SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
23 ta’ Jannar 2014 ( *1 )
“Direttiva 2001/29/KE — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Kunċett ta’ ‘miżuri teknoloġiċi’ — Tagħmir ta’ protezzjoni — Apparat u prodotti kumplimentari protetti — Tagħmir, prodotti jew komponenti kumplimentari simili li joriġinaw minn impriżi oħra — Esklużjoni ta’ kull interoperabbiltà bejniethom — Portata ta’ dawn il-miżuri teknoloġiċi — Rilevanza”
Fil-Kawża C‑355/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Milano (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura
Nintendo Co. Ltd,
Nintendo of America Inc.,
Nintendo of Europe GmbH
vs
PC Box Srl,
9Net Srl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-funzjoni ta’ mħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan (Relatur), J. Malenovský u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Mejju 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Nintendo Co. Ltd, Nintendo of America Inc. u Nintendo of Europe GmbH, minn M. Howe, QC, L. Lane, barrister, R. Black, C. Thomas u D. Nickless, solicitors, kif ukoll G. Mondini u G. Bonelli, avukati, |
— |
għal PC Box Srl, minn S. Guerra, C. Benelli u S. Fattorini, avukati, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u J. Samnadda, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-19 ta’ Settembru 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2001/29/KE, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Nintendo Co. Ltd, Nintendo of America Inc. u Nintendo of Europe GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“impriżi Nintendo”) u, min-naħa l-oħra, PC Box Srl (iktar ’il quddiem “PC Box”) u kif ukoll 9Net Srl (iktar ’il quddiem “9Net”), dwar il-kummerċjalizzazzjoni, minn PC Box, ta’ “mod chips” u ta’ “game copiers” (iktar ’il quddiem it-“apparati ta’ PC Box”) permezz tas-sit tal-internet ġestit minn PC Box u ospitat minn 9Net. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
Skont l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berne għall-protezzjoni tax-xogħlijiet letterarji u artistiċi, iffirmat f’Berne fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”): “It-termini ‘xogħlijiet letterarji u artisitiċi’ jkopru kull produzzjoni fil-qasam letterarju, xjentifiku u artistiku, indipendentement mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni [...]” |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2001/29
4 |
Il-premessi 9 u 47 sa 50 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdu:
[...]
|
5 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi: “1. Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, mingħajr enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni. 2. Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:
[...]” |
6 |
L-Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 91/440 jipprovdi: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra t-tidwir ma’ kull miżura teknoloġika effettiva, li persuna relatata twettaq konsapevolment, jew b’raġunijiet li tkun taf, li qiegħda tilħaq dak il-għan. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra l-manifattura, importazzjoni, distribuzzjoni, bejgħ, kiri, reklamar għall-bejgħ jew kiri, jew pussess għal skopijiet kummerċjali ta’ tagħmir, prodotti jew komponenti jew il-provvista ta’ servizzi li:
kwalunkwe miżura teknoloġika effettiva. 3. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-frażi ‘miżuri teknoloġiċi’ tfisser kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull dritt relatat mad-drittijiet ta’ l-awtur li hemm provdut dwarhom bil-liġi jew id-dritt sui generis li hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459)]. Drittijiet teknoloġiċi għandhom jitqiesu ‘effettivi’ fejn l-użu ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor huwa kontrollat mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal qlib f’ċifrarju, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ta’ xogħol ieħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni.” |
Id-Direttiva 2009/24
7 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/24 huwa redatt kif ġej: “Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programmi tal-kompjuter’ għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.” |
Id-dritt Taljan
8 |
L-Artikolu 102c tal-Liġi Nru 633, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet oħra relatati mal-eżerċizzju tagħhom (legge n. 633 – Protezione del diritto d’autore e di altri diritti connessi al suo esercizio), tat-22 ta’ April 1941 (GURI Nru 166, tas-16 ta’ Lulju 1941), kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 68, li jittrasponi d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (decreto legislativo n. 68 – Attuazione della direttiva 2001/29/CE sull’armonizzazione di taluni aspetti del diritto d’autore e dei diritti connessi nella società dell’informazione), tad-9 ta’ April 2003 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 87, tal-14 ta’ April 2003), jipprovdi: “1. Il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati kif ukoll tad-dritt previst fl-Artikolu 102a(3) [dwar databases], jistgħu japplikaw għax-xogħlijiet jew oġġetti protetti miżuri teknoloġiċi ta’ protezzjoni effettivi li jinkludu kull teknoloġija, kull tagħmir jew kull komponent li, fil-kors normali tal-funzjonament tiegħu, huwa intiż sabiex jipprekludi jew jillimita l-atti mhux awtorizzati mill-proprjetarji tad-drittijiet. 2. Il-miżuri teknoloġiċi ta’ protezzjoni għandhom jitqiesu bħala effettivi meta l-użu tax-xogħol jew tal-oġġett protett ikun ikkontrollat mill-proprjetarji tad-drittijiet permezz tal-applikazzjoni ta’ tagħmir ta’ aċċess jew ta’ proċess ta’ protezzjoni, bħall-kodifikazzjoni, it-taqlib jew kwalunkwe trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew tal-oġġett protett, jew jekk dan l-użu ikun limitat permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll tal-ikkopjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni. 3. Dan l-artikolu ma jaffettwax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-programmi tal-kompjuter previsti fit-Titolu I, Kapitolu IV, Taqsima VI.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 |
L-impriżi Nintendo, membri ta’ grupp ta’ ħolqien u ta’ produzzjoni ta’ logħob elettroniku, jikkummerċjalizzaw żewġ tipi ta’ prodotti għal dan il-logħob, jiġifieri sistemi li jinġarru, il-consoles “DS”, u sistemi ta’ logħob b’console fiss, il-consoles “Wii”. |
10 |
L-impriżi Nintendo adottaw miżuri teknoloġiċi, jiġifieri sistema ta’ rikonoxximent installata fil-consoles, kif ukoll il-kodiċi kkodifikat tal-mezz fiżiku li fuqu huwa rreġistrat il-logħob elettroniku protett mid-drittijiet tal-awtur. Dawn il-miżuri għandhom l-effett li jipprekludu l-użu ta’ kopji illegali tal-logħob elettroniku. Il-logħob li ma għandux kodiċi ma jista’ jintlagħab fuq l-ebda wieħed miż-żewġ tipi ta’ apparati kkummerċjalizzati mill-impriżi Nintendo. |
11 |
Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li dawn il-miżuri teknoloġiċi jipprekludu l-użu fuq il-consoles tal-programmi, tal-logħob u, b’mod ġenerali, tal-kontenuti multimidja li ma joriġinawx minn Nintendo. |
12 |
L-impriżi Nintendo rrilevaw li jeżistu apparati ta’ PC Box li, ladarba installati fuq il-console, jevitaw is-sistema ta’ protezzjoni li tinsab fil-“hardware” u jippermettu l-użu ta’ logħob elettroniku falz. |
13 |
Peress li kkunsidraw li l-għan prinċipali tal-apparati ta’ PC Box kien dak li jissorpassaw u jevitaw il-miżuri teknoloġiċi ta’ protezzjoni tal-logħob ta’ Nintendo, l-impriżi Nintendo ħarrku lil PC Box u lil 9Net quddiem it-Tribunale di Milano. |
14 |
PC Box tikkummerċjalizza l-consoles oriġinali ta’ Nintendo flimkien ma’ “software” addizzjonali kkostitwit minn ċerti applikazzjonijiet ta’ produtturi indipendenti, il-“homebrews”, maħluqa speċifikament għall-użu fuq dawn il-consoles u li l-użu tagħhom jirrikjedi l-installazzjoni minn qabel tal-apparati ta’ PC Box li jrendu inoperattiv it-tagħmir installat li jikkostitwixxi l-miżura teknoloġika ta’ protezzjoni. |
15 |
Fl-opinjoni ta’ PC Box, l-għan veru mfittex mill-impriżi Nintendo huwa li dak li jipprekludu l-użu ta’ “software” indipendenti, li ma jikkostitwixxix kopja illegali ta’ logħob elettroniku, iżda huwa intiż sabiex jippermetti l-qari fuq il-consoles ta’ MP3s, films u vidjows, sabiex jisfruttaw bis-sħiħ dawn il-consoles. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-protezzjoni tal-logħob elettroniku ma tistax tiġi ridotta għal dik prevista għall-programmi tal-kompjuter. Fil-fatt, għalkemm il-logħob elettroniku jikseb il-funzjonalità tiegħu minn programm tal-kompjuter, dan tal-aħħar jibda u jiżviluppa skont trajettorja narrattiva ddeterminata minn qabel mill-awturi ta’ dan il-logħob b’mod li jkun hemm sett ta’ immaġini u ta’ ħsejjes ta’ ċerta awtonomija kunċettwali. |
17 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-istabbiliment ta’ miżuri teknoloġiċi ta’ protezzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali użati minn Nintendo jmurx lil hinn minn dak li huwa previst għal dan l-iskop mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, kif interpretat fid-dawl tal-premessa 48 tagħha. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Milano ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
19 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fl-ewwel lok, jekk id-Direttiva 2001/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “miżuri teknoloġiċi effettivi” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-istess direttiva jistax ikopri miżuri teknoloġiċi li jikkonsistu, prinċipalment, fil-provvista ta’ tagħmir għar-rikonoxximent mhux biss għall-apparat li jkun fih ix-xogħol protett, bħalma huwa l-logħob elettroniku, għal protezzjoni tiegħu kontra atti mhux awtorizzati mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, iżda wkoll għall-apparati li jinġarru jew il-consoles maħsuba sabiex jiżguraw l-aċċess għal dan il-logħob u l-użu tiegħu. |
20 |
Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar, essenzjalment, skont liema kriterji għandu jiġi evalwat l-estent tal-protezzjoni legali kontra l-evitar tal-miżuri teknoloġiċi effettivi fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Direttiva 2001/29. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk, f’dan il-kuntest, humiex rilevanti, minn naħa waħda, id-destinazzjoni partikolari mogħtija mill-proprjetarju tad-drittijiet għall-prodott li jkun fih il-kontenut protett, bħalma huma l-consoles Nintendo, u, min-naħa l-oħra, id-daqs, in-natura u l-importanza tal-użi tat-tagħmir, prodotti jew komponenti li jistgħu jevitaw l-imsemmija miżuri teknoloġiċi effettivi, bħalma huma l-apparati tal-PC Box. |
21 |
F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li d-Direttiva 2001/29 tikkonċerna, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) dwar il-protezzjoni legali tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati inklużi, għall-awturi, id-drittijiet esklużivi fir-rigward tax-xogħlijiet tagħhom. Dwar ix-xogħlijiet bħal programmi tal-kompjuter, dawn huma protetti mid-drittijiet tal-awtur sakemm dawn ikunu oriġinali, jiġifieri li dawn ikunu kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International, C-5/08, Ġabra p. I-6569, punt 35). |
22 |
Fir-rigward tal-partijiet ta’ xogħol, għandu jiġi kkonstatat li ma hemm xejn fid-Direttiva 2001/29 li jindika li dawn il-partijiet huma suġġetti għal sistema differenti minn dik tax-xogħol fl-intier tiegħu. Minn dan isegwi li dawn huma protetti mid-drittijiet tal-awtur kemm-il darba dawn ikollhom sehem, bħala tali, mill-oriġinalità tax-xogħol fl-intier tiegħu (ara s-sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38). |
23 |
Din il-konstatazzjoni ma taffettwax il-fatt li d-Direttiva 2009/24 tikkostitwixxi lex specialis fil-konfront tad-Direttiva 2001/29 (ara s-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, punt 56). Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, il-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 2009/24 hija limitata għall-programmi tal-kompjuter. Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-logħob elettroniku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi materjal kumpless li ma jinkludix biss programm tal-kompjuter, iżda jinkludi wkoll elementi ta’ grafika u ta’ ħoss li, għalkemm ikkodifikati fil-lingwaġġ tal-informatika, għandhom valur kreattiv tagħhom stess li ma jistax jiġi ridott għal din il-kodifikazzjoni. Sakemm il-partijiet ta’ logħob elettroniku, f’dan il-każ dawn l-elementi ta’ grafika u ta’ ħoss, għandhom sehem mill-oriġinalità tax-xogħol, dawn huma protetti, flimkien max-xogħol fl-intier tiegħu, mid-drittijiet tal-awtur taħt is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2001/29. |
24 |
Rigward l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi osservat li dan jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu protezzjoni legali xierqa kontra l-evitar ta’ kull “miżura teknoloġika” effettiva li hija ddefinita, fil-paragrafu 3 tiegħu, bħala kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, fil-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, fir-rigward tax-xogħlijiet jew l-oġġetti l-oħra protetti, li ma humiex awtorizzati mill-proprjetarju ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt relatat mad-drittijiet tal-awtur previst mil-liġi, jew tad-dritt sui generis previst fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE. |
25 |
Peress li dawn l-atti jikkostitwixxu, kif jirriżulta mill-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29, ir-riproduzzjoni, il-komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku u t-tqegħid ta’ dawn ix-xogħlijiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, kif ukoll id-distribuzzjoni tal-oriġinal jew kopji tax-xogħlijiet, il-protezzjoni legali prevista fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva tapplika biss għall-protezzjoni tal-imsemmi proprjetarju kontra l-atti li għalihom hija meħtieġa l-awtorizzazzjoni tiegħu. |
26 |
F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi kkonstatat li ma hemm xejn fid-Direttiva li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 6(3) tagħha ma japplikax għall-miżuri teknoloġiċi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma, għal parti, inkorporati fl-apparati fiżiċi tal-logħob u, għal parti oħra, fil-consoles u li jeħtieġu interazzjoni bejniethom. |
27 |
Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li l-kunċett ta’ “miżuri teknoloġiċi effettivi” huwa ddefinit b’mod wiesa’ u jinkludi l-applikazzjoni ta’ kodiċi ta’ aċċess jew ta’ proċess ta’ protezzjoni, bħall-kodifikazzjoni, it-taqlib jew kull trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew tal-oġġett protett jew ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll tal-ikkopjar. Tali definizzjoni hija, barra minn hekk, konformi mal-għan prinċipali tad-Direttiva 2001/29 li, kif jirriżulta mill-premessa 9 tagħha, huwa dak li jiġi stabbilit livell għoli ta’ protezzjoni favur, partikolarment, l-awturi, li huwa essenzjali għall-ħolqien intellettwali. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-miżuri teknoloġiċi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma, għal parti, inkorporati fl-apparati fiżiċi tal-logħob elettroniku u, għal parti oħra, fil-consoles u li jeħtieġu interazzjoni bejniethom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “miżuri teknoloġiċi effettivi” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/29 jekk l-għan tagħhom huwa dak li jipprekludu jew jillimitaw l-atti li jippreġudikaw id-drittijiet tal-proprjetarju protetti minnha. |
29 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat skont liema kriterji għandu jiġi evalwat l-estent tal-protezzjoni legali kontra l-evitar tal-miżuri teknoloġiċi effettivi fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29. |
30 |
Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 53 sa 63 tal-konklużjonijiet tagħha, l-eżami ta’ din il-kwistjoni jeżiġi li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li protezzjoni legali kontra l-atti mhux awtorizzati mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur għandha tosserva, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/29 interpretat fid-dawl tal-premessa 48 tagħha, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma għandhiex tipprojbixxi t-tagħmir jew l-attivitajiet li għandhom, fil-livell kummerċjali, skop jew użu li ma huwiex dak li tiġi ffaċilitata l-implementazzjoni ta’ tali atti permezz tal-evitar tal-protezzjoni teknoloġika. |
31 |
Għalhekk, din il-protezzjoni legali tingħata biss fir-rigward ta’ miżuri teknoloġiċi li jsegwu l-għan ta’ prevenzjoni jew ta’ eliminazzjoni, fir-rigward tax-xogħlijiet, l-atti li ma humiex awtorizzati mill-proprjetarju ta’ drittijiet tal-awtur previsti fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. Dawn il-miżuri għandhom ikunu xierqa għall-kisba ta’ dan l-għan u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan l-iskop. |
32 |
F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk miżuri oħra jew miżuri li ma humiex installati fuq il-consoles setgħux jikkawżaw inqas interferenzi mal-attivitajiet ta’ terzi li ma jeħtiġux l-awtorizzazzjoni mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur jew inqas limitazzjonijiet ta’ dawn l-attivitajiet, u dan filwaqt li jipprovdu protezzjoni paragunabbli għad-drittijiet tal-imsemmi proprjetarju. |
33 |
Għal dan il-għan, huwa rilevanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, inter alia, l-ispejjeż tad-diversi tipi ta’ miżuri teknoloġiċi, l-aspetti tekniċi u prattiċi tal-implementazzjoni tagħhom kif ukoll il-paragun tal-effettività ta’ dawn id-diversi tipi ta’ miżuri teknoloġiċi fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju, filwaqt li ma huwiex meħtieġ, madankollu, li tali effettività tkun assoluta. |
34 |
L-evalwazzjoni tal-estent tal-protezzjoni legali inkwistjoni ma għandhiex issir, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, skont l-użu partikolari tal-consoles, kif previst mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur. Din għandha, għall-kuntrarju, tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji previsti, fir-rigward tat-tagħmir, tal-prodotti jew tal-komponenti li jistgħu jevitaw il-protezzjoni tal-miżuri teknoloġiċi effettivi, fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/29. |
35 |
Speċifikament, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jipprovdu protezzjoni legali xierqa kontra l-imsemmi tagħmir, prodotti jew komponenti li jkollhom l-għan li jevitaw din il-protezzjoni tal-miżuri teknoloġiċi effettivi, li jkollhom biss għan kummerċjali limitat jew użu limitat minbarra dak li jevitaw din il-protezzjoni jew li jkunu prinċipalment intiżi, immanifatturati, adattati jew attwati bl-iskop li jippermettu jew li jiffaċilitaw dan l-evitar. |
36 |
F’dan ir-rigward, għall-finijiet tal-eżami tal-għan tal-imsemmi tagħmir, prodotti jew komponenti, il-prova tal-użu li fil-fatt isir minnhom minn terzi għandha tkun, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, partikolarment rilevanti. Il-qorti tar-rinviju tista’, b’mod partikolari, teżamina l-frekwenza li biha l-apparati ta’ PC Box huma fil-fatt użati sabiex kopji mhux awtorizzati tal-logħob ta’ Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo jkunu jistgħu jintużaw fuq il-consoles Nintendo kif ukoll il-frekwenza li biha dawn l-apparati huma użati għal għanijiet li ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur fuq il-logħob ta’ Nintendo u logħob awtorizzat minn Nintendo. |
37 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għad-domandi li saru għandha tingħata r-risposta li d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “miżuri teknoloġiċi effettivi”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, jista’ jkopri miżuri teknoloġiċi li jikkonsistu, prinċipalment, fl-introduzzjoni ta’ tagħmir ta’ rikonoxximent mhux biss fl-apparat li jkun fih ix-xogħol protett, bħal-logħob elettroniku, bil-għan li dan jiġi protett kontra atti mhux awtorizzati mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, iżda wkoll fl-apparati li jinġarru jew il-consoles maħsuba sabiex jiżguraw l-aċċess għal dan il-logħob u l-użu tiegħu. |
38 |
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk miżuri oħra jew miżuri li ma humiex installati fuq il-consoles jistgħux jikkawżaw inqas interferenzi mal-attivitajiet ta’ terzi jew limitazzjonijiet ta’ dawn l-attivitajiet, u dan filwaqt li jipprovdu protezzjoni paragunabbli għad-drittijiet tal-proprjetarju. Għal dan il-għan, huwa rilevanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ispejjeż marbuta mad-diversi tipi ta’ miżuri teknoloġiċi, l-aspetti tekniċi u prattiċi tal-implementazzjoni tagħhom kif ukoll il-paragun tal-effettività ta’ dawn id-diversi tipi ta’ miżuri teknoloġiċi fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju, filwaqt li ma huwiex meħtieġ, madankollu, li tali effettività tkun assoluta. Hija wkoll l-imsemmija qorti li għandha teżamina l-għan tat-tagħmir, tal-prodotti jew tal-komponenti li jistgħu jevitaw l-imsemmija miżuri teknoloġiċi. F’dan ir-rigward, il-prova tal-użu li t-terzi fil-fatt jagħmlu minnhom għandha tkun, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, partikolarment rilevanti. Il-qorti nazzjonali tista’, b’mod partikolari, teżamina l-frekwenza li biha dan it-tagħmir, prodotti jew komponenti huma fil-fatt użati bi ksur tad-drittijiet tal-awtur kif ukoll il-frekwenza li biha huma użati għal skopijiet li ma jiksrux dawn id-drittijiet. |
Fuq l-ispejjeż
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “miżuri teknoloġiċi effettivi”, fis-sens tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, jista’ jkopri miżuri teknoloġiċi li jikkonsistu, prinċipalment, fl-introduzzjoni ta’ tagħmir ta’ rikonoxximent mhux biss fl-apparat li jkun fih ix-xogħol protett, bħal-logħob elettroniku, bil-għan li dan jiġi protett kontra atti mhux awtorizzati mill-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur, iżda wkoll fl-apparati li jinġarru jew il-consoles maħsuba sabiex jiżguraw l-aċċess għal dan il-logħob u l-użu tiegħu. |
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk miżuri oħra jew miżuri li ma humiex installati fuq il-consoles jistgħux jikkawżaw inqas interferenzi mal-attivitajiet ta’ terzi jew limitazzjonijiet ta’ dawn l-attivitajiet, u dan filwaqt li jipprovdu protezzjoni paragunabbli għad-drittijiet tal-proprjetarju. Għal dan il-għan, huwa rilevanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ispejjeż marbuta mad-diversi tipi ta’ miżuri teknoloġiċi, l-aspetti tekniċi u prattiċi tal-implementazzjoni tagħhom kif ukoll il-paragun tal-effettività ta’ dawn id-diversi tipi ta’ miżuri teknoloġiċi fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju, filwaqt li ma huwiex meħtieġ, madankollu, li tali effettività tkun assoluta. Hija wkoll l-imsemmija qorti li għandha teżamina l-għan tat-tagħmir, tal-prodotti jew tal-komponenti li jistgħu jevitaw l-imsemmija miżuri teknoloġiċi. F’dan ir-rigward, il-prova tal-użu li t-terzi fil-fatt jagħmlu minnhom għandha tkun, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, partikolarment rilevanti. Il-qorti nazzjonali tista’, b’mod partikolari, teżamina l-frekwenza li biha dan it-tagħmir, prodotti jew komponenti huma fil-fatt użati bi ksur tad-drittijiet tal-awtur kif ukoll il-frekwenza li biha huma użati għal skopijiet li ma jiksrux dawn id-drittijiet. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.