SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni għal din ir-responsabbiltà — Direttiva 2009/103/KE — Artikolu 21(5) — Rappreżentant għall-pretensjonijiet — Mandat li jawtorizza persuna tirċievi notifiki ta’ atti ġudizzjarji — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-validità ta’ din in-notifika għall-għoti espliċitu ta’ mandat sabiex tiġi riċevuta tali notifika — Interpretazzjoni konformi”

Fil-Kawża C‑306/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Saarbrücken (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Spedition Welter GmbH

vs

Avanssur SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Avanssur SA, minn M. Müller-Trawinski, Avukat

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u E. Pedrosa, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u K.‑P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, p. 11).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Spedition Welter GmbH (iktar ’il quddiem “Spedition Welter”), impriża tat-trasport li s-sede tagħha tinsab fil-Ġermanja, u Avanssur SA (iktar ’il quddiem “Avanssur”), kumpannija tal-assigurazzjoni li s-sede tagħha tinsab fi Franza, fir-rigward ta’ kumpens għal inċident.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2009/103 tinkludi l-premessi li ġejjin:

“[...]

(20)

Il-vittmi tal-inċidenti bil-vetturi tal-mutur għandhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament ta’ fejn fil-Komunità jseħħu l-inċidenti.

[...]

(34)

Il-partijiet li jsofru ħsara b’riżultat ta’ inċident b’vettura bil-mutur li jaqa’ l-għan ta’ din id-Direttiva u li jseħħ fi Stat li ma jkunx dak tar-residenza tagħhom għandhom ikunu intitolati li jagħmlu talba fl-Istat Membru tar-residenza kontra rappreżentant għall-pretensjonijiet maħtur f’dak l-Istat Membru mill-impriża ta’ assigurazzjoni tal-parti responsabbli. Din is-soluzzjoni tkun tiffaċilita li l-ħsara sofferta mill-partijiet li jkunu sofrew ħsara barra mill-Istat Membru tar-residenza tagħhom tiġi trattata bi proċeduri li jkunu familjari magħhom.

(35)

Din is-sistema li jkun hemm rappreżentanti għall-pretensjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza tal-parti li [...] tkun sofriet ħsara ma tkun taffetwa bl-ebda mod la s-sustanza tal-liġi li għandha tkun applikata f’kull każ individwali u lanqas il-materja ta’ ġurisdizzjoni.

[...]

(37)

Għandha ssir dispożizzjoni sabiex l-Istat Membru ta’ fejn l-impriża ta’ assigurazzjoni tkun awtorizzata, ikun jeħtieġ li dik l-impriża taħtar rappreżentanti għall-pretensjonijiet li jkunu jew residenti jew stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra biex jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa fir-rigward ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw minn inċidenti bħal dawk u li jieħdu l-azzjoni xierqa biex iħallsu l-pretensjonijiet f’isem u akkont tal-impriża ta’ assigurazzjoni, inkluż il-pagament ta’ kumpens. Ir-rappreżentant għall-pretensjonijiet għandu jkollu poteri suffiċjenti biex jirrappreżenta l-impriża ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ persuni li jsofru danni minn inċidenti bħal dawk, kif ukoll biex jirrappreżenta l-impriża ta’ assigurazzjoni quddiem awtoritajiet nazzjonali inklużi, meta xieraq, quddiem il-qrati, sakemm dan ikun kompatibbli mar-regoli tal-liġi privata internazzjonali dwar l-assenjazzjoni ta’ ġurisdizzjoni.”

4

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2009/103, intitolat “Proċedura għall-ħlas ta’ talbiet”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċedura msemmija fl-Artikolu 22 għall-ħlas ta’ talbiet li jirriżultaw minn kull inċident ikkawżat minn vettura koperta minn assigurazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3.

[...].”

5

Skont l-Artikolu 20 tal-istess Direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw il-kumpens għall-partijiet li jsofru ħsara f’inċident li jseħħ fi Stat Membru li ma jkunx dak tar-residenza tagħhom”:

“1.   L-iskop tal-Artikoli 20 sa 26 huwa li jkun hemm dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għal partijiet li jsofru danni intitolati għal kumpens fir-rigward ta’ kull telf jew korriment li jirriżulta minn inċidenti li jseħħu fi Stat Membru minbarra dak l-Istat Membru tar-residenza tal-parti li tkun sofriet ħsara u li jkunu kkawżati mill-użu ta’ vetturi assigurati u normalment ibbażati fi Stat Membru.

[…]

2.   L-Artikoli 21 u 24 għandhom ikunu japplikaw biss fil-każ ta’ inċidenti kkawżati mill-użu ta’ vettura:

a)

assigurata permezz ta’ stabbiliment fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat tar-residenza tal-parti li tkun sofriet ħsara; u

b)

normalment ibbażata fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat tar-residenza tal-parti li tkun sofriet ħsara.”

6

L-Artikolu 21 tal-imsemmija Direttiva intitolat “Rappreżentanti għal talbiet [pretensjonijiet]”, jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-impriżi kollha ta’ assigurazzjoni li jkopru r-riskji kklassifikati fil-klassi 10 tal-punt A tal-Anness tad-Direttiva 73/239/KEE, minbarra r-responsabbiltà ċivili ta’ trasportaturi, jaħtru rappreżentanti responsabbli għall-ħlas tal-pretensjonijiet f’kull Stat Membru li ma jkunx dak li fih ikunu rċevew l-awtorizzazzjoni uffiċjali tagħhom.

Ir-rappreżentant tat-talbiet għandu jkun responsabbli għall-amministrazzjoni u l-pagament tal-pretensjonijiet li joriġinaw minn inċident fil-każi li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 20(1).

Ir-rappreżentant tal-pretensjonijiet għandu jkun residenti jew stabbilit fl-Istat Membru ta’ fejn hu jkun maħtur.

[...].

4.   Ir-rappreżentant għall-pretensjonijiet għandu, fir-rigward ta’ dawn il-pretensjonijiet, jiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa b’konnessjoni mal-pagament tal-pretensjonijiet u għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jinnegozja l-pagament tal-pretensjonijiet.

Il-ħtieġa li jkun maħtur rappreżentant għall-pretensjonijiet m’għandhiex tippreġudika d-dritt tal-parti li tkun sofriet ħsara jew tal-impriża tagħha ta’ assigurazzjoni li tibda proċeduri diretti kontra l-persuna li tkun ikkawżat l-inċident jew l-impriża ta’ assigurazzjoni tagħha.

5.   Rappreżentanti għall-pretensjonijiet għandu jkollhom poteri biżżejjed biex jirrappreżentaw l-impriża ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ partijiet li jkunu sofrew ħsara fil-każi li jirreferi għalihom l-Artikolu 20(1) u li jissodisfaw għal kollox it-talbiet tagħhom għal kumpens.

Għandhom ikunu kapaċi li jeżaminaw każi fl-islien jew l-ilsna uffiċjali tal-Istat Membru tar-residenza tal-parti li tkun sofriet ħsara.

[...].”

Id-dritt Ġermaniż

7

Id-Direttiva 2009/103 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż bil-Liġi dwar il-kontroll tal-impriżi tal-assigurazzjoni (Versicherungsaufsichtsgesetz, iktar ’il quddiem il-“VAG”).

8

Skont l-Artikolu 7(b) tal-VAG, dwar ir-rappreżentant għall-pretensjonijiet fil-kuntest tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur:

“1.   [...] [L]-impriża ta’ assigurazzjoni għandha taħtar rappreżentant għall-pretensjonijiet fl-Istati Membri l-oħra kollha tal-Unjoni Ewropea u fl-Istati l-oħra li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. F’isem l-impriża ta’ assigurazzjoni, dan għandu jitratta u jamministra t-talbiet ta’ kumpens għal danni personali u materjali li seħħew b’konsegwenza ta’ inċident li seħħ fi Stat Membru ieħor għajr dak tar-residenza tal-persuna li sofriet il-ħsara u li ġie kkawżat mill-użu ta’ vettura assigurata u bbażata abbitwalment fi Stat Membru.

2.   Ir-rappreżentant għall-pretensjonijiet għandu jkun residenti jew stabbilit fl-Istat fejn ikun maħtur. Għandu jkun jista’ jaġixxi f’isem impriża ta’ assigurazzjoni waħda jew iktar. Għandu jkollu poteri biżżejjed sabiex jirrappreżenta l-impriża ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-parti li tkun sofriet ħsara u sabiex jissodisfa għalkollox it-talbiet tagħha għal ħlas. Għandu jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jeżamina l-każ fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat fejn ikun maħtur.”

3.   Ir-rappreżentant għall-pretensjonijiet għandu jiġbor, fir-rigward ta’ inċident ikkawżat minn vettura bil-mutur assigurata minn din l-impriża ta’ assigurazzjoni, l-informazzjoni kollha meħtieġa fir-rigward tal-pretensjonijiet [...]”.

9

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi, fl-Artikolu 171 tiegħu, dwar in-notifika lil mandatarju:

“In-notifika tista’ tintbagħat, bl-istess effetti legali, lil rappreżentant maħtur minn qabel jew lir-rappreżentat. Ir-rappreżentant għandu jipproduċi bil-miktub il-prova tal-mandat”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Fl-24 ta’ Ġunju 2011, fil-periferija ta’ Pariġi (Franza), trakk proprjetà ta’ Spedition Welter kien involut f’inċident tat-traffiku ma vettura oħra assigurata ma’ Avanssur u ġarrab ħsara.

11

Spedition Welter talbet lill-qorti Ġermaniża adita fl-ewwel istanza kumpens ta’ EUR 2 382,89. Din l-azzjoni ġudizzjarja ma ġietx innotifikata lil Avanssur, iżda lir-rappreżentant maħtur minn din tal-aħħar għall-Ġermanja, jiġifieri AXA Versicherungs AG (iktar ’il quddiem “AXA”).

12

L-imsemmija qorti ddikjarat it-talba inammissibbli peress li kkunsidrat li ma kinitx ġiet innotifikata b’mod validu lil AXA, li ma kinitx ingħatat mandat biex tirċievi notifiki.

13

Spedition Welter appellat din id-deċiżjoni quddiem il-Landgericht Saarbrücken.

14

Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni ta’ dan l-appell tiddependi fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata għad-Direttiva 2009/103. L-ammissibbiltà tal-azzjoni mressqa minn Spedition Welter kontra Avanssur tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 21(5) ta’ din id-Direttiva jistax jiġi interpretat fis-sens li r-rappreżentant għall-pretensjonijiet huwa awtorizzat li jirċievi n-notifiki f’isem il-konvenuta fil-kawża prinċipali. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, jifdal li jiġi vverifikat jekk din id-dispożizzjoni tal-imsemmija Direttiva hijiex mingħajr kundizzjonijiet u suffiċjentement preċiża sabiex Spedition Welter tkun tista’ tinvokaha sabiex issostni li Avanssur tat mandat lil AXA sabiex din tirċievi dawn in-notifiki.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Landgericht Saarbrücken iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 21(5) tad-Direttiva [2009/103] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-setgħat tar-rappreżentant għall-pretensjonijiet jinkludu li huwa awtorizzat jirċievi notifiki għan-nom tal-impriża ta’ assigurazzjoni b’tali mod li, fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija mill-persuna leża kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni sabiex tikseb kumpens għal inċident, notifika ġudizzjarja indirizzata lir-rappreżentat maħtur mill-imsemmija impriża tista’ titqies bħala li ġiet innotifikata lil din tal-aħħar b’mod validu?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

L-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2009/103 jipproduċi effett dirett tali li l-persuna leża tista’ tipprevalixxi ruħha minnu quddiem il-qorti nazzjonali, b’tali mod li din tal-aħħar ikollha titlaq mill-prinċipju li n-notifika indirizzata lir-rappreżentant għall-pretensjonijiet fil-kwalità tiegħu ta’ “rappreżentant” tal-impriża ta’ assigurazzjoni ġiet innotifikata lilha b’mod validu, minkejja li r-rappreżentant ma kienx tqabbad b’mod konvenzjonali sabiex jirċievi notifiki u minkejja li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix mandat legali f’każ bħal dan, iżda altrimenti n-notifika tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mid-dritt nazzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

16

Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fost il-poteri suffiċjenti li għandu jkollu r-rappreżentant għall-pretensjonijiet hemmx l-awtorizzazjoni li dan jirċievi b’mod validu n-notifika tal-atti ġudizzjarji neċessarji għat-tressiq ta’ kawża għad-danni kkawżati minn inċident quddiem il-qorti kompetenti.

17

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għad-determinazzjoni tal-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jitqiesu fl-istess ħin it-termini, il-kuntest u l-għanijiet tagħha (sentenza tad-9 ta’ April 2013, Il‑Kummissjoni vs l-Irlanda, C‑85/11, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

F’dan il-każ, għalkemm, skont kliem l-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2009/103, ir-rappreżentant għall-pretensjonijiet għandu jkollu poteri biżżejjed biex jirrappreżenta l-impriża ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ persuni li sofrew ħsara u sabiex jissodisfa għalkollox it-talbiet tagħhom għal kumpens, din id-dispożizzjoni li tiffissa b’dan il-mod l-għan ta’ din ir-rappreżentazzjoni, ma tippreċiżax il-portata eżatta tal-poteri mogħtija sabiex jintlaħaq dan l-għan.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2009/103 hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-vittmi tal-inċidenti bil-vetturi tal-mutur jirċievu trattament komparabbli irrispettivament minn fejn fl-Unjoni seħħew l-inċidenti. Għal dan il-għan, dawn il-vittmi għandhom ikunu jistgħu jinvokaw, fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, id-dritt tagħhom għal kumpens kontra r-rappreżentant għall-pretensjonijiet maħtur f’dak l-Istat Membru mill-impriża ta’ assigurazzjoni tal-persuna responsabbli.

20

Skont il-premessa 37 tad-Direttiva 2009/103, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li r-rappreżentanti għall-pretensjonijiet ikollhom poteri suffiċjenti biex jirrappreżentaw l-impriża ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-vittmi, kif ukoll biex jirrappreżentaw din l-impriża quddiem awtoritajiet nazzjonali, inklużi, meta xieraq, quddiem il-qrati, sa fejn dan ikun kompatibbli mar-regoli tal-liġi privata internazzjonali dwar l-assenjazzjoni ta’ ġurisdizzjoni.

21

Għalhekk, minn dawn il-premessi jirriżulta b’mod ċar li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li, mingħajr ma tikkomprometti l-osservanza tal-liġi privata internazzjonali, ir-rappreżentazzjoni tal-impriżi ta’ assigurazzjoni kif prevista fl-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2009/103 tkun tinkludi dak kollu li għandu jippermetti li l-persuni li sofrew ħsara jkunu jistgħu jibdew b’mod validu quddiem il-qrati nazzjonali l-azzjonijiet għal kumpens tad-dannu li sofrew.

22

Barra minn hekk, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, mix-xogħol preparatorju għad-direttivi li ppreċedew id-Direttiva 2009/103 u li ġew ikkodifikati minnha fil-qasam tal-assigurazzjoni, jirriżulta li s-setgħa ta’ rappreżentazzjoni eżerċitata minn assiguratur fl-Istat ta’ residenza tal-vittma, fl-intenzjoni tal-leġiżlatur, kellha tinkludi mandat li jawtorizza persuna tirċievi notifiki ta’ atti ġudizzjarji, anki jekk ta’ natura limitata peress li dan ma għandux jaffettwa r-regoli tal-liġi privata internazzjonali dwar l-assenjazzjoni ta’ ġurisdizzjoni.

23

Konsegwentement, u f’dan il-limitu, fost il-poteri suffiċjenti li għandu jkollu r-rappreżentant għall-pretensjonijiet hemm il-mandat li jawtorizzah jirċievi n-notifika ta’ atti ġudizzjarji.

24

Barra minn hekk, jekk dan il-mandat jiġi eskluż id-Direttiva 2009/103 tiġi mċaħħda minn wieħed mill-għanijiet tagħha. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-Konklużjonijiet tiegħu, il-funzjoni ta’ rappreżentant għall-pretensjonijiet hija preċiżament, skont l-għanijiet previsti mid-Direttiva 2009/103, li jiffaċilita l-azzjonijiet mibdija mill-vittmi ta’ inċident, u b’mod partikolari li jippermettilhom iressqu l-ilment tagħhom fil-lingwa tagħhom stess. Għaldaqstant ma jkunx konformi ma’ dawn l-għanijiet li l-vittmi jiġu mċaħħda, ladarba jkunu wettqu l-passi preliminari direttament ma’ dan ir-rappreżentant, u ladarba jkunu intitolati għal azzjoni diretta kontra l-assiguratur, mill-possibbiltà li jinnotifikaw l-atti ġudizzjarji lil dan ir-rappreżentant sabiex jeżerċitaw l-azzjoni għad-danni quddiem il-qorti internazzjonalment kompetenti.

25

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fost il-poteri suffiċjenti li għandu jkollu r-rappreżentant għall-pretensjonijiet hemm l-awtorizzazzjoni li dan jirċievi b’mod validu n-notifika tal-atti ġudizzjarji neċessarji għat-tressiq ta’ kawża għad-danni kkawżati minn inċident quddiem il-qorti kompetenti.

Fuq it-tieni domanda

26

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. Permezz tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, individwu jistax jinvoka l-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2009/103 sabiex jiġġustifika l-validità tan-notifika ta’ att ġudizzjarju lir-rappreżentant għall-pretensjonijiet, minkejja li dan ir-rappreżentant ma ngħatax mandat b’kuntratt sabiex jirċievi tali notifika u minkejja li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix mandat legali f’każ bħal dan.

27

Għalhekk, fil-kuntest tal-kawża prinċipali l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda tagħha, hija għandiex, sabiex tilqa’ t-talba ta’ individwu li jinvoka l-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2009/103, tirrinunzja milli tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jeskludu l-possibbiltà li r-rappreżentant għall-pretensjonijiet ikun jista’ jirċievi notifiki ta’ atti ġudizzjarji lil hinn minn kull mandat mogħti b’kuntratt.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn din tmur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandhiex titħalla mhux applikata tqum biss jekk jirriżulta li l-ebda interpretazzjoni konformi ta’ din id-dispożizzjoni ma hija possibbli (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, punt 23).

29

Hija ġurisprudenza stabbilita li, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minn din tal-aħħar u, għalhekk, f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa effettivament inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti li l-qrati nazzjonali jiżguraw, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 114, kif ukoll Dominguez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

30

Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dominguez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes Da Silva Jorge, C‑42/11, punt 56).

31

Issa, fil-kawża prinċipali huwa paċifiku li l-Artikolu 7b(2) tal-VAG jittrasponi litteralment l-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2009/103. Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għalhekk jirrikjedu interpretazzjoni konformi ma’ dik tad-dritt tal-Unjoni fis-sens li r-rappreżentant għall-pretensjonijiet huwa awtorizzat jirċievi n-notifika tal-atti gudizzjarji.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali rriproduċiet testwalment id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2009/103, il-qorti tar-rinviju hija marbuta, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minn dan id-dritt, li tinterpreta d-dritt nazzjonali, f’sens li jkun konformi mal-interpretazzjoni tal-imsemmija Direttiva mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fost il-poteri suffiċjenti li għandu jkollu r-rappreżentant għall-pretensjonijiet hemm l-awtorizzazjoni li dan jirċievi b’mod validu n-notifika tal-atti ġudizzjarji neċessarji għat-tressiq ta’ kawża għad-danni kkawżati minn inċident quddiem il-qorti kompetenti.

 

2)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali rriproduċiet testwalment id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2009/103, il-qorti tar-rinviju hija marbuta, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minn dan id-dritt, li tinterpreta d-dritt nazzjonali, f’sens li jkun konformi mal-interpretazzjoni tal-imsemmija Direttiva mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.