SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel — Punt 6 tal-Artikolu 2(2) — Kunċett ta’ indikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard — Artikolu 28(2) — Prodotti li juru trade marks jew marki tad-ditta — Miżuri tranżitorji”

Fil-Kawża C-299/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (Ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Green – Swan Pharmaceuticals CR, a.s.

vs

Státní zemědělská a potravinářská inspekce, ústřední inspektorát,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn J. Malenovský, President ta’ Awla, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u S. Šindelková, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u P. Němečková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9, u r-rettifika ĠU 2007, L 12, p. 3), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010, tad-9 ta’ Frar 2010 (ĠU L 37, p. 16, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1924/2006”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Green – Swan Pharmaceuticals CR, a.s. (iktar ’il quddiem “Green – Swan Pharmaceuticals”) u s-Státní zemědělská a potravinářská inspekce, ústřední inspektorát (ispettorat ċentrali tal-awtorità nazzjonali ta’ kontroll agroalimentari) fir-rigward tal-kwalifika ta’ komunikazzjoni dwar l-ippakkjar ta’ suppliment tal-ikel.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006 jgħid:

“1.   Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun provdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal indikazzjonijiet dwar in- nutrizzjoni u s-saħħa magħmula f’komunikazzjonijiet kummerċjali, kemm fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar ta’ ikel li għandu jkun imwassal bħala tali lill-konsumatur aħħari.

[...]

3.   Trade mark, marka ta’ ditta jew isem ornamentali li jidher fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-riklamar ta’ xi ikel li jistgħu jinftiehmu bħala indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jistgħu jintużaw mingħajr ma jgħaddu mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni previsti minn dan ir-Regolament, kemm-il darba jkunu akkumpanjati minn indikazzjoni relatata dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa f’dik it-tikketta, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar li tikkonforma mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir- Regolament.”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jagħti d-definizzjonijiet li ġejjin:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

2.   Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

1)

‘indikazzjoni’ tfisser kull messaġġ jew rappreżentazzjoni, li mhix obbligatorja skond il-leġislazzjoni Komunitarja jew nazzjonali, inklużi rappreżentazzjonijiet bi stampi, grafiċi jew simboliċi, f’kull forma, li jiddikjaraw, jissuġġerixxu jew jimplikaw li xi ikel għandu karetteristiċi partikolari;

[...]

5)

‘indikazzjoni dwar is-saħħa’ tfisser kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa;

6)

‘indikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard’ tfisser indikazzjoni dwar vantaġġ għas-saħħa li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li l-konsum ta’ kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu jnaqqsu b’mod sinifikanti fattur ta’ riskju fl-iżvilupp ta’ xi marda tal-bniedem;

[...]”

5

L-Artikolu 3 tar-regolament imsemmi, intitolat “Prinċipji ġenerali għall-indikazzjonijiet kollha”, jipprovdi:

“Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jistgħu jintużaw fit- tikketti, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ ikel imqiegħed fis-suq fil- Komunità biss jekk ikunu konformi mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir- Regolament.

[...]”

6

Skont l-Artikolu 10(1) tal-istess regolament:

“Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu projbiti sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan il-Kapitolu u jkunu awtorizzati skond dan ir-Regolament u inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14.”

7

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1924/2006, intitolat “Indikazzjonijiet dwar tnaqqis fir-riskju ta’ mard u indikazzjonijiet relatati ma’ l-iżvilupp u mas-saħħa tat-tfal”, jipprovdi kif ġej fis-subartikolu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2000/13/KE, l-indikazzjonijiet li ġejjin jistgħu jsiru fejn ġew awtorizzati b’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikoli 15, 16, 17 u 19 ta’ dan ir-Regolament għall-inklużjoni f’lista Komunitarja ta’ tali allegazzjonijiet [indikazzjonijiet] permessi flimkien mal-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-użu ta’ dawn l-indikazzjonijiet:

(a)

tnaqqis fl-indikazzjonijiet ta’ riskju ta’ mard,

[...]”

8

L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, li jikkonċerna r-Reġistru Komunitarju, jipprovdi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm Reġistru Komunitarju dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa li jsiru fuq l-ikel, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Reġistru”.

2.   Ir-Reġistru għandu jinkludi dan li ġej:

a)

l-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u l-kondizzjonijiet li japplikaw għalihom kif imniżżel fl-Anness;

b)

restrizzjonijiet adottati skond l-Artikolu 4(5);

ċ)

l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati u l-kondizzjonijiet li japplikaw għalihom previsti fl-Artikoli 13(3) u (5), 14(1), 19(2), 21, 24(2) u 28(6) u l-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 22(3) [Artikolu 23(3)];

d)

lista ta l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ġew rifjutati u r-raġuni għal dan.

[...]

3.   Ir-Reġistru għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.”

9

L-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, intitolat “Miżuri transitorji”, jipprovdi fis-subartikolu 2 tiegħu:

“Prodotti li jġibu trade marks jew marki tad-ditta li jkunu diġà jeżistu qabel l-1 ta’ Jannar 2005 u li ma jkunux konformi ma’ dan ir- Regolament jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq sa 19 ta’ Jannar 2022, wara liema terminu ta’ żmien għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

Il-leġiżlazzjoni Ċeka

10

L-Artikolu 17(2) tal-Liġi nru 110/1997 Sb. dwar il-prodotti tal-ikel u tat-tabakk li temenda u tikkompleta ċerti liġijiet konnessi (zákon č. 110/1997 Sb., o potravinách a tabákových výrobcích a o změně a doplnění některých souvisejících zákonů), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi li l-operatur ta’ impriża tal-ikel twettaq ksur amministrattiv meta:

“a)

jikser l-obbligu li jikkonforma ruħu mal-provvedimenti li jikkonċernaw is-sigurtà tal-prodotti tal-ikel stabbilit bid-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tad-dritt tal-Komunitajiet [...], li jirregolaw ir-rekwiżiti fil-qasam tal-prodotti tal-ikel, jew

b)

permezz ta’ aġir li ma huwiex dak imsemmi fil-punt a), huwa jikser obbligu stabbilit bid-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tad-dritt tal-Komunitajiet [...], li jirregolaw ir-rekwiżiti fil-qasam tal-prodotti tal-ikel”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li Green – Swan Pharmaceuticals qiegħdet fis-suq Ċek, qabel l-1 ta’ Jannar 2005, suppliment tal-ikel imsemmi “GS Merilin”. Dan ġie kkummerċjalizzat permezz ta’ komunikazzjoni li tinsab fl-imballaġġ tagħha li kienet tgħid li “dan il-prodott jinkludi suppliment ta’ kalċju u vitamina D3, li jikkontribwixxi sabiex jitnaqqas fattur ta’ riskju ta’ żvilupp ta’ osteoporożi u ta’ ksur”. Barra minn hekk, it-trade mark nazzjonali GS Merilin ġiet irreġistrata fir-Repubblika Ċeka fid-29 ta’ Ottubru 2003.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2010, l-Inspektorát Státní zemědělské a potravinářské inspekce (awtorità nazzjonali ta’ kontroll agroalimentari) qies li Green – Swan Pharmaceuticals kienet qiegħdet fuq l-imballaġġ tas-suppliment tal-ikel GS Merilin indikazzjonijiet ta’ saħħa bi ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006. L-imsemmija awtorità ddeduċiet li din il-kumpannija kienet wettqet il-ksur amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 17(2)(b) tal-Liġi nru 110/1997 Sb., fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, u kkundannaha tħallas multa li tammonta għal CZK 200 000.

13

Green – Swan Pharmaceuticals ippreżentat ilment kontra din id-deċiżjoni tal-Inspektorát Státní zemědělské a potravinářské inspekce, fejn sostniet b’mod partikolari li l-komunikazzjoni li kienet tinsab fuq l-imballaġġ tas-suppliment tal-ikel GS Merilin ma setgħetx titqies bħala “indikazzjoni”, fis-sens tar-Regolament Nru 1924/2006. Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2011, is-Státní zemědělská a potravinářská inspekce, ústřední inspektorát ċaħdet dan l-ilment.

14

Green – Swan Pharmaceuticals ippreżentat appell kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Krajský soud v Brně (qorti reġjonali ta’ Brno). Hija sostniet b’mod partikolari li l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 kien japplika għas-suppliment tal-ikel GS Merilin minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-prodotti bħala tali u mhux għat-trade marks jew għall-marki tad-ditta li jindikaw dawn il-prodotti. Hija invokat ukoll il-punt 6 tal-Artikolu 2(2) tal-istess regolament billi osservat li, f’dan il-każ, il-komunikazzjoni li tinsab fuq l-imballaġġ tal-suppliment tal-ikel GS Merilin ma tiddikjarax u lanqas ma tissuġġerixxi tnaqqis “sinifikanti” ta’ fattur ta’ riskju ta’ żvilupp ta’ marda tal-bniedem.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2011, il-Krajský soud v Brně ċaħdet ir-rikors ta’ Green – Swan Pharmaceuticals. Din il-qorti qieset li l-komunikazzjoni li kienet tinsab fuq l-imballaġġ tas-suppliment tal-ikel GS Merilin hija indikazzjoni ta’ saħħa, fis-sens tar-Regolament Nru 1924/2006, u li, fir-rigward tal-indikazzjonijiet dwar it-tnaqqis ta’ riskju ta’ mard, huma biss dawk li ġew approvati mill-Kummissjoni, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 14 tal-istess regolament, li jistgħu jintużaw fl-etikettar u fil-preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel.

16

Green – Swan Pharmaceuticals ippreżenta appell kontra l-imsemmija sentenza tal-Krajský soud v Brně devant le Nejvyšší správní soud billi sostniet mill-ġdid li l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 kien jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni tas-suppliment tal-ikel ikkonċernat ladarba din id-dispożizzjoni kienet tagħmel riferiment għall-prodotti bħala tali. F’dan ir-rigward, din il-kumpannija żvelat id-differenza fir-redazzjoni bejn l-imsemmija dispożizzjoni u l-Artikolu 1(3) tal-istess regolament, li jirreferi għat-trade mark u għall-marka tad-ditta li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala indikazzjoni nutrizzjonali jew ta’ saħħa. Is-suppliment tal-ikel GS Merilin għalhekk jaħrab mis-sistema tal-imsemmi regolament sad-19 ta’ Jannar 2022. L-imsemmija kumpannija sostniet ukoll li l-Krajský soud v Brně jmissha eżaminat jekk l-indikazzjoni li tinsab fuq l-imballaġġ tas-suppliment tal-ikel GS Merilin kinitx tinvolvi tnaqqis “sinifikanti” ta’ riskju ta’ mard, fid-dawl tal-kliem tal-punt 6 tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1924/2006.

17

Il-qorti ta’ rinviju tqis li indikazzjoni ta’ saħħa ma għandhiex neċessarjament tinkludi l-kelma “sinifikanti” u lanqas espressjoni tal-istess natura sabiex tiġi kkunsidrata bħala “indikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard”. Fil-każ kuntrarju, l-għażla ta’ kliem kemxejn differenti jippermetti li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1924/2006.

18

Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-konsumatur medju, prodott tal-ikel li jinkludi indikazzjoni ta’ saħħa li tiddikjara jew tissuġġerixxi effett sinjifikanti fuq it-tnaqqis ta’ riskju ta’ mard ma jiġix ipperċepit bħala li jippreżenta valur ikbar minn prodott li ma jkollux din l-indikazzjoni. F’dan is-sens, ir-reġistru tal-allegazzjonijiet nutrizzjonali u ta’ saħħa li jikkonċerna l-prodotti tal-ikel, bħal ma hu previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1924/2006, juri li l-indikazzjonijiet ta’ saħħa dwar it-tnaqqis ta’ riskju ta’ mard diġà eżaminati mill-Awtorità Ewropea ta’ Sigurtà tal-Ikel u approvati mill-Kummissjoni ma jinkludu la l-kelma “sinifikanti” u ebda kelma oħra bl-istess tifsira.

19

Barra minn hekk, il-qorti ta’ rinviju tqis li l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 ma japplikax għall-kawża prinċipali, peress li l-indikazzjoni inkwistjoni ma hi la trade mark u lanqas marka tad-ditta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-qorti ta’ rinviju żżid li, kieku kellu jitqies li din id-dispożizzjoni hija applikabbli, l-interpretazzjoni li hija teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-prodotti kollha eżistenti qabel l-1 ta’ Jannar 2005 ma jkunx jagħmel sens inkwantu l-imsemmi regolament jirregola l-etikettar tal-prodotti tal-ikel.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li n-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-istqarrija [indikazzjoni] dwar vantaġġ għas-saħħa li tgħid “dan il-prodott fih supplement tal-kalċju u vitamina D3, li jikkontribwixxi sabiex inaqqas fattur ta’ riskju ta’ żvilupp ta’ osteoporożi u ta’ ksur” hija stqarrija ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel , hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010, tad-9 ta’ Frar 2010, anki jekk hija ma tindikax b’mod ċar li l-konsum ta’ dan il-prodott inaqqas b’mod sinjifikattiv fattur ta’ riskju ta’ żvilupp tal-marda ċċitata iktar ’il fuq?

2)

Il-kunċett ta’ trade mark jew marka tad-ditta, fis-sens tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament [...] Nru 1924/2006 [...] jinkludi wkoll il-komunikazzjonijiet kummerċjali li jidhru fuq l-imballaġġ tal-prodott?

3)

Il-miżuri tranżitorji previsti fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament [...] Nru 1924/2006 [...] jistgħu jkunu interpretati bħala li jirreferu għall-ikel (kollu) li kien jeżisti qabel l-1 ta’ Jannar 2005, jew bħala li jirreferu għall-ikel li kien ġie kopert b’trade mark jew b’marka tad-ditta u li, taħt din il-forma, kien jeżisti diġà qabel din id-data?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 6 tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkwalifikata bħala “indikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, indikazzjoni tas-saħħa għandha neċessarjament tindika espliċitament li l-konsum ta’ kategorija ta’ prodotti tal-ikel, ta’ prodott tal-ikel jew ta’ wieħed mill-komponenti tiegħu jirriduċi b’mod “sinifikanti” fattur ta’ riskju ta’ żvilupp ta’ marda tal-bniedem.

22

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li “indikazzjoni dwar is-saħħa”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, hija ddefinita skont ir-relazzjoni li għandha teżisti bejn prodott tal-ikel jew wieħed mill-komponenti tiegħu, minn naħa, u s-saħħa, min-naħa l-oħra, fejn din id-definizzjoni ma tipprovdi ebda preċiżazzjoni la fir-rigward tan-natura diretta jew indiretta li għandu jkollha din ir-relazzjoni u lanqas fir-rigward tal-intensità jew tat-tul tagħha, bil-konsegwenza li t-terminu “relazzjoni” għandu jinfthiem b’mod wiesa’ (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor, C-544/10, punt 34).

23

Fost l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, il-punt 6 tal-Artikolu 2(2) jiddefinixxi “indikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard” bħala “indikazzjoni dwar vantaġġ għas-saħħa li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li l-konsum ta’ kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu jnaqqsu b’mod sinifikanti fattur ta’ riskju fl-iżvilupp ta’ xi marda tal-bniedem”.

24

Mill-użu tal-kliem “tissuġġerixxi jew timplika” jirriżulta li l-kwalifika bħala “indikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tirrikjedix li tali indikazzjoni turi espliċitament li l-konsum ta’ prodott tal-ikel inaqqas b’mod sinjifikattiv fattur ta’ riskju ta’ żvilupp ta’ marda tal-bniedem. Jeħtieġ sempliċement li din l-indikazzjoni tista’ tipproduċi fi ħdan il-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat l-impressjoni li t-tnaqqis ta’ fattur ta’ riskju huwa sinjifikattiv.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-użu ta’ formulazzjoni kategorika li l-konsum tal-prodott tal-ikel ikkonċernat inaqqas – jew jikkontribwixxi sabiex inaqqas – tali fattur ta’ riskju jista’ jagħti lok fi ħdan l-imsemmi konsumatur l-impressjoni ta’ tnaqqis sinjifikattiv tal-imsemmi riskju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif tissuġġerixxi l-qorti ta’ rinviju, sabiex tiġi kkunsidrata bħala “indikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard”, indikazzjoni dwar is-saħħa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandhiex neċessarjament tinkludi l-kelma “sinifikanti” jew kelma li għandha l-istess tifsira.

26

Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 6 tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkwalifikata bħala “indikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, indikazzjoni dwar is-saħħa ma għandhiex neċessarjament tindika espliċitament li l-konsum ta’ kategorija ta’ prodotti tal-ikel, ta’ prodott tal-ikel jew ta’ wieħed mill-komponenti tiegħu inaqqas b’mod “sinifikanti” fattur ta’ riskju ta’ żvilupp ta’ marda tal-bniedem.

Fuq it-tieni domanda

27

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li komunikazzjoni ta’ natura kummerċjali li tinsab fuq l-imballaġġ ta’ prodott tal-ikel jista’ jikkostitwixxi trade mark jew marka tad-ditta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

28

Skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-prodotti li għandhom trade mark jew marka tad-ditta eżistenti qabel l-1 ta’ Jannar 2005 u li ma humiex konformi mal-imsemmi regolament jistgħu jkomplu jiġu kkummerċjalizzati sad-19 ta’ Jannar 2022.

29

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, ir-Regolament Nru 1924/2006 għandu japplika għall-indikazzjonijiet nutrizzjonali u dwar is-saħħa fformulati fil-komunikazzjonijiet ta’ natura kummerċjali, sew jekk jidhru fit-tikketti kif ukoll fil-preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel jew fir-reklamar magħmul fir-rigward tagħhom, ġaladarba l-prodotti tal-ikel inkwistjoni huma intiżi sabiex jiġu forniti bħala tali lill-konsumatur finali.

30

Barra minn hekk, hekk kif isemmi l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, trade mark jew marka tad-ditta kif ukoll, mill-bqija, isem ta’ fantażija, li jidhru fit-tikketta jew fil-preżentazzjoni ta’ prodott tal-ikel jistgħu jikkostitwixxu indikazzjoni dwar is-saħħa.

31

Issa, hekk kif issostni l-Kummissjoni, għalkemm il-komunikazzjonijiet ta’ natura kummerċjali ma jistgħux jiġu kkunsidrati, bħala regola ġenerali, bħala trade marks jew marki kummerċjali, ma jistax jiġi eskluż li tali komunikazzjoni li tinsab fil-imballaġġ ta’ prodott tal-ikel fl-istess waqt tikkostitwixxi trade mark jew marka tad-ditta. B’hekk, tali komunikazzjoni tista’ tikkostitwixxi dan it-trade mark jew din il-marka tad-ditta biss jekk tkun protetta, bħala tali, mil-leġiżlazzjoni applikabbli. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fir-rigward tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkaratterizzaw il-kawża li biha hija adita, jekk tali komunikazzjoni effettivament hijiex trade mark jew marka tad-ditta hekk protetta.

32

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li komunikazzjoni ta’ natura kummerċjali li tinsab fl-imballaġġ ta’ prodott tal-ikel jista’ jikkostitwixxi trade mark jew marka tad-ditta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li tkun protetta, bħala tali trade mark jew marka tad-ditta, bil-leġiżlazzjoni applikabbli. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fir-rigward tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkaratterizzaw il-kawża li biha hija adita, jekk tali komunikazzjoni hijiex effettivament trade mark jew marka tad-ditta hekk protetta.

Fuq it-tielet domanda

33

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għall-prodotti tal-ikel kollha li kienu jeżistu qabel l-1 ta’ Jannar 2005 jew anki prodotti tal-ikel li għandhom trade mark jew marka tad-ditta u li, taħt din il-forma, kienu diġà jeżistu qabel din id-data.

34

Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1924/2006 ma jikkonċernax il-prodotti tal-ikel fihom infushom, iżda l-indikazzjonijiet nutrizzjonali u dwar is-saħħa li jikkonċernaw dawn il-prodotti.

35

B’hekk, skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, it-trade mark jew il-marka tad-ditta li tidher fit-tikketta jew fil-preżentazzjoni ta’ prodott tal-ikel jew fir-reklamar magħmula fir-rigward tagħha u li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala indikazzjoni nutrizzjonali jew dwar is-saħħa jistgħu jintużaw mingħajr ma jkunu suġġetti għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni previsti mill-imsemmi regolament, bil-kundizzjoni li din it-tikketta, din il-preżentazzjoni jew dan ir-reklamar jinkludi wkoll indikazzjoni nutrizzjonali jew ta’ saħħa korrispondenti li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

36

F’dan il-kuntest, hekk kif isostnu l-gvern Ċek u l-Kummissjoni, l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, li jinkludi miżura derogatorja u tranżitorja, jirreferi biss għal trade mark jew għal marka tad-ditta li diġà kienet qed teżisti qabel l-1 ta’ Jannar 2005 u li tista’ tiġi kkunsidrata bħala indikazzjoni nutrizzjonali jew dwar is-saħħa fis-sens ta’ dan ir-regolament. Il-prodotti li għandhom tali trade mark jew tali marka tad-ditta jistgħu jkomplu jiġu kkummerċjalizzati sad-19 ta’ Jannar 2022.

37

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jirreferi biss għall-prodotti tal-ikel li għandhom trade mark jew marka tad-ditta li għandhom jiġu kkunsidrati bħala indikazzjoni nutrizzjonali jew dwar is-saħħa fis-sens ta’ dan ir-regolament u li kienu jeżistu taħt din il-forma qabel l-1 ta’ Jannar 2005.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 6 tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 116/2010, tad-9 ta’ Frar 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkwalifikata bħala “indikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, indikazzjoni dwar is-saħħa ma għandhiex neċessarjament tindika espliċitament li l-konsum ta’ kategorija ta’ prodotti tal-ikel, ta’ prodott tal-ikel jew ta’ wieħed mill-komponenti tiegħu inaqqas b’mod “sinifikanti” fattur ta’ riskju ta’ żvilupp ta’ marda tal-bniedem.

 

2)

L-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 116/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li komunikazzjoni ta’ natura kummerċjali li tinsab fl-imballaġġ ta’ prodott tal-ikel jista’ jikkostitwixxi trade mark jew marka tad-ditta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li tkun protetta, bħala tali trade mark jew marka tad-ditta, bil-leġiżlazzjoni applikabbli. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fir-rigward tal-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkaratterizzaw il-kawża li biha hija adita, jekk tali komunikazzjoni hijiex effettivament trade mark jew marka tad-ditta hekk protetta.

 

3)

L-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 116/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jirreferi biss għall-prodotti tal-ikel li għandhom trade mark jew marka tad-ditta li għandhom jiġu kkunsidrati bħala indikazzjoni nutrizzjonali jew dwar is-saħħa fis-sens ta’ dan ir-regolament u li kienu jeżistu taħt din il-forma qabel l 1 ta’ Jannar 2005.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.