SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikoli 27, 33 u 71 — Lis alibi pendens — Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq (CMR) — Artikolu 31(2) — Regoli ta’ koeżistenza — Azzjoni għall-irkupru — Azzjoni għal konstatazzjoni negattiva — Sentenza dikjaratorja negattiva”

Fil-Kawża C‑452/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Krefeld (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Nipponkoa Insurance Co. (Europe) Ltd

vs

Inter-Zuid Transport BV,

fil-preżenza ta’:

DTC Surhuisterveen BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Settembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Nipponkoa Insurance Co. (Europe) Ltd, minn T. Pünder, avukat,

għal Inter-Zuid Transport BV, minn J. P. Eckoldt u C. P. ten Bruggencate, avukati,

għal DTC Surhuisterveen BV, minn D. A. Nickelsen, avukat, kif ukoll minn J. Van Blaaderen u A. J. W. Spijker, avukati,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze kif ukoll minn J. Kemper u F. Wannek, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u S. Duarte Afonso, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Nipponkoa Insurance Co. (Europe) Ltd (iktar ’il quddiem “Nipponkoa Insurance”) u Inter-Zuid Transport BV (iktar ’il quddiem “Inter-Zuid Transport”) dwar il-ħlas tal-ammont ta’ EUR 500 000 bħala kumpens għad-dannu mġarrab fil-kuntest ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 44/2001 tiddikjara li:

“Il-Komunità poġġiet quddiemha l-għan li tmantni u tiżviluppa żona ta’ ħelsien, sigurtà u ġustizzja, li fiha jiġi żgurat il-moviment ħieles ta’ persuni. Sabiex tiġi stabbilita ftit ftit din iż-żona, il-Komunità trid tadotta, fost affarijiet oħra, il-miżuri li għandhom x’jaqsmu ma’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili meħtieġa għall-operat tajjeb tas-suq intern.”

4

Skont il-premessa 6 ta’ dan ir-regolament:

“Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.”

5

Il-premessi 11, 12 u 15 sa 17 tal-imsemmi regolament jipprovdu li:

“(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa [...]

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[…]

(15)

Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. [...]

(16)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)

Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. [...]”

6

Il-premessa 25 tal-imsemmi regolament hija fformulata kif ġej:

“Rispett għall-impennji internazzjonali li kienu daħlu għalihom l-Istati Membri jfisser li dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa konvenzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ materji speċifiċi li għalihom huma partijiet l-Istati Membri.”

7

Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 44/2001:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali, drittijiet ta’ propjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali, testmenti u suċċessjoni;

(b)

falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi;

(ċ)

sigurtà soċjali;

(d)

arbitraġġ.”

8

L-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 9 intitolata “Lis pendens — azzjonijiet relatati”, tal-Kapitolu II ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Ġurisdizzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.   Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

9

L-Artikolu 32 tal-istess regolament, li jinsab fil-Kapitolu III tiegħu intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, jipprovdi li:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘sentenza’ tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.”

10

L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 1, intitolat “Rikonoxximent”, tal-imsemmi Kapitolu III, jipprovdi li:

“1.   Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.

2.   Xi parti interessata li tqajjem rikonoxximent ta’ sentenza bħala s-suġġet[t] prinċipali fi kwestjoni tista’, bi qbil mal-proċeduri li hemm disposizzjoni dwarhom f’Sezzjonijiet 2 u 3 ta’ dan il-Kapitolu, japplika għal deċiżjoni li s-sentenza tiġi rikonoxxuta.

3.   Jekk ir-riżultat tal-proċedimenti f’qorti ta’ Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta’ kwistjoni inċidentali tar-rikonoxximent, dik il-qorti għandha jkollha ġurisdizzjoni fuq dak il-każ.”

11

L-Artikolu 71 tal-imsemmi regolament, li jinsab fil-Kapitolu VII tiegħu, intitolat “Relazzjonijiet ma’ strumenti oħra”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa xi konvenzjoni li dwari l-Istati Membri jkunu parti u li b’relazzjoni għal materji partikolari, jirregola ġurisdizzjoni jew r-Rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi.

2.   Bil-għan ta’ l-interpretazzjoni uniformi tiegħu, [il-]paragrafu 1 għandu jiġi applikat b’dan il-mod:

(a)

dan ir-Regolament m’għandux ifixkel qorti ta’ Stat Membru, li jkun parti mill-konvenzjoni dwar materja partikolari, milli jassumi ġurisdizzjoni skond dik il-konvenzjoni, anki meta l-konvenut ikun domiċiljat fi Stat Membru ieħor li ma jkunx partu minn dik il-konvenzjoni. Il-qorti li jkun jisma’ l-azzjoni għandu, fi kwalunkwe każ, japplika l-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

sentenzi mgħotija fi Stat Membru minn qorti fl-eżerċizju ta’ ġurisdizzjoni li hemm disposizzjoni dwarha f’konvenzjoni dwar materja partikolari għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwibbli fl-Istati Membru l-oħra skond dan ir-Regolament.

Meta konvenzjoni dwar materja parikolari li dwarha kemm l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru indirizzat ikunu partijiet ikunu qiegħdu kondizzjonijet għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, dawn il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw. Fi kwalunkwe każ, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-proċedura għal rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi jistgħu japplikaw.”

Is-CMR

12

Il-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, iffirmata f’Genève fid-19 ta’ Mejju 1956, kif emendata mill-Protokoll iffirmat f’Genève fil-5 ta’ Lulju 1978 (iktar ’il quddiem is-“CMR”), tapplika, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, “għal kull kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq bi ħlas permezz ta’ vetturi, meta l-post tal-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-merkanzija u l-post previst għall-kunsinna [...] jinsabu f’żewġ pajjiżi differenti, li għall-inqas wieħed minnhom huwa pajjiż kontraenti […] ikunu xi jkunu d-domiċilju u n-nazzjonalità tal-partijiet”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13

Is-CMR ġiet innegozjata fil-kuntest tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti. Iktar minn 50 Stat, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, aderixxew mas-CMR.

14

L-Artikolu 23 tas-CMR jipprovdi li:

“1.   Meta, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, ir-responsabbiltà għal kumpens għal telf totali jew parzjali tal-merkanzija tiġi attribwita lit-trasportatur, dan il-kumpens huwa kkalkulat skont il-valur tal-merkanzija fil-post u fi żmien l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-merkanzija.

[…]

3.   Madankollu, il-kumpens ma jistax jeċċedi 8.33 unità ta’ għadd għal kull kilogramm ta’ piż gross li huwa nieqes.

4.   Barra minn hekk għandhom jiġu rrimborsati l-prezz tat-trasport, id-dazji doganali u l-ispejjeż l-oħra sostnuti għat-trasport tal-merkanzija, b’rimbors totali fil-każ ta’ telf totali, u prorata fil-każ ta’ telf parzjali; danni oħra ma humiex dovuti.

[…]

7.   L-unità ta’ kontabbiltà msemmija f’din il-Konvenzjoni jikkonsisti fid-dritt speċjali ta’ ġbid kif iddefinit mil-Fond Monetarju Internazzjonali. L-ammont imsemmi fis-subparagrafu 3 ta’ dan l-artikolu huwa kkonvertit fil-munità nazzjonali tal-Istat tal-qorti li quddiemha qed tinstema’ l-kawża […]

[…].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

L-Artikolu 29 tas-CMR jipprovdi li:

“1.   It-traportatur ma jistax jinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu li jeskludu jew jillimitaw ir-responsabbiltà tiegħu jew li jbiddlu l-oneru tal-prova, jekk id-dannu jkun ġie kkawżat minħabba frodi tiegħu jew minħabba nuqqas imputabbli lilu u li, skont il-liġi tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, huwa kkunsidrat bħala ekwivalenti għal frodi.

2.   Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll jekk il-frodi jew in-nuqqas huwa imputabbli lil persuni fis-servizz tat-trasportatur jew lil kull persuna oħra li t-trasportatur jirrikorri għas-servizzi tagħha sabiex iwettaq it-trasport meta dawn il-persuni fis-servizz tiegħu jew dawn il-persuni l-oħra jkunu qegħdin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. F’dan il-każ, dawn il-persuni fis-servizz tiegħu jew dawn il-persuni l-oħra ma jistgħux jinvokaw, għal dak li jikkonċerna r-responsabbiltà personali tagħhom, id-dispożizzjonijiet f’dan il-kapitolu msemmija fil-paragrafu 1.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16

Skont l-Artikolu 31(1) tas-CMR:

“1.   Għall-kawżi kollha li jirriżultaw mit-trasport ta’ merkanzija suġġetti għal din il-Konvenzjoni, ir-rikorrent jista’ jressaq kawża, minbarra fil-qrati tal-pajjiżi kontraenti indikati bi ftehim komuni mill-partijiet, fil-qrati tal-pajjiżi li, fit-territorju tagħhom:

a)

il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, is-sede prinċipali tan-negozju tiegħu jew il-fergħa jew l-aġenzija li, permezz tagħha, il-kuntratt ta’ trasport ġie konkluż, jew

b)

il-post fejn il-merkanzija għaddiet għand min ġarrha jew dak previst għall-kunsinna tagħha,

u jista’ biss iressaq kawża quddiem dawn il-qrati.

2.   Kemm-il darba kawża li tkun tressqet abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tkun pendenti quddiem il-qorti kompetenti skont dak il-paragrafu, jew kemm-il darba din il-qorti tkun iddeċidiet din il-kawża, ma tistax tinfetaħ kawża ġdida bejn l-istess partijiet u dwar l-istess mertu, sakemm is-sentenza tal-qorti li quddiemha tkun ġiet imressqa l-ewwel kawża ma tkunx tista’ tiġi eżegwita fl-Istat fejn tkun ġiet imressqa l-kawża l-ġdida.

3.   Kemm-il darba f’kawża li tkun tressqet abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, sentenza li tkun ingħatat minn qorti ta’ Stat kontraenti ssir eżekuttiva f’dak l-Istat, din tkun eżekuttiva bl-istess mod fl-Istati kontraenti l-oħra, hekk kif jiġu ssodisfatti l-formalitajiet meħtieġa fl-Istat ikkonċernat. Tali formalitajiet ma jistgħux jinkludu eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu japplikaw għas-sentenzi mogħtija wara proċeduri kontradittorji, għas-sentenzi mogħtija wara proċeduri fil-kontumaċja u għal ftehim bonarju kkonfermat minn digriet tal-qorti, iżda dawn la japplikaw għas-sentenzi li huma eżekuttivi biss provviżorjament, u lanqas għas-sentenzi li, minbarra għall-ispejjeż, jikkundannaw ukoll lir-rikorrent għall-ħlas tad-danni wara li t-talbiet tiegħu jkunu ġew totalment jew parzjalment miċħuda.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-proċess nazzjonali ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’Awwissu 2007, Canon inkarigat lill-kumpanniji rregolati taħt id-dritt Olandiż Nippon Express (Nederland) BV (iktar ’il quddiem “Nippon Nederland”) u Nippon Express Euro Cargo BV (iktar ’il quddiem “Nippon Euro”) jittrasportaw bit-triq diversi prodotti tagħha bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġermanja.

18

Nippon Euro inkarigat lil Inter-Zuid Transport sabiex twettaq it-trasport. Din il-kumpannija tal-aħħar, min-naħa tagħha, fdat il-provvista tas-servizz ta’ trasport lil DTC Surhuisterveen BV (iktar ’il quddiem “DTC”), trasportatur ieħor b’subappalt. Finalment it-trasport twettaq minn Kingma, bħala trasportatur magħżul minn DTC.

19

Fit-22 ta’ Awwissu 2007, il-merkanzija tpoġġiet f’żewġ imħażen ta’ Canon li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi u fit-23 ta’ Awwissu 2007 din kellha tiġi kkunsinnata fil-Ġermanja. Wara li għabba l-merkanzija, ix-xufier telaq minn Amstelveen fil-Pajjiżi l-Baxxi fit-22 ta’ Awwissu 2007 sabiex imur lejn is-sit ta’ Canon f’Willich fil-Ġermanja fejn huwa wasal fl-istess jum iżda tard wisq sabiex iħott il-merkanzija, b’tali mod li matul il-lejl huwa ħalla t-trakk fis-sit mhux issorveljat tad-destinatarju. Matul dan l-istess lejl, insterqet parti mill-merkanzija.

20

Billi Canon ressqet, fis-27 ta’ Awwissu 2007, kawża quddiem l-Ewwel Awla Kummerċjali tal-Landgericht Krefeld (il-Ġermanja) sabiex tingħata kumpens għad-danni minn Nippon Nederland u Nippon Euro, dawn tal-aħħar obbligaw ruħhom, permezz ta’ ftehim bonarju kkonfermat minn digriet tal-qorti tal-1 ta’ Marzu 2010, li jħallsu, fil-kwalità tagħhom ta’ kodebituri in solidum, is-somma ta’ EUR 500 000. Dan l-ammont kien intiż bħala kumpens għad-dannu mġarrab matul il-lejl tat-22 sat-23 ta’ Awwissu 2007.

21

Fid-29 ta’ Settembru 2010, Nipponkoa Insurance ressqet quddiem it-Tieni Awla Kummerċjali tal-Landgericht Krefeld azzjoni għall-irkupru kontra Inter-Zuid Transport, fejn talbet li tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 500 000 li tikkorrispondi għad-danni u l-interessi li hija kienet ħallset lil Canon, fil-kwalità tagħha ta’ assiguratur għar-responsabbiltà ċivili ta’ Nippon Nederland u Nippon Euro (iktar ’il quddiem l-“azzjoni għall-irkupru”).

22

Madankollu, fil-21 ta’ Jannar 2009, jiġifieri iktar minn sena u nofs qabel it-tressiq tal-azzjoni għall-irkupru, Inter-Zuid Transport kienet diġà kisbet fil-Pajjiżi l-Baxxi kontra Nippon Nederland u Nippon Euro sentenza dikjaratorja negattiva dwar l-istess fatti (iktar ’il quddiem is-“sentenza dikjaratorja negattiva”). Skont din is-sentenza mogħtija mir-Rechtbank te Haarlem (il-Pajjiżi il-Baxxi) u li għandha s-saħħa ta’ res judicata minn Novembru 2010, Inter-Zuid Transport kienet responsabbli għad-dannu mġarrab biss sal-ammont massimu previst fl-Artikolu 23 tas-CMR.

23

Nipponkoa Insurance tqis li l-kundizzjonijiet għal aġir qarrieqi jew doluż, fis-sens tal-Artikolu 29(2) tas-CMR, huma sodisfatti fil-konfront ta’ Inter-Zuid Transport u li, minkejja l-eżistenza tas-sentenza dikjaratorja negattiva, il-Landgericht Krefeld għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 31(1) tas-CMR, sabiex tiddeċiedi fuq l-azzjoni għall-irkupru, peress li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u jipprevali, skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, fuq l-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament.

24

Inter-Zuid Transport tqis li, skont l-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament u l-Artikolu 31(2) tas-CMR, il-proċedura ma tistax titkompla quddiem il-Landgericht Krefeld minħabba s-sentenza dikjaratorja definittiva mogħtija preċedentement fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din il-kumpannija kkonkludiet li, f’kull każ, hija tista’ tinżamm responsabbli biss sal-ammont massimu previst fl-Artikolu 23(3) tas-CMR.

25

Il-qorti tar-rinviju taqbel ma’ Inter-Zuid Transport għal dak li jirrigwarda l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza dikjaratorja definittiva u, f’dan ir-rigward, tikkritika l-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) kif tirriżulta mid-deċiżjonijiet tagħha tal-20 ta’ Novembru 2003 (I ZR 102/02 u I ZR 294/02), skont liema, minkejja s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C-406/92, Ġabra p. I-5439), is-CMR għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu, b’tali mod li l-eżistenza ta’ azzjoni għal konstatazzjoni negattiva mibdija mid-debitur kontra l-kreditur quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali, intiża sabiex jiġi deċiż li dan l-allegat debitur ma huwiex responsabbli għal dannu, ma tipprekludix it-tressiq sussegwenti ta’ azzjoni għall-irkupru mill-aventi kawża tal-kreditur quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni ta’ Stat ieħor li huwa parti għas-CMR.

26

Għaldaqstant, il-Landgericht Krefeld tqis li l-azzjoni għall-irkupru mressqa quddiemha u s-sentenza dikjaratorja negattiva għandhom l-istess suġġett, huma bbażati fuq l-istess bażi ġuridika u jikkonċernaw l-istess partijiet għaliex Nipponkoa Insurance hija l-aventi kawża ta’ Nippon Nederland u ta’ Nippon Euro. Għalhekk, hija tqis li ma jkunx kompatibbli mal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u ta’ tnaqqis ta’ proċeduri simultanji jekk, fil-kuntest ta’ azzjoni għall-irkupru, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jirrifjutaw, abbażi tal-interpretazzjoni ta’ konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, milli jirrikonoxxu sentenza dikjaratorja negattiva mogħtija qabel u li tirrigwarda l-istess suġġett.

27

Barra minn hekk, din il-qorti ssostni li s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C-533/08, Ġabra p. I-4107, punt 63 u d-dispożittiv), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li hija ma kellhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 31 tas-CMR ma taffettwax din il-kawża.

28

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Krefeld iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 71 tar-Regolament [Nru 44/2001] jipprekludi interpretazzjoni esklużivament awtonoma ta’ konvenzjoni internazzjonali jew l-għanijiet u l-prinċipji li jispiraw dan ir-regolament għandhom ikunu kkunsidrati fl-applikazzjoni ta’ tali konvenzjoni?

2)

L-Artikolu 71 tar-Regolament [Nru 44/2001] jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali, li permezz tagħha azzjoni dikjaratorja deċiża fi Stat Membru ma tipprekludix azzjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ ħlas imressqa sussegwentement fi Stat Membru ieħor, meta din il-konvenzjoni tista’ wkoll tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

29

Nipponkoa Insurance u l-Gvern Ġermaniż iqajmu, preliminarjament, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja billi jsostnu, essenzjalment, li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 tas-CMR u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta din il-konvenzjoni.

30

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti interpretazzjonijiet b’mod preliminari tikkonċerna biss regoli li jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni u li, hekk kif ġie deċiż fil-punt 63 tas-sentenza TNT Express Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 31 tas-CMR.

31

Madankollu, għalkemm, fis-sentenza TNT Express Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, it-tieni domanda magħmula kienet tirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Artikolu 31 tas-CMR, dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

32

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-domandi magħmula, permezz tal-formulazzjoni tagħhom, jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri tar-Regolament Nru 44/2001, li għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 267 TFUE.

33

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li konvenzjoni internazzjonali tiġi interpretata b’mod li jiġu ppreġudikati l-għanijiet u l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat dan ir-regolament.

35

Għandu jiġi kkonstatat li, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet għal din id-domanda.

36

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi, fil-materji rregolati minn konvenzjonijiet speċjali, bħas-CMR, għall-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li din l-applikazzjoni ma tistax tippreġudika l-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, bħall-prinċipji, imsemmija fil-premessi 6, 11, 12 u 15 sa 17 tar-Regolament Nru 44/2001, ta’ moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ta’ prevedibbiltà tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u, għaldaqstant, ta’ ċertezza legali għall-individwi, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ta’ tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju ta’ proċeduri simultanji, kif ukoll ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni (ara s-sentenza TNT Express Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

37

L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax ikollu portata kunfliġġenti mal-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata l-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti. Għalhekk, dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, f’qasam kopert minn dan ir-regolament, bħat-trasport ta’ merkanzija bit-triq, konvenzjoni speċjali, bħas-CMR, tista’ twassal għal riżultati li huma inqas favorevoli għat-twettiq tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern minn dawk li għalihom iwasslu d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenza TNT Express Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

38

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet rilevanti tas-CMR jistgħu jiġu applikati fi ħdan l-Unjoni biss jekk jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet tal-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll tal-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni f’kundizzjonijiet li għall-inqas huma daqstant favorevoli bħal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

39

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li konvenzjoni internazzjonali tiġi interpretata b’mod li ma tiġix żgurata, f’kundizzjonijiet li għall-inqas huma daqstant favorevoli bħal dawk previsti minn dan ir-regolament, l-osservanza tal-għanijiet u tal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-imsemmi regolament.

Fuq it-tieni domanda

40

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tas-CMR skont liema azzjoni għal konstatazzjoni negattiva jew sentenza dikjaratorja negattiva fi Stat Membru ma għandhiex l-istess suġġett u l-istess bażi ġuridika bħal azzjoni għall-irkupru mressqa fir-rigward tal-istess dannu u bejn l-istess partijiet jew l-aventi kawża tagħhom fi Stat Membru ieħor.

41

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda magħmula, jekk tali interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tas-CMR, tiżgurax, f’kundizzjonijiet li għall-inqas huma daqstant favorevoli bħal dawk previsti fl-Artikolu 27 jew minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 44/2001, l-osservanza tal-għanijiet u tal-prinċipji li fuqhom dan ir-regolament huwa bbażat.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, talba intiża sabiex jiġi deċiż li l-konvenut huwa responsabbli għal dannu kif ukoll li jiġi kkundannat iħallas kumpens għal dan il-għan, l-istess bħall-azzjoni għall-irkupru fil-kawża prinċipali, għandha l-istess bażi ġuridika u l-istess suġġett bħal azzjoni preċedenti għal konstatazzjoni negattiva tal-istess konvenut intiża sabiex jiġi deċiż li huwa ma huwiex responsabbli għal dan id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Tatry, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C‑133/11, punt 49).

43

F’dan il-każ, tressqet azzjoni għall-irkupru quddiem il-qorti tar-rinviju wara l-għoti, fis-sens tal-Artikolu 31(2) tas-CMR, ta’ sentenza, ibbażata fuq l-istess punti ta’ fatt u ta’ dritt, tar-Rechtbank te Haarlem bejn l-istess partijiet, li wasslet għal konstatazzjoni negattiva.

44

Għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tas-CMR, fis-sens li l-imsemmija azzjoni u l-imsemmija sentenza ma għandhomx l-istess bażi ġuridika u l-istess suġġett, ma tiggarantixxix, f’kundizzjonijiet daqstant favorevoli bħal dawk previsti mir-Regolament Nru 44/2001, l-osservanza tal-għan ta’ tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju ta’ proċeduri simultanji, li huwa, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, wieħed mill-għanijiet u mill-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni.

45

F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti li s-sentenza tar-Rechtbank te Haarlem kienet kisbet, ftit wara t-tressiq tal-azzjoni għall-irkupru quddiem il-qorti tar-rinviju, speċifikament f’Novembru 2010 skont id-deċiżjoni tar-rinviju jew, kif ġie sostnut minn DTC matul is-seduta, fl-1 ta’ Marzu 2011, is-saħħa ta’ res judicata.

46

Il-fatt li din is-sentenza kisbet is-saħħa ta’ res judicata jimplika li, li kieku l-kawża ma kinitx taqa’ taħt is-CMR iżda taħt ir-Regolament Nru 44/2001, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, mhux biss fil-qasam ta’ lis alibi pendens iżda wkoll fil-qasam ta’ rikonoxximent, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tal-imsemmi regolament, kienu jkunu applikabbli.

47

Issa, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jiġu applikati, fi ħdan l-Unjoni, regoli previsti mill-konvenzjonijiet speċjali msemmija fl-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 31(2) tas-CMR, biss sa fejn jiġu osservati l-prinċipji ta’ moviment liberu tas-sentenzi u ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja li fuqhom huwa bbażat dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TNT Express Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Dawn il-prinċipji ma jkunux qed jiġu osservati f’kundizzjonijiet li għall-inqas huma daqstant favorevoli bħal dawk previsti mir-Regolament Nru 44/2001 li kieku l-Artikolu 31(2) tas-CMR jiġi interpretat fis-sens li sentenza dikjaratorja negattiva fi Stat Membru ma għandhiex l-istess suġġett u l-istess bażi ġuridika bħal azzjoni għall-irkupru mressqa fir-rigward tal-istess dannu, u bejn l-istess partijiet jew l-aventi kawża tagħhom fi Stat Membru ieħor.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tas-CMR skont liema azzjoni għal konstatazzjoni negattiva jew sentenza dikjaratorja negattiva fi Stat Membru ma għandhiex l-istess suġġett u l-istess bażi ġuridika bħal azzjoni għall-irkupru mressqa fir-rigward tal-istess dannu u bejn l-istess partijiet jew l-aventi kawża tagħhom fi Stat Membru ieħor.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li konvenzjoni internazzjonali tiġi interpretata b’mod li ma tiġix żgurata, f’kundizzjonijiet li għall-inqas huma daqstant favorevoli bħal dawk previsti minn dan ir-regolament, l-osservanza tal-għanijiet u tal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-imsemmi regolament.

 

2)

L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, iffirmata f’Genève fid-19 ta’ Mejju 1956, kif emendata mill-Protokoll iffirmat f’Genève fil-5 ta’ Lulju 1978, skont liema azzjoni għal konstatazzjoni negattiva jew sentenza dikjaratorja negattiva fi Stat Membru ma għandhiex l-istess suġġett u l-istess bażi ġuridika bħal azzjoni għall-irkupru mressqa fir-rigward tal-istess dannu u bejn l-istess partijiet jew l-aventi kawża tagħhom fi Stat Membru ieħor.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.