SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Moviment liberu tal-persuni — Ċittadinanza tal-Unjoni — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur — Artikolu 7(1)(b) — Persuna li ma għadx għandha l-kwalità ta’ ħaddiem — Persuna li għandha dritt għal pensjoni tal-irtirar — Rekwiżit ta’ riżorsi suffiċjenti sabiex il-persuna kkonċernata ma ssirx ta’ piż għas-‘sistema ta’ għajnuna soċjali’ tal-Istat Membru ospitanti — Talba għal benefiċċju speċjali li ma huwiex kontributorju u li jingħata fi flus — Suppliment kumpensatorju intiż sabiex jikkompleta l-pensjoni tal-irtirar — Regolament (KE) Nru 883/2004 — Artikoli 3(3) u 70 — Kompetenza tal-Istat Membru ta’ residenza — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dritt ta’ residenza legali fit-territorju nazzjonali — Konformità mad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑140/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Marzu 2012, fil-proċedura

Pensionsversicherungsanstalt

vs

Peter Brey,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u C.G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal P. Brey, minn C. Rappold, Avukat,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn E. Creedon, bħala aġent, assistita minn A. Collins, SC, u minn G. Gilmore, BL

għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u H. Karlsson, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Murrell u J. Coppel, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u C. Tufvesson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn P. Brey u l-Pensionsversicherungsanstalt dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tagħtih, sabiex jikkompleta l-pensjoni tal-irtirar Ġermaniża tiegħu, is-suppliment kumpensatorju (Ausgleichzulage) previst mill-leġiżlazzjoni Awstrijaka.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/38/KE

3

Skont il-premessi 10, 16, 20 u 21 tad-Direttiva 2004/38:

“(10)

Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[…]

(16)

Sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza ma jsirux piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti, dawn m’għandhomx jitkeċċew. Għalhekk, miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun il-konsegwenza awtomatika jekk iduru għas-sistema ta’ l-għajnuna soċjali. L-Istat Membru ospitanti għandu jeżamina jekk hux każ ta’ diffikultajiet temporanji u jqis id-dewma tar-residenza, iċ-ċirkostanzi personali u l-ammont ta’ għajnuna awtorizzat qabel jikkunsidra lill-benefiċjarju piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tiegħu ta’ għajnuna soċjali u jipproċiedi għat-tkeċċija tiegħu. Fl-ebda każ m’għandha tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom jew persuni li qed ifittxu xogħol kif imfissra mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

[…]

(20)

Skond il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni skond iċ-ċittadinanza, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jgħixu fi Stat Membru skond din id-Direttiva għandhom igawdu, f’dak l-Istat Membru, trattament ugwali bħaċ-ċittadini f’oqsma koperti mit-Trattat, bla ħsara għal dawk id-disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar mit-Trattat u mil-liġi sekondarja.

(21)

Madankollu, għandu jkun l-Istat Membru ospitanti li jiddeċiedi jekk jagħtix għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jew għal perjodu itwal f’każ ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom, jew manteniment għall-istudji, inkluż it-taħriġ professjonali, qabel l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti minn dawn l-istess persuni.”

4

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi dan li ġej fil-paragrafu 1(b) tiegħu:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

[…]

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti.”

5

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Formalitajiet amministrattivi għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(5), għal perjodi ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jirreġistraw ma’ l-awtoritajiet rilevanti.

2.   It-terminu perentorju għal reġistrazzjoni m’għandux ikun inqas minn tliet xhur mid-data tal-waslien. Għandu jinħareġ immedjatament ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, li jiddikjara l-isem u l-indirizz tal-persuna li qed tirreġistra u d-data tar-reġistrazzjoni. In-nuqqas li dan l-obbligu ta’ reġistrazzjoni jiġi osservat jista’ jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.

3.   Biex jinħareġ iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu biss li:

[…]

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għalihom japplika l-punt (b) ta’ l-Artikolu 7(1) jippreżentaw karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi u jipprovdu prova li huma jissoddisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti hemm,

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu ma jistabbilixxux ammont fiss li huma jikkunsidraw bħala ‘riżorsi suffiċjenti’, imma għandhom iqisu s-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata. Fil-każijiet kollha, dan l-ammont m’għandux ikun ogħla mil-limitu li taħtu ċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ospitanti jkunu eliġibbli għal għajnuna soċjali, jew, fejn ma tapplikax din il-kriterja, ogħla mill-pensjoni minima soċjali mħallsa mill-Istat Membru ospitanti.

[…]”

6

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprovdi:

“[…]

2.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

F’każijiet speċifiċi fejn hemm dubju raġonevoli dwar jekk ċittadin ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu jissoddisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7, 12 u 13, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu verifika ta’ dan. Din il-verika m’għandhiex titwettaq sistematikament.

3.   Miżura ta’ tkeċċija m’għandhiex tkun konsegwenza awtomatika meta ċittadin ta’ l-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

[… ]”

7

Skont l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Trattament ugwali”:

“1.   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.

[…]”

Ir‑Regolament (KE) Nru 883/2004

8

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), issostitwixxa, mill-1 ta’ Mejju 2010, ir-Regolament tal-Kunsill, (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali fir-rigward ta’ persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu kif emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

9

Ir-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1244/2010, tad-9 ta’ Diċembru 2010 (ĠU L 338, p. 35, iktar ’il quddiem ir-Regolament Nru 83/2004”) fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

j)

‘residenza’ tfisser il-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha;

[…]”

10

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Oqsma koperti” jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[…]

d)

benefiċċji marbuta ma’ l-età [xjuħija];

[…]

2.   Sakemm l-Anness XI ma jgħidx mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għal skemi ġenerali u speċjali ta’ sigurtà soċjali, kemm jekk kontributorji u kemm jekk le, u għal skemi marbutin ma’ l-obbligi ta’ min iħaddem jew ta’ sid il-vapur.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.

[…]

5.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal għal għajnuna soċjali jew medika

[…]”

11

L‑Artikolu 4 tal‑imsemmi regolament, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

12

L-Artikolu 70 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

“1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali [kamp ta’ applikazjoni ratione personae], objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta’ assistenza soċjali.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, ‘benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus’ tfisser dawn il-benefiċċji li:

a)

huma maħsuba biex jagħtu jew:

i)

protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat; jew

ii)

protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat,

u

b)

meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu kkalkolati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,

u

ċ)

huma elenkati fl-Anness X.

3.   L-Artikolu 7 [u] l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw u għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.”

13

L-Anness X tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “BENEFIĊĊJI SPEĊJALI LI MHUMIEX KONTRIBUTORJI MOGĦTIJA FI FLUS”, jinkludi, fir-rigward tar-Repubblika tal-Awstrija, in-nota segwenti: “Suppliment li jikkumpensa [l-Att Federali tad-9 ta’ Settembru 1955 dwar l-Assigurazzjoni Soċjali Ġenerali (Allgemeines Sozialversicherungsgesetz, BGBl. no 189/1955) (…)]”.

Id-dritt Awstrijak

14

L-Artikolu 292(1) tal-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni Soċjali Ġenerali (Allgemeines Sozialversicherungsgesetz, BGBl. no 189/1955), kif emendat, mill-1 ta’ Jannar 2011, mil-Liġi dwar il-Baġit tal-2011 (Budgetbegleitgesetz 2011, BGBl. no 111/2011) (iktar ’il quddiem l-“ASVG”), jipprovdi li l-benefiċjarju ta’ pensjoni tal-irtirar għandu dritt għal suppliment kumpensatorju għall-pensjoni meta l-pensjoni flimkien mad-dħul nett minn sorsi oħra kif ukoll kull somma oħra li għandha tiddaħħal fil-kontijiet, ma jilħqux ċertu ammont ta’ referenza. Dan is-suppliment kumpensatorju għandu jammonta għad-differenza bejn l-ammont ta’ referenza u d-dħul personali u jingħata suġġett għal kundizzjoni ta’ residenza abitwali u legali fl-Awstrija.

15

L-Att dwar l-Istabbiliment u r-Residenza (Niederlassungs- und Aufenthaltsgesetz, kif emendat bil-Liġi dwar il-Baġit tal-2001 (iktar ’il quddiem in-“NAG”), jinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet rilevanti li ġejjin:

“Artikolu 51(1) Abbażi tad-Direttiva dwar il-moviment liberu, ċittadini taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] għandhom id-dritt li jgħixu għal perijodi ta’ iktar minn tliet xhur

[…]

2.

jekk huma għandhom, għalihom infushom u għall-membri tal-familji tagħhom, riżorsi biżżejjed u assigurazzjoni għall-mard komprensiva, b’mod li ma jkollhomx jirrikorru għal benefiċċji tal-għajnuna soċjali jew għall-kumpens supplimentari matul il-perijodu ta’ residenza tagħhom, jew

[…]

Ċertifikat ta’ reġistrazzjoni

Artikolu 53(1) iċ-ċittadini taż-ŻEE li għandhom dritt għal residenza skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (Artikoli 51 u 52) għandhom, meta jgħixu fit-territorju Federali għal iktar minn tliet xhur, u fi żmien erba’ xhur mid-dħul f’dan it-territorju, jiddikjaraw dan quddiem l-amministrazzjoni. Meta r-rekwiżiti jkunu sodisfatti (Artikoli 51 u 52) l-amministrazzjoni għandha, fuq talba, toħroġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

(2)   Sabiex jiġi pprovat id-dritt ta’ residenza skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandha tiġi ppreżentata karta tal-identita jew passaport li jkunu validi kif ukoll il-provi segwenti:

[…]

2.

Skond l-Artikolu 51(1)(2): provi ta’ riżorsi suffiċjenti u ta’ assigurazzjoni għall-mard komprensiva;

[…].”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

P. Brey u martu, it-tnejn li huma ta’ nazzjonalità Ġermaniża, telqu mill-Ġermanja sabiex jistabbilixxu ruħhom fl-Awstrija f’Marzu 2011. Fil-Ġermanja P. Brey jirċievi pensjoni tal-invalidità ta’ EUR 862.74 kull xahar qabel it-taxxa, u allowance għall-kura ta’ EUR 225 kull xahar. Il-koppja ma għandha ebda dħul ieħor jew assi. Fil-Ġermanja mart P. Brey kienet tirċievi benefiċċju bażiku li madankollu ma kienx baqa’ jitħallsilha mill-1 ta’ April 2011 minħabba li kienet stabbilixxiet ruħha fl-Awstrija. Il-kera tal-appartament mikri mil-koppja kienet ta’ EUR 532.29 fix-xahar.

17

Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2011, il-Pensionsversicherungsanstalt ċaħdet l-applikazzjoni ta’ P. Brey għal suppliment kumpensatorju mill-1 ta’ April 2011 minħabba li, fid-dawl tal-ammont baxx tal-pensjoni tiegħu, ma kellux riżorsi suffiċjenti biex jiġġustifika residenza legali fl-Awstrija.

18

Skont in-NAG, fit-22 ta’ Marzu 2011, il-Bezirkshauptmannschaft Deutschlandsberg (l-awtorità amministrattiva tad-distrett ta’ Deutschlandsberg) ħarġet lil P. Brey u lil martu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għal ċittadini taż-ŻEE.

19

P. Brey ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2011. Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, l-Oberlandesgericht Graz, filwaqt li kkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza mil-Landesgericht für Zivilsachen Graz, bidlet din id-deċiżjoni b’tali mod li l-Pensionsversicherungsanstalt issa kellha l-obbligu li tagħti lill-P. Brey is-suppliment kumpensatorju fl-ammont ta’ EUR 326.82 fix-xahar, mill-1 ta’ April 2011.

20

Il-Pensionsversicherungsanstalt appellat fuq punt ta’ liġi kontra din is-sentenza quddiem l-Oberster Gerichtshof (Qorti suprema tal-Awstrija).

21

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, dik il-qorti tfakkar li fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2004, Skalka (C-160/02, Ġabra p. I-5613), il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat is-suppliment kumpensatorju bħala “benefiċċju speċjali li ma huwiex kontributorju” fis-sens tal-Artikolu 4(2a) tar-Regolament Nru 1408/71 (li sar l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/204), meta dan jikkompleta pensjoni tax-xjuħija jew tal-invalidità u bħala li għandu n-natura ta’ għajnuna soċjali sa fejn dan għandu jiggarantixxi li l-benefiċjarju tiegħu jkollu l-minimu biex jgħix fil-każ ta’ pensjoni insuffiċjenti.

22

Skont il-qorti tar-rinviju, għalhekk, fil-kawża pendenti quddiemha tqum il-kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt ta’ residenza tużax l-istess kunċett ta’ “għajnuna soċjali” bħal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

23

Jekk dan il-kunċett jingħata l-istess tifsira fiż-żewġ oqsma, dik il-qorti tqis li s-suppliment kumpensatorju ma jistax jitqies li huwa benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38, peress li dan jippreżenta aspetti ta’ sigurtà soċjali u jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. B’konsegwenza ta’ dan, id-dritt għal suppliment kumpensatorju ma jkollux effett fuq id-dritt ta’ residenza.

24

L-imsemmija qorti madankollu tikkunsidra li l-kunċett ta’ “għajnuna soċjali” jista’ wkoll jingħata tifsira separata, ibbażata fuq l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2004/38, li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, li jiġi evitat li l-persuni li ma kkontribwixxewx għall-finanzjament tal-iskemi ta’ protezzjoni soċjali tal-Istat Membru ospitanti ma jkunux esklużivament ta’ piż fuq il-baġit ta’ dan tal-aħħar. Minn din il-perspettiva, dan il-kunċett għandu jinftiehem, fil-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-dritt ta’ residenza, bħala li jirrigwarda l-kopertura mill-Istat ta’ benefiċċji bażiċi ffinanzjati mir-riżorsi fiskali ġenerali li minnhom l-abitanti kollha jistgħu jibbenefikaw, kemm jekk dawn il-benefiċċji jkunu bbażati fuq dritt jew inkella fuq sitwazzjoni ta’ bżonn u indipendentement minn jekk dawn ikunu marbuta jew le ma riskju speċifiku ta’ sigurtà soċjali. F’tali każ, is-suppliment kumpensatorju jkollu jitqies li huwa benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-allowance kumpensatorja għandha tiġi kkunsidrata [Is-suppliment kumpensatorju għandu jiġi kkunsidrat] bħala benefiċċju ta’ ‘għajnuna soċjali’ fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-[Direttiva 2004/38/KE]?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq il-portata tad-domanda

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “għajnuna soċjali” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jirrigwardax benefiċċju, bħas-suppliment kumpensatorju previst fl-Artikolu 292(1) tal-ASVG.

27

Din id-domanda saret fil-kuntest ta’ kawża fejn l-awtoritajiet Awstrijaċi kompetenti rrifjutaw li jagħtu dan il-benefiċċju lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, P. Brey, minħabba li dan, minkejja l-fatt li nħariġlu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, ma setax jitqies li huwa residenti b’mod “legali” fl-Awstrija fis-sens tal-imsemmi Artikolu 292(1) tal-ASVG, peress li d-dritt ta’ residenza għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur fl-Awstrija jeħtieġ, skont l-Artikolu 51 tan-NAG, li l-persuna kkonċernata jkollha għaliha nnifisha u għall-membri tal-familji tagħhom, b’mod partikolari, “riżorsi biżżejjed [...] b’mod li ma [jkollhiex tirrikorri] għal benefiċċji tal-għajnuna soċjali jew għall-kumpens supplimentari matul il-perijodu ta’ residenza tagħ[ha]”.

28

Huwa paċifiku li din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża li tittrasponi fid-dritt Awstrijak l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, li jipprovdi li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ iktar minn tliet xhur jekk huma għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza.

29

Minn dan jirriżulta li, għalkemm id-dritt ta’ residenza ta’ P. Brey ma huwiex direttament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din tirrigwarda biss l-għoti tas-suppliment kumpensatorju, id-dritt nazzjonali nnifsu jistabbilixxi rabta diretta bejn ir-rekwiżiti sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn dan il-benefiċċju u r-rekwiżiti sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza legali ta’ iktar minn tliet xhur fl-Awstrija. Fil-fatt, l-għoti tas-suppliment kumpensatorju huwa suġġett għar-rekwiżit li l-persuna kkonċernata tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tkun tista’ tibbenefika minn tali dritt ta’ residenza. F’dan ir-rigward mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont ix-xogħlijiet preparatorji dwar l-emenda, li daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2011, tal-Artikolu 51(1)(2) tan-NAG, din id-dispożizzjoni, billi tirreferi espliċitament għas-suppliment kumpensatorju, hija issa intiża sabiex tipprekludi li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor ikun jista’ jibbenefika mid-dritt ta’ residenza fl-Awstrija abbażi tad-dritt tal-Unjoni, meta dan iċ-ċittadin jitlob, matul ir-residenza tiegħu, il-benefiċċju tas-suppliment kumpensatorju.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk Stat Membru jistax jeskludi l-għoti tas-suppliment kumpensatorju lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra, minħabba li, bħal P. Brey, huma ma jissodisfawx, minkejja l-fatt li nħarġilhom ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, ir-rekwiżiti sabiex jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza legali ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju nazzjonali, peress li, sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tali dritt, il-persuna kkonċernata għandu jkollha riżorsi suffiċjenti sabiex ma tapplikax, b’mod partikolari, għas-suppliment kumpensatorju. Huwa fil-kuntest tal-eżami ta’ din il-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata n-natura ta’ dan il-benefiċċju, li fir-rigward tiegħu għamlet id-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija, jekk neċessarju, il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C-45/06, Ġabra p. I-2089, punt 30, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C-243/09, Ġabra p. I-9849, punt 39).

32

Għalhekk, id-domanda magħmula għandha tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-għoti ta’ benefiċċju, bħas-suppliment kumpensatorju previst fl-Artikolu 292(1) tal-ASVG, lil ċittadin ekonomikament inattiv ta’ Stat Membru ieħor, minħabba li dan, minkejja l-fatt li nħariġlu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, ma jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex jibbenefika minn dritt ta’ residenza legali ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, peress li l-eżistenza ta’ tali dritt ta’ residenza hija suġġetta għar-rekwiżit li dan iċ-ċittadin ikollu riżorsi suffiċjenti li jżommuh milli japplika għall-imsemmi benefiċċju.

Fuq id-dritt ta ’ ċittadin ekonomikament inattiv tal-Unjoni għal benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-Istat Membru ospitanti

33

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Skalka, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-suppliment kumpensatorju previst fl-Artikolu 292(1) tal-ASVG jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u, b’konsegwenza ta’ dan, jikkostitwixxi “benefiċċju speċjali li ma huwiex kontributorju” fis-sens tal-Artikolu 4(2a) tal-istess regolament, moqri flimkien mall-Anness IIa ta’ dan tal-aħħar. Dan il-benefiċċju jingħata, skont l-Artikolu 10a(1) tal-imsemmi regolament, esklussivament mill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza u huwa responsabbiltà ta’ dawn tal-aħħar, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-istess Stat.

34

F’dan ir-rigward, fil-punt 26 tas-sentenza Skalka, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-suppliment kumpensatorju Awstrijak għandu n-natura ta’ “benefiċċju speċjali”, meta dan il-benefiċċju jikkompleta pensjoni tax-xjuħija jew tal-invalidità u bħala li għandu n-natura ta’ għajnuna soċjali sa fejn dan għandu jiggarantixxi li l-benefiċjarju tiegħu jkollu l-minimu biex jgħix fil-każ ta’ pensjoni insuffiċjenti meta u li l-għoti tiegħu huwa msejjes fuq kriterji oġġettivi ddefiniti mil-liġi.

35

Barra minn hekk, fil-punti 29 u 30 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li s-suppliment kumpensatorju kellu jitqies “li ma huwiex kontributorju”, peress li l-ispejjeż huma provviżorjament sostnuti minn organu soċjali li jiġi, sussegwentement, rimborsat kompletament mil-Land ikkonċernat, li min-naħa tiegħu jirċievi mingħand il-baġit federali s-somom neċessarji għall-finanzjament tal-benefiċċju, u li l-kontribuzzjonijiet tal-persuni assigurati fl-ebda mument ma jkunu involuti f’dan il-finanzjament.

36

Huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri l-Artikoli 3(3) u 70 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l-Anness X tiegħu, dwar il-“benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus”, ma humiex tali li jbiddlu dawn l-evalwazzjonijiet.

37

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li minn dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi dedott li r-rekwiżit li jgħid li, sabiex tibbenefika mis-suppliment kumpensatorju, l-persuna kkonċernata għandu jkollha d-dritt ta’ residenza legali ta’ iktar minn tliet xhur fl-Istat Membru ospitanti ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Kull persuna li, bħal P. Brey, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 inkwantu persuna rtirata li waqqfet kull attività mħallsa jew mhux imħallsa, għandu effettivament ikollha d-dritt, skont l-Artikolu 70(4) ta’ dan ir-regolament, għal ħlas ta’ benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus fl-Istat Membru ta’ residenza. Issa, skont l-Artikolu 1(j) tal-imsemmi regolament, residenza tfisser il-post fejn persuna “għandha r-residenza abitwali tagħha”, espressjoni li tindika l-Istat Membru li fih il-persuni kkonċernati jirrisjedu abitwalment u li fih ikun jinsab ukoll iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħhom. Minn dan jirriżulta li r-rekwiżit dwar il-legalità tar-residenza, previst fl-Artikolu 292(1) tal-ASVG, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tan-NAG jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta li tmur kontra l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, peress li dan jaffettwa biss iċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex Awstrijaċi.

38

Għalhekk, għandu qabel kollox jiġi eżaminat jekk Stat Membru jistax jissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċju li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor għar-rekwiżit li dan jissodisfa r-rekwiżiti biex jibbenefika minn dritt ta’ residenza legali ta’ iktar minn tliet xhur. Effettivament huwa biss jekk it-tweġiba għal din il-mistoqsija tkun fl-affermattiv li jkun neċessarju li jiġi determinat jekk tali dritt ta’ residenza jistax ikun suġġett għar-rekwiżit li l-persuna kkonċernata jkollha riżorsi suffiċjenti sabiex ma titlobx dan l-istess benefiċċju.

Fuq ir-rekwiżit li jikkonsisti f’li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti sabiex persuna jkollha dritt ta’ residenza legali ta’ iktar minn tliet xhur

39

Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 883/2004, li fuqu tibbaża ruħha l-Kummissjoni, jipprovdi “regola ta’ kunflitt” li għandha l-għan li tiddetermina, fil-każ ta’ benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jingħataw fi flus, il-leġiżlazzjoni applikabbli kif ukoll l-istituzzjoni inkarigata mill-ħlas tal-benefiċċji previsti fiha.

40

Għalhekk l-għan ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex biss li tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali flimkien mal-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw, iżda wkoll li jiġi prekluż li persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 jiċċaħdu minn protezzjoni f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali, minħabba nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li kieku tapplika għalihom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi, C-275/96, Ġabra p. I-3419, punt 28, u tal-21 ta’ Frar 2013, Dumont de Chassart, C‑619/11, punt 38).

41

Min-naħa l-oħra, bħala tali, l-imsemmija dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tiddetermina r-rekwiżiti sostantivi tal-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċji speċjali li ma humiex kontributorji u li jitħallsu fi flus. Bħala prinċipju hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina dawn ir-rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dumont de Chassart, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Għalhekk, mill-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 1(j) tal-istess regolament, ma jistax jiġi dedott li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta d-dritt għal benefiċċju speċjali mhux kontributorju li jingħata fi flus għar-rekwiżit li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti sabiex persuna jkollha dritt ta’ residenza legali fl-Istat Membru kkonċernat.

43

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1408/71 ma jorganizzax skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti u l-għan tiegħu huwa unikament li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar. Huwa għalhekk iħalli jissussistu skemi distinti li joħolqu obbligi distinti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet distinti li kontra tagħhom il-persuna li għandha drittijiet diretti, kemm abbażi tad-dritt intern waħdu, kif ukoll abbażi tad-dritt intern ikkompletat jekk meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-3 ta’ April 2008, Chuck, C-331/06, Ġabra p. I-1957, punt 27 kif ukoll Dumont de Chassart, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

44

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li bħala prinċipju xejn ma jipprekludi li l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil ċittadini ekonomikament inattivi tal-Unjoni jkun suġġett għar-rekwiżit li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti biex ikollhom dritt għal residenza legali fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punti 61 sa 63; tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punti 32 u 33; tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani, C-456/02, Ġabra p. I-7573, punti 42 u 43; tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 37, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster, C-158/07, Ġabra p. I-8507, punt 39).

45

Madankollu huwa neċessarju li r-rekwiżiti li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ tali dritt ta’ residenza, bħal, fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dak li l-persuna kkonċernata jkollha riżorsi suffiċjenti sabiex ma jkollhiex għalfejn tapplika għas-suppliment kumpensatorju, ikunu huma nnifishom konformi mad-dritt tal-Unjoni.

Fuq ir-rekwiżit li l-persuna kkonċernata jkollha riżorsi suffiċjenti sabiex ma jkollhiex għalfejn tapplika għas-suppliment kumpensatorju

46

Għandu jitfakkar li d-dritt li ċ-ċittadini ta’ Stat Membru għandhom li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma jeżerċitaw ebda attività bħala impjegati jew għal rashom hemmhekk, ma huwiex mingħajr kundizzjonijiet. Skont l-Artikolu 21(1) TFUE, id-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri huwa rikonoxxut lil kull ċittadin tal-Unjoni bla ħsara għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat u fid-dispożizzjonijiet adottati biex it-Trattat jiġi implementat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi, Trojani, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 32; tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C-200/02, Ġabra p. I-9925, punt 26, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind, C-291/05, Ġabra p. I-10719, punt 28).

47

Fost dawn il-limitazzjonijiet u dawn ir-rekwiżiti, mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li jixtiequ jibbenefikaw mid-dritt li jirrisjedu fit-territorju tagħhom għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur mingħajr ma jwettaq attività ekonomika, għandu jkollhom, għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom, assigurazzjoni għall-mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u riżorsi suffiċjenti sabiex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira, C-480/08, Ġabra p. I-1107, punt 42).

48

Il-Kummissjoni, b’kuntrast tal-gvernijiet l-oħra kollha li ressqu osservazzjonijiet bil-miktub, issostni li, peress li s-suppliment kumpensatorju jikkostitwixxi benefiċċju speċjali li ma huwiex kumpensatorju u li jingħata fi flus, li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, dan ma jistax jitqies li huwa benefiċċju ta’ “għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din id-direttiva jirriżulta li [proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (KUM[2001] 257 finali)] l-benefiċċji ta’ “għajnuna soċjali” previsti f’din id-dispożizzjoni huma dawk li ma humiex koperti, fl-istadju attwali, mir-regolament Nru 883/2004. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, skont din l-espożizzjoni tal-motivi, l-għajnuna soċjali fis-sens tad-Direttiva 2004/38 tinkludi l-għajnuna medika u bla ħlas, li hija speċifikament eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament Nru 883/2004 permezz tal-Artikolu 3(5) tiegħu.

49

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, punt 37, u tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, C‑260/11, punt 29).

50

Kif diġà ġie osservat fil-punti 33 sa 36 ta’ din is-sentenza, benefiċċju bħas-suppliment kumpensatorju jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. Madankollu, tali ċirkustanza ma tistax, bħala tali, tkun determinanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, kif sostnew il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru883/2004 huma differenti minn dawk imfittxija mill-imsemmija direttiva.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 jfittxu li jilħqu l-għan iddefinit fl-Artikolu 48 TFUE billi jipprevjenu l-effetti negattivi li l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema jista’ jkollu fuq it-tgawdija tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali mill-ħaddiema u mill-membri tal-familja tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chuck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

52

Huwa sabiex dan l-għan jintlaħaq li dan ir-regolament jipprovdi, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet li huwa jipprovdi, il-prinċipju ta’ esportabbiltà fl-Istat Membru ospitanti tal-benefiċċji mogħtija fi flus li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, bit-tneħħija, abbażi tal-Artikolu 7 tiegħu, tal-klawżoli ta’ residenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Novembru 1997, Snares, C-20/96, Ġabra p. I-6057, punti 39 u 40).

53

Min-naħa l-oħra, għalkemm id-Direttiva 2004/38 hija intiża li tiffaċilita u ssaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament lil kull ċittadin tal-Unjoni mit-Trattat (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C-127/08, Ġabra p. I-6241, punti 82 u 59; tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C-162/09, Ġabra p. I-9217, punt 30, u tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C-434/09, Ġabra p. I-3375, punt 28), din hija wkoll intiża li tispeċifika, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(a) tagħha, ir-rekwiżiti tal-eżistenza ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C-424/10 u C-425/10, Ġabra p. I-14035, punti 36 u 40), li fosthom hemm, fir-rigward tar-residenza ta’ iktar minn tliet xhur, dak previst fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, li jgħid li ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx jew ma għadx għandhom il-kwalità ta’ ħaddiema għandu jkollhom riżorsi suffiċjenti.

54

Mill-premessa 10 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta, fost l-oħrajn, li dan ir-rekwiżit huwa, b’mod partikolari, intiż sabiex jiġi evitat li dawn il-persuni jsiru piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti (sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

55

Dan ir-rekwiżit huwa bbażat fuq l-idea li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jista’ jkun suġġett għall-interessi leġittimi tal-Istati Membri, f’dan il-każ il-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C-413/99, Ġabra p. I-7091, punt 90; Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-408/03, Ġabra p. I-2647, punti 37 u 41).

56

Mill-istess perspettiva, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jibbenefikaw minnu ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ħaddiema impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li għandhom tali status u l-membri tal-familja tagħhom, li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, billi jippermetti li l-Istat Membru ospitanti ma jikkonċedix id-dritt għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, b’mod partikolari, matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C-22/08 u C-23/08, Ġabra p. I-4585, punti 34 u 35).

57

Minn dan jirriżulta li, jekk ir-Regolament Nru 883/2004 huwa intiż li jiggarantixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni li użaw id-dritt ta’ moviment liberu tal-ħaddiema, iż-żamma tad-dritt għal ċerti benefiċċji ta’ sigurtà soċjali mogħtija mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, min-naħa tagħha, id-Direttiva 2004/38 tippermetti li l-Istat Membru ospitanti jimponi fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni, meta dawn ma jkollhomx jew ma għadx għandhom il-kwalità ta’ ħaddiema, restrizzjonijiet leġittimi f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ benefiċċji soċjali sabiex dawn ma jsirux piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “sistema ta’ l-għajnuna soċjali” li jidher fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 ma jistax jiġi ridott, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali li, abbażi tal-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

59

Hekk kif enfasizzaw diversi gvernijiet li ressqu osservazzjonijiet, interpretazzjoni kuntrarja twassal sabiex jiġu stabbiliti differenzi fit-trattament mhux ġustifikati bejn Stati Membri skont il-metodi ta’ organizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali tagħhom tas-sigurtà soċjali, meta l-karattru “speċjali” ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali — u, għaldaqstant, l-inklużjoni tiegħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 — tiddependi, b’mod partikolari, fuq il-punt li jsir magħruf jekk l-għoti ta’ dan il-benefiċċju huwiex imsejjes, fid-dritt nazzjonali, fuq kriterji oġġettivi jew esklużivament fuq is-sitwazzjoni ta’ bżonn tal-persuna kkonċernata.

60

Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “sistema ta’ l-għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi ddeterminat mhux abbażi ta’ kriterji formali iżda abbażi tal-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, kif imfakkar fil-punti 53 sa 57 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Vatsouras u Koupatantze, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42, kif ukoll tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, punti 90 sa 92).

61

Għalhekk, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għas-sistemi kollha ta’ għajnuna stabbiliti minn awtoritajiet pubbliċi, kemm jekk fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għalihom l-individwu li ma għandux riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet elementari tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu u li, minħabba dan il-fatt, hemm perikolu li jsir, matul ir-residenza tiegħu, piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Bidar, punt 56; Eind, punt 29, u Förster, punt 48, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun, C-578/08, Ġabra p. I-1839, punt 46, u Kamberaj, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91).

62

Fir-rigward tas-suppliment kumpensatorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-punti 33 sa 36 ta’ din is-sentenza jirriżulta li tali benefiċċju jista’ jitqies li huwa jaqa’ taħt is-“sistema ta’ l-għajnuna soċjali” tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 29 u 30 tas-sentenza Skalka, iċċitata iktar ’il fuq, dan il-benefiċċju, li huwa intiż li jiggarantixxi li l-benefiċjarju tiegħu jkollu l-minimu biex jgħix fil-każ ta’ pensjoni insuffiċjenti, huwa kompletament iffinanzjat mill-awtoritajiet pubbliċi mingħajr ebda kontribuzzjoni min-naħa tal-persuni assigurati.

63

Minn dan isegwi li l-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkun ekonomikament inattiv jista’ jkun eliġibbli, minħabba l-ammont żgħir tal-pensjoni tiegħu, għall-għoti ta’ tali benefiċċju, jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni li tista’ turi li dan tal-aħħar ma għandux riżorsi suffiċjenti sabiex jevita li jsir ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Trojani, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 36).

64

Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jaslu għal tali konklużjoni mingħajr ma jkunu għamlu evalwazzjoni globali tal-piż li jirrappreżenta konkretament l-għoti ta’ dan il-benefiċċju fuq is-sistema nazzjonali ta’ għajnuna soċjali fl-intier tagħha fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata.

65

Fil-fatt, għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li d-Direttiva 2004/38 bl-ebda mod ma teskludi kull possibbiltà ta’ għoti, fl-Istat Membru ospitanti, ta’ benefiċċji soċjali liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza Grzelczyk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

66

Bil-kontra ta’ dan, diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jipprovdu speċifikament li tali servizzi jistgħu jingħatawlhom. Għalhekk, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, mill-kliem innifsu tal-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li huwa biss matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza li, b’deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 24(1) tal-istess direttiva, l-Istat Membru ospitanti ma huwiex obbligat li jagħti d-dritt għall-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx jew ma għadx għandhom il-kwalità ta’ ħaddiema. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li meta ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali, dan ma għandux iwassal awtomatikament għal miżura ta’ tkeċċija.

67

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi espliċitament li l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu l-ammont ta’ riżorsi li huma jikkunsidraw bħala suffiċjenti, iżda li għandhom iqisu s-sitwazzjoni personali tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 8(4) l-ammont tar-riżorsi ma għandux ikun ogħla mil-limitu li taħtu ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jkunu eliġibbli għal għajnuna soċjali, jew, fejn dan il-kriterju ma japplikax, ogħla mill-pensjoni minima soċjali mħallsa mill-Istat Membru ospitanti.

68

Minn dan jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jindikaw ċerta somma bħala ammont ta’ referenza, huma ma jistgħux jimponu ammont ta’ dħul minimu li jekk ma jintlaħaqx jagħti lok għall-preżunzjoni li persuna kkonċernata ma għandhiex riżorsi suffiċjenti, u dan indipendentement minn eżami konkret tas-sitwazzjoni ta’ kull persuna kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza Chakroun, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

69

Barra minn hekk, mill-premessa 16 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li, sabiex jiddetermina jekk il-benefiċjarji ta’ benefiċċju ta’ għajnuna soċjali jikkostitwixxix piż mhux raġonevoli fuq is-sistema tal-għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti, dan tal-aħħar, qabel ma jadotta miżura ta’ tkeċċija, għandu jeżamina jekk il-persuna kkonċernata hijiex qed taffaċċja diffikultajiet ta’ natura temporanja kif ukoll għandu jieħu inkunsiderazzjoni kemm it-tul tar-residenza u s-sitwazzjoni personali tiegħu kif ukoll l-ammont tal-għajnuna li ngħatatlu.

70

Fl-aħħar u t-tielet nett, għandu jitfakkar li sa fejn id-dritt għal moviment liberu huwa, inkwantu prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, ir-regola ġenerali, ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kamberaj, punt 86, u Chakroun, punt 43), kif ukoll b’osservanza tal-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Baumbast u R, punt 91; Zhu u Chen, punt 32, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 39).

71

Barra minn hekk, l-Istati Membri ma għandhomx jużaw il-marġni ta’ manuvra mogħti lilhom b’tali mod li jkun ta’ ħsara għall-għan tad-Direttiva 2004/38, li huwa, b’mod partikolari, li jiffaċilita u jsaħħaħ l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u għall-effettività tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza Chakroun, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 47).

72

Billi jissuġġetta d-dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur għaċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata ma ssirx piż “mhux raġonevoli” fuq is-“sistema” ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti, l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, kif interpretat fid-dawl tal-premessa 10 tal-istess direttiva, għalhekk jimplika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom is-setgħa li jevalwaw, wara li jieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk l-għoti ta’ benefiċċju soċjali jistax jirrappreżenta piż għas-sistemi ta’ għajnuna soċjali kollha ta’ dan l-Istat Membru. Għalhekk, id-Direttiva 2004/38 taċċetta ċerta solidarjetà finanzjarja taċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti ma’ dawk ta’ Stati Membri oħra, b’mod partikolari, jekk id-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom il-benefiċjarju tad-dritt ta’ residenza huma ta’ natura temporanja (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Grzelczyk, punt 44; Bidar, punt 56, kif ukoll Förster, punt 48).

73

Ċertament, hekk kif jirriżulta mill-punt 74 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, b’kuntrast għall-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni l-oħra, ma jidhirx li tagħmel riferiment għal tali “sistema”.

74

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Approċċ bħal dan ikun effettivament inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1990, Cricket St Thomas, C-372/88, Ġabra p. I-1345, punti 18 u 19, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 1998, Institute of the Motor Industry, C-149/97, Ġabra p. I-7053, punt 16).

75

Issa, mill-punti 64 sa 72 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-sempliċi fatt li ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika minn benefiċċju ta’ għajnuna soċjali ma huwiex biżżejjed sabiex juri li dan iċ-ċittadin jirrappreżenta piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

76

Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Awstrijak matul is-seduta jirriżulta li, għalkemm l-ammont tas-suppliment kumpensatorju jiddependi fuq is-sitwazzjoni patrimonjali tal-persuna kkonċernata fid-dawl tal-ammont ta’ referenza stabbilit għall-għoti ta’ dan is-suppliment, is-sempliċi fatt li ċittadin ekonomikament inattiv ta’ Stat Membru ieħor japplika għal dan il-benefiċċju huwa biżżejjed sabiex dan iċ-ċittadin jiġi eskluż, indipendentement kemm mit-tul tar-residenza kif ukoll tal-ammont tal-imsemmi benefiċċju u l-perijodu li matulu dan jitħallas, u għalhekk indipendentement mill-piż li dan il-benefiċċju jirrappreżenta għas-sistema ta’ għajnuna soċjali fl-intier tagħha ta’ dan l-Istat.

77

Għandu bilfors jiġi kkonstatat li tali esklużjoni awtomatika mill-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadini ekonomikament inattivi ta’ Stati Membri oħra mill-għoti ta’ benefiċċju soċjali partikolari, anki wara l-perijodu ta’ tliet xhur ta’ residenza previst fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, ma tippermettix li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, meta r-riżorsi tal-persuna kkonċernata jkunu inferjuri għall-ammont ta’ referenza għall-għoti ta’ dan il-benefiċċju, iwettqu, skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikoli 7(1)(b) u 8(4) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mill-prinċipju ta’ proporzjonalità, evalwazzjoni globali tal-piż li jirrappreżenta b’mod konkret l-għoti ta’ dan il-benefiċċju fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali fl-intier tagħha skont iċ-ċirkustanzi individwali li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata.

78

B’mod partikolari, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, meta jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ekonomikament inattiv tal-Unjoni li jkun jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ P. Brey, ikunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-importanza u r-regolarità tad-dħul li dan tal-aħħar għandu, il-fatt li dan id-dħul wassal sabiex l-imsemmija awtoritajiet joħorġulu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fit-territorju nazzjonali, kif ukoll il-perijodu li matulu x’aktarx ikollu jingħata l-benefiċċju li għalih saret applikazzjoni. Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata b’mod iktar preċiż il-portata tal-piż li dan l-għoti jirrappreżenta għas-sistema nazzjonali ta’ għajnuna soċjali, jista’ jkun rilevanti li tiġi ddeterminata, hekk kif sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, il-proporzjoni ta’ benefiċjarji ta’ dan il-benefiċċju li għandhom il-kwalità ta’ ċittadini tal-Unjoni li jirċievu pensjoni tal-irtirar fi Stat Membru ieħor.

79

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha l-ġurisdizzjoni li tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina, b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jekk l-għoti ta’ benefiċċju, bħal ma huwa s-suppliment kumpensatorju, lil persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ P. Brey jistax jirrappreżenta piż mhux raġonevoli għas-sistema nazzjonali ta’ għajnuna soċjali.

80

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 7(1)(b), 8(4), u 24(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, anki jekk għall-perijodu ta’ wara l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, teskludi f’kull ċirkustanza u b’mod awtomatiku l-għoti ta’ benefiċċju, bħas-suppliment kumpensatorju previst fl-Artikolu 292(1) tal-ASVG, lil ċittadin ekonomikament inattiv ta’ Stat Membru ieħor, minħabba li dan, minkejja l-fatt li nħariġlu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, ma jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex jibbenefika minn dritt ta’ residenza legali ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, peress li l-eżistenza ta’ tali dritt ta’ residenza hija suġġetta għar-rekwiżit li dan iċ-ċittadin ikollu riżorsi suffiċjenti li jżommuh milli japplika għall-imsemmi benefiċċju.

Fuq l-ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 7(1)(b), 8(4), u 24(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, anki jekk għall-perijodu ta’ wara l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, teskludi f’kull ċirkustanza u b’mod awtomatiku l-għoti ta’ benefiċċju, bħas-suppliment kumpensatorju previst fl-Artikolu 292(1) tal-Att Federali dwar l-Assigurazzjoni Soċjali Ġenerali (Allgemeines Sozialversicherungsgesetz), kif emendat, mill-1 ta’ Jannar 2011, mil-Liġi dwar il-Baġit tal-2011 (Budgetbegleitgesetz 2011) lil ċittadin ekonomikament inattiv ta’ Stat Membru ieħor, minħabba li dan, minkejja l-fatt li nħariġlu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, ma jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex jibbenefika minn dritt ta’ residenza legali ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, peress li l-eżistenza ta’ tali dritt ta’ residenza hija suġġetta għar-rekwiżit li dan iċ-ċittadin ikollu riżorsi suffiċjenti li jżommuh milli japplika għall-imsemmi benefiċċju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.