiment ta’ armi tan-nar u tal-partijiet, tal-komponenti u tal-munizzjon tagħhom.

2.   Qabel ma joħroġ liċenzji jew awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni għal tagħbijiet ta’ armi tan-nar u tal-partijiet, tal-komponenti u tal-munizzjon tagħhom, kull Stat Parti għandu jivverifika li:

a)

L-Istati importaturi jkunu ħarġu liċenzji jew awtorizzazzjonijiet ta’ importazzjoni; u

b)

Mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet jew għall-arranġamenti bilaterali u multilaterali favur Stati mingħajr littoral, l-Istati ta’ tranżitu jkunu għall-inqas innotifikaw bil-miktub, qabel ma tintbagħat it-tagħbija, li huma ma għandhomx oġġezzjoni għat-tranżitu.

3.   Il-liċenzja jew l-awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni jew ta’ importazzjoni u d-dokumentazzjoni li takkumpanja tali liċenzja jew awtorizzazzjoni għandu jkun fihom informazzjoni li, għall-inqas, tinkludi l-post u d-data tal-ħruġ, id-data tal-iskadenza, il-pajjiż ta’ esportazzjoni, il-pajjiż ta’ importazzjoni, id-destinatarju finali, deskrizzjoni u l-kwantità tal-armi tan-nar u tal-partijiet, tal-komponenti u tal-munizzjon tagħhom u, fil-każ ta’ tranżitu, il-pajjiżi ta’ tranżitu. L-informazzjoni li tinsab fil-liċenzja ta’ importazzjoni għandha tiġi pprovduta minn qabel lill-Istati ta’ tranżitu.

4.   L-Istat Parti importatur għandu jinforma lill-Istat Parti esportatur, fuq talba tiegħu, bil-wasla tat-tagħbijiet ta’ armi tan-nar u tal-partijiet, tal-komponenti jew tal-munizzjon tagħhom.

5.   Kull Stat Parti għandu jieħu, fil-limiti tal-mezzi tiegħu, il-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-proċeduri għall-ħruġ ta’ liċenzji jew ta’ awtorizzazzjonijiet ikunu siguri u li l-awtentiċità tal-liċenzji jew tal-awtorizzazzjonijiet tkun tista’ tiġi vverifikata jew ivvalidata.

6.   L-Istati Partijiet jistgħu jadottaw proċeduri semplifikati għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni temporarji u għat-tranżitu ta’ armi tan-nar u tal-partijiet, tal-komponenti u tal-munizzjon tagħhom, għal finijiet leġittimi li jistgħu jiġu vverifikati bħalma huma l-kaċċa, l-isparar fuq bersall, l-istima, l-eżibizzjoni jew it-tiswija.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

7

Il-kontroll tal-akkwist u tal-pussess ta’ armi fl-Unjoni Ewropea huwa essenzjalment irregolat mid-Direttiva 91/477.

8

L-ewwel sas-seba’ premessi tal-imsemmija direttiva jiddisponu:

“[...] l-Artikolu 8a tat-Trattat jipprovdi li s-suq internazzjonali [intern] għandu jiġi stabbilit mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1992; [...] s-suq intern fih żona mingħajra fruntieri interni fejn huwa żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital skond d-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

[...] fil-laqgħa ta’ Fontainbleau fil-25 u 26 ta’ Ġunju 1984, il-Kunsill Ewropew espressament iddeċida li jabolixxi l-formalitajiet tal-pulizija u tad-dwana fil-fruntieri ta’ ġewwa l-Kommunità;

[...] l-abolizzjoni totali tal-kontrolli u tal-formalitajiet fil-fruntieri ta’ ġewwa l-Kommunita teħtieġ li ċerti kondizzjonijiet fundamentali jiġu mħarsa; [...] fil-white paper tagħha ‘Sabiex jitkompla s-suq intern’ il-Kummissjoni qalet illi l-abolizzjoni tal-kontrolli fuq is-sigurtà ta’ l-oġġetti ttrasportati u fuq il-persuni teħtieġ fost affarijiet oħra, l-approssimazzjoni tal-liġijiet dwar l-armi;

[...] l-abolizzjoni tal-kontrolli dwar il-pussess ta’ l-armi fil-fruntieri interni tal-Kommunità tirrikjedi li jiġu adottati regoli effettivi li jippermettu li jsiru l-kontrolli fl-Istati Membri dwar l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar u dwar it-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor; [...] l-kontrolli sistematiċi għandhom għaldaqstant jiġu aboliti fil-fruntieri interni tal-Kommunità;

[...] l-kunfidenza reċiproka fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-persuni li dawn ir-regoli għandhom ikattru bejn l-Istati Membri tkun akbar jekk ir-regoli jkunu bbażati fuq liġijiet parzjalment armonizzati; [...] għaldaqstant ikun utli li wieħed jiddetermina l-kategoriji ta’ armi tan-nar li l-akkwist u l-pussess tagħhom minn persuni privati huwa pprojbit, jew suġġett għall-awtorizzazzjoni jew għal dikjarazzjoni;

[...] in prinċipju m’għandux ikun permess li wieħed imur minn Stat Membru għall-ieħor meta jkollu fuqu arma; [...] deroga minn dan hija biss aċċettabli jekk tiġi adottata proċedura li biha l-Istati Membri jiġu nnotifikati li arma tan-nar ser tinġieb fit-territorju tagħhom;

[...] madanakollu, għandhom jiġu adottati regoli aktar flessibli dwar il-kaċċa u l-isparar fuq bersalji sabiex jiġi evitat t-tfixkil aktar minn dak li hemm bżonn għall-moviment liberu tal-persuni”.

9

L-Artikolu 1(4) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Il-‘Pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar’ għandu jinħareġ fuq talba mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru lil persuna li b’mod legali tikseb pussess ta’ arma tan-nar u tużaha. Għandu jkun validu għal perjodu massimu ta’ ħames snin, li jista’ jiġi estiż, u li għandu jkun fih l-informazzjoni stipulata fl-Anness II. M’għandux ikun trasferibbli u għandu jirreġistra l-arma tan-nar jew l-armi tan-nar fil-pussess tad-detentur tal-Pass użati minnu in konnessjoni miegħu. Irid dejjem ikun fil-pussess tal-persuna li tkun qed tuża l-arma tan-nar u kwalunkwe bidla fil-pussess jew fil-karatteristiċi ta’ l-armi tan-nar, kif ukoll is-serq jew it-telf tagħhom, għandhom jiġu indikati fuq il-Pass.”

10

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/477 jipprovdi:

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ġarr ta’ armi, il-kaċċa jew l-isparar fuq bersalji.”

11

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Fil-liġi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet li huma aktar strinġenti minn dawk ipprovduti f’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet mogħtija lir-residenti ta’ l-Istati Membri fl-Artikolu 12(2).”

12

l-Artikolu 11 (1) u (2) tad-Direttiva 91/477 jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, l-armi tan-nar jistgħu jiġu biss ittrasferiti minn Stat Membru għall-ieħor skont il-proċedura stabbilit fil-paragrafi li ġejjin. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għat-trasferimenti ta’ armi tan-nar wara li dawn ikunu nbiegħu permezz ta’ ordni bil-posta.

2.   Meta arma tan-nar għandha tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor, il-persuna interessata għandha qabel din tittieħed hemm, tagħti lill-Istat Membru fejn tkun tinstab l-arma d-dettalji li ġejjin:

[l-isem] u l-indirizzi tal-persuna li tbiegħ jew tagħti l-arma tan-nar u tax-xerrej jew ta’ min jakkwistaha jew fejn xieraq tas-sid,

l-indirizz fejn l-arma tan-nar għandha tiġi kkonsenjata jew ittrasportata,

in-numru ta’ armi tan-nar li għandhom jiġu kkonsenjati jew ittrasportati,

id-dettalji li jippermettu li l-arma tan-nar tiġi identifikata kif ukoll indikazzjoni li l-arma tan-nar għaddiet minn kontrolli skond il-Konvenzjoni tal-1 ta’ Lulju 1969 dwar ir-Rikonnoxximent Reċiproku tal-Marki li jidentifikaw l-Armi ż-Żgħar,

il-mezz li bih isir it-trasferiment,

id-data tat-tluq u d-data maħsuba għall-wasla tagħha.

M’hemmx bżonn li tingħata l-informazzjoni msemmija fl-aħħar żewġ inċiżi meta t-trasferiment isir bejn żewġ kummerċjanti.

L-Istat Membru għandu jeżamina l-kondizzjonijiet li taħthom għandu jsir it-trasferiment, l-aktar fejn tidħol is-sigurtà.

Meta l-Istat Membru jawtorizza dan it-trasferiment, huwa għandu joħroġ liċenzja li tinkludi d-dettalji kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu. Din il-liċenzja għandha tinżamm ma’ l-arma tan-nar sakemm din tilħaq id-destinazzjoni tagħha; hija għandha tiġi ppreżentata kull meta hekk meħtieġ mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri.”

13

L-Artikolu 12(1) u (2) tal-istess direttiva jistabbilixxi:

“1.   Kemm-il darba l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11 ma tiġix segwita, il-pussess ta’ l-arma tan-nar matul il-vjaġġ bejn żewġ Stati Membri jew aktar, m’għandux jitħalla sakemm il-persuna interessata ma tkunx ġabet l-awtorizzazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri kollha.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu din l-awtorizzazzjoni għal vjaġġ wieħed jew aktar għal żmien massimu ta’ sena, bil-possibilità ta’ tiġdid. Dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fil-pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar, li l-vjaġġatur għandu jippreżenta kull meta hekk rikjest mill-awtoritatjiet ta’ l-Istati Membri.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-kaċċaturi, fil-każ tal-kategoriji C u D, u t-tiraturi [d-dilettanti tal-isparar], fil-każ tal-kategoriji B, C u D, jistgħu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ikunu fil-pussess ta’ arma tan-nar waħda jew aktar waqt vjaġġ minn ġewwa żewġ Stati Membri jew aktar bil-għan li jipprattikaw l-attivitajiet tagħhom, sakemm ikunu fil-pussess ta’ Pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar li fuqu jkunu mniżżlin tali arma jew armi u sakemm ikunu jistgħu jissostanzjaw ir-raġunijiet tal-vjaġġ tagħhom, b’mod partikulari billi jippreżentaw invit jew prova oħra ta’ l-attivitajiet tagħhom tal-kaċċa jew ta’ l-isparar fuq bersall fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

L-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu l-aċċettazzjoni ta’ pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar fuq kondizzjoni ta’ pagament ta’ kwalunkwe miżata jew ħlas.

Madankollu din id-deroga ma tapplikax għal vjaġġi lejn Stat Membru li jipprojbixxi l-akkwist u l-pussess ta’ l-arma tan-nar in kwistjoni jew li taħt l-Artikolu 8(3), jirrekjedi awtorizzazzjoni; f’dan il-każ għandha ssir dikjarazzjoni apposta fuq il-Pass Ewropew ta’ l-Armi tan-Nar.

Fil-kuntest tar-rapport msemmi fl-Artikolu 17, il-Kummissjoni b’konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha wkoll tikkonsidra l-effetti ta’ l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu, l-aktar dwar l-impatt tagħha fuq l-ordni u s-sigurtà pubblika.”

14

Il-premessa 14 tad-Direttiva 2008/51 tiddikjara:

“Il-Pass Ewropew ta’ l-Armi tan-Nar fil-biċċa l-kbira jiffunzjona b’mod sodisfaċenti u għandu jitqies bħala d-dokument ewlieni meħtieġ minn kaċċaturi u tiraturi [dilettanti tal-isparar] għall-pussess ta’ arma tan-nar matul vjaġġ lejn Stat Membru ieħor. L-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu l-aċċettazzjoni tal-Pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar fuq kondizzjoni ta’ pagament ta’ kwalunkwe miżata jew ħlas.”

15

Fil-25 ta’ Frar 1993, il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni 93/216/KEE dwar il-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar (ĠU L 93, p. 39) li t-tieni premessa tagħha tiddikjara li “il-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar ġie stabbilit sabiex jiffaċilita l-moviment liberu tal-kaċċaturi u tad-dilettanti tal-isparar fi ħdan il-Komunità; it-twettiq ta’ dan l-għan għandu jintwera b’mod tanġibbli permezz tal-adozzjoni ta’ pass uniformi li jkollu fuqu logo komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

16

Il-mudell tal-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar jinsab fl-anness tal-imsemmija rakkomandazzjoni.

17

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni 2001/748/KE, tas-16 ta’ Ottubru 2001, dwar l-iffirmar f’isem il-Komunità Ewropea tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-iffabbrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, anness mal-Konvenzjoni kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 200). Il-Kummissjoni ffirmat il-Protokoll, f’isem il-Komunità, fis-16 ta’ Jannar 2002.

18

Sussegwentement, billi dehrlu li l-adeżjoni tal-Komunità mal-Protokoll kienet tirrikjedi li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477 jiġu emendati u li kien meħtieġ li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti, effikaċi u rapida tal-impenji internazzjonali li għandhom impatt fuq din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-Direttiva 2008/51.

19

L-adeżjoni ma’ dan il-protokoll kellu wkoll il-konsegwenza li ġie adottat ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Marzu 2012, li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni (ĠU L 94, p. 1).

20

Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 258/2012 tiddisponi:

“Id-Direttiva [91/477] tindirizza t-trasferimenti ta’ armi tan-nar għal użu ċivili fit-territorju tal-Unjoni, waqt li dan ir-Regolament jiffoka fuq miżuri fir-rigward tal-esportazzjoni mit-territorju doganali tal-Unjoni lejn jew minn pajjiżi terzi.”

21

L-Artikolu 9(1)(a) u (b) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Proċeduri ssimplifikati għall-esportazzjoni temporanja jew ir-riesportazzjoni ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom u l-ammunizzjoni għandhom japplikaw kif ġej:

(a)

ebda awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni m’għandha tkun meħtieġa għal

(i)

esportazzjoni temporanja minn kaċċaturi jew dilettanti tal-isparar bħala parti mill-effetti personali li jieħdu magħhom, matul vjaġġ lejn pajjiż terz, sakemm huma jissostanzjaw lill-awtoritajiet kompetenti r-raġunijiet tal-vjaġġ, b’mod partikolari billi jipperżentaw stedina jew prova oħra tal-attivitajiet ta’ kaċċa jew sparar bħala sport fil-pajjiż terz ta’ destinazzjoni, ta’:

arma jew armi tan-nar;

il-komponenti essenzjali tagħhom, jekk immarkati, kif ukoll il-partijiet [tagħhom];

l-ammunizzjoni relatat tagħhom, limitat għal massimu ta’ 800 round għall-kaċċaturi u massimu ta’ 1 200 round għad-dilettanti tal-isparar.

(ii)

ir-riesportazzjoni minn kaċċaturi jew dilettanti tal-isparar bħala parti mill-effetti personali li jieħdu magħhom wara l-ammissjoni temporanja għal attivitajiet ta’ kaċċa jew sparar bħala sport, sakemm l-armi tan-nar jibqgħu l-proprjetà ta’ persuna stabbilita barra t-territorju doganali tal-Unjoni u l-armi tan-nar jiġu riesportati lil dik il-persuna.

(b)

Meta jitilqu t-territorju doganali tal-Unjoni permezz ta’ Stat Membru li mhux l-Istat Membru tar-residenza tagħhom, il-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti l-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar skont l-Artikoli 1 u 12 tad-Direttiva [91/477]. Fil-każ ta’ vjaġġi bl-ajru, il-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar għandu jiġi pprovdut lill-awtoritajiet kompetenti meta l-oġġetti rilevanti jingħataw lill-kumpanija tal-ajru għat-trasport barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

Meta jitilqu t-territorju doganali tal-Unjoni mill-Istat Membru tar-residenza tagħhom, il-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar jistgħu minflok il-Pass Ewropew tal-Armi tan-Nar, jagħżlu li jipprovdu dokument ieħor ikkunsidrat validu għal dan l-iskop mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru”.

Id-dritt Slovakk

22

Il-Liġi Nru 190/2003 dwar l-armi tan-nar u l-munizzjon u li temenda ċerti liġijiet, kif kienet fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 190/2003”), ġie adottata mil-leġiżlatur Slovakk bil-għan li tittrasponi d-Direttiva 91/477 fl-ordinament ġuridiku Slovakk.

23

Mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, taħt l-intestatura “Il-liċenzja għall-pussess jew għall-ġarr ta’ arma u l-kategoriji ta’ liċenzji”, l-Artikolu 15(2) tal-imsemmija liġi tiddistingwi bejn diversi kategoriji ta’ liċenzji għall-ġarr ta’ armi skont l-għan tal-użu tal-arma jew tal-munizzjon u skont in-natura tal-awtorizzazzjoni għall-ġarr jew għall-pussess tal-arma kkonċernata. Dawn il-kategoriji huma s-segwenti:

“[...]

a)

A — il-ġarr ta’ armi u ta’ munizzjon sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni personali u materjali,

b)

B — il-pussess ta’ armi u ta’ munizzjon sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni personali u materjali,

c)

C — il-pussess ta’ armi u ta’ munizzjon bil-għan li tiġi eżerċitata attività professjonali jew bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni prevista minn dispożizzjoni speċjali,

d)

D — il-pussess ta’ armi u ta’ munizzjon għal finijiet ta’ kaċċa,

e)

E — il-pussess ta’ armi u ta’ munizzjon għal finijiet sportivi,

f)

F — il-pussess ta’ armi u ta’ munizzjon għal finijiet ta’ kollezzjoni.”

24

L-Artikolu 46 tal-istess liġi, li jirregola l-Pass Ewropew tal-armi tan-nar, jistabbilixxi:

“1.   Il-Pass Ewropew tal-armi tan-nar huwa dokument uffiċjali li jawtorizza lid-detentur tiegħu li jieħu miegħu, meta jivvjaġġa lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, l-arma li tissemma fil-Pass, u l-munizzjon korrispondenti fil-kwantitajiet meħtieġa għall-użu tagħha, meta l-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea li fih imur id-detentur tal-Pass jew li minnu huwa jgħaddi jkun ta l-kunsens tiegħu għall-importazzjoni jew għat-tranżitu ta’ din l-arma. Dispożizzjonijiet vinkolanti ta’ portata ġenerali adottati mill-Ministeru għandhom jiddeterminaw il-mudell tal-Pass Ewropew tal-armi tan-nar u l-elementi li għandhom ikunu inklużi fih.

2.   Id-detentur ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar jista’ jesporta, mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, meta jivvjaġġa minn żewġ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jew iktar, arma fis-sens tal-Artikolu 6(1)(a) u (c), jew arma tan-nar twila li tiġi kkargata awtomatikament u li l-kompartiment għall-iskrataċ u r-rukkell tagħha ma jistgħux jieħdu iktar minn tliet skrataċ, kif ukoll il-munizzjon korrispondenti, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ dritt għall-kaċċa, jew arma fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) sa (f) u tal-Artikolu 6, kif ukoll il-munizzjon korrispondenti, bil-għan li jipparteċipa f’avveniment li jinkludi attività ta’ sparar fuq bersall, jekk din l-arma tissemma fil-Pass Ewropew tal-armi tan-nar u jekk id-detentur tal-Pass jipprovdi prova tal-għan tal-vjaġġ tiegħu. Din id-deroga ma tapplikax għall-vjaġġi lejn Stat Membru li jipprojbixxi l-akkwist u l-pussess tal-arma inkwistjoni jew li jissuġġettaha għal awtorizzazzjoni. F’dan il-każ, għandha ssir dikjarazzjoni espressa f’dan is-sens fuq il-Pass Ewropew tal-armi tan-nar.

3.   Il-Pass Ewropew tal-armi tan-nar jinħareġ mid-dipartimenti tal-pulizija fuq applikazzjoni bil-miktub ta’ persuna fiżika residenti [fis-Slovakkja], li tkun il-proprjetarja ta’ arma fis-sens tal-paragrafu 2 u li tkun id-detentur ta’ liċenzja tal-kategorija D jew E. L-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar għandha ssemmi d-dettalji personali tal-applikant, in-numru u l-kategorija tal-liċenzja għall-pussess jew għall-ġarr ta’ arma; l-applikazzjoni għandu jkollha magħha żewġ ritratti li jkunu konformi mal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 17(2)(a).

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25

Mit-30 ta’ Ġunju 2010, M. Zeman huwa detentur ta’ liċenzja għall-ġarr ta’ armi tal-kategorija A, skont il-leġiżlazzjoni Slovakka li tawtorizzah iġorr arma u munizzjon sabiex jiżgura l-protezzjoni tal-persuna u tal-beni tiegħu fit-territorju Slovakk kollu. Min-naħa l-oħra, huwa ma huwiex detentur ta’ liċenżja għall-ġarr ta’ armi tal-kategorija D jew E li l-ħruġ tagħha jippresupponi li l-armi ikkonċernati jintużaw għall-kaċċa jew għall-isparar fuq bersall.

26

Fit-22 ta’ Novembru 2010, M. Zenan talab il-ħruġ ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar mingħand l-Okresné riaditeľstvo Policajného zboru v Žiline. Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2010.

27

Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Krajské riaditeľstvo Policajného zboru v Žiline, bħala awtorità ta’ appell, għar-raġuni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 46(3) tal-Liġi Nru 190/2003 ma kinux issodisfatti billi tali pass jista’ jinħareġ biss lid-detentur ta’ liċenzja għall-pussess ta’ armi tal-kategorija D jew E li tinħareġ biss għall-finijiet tal-prattika tal-kaċċa u tal-isparar fuq bersall.

28

M. Zeman ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar quddiem il-Krajský súd v Žiline (Qorti Reġjonali ta’ Žilina) billi sostna essenzjalment li r-rifjut li jinħariġlu Pass Ewropew tal-armi tan-nar huwa inkompatibbli mal-għan tad-Direttiva 91/477 u jmur kontra d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-Karta.

29

Dan ir-rikors ġie miċħud bħala infondat għar-raġuni li l-imsemmija direttiva kienet ġiet debitament trasposta fl-ordinament ġuridiku Slovakk. Barra minn hekk, dik il-qorti tal-ewwel istanza kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istess direttiva ma għandhomx effett dirett u li d-dritt iggarantit bl-Artikolu 45(1) tal-Karta ma nkisirx.

30

M. Zeman appella minn din id-deċiżjoni quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) li, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, esprimiet dubji dwar il-kwistjoni jekk id-dritt nazzjonali jistax jirrestrinġi l-ħruġ tal-Pass Ewropew tal-armi tan-nar b’mod li dan il-pass jinħareġ biss lill-kaċċaturi u lid-dilettanti tal-isparar.

31

Skont dik il-qorti, billi l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 91/477 jinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ “Pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar” li ma tistax tiġi emendata bil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, din id-dispożizzjoni tagħti lil kull detentur ta’ liċenzja għall-ġarr ta’ armi drittijiet li jirriżultaw minn din id-direttiva indipendentement mill-kategorija tal-armi kkonċernati.

32

La mill-imsemmija direttiva u lanqas mill-preambolu tagħha ma jirriżulta espliċitament li l-Pass Ewropew tal-armi tan-nar huwa intiż biss għal finijiet tal-prattika tal-kaċċa jew tal-isparar fuq bersall u li r-regoli li jikkonċernaw dan il-pass jirrigwardaw biss dawn iż-żewġ attivitajiet.

33

Ir-rifjut li jingħata Pass Ewropew tal-armi tan-nar lil M. Zenan imur kontra d-dritt għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, stabbilit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta, sa fejn dan id-dritt huwa marbut mill-qrib mad-dritt ta’ kull individwu għall-protezzjoni tal-integrità fiżika u tas-saħħa tiegħu, li huwa jista’, inter alia, jiżgura l-osservanza tiegħu permezz tal-ġarr ta’ arma tan-nar. Għalhekk, id-dritt li wieħed jittrasporta armi tan-nar intiżi għall-protezzjoni personali tal-pussessur tagħhom jirriżulta mil-libertà ta’ moviment. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni ikbar għal-libertà ta’ moviment mid-dispożizzjonijiet iktar stretti previsti mid-Direttiva 91/477 li l-Istati Membri jistgħu jadottaw skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

34

Il-qorti tar-rinviju tispjega li hija konxja mir-riskju tal-użu ħażin tal-armi li tippossjedi persuna li tgawdi l-moviment liberu fit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, hija tikkunsidra li, anki jekk jitqies li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/477 jippermetti deroga mill-Artikolu 1(4) tagħha fis-sens li jista’ jiġi rrifjutat il-ħruġ ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar lil ċerti persuni, tali rifjut għandu jkun konformi mal-Artikolu 52(1) tal-Karta u josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

35

Barra minn hekk, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky tfakkar li l-Pass Ewropew tal-armi tan-nar jagħmilha iktar faċli għad-detentur tiegħu li jikseb awtorizzazzjoni għall-pussess ta’ armi fi Stati Membri oħra, billi dan tal-aħħar ikun jista’ jibbenefika minn proċedura semplifikata li tippermettilu jevita li jħallas spejjeż addizzjonali u jevita ostakoli amministrattivi li jistgħu jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-individwi.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva [91/477], tal-Artikolu 3 tagħha, kif ukoll tal-Artikolu 45(1) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

a)

jipprekludu Stat Membru milli jadotta leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-għoti ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-imsemmija direttiva lid-detentur ta’ permess għall-ġarr ta’ armi (awtorizzazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-pussess ta’ arma) li ngħata għal finijiet differenti mill-kaċċa jew attivitajiet sportivi u li [...] jippermettilu jippossjedi (kif ukoll iġorr) arma tan-nar li għaliha jkun qiegħed jitlob il-Pass inkwistjoni,

u dan minkejja l-fatt li:

b)

il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru (ta’ oriġni) tippermetti lil dan id-detentur, anki fin-nuqqas ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar, li joħroġ tali arma mit-territorju tiegħu lejn territorju ta’ Stat Membru ieħor, sempliċement bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-obbligi fil-qasam ta’ notifika, peress li l-għoti tal-Pass Ewropew tal-armi tan-nar ma jaffettwa bl-ebda mod is-sitwazzjoni ta’ dan id-detentur fil-konfront tal-Istat Membru ta’ oriġni (jiġifieri li jkun biżżejjed li dan id-detentur josserva l-istess obbligi fil-qasam ta’ notifika)?

2)

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, peress li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ma tippermettix li jingħata lil dan il-pussessur Pass Ewropew tal-armi tan-nar, l-Artikolu 1(4) tal-istess direttiva għandu effett dirett fis-sens li, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru għandu jagħti l-Pass inkwistjoni lill-imsemmi detentur?

3)

F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda, l-awtorità kompetenti għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li:

a)

ma tipprojbixxix espliċitament lid-detentur iċċitat iktar ’il fuq milli jikseb Pass Ewropew tal-armi tan-nar, iżda li

b)

tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti tal-Pass Ewropew tal-armi tan-nar unikament fir-rigward tad-detentur ta’ permess għall-ġarr ta’ armi (awtorizzazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-pussess ta’ arma) li jkun ingħata għal finijiet ta’ kaċċa jew sportivi,

sa fejn hu possibbli fis-sens li l-awtorità kompetenti għandha wkoll tagħti l-Pass Ewropew tal-armi tan-nar lid-detentur ta’ permess għall-ġarr ta’ armi li ma jkunx ingħata għal finijiet ta’ kaċċa jew sportivi, sa fejn dan huwa possibbli grazzi għall-effett indirett tad-Direttiva [91/477]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

Osservazzjonijiet preliminari

37

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li M. Zenan huwa detentur ta’ liċenzja għall-ġarr ta’ armi tal-kategorija A, skont il-leġiżlazzjoni Slovakka, li tawtorizzah iġorr arma u munizzjon sabiex jiżgura l-protezzjoni tal-persuna u tal-beni tiegħu fit-territorju Slovakk kollu. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li M. Zenan ma huwiex detentur ta’ liċenzja għall-ġarr ta’ armi tal-kategorija D jew E skont il-Liġi Nru 190/2003 u għalhekk ma huwiex awtorizzat jippossjedi arma għal finijiet tal-prattika tal-kaċċa jew tal-isparar fuq bersall.

38

Fit-tieni lok, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-uniku suġġett tal-kawża prinċipali ma huwiex il-projbizzjoni tat-trasferiment ta’ arma li tappartjeni lil M. Zeman lejn Stat Membru ieħor fl-assenza ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar iżda r-rifjut tal-awtorità kompetenti li toħroġlu tali pass.

39

Fit-tielet lok, għandu jissemma li, taħt l-intestatura “Il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza”, l-Artikolu 45 tal-Karta invokat minn M. Zeman u li għalih tirreferi l-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, jagħti lil “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni [...] d-dritt tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri”. Skont l-iSpjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), id-dritt iggarantit bl-Artikolu 45(1) huwa d-dritt iggarantit bil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE, li għandu jiġi eżerċitat, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE, skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom. Sa fejn id-Direttiva 91/477 tirrigwarda l-moviment liberu tal-possessuri ta’ armi, b’mod partikolari kaċċaturi u dilettanti tal-isparar, hija tikkostitwixxi tali miżura. Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda fid-dawl ta’ din id-direttiva biss.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 91/477 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-ħruġ ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar biss lill-pussessuri ta’ arma għall-finijiet tal-prattika tal-kaċċa jew tal-isparar fuq bersall.

Fuq il-mertu

41

Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espressi fid-Direttiva 91/477, din tal-aħħar għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għanijiet li tfittex li tilħaq u tas-sistema u tal-istruttura ġenerali tagħha sabiex tingħata risposta utli għall-ewwel domanda.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni sar-raba’ premessi tad-Direttiva 91/477, din tal-aħħar ġiet adottata bil-għan li tistabbilixxi s-suq intern u li l-abolizzjoni tal-kontrolli fuq is-sigurtà tal-oġġetti ttrasportati u fuq il-persuni teħtieġ, fost affarijiet oħra, l-approssimazzjoni tal-liġijiet dwar l-armi.

43

F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li l-abolizzjoni tal-kontrolli dwar il-pussess tal-armi fil-fruntieri intra-Komunitarji kienet tirrikjedi li jiġu adottati regoli effettivi li jippermettu li jsiru l-kontrolli fl-Istati Membri dwar l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar u dwar it-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor.

44

Mis-sitt premessa tad-Direttiva 91/477 jirriżulta li din tal-aħħar hija bbażata fuq il-premessa li, bħala prinċipju, għandu jkun ipprojbit li wieħed imur minn Stat Membru għall-ieħor meta jkollu fuqu arma u li derogi minn dan il-prinċipju huma aċċettabbli biss jekk tkun teżisti proċedura li biha l-Istati Membri jiġu nnotifikati li arma tan-nar ser tinġieb fit-territorju tagħhom.

45

Fl-aħħar nett, skont is-seba’ premessa tal-imsemmija direttiva, għandhom madankollu jiġu adottati regoli iktar flessibbli dwar il-kaċċa u l-isparar fuq bersall.

46

Minn dan isegwi li wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 91/477 huwa l-projbizzjoni, bħala prinċipju, tal-moviment transkonfinali fi ħdan l-Unjoni tal-armi tan-nar li ma jkunux intiżi għall-kaċċa jew għall-isparar fuq bersall, bl-eċċezzjoni tal-każijiet li fihom l-Istati Membri kkonċernati jawtorizzaw tali moviment, billi jsegwu l-proċeduri previsti fl-Artikoli 11 u 12(1) tal-imsemmija direttiva.

47

F’din l-istess perspettiva, f’dak li jirrigwarda s-sistema u l-istruttura ġenerali tal-istess direttiva, għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar tabilħaqq tikkostitwixxi miżura ta’ armonizzazzjoni parzjali u minima ta’ ċerti kundizzjonijiet amministrattivi relatati mal-akkwist tal-armi, mal-pussess tagħhom u mal-moviment transkonfinali tagħhom sa fejn l-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/477 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw fil-leġiżlazzjoni tagħhom dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti f’din id-direttiva.

48

Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-istess Artikolu 3 jeskludi espressament li l-eżerċizzju ta’ tali possibbiltà jista’ jillimita d-drittijiet mogħtija lir-residenti tal-Istati Membri mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprovdi preċiżament li, b’deroga mill-proċedura stabbilita mill-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, il-kaċċaturi u d-dilettanti tal-isparar, meta jkunu detenturi ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar, ikunu awtorizzati jivvjaġġaw bl-armi li jissemmew fih mingħajr formalitajiet amministrattivi oħra, bil-kundizzjoni li jkunu f’pożizzjoni li jissostanzjaw ir-raġunijiet għall-vjaġġ tagħhom, b’mod partikolari billi jippreżentaw invit jew prova oħra tal-attivitajiet tagħhom ta’ kaċċa jew ta’ sparar fuq bersall fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

49

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu analizzati n-natura ġuridika tal-Pass Ewropew tal-armi tan-nar u l-portata tal-awtonomija tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-ħruġ tiegħu. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 91/477, il-Pass Ewropew tal-armi tan-nar huwa dokument li jinħareġ, fuq talba, lil persuna li tikseb il-pussess ta’ arma tan-nar b’mod leġittimu u li fuqu tidher l-arma jew l-armi ta’ din il-persuna. Huwa għandu jindika kwalunkwe bidla fil-pussess u fil-karatteristiċi tal-arma tan-nar ikkonċernata kif ukoll it-telf jew is-serq ta’ din l-arma.

50

L-imsemmija dispożizzjoni għalhekk tiddefinixxi l-Pass Ewropew tal-armi tan-nar mingħajr madankollu ma tispeċifika espliċitament il-portata tad-drittijiet mogħtija minn tali pass.

51

Issa għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-imsemmi pass jinħareġ lil persuna li diġà jkollha l-istatus ta’ pussessur leġittimu ta’ arma skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali jagħti x’jifhem li huwa ma jissostitwixxix l-awtorizzazzjoni nazzjonali għall-akkwist u għall-pussess ta’ armi. Fil-fatt, mill-fatt li tali pass jinħareġ biss fuq talba jsegwi li l-pussess leġittimu ta’ armi tan-nar ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-pussessur ikun detentur ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar.

52

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 91/477 jirreferi għall-Anness II tagħha, li jinkludi l-informazzjoni li għandu jkun fih il-Pass Ewropew tal-armi tan-nar. Skont dan l-Anness II, l-imsemmi pass għandu jinkludi b’mod obbligatorju d-dikjarazzjoni “Fil-prinċipju m’hemmx bżonn ta’ l-awtorizzazzjoni minn qabel fuq imsemmija sabiex wieħed jivvjaġġa b’arma tan-nar fil-kategorija Ċ jew D bi ħsieb li jipprattika l-kaċċa jew b’arma tan-nar tal-kategorija B, Ċ jew D sabiex jieħu sehem fi sparar fuq bersalji, sakemm il-vjaġġatur ikollu fil-pussess tiegħu pass [Ewropew] għall-arma tan-nar u jista’ jagħti r-raġuni għall-vjaġġ”. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 1(4) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 12(2) tagħha, ifittex prinċipalment li jiffaċilita l-moviment tal-armi intiżi għal finijiet tal-prattika tal-kaċċa jew tal-isparar fuq bersall.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss lill-kaċċaturi u lid-dilettanti tal-isparar li l-Istati Membri huma obbligati joħorġu Pass Ewropew tal-armi tan-nar billi, fl-assenza tal-ħruġ ta’ tali pass, dawn il-kategoriji ta’ persuni ma jkunux jistgħu jeżerċitaw id-dritt li tagħtihom espliċitament l-imsemmija direttiva.

54

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, bl-unika kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati ma jostakolawx l-imsemmi dritt tal-kaċċaturi u tad-dilettanti tal-isparar, l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva 91/477 u għalhekk ma humiex obbligati joħorġu Pass Ewropew tal-armi tan-nar lil pussessuri oħra ta’ armi.

55

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bl-analiżi ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ atti oħra tad-dritt tal-Unjoni dwar l-armi tan-nar.

56

Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li r-Regolament Nru 258/2012 ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jipprovdi proċeduri semplifikati għall-esportazzjoni temporanja jew għar-riesportazzjoni ta’ armi tan-nar li huma rriżervati għall-kaċċaturi u għad-dilettanti tal-isparar.

57

Bl-istess mod, il-premessa 14 tad-Direttiva 2008/51 kif ukoll it-tieni premessa tar-Rakkomandazzjoni 93/216 jikkonfermaw li l-għan tal-introduzzjoni tal-Pass Ewropew tal-armi tan-nar kien li jippermetti l-moviment liberu tal-kaċċaturi u tad-dilettanti tal-isparar flimkien mal-armi fil-pussess tagħhom minn Stat Membru għal ieħor sa fejn huwa strettament neċessarju sabiex jitwettaq dan il-għan.

58

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-testi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplementaw ftehim internazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bettati, C‑341/95, EU:C:1998:353, punt 20; SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 35; Peek & Cloppenburg, C‑456/06, EU:C:2008:232, punti 29 sa 32, u Donner, C‑5/11, EU:C:2012:370, punt 23).

59

Tali interpretazzjoni ssostni l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 54 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, filwaqt li jimponi fuq l-Istati firmatarji li jimplementaw sistema effikaċi ta’ liċenzji ta’ importazzjoni, ta’ esportazzjoni u ta’ tranżitu internazzjonali tal-armi tan-nar, l-Artikolu 10 tal-Protokoll jawtorizza, fil-paragrafu 6 tiegħu, l-istabbiliment ta’ proċeduri semplifikati għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni temporanji u għat-tranżitu ta’ dawn l-armi biss għal finijiet leġittimi li jistgħu jiġu vverifikati, bħalma huma l-kaċċa, l-isparar fuq bersall, l-istima, l-eżibizzjoni jew it-tiswija.

60

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li d-Direttiva 91/477 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza l-ħruġ ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar biss lill-pussessuri ta’ arma għall-finijiet tal-prattika tal-kaċċa jew tal-isparar fuq bersall.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

61

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni u t-tielet domandi.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1991, dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza l-ħruġ ta’ Pass Ewropew tal-armi tan-nar biss lill-pussessuri ta’ arma għall-finijiet tal-prattika tal-kaċċa jew tal-isparar fuq bersall.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.