SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera — Ċittadini Svizzeri li jirrisjedu fl-Isvizzera u li jaħdmu fil-Lussemburgu — Għoti ta’ allowance ta’ leave parentali — Kunċett ta’ ‘benefiċċju tal-familja’”

Fil-Kawżi magħquda C‑216/12 u C‑217/12,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-26 ta’ April 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2012, fil-proċeduri

Caisse nationale des prestations familiales

vs

Fjola Hliddal (C‑216/12),

Pierre-Louis Bornand (C‑217/12),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Caisse nationale des prestations familiales, minn M. Thewes, avukat,

għal F. Hliddal u P.‑L. Bornand, minn C. Erpelding, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament tal-Kunsill Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308, iktar ’il quddiem “ir-Regolament Nru 1408/71”).

2

Dawn it-talbiet ġew imressqa fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn il-Caisse nationale des prestations familiales (iktar ’il quddiem is-“CNPF”) u F. Hliddal u P.‑L. Bornand, rispettivament, li jirrisjedu fl-Isvizzera u li jaħdmu fil-Lussemburgu, dwar ir-rifjut ta’ din il-caisse milli tagħtihom allowance ta’ leave parentali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi d-definizzjonijiet applikabbli fil-qasam irregolat minnu.

4

L-Artikolu 1(u) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“i)

it-terminu “benefiċċji familjari/tal-familja” jfisser il-benefiċċji kollha materjali jew fi flus bil-ħsieb li jilħqu l-ispejjez tal-familja skond il-leġislazzjoni provduta fl-Artikolu 4(1)[(h)], minbarra s-sussidji speċjali tat-twelid imsemmija fl-Anness I;

ii)

it-terminu “sussidji familjari/tal-familja” jfisser il-benefiċċji perijodiċi fi flus konċessi esklussivament b’riferenza għan-numru u, fejn xieraq, l-età tal-membri tal-familja”.

5

Skont l-Artikolu 4(1)(h) ta’ dan l-istess regolament, dan tal-aħħar japplika għal-leġiżlazzjoni kollha li tikkonċerna l-oqsma dwar is-sigurtà soċjali li jirrigwardaw il-benefiċċji tal-familja.

6

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li:

“L-Istati Membri jispeċifikaw il-leġislazzjoni u l-iskemi li għalihom saret riferenza fl-Artikolu 4(1) u (2), il-benefiċċji non-kontributorji speċjali li għalihom saret riferenza fl-Artikolu 4(2a), il-benefiċċji minimi li għalihom hemm riferenza fl-Artikolu 50 kif ukoll il-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fl-Artikoli 77 u 78 fid-dikjarazzjonijiet li għandhom ikunu notifikati u ppubblikati skont l-Artikolu 97”.

7

Taħt it-titolu “Regoli ġenerali”, l-Artikolu 13 tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq jistabbilixxi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 sa 17:

(a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju tal-impriża jew tal-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

8

L-Artikolu 73 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni tal-Istat tal-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Anness VI.”

9

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati l-Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, approvat f’isem il-Komunità Ewropea mid-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89, iktar ’il quddiem il-“Ftehim bejn il-KE u l-Isvizzera”), jipprovdi fl-Artikolu 8 tiegħu:

“Il-partijiet kontraenti għandhom jipprovdu, b’mod konformi mal-Anness II, għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bil-għan partikolari li jiżguraw:

a)

l-ugwaljanza fit-trattament;

b)

id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli;

c)

l-aggregazzjoni, għall-fini li wieħed jakkwista jew iżomm id-dritt għall-benefiċċji kif ukoll għall-kalkolu tal-ammont ta’ dawn, tal-perijodi kollha li hu meħud kont tagħhom skont il-liġijiet nazzjonali differenti;

d)

il-ħlas tal-benefiċċji lill-persuni li jirrisjedu fit-territorju tal-partijiet kontraenti;

e)

l-għajnuna reċiproka u l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

L-Anness II tal-Ftehim bejn il-KE u l-Isvizzera, dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ siġurtà soċjali, jipprovdi fl-Artikolu 1 tiegħu:

“1.   Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti Komunitarji li għalihom isir riferiment, kif inhuma fis-seħħ fid-data tal-firma tal-ftehim u kif emendati bit-Taqsima A ta’ dan l-anness jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

2.   It-terminu ‘Stat Membru’ jew ‘Stati Membri’ msemmi fl-atti li jsir riferiment għalihom fit-Taqsima A ta’ dan l-anness għandu jitqies li jirreferi, minbarra għall-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni, għall-Isvizzera.”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

It-Taqsima A ta’ dan l-anness tagħmel b’mod partikolari riferiment għar-Regolament Nru 1408/71.

12

Għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 1408/71 ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), li beda japplika mill-1 ta’ Mejju 2010, l-istess data minn meta r-Regolament Nru 1408/71 tħassar. L-Anness II tal-Ftehim bejn il-KE u l-Isvizzera ġie aġġornat permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2012 tal-kumitat konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni tal-31 ta’ Marzu 2012 li tissostitwixxi l-Anness II ta’ ma’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (ĠU L 103, p. 51), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2012. L-Anness II tal-Ftehim bejn il-KE u l-Isvizzera minn issa ’il quddiem jagħmel riferiment għar-Regolament Nru 883/2004. Madankollu, peress li l-fatti tal-kawżI prinċipali kienu preċedenti għad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, ir-Regolament Nru 1408/71 jibqa’ japplika ratione temporis għall-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali, u dan minħabba l-fatt li, minn naħa, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 883/2004, ir-Regolament Nru 1408/71 jibqa’ fis-seħħ u l-effetti legali tiegħu jiġu miżmuma għall-finijiet, fost l-oħrajn, tal-Ftehim bejn il-KE u l-Isvizzera sakemm dan il-Ftehim ma jinbidilx, u sakemm, min-naħa l-oħra, il-punt 3 tal-Anness II, Taqsima A tal-Ftehim bejn il-KE u l-Isvizzera, fil-verżjoni emendata tiegħu, jagħmlu dejjem riferiment għar-Regolament Nru 1408/71 “meta jkun hemm każijiet ikkonċernati li seħħew fil-passat”.

Id-dritt Lussemburgiż

13

L-Artikolu L. 234‑43(1) tal-Kodiċi Industrijali jipprovdi:

“Qiegħed jiġi stabbilit leave speċjali magħruf bħala “leave parentali”, mogħti minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild wieħed jew iktar li jingħataw allowances tal-familja u li jissodisfaw fir-rigward tal-persuna li skontha għandha d-dritt għal leave parentali l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) u (3) tal-liġi emendata tad-19 ta’ Ġunju 1985 rigward l-allowances tal-familja u li tistabbilixxi l-Caisse nationale des prestations familiales, sakemm dawn l-ulied ma jkunux għalqu ħames snin.

Il-persuni li għandhom id-dritt għal leave parentali, iktar ’il quddiem “il-ġenituri”, huma dawk kollha li u sakemm huma:

domiċijati u jirrisjedu kontinwament fil-Lussemburgu, jew li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja;

jaħdmu legalment fuq post tax-xogħol fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fil-waqt tat-twelid jew tal-akkoljenza ta’ wieħed jew iktar mill-ulied adottati, kif ukoll mingħajr interruzzjoni matul minn tal-inqas tnax-il xahar kontinwu immedjatament qabel il-bidu tal-leave parentali, għand l-istess persuna li timpjega li hija stabbilita legalment fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol jew ta’ apprendistat, għal tul ta’ xogħol għal perijodu ta’ xahar li huwa ekwivalenti minn tal-inqas għal nofs tat-tul normali ta’ xogħol applikabbli fl-impriża bis-saħħa tal-liġi jew tal-ftehim kollettiv ta’ xogħol u għandhom fil-pussess tagħhom tali kuntratt matul it-tul kollu tal-leave parentali;

asssoċjati b’mod obbligatorju u kontinwu ma’ wieħed minn dawn it-titoli skont l-Artikolu 1(1)(1), (2) u (10) tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Soċjali;

irabbu fid-dar tagħhom wieħed jew iktar mill-ulied imsemmija mit-twelid jew mill-akkoljenza intiża għall-adozzjoni għal dak li jirrigwarda l-leave parentali prevista fl-Artikolu L.234‑45(3), u minn tal-inqas mid-data prevista fl-Artikolu L. 234‑46(2), għan-notifika tat-talba għal dak li jirrigwarda l-leave parentali prevista fl-Artikolu L. 234‑45(4), u jiddedikaw ruħhom prinċipalment għall-edukazzjoni tagħhom matul it-tul kollu tal-leave parentali;

ma jeżerċitaw l-ebda attività professjonali matul it-tul tal-leave parentali full-time jew jeżerċitaw matul it-tul tal-leave parentali part-time waħda jew iktar attivitajiet professjonali part-time mingħajr mat-tul totali ta’ sigħat ta’ xogħol għal perijodu ta’ xahar li jkun effettivament sar, inkluż is-sigħat addizzjonali eventwali, jaqbeż in-nofs tat-tul ta’ siegat ta’ xogħol normali għal perijodu ta’ xahar applikabbli fl-istabbiliment bis-saħħa tal-liġi jew tal-ftehim ta’ xogħol.”

14

L-Artikolu 306 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali jipprevedi:

“(1)   Matul it-tul tal-leave parentali mogħti skont l-Artikoli L. 234‑43 sa L. 234‑49 tal-Kodiċi Industrijali, l-Artikolu 29(a) sa 29(f) tal-liġi emendata tas-16 ta’ April 1979 li tiffissa r-regolament ġenerali tal-uffiċjali tal-Istat u l-Artikolu 30(a) sa 30(f) tal-liġi emendata tal-24 ta’ Diċembru 1985 li tiffissa r-regolament ġenerali tal-uffiċjali komunali, ir-remunerazzjoni għax-xogħol hija ssostitwita minn allowance fil-forma ta’ somma f’daqqa, magħrufa iktar ’il quddiem bħala l-“allowance”, li hija ffissata għal EUR 1 778.31 kull xahar għal leave full-time u għal EUR 889.15 kull xahar għal leave parentali part-time. Hija mogħtija f’partijiet kull xahar matul it-tul kollu tal-leave parentali previst minn dan il-kapitolu.

[…]

(2)   Id-dritt għal allowance għadha disponibbli għal ħaddiem li jaħdem għal rasu matul it-tul tal-leave parentali, mogħtija minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild wieħed jew iktar li jingħataw allowances tal-familja u li jissodisfaw fir-rigward tal-persuna li skontha għandha d-dritt għal leave parentali l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 270(2) u (3), sakemm dawn l-ulied ma jkunux għalqu ħames snin, u bil-patt u l-kundizzjoni li

a)

huwa domiċiljat u jirrisjedu kontinwament fil-Lussemburgu, jew jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet Komunitarji;

b)

huwa stabbilit legalment fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fil-waqt tat-twelid jew tal-akkoljenza ta’ wieħed jew iktar mill-ulied adottati;

c)

huwa asssoċjat b’mod obbligatorju u kontinwu ma’ dan it-titolu matul minn tal-inqas tnax-il xahar immedjatament qabel il-bidu tal-leave parentali f’dan ir-rigward skont l-Artikolu 1(1)(4), (5) u (10) ta’ dan il-Kodiċi;

[…]”

15

L-Artikolu 308 tal-istess kodiċi jistabbilixxi:

“(1)   L-allowance mogħtija għal leave konsekuttiv għal leave tal-maternità jew għal leave ta’ akkoljenza ma jistax jiġi akkumulat la mal-allowance għall-edukazzjoni jew benefiċċju li ma huwiex ġej mil-Lussemburgu li huwa tal-istess tip, u lanqas ma benefiċċju li ma huwiex Lussemburgiż dovut għal leave parentali, mogħti lil wieħed jew iktar mill-istess ulied, ħlief għal allowance għall-edukazzjoni estiża għal grupp ta’ tliet ulied jew iktar jew għal wild diżabbli, jew għal benefiċċju ekwivalenti li ma huwiex Lussemburgiż.

(2)   Fil-każ fejn wieħed mill-ġenituri jitlob u jaċċetta, minkejja l-interdizzjoni ta’ kumulu anki wara l-waqfien mill-ħlas tal-allowance, benefiċċju li ma huwiex ġej mil-Lussemburgu bħal dak imsemmi fis-subparagrafu preċedenti għall-perijodu sa meta’ l-ulied jagħlqu sentejn, ir-rati ta’ kull xahar ta’ allowance diġà mogħtija jagħtu lok għal ħlas lura. Fil-każ ta’ kumulu ma’ allowance għall-edukazzjoni prevista mill-Artikolu 299, l-allowance mogħtija għal leave parentali tinżamm u l-ammont tal-allowance għall-edukazzjoni li diġà ngħata jiġi kkumpensat permezz ta’ rati ta’ kull xahar ta’ allowance pagabbli. Fil-każ li ma jiġix kkumpensat, l-ammont imsemmi minn issa ’il quddiem jagħti lok għal ħlas lura.

(3)   Il-ġenitur li jibbenefika mill-allowance għall-edukazzjoni jew minn benefiċċju li ma huwiex ġej mil-Lussemburgu li huwa tal-istess tip ma jkollux iktar dritt, għall-istess wild, għal allowance għal leave (meħud fit-tieni lok) sa meta l-wild jagħlaq ħames snin.

(4)   L-allowance mogħti għal leave meħud (fit-tieni lok) sa meta l-wild jagħlaq ħames snin ma jistax jingħata simultanjament mal-allowance għall-edukazzjoni jew mal-benefiċċju li ma huwiex ġej mil-Lussemburgu tal-istess tip mitlub mill-ġenitur l-ieħor għal wieħed jew iktar mill-istess ulied, ħlief għal allowance għall-edukazzjoni estiża għal grupp ta’ tliet ulied jew iktar jew għal wild diżabbli, jew għal benefiċċju ekwivalenti li ma huwiex Lussemburgiż. Fil-każ fejn iż-żewġ benefiċċji jiġu mitluba għall-istess perijodu, jingħata biss l-allowance għal leave parentali. L-ammont li jikkorrispondi għar-rati ta’ kull xahar tal-allowance għall-edukazzjoni jew għal benefiċċju li ma huwiex ġej mil-Lussemburgu li diġà ngħata b’mod kumulattiv flimkien mal-allowance mogħtija għal leave parentali huwa kkumpensat b’rati ta’ kull xahar ta’ allowance pagabbli. Fil-każ li ma jiġix kkumpensat, l-ammont imsemmi minn issa ’il quddiem jagħti lok għal ħlas lura.

(5)   Fil-każ ta’ għajnuna permezz taż-żewġ benefiċċji lill-istess ġenitur għal żewġt ulied differenti, ir-rati ta’ kull xahar ta’ allowance għall-edukazzjoni li tiskadi matul it-tul tal-leave parentali jiġu sospiżi. L-ammont ta’ kull xahar tal-allowance tal-istess tip mogħti skont sistema li ma hijiex Lussemburgiża jitnaqqas mill-ammont ta’ kull xahar ta’ allowance mogħtija għal leave parentali sa l-għajnuna ta’ sitt rati fix-xahar għal kull wild. Fil-każ li ma jiġix kkumpensat, l-ammont imsemmi minn issa ’il quddiem jagħti lok għal ħlas lura.”

Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

16

F. Hliddal u P.‑L. Bornand, ċittadini Svizzeri, li jirrisjedu t-tnejn li huma fl-Isvizzera mal-familji tagħhom filwaqt li jaħdmu, bħala kapitani tal-ajruplani, ma’ impriża ta’ trasport bl-ajru fil-Lussemburgu.

17

Il-Kumitat tat-tmexxija tas-CNPF irrifjuta li jagħti allowance għal leave parentali minħabba l-fatt li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 234‑43 tal-Kodiċi Industrijali, fis-sens li l-persuna li titlob għall-benefiċċju ta’ leave parentali għandha tkun domiċiljata u tirrisjedi kontinwament fil-Lussemburgu, jew taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet Komunitarji.

18

Il-Conseil arbitral des assurances sociales, li quddiemu F. Hliddal u P.‑L. Bornand ressqu rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat tat-tmexxija tas-CNPF, biddel, permezz tas-sentenzi tas-17 ta’ Awwissu 2010, l-imsemmija deċiżjonijiet, iddikjara li r-rikors huwa fondat u rrinvija ż-żewġ kawżi quddiem is-CNPF.

19

Peress li s-CNPF appellat minn dawn is-sentenzi quddiem il-Conseil supérieur de la sécurité sociale, din tal-aħħar ikkonfermat, permezz tas-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2011, is-sentenzi kkontestati.

20

Is-CNPF ressqet appell kontra dawn is-sentenzi quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet sitt aggravji li, ħlief għas-sitt wieħed, huma miċħuda minn din tal-aħħar fis-sentenzi tagħha li jirrigwardaw t-talba għal domanda preliminari.

21

Fir-rigward tas-sitt aggravju mqajjem mis-CNPF, ibbażat fuq il-ksur, tar-rifjut tal-applikazzjoni, tal-applikazzjoni żbaljata jew tal-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h), tar-Regolament Nru 1408/71, il-Cour de cassation tinnota li l-Conseil supérieur de la sécurité sociale, wara li eżamina l-għanijiet u l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-allowance għal leave parentali, wasal għall-konklużjoni li tgħid li “[…] l-allowance għal leave parentali essenzjalment għandha għan tal-familja […]. Fundamentalment (hija intiża) li tpatti għal jew minn tal-inqas li tnaqqas it-telf finanzjarju involut mir-rinunzja temporanja ta’ attività professjonali u sabiex tikkumpensa għall-ispejjeż involuti mill-kura, mill-kustodja u mill-edukazzjoni tal-ulied iż-żgħar.”

22

Skont il-qorti tar-rinviju, il-Conseil supérieur de la sécurité sociale żied li “[iċ-] ċirkustanza li l-leave parentali jista’ jibqa’ jkollu b’mod aċċessorju u ideali effett pożittiv fuq is-suq tal-impjieg fis-sens li jkun jista’, skont il-każ, jillibera ċertu numru ta’ postijiet ta’ xogħol li jistgħu jiġu okkupati minn persuni qiegħda jew li jista’ permezz tal-iżvilupp tiegħu […] jinkoraġġixxi tqassim aħjar tar-rwoli edukattivi bejn il-missirijiet u l-ommijiet, ma jikkonfutawx l-għan ewlieni tiegħu.”

23

Peress li kellha dubji rigward il-klassifikazzjoni tal-benefiċċju tal-familja fis-sens tal-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 ta’ benefiċċju bħall-allowance għal leave parentali prevista mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja, li hija ffomulata fl-istess termini fiż-żewġ kawżi C‑216/12 u C‑217/12:

“Benefiċċju bħall-allowance ta’ leave parentali previst mill-Artikoli 306 sa 308 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali jikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens tal-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament [Nru 1408/71] applikabbli skont l-Anness II, Taqsima A [punt 1], tal-Ftehim bejn [il-KE u l-Isvizzera] u tal-Att finali, iffirmati fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ġunju 1999?”

24

Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2012, il-Kawżi C‑216/12 u C‑217/12 ġew magħquda.

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li allowance għal leave parentali, bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, tikkostitwixxix benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71.

Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

26

Is-CNPF tqis, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, peress li l-Ftehim bejn il-KE u l-Isvizzera ma japplikax. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni dwar il-leave parentali ġejja, fil-Lussemburgu, minn liġi tat-12 ta’ Frar 1999 li għandha bħala għan it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UKIIE, ĊEIP u ta’ KETU (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285). Issa, ċittadin Svizzeru ma jistax iserraħ fuq dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali meħuda fil-kuntest tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, peress li la l-imsemmi ftehim u lanqas l-annessi tiegħu ma jagħmlu riferiment għad-direttiva msemmija iktar ’il fuq.

27

Sussidjarjament, is-CNPF tqis li l-allowance għal leave parentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-għoti tal-leave parentali u, għaldaqstant, tad-dritt għal allowance għal leave parentali jaqa’ taħt deċiżjoni individwali kif ukoll parzjalment skont id-diskrezzjoni tal-persuna li timpjega u ma tiddependix minn sitwazzjoni li hija legalment iddefinita minn qabel.

28

Barra minn hekk, l-allowance għal leave parentali ma taqa’ fl-ebda waħda mill-kategoriji ta’ benefiċċji elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71.

29

L-imsemmija allowance ma tikkostitwixxix benefiċċju tal-familja, iżda toqrob iktar, fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, għal allowance tal-qgħad volontarju mogħti matul il-leave parentali. Fil-fatt, l-allowance ta’ leave parentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonsistix minn komplement ta’ dħul u ma għandhiex bħala għan li tikkumpensa għall-ispejjeż tal-familja. Min-naħa l-oħra, din l-allowance tikkostitwixxi remunerazzjoni li tirriżulta mill-kuntratt ta’ xogħol jew, minn tal-inqas, li tiddependi mill-eżistenza ta’ dan u li għandha tiġi kklassifikata bħala dħul alternattiv. Tali allowance ma tkunx lanqas komplement ta’ dħul, iżda tikkostitwixxi d-dħul stess tal-benefiċjarju ta’ din l-allowance. Hija tispiċċa mat-tmiem tal-leave parentali, filwaqt li l-ispejjeż marbuta mal-preżenza tal-wild jibqgħu, f’dan ir-rigward, l-istess.

30

Skont is-CNPF, l-elementi li ġejjin jipprekludu wkoll li l-allowance għal leave parentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikklassifika bħala benefiċċju tal-familja fis-sens tal-imsemmi regolament. Din l-allowance tista’ tingħata kemm lill-missier kif ukoll lill-omm, għall-istess wild, jekk iż-żewġ ġenituri jaħdmu, u l-ammont gross tagħhom jaqbeż is-salarju minimu li taqla’ persuna li ma għandhiex kwalifiki. Barra minn hekk, id-dritt għal leave parentali previst mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża huwa disponibbli biss lill-individwu u jibbenefikaw minnu l-ġenituri, fil-kwalità tagħhom ta’ ħaddiema, u l-ebda membru ieħor tal-familja tagħhom ma jista’ jibbenefika minnu. Fl-aħħar nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu allegatament ma għamilx id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71.

31

F. Hliddal u P.‑L. Bornand, isostnu li r-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun pożittiva.

32

Qabel kollox huma jenfasizzaw li l-allowance għal leave parentali tikkostitwixxi ċertament benefiċċju tas-sigurtà soċjali. Fil-fatt, hija tingħata lil hinn minn kull evalwazzjoni tal-bżonnijiet personali, abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment, jiġifieri peress li dak li jitlob għal allowance jiġġustifika li huwa jibbenefika minn leave parentali. Għalkemm l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom l-għoti tal-leave parentali taqa’ f’idejn il-persuni li timpjega, dik tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance taqa’ biss taħt l-organu tas-sigurtà soċjali li jipprovdi għal allowance.

33

L-allowance tal-leave parentali hija wkoll benefiċċju tal-familja, peress li hija tingħata lil kull ġenitur minn kuntratt ta’ xogħol minħabba fit-twelid jew fl-adozzjoni ta’ wild wieħed jew iktar li l-ġenitur benefiċjarju għandu jrabbi u jeduka fid-dar tiegħu matul it-tul kollu tal-leave parentali. L-għan dirett u l-effett prinċipali tagħha huma li tikkumpensa għall-ispejjeż tal-familja. Fil-fatt, hija intiża li tagħmilha possibbli għal wieħed mill-ġenituri li jiddedika lilu nnifsu għall-edukazzjoni ta’ wild żgħir, u, b’mod iktar speċifiku, sabiex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż għall-edukazzjoni tal-wild, sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż l-oħra għall-kustodja u għall-edukazzjoni kif ukoll, skont il-każ, sabiex itaffi l-iżvantaġġi finanzjarji involuti meta jintilef dħul minn attività ta’ xogħol. Fl-aħħar nett, l-għażla tas-CNPF bħala korp ta’ ħlas, tenfasizza n-natura tal-familja tal-imsemmija allowance.

34

Il-Kummissjoni Ewropea tinnota, preliminarjament, li l-kwistjoni tal-benefiċċju miċ-ċittadini Svizzeri tal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġietx sottomessa mill-qorti tar-rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għaldaqstant ma tistax tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni.

35

Għal dak li jirrigwarda d-domanda tal-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-allowance għal leave parentali prevista mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża tikkostitwixxi benefiċċju tas-sigurtà soċjali u mhux remunerazzjoni fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, il-kunċett ta’ remunerazzjoni jippreżupponi bħala prinċipju l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol fil-preżent. Issa, fil-każ fejn il-ħaddiem huwa fiċ-ċirkustanza ta’ leave parentali, ir-relazzjoni ta’ xogħol tiġi sospiża. Barra minn hekk, il-finanzjament tal-allowance għal leave parentali jikkorrispondi, f’dan il-każ, għall-prodott taż-żieda tal-kontribuzzjoni soċjali miġbura mill-karburanti. Iż-żejjed jinġabar mill-baġit tal-Istat. Għalhekk, din l-allowance ma titħallasx mill-persuna li timpjega.

36

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li din l-allowance hija benefiċċju tal-familja fis-sens tal-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel riferiment, fost l-oħrajn, għall-fatt li, skont l-Artikolu 308 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, l-allowance għal leave parentali ma tistax tiġi akkumulata la mal-allowance għall-edukazzjoni u lanqas ma’ allowance mogħtija minn pajjiż ieħor bħala leave parentali mogħti lill-istess wild. Tali dispożizzjonijiet ta’ antikumulu huma karatteristika tal-benefiċċji tal-familja. Barra minn hekk, l-ammont tal-imsemmija allowance hija ammont fil-forma ta’ somma f’daqqa indipendentement mill-paga preċedenti li kellu l-ħaddiem rilevanti.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li s-CNPF tikkontesta l-applikabbiltà tal-Ftehim bejn il-KE u l-Isvizzera għall-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali u għaldaqstant il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda tal-qorti tar-rinviju.

38

Kif ġustament tenfasizza l-qorti tar-rinviju, il-Ftehim bejn il-KE u l-Isvizzera, peress li jagħmel riferiment espress għar-Regolament Nru 1408/71, iwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dan ir-regolament għaċ-ċittadini Svizzeri. Issa, permezz tad-domanda li saret, dwar l-interpretazzjoni tal-istess regolament, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk allowance għal leave parentali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-imsemmi regolament, hekk li hija koperta mir-riferiment fl-imsemmi ftehim għal dan l-istess regolament u tista’ tiġi mitluba minn ċittadin Svizzeru. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ riferiment fl-imsemmi ftehim għad-Direttiva 96/34, li l-liġi tat-12 ta’ Frar 1999 li ħolqot il-leave parentali u leave għal raġunijiet tal-familja għandha l-għan, skont is-CNPF, li tiżgura t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali, huwa, f’dan ir-rigward, mingħajr effett fuq il-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domanda magħmula.

40

Huwa xieraq, fl-ewwel lok, li jiġi eżaminat jekk allowance għal leave parentali għandhiex tiġi kkunsidrata bħala “remunerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE jew bħala “benefiċċju tas-sigurtà soċjali” fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71.

41

Skont l-Artikolu 157(2) TFUE ““paga” tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu”. Huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li l-imsemmi kunċett jinkludi r-remunerazzjoni kollha, attwali jew eventwali, bil-kundizzjoni li jiġu mħallsa, anki jekk indirettament, mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem minħabba l-impjieg ta’ dan tal-aħħar u irrispettivament jekk jirċevihiex taħt kuntratt ta’ xogħol, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew fuq bażi volontarja (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber, C-262/88, Ġabra p. I-1889, punt 12; tad-19 ta’ Novembru 1998, Høj Pedersen et, C-66/96, Ġabra p. I-7327, punt 32; tat-30 ta’ Marzu 2000, JämO, C-236/98, Ġabra p. I-2189, punt 39, kif ukoll tat-30 ta’ Marzu 2004, Alabaster, C-147/02, Ġabra p. I-3101, punt 42).

42

Issa, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ħaddiem li jeżerċita d-dritt għal leave għall-edukazzjoni li tagħtih il-leġiżlazzjoni nazzjonali u li jinkludi allowance għall-edukazzjoni mogħtija mill-Istat jinsab f’sitwazzjoni speċifika, li ma tistax tiġi pparagunata għal dik ta’ raġel jew ta’ mara li jaħdmu, peress li dan il-leave huwa kkaratterizzat mis-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol u, minħabba l-obbligi rispettivi tal-persuna li timpjega u tal-ħaddiem (ara, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lewen, C-333/97, Ġabra p. I-7243, punt 37, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez-Limón Sánchez-Camacho, C-537/07, Ġabra p. I-6525, punt 57).

43

Min-naħa l-oħra, mill-proċess ma jirriżultax li l-allowance inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija mħallsa, anki indirettament, mill-persuna stess li timpjega.

44

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-allowance għal leave parentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE.

45

Huwa importanti, fit-tieni lok, li jiġi vverifikat jekk il-kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza u li jippermettu li allowance tal-allowance tas-sigurtà soċjali tiġi kklassifikata fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 humiex issodisfatti fir-rigward tal-allowance għal leave parentali hekk kif prevista fl-Artikolu 306 tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali.

46

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-Istat Lussemburgiż ma ddikjarax, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71, li l-allowance għal leave parentali prevista fl-Artikolu 306 tal-Kodiċi għas-sigurtà soċjali hija s-sistema msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess regolament ma jfissirx, minnu nnifsu, li din l-allowance ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 1977, Beerens, 35/77, Ġabra p. 2249, punt 9, u tal-15 ta’ Marzu 1999, Offermanns, C-85/99, Ġabra p. I-2261, punt 26).

47

Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni li tingħata fid-dritt intern lil ċertu benefiċċju ma hijiex determinanti sabiex jiġi evalwat jekk dan il-benefiċċju jaqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament Nru 1408/71 (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes, C-78/91, Ġabra p. I-4839, punt 14; tal-10 ta’ Ottubru 1996, Hoever u Zachow, C-245/94 u C-312/94, Ġabra p. I-4895, punt 17, kif ukoll Offermanns, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

48

Skont ġurisprudenza stabbilita, benefiċċju jista’ jitqies li huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali fil-każ fejn huwa jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, u fejn huwa relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Hughes, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15; tal-21 ta’ Frar 2006, Hosse, C-286/03, Ġabra p. I-1771, punt 37; tat-18 ta’ Diċembru 2007, Habelt et, C-396/05, C-419/05 u C-450/05, Ġabra p. I-11895, punt 63, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Petersen, C-228/07, Ġabra p. I-6989, punt 19).

49

Għalkemm s-CNPF issostni li s-sitwazzjoni legali li tikkostitwixxi l-fatt li joħloq id-dritt għal allowance għal leave parentali hija fl-aħħar nett id-deċiżjoni tal-persuna li timpjega biex tiddeċiedi jekk tagħtix jew le leave parentali, jibqa’ l-fatt li din l-allowance innifisha tingħata abbażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali.

50

F’dan ir-rigward, u kif jenfasizzaw F. Hliddal u P.‑L. Bornand, għandha ssir distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ leave parentali minn dawk il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta’ din l-allowance meta l-eżistenza tas-sitwazzjoni legalment iddefinita tiġi stabbilita. Huma biss dawn l-aħħar kundizzjonijiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kklassifikat il-benefiċċju.

51

Meta allowance għal leave parentali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tissodisfa l-ewwel miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, huwa xieraq, barra minn hekk, li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-elementi li jagħmlu parti minnha, b’mod partikolari l-għanijiet tagħha u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha, l-imsemmi benefiċċju jikkostitwixxix benefiċċju tal-familja fis-sens tal-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71, jekk jekk inkella pjuttost jirrigwarda dħul ta’ sostituzzjoni li jixbah lill-benefiċċju tal-qgħad.

52

Benefiċċju, bħal allowance għal leave parentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwixxix benefiċċju tal-qgħad. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tinħoloq distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju kopert minn kull benefiċċju. Għaldaqstant, benefiċċju tal-qgħad ikopri r-riskju marbut mat-telf ta’ dħul subit mill-ħaddiem wara li jkun tilef l-impjieg tiegħu, għalkemm ikun għadu kapaċi jaħdem. Benefiċċju mogħti wara li jseħħ dan ir-riskju, jiġifieri t-telf tal-impjieg, u li ma għandux iktar jitħallas malli dik is-sitwazzjoni tispiċċa minħabba l-fatt li l-persuna kkonċernata tkun qegħda twettaq attività bi ħlas, għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi benefiċċji tal-qgħad (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 27).

53

Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ persuna li tibbenefika minn allowance għal leave parentali bħall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Persuna bħal din ma tilfitx l-impjieg tagħha, iżda ddeċidiet biss li tissospendi xogħolha.

54

Sussegwentement, huwa importanti wkoll li jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, “it-termini “benefiċċji familjari/tal-familja” jfissru l-benefiċċji kollha materjali jew fi flus bil-ħsieb li jilħqu l-ispejjeż tal-familja”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-benefiċċji tal-familja huma intiżi sabiex jgħinu soċjalment lill-ħaddiema li għandhom ir-responsabbiltà ta’ familja billi tipparteċipa s-soċjetà f’dawn l-ispejjeż (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 1985, Kromhout, 104/84, Ġabra p. 2205, punt 14, u Offermanns, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

55

It-termini “jilħqu l-ispejjeż tal-familja”, li jissemma’ fl-imsemmija dispożizzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-benefiċċji huma intiżi, b’mod partikolari, bħala kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja, intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kura tal-ulied (sentenzi Offermanns, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u tas-7 ta’ Novembru 2002, Maaheimo, C-333/00, Ġabra p. I-10087, punt 25).

56

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li allowance għall-edukazzjoni intiża sabiex tagħmilha possibbli għal wieħed mill-ġenituri li jiddedika lilu nnifsu għall-edukazzjoni ta’ wild żgħir, u, b’mod iktar speċifiku, sabiex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż għall-edukazzjoni ta’ dan il-wild, sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż l-oħra għall-kustodja u għall-edukazzjoni u, skont il-każ, sabiex itaffi l-iżvantaġġi finanzjarji involuti meta jintilef dħul minn attività ta’ xogħol full-time għandha bħala għan li tikkumpensa għall-ispejjeż tal-familja fis-sens tal-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoever u Zachow, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 u 25).

57

Mill-punt 27 tas-sentenza Hoever u Zachow, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li tali benefiċċju għandu jitqies bħala benefiċċju tal-familja, fis-sens tal-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi, C-275/96, Ġabra p. I-3419, punt 60).

58

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-allowances għall-interruzzjoni tal-karriera mogħtija, taħt ċerti kundizzjonijiet, lil ħaddiema li jinterrompu l-karriera tagħhom fil-kuntest ta’ leave parentali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan it-tip ta’ benefiċċju, simili għal allowance għal leave parentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies bħala benefiċċju tal-familja (ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑469/02, punt 16).

59

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-allowance għal leave parentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn naħa, ma tistax tikklassifika bħala remunerazzjoni fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE u min-naħa l-oħra, ma tistax tikkostitwixxi benefiċċju tas-sigurtà soċjali li l-karatteristiċi tiegħu jikkorrispondu għal dawk ta’ benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71.

60

Ir-risposta għad-domanda magħmula għandha għalhekk tkun li l-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li allowance għal leave parentali, bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, tikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 1(u)(i) u 4(1)(h) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament tal-Kunsill Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998, għandhom jiġu interpretati fis-sens li allowance għal leave parentali, bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, tikkostitwixxi benefiċċju tal-familja fis-sens ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.