SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja)

27 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

Werrej

 

I – Il-kuntest ġuridiku

 

A – Id-Deċiżjoni 2011/199

 

B – It-Trattat MES

 

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 

III – Fuq id-domandi preliminari

 

A – Fuq l-ewwel domanda

 

1. Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2. Fuq l-ammissibbiltà

 

3. Fuq il-mertu

 

a) Fuq il-punt dwar jekk ir-reviżjoni tat-Trattat FUE tikkonċernax biss id-dispożizzjonijiet tat-tielet parti tal-imsemmi trattat

 

b) Fuq il-punt dwar jekk ir-reviżjoni tat-Trattat FUE żżidx il-kompetenti attribwiti lill-Unjoni fit-trattati

 

B – Fuq it-tieni domanda

 

1. Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2. Fuq l-ammissibbiltà

 

3. Fuq il-mertu

 

a) Fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni

 

i) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1)(ċ) TFUE u 127 TFUE

 

ii) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE

 

b) Fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet differenti tat-Trattat FUE dwar il-politika ekonomika

 

i) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(3) TFUE, 119 TFUE sa 121 TFUE u 126 TFUE

 

ii) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 122 TFUE

 

iii) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 123 TFUE

 

iv) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 125 TFUE

 

c) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE

 

d) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 TUE

 

i) Fuq l-irwol attribwit lill-Kummissjoni u lill-BĊE

 

ii) Fuq l-irwol attribwit lill-Qortit tal-Ġustizzja

 

e) Fuq l-interpretazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

 

C – Fuq it-tielet domanda

 

IV – Fuq l-ispejjeż

“Mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro — Deċiżjoni 2011/199/UE — Emenda tal-Artikolu 136 TFUE — Validità — Artikolu 48(6) TUE — Proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata — Trattat MES — Politika ekonomika u monetarja — Kompetenza tal-Istati Membri”

Fil-Kawża C-370/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2012, fil-proċeduri

Thomas Pringle

vs

Government of Ireland,

Ireland,

The Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts (Relatur), Viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Rosas, G. Arestis, J. Malenovský, M. Berger u E. Jarašiūnas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, J.-J. Kasel, M. Safjan, D. Šváby, A. Prechal, C. G. Fernlund, J. L. Da Cruz Vilaça u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: T. Millett, Assistent Reġistratur,

wara li rat id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 2012 li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Pringle, minn J. Rogers u P. Callan, Senior Counsel, kif ukoll minn R. Budd u J. Tomkin, Barristers-at-Law, rappreżentanti ta’ J. Noonan, solicitor,

għall-Irlanda, minn E. Creedon, bħala aġent, assistita minn M. Cush u S. Murphy, SC, kif ukoll minn N. Travers u C. Donnelly, BL,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, J.-C. Halleux, kif ukoll minn C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn A. Samoni-Rantou, G. Karipsiades u K. Boskovits, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard, G. de Bergues u E. Ranaivoson, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Lysandrou u N. Kyriakou, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. Jenkinson, bħala aġent, assistita minn A. Dashwood, QC,

għall-Parlament Ewropew, minn A. Neergaard u R. Crowe, bħala aġenti,

għall-Kunsill Ewropew, minn H. Legal, G. Maganza u A. de Gregorio Merino, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-P. Keppenne, L. Romero Requena u B. Smulders, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna, minn naħa, il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199/UE, tal-25 ta’ Marzu 2011, li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ĠU L 91, p. 1), u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 TUE, 3 TUE, 4(3) TUE, 13 TUE, 2(3) TFUE, 3(1)(ċ) u (2) TFUE, 119 TFUE sa 123 TFUE u 125 TFUE sa 127 TFUE kif ukoll tal-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ ċertezza legali.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ appell minn sentenza tal-High Court ippreżentat minn T. Pringle, Membru tal-Parlament Irlandiż, kontra Government of Ireland, Ireland u l-Attorney General intiż li jikkonstata, minn naħa, li l-emenda tal-Artikolu 136 TFUE permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/199 tikkostitwixxi modifika illegali tat-Trattat FUE u, min-naħa l-oħra li, billi tirratifika, tapprova jew taċċetta t-Trattat li jistabbilixxi l-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portuġiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja, konkluż fi Brussell fit-2 ta’ Frar 2012 (iktar ’il quddiem it-“Trattat MES”), l-Irlanda tkun qiegħda tassumi obbligi inkompatibbli mat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Deċiżjoni 2011/199

3

Fis-16 ta’ Diċembru 2010, il-Gvern Belġjan issottometta, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(6) TUE, proposta intiża għar-reviżjoni tal-Artikolu 136 TFUE, li kienet tinvolvi ż-żieda tal-paragrafu 3 f’dan l-aħħar artikolu.

4

Il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħarġu opinjoni dwar il-proposta, fit-23 ta’ Marzu, fil-15 ta’ Frar u fis-17 ta’ Marzu 2011 rispettivament. Id-Deċiżjoni 2011/199 ġiet adottata fil-25 ta’ Marzu 2011.

5

Skont il-premessi 2, 4 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni:

“(2)

Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern qablu dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha u stiednu lill-President tal-Kunsill Ewropew biex iwettaq konsultazzjonijiet mal-membri tal-Kunsill Ewropew dwar bidla limitata fit-trattat meħtieġa għal dak l-għan.

[…]

(4)

Il-mekkaniżmu ta’ stabbiltà ser jipprovdi l-għodda meħtieġa biex jiġu ttrattati tali każijiet ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha bħalma ġew esperjenzati fl-2010, u għalhekk jgħin biex tiġi ppreservata l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-Unjoni nnifisha. Fil-laqgħa tiegħu tas-16 u s-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew qabel li, peress li dan il-mekkaniżmu huwa mfassal biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha, l-Artikolu 122(2) TFUE [tat-Trattat FUE] mhux ser jibqa’ meħtieġ għal tali finijiet. Għalhekk il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern qablu li huwa m’għandux jintuża għal tali finijiet.

(5)

Fis-16 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jikkonsulta, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(6) tat-TUE, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni, dwar il-proposta. Huwa iddeċieda wkoll li jikkonsulta lill-[BĊE]. [...]”

6

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/199 jipprovdi:

“Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 136 tat-Trattat [FUE]:

‘3.   L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà li jkun attivat jekk ikun indispensabbli biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha. L-għoti ta’ kwalunkwe assistenza finanzjarja meħtieġa taħt il-mekkaniżmu ser ikun soġġett għal kondizzjonalità stretta.’”

7

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2011/199:

“L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill mingħajr dewmien bit-tlestija tal-proċeduri għall-approvazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, dment li n-notifiki kollha msemmija fl-ewwel paragrafu jkunu ġew irċevuti, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-ewwel jum tax-xahar wara li tiġi rċevuta l-aħħar waħda min-notifiki msemmija fl-ewwel paragrafu.”

B – It-Trattat MES

8

Il-partijiet kontraenti tat-Trattat MES huma l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

9

Il-premessi 1 u 16 tat-Trattat MES huma fformulati kif ġej:

“(1)

Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti ta’ stabbiltà. Dan il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (‘MES’) ser jassumi l-kompiti li bħalissa huma mwettqa mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (‘FESF’) u mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (‘MESF’) fl-għoti, fejn ikun meħtieġ, ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro.

[…]

(16)

Id-disputi [It-tilwim] dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat li jqumu bejn il-Partijiet Kontraenti jew bejn il-Partijiet Kontraenti u l-MES għandhom jitressqu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizza tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 273 [TFUE].”

10

L-Artikolu 1 tat-Trattat MES, intitolat “Stabbilimenti u membri”, jipprovdi:

“1.   B’dan it-Trattat, il-Partijiet Kontraenti jistabbilixxu bejniethom istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, li għandha tissejjaħ il-‘Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà’ (‘MES’).

2.   Il-Partijiet Kontraenti huma membri fil-MES.”

11

L-Artikolu 3 tat-Trattat MES jiddeskrivi l-għan ta’ tali trattat, li l-kapaċità massima ta’ self tiegħu għandha tkun inizjalment stabbilita għal EUR 500 000 miljun, permezz tal-Artikolu 39 ta’ dan it-trattat, kif ġej:

“L-għan tal-MES huwa l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament u l-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà taħt kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul, għall-benefiċċju tal-Membri fil-MES li jkunu għaddejjin, jew jinsabu mhedda, minn problemi serji ta’ finanzjament jekk dan ikun indipensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, il-MES għandu jkun intitolat jiġġenera fondi billi joħroġ strumenti finanzjarji jew billi jidħol fi ftehimiet jew arranġamenti finanzjarji jew ta’ xort’oћra ma’ Membri fil-MES, istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra.”

12

L-Artikolu 4(1), (3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tat-Trattat MES jistabbilixxu:

“1.   Il-MES għandu jkollu Bord tal-Gvernaturi u Bord tad-Diretturi, kif ukoll Direttur Maniġerjali u persunal tiegħu stess ieħor li jitqies li jkun meħtieġ.

[...]

3.   L-adozzjoni ta’ deċiżjoni bi qbil reċiproku teħtieġ l-unanimità tal-membri li jkunu qegћdin jieħdu sehem fil-vot. L-astensjonijiet ma jżommux milli deċiżjoni tiġi adottata bi qbil reċiproku.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, għandha tintuża proċedura ta’ votazzjoni ta’ emerġenza f’każijiet fejn kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-BĊE jikkonkludu li nuqqas li urġentement tiġi adottata deċiżjoni ta’ għoti jew implimentazzjoni ta’ assistenza finanzjarja, kif definit fl-Artikoli 13 sa 18, jipperikola s-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro. [...]”

13

L-Artikolu 5(3) tat-Trattat MES jipprovdi li “[i]l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-BĊE, kif ukoll il-President tal-Grupp tal-Euro (jekk ma jkunx il-President jew Gvernatur), jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi bħala osservaturi”.

14

Skont l-Artikolu 5(7)(m) tal-istess trattat, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jadotta deċiżjoni b’maġġoranza kwalifikata “dwar xi disputa [tilwima], skont l-Artikolu 37(2)”.

15

L-Artikolu 6(2) tat-Trattat MES jipprovdi li “[i]l-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-President tal-BĊE jistgħu jaħtru osservatur kull wieħed [fil-Kunsill tal-Amministrazzjoni tal-MES]”.

16

L-Artikolu 8(5) tat-Trattat MES jipprovdi:

“Ir-responsabbiltà ta’ kull Membru fil-MES għandha tkun limitata, fiċ-ċirkostanzi kollha, għall-porzjon tiegħu tal-istokk ta’ kapital awtorizzat mal-prezz tal-ħruġ tiegћu. L-ebda Membru fil-MES ma għandu jkun responsabbli, minħabba s-sħubija tiegħu, għall-obbligi tal-MES. [...]”

17

L-Artikolu 12 tat-Trattat MES jiddefinixxi l-prinċipji li huwa suġġett għalihom is-sostenn għall-istabbilità u jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk ikun indispensabbli għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament u tal-Istati Membri tagħha, il-MES jista’ jipprovdi sostenn għall-istabbiltà lil Membru fil-MES soġġett għal kondizzjonalità stretta, adegwata għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul. Tali kondizzjonalità tista’ tvarja minn programm ta’ aġġustament makroekonomiku sal-osservanza kontinwa ta’ kondizzjonijiet prestabbiliti ta’ eliġibbiltà.”

18

Il-proċedura tal-għoti ta’ sostenn għall-istabbiltà lil membru tal-MES hija deskritta fl-Artikolu 13 tal-imsemmi trattat kif ġej:

“1.   Membru fil-MES jista’ jindirizza talba għal sostenn għall-istabbiltà lill-President tal-Bord tal-Gvernaturi. Tali talba għandha tindika l-istrument jew strumenti ta’ assistenza finanzjarja li għandhom jiġu kkunsidrati. Meta jirċievi tali talba, il-President tal-Bord tal-Gvernaturi għandu jinkariga lill-Kummissjoni Ewropea, f’koordinazzjoni mal-BĊE, bil-kompiti li ġejjin:

a)

l-istima tal-eżistenza ta’ riskju għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro komplessivament jew tal-Istati Membri tagħha, sakemm il-BĊE ma jkunx diġà preżenta analiżi taħt l-Artikolu 18[2];

b)

l-istima jekk id-dejn pubbliku huwiex sostenibbli. Fejn xieraq u possibbli, tali stima hija mistennija li ssir flimkien mal-[Fond Monetarju Internazzjonali (FMI)];

c)

l-istima tal-ħtiġijiet attwali jew potenzjali ta’ finanzjament tal-Membru konċernat fil-MES.

2.   Abbażi tat-talba mill-Membru fil-MES u l-istima msemmija fil-paragrafu 1, il-Bord tal-Gvernaturi jista’ jiddeċiedi li jagħti, fil-prinċipju, sostenn għall-istabbiltà lill-Membru konċernat fil-MES fil-forma ta’ faċilità ta’ assistenza finanzjarja.

3.   Jekk tiġi adottata deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiinkariga lill-Kummissjoni Ewropea – f’koordinazzjoni mal-BĊE u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI – bil-kompitu li tinnegozja mal-Membru konċernat fil-MES, memorandum ta’ qbil (‘MoU’) li jispeċifika f’dettal il-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja. Il-kontenut tal-MoU għandu jirrifletti s-severità tad-dgħufijiet li għandhom jiġu inidrizzati u l-forma magħżula tal-assistenza finanzjarja. Fl-istess waqt, id-Direttur Maniġerjali tal-MES għandu jħejji proposta għal ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja, inklużi l-pattijiet finanzjarji u l-kondizzjonijiet u l-għażla ta’ strumenti, li għandhom jiġu adottati mill-Bord tal-Gvernaturi.

Il-MoU għandu jkun gћalkollox konsistenti mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti fit-TFUE, partikolarment ma’ kull att fil-liġi tal-Unjoni Ewropea, inkluża kull opinjoni, twissija, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni indirizzata lill-Membru fil-MES konċernat.

4.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiffirma l-MoU f’isem il-MES, soġġett għall-konformità minn qabel tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 u l-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi.

5.   Il-Bord tad-Diretturi għandu japprova l-ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja li jkun jispeċifika f’dettal l-aspetti finanzjarji tas-sostenn għall-istabbiltà li gћandu jingħata u, fejn applikabbli, il-ħlas tal-ewwel parti tal-assistenza.

6.   Il-MES għandu jistabbilixxi sistema ta’ twissija adatta biex jiżgura li jirċievi f’waqtu kwalunkwe ħlas lura dovut mill-Membru fil-MES taħt is-sostenn għall-istabbiltà.

7.   Il-Kummissjoni Ewropea – f’koordinazzjoni mal-BĊE u, kull fejn possibbli, flimkien mal-FMI – għandha tkun inkarigata timmonitorja l-konformità mal-kondizzjonalità marbuta mal-faċilità ta’ assistenza finanzjarja.”

19

Il-MES jista’ jagħti sostenn lil membru tal-imsemmi mekkaniżmu permezz tal-istrumenti previsti fl-Artikoli 14 sa 18, jiġifieri, l-assistenza finanzjarja f’forma ta’ linja ta’ kreditu prekawzjonarja (Artikolu 14) u f’forma ta’ self (Artikoli 15 u 16), ta’ xiri ta’ bonds maħruġa minn membru tal-MES fis-suq primarju (Artikolu 17) u ta’ operazzjonijiet fis-suq sekondarju dwar bonds maħruġa minn membru tal-imsemmi mekkaniżmu (Artikolu 18).

20

Skont l-Artikolu 20(1) tat-Trattat MES, “[m]eta jagħti sostenn għall-istabbiltà, il-MES għandu jimmira sabiex ikopri kompletament il-kostijiet [l-ispejjeż] tal-iffinanzjar u tal-operazzjonijiet u għandu jinkludi marġni adegwat”.

21

L-Artikolu 25(2) tat-Trattat MES jipprovdi:

“Jekk Membru fil-MES jonqos milli jagħmel il-ħlas meħtieġ skont l-eżerċitar tal-kapital magħmul skont l-Artikolu 9(2) jew (3), għandu jsir eżerċizzju rivedut u miżjud ta’ kapital fir-rigward tal-Membri kollha fil-MES bil-għan li jiġi żgurat li l-MES jirċievi l-ammont totali tal-kapital imħallas li jkun meħtieġ. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddeċiedi dwar strateġija xierqa ta’ azzjoni biex jiżgura li l-Membru konċernat fil-MES isalda d-dejn tiegħu mal-MES f’perijodu raġonevoli ta’ żmien. Il-Bord tal-Gvernaturi jkollu d-dritt li jesiġi l-ħlas ta’ imgħax ta’ inadempjenza [interessi moratorji] fuq l-arretrati.”

22

Skont l-Artikolu 32(2) tal-imsemmi trattat, il-MES għandu personalità ġuridika.

23

L-Artikolu 37 tat-Trattat MES, intitolat “Interpretazzjoni u riżoluzzjoni ta’ disputi [tilwim]”, jipprovdi:

“1.   Kull kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat u tar-regolamenti tal-MES li tqum bejn kwalunkwe Membru fil-MES u l-MES, jew fost il-Membri fil-MES, għandha titressaq quddiem il-Bord tad-Diretturi għad-deċiżjoni tiegħu.

2.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddeċiedi dwar kull disputa [tilwima] li tqum bejn Membru fil-MES u l-MES, jew fost il-Membri fil-MES, marbuta mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, inkluża kull disputa [tilwima] dwar il-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet adottati mill-MES ma’ dan it-Trattat. Il-voti tal-membru jew membri tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Membru jew Membri konċernati fil-MES għandhom ikunu sospiżi meta l-Bord tal-Gvernaturi jivvota dwar tali deċiżjoni u l-livell limitu meħtieġ ta’ voti għall-adozzjoni ta’ dik id-d-deċiżjoni għandu jiġi kkalkulat mill-ġdid skont il-każ.

3.   Jekk Membru fil-MES jikkontesta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2, id-tilwima għandha titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tkun vinkolanti fuq il-partijiet kollha fil-proċedura, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mas-sentenza f’perijodu li għandu jiġi deċiż minn dik il-Qorti.”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24

Fit-13 ta’ April 2012, T. Pringle ppreżenta rikors quddiem il-High Court kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali li permezz tiegħu sostna, minn naħa, li d-Deċiżjoni 2011/199 ma ġietx adottata legalment skont il-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata prevista fl-Artikolu 48(6) TUE, peress li timplika modifika tal-kompetenzi tal-Unjoni li tmur kontra t-tielet paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni u li l-imsemmija deċiżjoni hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u FUE dwar l-Unjoni ekonomika u monetarja kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

25

Min-naħa l-oħra, T. Pringle allega li billi tirratifika, tapprova jew taċċetta t-Trattat MES, l-Irlanda tkun qiegħda tassumi obbligi kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u FUE fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja u tinterferixxi direttament mal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-politika monetarja. Billi jistabbilixxu l-MES, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro joħolqu għalihom stess istituzzjoni internazzjonali awtonoma u permanenti bil-għan li jevitaw il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-politika ekonomika u monetarja. Barra minn hekk, it-Trattat MES jagħti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kompetenzi ġodda u kompiti inkompatibbli mal-funzjonijiet tagħhom iddefiniti fit-Trattati UE u FUE. Fl-aħħar nett, huwa jsostni wkoll li t-Trattat MES huwa inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

26

Permezz tas-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2012, il-High Court ċaħdet ir-rikors kollu ta’ T. Pringle.

27

Fid-19 ta’ Lulju 2012, T. Pringle ppreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

28

Huwa f’dan il-kuntest li s-Supreme Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)

Id-Deċiżjoni [...] 2011/199/UE, [...] hija valida:

jekk jiġi kkunsidrat l-użu tal-proċeduri ta’ reviżjoni simplifikata skont l-Artikolu 48(6) TUE u, b’mod partikolari, il-punt dwar jekk l-emenda proposta għall-Artikolu 136 TFUE tinvolvix żieda fil-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati;

jekk jiġi kkunsidrat il-kontenut tal-emenda proposta u, b’mod partikolari il-punt dwar jekk tinvolvix xi ksur tat-Trattati jew tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

2)

Wara li jiġu kkunsidrati

l-Artikoli 2 u 3 TUE u d-dispożizzjonijiet tat-Titolu VIII tat-Tielet Parti TFUE, u b’mod partikolari l-Artikoli [119 TFUE sa 123 TFUE] [u 125 TFUE sa 127 TFUE];

il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-politika monetarja kif tirriżulta fl-Artikolu 3(1)(ċ) TFUE u fil-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jaqaw fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE;

il-kompetenza tal-Unjoni fil-koordinament tal-politika ekonomika, skont l-Artikolu 2(3) TFUE u t-Titolu VIII tat-Tielet Parti TFUE;

is-setgħat u l-funzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 13 TFUE;

il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE;

il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni inkluż b’mod partikolari l-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt għal rimedju effettiv kif ipprovdut taħt l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‘Karta’] u l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali;

Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li l-munita tiegħu hija l-ewro, għandu d-dritt li jikkonkludi, u jirratifika ftehim internazzjonali bħalma huwa t-Trattat MES?

3)

Jekk id-deċiżjoni [2011/199] titqies valida, id-dritt ta’ Stat Membru li jikkonkludi, u jirratifika ftehim internazzjonali bħalma huwa t-Trattat MES huwa suġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni?”

III – Fuq id-domandi preliminari

A – Fuq l-ewwel domanda

29

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Deċiżjoni 2011/199 hijiex valida inkwantu temenda l-Artikolu 136 TFUE billi tipprovdi l-inklużjoni f’tali artikolu, abbażi tal-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata prevista fl-Artikolu 48(6) TUE, tal-paragrafu 3 dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà.

1. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

30

L-Irlanda, il-Gvernijiet tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Spanja, ta’ Franza, tal-Italja, ta’ Ċipru, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Awstrija u tas-Slovakkja kif ukoll il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni jsostnu li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina l-ewwel domanda hija limitata, jekk mhux saħansitra eskluża, peress li din tikkonċerna l-validità tad-dritt primarju. Fil-fatt, l-Artikolu 267 TFUE ma jattribwixxix ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-validità tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li l-kwistjoni tal-validità tikkonċerna deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew. Peress li, minn naħa, il-Kunsill Ewropew huwa fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni enumerati fl-Artikolu 13(1) TUE u, peress li, min-naħa l-oħra, il-Qorti għandha ġurisdizzjoni, skont is-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, “li tagħti sentenzi preliminari dwar [...] il-validità [...]ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet”, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-validità ta’ deċiżjoni adottata mill-Kunsill Ewropew.

32

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni 2011/199 tikkonċerna l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni ġdida tad-dritt primarju fit-Trattat FUE, jiġifieri, il-paragrafu 3 tal-Artikolu 136 TFUE.

33

Kif isostnu l-Irlanda kif ukoll il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet imsemmija fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, huwa minnu li, skont is-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, l-eżami tal-validità tad-dritt primarju ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li introduċa, flimkien mal-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja tat-Trattat FUE, proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata bis-saħħa tal-Artikolu 48(6) TUE, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tiżgura li, meta jwettqu reviżjoni tat-Trattat FUE, l-Istati Membri għandhomx josservaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(6) TUE, il-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata tikkonċerna “[ir-]reviżjoni sħiħa jew parzjali tad-dispożizzjonijiet tat-tielet parti tat-Trattat [FUE] dwar il-politika u l-azzjonijiet interni ta’ l-Unjoni”. It-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu jikkonferma li “[i]l-Kunsill Ewropew jista’ jadotta deċiżjoni li temenda b’mod sħiħ jew parzjali id-dispożizzjonijiet tat-tielet parti tat-Trattat [FUE]”. Skont it-tielet subparagrafu tal-imsemmi paragrafu, tali deċiżjoni “m’għandhiex iżżid il-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati”.

35

Peress li l-verifika tal-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet hija neċessarja sabiex jiġi kkonstatat jekk tistax tapplika l-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, bħala istituzzjoni li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-implementazzjoni tat-trattati, li għandha teżamina l-validità ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew ibbażata fuq l-Artikolu 48(6) TUE.

36

Għal dawn il-finijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika, minn naħa, li r-regoli proċedurali previsti fl-imsemmi Artikolu 48(6) ġew osservati u, min-naħa l-oħra, li l-emendi li ġew deċiżi jikkonċernaw biss it-tielet parti tat-Trattat FUE, li jkun jimplika li tali emendi ma jinvolvu ebda modifika tad-dispożizzjonijiet ta’ parti oħra tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u ma jżidux il-kompetenzi ta’ din tal-aħħar.

37

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-validità tad-Deċiżjoni 2011/199 fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 48(6) TUE.

2. Fuq l-ammissibbiltà

38

L-Irlanda ssostni li d-domanda preliminari hija inammissibbli inkwantu, minn naħa, skont il-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C-188/92, Ġabra p. I-833), ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu jippreżenta rikors dirett skont l-Artikolu 263 TFUE kontra d-Deċiżjoni 2011/199 fit-terminu stabbilit għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-istess artikolu u li, min-naħa l-oħra, huwa kellu, fi kwalunkwe każ, iressaq l-azzjoni tiegħu sabiex jikkontesta l-validità ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali fi żmien raġonevoli. Kien biss fit-13 ta’ April 2012 li T. Pringle beda l-proċeduri fil-kawża prinċipali, filwaqt li l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata fil-25 ta’ Marzu 2011.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull parti għandha d-dritt, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, tinvoka, quddiem il-qorti li quddiemha tressqu l-proċeduri, l-invalidità ta’ att tal-Unjoni u titlob lill-imsemmija qorti, li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex hija stess tikkonstata tali invalidità, tinterroga f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domanda preliminari (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Frar 20011, Nachi Europe, C-239/99, Ġabra p. I-1197, punt 35; tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 40, kif ukoll tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C-550/09, Ġabra p. I-6213, punt 45). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ma jissuġġettax l-ammissibbiltà ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jkun sar abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, għall-kundizzjoni li tali parti tosserva terminu previst għat-tressiq tal-kawża li tikkontesta l-validità tal-att tal-Unjoni kkonċernat quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti. Fl-assenza ta’ regolamentazzjoni mill-Unjoni, it-termini għall-preżentata ta’ rikors nazzjonali għandhom fil-fatt jiġu ddeterminati mir-regoli proċedurali nazzjonali u huma biss il-qrati tal-Istati Membri li għandhom jevalwaw l-osservanza tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawża prinċipali.

40

Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-High Court ċaħdet l-argument tal-Irlanda bbażat fuq it-tardività tar-rikors ippreżentat quddiemha u li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li ma kienx neċessarju li din il-kwistjoni tiġi eżaminata mill-ġdid.

41

Għandu madankollu jiġi ppreċiżat li r-rikonoxximent tad-dritt ta’ parti li tinvoka l-invalidità ta’ att tal-Unjoni jippresupponi li din ma kellhiex dritt tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra l-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23; E u F, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, kif ukoll tas-17 ta’ Frar 2011, Bolton Alimentari, C-494/09, Ġabra p. I-647, punt 22). Fil-fatt, jekk jiġi ammess li individwu li, lil hinn minn kull dubju, kellu locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għall-annullament ta’ att, ikun jista’ wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali l-validità tal-istess att, dan ikun ifisser li tali individwu jkun jista’ jevadi n-natura definittiva li jkollu tali att fil-konfront tiegħu wara l-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq TWD Textilwerke Deggendorf, punti 18 u 24; E u F, punti 46 u 48, kif ukoll Bolton Alimentari, punti 22 u 23).

42

F’dan il-każ, ma jidhirx li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu, lil hinn minn kull dubju, locus standi sabiex jippreżenta rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE kontra d-Deċiżjoni 2011/199.

43

Għalhekk, l-argument tal-Irlanda intiż li tiġi kkonstatata l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda ma jistax jintlaqa’.

44

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

3. Fuq il-mertu

45

Għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk l-emenda tat-Trattat FUE prevista mid-Deċiżjoni 2011/199 tikkonċernax biss id-dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE u, min-naħa l-oħra, jekk hija żżidx il-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni fit-Trattati.

a) Fuq il-punt dwar jekk ir-reviżjoni tat-Trattat FUE tikkonċernax biss id-dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti tal-imsemmi trattat

46

Għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni 2011/199 temenda dispożizzjoni tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, jiġifieri l-Artikolu 136 TFUE, u għalhekk tissodisfa formalment il-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-Artikolu 48(6) TUE, li jipprovdu li l-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata għandha tikkonċerna biss dispożizzjonijiet ta’ din it-tielet parti.

47

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk ir-reviżjoni tat-Trattat FUE taffettwax ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Ewwel Parti tiegħu. Għal dawn il-finijiet, hija tistaqsi jekk id-Deċiżjoni 2011/199 tinterferixxix mal-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-politika monetarja u f’dak tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 119(2) TFUE, l-attivitajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni għandhom jinkludu munita waħda, l-euro, kif ukoll id-definizzjoni u l-iżvolġiment ta’ politika monetarja waħda u ta’ politika ta’ rati ta’ kambju waħda. Il-politika monetarja tal-Unjoni hija s-suġġett, fost oħrajn, tal-Artikoli 3(1)(ċ) TFUE u 127 TFUE sa 133 TFUE.

49

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 282(1)TFUE, il-BĊE u l-banek ċentrali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jikkostitwixxu l-Eurosistema, għandhom jiggwidaw il-politika monetarja tal-Unjoni.

50

Mill-Artikolu 3(1)(ċ) TFUE jirriżulta li l-Unjoni għandu jkollha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

51

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 119(1) TFUE, l-attivitajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni għandhom jinkludu l-istabbiliment ta’ politika ekonomika bbażata fuq kooperazzjoni mill-qrib tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, fuq is-suq intern u fuq id-definizzjoni ta’ għanijiet komuni, imwettaq b’konformità mal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħa li tinkludi kompetizzjoni libera. Il-politika ekonomika tal-Unjoni hija s-suġġett, fost oħrajn, tal-Artikoli 2(3) TFUE, 5(1) TFUE kif ukoll 120 TFUE sa 126 TFUE.

52

Għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk id-Deċiżjoni 2011/199, inkwantu temenda l-Artikolu 136 TFUE billi żżid il-paragrafu 3 li jipprovdi li “[l]-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà”, tagħtix kompetenza lill-Istati Membri fil-qasam tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Fil-fatt, jekk dan ikun il-każ, l-emenda tat-Trattat ikkonċernata tkun tinterferixxi mal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(ċ) TFUE, u, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tinsab fl-Ewwel Parti tat-Trattat FUE, tali emenda tista’ titwettaq biss permezz tal-proċedura ta’ reviżjoni ordinarja prevista fl-Artikolu 48(2) sa (5) TUE.

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li t-Trattat FUE, li ma jinkludi ebda definizzjoni tal-politika monetarja, jagħmel riferiment, fid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-imsemmija politika, għall-għanijiet tagħha pjuttost milli għall-istrumenti tagħha.

54

Skont l-Artikoli 127(1) TFUE u 282(2) TFUE, l-għan prinċipali tal-politika monetarja tal-Unjoni huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Barra minn hekk, dawn l-istess dispożizzjonijiet jipprovdu li s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (iktar ’il quddiem is-“SEBĊ”) għandha tipprovdi s-sostenn tagħha għall-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni, sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tagħha, kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tat-Trattat UE. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 139(2) TFUE, l-Artikolu 127(1) TFUE ma japplikax għall-Istati Membri li huma s-suġġett ta’ deroga fis-sens tal-Artikolu 139(1) TFUE.

55

Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-għanijiet tal-mekkaniżmu ta’ stabbiltà li l-istabbiliment tiegħu huwa previst fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/199 kif ukoll il-metodi previsti għal dan il-għan jaqgħux taħt il-politika monetarja fis-sens tal-Artikoli 3(1)(ċ) TFUE u 127 TFUE.

56

Fir-rigward, minn naħa, tal-għan tal-imsemmi mekkaniżmu, li huwa li tinżamm l-istabbiltà taż-żona euro kollha, dan huwa differenti mill-għan li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, li jikkostitwixxi l-għan prinċipali tal-politika monetarja tal-Unjoni. Fil-fatt, anki jekk l-istabbiltà taż-żona euro jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq l-istabbiltà tal-munita użata fi ħdan din iż-żona, miżura ta’ politika ekonomika ma tistax tiġi ekwiparata ma’ miżura ta’ politika monetarja minħabba s-sempliċi fatt li jista’ jkollha effetti indiretti fuq l-istabbiltà tal-euro.

57

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-metodi previsti sabiex jintlaħaq l-għan ikkonċernat, id-Deċiżjoni 2011/199 tippreċiża biss li l-mekkaniżmu ta’ stabbiltà għandu jipprovdi kwalunkwe assistenza finanzjarja neċessarja u ma tinkludi ebda indikazzjoni oħra dwar il-funzjonament ta’ dan il-mekkaniżmu. Ma huwiex evidenti li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lil Stat Membru taqa’ taħt il-politika monetarja.

58

Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, kif jikkonfermaw barra minn hekk il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 u tas-17 ta’ Diċembru 2010 li jagħmlu riferiment għall-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2011/199, il-mekkaniżmu ta’ stabbiltà, li l-istabbiliment tiegħu huwa previst fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/199 jikkostitwixxi parti supplimentari għall-qafas regolamentari ġdid għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-Unjoni. Magħmul minn diversi regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottati fis-16 ta’ Novembru 2011, jiġifieri r-Regolamenti (UE) Nru 1173/2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, p. 1), Nru 1174/2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, p. 8), Nru 1175/2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU L 306, p 12), Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, p. 25), kif ukoll mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011, tat-8 ta’ Novembru 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 306, p. 33), u mid-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE, tat-8 ta’ Novembru 2011, dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, p. 41), l-imsemmi qafas jistabbilixxi koordinazzjoni u sorveljanza iktar stretti tal-politiki ekonomiċi u baġitarji mħaddna mill-Istati Membri u huwa intiż li jikkonsolida l-istabbiltà makroekonomika u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

59

Filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-qafas regolamentari mfakkar fil-punt preċedenti kif ukoll dawk tal-kapitolu tat-Trattat FUE dwar il-politika ekonomika, b’mod partikolari, l-Artikoli 123 TFUE u 125 TFUE, huma ta’ natura kawtelatorja, inkwantu huma intiżi li jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ kriżijiet ta’ dejn sovran, l-istabbiliment tal-mekkaniżmu ta’ stabbiltà huwa intiż li jamministra l-kriżijiet finanzjarji li, minkejja l-azzjonijiet kawtelatorji li jkunu ttieħdu, jistgħu madankollu jinħolqu.

60

Fid-dawl tal-għanijiet fdati lill-mekkaniżmu ta’ stabbiltà li l-istabbiliment tiegħu huwa previst fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/199, tal-istrumenti previsti sabiex jintlaħqu tali għanijiet u tar-rabta stretta bejn dan il-mekkaniżmu u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-politika ekonomika kif ukoll il-qafas regolamentari għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-Unjoni, għandu jiġi konkluż li l-istabbiliment ta’ tali mekkaniżmu jaqa’ fil-qasam tal-politika ekonomika.

61

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li, fis-17 ta’ Marzu 2011, il-BĊE ħareġ opinjoni dwar abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għal Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ĠU C 140, p. 8). Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(6) jipprovdi li “[i]l-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b’mod unanimu wara konsultazzjoni [...] mal-[BĊE] fil-każ ta’ bidliet istituzzjonali fil-qasam monetarju”, xorta jibqa’ l-fatt li mill-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2011/199 jirriżulta espliċitament li l-Kunsill Ewropew ikkonsulta lill-BĊE fuq inizjattiva tiegħu stess u mhux minħabba obbligi li huwa kellu taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

62

Fi kwalunkwe każ, il-konsultazzjoni mal-BĊE dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni 2011/199 ma tistax taffettwa n-natura tal-mekkaniżmu ta’ stabbiltà previst.

63

Għalhekk, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/199 li, permezz taż-żieda ta’ paragrafu 3 fl-Artikolu 136 TFUE, jipprevedi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà, ma jistax jaffettwa l-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni bl-Artikolu 3(1)(ċ) TFUE fil-qasam tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

64

It-tieni nett, fir-rigward tal-punt dwar jekk id-Deċiżjoni 2011/199 taffettwax il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Artikoli 2(3) u 5(1) TFUE jillimitaw l-irwol tal-Unjoni fil-qasam tal-politika ekonomika għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ koordinament, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u FUE ma jikkonferixxux kompetenza speċifika lill-Unjoni sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ stabbiltà kif previst minn din id-deċiżjoni.

65

Huwa minnu li l-Artikolu 122(2) TFUE jikkonferixxi lill-Unjoni l-kompetenza li tagħti assistenza finanzjarja speċifika lil Stat Membru li jkun għaddej minn diffikultajiet jew ikollu riskju serju li jgħaddi minn diffikultajiet gravi minħabba katastrofi naturali jew avvenimenti eċċezzjonali li ma għandux kontroll fuqhom. Madankollu, kif jenfasizza l-Kunsill Ewropew fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2011/199, l-Artikolu 122(2) TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali adatta għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà kif previst minn din id-deċiżjoni. Fil-fatt, kemm in-natura permanenti tal-mekkaniżmu previst kif ukoll il-fatt li l-attivitajiet tiegħu huma intiżi li jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja taż-żona euro kollha ma jippermettux li tali azzjoni tal-Unjoni tkun imwettqa abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

66

Barra minn hekk, anki jekk l-Artikolu 143(2) TFUE jippermetti, huwa stess, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-Unjoni tagħti għajnuna reċiproka lil Stat Membru, l-imsemmija dispożizzjoni tkopri biss l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

67

Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-Unjoni tistax tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ stabbiltà simili għal dak previst mid-Deċiżjoni 2011/199 abbażi tal-Artikolu 352 TFUE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Unjoni ma eżerċitatx il-kompetenza tagħha skont dan l-artikolu u li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija dispożizzjoni ma timponilha ebda obbligu li taġixxi (ara sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, “AETR”, 22/70, Ġabra p. 263, punt 95).

68

Għalhekk, fir-rigward tal-Artikoli 4(1) TUE u 5(2) TUE, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom kompetenza sabiex jikkonkludu ftehim bejniethom dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà, kif previst fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/199 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’Ġunju 1993, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-181/91 u C-248/91, Ġabra p. I-3685, punt 16; tat-2 ta’ Marzu 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-316/91, Ġabra p. I-625, punt 26, u tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-91/05, Ġabra p. I-3651, punt 61).

69

Madankollu, l-imsemmija Stati Membri ma jistgħux jinjoraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam (ara sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo, C-55/00, Ġabra p. I-413, punt 32). Madankollu, ir-raġuni għalfejn l-għoti ta’ assistenza finanzjarja mill-mekkaniżmu ta’ stabbiltà huwa suġġett għal kundizzjonalità stretta, skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 136 TFUE, li jikkostitwixxi d-dispożizzjoni kkonċernata bir-reviżjoni tat-Trattat FUE, hija sabiex jiġi żgurat li, fil-funzjonament tiegħu, dan il-mekkaniżmu josserva d-dritt tal-Unjoni, inklużi l-miżuri meħuda mill-Unjoni fil-kuntest tal-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri.

70

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li d-Deċiżjoni 2011/199 tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-Artikolu 48(6) TUE, li jipprovdu li reviżjoni tat-Trattat FUE permezz tal-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata tista’ tikkonċerna biss id-dispożizzjonijiet tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE.

b) Fuq il-punt dwar jekk ir-reviżjoni tat-Trattat FUE żżidx il-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni fit-Trattati

71

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-Deċiżjoni 2011/199 tissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 48(6) TUE, li tipprovdi li reviżjoni tat-Trattat FUE permezz tal-proċedura ta’ reviżjoni ssemplifikata ma tistax timplika żieda tal-kompetenzi tal-Unjoni.

72

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 136(3) TFUE, li l-inklużjoni tiegħu hija prevista fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/199, jikkonferma l-eżistenza ta’ kompetenza fi ħdan l-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà u barra minn hekk, huwa intiż li jiggarantixxi, billi jipprovdi li l-għoti ta’ kwalunkwe assistenza finanzjarja skont dan il-mekkaniżmu ser tkun suġġetta għal kundizzjonalità stretta, li l-mekkaniżmu ta’ stabbiltà jopera b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

73

L-imsemmija emenda ma tattribwixxi ebda kompetenza ġdida lill-Unjoni. Fil-fatt, l-emenda tal-Artikolu 136 TFUE, imwettqa bid-Deċiżjoni 2011/199, ma toħloq ebda bażi legali bil-għan li tippermetti lill-Unjoni twettaq azzjoni li ma kinitx possibbli qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda tat-Trattat FUE.

74

Minkejja li t-Trattat MES jirrikorri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-Kummissjoni u l-BĊE, dan il-fatt, fi kwalunkwe każ, ma jistax jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/199, li min-naħa tagħha tipprevedi biss l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà mill-Istati Membri u ma tipprovdi xejn dwar l-irwol eventwali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

75

Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni 2011/199 ma żżidx il-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni fit-trattati.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-eżami ta’ din id-domanda ma rrivela ebda fattur li jista’ jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/199.

B – Fuq it-tieni domanda

77

It-tieni domanda tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 TUE, 3 TUE, 4(3) TUE, 13 TUE, 2(3) TFUE, 3(1)(ċ) u (2) TFUE, 119 TFUE sa 123 TFUE, u 125 TFUE sa 127 TFUE kif ukoll tal-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ ċertezza legali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn l-artikoli u prinċipji jipprekludux Stat Membru, li l-munita tiegħu hija l-euro, milli jikkonkludi u jirratifika ftehim bħat-Trattat MES.

1. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

78

Il-Gvern ta’ Spanja jsostni li, peress li l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti tat-Trattat MES, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-132/09, Ġabra p. I-8695, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-tieni domanda, mill-kliem tagħha stess, tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u mhux l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat MES.

80

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni u li jgħinuha tevalwa l-konformità tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat MES mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011, Vandoorne, C-489/09, Ġabra p. I-225, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina t-tieni domanda.

2. Fuq l-ammissibbiltà

82

Uħud mill-gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni jsostnu li t-tieni domanda hija parzjalment inammissibbli minħabba li l-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda indikazzjoni rigward ir-rilevanza, għall-kawża li tressqet quddiemha, tal-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet u ta’ ċerti prinċipji li hemm riferiment għalihom f’din id-domanda.

83

Qabelxejn, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tagħhom tal-ewwel tipprovdilhom l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawża li jkollhom quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke, C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 22, u tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider, C-380/01, Ġabra p. I-1389, punt 20, kif ukoll id-digriet tat-13 ta’ Jannar 2010, Calestani u Lunardi, C-292/09 u C-293/09, punt 18).

84

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-bżonn li tiġi pprovduta interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li, minn tal-inqas, din tal-aħħar tagħti spjegazzjoni tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li titlob l-interpretazzjoni tagħhom (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2012, Ciampaglia, C-185/12, punt 5 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, peress li skont l-imsemmija dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien mat-traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, mingħajr kwalunkwe fajl nazzjonali li jista’ jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (digriet tat-23 ta’ Marzu 2012, Thomson Sales Europe, C-348/11, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Fil-każ ineżami, kif jirrilevaw l-Irlanda, il-Gvern tas-Slovakkja u l-Kummissjoni, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħti ebda spjegazzjoni dwar ir-rilevanza tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 TUE u 3 TUE sabiex il-kawża tiġi deċiża. Dan japplika wkoll, kif isostnu l-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Spanja u ta’ Franza kif ukoll il-Kummissjoni, għall-interpretazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

87

Għaldaqstant, it-tieni domanda hija inammissibbli inkwantu tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 TUE u 3 TUE kif ukoll tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

88

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jesprimu wkoll dubji dwar l-effett dirett tal-Artikoli 119 TFUE sa 121 TFUE. Peress li dawn l-artikoli ma jimponux fuq l-Istati Membri obbligi ċari u inkundizzjonabbli li jistgħu jiġu invokati minn individwi quddiem il-qrati nazzjonali, id-domanda hija inammissibbli sa fejn tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dawn l-artikoli. L-Irlanda, li tqis li ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet li hemm riferiment għalihom fid-domanda ma għandhom effett dirett, issostni li d-domanda kollha hija inammissibbli.

89

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din tal-aħħar għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, indipendentement minn jekk għandhomx effett dirett (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et, C-254/08, Ġabra p. I-6995, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda tal-qorti tar-rinviju ma hijiex intiża li jiġi determinat jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jistax jinvoka dritt li huwa direttament ibbażat fuq l-artikoli kkonċernati tat-Trattati UE u FUE. Il-kriterji ta’ interpretazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja huma biss intiżi li jippermettu lill-imsemmija qorti tevalwa l-konformità tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat MES mad-dritt tal-Unjoni.

91

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni domanda hija ammissibbli inkwantu tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 TUE, 3 TUE, 4(3) TUE, 13 TUE, 2(3) TFUE, 3(1)(ċ) u (2) TFUE, 119 TFUE sa 123 TFUE, u 125 TFUE sa 127 TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

3. Fuq il-mertu

92

Għandha tingħata interpretazzjoni, l-ewwel nett, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikoli 3(1)(ċ) TFUE u 127 TFUE, dwar il-politika monetarja tal-Unjoni, u l-Artikolu 3(2) TFUE dwar il-kompetenza tal-Unjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali, u t-tieni nett, tal-Artikoli 4(3) TUE u 13 TUE, kif ukoll tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

a) Fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni

i) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1)(ċ) TFUE u 127 TFUE

93

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-mekkaniżmu ta’ stabbiltà stabbilit mit-Trattat MES jaqax taħt il-politika monetarja u, konsegwentement, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 3 tat-Trattat MES jirriżulta li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi sostenn għall-istabbiltà tal-euro. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-argument tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom, u s-self neċessarju f’dan ir-rigward, fuq l-iskala prevista mit-Trattat MES, iżidu l-ammont ta’ euros fiċ-ċirkulazzjoni. It-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni jikkonferixxu fuq il-BĊE l-poter esklużiv li jirregola l-provvista monetarja fiż-żona euro. Dawn it-trattati tal-aħħar ma jawtorizzawx entità oħra teżerċita tali funzjonijiet u taġixxi b’mod paralleli mal-BĊE, barra mill-qafas tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Barra minn hekk, iż-żieda tal-provvista monetarja għandha influwenza diretta fuq l-inflazzjoni. Konsegwentement, l-attivitajiet tal-MES jista’ jkollhom impatt dirett fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona euro, li jkun jaffettwa l-qofol stess tal-politika monetarja tal-Unjoni.

94

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 50 tas-sentenza preżenti, skont l-Artikolu 3(1)(ċ) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Skont l-Artikolu 282(1) TFUE, il-BĊE u l-banek ċentrali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jikkostitwixxu l-Eurosistema, għandhom jiggwidaw il-politika monetarja tal-Unjoni. Skont l-Artikoli 127(1) TFUE u 282(2) TFUE, l-għan tas-SEBĊ inġenerali u tal-Eurosistema b’mod partikolari huwa ż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

95

Madankollu, l-attivitajiet tal-MES ma jaqgħux taħt il-politika monetarja li hija s-suġġett tal-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

96

Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikoli 3 u 12(1) tat-Trattat MES, il-MES ma għandux bħala għan iż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet, iżda huwa intiż li jissodisfa l-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-membri tal-MES, jiġifieri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jkunu għaddejjin jew ikollhom riskju li jgħaddu minn problemi serji ta’ finanzjament, jekk dan ikun indispensabbli sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja taż-żona euro kollha u tal-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, il-MES la huwa awtorizzat jistabbilixxi r-rati ta’ interess prinċipali għaż-żona euro u lanqas li joħroġ euros, peress li l-assistenza finanzjarja li huwa jagħti għandha tkun iffinanzjata kollha kemm hi, b’konformità mal-Artikolu 123(1) TFUE, mill-kapital disponibbli jew mill-emissjoni ta’ strumenti finanzjarji, kif jipprovdi l-Artikolu 3 tat-Trattat MES.

97

Kif jirriżulta mill-punt 56 tas-sentenza preżenti, l-effett possibbli tal-attivitajiet tal-MES fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet ma jistax jiskredita din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-attivitajiet tal-MES jistgħu jinfluwenzaw il-livell ta’ inflazzjoni, tali influwenza tkun biss il-konsegwenza indiretta tal-miżuri ta’ politika ekonomika meħuda.

98

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikoli 3(1)(ċ) TFUE u 127 TFUE la jipprekludu l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES li l-munita tagħhom hija l-euro bejn l-Istati Membri u lanqas ir-ratifika ta’ tali ftehim minn dawn tal-aħħar.

ii) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) TFUE

99

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-Trattat MES huwiex ftehim internazzjonali li l-funzjonament tiegħu jista’ jaffettwa regoli komuni fil-qasam tal-politika ekonomika u monetarja. Għal dan il-għan, hija tirreferi għall-premessa 1 ta’ dan it-trattat li tistabbilixxi li l-MES għandu jassumi l-irwol attwalment attribwit lil FESF u lil MESF.

100

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni għandha “kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni [...] tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħhom”.

101

Minn dan jirriżulta wkoll li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jikkonkludu bejniethom ftehim li jista’ jaffettwa r-regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti li tqajmu f’dan il-kuntest ma rrivelawx li ftehim bħat-Trattat MES ikollu tali effetti.

102

Fil-fatt, minn naħa, peress li l-FESF ġiet stabbilita mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, barra mill-qafas tal-Unjoni, l-assunzjoni mill-MES tal-irwol attribwit lill-FESF ma jistax jaffettwa r-regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

103

Min-naħa l-oħra, anki jekk mill-premessa 1 tat-Trattat MES jirriżulta li l-MES ser jassumi, fost funzjonijiet oħra, l-irwol li qabel kien attribwit temporanjament lil MESF, stabbilit abbażi tal-Artikolu 122(2) TFUE, tali fatt ma huwiex ta’ natura li jaffettwa r-regoli komuni tal-Unjoni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

104

Fil-fatt, l-istabbiliment tal-MES ma jaffettwax il-kompetenza tal-Unjoni li tipprovdi, abbażi tal-Artikolu 122(2) TFUE, assistenza finanzjarja speċifika lil Stat Membru li jkun għaddej minn diffikultajiet jew ikollu riskju serju li jgħaddi minn diffikultajiet gravi minħabba katastrofi naturali jew avvenimenti eċċezzjonali li ma għandux kontroll fuqhom.

105

Barra minn hekk, peress li la l-Artikolu 122(2) TFUE u lanqas dispożizzjoni oħra tat-Trattati UE u FUE ma jikkonferixxu kompetenza speċifika lill-Unjoni sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ stabbiltà permanenti bħall-MES (ara punti 64 sa 66 tas-sentenza preżenti), l-Istati Membri huma awtorizzati, fid-dawl tal-Artikoli 4(1) TUE u 5(2) TUE, jaġixxu f’dan il-qasam.

106

Il-konklużjoni u r-ratifika tat-Trattat MES mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ma jippreġudikawx l-għan tal-Artikolu 122(2) TFUE jew tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010, tal-11 ta’ Mejju 2010, li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, p. 1), adottat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, u ma jipprekludux l-Unjoni milli teżerċita l-kompetenzi tagħha stess fl-interess komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-476/98, Ġabra p. I-9855, punt 105).

107

Għaldaqstant, l-Artikolu 3(2) la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-ratifika ta’ tali ftehim minn dawn tal-aħħar.

b) Fuq l-interpretazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-politika ekonomika

i) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(3) TFUE, 119 TFUE sa 121 TFUE u 126 TFUE

108

Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-argument tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li t-Trattat MES jikkostitwixxi modifika u sovversjoni fundamentali tal-ordinament ġuridiku li jirregola l-Unjoni ekonomika u monetarja u li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Mill-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2011/199 jirriżulta li l-Kunsill Ewropew stess ikkunsidra li l-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà permanenti jeżiġi modifika tat-Trattat FUE. Iktar minn hekk, l-Artikoli 2(3) TFEU, 119 TFEU sa 121 TFEU u 126 TFEU jikkonferixxu fuq l-Unjoni kompetenza sabiex tikkoordina l-politika ekonomika. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-Trattat MES jinterferixxix mal-poter tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jadotta rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 126 TFUE u, b’mod partikolari, jekk il-“kundizzjonalità” prevista mit-Trattat MES hijiex ekwivalenti għar-rakkomandazzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

109

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li mill-punt 68 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-istati Membri għandhom kompetenza li bejniethom jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħat-Trattat MES sa fejn l-impenji meħuda mill-Istati Membri kontraenti fil-kuntest ta’ tali ftehim ikunu josservaw id-dritt tal-Unjoni.

110

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-MES ma għandux bħala għan il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, iżda jikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ finanzjament. Fil-fatt, skont l-Artikoli 3 u 12(1) tat-Trattat MES, l-għan tal-MES huwa li jimmobilizza r-riżorsi finanzjarji u jipprovdi sostenn għall-istabbiltà finanzjarja lill-membri tiegħu li jkunu għaddejjin jew ikollhom riskju li jgħaddu minn problemi serji ta’ finanzjament.

111

Filwaqt li huwa minnu li, skont l-Artikoli 3 u 12(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES, l-assistenza finanzjarja pprovduta lil Stat Membru, membru tal-MES, hija suġġetta għal kundizzjonalità stretta adattata għall-istrument ta’ assistenza magħżul, li jista’ jieħu l-forma ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku, il-kundizzjonalità prevista madankollu ma tikkostitwixxix strument ta’ koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istat Membri, iżda hija pjuttost intiża li tiżgura l-kompatibbiltà tal-attivitajiet tal-MES, b’mod partikolari, mal-Artikolu 125 TFUE u mal-miżuri ta’ koordinazzjoni meħuda mill-Unjoni.

112

Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tat-Trattat MES jipprovdi espliċitament li l-kundizzjonijiet marbuta ma’ sostenn għall-istabbiltà għandhom ikunu “gћalkollox konsistenti mal-miżuri ta’ koordinazzjoni ta’ politika ekonomika previsti fit-[Trattat FUE]”. Barra minn hekk, mill-Artikolu 13(4) jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tivverifika, qabel ma tiffirma l-protokoll tal-ftehim li jiddefinixxi l-kundizzjonalità marbuta mas-sostenn għall-istabbiltà, li l-kundizzjonijiet imposti huma għalkollox kompatibbli mal-miżuri ta’ koordinament tal-politiki ekonomiċi.

113

Fl-aħħar nett, it-Trattat MES lanqas ma jaffettwa l-kompetenza tal-Kunsill li joħroġ rakkomandazzjonijiet abbażi tal-Artikolu 126(7) u (8) TFUE fir-rigward ta’ Stat Membru li għandu defiċit eċċessiv. Fil-fatt, minn naħa, il-MES ma huwiex mitlub joħroġ tali rakkomandazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 13(4) tat-Trattat MES jipprovdu li l-kundizzjonijiet imposti lill-membri tal-MES li jibbenefikaw minn assistenza finanzjarja għandhom ikunu kompatibbli ma’ kull rakkomandazzjoni li jista’ jadotta l-Kunsill skont l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

114

Minn dan isegwi li l-Artikoli 2(3) TFEU, 119 TFEU sa 121 TFEU u 126 TFEU la jipprekludu l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-ratifika ta’ tali ftehim minn dawn tal-aħħar.

ii) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 122 TFUE

115

Għandu jitfakkar qabelxejn li, skont l-Artikolu 122(1) TFUE, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, li jieħu miżuri xierqa fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari, fil-qasam tal-enerġija.

116

Peress li l-Artikolu 122(1) TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali adatta għall-eventwali assistenza finanzjarja mill-Unjoni lill-Istati Membri li jkunu għaddejjin jew ikollhom riskju li jgħaddu minn problemi serji ta’ finanzjament, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħall-MES ma jinterferixxix mal-poteri li l-imsemmija dispożizzjoni tikkonferixxi fuq il-Kunsill.

117

Sussegwentement, fir-rigward tal-Artikolu 122(2) TFUE, il-qorti tar-rinviju, sabiex tevalwa jekk il-MES jinterferixxix mal-kompetenza mogħtija b’din id-dispożizzjoni lill-Unjoni, tistaqsi jekk tali dispożizzjoni telenkax b’mod eżawrjenti ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom huwa possibbli li tingħata assistenza finanzjarja lill-Istati Membri u jekk dan l-artikolu jawtorizzax biss lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jagħtu assistenza finanzjarja.

118

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 122 TFUE għandu biss bħala suġġett assistenza finanzjarja mogħtija mill-Unjoni u mhux mill-Istati Membri. Skont l-Artikolu 122(2) TFUE, il-Kunsill jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jagħti tali assistenza lil Stat Membru li jkun għaddej minn diffikultajiet jew ikollu riskju serju li jgħaddi minn diffikultajiet gravi minħabba katastrofi naturali jew avvenimenti eċċezzjonali li ma għandux kontroll fuqhom.

119

L-eżerċizzju mill-Unjoni tal-kompetenza li hija attribwita mill-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma huwiex affettwat bl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħall-MES.

120

Barra minn hekk, ma hemm xejn fl-Artikolu 122 TFUE li jindika li hija biss l-Unjoni li għandha kompetenza li tagħti assistenza finanzjarja lil Stat Membru.

121

Minn dan isegwi li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħall-MES, sa fejn, madankollu, fil-funzjonament tiegħu, dan il-mekkaniżmu josserva d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-miżuri meħuda mill-Unjoni fil-qasam tal-koordinament tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri (ara l-punti 68 u 69 tas-sentenza preżenti). Kif jirriżulta mill-punti 111 sa 113 tas-sentenza preżenti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 13(4) huma intiżi li jiżguraw li kull assistenza finanzjarja mogħtija mill-MES tkun kompatibbli ma’ tali miżuri ta’ koordinazzjoni.

122

Għalhekk, l-Artikolu 122 TFUE la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-ratifika tiegħu minn dawn tal-aħħar.

iii) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 123 TFUE

123

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 123 TFUE ma jawtorizzax lill-BĊE u lill-banek ċentrali tal-Istati Membri jagħtu self kurrenti jew kwalunkwe tip ieħor ta’ kreditu lill-awtoritajiet u korpi pubbliċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri u lanqas li jiksbu direttament mingħandhom strumenti tad-dejn tagħhom.

124

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-ratifika ta’ ftehim bħat-Trattat MES mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro hijiex intiża li tevita l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 123 TFUE. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ma jistgħux, la direttament u lanqas permezz ta’ korpi kkostitwiti jew rikonoxxuti minhom, jidderogaw mid-dritt tal-Unjoni jew jaċċettaw tali deroga.

125

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 123 TFUE jindirizza speċifikament lill-BĊE u lill-banek ċentrali tal-Istati Membri. Għaldaqstant, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja minn Stat Membru jew minn grupp ta’ Stati Membri lil Stat Membru ieħor ma taqax taħt l-imsemmija projbizzjoni.

126

Madankollu, mill-Artikoli 3, 12(1) u 13 tat-Trattat MES jirriżulta li huwa l-MES li jipprovdi assistenza finanzjarja lil membru tal-imsemmi mekkaniżmu meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjonijiet jiġu sodisfatti. Għalhekk, anki jekk l-Istati Membri jaġixxu permezz tal-MES, dawn ma jkunux qegħdin jidderogaw mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 123 TFUE, sa fejn dan l-artikolu ma huwiex indirizzat lilhom.

127

Barra minn hekk, b’ebda mod ma jista’ jitqies li r-riżorsi finanzjarji mogħtija mill-membri tal-MES lil dan tal-aħħar jistgħu joriġinaw minn strumenti finanzjarji pprojbiti mill-Artikolu 123(1) TFUE.

128

Għalhekk, l-Artikolu 123 TFUE la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-ratifika tiegħu minn dawn tal-aħħar.

iv) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 125 TFUE

129

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ftehim bħat-Trattat MES jiksirx il-klawżola ta’ “non salvataġġ” stabbilita fl-Artikolu 125 TFUE.

130

Għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tal-Artikolu 125 TFUE, li jipprovdi li l-Unjoni jew Stat Membru “m[a] għandh[om]x ikun[u] responsabbli” għal Stat Membru ieħor “jew jassum[u] l-obbligazzjon[i]jiet [tiegħu]” jirriżulta li dan l-artikolu ma huwiex intiż li jipprekludi lill-Unjoni u lill-Istati Membri milli jagħtu assistenza finanzjarja lil Stat Membru ieħor.

131

Dan il-qari tal-Artikolu 125 TFUE huwa kkonfermat mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-kapitolu tat-Trattat FUE dwar il-politika ekonomika u, b’mod partikolari, mill-Artikoli 122 TFUE u 123 TFUE. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 122(2) TFUE jipprovdi li l-Unjoni tista’ tagħti assistenza finanzjarja speċifika lil Stat Membru li jkun għaddej minn diffikultajiet jew ikollu riskju serju li jgħaddi minn diffikultajiet gravi minħabba katastrofi naturali jew avvenimenti eċċezzjonali li ma għandux kontroll fuqhom. Kieku l-Artikolu 122(2) TFUE kien jipprekludi kwalunkwe assistenza finanzjarja mill-Unjoni jew mill-Istati Membri lil Stat Membru ieħor, l-Artikolu 122 TFUE kien ikollu jippreċiża li huwa jikkostitwixxi deroga mill-Artikolu 125 TFUE.

132

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 123 TFUE, li jipprekludi lill-BĊE u lill-banek ċentrali tal-Istati Membri milli jagħtu “[f]aċilitajiet ta’ overdraft jew ta’ xi tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu”, huwa mfassal fi kliem iktar strett minn dak tal-klawżola ta’ “non salvataġġ” ipprovduta fl-Artikolu 125 TFUE. Il-kliem differenti li jintuża f’dan l-aħħar artikolu jikkonferma li l-projbizzjoni li hija stabbilita f’dan l-artikolu ma hijiex intiża li teskludi kull assistenza finanzjarja favur Stat Membru.

133

Għalhekk, sabiex jiġu ddeterminati l-forom ta’ assistenza finanzjarja li huma kompatibbli mal-Artikolu 125 TFUE, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ dan l-artikolu.

134

Għal dawn il-finijiet, għandu jitfakkar li l-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 125 TFUE toriġina mill-Artikolu 104 B tat-Trattat KE (li issa sar l-Artikolu 103 KE), li ġie inkluż fit-Trattat KE bit-Trattat ta’ Maastricht.

135

Mix-xogħol preparatorju ta’ dan l-aħħar trattat jirriżulta li l-Artikolu 125 TFUE huwa intiż li jiżgura li l-Istati Membri josservaw politika baġitarja għaqlija (ara l-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea għall-implementazzjoni ta’ Unjoni ekonomika u monetarja, Bullettin tal-Komunitajiet Ewropej, Suppliment 2/91, p. 22 u 52). Fil-fatt, il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 125 TFUE tiggarantixxi li l-Istati Membri jibqgħu suġġetti għal-loġika tas-suq meta jidħlu f’dejn, peress li dan għandu jħeġġiġhom iżommu dixxiplina baġitarja. L-osservanza ta’ tali dixxiplina tikkontribwixxi fuq livell tal-Unjoni għat-twettiq ta’ għan superjuri, jiġifieri ż-żamma ta’ stabbiltà finanzjarja tal-Unjoni monetarja.

136

Fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 125 TFUE, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni tipprekludi lill-Unjoni u lill-Istati Membri milli jagħtu assistenza finanzjarja li jkollha bħala effett li ddgħajjef l-inċentiv tal-Istat Membru benefiċjarju ta’ din l-assistenza li jassumi politika baġitarja għaqlija. Kif jirriżulta mill-punt 5 tal-Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għal Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, l-attivazzjoni ta’ assistenza finanzjarja skont mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħall-MES tkun biss kompatibbli mal-Artikolu 125 TFUE meta jirriżulta li hija indispensabbli għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja taż-żona euro kollha u meta tkun suġġetta għal kundizzjonijiet stretti.

137

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 125 TFUE ma jipprekludix l-għoti ta’ assistenza finanzjarja minn Stat Membru jew iktar lil Stat Membru li jibqa’ responsabbli lejn il-kredituri tiegħu u bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti marbuta ma’ tali assistenza jistgħu jħeġġu lil dan tal-aħħar jimplementa politika baġitarja għaqlija.

138

Fir-rigward tat-Trattat MES, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet ta’ sostenn għall-istabbiltà li jista’ jirrikorri għalihom il-MES skont l-Artikoli 14 sa 18 ta’ dan it-trattat juru li l-MES ma huwiex ser ikun garanti tad-dejn tal-Istat Membru benefiċjarju. Dan tal-aħħar ser jibqa’ responsabbli lejn il-kredituri tiegħu għall-impenji finanzjari tiegħu.

139

Fil-fatt, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lil membru tal-MES, f’forma ta’ linja ta’ kreditu, skont l-Artikolu 14 tat-Trattat MES, jew f’forma ta’ self, skont l-Artikolu 15 u 16 tal-istess trattat, b’ebda mod ma jimplika li l-MES ser jieħu responsabbiltà tad-dejn tal-Istat Membru benefiċjarju. Kuntrarjament, tali assistenza tirriżulta fil-ħolqien ta’ dejn ġdid li huwa dovut lill-MES mill-Istat Membru benefiċjarju, liema membru jibqa’ responsabbli fir-rigward tal-kredituri tiegħu. Għal dan il-għan, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 13(6) tat-Trattat MES, kull assistenza finanzjarja mogħtija abbażi tal-Artikoli 14 sa 16 tiegħu, għandha tiġi rrimborsata lill-MES mill-Istat Membru benefiċjarju u li, skont l-Artikolu 20(1) tal-imsemmi trattat, l-ammont dovut għandu jiżdied b’marġni xieraq.

140

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ sostenn previsti fl-Artikoli 17 u 18 tat-Trattat MES, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li x-xiri mill-MES ta’ bonds maħruġa minn membru tal-MES fis-suq primarju huwa ekwiparabbli għal għoti ta’ self. Għar-raġunijiet esposti fil-punt preċedenti, il-MES, permezz tax-xiri ta’ tali bonds, ma jiħux responsabbiltà għad-dejn tal-Istat Membru benefiċjarju.

141

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tax-xiri fis-suq sekondarju ta’ bonds maħruġa minn Stat Membru tal-MES, għandu jiġi kkonstatat li, f’tali sitwazzjoni wkoll, l-Istat Membru emettenti biss jibqa’ responsabbli għad-dejn inkwistjoni. Il-fatt li l-MES bħala x-xerrej f’dan is-suq ta’ bonds maħruġa minn membru tal-MES iħallas prezz lid-detentur ta’ dawn il-bonds, kreditur tal-membru tal-MES emettenti, ma jfissirx li l-MES ikun responsabbli għad-dejn li dan il-membru tal-MES għandu ma’ dan il-kreditur. Fil-fatt, l-imsemmi prezz jista’ jvarja sostanzjalment mill-valur tal-kreditu inkluż f’tali bonds, peress li jiddependi fuq ir-regoli tad-domanda u tal-provvista fis-suq sekondarju ta’ bonds maħruġa mill-membru tal-MES inkwistjoni.

142

It-tieni nett, it-Trattat MES ma jipprovdix li sostenn għall-istabbiltà ser jingħata hekk kif Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jsibha diffiċli li jikseb finanzjament fis-suq. Fil-fatt, skont l-Artikoli 3 u 12(1) ta’ dan it-trattat, sostenn għall-istabbiltà jista’ jingħata biss lil membri tal-MES li jkunu għaddejjin jew ikollhom riskju li jgħaddu minn problemi serji ta’ finanzjament biss meta tali sostenn ikun indispensabbli għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona euro kollha, u fl-Istati Membri tagħha u l-għoti ta’ tali sostenn huwa suġġett għal kundizzjonijiet stretti adattati għall-istrument ta’ assistenza finanzjarja magħżul.

143

Mill-punti 111 u 121 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-kundizzjonalità stretta li huwa suġġett għaliha kull sostenn għall-istabbiltà pprovdut mill-MES isservi sabiex tiżgura l-osservanza, mill-MES u mill-Istati Membri benefiċjarji, tal-miżuri meħuda mill-Unjoni b’mod partikolari fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, li, min-naħa tagħhom, huma intiżi li jiggarantixxu li l-Istati Membri jassumu politika baġitarja għaqlija.

144

It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal argument tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li r-regoli ta’ sejħa tal-kapital stabbiliti fl-Artikolu 25(2) tat-Trattat MES huma inkompatibbli mal-Artikolu 125 TFUE peress li jimplikaw li l-membri tal-MES ikunu garanti għad-dejn tal-membru inadempjenti.

145

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 25(2) tat-Trattat MES jipprovdi li, meta Stat Membru, membru tal-MES, jonqos milli jħallas il-fondi msejħa, tinħareġ sejħa għal fondi rriveduta u miżjuda lill-membri l-oħra kollha. Madankollu, skont din l-istess dispożizzjoni, l-Istat Membru inadempjenti jibqa’ marbut li jħallas il-parti tal-kapital tiegħu. Għalhekk, l-Istati Membri ma jkunux garanti tad-dejn tal-membru inadempjenti.

146

Għaldaqstant, mekkaniżmu bħall-MES u l-Istati Membri li jipparteċipaw fih, ma humiex responsabbli għall-impenji ta’ Stat Membru benefiċjarju ta’ sostenn għall-istabbiltà u lanqas ma jassumu responsabbiltà fis-sens tal-Artikolu 125 TFUE.

147

Minn dan isegwi li l-Artikolu 125 TFUE la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-ratifika tiegħu minn dawn tal-aħħar.

c) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE

148

Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom jonqsu, b’mod partikolari, milli jieħdu kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni.

149

Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-argument tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li l-istabbiliment tal-MES huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-politika ekonomika u monetarja u, għalhekk, mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

150

Tali argument ma jistax jiġi aċċettat.

151

Fil-fatt, mill-punti 93 sa 98 u 108 sa 147 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà, bħall-MES, ma jiksirx id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-politika ekonomika u monetarja. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 111 sa 113 tas-sentenza preżenti, it-Trattat MES jinkludi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-MES ser josserva d-dritt tal-Unjoni.

152

Minn dan isegwi li l-Artikolu 4(3) TUE la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-ratifika tiegħu minn dawn tal-aħħar.

d) Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 TUE

153

L-Artikolu 13(2) jipprovdi li kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-attribuzzjonijiet li jingħatawlha mit-Trattati, skont il-proċeduri, il-kundizzjonijiet u l-għanijiet previsti minnhom.

154

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-attribuzzjoni, mit-Trattat MES, ta’ funzjonijiet ġodda lill-Kummissjoni, lill-BĊE u lill-Qorti tal-Ġustizzja hijiex kompatibbli mal-attribuzzjonijiet tagħhom kif iddefiniti fit-Trattati. Għandu jiġi eżaminat separament l-irwol li l-Kummissjoni u l-BĊE, minn naħa, u l-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, jintalbu jeżerċitaw fil-kuntest tat-Trattat MES.

i) Fuq l-irwol attribwit lill-Kummissjoni u lill-BĊE

155

It-Trattat MES jattribwixxi diversi funzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-BĊE.

156

Fi-rigward tal-Kummissjoni, dawn il-funzjonijiet jikkonsistu fl-evalwazzjoni tat-talbiet għal sostenn għall-istabbiltà [Artikolu 13(1)], fl-evalwazzjoni tal-urġenza tagħhom [Artikolu 4(4)], fin-negozjar ta’ protokoll ta’ ftehim li jippreċiża l-kundizzjonalità marbuta mal-assistenza finanzjarja mogħtija [Artikolu 13(3)], fil-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonalità marbuta mal-assistenza finanzjarja [Artikolu 13(7)], u fil-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi u tal-Bord tad-Diretturi bħala osservatur [Artikoli 5(3) u 6(2)].

157

Il-kompiti attribwiti lill-BĊE jikkonsistu fl-evalwazzjoni tal-urġenza tat-talbiet tas-sostenn tal-istabbiltà [Artikolu 4(4)], fil-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi u tal-Bord tad-Diretturi bħala osservatur [Artikoli 5(3) u 6(2)] u, flimkien mal-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tat-talbiet ta’ sostenn għall-istabbiltà [Artikolu 13(3)] u fil-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonalità marbuta mal-assistenza finanzjarja [Artikolu 13(7)].

158

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt jassenjaw funzjonijiet lill-istituzzjonijiet, bħall-koordinazzjoni ta’ azzjoni kollettiva meħuda mill-Istati Membri jew il-ġestjoni ta’ assistenza finanzjarja (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Parlament u Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni, punti 16, 20 u 22, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, punti 26, 34 u 41), sa fejn dawn il-funzjonijiet ma jiżnaturawx l-attribuzzjonijiet li t-Trattati UE u FUE jikkonferixxu fuq dawn l-istituzzjonijiet (ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/92, tal-10 ta’ April 1992, Ġabra p. I-2821, punti 32 u 41; l-Opinjoni 1/00, tat-18 ta’ April 2002, Ġabra p. I-3493, punt 20, u 1/09, tat-8 ta’ Marzu 2011, Ġabra, punt 75).

159

Il-funzjonijiet fdati lill-Kummissjoni u lill-BĊE fit-Trattat MES jikkostitwixxu funzjonijiet bħal dawk deskritti fil-punt preċedenti.

160

L-ewwel nett, l-attivitajiet tal-MES jaqgħu taħt il-politika ekonomika. L-Unjoni ma għandhiex kompetenza esklużiva f’dan il-qasam.

161

It-tieni nett, il-funzjonijiet fdati lill-Kummissjoni u lill-BĊE fit-Trattat MES, peress li huma importanti, ma jinkludu ebda poter ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet speċifiku għal dawn l-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, l-attivitajiet imwettqa minn dawn iż-żewġ istituzzjonijet fil-kuntest tal-istess trattat jorbtu lill-MES biss.

162

It-tielet nett, il-kompiti fdati lill-Kummissjoni u lill-BĊE ma jiżnaturawx l-attribuzzjonijiet li t-Trattati UE u FUE jikkonferixxu fuq dawn l-istituzzjonijiet.

163

Fil-fatt, fir-rigward tal-Kummissjoni, mill-Artikolu 17(1) TUE jirriżulta li din “għandha tippromwovi l-interess ġenerali ta’ l-Unjoni” u “tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni”.

164

Għandu jitfakkar li t-Trattat MES huwa intiż li jiżgura l-istabbiltà finanzjarja taż-żona euro kollha. Bl-involviment tagħha fit-Trattat MES, il-Kummissjoni tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-kompiti attribwiti lill-Kummissjoni bit-Trattat MES jippermettulha, kif jipprovdi l-Artikolu 13(3) u (4) tiegħu, tivverifika l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ protokolli ta’ ftehim konklużi mill-MES.

165

Fir-rigward tal-kompiti attribwiti lill-BĊE mit-Trattat MES, dawn jikkonkordaw mad-diversi funzjonijiet li t-Trattat FUE u l-Istatut tas-SEBĊ jattribwixxu lil din l-istituzzjoni. Fil-fatt, permezz tal-funzjonijiet tiegħu fil-kuntest tat-Trattat MES, il-BĊE jikkontribwixxi s-sostenn tiegħu għall-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni, skont l-Artikolu 282(2) TFUE. Barra minn hekk, mill-Artikolu 6.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ jirriżulta li l-BĊE huwa awtorizzzat jipparteċipa fl-istituzzjonijiet monetarji internazzjonali. L-Artikolu 23 tal-imsemmija statuti jikkonferma li l-BĊE jista’ “jistabbilixx[i] relazzjonijiet [...] ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali”.

166

F’dan ir-rigward, ma jistax jintlaqa’ l-argument li, peress li s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill jippreċedu l-inklużjoni fit-Trattati ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni msaħħa, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro kellhom jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa sabiex jibbenefikaw mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi ħdan il-MES.

167

Fil-fatt, mill-Artikolu 20(1) TUE jirriżulta li kooperazzjoni msaħħa tista’ tiġi implementata biss meta l-Unjoni stess hija kompetenti li taġixxi fil-qasam ikkonċernat minn din il-kooperazzjoni.

168

Madankollu, mill-punti 64 sa 66 tas-sentenza preżenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li fuqhom hija bbażata l-Unjoni ma jikkonferixxux fuq din tal-aħħar kompetenza speċifika sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu permanenti ta’ stabbiltà bħall-MES.

169

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 20 TUE la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-ratifika tiegħu minn dawn tal-aħħar.

ii) Fuq l-irwol attribwit lill-Qorti tal-Ġustizzja

170

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 37(2) tat-Trattat MES, il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddeċiedi fuq kull tilwima bejn il-MES u wieħed mill-membri tiegħu, jew bejn il-membri tal-MES, marbuta mal-interpretazzjoni u l-implementazzjoni ta’ dan it-trattat, inkluż kull tilwima dwar il-kompatibbiltà ta’ deċiżjonijiet adottati mill-MES ma’ dan it-trattat. Skont l-Artikolu 37(3), jekk membru tal-MES jikkontesta d-deċiżjoni li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 37(2), it-tilwima tiġi sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja.

171

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li mill-premessa 16 tat-Trattat MES jirriżulta li l-ġurisdizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab teżerċita skont l-Artikolu 37(3) tal-istess trattat MES hija direttament ibbażata fuq l-Artikolu 273 TFUE. Skont dan l-aħħar artikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar kull tilwima bejn l-Istati Membri marbuta mal-għanijiet tat-trattati, jekk tali tilwima tkun ġiet sottomessa quddiemha bi ftehim.

172

It-tieni nett, filwaqt li huwa minnu li l-Artikolu 273 TFUE jissuġġetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-eżistenza ta’ ftehim, xejn ma jipprekludi, fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li tali ftehim jingħata minn qabel, b’riferiment għal kull kategorija ta’ tilwim ddefiniti minn qabel, permezz ta’ klawżola, bħall-Artikolu 37(3) tat-Trattat MES.

173

It-tielet nett, it-tilwim sottomess għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa marbut mal-għan tat-trattati fis-sens tal-Artikolu 273 TFUE.

174

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tilwima marbuta mal-interpretazzjoni u l-implementazzjoni tat-Trattat MES tista’ wkoll tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 13(3) ta’ dan it-trattat, il-protokoll tal-ftehim li huwa nnegozjat mill-Istat Membru applikant għal sostenn għall-istabbiltà għandu jkun kompletament kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-miżuri meħuda mill-Unjoni fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri. Għalhekk, il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ tali sostenn lil Stat Membru ser ikunu ddeterminati, minn tal-inqas parzjalment, mid-dritt tal-Unjoni.

175

Ir-raba’ nett, huwa minnu li l-Artikolu 273 TFUE jissuġġetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatt li-Istati Membri biss ikunu partijiet fil-kawża li tkun tressqet quddiemha. Barra minn hekk, sa fejn il-MES huwa esklużivament kompost minn Stati Membri, tilwima li fiha l-MES huwa parti tista’ titqies bħala tilwima bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 273 TFUE.

176

Minn dan isegwi li l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 37(3) tat-Trattat MES għall-interpretazzjoni u implementazzjoni ta’ dan it-trattat tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 273 TFUE.

177

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 13 TUE la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-ratifika tiegħu minn dawn tal-aħħar.

e) Fuq l-interpretazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

178

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, billi tirreferi għal argument imqajjem mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li l-istabbiliment tal-MES barra mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandu r-riskju li jkollu bħala effett li l-MES jitneħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta. Hija tistaqsi għalhekk jekk l-istabbiliment ta’ MES jiksirx l-Artikolu 47 tal-Karta li jiggarantixxi lil kull persuna protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

179

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-Istati Membri biss fil-każ fejn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 51(2), il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni, u lanqas ma tistabbilixxi kompetenza jew kompitu ġodda għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattati. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tinterpreta, fid-dawl tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi attribwiti lilha (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., C-400/10 PPU, Ġabra p. I-8965, punt 51, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C-256/11, Ġabra p. I-11315, punt 71).

180

Għandu jiġi rrilevat li l-Istati Membri ma jimplementawx id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ stabbiltà bħall-MES li fir-rigward tiegħu, kif jirriżulta mill-punt 105 tas-sentenza preżenti, it-Trattati UE u FUE ma jattribwixxu ebda kompetenza speċifika lill-Unjoni.

181

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva la jipprekludi l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-ratifika tiegħu minn dawn tal-aħħar.

182

F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 4(3) TUE, 13 TUE, 2(3) TFUE, 3(1)(ċ) u (2) TFUE, 119 TFUE sa 123 TFUE u 125 TFUE sa 127 TFUE kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva la jipprekludu l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat MES bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u lanqas ir-ratifika tiegħu minn dawn l-Istati Membri.

C – Fuq it-tielet domanda

183

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Istati Membri jistgħux jikkonkludu u jirratifikaw it-Trattat MES qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2011/199.

184

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-emenda tal-Artikolu 136 TFUE bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/199 tikkonferma l-eżistenza ta’ poter imħaddan mill-Istati Membri (ara punti 68, 72 u 109 tas-sentenza preżenti). Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma tattribwixxi ebda poter ġdid lill-Istati Membri.

185

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt ta’ Stat Membru li jikkonkludi u jirratifika t-Trattat MES ma huwiex suġġett għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2011/199.

IV – Fuq l-ispejjeż

186

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

1)

L-eżami ta’ din id-domanda ma rrivela ebda fattur li jista’ jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199/UE, tal-25 ta’ Marzu 2011, li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

 

2)

L-Artikoli 4(3) TUE, 13 TUE, 2(3) TFUE, 3(1)(ċ), u (2) TFUE, 119 TFUE sa 123 TFUE u 125 TFUE sa 127 TFUE kif ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva la jipprekludu l-konklużjoni ta’ ftehim bħat-Trattat li jistabbilixxi l-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portuġiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika tal-Finlandja, konkluż fi Brussell fit-2 ta’ Frar 2012, u lanqas ir-ratifika ta’ dan it-trattat minn dawn l-Istati Membri

 

3)

Id-dritt ta’ Stat Membru li jikkonkludi u jirratifika t-Trattat MES ma huwiex suġġett għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2011/199.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.