SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
13 ta’ Frar 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 2001/29/KE — Soċjetà tal-informazzjoni — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati — Artikolu 3(1) — Avviż lill-pubbliku — Kunċett — Link tal-internet (’links li tikklikkja fuqhom’) li jagħtu aċċess għal xogħlijiet protetti”
Fil-Kawża C‑466/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Svea hovrätt (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura
Nils Svensson,
Sten Sjögren,
Madelaine Sahlman,
Pia Gadd
vs
Retriever Sverige AB,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan, J. Malenovský (Relatur), A. Prechal u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal N. Svensson, S. Sjögren u M. Sahlman, minn O. Wilöf, förbundsjurist, |
— |
għal P. Gadd, minn R. Gómez Cabaleiro, avukat, u M. Wadsted, avukat, |
— |
għal Retriever Sverige AB, minn J. Åberg, M. Bruder, u C. Rockström, avukati, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, F.‑X. Bréchot u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn N. Saunders, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u J. Enegren, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn N. Svensson, S. Sjögren, M. Sahlman, P. Gadd u Retriever Sverige AB (iktar ’il quddiem “Retriever Sverige”) dwar kumpens allegatament dovut lilhom bħala kumpens għad-dannu li huma jqisu li ġarrbu minħabba l-inklużjoni fuq is-sit internet ta’ din il-kumpannija ta’ links internet li tikklikkja fuqhom (“hyperlinks”) li jirrinvijaw għal artikli tal-istampa li r-rikorrenti huma t-titulari tad-dritt tal-awtur. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Internazzjonali
It-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur
3 |
L-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur”). Dan it-trattat ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208). |
4 |
It-Trattat WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur jipprovdi fl-Artikolu 1(4) tiegħu li l-partijiet kontraenti għandhom jikkonformaw ruħhom mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi, iffirmata f’Berne fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”). |
Il-Konvenzjoni ta’ Bern
5 |
L-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Berne, intitolat “Arranġamenti speċjali bejn pajjiżi tal-Unjoni”, jipprovdi li: “Il-Gvernijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni jirriżervaw id-dritt li jagħmlu arranġamenti speċjali bejniethom, sakemm dawn l-arranġamenti jikkonferixxu lill-awturi drittijiet iktar estensivi minn dawk mogħtija mill-Konvenzjoni, jew li jinkludu dispożizzjonijiet oħrajn li ma jkunux kuntrarji għal din il-Konvenzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ arranġamenti eżistenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet iċċitati iktar’il fuq jibqgħu applikabbli.” |
Id-dritt tal-Unjoni
6 |
Il-premessi 1, 4, 6, 7, 9 u 19 tad-Direttiva 2001/20 jistabbilixxu:
[...]
[...]
[…]
|
7 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom . [...] 3. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huma kollha ġurnalisti, kitbu artikli tal-istampa li ġew ippubblikati, minn naħa, fil-gazzetta Göteborgs-Posten u, min-naħa l-oħra, fuq is-sit internet tal-Göteborgs-Posten. Retriever Sverige jopera sit internet li jipprovdi lill-klijenti tiegħu, skont il-bżonnijiet tagħhom, b’listi ta’ links internet li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal artikli ppubblikati minn sit internet oħrajn. Huwa paċifiku, bejn il-partijiet, li dawn l-artikli kienu liberament aċċessibbli fuq is-sit tal-gazzetta Göteborgs-Posten. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jekk il-klijent jikklikkja fuq wieħed minn dawn il-links, ma jidhirlux b’mod ċar li huwa ġie dirett għal sit ieħor sabiex jaċċedi x-xogħol li jinteressah. Min-naħa l-oħra, skont Retriever Sverige, huwa ċar għall-klijent li, meta huwa jikklikkja fuq wieħed minn dawn il-links, huwa rrinvijat lejn sit ieħor. |
9 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħarrku Retriever Sverige quddiem l-iStockholms tingsrätt (Tribunal lokali ta’ Stockholm) sabiex jiksbu kumpens peress li din il-kumpannija użat, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, ċerti artikli tagħhom, billi qegħdithom għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha. |
10 |
Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2010, l-iStockholms tingsrätt ċaħad it-talba tagħhom. Għalhekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw dan is-sentenza quddiem l-iSvea hovrätt (Qorti tal-Appell ta’ Svea). |
11 |
Quddiem din il-qorti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew, b’mod partikolari, li Retriever Sverige kisret id-dritt esklużiv tagħhom billi qegħdet dawn ix-xogħlijiet rispettivi tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fis-sens li, bis-saħħa tas-servizzi offruti mis-sit internet tagħha, il-klijenti tagħhom kellhom aċċess għax-xogħlijiet tagħhom. |
12 |
Retriever Sverige ssostni, għad-difiża tagħha, li l-provvista ta’ lista ta’ links internet lejn xogħlijiet ikkomunikati lill-pubbliku fuq siti internet oħrajn ma tikkostitwixxix att li jista’ jaffettwa d-dritt tal-awtur. Retriever Sverige ssostni wkoll li ma wettqet ebda trażmissjoni ta’ kwalunkwe xogħol protett, billi l-azzjoni tagħha hija limitata li tindika lill-klijenti tagħha s-siti internet li fuqhom jinstabu x-xogħlijiet li jinteressawhom. |
13 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSvea hovrätt iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel tliet domandi
14 |
Permezz tal-ewwel tliet domandi li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/20 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, kif previst f’din id-dispożizzjoni, il-provvista, fuq sit internet, ta’ links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet protetti disponibbli fuq sit internet ieħor, peress li, fuq dan is-sit l-ieħor, ix-xogħlijiet ikkonċernati huma liberament aċċessibbli. |
15 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li kull att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku għandu jiġi awtorizzat mit-titulari tad-dritt tal-awtur. |
16 |
Għaldaqstant, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan ix-xogħol lil “pubbliku” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, punti 21 u 23). |
17 |
Rigward l-ewwel wieħed minn dawn l-elementi, jiġifieri l-eżistenza ta’ “att ta’ komunikazzjoni”, dan għandu jinftiehem b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C-403/08 u C-429/08, Ġabra p. I-9083, punt 193), u dan, sabiex jiġi ggarantit, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 4 u 9 tad-Direttiva 2001/20, livell għoli ta’ protezzjoni għat-titulari ta’ dritt tal-awtur. |
18 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li jiġu pprovduti, fuq sit internet, links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet protetti ppubblikati mingħajr ebda restrizzjoni fuq sit ieħor, joffri lill-utenti tal-ewwel sit aċċess dirett għall-imsemmija xogħlijiet. |
19 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29 sabiex ikun hemm “att ta’ komunikazzjoni”, huwa biżżejjed, b’mod partikolari, li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’tali mod li l-persuni li jikkostitwixxu dan il-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalih, irrispettivament jekk jutiliżawx din il-possibbiltà jew le (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C-306/05, Ġabra p. I-11519, punt 43). |
20 |
Minn dawn isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-fatt li jiġu pprovduti links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet protetti għandu jiġi kkwalifikat bħala li “[iqiegħed għad-dispożizzjoni]” u, konsegwentement, bħala “att ta’ komunikazzjoni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
21 |
Għal dak li jikkonċerna t-tieni element mill-elementi msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri li x-xogħol protett għandu jiġi effettivament ikkomunikat lill-“pubbliku”, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li, din id-dispożizzjoni tirreferi għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (sentenza ITV Broadcasting, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u, f’dan is-sens, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38). |
22 |
Att ta’ komunikazzjoni, bħal dak imwettaq mill-amministratur ta’ sit internet permezz ta’ links li tikklikkja fuqhom, huwa dirett għall-utenti potenzjali kollha tas-sit amministrat minn din il-persuna, jiġifieri numru indeterminat u numru pjuttost kbir ta’ destinatarji. |
23 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitqies li l-imsemmi amminstratur iwettaq komunikazzjoni lil pubbliku. |
24 |
Dan premess, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ li komunikazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna l-istess xogħlijiet tal-komunikazzjoni inizjali u li twettqet, bħall-komunikazzjoni inizjali, fuq l-internet, u għaldaqstant permezz tal-istess mezzi tekniċi, għandha tiġi indirizzat lil pubbliku ġdid, jiġifieri lil pubbliku li t-titulari tad-dritt tal-awtur ma ħadux inkunsiderazzjoni, meta huwa awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali lill-pubbliku (ara, b’analoġija, is-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41; id-digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, Organismos Sillogikis Diacheirisis Dimiourgon Theatrikon kai Optikoakoustikon Ergon, C‑136/09, punt 38, kif ukoll is-sentenza ITV Broadcasting et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). |
25 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-tqiegħed għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet ikkonċernati permezz ta’ link li tikklikkja fuqu, bħal dak fil-kawża prinċipali, ma jwassalx sabiex ix-xogħlijiet inkwistjoni jiġu kkomunikati lil pubbliku ġdid. |
26 |
Fil-fatt, il-pubbliku mmirat mill-komunikazzjoni inizjali kien il-viżitaturi potenzjali tas-sit ikkonċernat, peress li, il-fatt li jafu li l-aċċess għax-xogħlijiet fuq dan is-sit ma kienx suġġett għal miżura restrittiva, l-utenti tal-internet kollha jista’ għaldaqstant ikollhom aċċess liberu. |
27 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, fejn l-utenti kollha ta’ sit ieħor li lilhom ix-xogħlijiet inkwistjoni ġew ikkomunikati permezz ta’ link li tikklikkja fuqu setgħu jaċċedu dawn ix-xogħlijiet direttament fuq is-sit li fuqu dawn tal-aħħar ġew ikkomunikati inizjalment, mingħajr intervent mill-amministratur ta’ dan is-sit l-ieħor, l-utenti tas-sit amministrat minn dan tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala destinatarji potenzjali tal-komunikazzjoni inizjali u għaldaqstant bħala li jifformaw parti mill-pubbliku meħud inkunsiderazzjoni mit-titulari tad-dritt tal-awtur meta dawn l-aħħar awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali. |
28 |
Għaldaqstant, peress li ma hemmx pubbliku ġdid, l-awtorizzazzjoni tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur ma hijiex neċessarja għal komunikazzjoni lill-pubbliku bħal dik tal-kawża prinċipali. |
29 |
Tali konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonstata barra minn hekk fil-kawża prinċipali, għalkemm ma jirriżultax b’mod ċar mill-proċess, li, meta l-utenti tal-internet jikklikkjaw fuq il-link inkwistjoni, ix-xogħol jidher li jagħti l-impressjoni li qed jidher fuq is-sit li fuqu jinstab dan il-link, mentri fir-realtà dan ix-xogħol jipprovjeni minn sit ieħor. |
30 |
Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza addizzjonali ma temenda b’ebda mod il-konklużjoni li tipprovdi li l-provvista fuq sit ta’ link li tikklikkja fuqu li jwassal għal xogħol protett u liberament aċċessibbli fuq sit ieħor għandha l-effett li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-ewwel sit l-imsemmi xogħol u tikkostitwixxi, għaldaqstant, komunikazzjoni lill-pubbliku. Madankollu, peress li ma hemmx pubbliku ġdid, fi kwalunkwe każ l-awtorizzazzjoni tat-titulari tad-drittijiet tal-awtur ma jeħtieġx tali komunikazzjoni lill-pubbliku. |
31 |
Min-naħa l-oħra, fil-każ li link li tikklikkja fuqu jippermetti lill-utenti tas-sit li fuqu dan il-link jidher li jevita miżuri ta’ restrizzjoni implementati mis-sit li fuqu jinsab ix-xogħol protett sabiex jirrestrinġi l-aċċess mill-pubbliku għall-dawk l-abbonati biss u, għalhekk, jikkostitwixxi intervent li mingħajru l-imsemmija utenti ma jistgħux jibbenefikaw minn xogħlijiet trażmessi, dawn l-utenti kollha għandhom jitqiesu bħala pubbliku ġdid, li ma ttieħidx inkunsiderazzjoni mit-titulari tad-dritt tal-awtur meta huma awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali b’tali mod li l-awtorizzazzjoni tat-titulari hija meħtieġa għall tali komunikazzjoni lill-pubbliku. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fejn ix-xogħol ma għadux iktar għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit li fuq kien ġie kkomunikat inizjalment jew fejn issa huwa disponibbli fuq is-sit unikament għall-pubbliku ristrett, filwaqt li huwa aċċessibbli fuq sit internet ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tat-titulari ta’ dritt. |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/20 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista fuq sit internet ta’ links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet liberament disponibbli fuq sit internet ieħor ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. |
Fuq ir-raba’ domanda
33 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jagħti protezzjoni iktar wiesgħa lit-titulari ta’ dritt tal-awtur billi jipprovdi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni. |
34 |
F’dan ir-rigward, mill-premessi 1, 6 u 7 tad-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari, jirriżulta li l-għanijiet ta’ din id-direttiva huma, b’mod partikolari, li tirrimedja għad-differenzi leġiżlattivi u l-inċertezza legali li teżisti fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ awtur. Li jiġi aċċettat li Stat Membru jista’ jagħti protezzjoni iktar wiesgħa lit-titulari ta’ dritt tal-awtur billi jipprovdi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ikollu l-effett li joħloq differenzi leġiżlattivi u għaldaqstant, għat-terzi, inċertezza legali. |
35 |
Konsegwentement, l-għan segwit mid-Direttiva 2001/29 ikun inevitabbilment kompromess jekk il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubblika kellu jinftiehem mill-Istati Membri differenti bħala li jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. |
36 |
Huwa minnu li l-premessa 7 tal-imsemmija direttiva tindika li din id-direttiva ma għandhiex l-għan li jitneħħew jew li jiġu evitati d-differenzi li ma jolqtux b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, jekk l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jipprovdu li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, il-funzjonament tas-suq intern jirriżulta neċessarjament kompromess. |
37 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jistax jinftiehem bħala li jippermetti lill-Istati li jagħtu protezzjoni iktar wiesgħa lit-titulari ta’ dritt tal-awtur billi jipprovdu li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawn imsemmija f’din id-dispożizzjoni. |
38 |
Tali konklużjoni ma hijiex ivvizzjata mill-fatt, enfasizzat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li jipprovdi li l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Berne jistipula li l-pajjiżi firmatarji jistgħu jagħmlu “arranġamenti speċjali” bejniethom sabiex jikkonferixxu lit-titulari tagħhom dritt tal-awtur, drittijiet li huma iktar estiżi minn dawk previsti minn din il-konvenzjoni. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta ftehim jippermetti lil Stat Membru li jieħu miżura li tidher li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, mingħajr madankollu ma jobbligah jagħmel dan, l-Istat Membru għandu jastjeni milli jadotta tali miżura (sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan, C‑277/10, punt 62). |
40 |
Peress li l-għan tad-Direttiva 2001/29 ikun inevitabbilment kompromess jekk il-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kellu jinftiehem bħala li jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, Stat Membru għandu jastjeni milli juża l-possibbiltà mogħtija lilu mill-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Berne. |
41 |
Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru Membru milli jagħti protezzjoni iktar wiesgħa lit-titulari ta’ dritt tal-awtur billi jipprovdi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.