SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ April 2012 ( *1 )

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Regolament (KE) Nru 810/2009 — Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi — Artikoli 21 u 34 — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Introduzzjoni illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ Stat Membru — Viżi miksuba b’mod frawdolenti — Sanzjoni kriminali tat-traffikant”

Fil-Kawża C-83/12 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2012, fil-proċeduri kriminali kontra

Minh Khoa Vo

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat it-talba tal-qorti ta’ rinviju tat-8 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2012, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura,

wara d-deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2012 tat-Tieni Awla li tilqa’ l-imsemmija talba,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. K. Vo, minn K. Beulich, Rechtsanwältin,

għall-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof, minn K. Lohse u P. Knauss, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra M. K. Vo, ikkundannat, bħala traffikant, talli introduċa, fit-territorju Ġermaniż, ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-pussess ta’ viża miksuba b’mod frawdolenti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Kodiċi dwar il-Viżi

3

Il-premessa 3 tal-Kodiċi dwar il-Viżi huwa redatt kif ġej:

“Fir-rigward tal-politika dwar il-viżi, l-istabbiliment ta’ “korp komuni” ta’ leġiżlazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-konsolidazzjoni l-iżvilupp tal-acquis (id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni li jimplementaw il-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 u l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni, huwa wieħed mill-komponenti fundamentali ta’ “aktar żvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi bħala parti minn sistema fuq ħafna livelli li għandha l-għan li tiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu u tittratta l-immigrazzjoni illegali permezz ta’ aktar armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali u tal-prattika ta’ trattament fil-missjonijiet konsulari lokali”, kif iddefinit fil-Programm tal-Aja: it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea.”

4

Skont l-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, dan jiffissa l-proċeduri u l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-viżi għat-tranżitu jew għas-soġġorn fit-territorji tal-Istati Membri, ta’ tul massimu ta’ tliet xhur f’perijodu ta’ sitt xhur; is-subartikolu 2 ta’ dan l-artikolu jispeċifika li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

5

L-Artikolu 2 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser kwalunkwe persuna li mhix ċittadina tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

2)

‘viża’ tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru bl-għan ta’:

a)

tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorn previst fihom ta’ tul ta’ mhux aktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ sitt xhur mill-ewwel data ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri […]

[…]”

6

Skont l-Artikolu 14(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi:

“1.   Meta japplika għal viża uniformi, l-applikant għandu jippreżenta:

a)

dokumenti li jindikaw l-fini tal-vjaġġ;

[…]

d)

informazzjoni li tippermetti li ssir valutazzjoni tal-intenzjoni tal-applikant li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni.”

7

L-Artikolu 21 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jipprovdi:

“1.   Fl-eżami ta’ applikazzjoni għal viża uniformi, għandu jiġi aċċertat jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari lill-istima dwar jekk l-applikant ikunx jippreżenta riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju għas-sigurtà tal-Istati Membri u jekk l-applikant huwiex bi ħsiebu jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni.

2.   Fir-rigward ta’ kull applikazzjoni, i[s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, iktar ’il quddiem il-‘VIS’] għandha tiġi kkonsultata skont l-Artikoli 8(2) u 15 tar-Regolament [(KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, p. 60)]. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsir użu sħiħ tal-kriterji kollha tar-riċerka taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-VIS sabiex jiġi evitat li jsiru ċaħdiet u identifikazzjonijiet foloz.

3.   Fil-verifika dwar jekk l-applikant jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul, il-konsulat għandu jivverifika:

a)

li d-dokument tal-ivvjaġġar li qiegħed jiġi ppreżentat mhuwiex falz, kontrafatt jew iffalsifikat;

b)

il-ġustifikazzjoni tal-applikant tal-iskop u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn previst, u li huwa/hija għandu mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza, kemm għat-tul tas-soġġorn previst u għar-ritorn tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini jew ta’ residenza, jew għat-tranżitu lejn pajjiż terz li fih huwa żgur li jiġi ammess, jew li hu f’pożizzjoni li jikseb dawn il-mezzi skont il-liġi;

c)

jekk l-applikant huwiex persuna li fir-rigward tagħha tkun inħarġet twissija fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) għall-finijiet ta’ ċaħda ta’ dħul;

d)

li l-applikant mhuwiex ikkunsidrat theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika kif definit fl-Artikolu 2 punt 19 tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi wieħed mill-Istati Membri, u partikolarment fejn ma tkun inħarġet l-ebda twissija fil-bażijiet tad-data nazzjonali ta’ Stat Membru għall-iskop ta’ ċaħda tad-dħul għal dawk l-istess raġunijiet;

e)

li l-applikant għandu fil-pussess tiegħu assigurazzjoni medika tal-ivvjaġġar adegwata u valida, fejn applikabbli.

4.   Fejn meħtieġ, il-konsulat għandu jivverifika t-tul tas-soġġorni preċedenti u dawk previsti sabiex jivverifika li l-applikant ma qabiżx it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri, irrispettivament mis-soġġorni potenzjali awtorizzati minn viża nazzjonali għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru ieħor.

5.   Il-mezzi ta’ sussistenza għas-soġġorn previst għandhom jiġu vvalutati skont it-tul u l-fini tas-soġġorn u b’referenza għall-prezzijiet medji fl-Istat jew Stati Membri kkonċernati għall-ikel u l-irqad f’akkomodazzjoni rħisa, immultiplikat bin-numru ta’ jiem ta’ soġġorn, abbażi tal-ammonti ta’ referenza stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 34(1)(c) tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen. Dikjarazzjoni ta’ garanzija u/jew akkomodazzjoni privata tista’ tikkostitwixxi wkoll evidenza ta’ mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza.

6.   Fl-eżami ta’ applikazzjoni għal viża għal tranżitu fl-ajruport, il-konsulat għandu, b’mod partikolari jivverifika:

a)

li d-dokument tal-ivvjaġġar li qiegħed jiġi ppreżentat mhuwiex falz, kontrafatt jew iffalsifikat;

b)

il-punti tat-tluq u tad-destinazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat u l-koerenza tal-itinerarju previst u t-tranżitu fl-ajruport;

c)

il-prova tal-vjaġġ ’il barra lejn id-destinazzjoni finali.

7.   L-eżami ta’ applikazzjoni għandu jkun ibbażat b’mod partikolari fuq l-awtentiċità u l-affidabbiltà tad-dokumenti ppreżentati u fuq il-veraċità u l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-applikant.

8.   Waqt l-eżami ta’ applikazzjoni, il-konsulati jistgħu jsejħu lill-applikant għal intervista u jitolbu dokumenti addizzjonali.

9.   Ċaħda ta’ viża preċedenti m’għandhiex twassal għal ċaħda awtomatika ta’ applikazzjoni ġdida. Applikazzjoni ġdida għandha tkun ivvalutata abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli.”

8

Skont l-Artikolu 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi:

“1.   Viża għandha tiġi annullata fejn isir evidenti li l-kondizzjonijiet għall-ħruġ tal-viża ma ġewx sodisfatti fiż-żmien tal-ħruġ tagħha, b’mod partikolari jekk hemm raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li l-viża nkisbet b’mod frodulenti. Fil-prinċipju, viża għandha tiġi annullata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża. Viża tista’ tiġi revokata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, f’liema każ l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun infurmat b’tali revoka.

2.   Viża għandha tkun revokata meta jsir evidenti li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħha m’għadhomx ikunu sodisfatti. Viża fil-prinċipju għandha tkun revokata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jkun ħariġha. Viża tista’ tiġi annullata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, f’liema każ l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun infurmat b’tali annullament.

3.   Viża tista’ tiġi revokata fuq it-talba tad-detentur tal-viża. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li ħarġu l-viża għandhom ikunu infurmati b’tali revoka.

4.   In-nuqqas tad-detentur tal-viża li jipproduċi, mal-fruntiera, wieħed jew aktar dokumenti ta’ sostenn imsemmijin fl-Artikolu 14(3), m’għandux iwassal awtomatikament għal deċiżjoni ta’ annullament jew revoka tal-viża.

5.   Jekk viża hija annullata jew revokata, għandu jiġi mehmuż magħha timbru li jiddikjara ‘ANNULLATA’ jew ‘REVOKATA’ u l-varjazzjoni ottika tal-isticker tal-viża, il-fattur ta’ sigurtà ta’ ‘effett ta’ xbieha moħbija’ kif ukoll il-kelma ‘viża’ għandhom jitħassru billi jiġu ingassati.

6.   Deċiżjoni dwar l-annullament jew ir-revoka ta’ viża u r-raġunijiet li fuqhom hi bbażata għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant permezz tal-formola standard stabbilita fl-Anness VI.

7.   Id-detentur tal-viża li l-viża tiegħu tkun ġiet annullata jew revokata għandu jkollu d-dritt tal-appell, sakemm il-viża ma tkunx ġiet revokata fuq it-talba tiegħu skont il-paragrafu 3. L-appelli għandhom jitmexxew kontra l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni dwar l-annullament jew ir-revoka u skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-applikanti b’informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ appell, kif speċifikat fl-Anness VI.

8.   L-informazzjoni dwar viża annullata jew revokata għandha tiddaħħal fil-VIS, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament VIS.”

9

Mill-Artikolu 58(5) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jirriżulta li l-paragrafi 6 u 7 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament japplikaw biss sa mill-5 ta’ April 2011. Bejn il-5 ta’ April 2010, data li fiha l-Kodiċi dwar il-Viżi daħal fis-seħħ u l-5 ta’ April 2011, il-punt 2.4 tal-ħames parti tal-Istruzzjonijiet konsulari komuni dwar viżi għall-missjonijiet diplomatiċi u postijiet konsulari (ĠU 2005, C 326, p. 1) kien jirreferi, fil-każ ta’ rifjut ta’ viża, għar-rimedji previst mid-dritt nazzjonali tal-parti kontraenti.

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/946/ĠAI

10

L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/ĠAI, tat-28 ta’ Novembru 2002, dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-tranżitu u r-residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, M. K. Vol. 6, p. 61), jipprovdi li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-ksur tal-liġi ddefinit fl-Artikolu 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE, tat-28 ta’ Novembru 2002, li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, M. K. Vol. 6, p. 64) ikun suġġett għal sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jagħtu lok għall-estradizzjoni.

11

Skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fir-rigward tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas u mwettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu.

12

L-Artikolu 7(1) tal-istess deċiżjoni qafas, jipprovdi:

“Jekk Stat Membru jkun informat bi ksur tal-liġi li jirreferi għalih l-Artikolu 1(1) li jkun bi ksur tal-liġi tad-dħul u residenza ta’ aljeni ta’ Stat Membru ieħor, huwa għandu jinforma lil dan ta’ l-aħħar kif għandu jkun.”

Id-Direttiva 2002/90

13

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/90 jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jadotta sanzjonijiet xierqa dwar:

a)

kull persuna li intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta’ Stat Membru biex tidħol, jew taqsam fi transitu, it-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar id-dħul jew transitu ta’ aljeni ta’ l-Istat ikkonċernat;

b)

kull persuna li, għal qligħ finanzjarju, intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta’ Stat Membru biex toqgħod fit-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar ir-residenza ta’ aljeni ta’ l-Istat ikkonċernati.”

14

Mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jirriżulta li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-ksur imsemmi fl-Artikoli 1 u 2 ikun suġġett għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Id-Direttiva 2008/115

15

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

2)

‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

16

Il-punt 1 tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar is-soġġorn, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet — iktar ’il quddiem l-“Aufenthaltsgesetz”) jipprovdi:

“Sabiex jidħlu u jirrisjedu fit-territorju Federali, il-barranin għandhom bżonn ta’ titolu ta’ residenza, sakemm id-dritt tal-Unjoni Ewropea jew dispożizzjoni leġiżlattiva ma tipprovdix mod ieħor jew sakemm dritt ta’ residenza ma jirriżultax mill-Ftehim tat-12 ta’ Settembru 1963 li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (BGB1. 1964 II p. 509) (Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija). It-titoli ta’ residenza jieħdu l-forma:

1)

ta’ visa […]”

17

L-Artikolu 95 tal-Aufenthaltsgesetz, jipprovdi, għal dak li jirrigwarda s-sanzjonijiet:

“1.   Piena ta’ ċaħda ta’ libertà sa sena jew multa għandha tiġi imposta fuq kull min

[...]

2)

jirrisjedi fit-territorju Federali mingħajr ma jkollu titolu ta’ residenza fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1),

a)

jekk ikollu obbligu ta’ natura eżekutorja li jħalli t-territorju,

b)

jekk ebda terminu ta’ tluq ma jkun ingħata lilu jew jekk dan it-terminu jkun skada

c)

u jekk it-tkeċċija tiegħu ma tkunx ġiet sospiża,

3)

jidħol fit-territorju federali bi ksur tal-punt 1 jew 2 tal-Artikolu 14(1),

[…]

6.   Fil-każijiet imsemmija fil-punti 2 u 3 tas-subartikolu 1, il-fatt li wieħed jaġixxi fuq il-bażi ta’ titolu ta’ residenza miksub b’mod frawdolenti b’theddid, korruzzjoni jew ftehim jew billi jagħmel dikjarazzjonijiet mhux eżatti jew inkompleti għandu jiġi assimilat mal-fatt li wieħed jaġixxi mingħajr ma jkollu t-titolu ta’ residenza meħtieġa.”

18

L-Artikolu 96 tal-Aufenthaltsgesetz, intitolat “Għajnuna għall-immigrazzjoni illegali”, jipprovdi:

“1.   Piena ta’ ċaħda ta’ libertà sa ħames snin jew multa għandha tiġi imposta fuq kull min iħajjar jew jgħin lil ħaddieħor

1)

iwettaq att issanzjonat mill-punt 3 tal-Artikolu 95(1) jew mill-punt 1(a) tal-Artikolu 95(2), u

a)

jikseb vantaġġ minn dan jew jiġi mwiegħed lilu tali vantaġġ jew

b)

jaġixxi b’mod ripetut jew għall-benefiċċju ta’ numru ta’ barranin jew

2)

iwettaq att issanzjonat mill-punt 1 jew punt 2(1)(a) tal-Artikolu 95(1) jew mill-punt 1(b) jew punt 2 tal-Artikolu 95(2) u jikseb vantaġġ ta’ natura patrimonjali jew jiġi mwiegħed lilu tali vantaġġ.

2.   Piena ta’ ċaħda ta’ libertà minn sitt xhur sa għaxar snin għandha tiġi imposta fuq kull min, fil-każijiet imsemmija fis-subartikolu 1,

1)

jaġixxi bi skop li jagħmel lukru,

2)

jaġixxi fi ħdan grupp ikkostitwit bil-għan li jwettaq tali atti b’mod kontinwu,

[…]

4.   Il-punt 1(a) u l-punt 2 tas-subartikolu 1, il-punti 1, 2 u 5 tas-subartikolu 2, u s-subartikolu 3 japplikaw għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet relatati mad-dħul u mar-residenza ta’ barranin fit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Schengen, jekk

1)

dawn id-dispożizzjonijiet jikkorrispondu mal-atti msemmija mill-punt 2 jew 3 tal-Artikolu 95(1) jew mill-punt 1 tal-Artikolu 95(2) u

2)

l-awtur ta’ dan l-att isostni barrani li ma għandux iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

[…]”

19

L-Artikolu 97(2) tal-Aufenthaltsgesetz, intitolat “Għajnuna għall-immigrazzjoni illegali li tikkawża l-mewt; Għajnuna għall-immigrazzjoni illegali mwettqa bi skop ta’ lukru u fi grupp organizzat”, jipprovdi:

“Piena ta’ ċaħda ta’ libertà minn sena sa għaxar snin għandha tiġi imposta fuq kull min, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 96(1), jekk ikun il-każ flimkien mal-Artikolu 96(4), jaġixxi bi skop li jagħmel lukru fi ħdan grupp ikkostitwit bil-għan li jwettaq tali atti b’mod kontinwu.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

M. K. Vo, ċittadin Vjetnamiż, ġie pproċessat fil-Ġermanja fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali għal fatti relatati mal-għajnuna għall-immigrazzjoni illegali. Dawn il-proċeduri wasslu għall-kundanna tiegħu, mil-Landgericht Berlin, għal erba’ delitti ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali bi skop ta’ lukru u fi grupp organizzat, għal erba’ snin u tliet xhur ta’ ċaħda ta’ libertà meta ġew ikkunsidrati l-pieni kollha.

21

Il-konvenut kien membru ta’ gruppi organizzati Vjetnamiżi li kienu jgħinu lil ċittadini Vjetnamiżi jidħlu illegalment fil-Ġermanja.

22

Modus operandi ta’ wieħed minn dawn il-gruppi kien li jġiegħlu lill-ambaxxata Ungeriża fil-Vjetnam taħseb li ċittadini Vjetnamiżi kienu jagħmlu parti minn grupp ta’ vjaġġi turistiċi komposti minn 20 sa 30 persuna, meta l-għan kien li jintroduċuhom fit-territorju tal-Unjoni bi ħlas ta’ USD 11 000 sa 15000. Sabiex iżomm l-apparenzi, il-vjaġġi kienu jiżvolġu skont il-programm turistiku, għall-ewwel jiem, imbagħad il-persuni kkonċernati kienu, permezz tal-pjan stabbilit minn qabel, jiġu ttrasportati lejn pajjiżi ta’ destinazzjoni differenti, prinċipalment lejn il-Ġermanja.

23

Il-grupp l-ieħor kien japprofitta ruħu mill-fatt li r-Renju tal-Isvezja kien jippermetti lil ċittadini Vjetnamiżi jirrisjedu fiż-żona Schengen għal numru ta’ xhur jekk kellhom viżi ta’ xogħol mogħtija għall-ġbir ta’ ċertu frott (berries). Meta kienet issir l-applikazzjoni għal viża, l-awtoritajiet kompetenti kienu jingħataw x’jifhmu li l-applikanti xtaqu jaħdmu. Fil-verità, ladarba kienu jinkisbu x-xogħol u l-viża, malli kienu jaslu l-Isvejza dawn iċ-ċittadini Vjetnamiti kienu jmorru l-Ġermanja. M. K. Vo ġie akkużat li kkontribwixxa għal dawn il-fatti, billi rċieva, bi ħlas għas-servizzi tiegħu, somma bejn EUR 500 u 2000 għal kull intervent.

24

Uħud minn dawn iċ-ċittadini Vjetnamiżi nstabu fit-territorju Ġermaniż meta kienu qed jippruvaw joqgħodu u jaħdmu hemm.

25

Il-Landgericht Berlin iddeċidiet li l-konvenut instab ħati erba’ darbiet għad-delitt ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali mwettqa bi skop ta’ lukru u fi grupp organizzat fis-sens tal-Artikolu 97(2) tal-Aufenthaltsgesetz, moqri flimkien mal-punt 1(a) u (b) tal-Artikolu 96(1), mal-punt 3 tal-Artikolu 95(1), mal-punt 2 tal-Artikolu 96(1) u mal-punt 2 tal-Artikolu 95(1) ta’ din il-liġi.

26

Skont din il-qorti, sabiex iseħħ id-delitt, il-persuni infiltrati għandhom ikunu daħlu fit-territorju jew ikunu rrisjedew fit-territorju b’mod irregolari. Il-fatt li dawn il-persuni għandhom formalment viża ma jikkostitwixxix ostakolu għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kontra t-traffikant, inkwantu l-kisba b’mod frawdolenti tat-titolu ta’ residenza wara dikjarazzjonijiet foloz ikun jammonta għal aġir mingħajr it-titolu ta’ residenza meħtieġa.

27

L-akkużat ippreżenta rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof kontra l-kundanna mogħtija mil-Landgericht Berlin, li tinvoka ksur ta’ dritt materjali, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra.

28

Il-qorti tar-rinviju tqis li ċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 95(6) tal-Aufenthaltsgesetz huma sodisfatti, peress li l-persuni kkonċernati li kellhom jiġu megħjuna jemigraw deliberatament gidbu lill-aġenti tal-ambaxxati tal-Ungerija u tal-Isvezja billi ddikjaraw li huma xtaqu jidħlu fiż-żona Schengen għal soġġorn turistiku jew sabiex jaħdmu hemmhekk b’mod provviżorju, meta, fil-verità, huma kienu ppjanaw, sa mill-bidu, li jmorru l-Ġermanja, liema fatt kien jeskludi l-ħruġ ta’ viżi, li nħarġu biss peress li l-aġenti responsabbli tqiegħdu f’pożizzjoni li jwettqu żball.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ u l-annullament ta’ viża uniformi mal-Artikoli 21 u 34 tar-Regolament [Nru 810/2009] għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jrendu l-għajnuna għall-immigrazzjoni illegali suġġetta għal sanzjonijiet kriminali f’każijiet fejn il-persuni inkwistjoni jkollhom viża, iżda jkunu kisbuha b’qerq, billi qarrqu l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tal-għan veru tal-vjaġġ tagħhom?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

30

Il-Bundesgerichtshof talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza msemmija fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

31

Din il-qorti mmotivat it-talba tagħha billi sostniet li M. K. Vo, ikkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin u tliet xhur minħabba għajnuna għall-immigrazzjoni illegali mwettqa bi skop ta’ lukru u fi grupp organizzat, jinsab f’detenzjoni provviżorja b’mod kontinwu sa mill-1 ta’ Jannar 2011, u li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi fl-affermattiv għad-domanda preliminari, M. K. Vo ma jkunx jista’ jibqa’ suġġett għal proċeduri kriminali u d-detenzjoni tiegħu għalhekk tkun mingħajr bażi.

32

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, iddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza.

Fuq id-domanda preliminari

33

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 21 u 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li dispożizzjonijiet nazzjonali jrendu l-għajnuna għall-immigrazzjoni illegali suġġetta għal sanzjonijiet kriminali fil-każ fejn il-persuni li jkunu daħlu illegalment, ċittadini ta’ pajjiż terz, ikollhom viża li jkunu kisbu b’mod frawdolenti, billi jkunu qarrqu bl-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun inħarġet il-viża fir-rigward tal-għan veru tagħhom tal-vjaġġ, mingħajr ma din il-viża tkun ġiet preċedentement annullata.

34

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-adozzjoni, mill-Kodiċi dwar il-Viżi, tal-miżuri relatati mal-qsim tal-fruntieri esterni u mal-proċeduri u kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-viżi, mill-Istati Membri, tagħmel parti mill-għan li jiġi implementat, b’mod progressiv, spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, skont l-Artikolu 67 TFUE.

35

L-għan tal-Kodiċi dwar il-Viżi, skont il-premessa 3 tiegħu, huwa l-ħolqien ta’ sistema ta’ numru ta’ komponenti intiża sabiex tiffaċilita l-vjaġġi mwettqa b’mod leġittimu u sabiex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni klandestina, permezz ta’ armonizzazzjoni iktar wiesgħa tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u tal-proċeduri ta’ ħruġ ta’ viżi fil-missjonijiet konsolari lokali.

36

L-armonizzazzjoni mfittxija minn dan il-kodiċi tikkonċerna l-viżi li jinvolvu soġġorn qasir, b’applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen.

37

L-Artikolu 21(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jipprovdi li, fil-kuntest tal-eżami, mill-konsolat kompetenti, ta’ applikazzjoni għal viża uniformi, l-osservanza mill-applikant tal-kundizzjonijiet għad-dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandha tiġi vverifikata u attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-evalwazzjoni tar-riskju ta’ immigrazzjoni illegali jew tar-riskju għas-sigurtà tal-Istati Membri li jista’ jippreżenta l-applikant kif ukoll ir-rieda tiegħu li jħalli t-territorju tal-Istati Membri qabel id-data ta’ skadenza tal-viża mitluba.

38

Skont l-Artikolu 34(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, jekk jeżistu raġunijiet serji li jagħtu lil wieħed x’jifhem li viża nkisbet b’mod frawdolenti, din għandha tiġi annullata. Bħala prinċipju, l-annullament għandu jsir mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ ħruġ, iżda jista’ jsir ukoll mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, f’liema każ l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ ħruġ jiġu informati dwar dan.

39

Il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ ħruġ jista’ jiddeċiedi dwar l-annullament tal-viżi għandu bħala għan li jissodisfa sitwazzjonijiet li fihom, meta jsir il-vjaġġ, il-viża jirriżulta li hija invalida jew ineffikaċji minħabba l-ħruġ tagħha b’mod frawdolenti jew minħabba l-fatt li ma jkunux ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tagħha.

40

Madankollu, għalkemm l-annullament huwa, bħala prinċipju, obbligatorju fir-rigward tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ ħruġ, huwa jidher fakultattiv għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, hekk kif jindika l-użu tal-verb “jista’” mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

41

Din il-konstatazzjoni twassal sabiex jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jrendux l-għajnuna għall-immigrazzjoni illegali suġġetta għal sanzjonijiet kriminali li jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, bħala elementi li jikkostitwixxu delitt, id-dħul u s-soġġorn irregolari tal-persuni li jkunu daħlu, mingħajr ma l-viżi li jkunu ngħatawlhom ikunu ġew preċedentement annullati.

42

Il-Kodiċi dwar il-Viżi jirregola l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ, ta’ annullament jew ta’ tħassir tal-viżi iżda ma jinkludix regoli li jipprovdu sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Madankollu, il-formola għall-applikazzjoni ta’ viża li tinsab fl-Anness 1 tal-Kodiċi dwar il-Viżi tinkludi parti li permezz tagħha l-applikant huwa informat li kull dikjarazzjoni falza tagħti lok b’mod partikolari għall-annullament tal-viża u tista’ tagħti lok għal proċeduri kriminali.

43

Barra minn hekk, l-Artikoli 1(1) u 4(1)(a) tad-Deċiżjoni-Qafas 2002/946/ĠAI u l-Artikoli 1(1) u 3 tad-Direttiva 2002/90 jobbligaw lil kull Stat Membru jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-ksur imsemmi jkun suġġett għal sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi u sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fir-rigward tal-ksur imwettaq, kompletament jew parzjalment, fit-territorju tiegħu.

44

Mill-punti preċedenti jirriżulta li mhux biss id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li Stat Membru jressaq proċeduri kriminali kontra kull persuna li konxjament tkun għenet lil ċittadin ta’ Stat Membru jidħol fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru bi ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli, iżda jobbliga espressament lill-Istat Membru kkonċernat sabiex iressaq tali proċeduri.

45

B’hekk, l-Istat Membri għandhom żewġ obbligi. L-ewwel obbligu huwa li ma jimxux b’tali mod li jipprekludu l-moviment ta’ pussessuri ta’ viżi mingħajr ma dawn ikunu ġew annullati debitament u kif suppost. It-tieni obbligu huwa li jipprovdu u li jimplementaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra l-awturi tal-ksur imsemmi mid-Deċiżjoni-Qafas 2002/946/JAI u d-Direttiva 2002/90, b’mod partikolari kontra t-traffikanti.

46

Dawn l-obbligi għandhom jiġu segwiti billi tiġi rrikonoxxuta l-effettività tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punt 24, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 43). Fil-każ ta’ ħtieġa, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu jfittxu soluzzjonijiet ta’ qbil prattiku fir-rigward ta’ regoli li l-applikazzjoni tagħhom tirriskja li tqiegħed inkwistjoni l-effettività jew il-koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

47

Issa, peress li l-proċeduri kriminali, li min-natura tagħhom stess, jistgħu jinvolvu s-sigriet tal-istruttorja u l-urġenza tal-atti, dawn ma jistgħux dejjem jikkonformaw ruħhom ma’ rekwiżit ta’ annullament minn qabel tal-viżi, mill-awtoritajiet kompetenti.

48

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 21 u 34 tar-Regolament Nru 810/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li dispożizzjonijiet nazzjonali jrendu l-għajnuna għall-immigrazzjoni illegali suġġetta għal sanzjonijiet kriminali f’każijiet fejn il-persuni li jkunu daħlu, ċittadini ta’ pajjiż terz, ikollhom viża li jkunu kisbu b’mod frawdolenti, billi jkunu qarrqu bl-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ ħruġ fir-rigward tal-veru għan tal-vjaġġ tagħhom, mingħajr ma din il-viża tkun ġiet preċedentement annullata.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 21 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li dispożizzjonijiet nazzjonali jrendu l-għajnuna għall-immigrazzjoni illegali suġġetta għal sanzjonijiet kriminali f’każijiet fejn il-persuni li jkunu daħlu, ċittadini ta’ pajjiż terz, ikollhom viża li jkunu kisbu b’mod frawdolenti, billi jkunu qarrqu bl-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ ħruġ fir-rigward tal-veru għan tal-vjaġġ tagħhom, mingħajr ma din il-viża tkun ġiet preċedentement annullata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.