SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

“Ipproċessar ta’ data personali — Direttiva 95/46/KE — Artikoli 10 u 11 — Obbligu ta’ informazzjoni — Artikolu 13(1)(d) u (g) — Eċċezzjonijiet — Portata tal-eċċezzjonijiet — Investigaturi privati li jaġixxu għall-organu li jissorvelja professjoni rregolata — Direttiva 2002/58/KE — Artikolu 15(1)”

Fil-Kawża C‑473/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Institut professionnel des agents immobiliers (IPI)

vs

Geoffrey Englebert,

Immo 9 SPRL,

Grégory Francotte,

fil-preżenza ta’:

Union professionnelle nationale des détectives privés de Belgique (UPNDP),

Association professionnelle des inspecteurs et experts d’assurances ASBL (APIEA),

Conseil des ministres,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund (Relatur), A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Institut professionnel des agents immobiliers (IPI), minn Y. Paquay u H. Nyssen, avukati,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn B. Renson, avukat,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn A. Caiola u A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u B. Martenczuk, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(d) u (g) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, l-Institut professionnel des agents immobiliers (IPI) u, min-naħa l-oħra, G. Englebert, Immo 9 SPRL u G. Francotte, dwar allegati ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent ta’ proprjetà immobbli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 95/46

3

Il-premessi 3, 8, 10, 37 u 43 tad-Direttiva 95/46 huma redatti kif ġej:

“3.

Billi bit-twaqqif u t-tħaddim ta’ suq intern li fih, skond l-Artikolu 7a tat-Trattat, hemm il-garanzija tal-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital, jeħtieġ mhux biss li data personali tkun tista’ tgħaddi liberament minn Stat Membru għal ieħor, imma wkoll li jkun hemm il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna.

[...]

8.

Billi, sabiex jitneħħa t-tfixkil għat-tixrid ta’ data personali, il-grad ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna fl-ipproċessar ta’ dik id-data għandu jkun l-istess fl-Istati Membri kollha [...]

[...]

10.

Billi l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità; billi, għal dik ir-raġuni, l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità;

[...]

37.

Billi l-ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet ta’ ġurnaliżmu jew għal għanijiet ta’ espressjoni letterarja jew artistika, partikolarment fil-qasam audio-viżwali, għandu jikkwalifika għal eżenzjoni minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva meta dan ikun meħtieġ biex issir rikonċiljazzjoni bejn id-drittijiet fundamentali ta’ individwi u l-libertà ta’ l-informazzjoni [ta’ espressjoni], [...]

[...]

43.

Billi restrizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ aċċess u informazzjoni u ċerti obbligazzjonijiet tal-kontrollur jistgħu bl-istess mod ikunu imposti minn Stati Membri jekk ikunu meħtieġa biex jipproteġu, per eżempju, is-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika, jew interessi ekonomiċi jew finanzjarji ta’ importanza ta’ Stat Membru jew ta’ l-Unjoni, kif ukoll investigazzjonijiet kriminali u prosekuzzjonijiet u proċeduri dwar ksur [tal-kodiċi] ta’ etika fil-professjonijiet regolati; [...]”

4

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.”

5

L-Artikolu 2(a) u (d) tad-Direttiva 95/46 jipprovdu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’) [...]

[...]

(d)

‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; [...]”

6

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Kapitolu IV u l-Kapitolu V dwar l-ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja jekk dawn ikunu meħtieġa biss biex jirrikonċiljaw id-dritt tal-ħajja parivata mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ l-espressjoni.”Intitolata “Informazzjoni li għandha tingħata lis-suġġett tad-data”, it-Taqsima IV tad-Direttiva 95/46 tinkludi l-Artikoli 10 u 11, li jirregolaw, rispettivament, is-sitwazzjonijiet fejn id-data tkun inkisbet mingħand dan is-suġġett tad-data u dawk fejn id-data ma tkunx inkisbet mingħandu.

7

Intitolata “Informazzjoni li għandha tingħata lis-suġġett tad-data”, it-Taqsima IV tad-Direttiva 95/46 tinkludi l-Artikoli 10 u 11, li jirregolaw, rispettivament, is-sitwazzjonijiet fejn id-data tkun inkisbet mingħand dan is-suġġett tad-data u dawk fejn id-data ma tkunx inkisbet mingħandu.

8

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data li mingħandu tinġabar id-data dwaru nnifsu, għall-inqas bl-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diga jaf biha:

(a)

l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

(b)

l-għanijiet ta’ l-ipproċessar li għalih id-data tkun maħsuba;

(c)

informazzjoni oħra bħal:

ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-data,

jekk tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunux obbligatorji jew voluntarji, kif ukoll dwar x’aktarx ikunu l-konsegwenzi fin-nuqqas ta’ tweġiba,

l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru

sakemm din l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.”

9

L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprovdi li, meta d-data ma tkunx inkisbet mingħand is-suġġett tad-data, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom, fil-mument li tiġi rreġistrata d-data jew, jekk tkun prevista l-komunikazzjoni ta’ data lil terz, sa mhux iktar tard mill-ewwel komunikazzjoni tad-data, jipprovdu lis-suġġett tad-data minn tal-inqas l-informazzjoni msemmija f’dan l-artikolu, sakemm is-suġġett tad-data ma jkollux diġà din l-informazzjoni.

10

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Eżenzjonijiet u restrizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

(a)

sigurtà nazzjonali;

(b)

difiża;

([c])

sigurtà pubblika;

(d)

prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur [tal-kodiċi] ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

(e)

interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-estimi;

(f)

monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’ ([c]), (d) u (e);

(g)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

Id-Direttiva 2002/58/KE

11

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), tipprovdi, fl-Artikolu 15(1) tagħha:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. [...]”

Id-dritt Belġjan

12

Il-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 1992 dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (Moniteur belge tat-18 ta’ Marzu 1993, p. 5801), ġiet emendata bil-Liġi tal-11 ta’ Diċembru 1998 li tittrasponi d-Direttiva 95/46/KE (Moniteur belge tat-3 ta’ Frar 1999, p. 3049, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1992”). L-Artikolu 9 tal-Liġi tal-1992, li l-paragrafi 1 u 2 tiegħu jikkorrispondu rispettivament għall-Artikoli 10 u 11 ta’ din id-direttiva, jistabbilixxi obbligu ta’ informazzjoni tas-suġġett tad-data.

13

L-Artikolu 3(3) sa (7) tal-Liġi tal-1992 jipprevedi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal dan l-obbligu ta’ informazzjoni b’mod partikolari meta l-ipproċessar ta’ data personali jitwettaq biss għal finijiet ta’ ġurnaliżmu jew ta’ espressjoni letterarja jew artistika u meta l-ipproċessar ikun ġestit mis-Sûreté de l’État (is-servizz ċivili Belġjan responsabbli għas-sigurtà tal-Istat), mis-Service général du renseignement et de la sécurité des forces armée (is-servizz ġenerali Belġjan għall-ġbir ta’ informazzjoni u għas-sigurtà li jagħmel parti mill-forzi armati), mill-awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom taż-żamma tal-ordni ġudizzjarja, mis-servizzi tal-pulizija fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom taż-żamma tal-ordni amministrattiva u mis-Centre européen pour les enfants disparus et sexuellement exploités (ċentru Ewropew għal tfal irrapportati nieqsa u għal tfal abbużati sesswalment).

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

L-IPI, imwaqqaf permezz ta’ Digriet Irjali tas-17 ta’ Frar 1995, għandu l-funzjoni, b’mod partikolari, li jissorvelja l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-professjoni ta’ aġent ta’ proprjetà immobbli u l-eżerċizzju tajjeb ta’ din il-professjoni. Għal dan il-għan, l-IPI jista’ jieħu passi legali billi jiddenunzja quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarja kull ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli. L-IPI huwa awtorizzat juża s-servizzi ta’ investigaturi privati sabiex iwettaq il-funzjoni tiegħu.

15

Fil-kuntest tal-attività tiegħu, l-IPI talab lit-Tribunal de commerce de Charleroi (Tribunal tal-kummerċ ta’ Charleroi) jikkonstata li G. Enlebert, Immo 9 SPRL u G. Francotte kienu wettqu atti li jmorru kontra din il-leġiżlazzjoni u jordna lil G. Enlebert u lil G. Francotte sabiex iwaqqfu diversi attivitajiet relatati mas-settur tal-proprjetà immobbli. L-IPI bbaża l-kawża tiegħu fuq fatti miġbura minn investigaturi privati mqabbda minnu.

16

It-Tribunal de commerce de Charleroi kellu dubju dwar il-valur li kellu jingħata lill-provi prodotti minn dawn l-investigaturi fid-dawl tal-possibbiltà li dawn il-provi setgħu nkisbu mingħajr ma ġew osservati r-rekwiżiti fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u, għaldaqstant, bi ksur tal-Liġi tal-1992. Dan it-tribunal indika li, skont l-IPI, l-applikazzjoni ta’ din il-liġi li teżiġi li s-suġġett tad-data jiġi informat minn qabel bl-investigazzjoni mill-investigaturi privati jew, meta d-data tinkiseb mingħand terz, hekk kif tiġi rreġistrata d-data inkwistjoni, tagħmel impossibbli l-attività ta’ investigatur privat. It-tribunal imsemmi kellu dubju jekk, fin-nuqqas li jiġu estiżi għall-investigaturi privati l-eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu ta’ informazzjoni li jibbenefikaw minnhom kategoriji professjonali oħra jew organi ta’ interess pubbliku, l-Artikolu 3(3) sa (7) tal-Liġi tal-1992 joħloqx inugwaljanza fit-trattament kuntrarja għall-Kostituzzjoni. Huwa għaldaqstant iddeċieda li jressaq din il-kwistjoni quddiem il-Cour constitutionnelle.

17

Din tal-aħħar tqis li huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-Liġi tal-1992, sa fejn ma tipprevedix eċċezzjonijiet għall-investigaturi privati paragunabbli għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1)(d) u (g) tad-Direttiva 95/46, ittrasponietx korrettament din id-dispożizzjoni. Hija tesponi li l-Artikolu 3(3) sa (7) tal-Liġi tal-1992 toħloq differenza fit-trattament bejn, minn naħa, il-persuni li jeżerċitaw attività ġurnalistika, artistika jew letterarja, is-servizzi kompetenti fil-qasam tas-sigurtà u taż-żamma tal-ordni u ċ-ċentru Ewropew għal tfal irrapportati nieqsa u għal tfal abbużati sesswalment u, min-naħa l-oħra, il-persuni li jeżerċitaw il-professjoni ta’ investigatur privat, fis-sens li huma biss dawk imsemmija l-ewwel li huma eżentati mill-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 9 tal-Liġi tal-1992.

18

Skont il-qorti tar-rinviju, din l-eżenzjoni hija dovuta għan-natura tal-attivitajiet eżerċitati, li jikkonċernaw l-informazzjoni tal-pubbliku jew il-ħajja kulturali, iż-żamma tas-sigurtà u tal-ordni pubblika u d-difiża ta’ drittijiet fundamentali li huma l-iktar dgħajfa.

19

Skont il-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni tal-investigaturi hija differenti. Hija tosserva li, għalkemm il-professjoni tagħhom hija rregolata minn Liġi tal-1991 li tiddetermina l-limiti ta’ din il-professjoni u tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni għal awtorizzazzjoni mill-Ministru tal-Intern, l-attività tagħhom ma hijiex marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali u interessi ġenerali iżda ġeneralment tikkonċerna l-ħarsien ta’ interessi privati.

20

Il-Cour constitutionnelle tosserva li, għalkemm l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 jidher li jagħti ċerta libertà lill-Istati Membri dwar jekk jadottawx jew le l-eċċezzjonijiet inkwistjoni, xorta waħda hemm dubju fid-dawl tal-armonizzazzjoni, fil-prinċipju kompleta, introdotta permezz ta’ din id-direttiva.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Cour constitutionnelle iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 13(1)(g), in fine, tad-Direttiva [95/46] għandu jiġi interpretat fis-sens li jħalli lill-Istati Membri fil-libertà li jipprovdu jew le eċċezzjoni għall-obbligu ta’ informazzjoni immedjata previst fl-Artikolu 11(1), jekk din tkun neċessarja fid-dawl tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħadd ieħor jew l-Istati Membri f’dan il-qasam huma suġġetti għal restrizzjonijiet?

2)

L-attivitajiet professjonali ta’ investigaturi privati, irregolati mid-dritt intern u eżerċitati għas-servizz ta’ awtoritajiet inkarigati li jirraportaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji kull ksur tad-dispożizzjonijiet li jipproteġu titolu professjonali u li jorganizzaw professjoni, jaqgħu, skont iċ-ċirkustanzi, taħt l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1)(d) u (g), in fine, tad-[Direttiva 95/46]?

3)

F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 13(1)(d) u (g), in fine, tad-[Direttiva 95/46], huwa kompatibbli mal-Artikolu 6(3) [TUE], iktar preċiżament mal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjoni preliminari

22

Fil-kuntest tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal obbligu immedjat li jiġi informat is-suġġett tad-data, obbligu li skontha huwa previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46.

23

Madankollu, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni, li tikkonċerna d-data li ma tkunx inkisbet mingħand is-suġġett tad-data, ma tipprevedix l-informazzjoni tas-suġġett tad-data fil-mument li tinkiseb id-data iżda fi stadju ulterjuri. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46, li jikkonċerna l-kisba ta’ data mingħand is-suġġett tad-data, jipprevedi l-informazzjoni ta’ dan is-suġġett tad-data fil-mument li tinkiseb id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer, C-553/07, Ġabra p. I-3889, punt 68). Għalhekk, in-natura immedjata tal-informazzjoni tas-suġġett tad-data ma tirriżultax mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46, kif imsemmi mill-qorti tar-rinviju, iżda minn dan l-Artikolu 10.

24

Fir-rigward tal-investigazzjonijiet imwettqa minn investigatur privat, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan jista’ jkun meħtieġ jiġbor data jew direttament mingħand is-suġġett tad-data jew indirettament, b’mod partikolari mingħand terzi. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li kemm l-Artikolu 10 kif ukoll l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 95/46 jistgħu jkunu, skont iċ-ċirkustanzi, rilevanti għal tali investigazzjonijiet.

Fuq l-ewwel żewġ domandi

25

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jew inkella fis-sens li għandhom l-obbligu li jittrasponu fid-dritt nazzjonali tagħhom l-eċċezzjonijiet previsti mill-artikolu msemmi għall-obbligu li s-suġġett tad-data jiġi informat dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħu u, min-naħa l-oħra, jekk l-attività ta’ investigatur privat li jaġixxi għal organu professjonali sabiex jinvestiga ksur tal-kodiċi tal-etika ta’ professjoni rregolata, f’dan il-każ dik ta’ aġent ta’ proprjetà immobbli, taqax taħt l-Artikolu 13(1)(d) jew (g) tad-direttiva msemmija.

26

Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li data, bħal dik li, skont il-qorti tar-rinviju, tinkiseb mill-investigaturi privati fil-kawża prinċipali, hija marbuta ma’ persuni li jaġixxu bħala aġenti ta’ proprjetà immobbli u tikkonċerna persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli. Għaldaqstant, din id-data tikkostitwixxi data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46. Il-ġbir, iż-żamma u t-trażmissjoni tagħha minn organu rregolat, bħalma huwa l-IPI, jew mill-investigaturi privati li jaġixxu f’ismu għandhom, għaldaqstant, in-natura ta’ “ipproċessar ta’ data personali”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber, C-524/06, Ġabra p. I-9705, punt 43).

27

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 l-Istati Membri għandhomx il-possibbiltà jew humiex obbligati jipprevedu waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet elenkati f’dan l-artikolu għall-obbligu li s-suġġett tad-data jiġi informat dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħu.

28

Mill-premessi 3, 8 u 10 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jiffaċilita l-moviment liberu ta’ data personali billi jqarreb il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri filwaqt li jipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-persuni, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata, u filwaqt li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni fl-Unjoni. L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għalhekk jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (sentenzi Huber, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2011, ASNEF u FECEMD, C-468/10 u C-469/10, Ġabra p. I-12181, punt 25).

29

Għal dan il-għan, id-Direttiva 95/46 tinkludi, fl-Artikoli 10 u 11 tagħha, obbligi li s-suġġett tad-data jiġi informat bl-ipproċessar tad-data personali tiegħu filwaqt li tipprevedi, fl-Artikolu 13(1) tagħha, li l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri leġiżlattivi sabiex jillimitaw il-portata ta’ dawn l-obbligi meta tali miżura tkun neċessarja għall-finijiet elenkati fil-punti (a) sa (g) ta’ dan l-Artikolu 13(1).

30

F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fid-dawl tal-għan ta’ armonizzazzjoni segwit mil-leġiżlatur, kif espress fil-premessa 8 ta’ din id-direttiva, sabiex jagħmel ekwivalenti, fl-Istati Membri kollha, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

31

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, diġà ddeċidiet li d-Direttiva 95/46 twassal għal armonizzazzjoni li, fil-prinċipju, hija kompleta (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C-101/01, Ġabra p. I-12971, punti 95 u 96, kif ukoll Huber, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 51). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 huma neċessarjament relattivament ġenerali peress li din id-direttiva għandha tapplika għal numru kbir ta’ sitwazzjonijiet differenti ħafna, u kkunsidrat li din id-direttiva tinkludi regoli kkaratterizzati minn ċerta flessibbiltà li, f’diversi każijiet, iħallu lill-Istati Membri l-kompitu li jistabbilixxu d-dettalji jew li jagħżlu minn fost diversi possibbiltajiet (sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

32

Fir-rigward tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, mill-formulazzjoni tiegħu, u b’mod partikolari mill-użu tal-kliem “[l-Is]tati Membri jistgħu”, jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-Istati Membri jipprevedu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, eċċezzjonijiet għall-finijiet elenkati fil-punti (a) sa (g) ta’ dan l-Artikolu 13(1), iżda li, għall-kuntrarju, il-leġiżlatur xtaq iħallilhom il-possibbiltà li jiddeċiedu jekk, u jekk ikun il-każ għal liema finijiet, xtaqux jieħdu miżuri leġiżlattivi sabiex jillimitaw b’mod partikolari l-portata tal-obbligi ta’ informazzjoni tas-suġġett tad-data. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1) jirriżulta wkoll li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu tali miżuri biss meta jkunu meħtieġa. In-natura “meħtieġa” tal-miżuri tikkundizzjona għalhekk il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri mill-imsemmi Artikolu 13(1) u b’ebda mod ma tfisser li dawn tal-aħħar huma obbligati jadottaw l-eċċezzjonijiet inkwistjoni fil-każijiet kollha fejn tkun issodisfatta din il-kundizzjoni.

33

Din l-interpretazzjoni, l-ewwel nett, hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-premessa 43 tad-Direttiva 95/46, li tipprovdi li restrizzjonijiet għad-drittijiet ta’ informazzjoni “jistgħu [...] ikunu imposti minn Stati Membri jekk ikunu meħtieġa biex jipproteġu” l-għanijiet imsemmija. It-tieni nett, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata minn paragun bejn, minn naħa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9 u l-premessa 37 ta’ din id-direttiva li, min-naħa tagħhom, jimponu b’mod ċar l-obbligu fuq l-Istati Memru li jipprevedu, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mwettaq għall-finijiet biss ta’ ġurnaliżmu jew ta’ espressjoni artistika jew letterarja, eżenzjonijiet u derogi sa fejn dawn ikunu neċessarji sabiex id-dritt għall-ħajja privata jiġi rrikonċiljat mar-regoli dwar il-libertà ta’ espressjoni.

34

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-analiżi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C-275/06, Ġabra p. I-271), tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-ħajja privata u l-komunikazzjonijiet elettroniċi, li huwa fformulat f’termini li jixbhu dawk tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 u li, barra minn hekk, jirreferu espressament għal dawn tal-aħħar.

35

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, ikkonstatat li l-imsemmi Artikolu 15(1) joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu eċċezzjonijiet għall-obbligu fil-prinċipju li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tad-data personali (sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

36

Fir-rigward ta’ waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tieni lok, iddeċidiet li l-imsemmi Artikolu 15(1) ma jistax, madankollu, jiġi interpretat fis-sens li jobbliga, fis-sitwazzjonijiet elenkati fih, lill-Istati Membri sabiex jipprevedu obbligu ta’ żvelar (sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 53).

37

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet elenkati fih, mingħajr ma dawn l-Istati ma huma b’xi mod obbligati jagħmlu dan.

38

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-attività ta’ investigatur privat li jaġixxi għal organu rregolat, bħalma huwa l-IPI, taqax taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1)(d) jew (g) tad-Direttiva 95/46.

39

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata jeżiġi li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet ta’ dawn id-derogi għandhom jitwettqu fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C-73/07, Ġabra p I-9831, punt 56, kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C-92/09 u C-93/09, Ġabra p. I-11063, punti 77 u 86).

40

Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(d) u (g) tad-Direttiva 95/46, dawn jirreferu, b’mod partikolari, l-ewwel waħda, għal sitwazzjoni ddefinita b’mod konkret, jiġifieri l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ ksur tal-kodiċi ta’ etika fil-każ ta’ professjonijiet irregolati, u, it-tieni waħda, għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, drittjiet u libertajiet li, għall-kuntrarju, ma humiex ippreċiżati.

41

Għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tad-direttiva msemmija u għandu jiġi vverifikat jekk tapplikax għall-attività ta’ investigatur privat li jaġixxi f’isem organu bħalma huwa l-IPI.

42

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-professjoni ta’ aġent ta’ proprjetà immobbli hija professjoni rregolata fil-Belġju u li l-IPI huwa organu professjonali responsabbli sabiex jissorvelja l-osservanza tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni billi jinvestiga u jiddenunzja ksur għal din il-leġiżlazzjoni.

43

Għandu jiġi kkonstatat li l-attività ta’ organu bħall-IPI tikkorrispondi għas-sitwazzjoni koperta mill-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 95/46 u li għalhekk hija ta’ natura tali li tista’ taqa’ taħt din l-eċċezzjoni.

44

Peress li d-Direttiva 95/46 ma tippreċiżax il-modalitajiet tal-investigazzjoni u tas-sejbien ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li din id-direttiva ma tipprekludix lil tali organu professjonali milli juża, sabiex iwettaq il-funzjoni tiegħu, investigaturi speċjalizzati, bħall-investigaturi privati mqabbda sabiex iwettqu din l-investigazzjoni u dan is-sejbien.

45

Minn dan jirriżulta li, jekk Stat Membru jkun għażel li jittrasponi l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 13(1)(d), f’dan il-każ l-organu professjonali kkonċernat u l-investigaturi privati li jaġixxu għalih jistgħu jinvokawha u ma jkunux suġġetti għall-obbligu ta’ informazzjoni tas-suġġett tad-data previst fl-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46.

46

Għall-kuntrarju, jekk l-Istat Membru ma jkunx ippreveda din l-eċċezzjoni, is-suġġetti tad-data għandhom jiġu informati dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom skont il-modalitajiet, b’mod partikolari fir-rigward tat-terminu, previsti fl-imsemmija Artikoli 10 u 11.

47

Skont l-IPI, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għall-obbligu ta’ informazzjoni, għalih stess u għall-investigaturi privati li jaġixxu f’ismu, hija indispensabbli għat-twettiq tal-funzjoni tiegħu. Jekk ikunu meħtieġa jiżvelaw l-identità tagħhom u r-raġunijiet tal-investigazzjonijiet tagħhom saħansitra qabel ma jintervistaw lill-persuni li jkunu qegħdin jinvestigaw, ikun impossibbli għall-investigaturi privati li jeżerċitaw b’mod effikaċi l-attività tagħhom f’isem l-IPI. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna wkoll li f’tali każ l-investigazzjonijiet inkwistjoni ma jkollhom ebda ċans li jirnexxu.

48

Kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, huma madankollu l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu jekk fil-fehma tagħhom ikunx meħtieġ li jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 95/46 favur organi professjonali bħalma huwa l-IPI li jaġixxu direttament permezz ta’ jew bl-għajnuna ta’ investigaturi privati. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li dawn l-organi professjonali u l-investigaturi privati li jaġixxu f’isimhom għandhom mezzi suffiċjenti, minkejja l-applikazzjoni tal-Artikoli 10 u 11 ta’ din id-direttiva, sabiex ikunu jistgħu jiskopru l-ksur tal-kodiċi tal-etika inkwistjoni b’tali mod li ma jkunx neċessarju li tiġi ttrasposta din l-eċċezzjoni sabiex dawn l-organi jkunu jistgħu jwettqu l-funzjoni tagħhom li jissorveljaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni.

49

Fir-rigward tal-portata tal-eċċezzjoni msemmija, għandu jiġi ppreċiżat ukoll il-kunċett ta’ “ksur [tal-kodiċi] ta’ etika”. Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja joħroġ li hemm fehmiet differenti dwar dan il-punt. Skont il-Gvern Belġjan, u għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-IPI, il-ksur inkwistjoni jikkonċerna biss l-aġir ta’ aġenti ta’ proprjetà immobbli li jkunu debitament approvati fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom u ma jkoprix l-aġir ta’ persuni li, mingħajr ma jkunu approvati, jippreżentaw ruħhom bħala aġenti ta’ proprjetà immobbli.

50

F’dan id-dawl, għandu jiġi kkonstatat li r-regoli dwar l-aċċess għal professjoni rregolata jagħmlu parti mir-regoli dwar l-etika professjonali. Minn dan jirriżulta li l-investigazzjonijiet dwar l-atti ta’ persuni li jiksru dawn ir-regoli billi jippreżentaw ruħhom bħala aġenti ta’ proprjetà immobbli huma koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 95/46.

51

Minn dan isegwi li, skont din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li organu professjonali rregolat, bħalma huwa l-IPI, jista’, huwa stess jew bl-għajnuna ta’ investigaturi privati, jinvestiga dan l-eventwali ksur tar-regoli dwar l-etika professjonali, inkluż ksur li jirriżulta minn atti ta’ persuni li ma jkunux osservaw ir-regoli dwar l-aċċess għall-professjoni, u dan filwaqt li jkun kopert mill-eċċezzjoni msemmija.

52

Fid-dawl tal-portata ta’ din l-eċċezzjoni, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-attività ta’ investigatur privat li jaġixxi għal organu professjonali bħalma huwa l-IPI taqax ukoll taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 95/46.

53

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li:

l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà u mhux l-obbligu li jittrasponu fid-dritt nazzjonali tagħhom waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet previsti minnu għall-obbligu li s-suġġetti tad-data jiġu informati dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom;

l-attività ta’ investigatur privat li jaġixxi għal organu professjonali sabiex jinvestiga ksur tal-kodiċi tal-etika ta’ professjoni rregolata, f’dan il-każ dik ta’ aġent ta’ proprjetà immobbli, taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 95/46.

Fuq it-tielet domanda

54

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel żewġ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà u mhux l-obbligu li jittrasponu fid-dritt nazzjonali tagħhom waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet previsti minn dan l-artikolu għall-obbligu li s-suġġetti tad-data jiġu informati dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

 

L-attività ta’ investigatur privat li jaġixxi għal organu professjonali sabiex jinvestiga ksur tal-kodiċi tal-etika ta’ professjoni rregolata, f’dan il-każ dik ta’ aġent ta’ proprjetà immobbli, taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 95/46.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.