SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Frar 2013 ( *1 )

“Ċittadinanza tal-Unjoni — Moviment liberu tal-ħaddiema — Prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament — Artikolu 45(2) TFUE — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 7(2) — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 24(1) u (2) — Deroga mill-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-għajnuna għall-manteniment tal-istudji taħt forma ta’ boroż ta’ studju jew ta’ self — Ċittadin tal-Unjoni li jistudja fi Stat Membru ospitanti — Attività mħallsa qabel u wara l-bidu tal-istudji — Għan prinċipali tal-persuna interessata fil-mument tad-dħul tagħha fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti — Impatt fuq il-kwalifika tagħha bħala ħaddiem u fuq id-dritt tagħha għal borża ta’ studju”

Fil-Kawża C-46/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Ankenævnet for Statens Uddannelsesstøtte (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

L. N.

vs

Styrelsen for Videregående Uddannelser og Uddannelsesstøtte,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u C. Thorning, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn E. Leonhardsen, M. Emberland u B. Gabrielsen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Roussanov u C. Barslev, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7(1)(ċ) u 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5 p. 46, u — emendi —, ĠU 2004, L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn L. N. u l-iStyrelsen for Videregående Uddannelser og Uddannelsesstøtte (Direttorat tal-edukazzjoni superjuri u tal-għajnuna għat-taħriġ, iktar ’il quddiem il-“VUS”), fir-rigward tar-rifjut minn dan tal-aħħar li jagħtih għajnuna għat-taħriġ.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

Ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68

3

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15):

“1.   Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.   Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

[…]”

Id-Direttiva 2004/38

4

Skont il-premessi 1, 3, 10, 20 u 21 tad-Direttiva 2004/38:

“(1)

Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ l-istess.

[…]

(3)

Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

[…]

(10)

Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.

[…]

(20)

Skond il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni skond iċ-ċittadinanza, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jgħixu fi Stat Membru skond din id-Direttiva għandhom igawdu, f’dak l-Istat Membru, trattament ugwali bħaċ-ċittadini f’oqsma koperti mit-Trattat, bla ħsara għal dawk id-disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar mit-Trattat u mil-liġi sekondarja.

(21)

Madankollu, għandu jkun l-Istat Membru ospitanti li jiddeċiedi jekk jagħtix għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza, jew għal perjodu itwal f’każ ta’ dawk li qed ifittxu xogħol, liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għajr dawk li huma ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom jew li jżommu dan l-istatus jew lill-membri tal-familja tagħhom, jew manteniment għall-istudji, inkluż it-taħriġ professjonali, qabel l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti minn dawn l-istess persuni.”

5

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini tal-istess Stat Membru.

6

L-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti, jew

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti, jew

ċ)

miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; […]

[…]

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

d)

il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta’ l-istatus ta’ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.”

7

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi kif ġej:

“1.   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

Il-leġiżlazzjoni Daniża

8

L-Artikolu 2a(2) u (4) tal-Liġi konsolidata Nru 661, tad-29 ta’ Ġunju 2009, dwar l-għajnuna pubblika għat-taħriġ (Folketingstidende 2005/2006 L 95, suppliment A, p. 2854), jipprovdi kif ġej:

“[…]

2.   Il-persuni li jsegwu taħriġ u li huma ċittadini tal-Unjoni jew ċittadini taż-Żona Ekonomika Ewropea [(ŻEE)] kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna pubblika għall-edukazzjoni fid-Danimarka u f’pajjiż barrani taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni u l-Ftehim dwar iż-ŻEE. Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-Istati taż-ŻEE li ma humiex impjegati jew li ma jaħdmux għal rashom fid-Danimarka u l-familja tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għall-edukazzjoni ħames snin biss wara r-residenza tagħhom fid-Danimarka. […]

[…]

4.   Il-Ministru tal-Edukazzjoni jista’ jadotta regoli dwar id-dritt taċ-ċittadini barranin għal għajnuna għall-edukazzjoni għal taħriġ fid-Danimarka jew f’pajjiż barrani.”

9

L-Artikolu 2a(2) tal-Liġi konsolidata Nru 661 ġie implementat mill-Artikolu 67 tad-Digriet Nru 455, tat-8 ta’ Ġunju 2009, dwar l-għajnuna pubblika għat-taħriġ (Bekendtgørelse nr 455 af 8. juni 2009 om statens uddannelsesstøtte). Dan l-Artikolu 67 jipprovdi kif ġej:

“Ċittadin tal-Unjoni li huwa impjegat jew li jaħdem għal rasu fid-Danimarka abbażi tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jista’ jirċievi għajnuna għal taħriġ imwettaq fid-Danimarka jew f’pajjiż barrani taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadin Daniż. ‘Impjegat’ jew ‘persuna li taħdem għal rasha’ tfisser ukoll, skont ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, ċittadin tal-Unjoni li kien impjegat jew persuna li taħdem għal rasha fid-Danimarka qabel meta tkun teżisti rabta, fil-mertu u fiż-żmien, bejn it-taħriġ u x-xogħol preċedenti fid-Danimarka, kif ukoll persuna qegħda b’mod involontarju li, b’riżultat ta’ ċirkustanzi marbuta mas-saħħa tagħha jew ma’ ċirkustanzi strutturali fis-suq tax-xogħol, għandha bżonn ta’ rikonverżjoni bil-għan ta’ impjieg f’qasam mingħajr rabta, fil-mertu u fiż-żmien, mal-impjieg okkupat preċedentement fid-Danimarka.”

10

Skont l-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 474, tat-12 ta’ Mejju 2011, dwar id-dritt ta’ residenza tal-barranin li japplikaw fil-konfront tagħhom ir-regoli tal-Unjoni Ewropea [Bekendtgørelse nr 474 af 12. maj 2011 om ophold i Danmark for udlændinge, der er omfattet af Den Europæiske Unions regler (EU-opholdsbekendtgørelsen)]:

“1.   Ċittadin tal-Unjoni li huwa impjegat jew li jaħdem għal rasu, b’mod partikolari prestatur ta’ servizzi, fid-Danimarka, għandu d-dritt li jirrisjedi fit-territorju Daniż lil hinn mit-tliet xhur imsemmija fl-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar il-barranin.

2.   Ċittadin tal-Unjoni li kien jidħol fil-kuntest tal-Artikolu 1 iżda li ma għadux jeżerċità attività professjonali jżomm l-istatus tiegħu bħala impjegat jew persuna li taħdem għal rasha

1)

jekk huwa ma jistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident,

2)

jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni wara li jkun spiċċa involontarjament bla xogħol wara li ħadem għal iktar minn sena, jirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mal-uffiċċju tal-impjieg rilevanti,

3)

jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni spiċċa involontarjament bla xogħol wara li lesta kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ inqas minn sena u rreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mal-uffiċċju tal-impjieg rilevanti,

4)

jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni, li jkun irrapporta l-kundizzjoni tiegħu, spiċċa involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar jew jekk involontarjament ma baqax jaħdem għal rasu u rreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol mal-uffiċċju tal-impjieg rilevanti, jew

5)

jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni jibda taħriġ professjonali marbut mal-attività professjonali preċedenti kkonċernata jew jekk ikun spiċċa involontarjament bla xogħol, jekk jibda taħriġ professjonali kwalunkwe.

3.   Ċittadin tal-Unjoni li jidħol fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) jew (4) jżomm l-istatus tiegħu ta’ impjegat jew persuna li taħdem għal rasha għal sitt xhur.

4.   Ċittadin tal-Unjoni li daħal fid-Danimarka biex ifittex xogħol hemmhekk għandu d-dritt li jirrisjedi bħala persuna li qedha tfittex xogħol għal matul sitt xhur li jibdew jiddekorru minn meta jasal. Sussegwentement għandu d-dritt li jirrisjedi bħala persuna li qedha tfittex xogħol sakemm ikun jista’ jipprova li għadu qiegħed ifittex impjieg u li teżisti possibbiltà reali li jiġi impjegat.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

L. N., ċittadin tal-Unjoni li n-nazzjonalità tiegħu ma hijiex indikata mill-qorti tar-rinviju, daħal fid-Danimarka fis-6 ta’ Ġunju 2009.

12

Fl-10 ta’ Ġunju 2009, L. N. ingħata impjieg full time f’kumpannija internazzjonali ta’ kummerċ bl-ingrossa.

13

Fid-29 ta’ Ġunju 2009, l-amministrazzjoni pubblika regjonali ħarġitlu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala impjegat, abbażi tal-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 474.

14

Mill-fajl jirriżulta li L. N. kien talab sabiex jidħol fil-Copenhagen Business School (iktar ’il quddiem is-“CBS”) qabel il-15 ta’ Marzu 2009, l-iskadenza tad-data għar-reġistrazzjoni, u b’hekk qabel ma daħal fit-territorju Daniż.

15

Fl-10 ta’ Awwissu 2009, L. N. talab sabiex jibbenefika minn għajnuna għat-taħriġ minn Settembru 2009.

16

Fl-10 ta’ Settembru 2009, L. N. beda l-istudji tiegħu mas-CBS. B’hekk L. N. telaq mix-xogħol tiegħu fil-kumpannija tal-kummerċ bl-ingrossa, iżda, sussegwentement, eżerċita impjieg ieħor part time.

17

Fis-27 ta’ Ottubru 2009, il-VUS informa lil L. N. li kien ċaħad it-talba tiegħu għall-għajnuna għat-taħriġ.

18

Fit-30 ta’ Ottubru 2009, L. N. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Ankenævnet for Statens Uddannelsesstøtte, fejn invoka l-istatus tiegħu bħala “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE, u d-dritt tiegħu għall-għajnuna għat-taħriġ.

19

Fis-7 ta’ Diċembru 2009, il-VUS talab lill-amministrazzjoni pubblika reġjonali sabiex tindikalu jekk L. N. kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jitqies bħala ħaddiem skont tal-Artikolu 45 TFUE. Qabel kollox, din l-amministrazzjoni qalet, b’ittra tal-11 ta’ Diċembru 2009, li L. N. kellu jitqies bħala “ħaddiem” għall-perijodu mid-29 ta’ Ġunju 2009 sal-10 ta’ Settembru 2009. Sussegwentement, b’ittra tat-12 ta’ April 2010, hija bidlet il-bażi tat-titolu ta’ residenza ta’ L. N., li nbidlet mill-istatus ta’ ħaddiem għal dak ta’ student, minħabba l-fatt li l-persuna interessata kienet daħlet fid-Danimarka bl-iskop prinċipali li ssegwi taħriġ hemmhekk.

20

B’ittra tat-28 ta’ Settembru 2010, il-VUS irrinvija l-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. F’din l-ittra, dan indika li, sabiex il-każ jiġi evalwat fid-dawl tal-provi, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li L. N. kien daħal fid-Danimarka bl-iskop li jsegwi taħriġ, peress li huwa kien applika għad-dħul tiegħu fis-CBS qabel il-wasla tiegħu f’dan l-Istat Membru u peress li huwa kien beda l-istudji tiegħu ftit żmien biss wara dan. Konsegwentement, skont il-VUS, L. N. ma setax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitqies bħala ħaddiem.

21

Fil-31 ta’ Awwissu 2011, il-qorti tar-rinviju kkuntattjat lill-VUS u talbitu sabiex jindika jekk il-kunċett ta’ “ħaddiem” skont id-dritt tal-Unjoni kienx japplika għal L. N. Fl-istess ħin, din il-qorti talbet lill-VUS sabiex jikkuntattja lill-amministrazzjoni pubblika reġjonali sabiex tippreċiża dawn l-istess ċirkustanzi. Il-VUS indika li, fil-fehma tiegħu, ma kien hemm ebda raġuni għalfejn titqiegħed indiskussjoni d-deċiżjoni preċedenti tal-amministrazzjoni pubblika reġjonali dwar il-bażi tar-residenza ta’ L. N.

22

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikoli 7(1)(ċ) u 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna meqjusa bħala student ma għandhiex dritt għal borża ta’ studju anki jekk tista’ tiġi kkwalifikata wkoll bħala “ħaddiem”. Hija tagħti importanza lill-fatt li l-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-Direttiva jiddefinixxi lil student bħala persuna rreġistrata fi stabbiliment privat jew pubbliku “biex issegwi prinċipalment l-istudji tagħha hemmhekk”.

23

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Ankenævnet for Statens Uddannelsesstøtte ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 […], flimkien mal-Artikolu 24(2) tal-imsemmija Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jevalwa jekk persuna għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ħaddiem li jibbenefika minn dritt għal għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, dan l-Istat (l-Istat Membru ospitanti) jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-persuna daħlet fit-territorju tiegħu biex b’mod prinċipali tipparteċipa f’taħriġ li għandu l-effett li l-Istat Membru ospitanti ma jkunx obbligat li jħallas lil din il-persuna l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 24(2), iċċitat iktar ’il fuq?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 7(1)(ċ) u 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ċittadin tal-Unjoni li jsegwi studji fi Stat Membru ospitanti u li jeżerċita impjieg hemmhekk fl-istess ħin, jistax jiġi rrifjutat għajnuna għall-istudji mogħtija liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, meta dan ikun daħal fit-territorju tal-Istat imsemmi bl-intenzjoni prinċipali li jsegwi taħriġ hemmhekk.

25

Għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett, li l-Artikolu 20(1) TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

26

Kemm l-istudenti li ġejjin minn Stati Membri għajr l-Istat Membru ospitanti u li jsegwu l-istudji tagħhom f’dan l-aħħar Stat, kif ukoll iċ-ċittadini tal-Istati Membri li għandhom il-kwalità ta’ “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE, inkwantu huma jkollhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, jibbenefikaw minn dan l-istatus.

27

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet diversi drabi, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk fost dawn tal-aħħar li jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jiksbu, fil-qasam tal-applikazzjoni ratione materiae tat-TFUE, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 31, u tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C-224/98, Ġabra p. I-6191, punt 28).

28

Kull ċittadin tal-Unjoni jista’ għalhekk jibbaża ruħu fuq il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tinsab fl-Artikolu 18 TFUE, ippreċiżata f’dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat u fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu, fost oħrajn, l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti, b’mod partikolari mill-Artikolu 45 TFUE, u dawk li jinkludu l-eżerċizzju tal-libertà fundamentali ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 63; Grzelczyk, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 33; tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C-209/03, Ġabra p. I-2119, punti 32 u 33, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-75/11, punt 39).

29

L-ebda dispożizzjoni tat-Trattat ma tippermetti li jitqies li l-istudenti li huma ċittadin tal-Unjoni, meta jmorru fi Stat Membru ieħor biex jistudjaw hemmhekk, jitilfu d-drittijiet li t-Trattat jikkonferixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni, inkluż id-drittijiet ikkonferiti lil dawn iċ-ċittadini meta jeżerċitaw impjieg fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Grzelczyk, punt 35, u Bidar, punt 34).

30

Isegwi li ċittadin tal-Unjoni li jsegwi l-istudji tiegħu fi Stat Membru ospitanti jew li jeżerċita attività mħallsa f’dan l-Istat u li jgawdi mill-kwalità ta’ “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE jista’ jibbaża ruħu fuq id-dritt, stabbilit fl-Artikoli 18 TFUE, 21 TFUE u 45 TFUE, li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti mingħajr ma jbati minn diskriminazzjonijiet diretti jew indiretti minħabba n-nazzjonalità tiegħu.

31

Madankollu, kemm il-Gvern Daniż kif ukoll il-Gvern Norveġiż isostnu li d-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 7(1)(ċ) u 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċittadin tal-Unjoni li jistudja full time fi Stat Membru ospitanti u li daħal fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru għal dan il-għan jista’ jiġi eskluż mill-benefiċċju ta’ għajnuna għall-istudji matul l-ewwel ħames snin tar-residenza tiegħu anki jekk jeżerċita xogħol part time flimkien mal-istudji tiegħu.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li Stat Membru ma huwiex obbligat, qabel il-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jagħti għajnuna għall-istudju, inkluż għat-taħriġ professjonali, taħt forma ta’ boroż ta’ studju jew ta’ self, lil persuni li ma humiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.

33

Bħala deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, u li l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi biss espressjoni speċifika tiegħu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 24 għandu jiġi interpretat, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod strett u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, inklużi dawk dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C-22/08 u C-23/08, Ġabra p. I-4585, punt 44, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 56).

34

Skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-għajnuna mitluba minn L. N. tikkostitwixxi għajnuna ta’ manteniment, taħt forma ta’ borża ta’ studju. B’hekk, din l-għajnuna tista’ tifforma parti mid-deroga għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

35

Madankollu, hekk kif jirriżulta b’mod ċar ħafna mill-kliem ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, tali deroga ma tista’ tiġi invokata la kontra l-persuni li kisbu dritt ta’ residenza permanenti u lanqas kontra l-“ħaddiema, [il-]persuni li jaħdmu għal rashom, [il-]persuni li jżommu t-tali status u [l-]membri tal-familja tagħhom”.

36

Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal terminu superjuri għal tliet xhur jekk ikun irreġistrat fi “stabbiliment privat jew pubbliku” skont din id-dispożizzjoni “għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju”, madankollu, minn din l-aħħar preċiżazzjoni ma jirriżultax li ċittadin tal-Unjoni, li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, huwa, minħabba dan il-fatt, awtomatikament imċaħħad mill-istatus ta’ “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE.

37

Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li L. N. eżerċita impjieg full time mal-wasla tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li, meta beda l-istudji tiegħu, huwa beda impjieg part time.

38

Mill-fajl jirriżulta wkoll li l-għajnuna għall-manteniment tal-istudji ġiet irrifjutata lilu minħabba li huwa kien daħal fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru bl-intenzjoni prinċipali li jsegwi taħriġ hemmhekk, u għalhekk, l-iskop tar-residenza tiegħu fid-Danimarka kien, skont l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, ta’ natura li jċaħħdu mill-istatus ta’ “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE.

39

Madankollu, għandu jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “ħaddiem”, skont l-Artikolu 45 TFUE, għandu portata awtonoma proprja għad-dritt tal-Unjoni u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punt 16; tal-21 ta’ Ġunju 1988, Brown, 197/86, Ġabra p. 3205, punt 21; tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini, C-3/90, Ġabra p. I-1071, punt 14, u tas-6 ta’ Novembru 2003, Ninni-Orasche, C-413/01, Ġabra p. I-13187, punt 23).

40

Barra minn hekk, dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol fid-dawl tad-drittijiet u tad-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Il-karatteristika essenzjali ta’ relazzjoni ta’ xogħol hija l-fatt li persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lawrie-Blum, punt 17; Ninni-Orasche, punt 24, kif ukoll Vatsouras u Koupatantze, punt 26).

41

Il-livell limitu ta’ remunerazzjoni, l-oriġini tar-riżorsi għal din tal-aħħar, il-produttività ftit jew wisq għolja tal-persuna interessata jew il-fatt li huwa wettaq biss numru ridott ta’ sigħat ta’ xogħol fil-ġimgħa ma jeskludux li persuna tiġi rrikonoxxuta bħala “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lawrie-Blum, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21; tal-31 ta’ Mejju 1989, Bettray, 344/87, Ġabra p. 1621, punt 15, u Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

42

Biex tiġi kkwalifikata bħala “ħaddiem”, persuna għandha madankollu teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet tant ridotti li jippreżentaw ruħhom bħala purament marġinali u aċċessorji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin, 53/81, Ġabra p. 1035, punt 17, kif ukoll Vatsouras u Koupatantze, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fil-kuntest tal-verifika ta’ din il-kundizzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi u għandha tevalwa b’mod globali ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ relatati man-natura kemm tal-attivitajiet ikkonċernati kif ukoll mar-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni (sentenza Ninni-Orasche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

44

Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw relazzjoni ta’ xogħol għall-finijiet tal-evalwazzjoni jekk l-attività mħallsa eżerċitata minn L. N. qabel u wara li beda l-istudji tiegħu kellhiex karattru reali u effettiv u, għalhekk, jekk kellux il-kwalità ta’ ħaddiem tifforma parti mill-kompetenza tal-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, din biss għandha għarfien dirett tal-fatti tal-kawża prinċipali u tal-elementi li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet ta’ xogħol tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u, għalhekk, tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex twettaq il-verifiki neċessarji.

45

Peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha ebda indikazzjoni ta’ natura li tqajjem dubji dwar il-fatt li r-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn L. N. u l-persuni li impjegawh kellhom il-karatteristiċi tar-relazzjonijiet ta’ xogħol imsemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, hija b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-attivitajiet imħallsa tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ma humiex ridotti sal-punt li jistgħu jiġu mqabbla ma’ attivitajiet purament marġinali u aċċessorji.

46

F’dak li jikkonċerna l-argument tal-Gvernijiet tad-Danimarka u tan-Norveġja li jgħidu li l-intenzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, meta daħal fit-territorju Daniż, li jkompli l-istudji tiegħu ċċaħħdu mill-kwalità ta’ “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE, biżżejjed li jiġi mfakkar li, sabiex jiġi evalwat jekk impjieg jistax jikkonferixxi l-istatus ta’ ħaddiem skont din id-dispożizzjoni, elementi dwar l-aġir tal-persuna interessata qabel u wara l-perijodu ta’ impjieg huma irrilevanti sabiex tiġi stabbilita l-kwalità ta’ ħaddiem skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, tali elementi ma għandhom ebda relazzjoni mal-kriterji oġġettivi msemmija mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza (sentenza Ninni-Orasche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE tesprimi l-ħtieġa, inerenti għall-prinċipju stess tal-moviment liberu tal-ħaddiema, li l-benefiċċji li d-dritt tal-Unjoni jikkonferixxi abbażi ta’ din il-libertà jistgħu jiġu invokati biss minn persuni li jeżerċitaw realment jew li jixtiequ jeżerċitaw serjament attività mħallsa. Madankollu, din ma timplikax li t-tgawdija ta’ din il-libertà tista’ tkun issuġġettata għall-għanijiet segwiti minn ċittadin ta’ Stat Membru billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul u r-residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti, sakemm huwa jeżerċità jew ikun jixtieq jeżerċita attività reali u effettiva. Ladarba titwettaq din il-kundizzjoni, l-intenzjonijiet li setgħu ħeġġew lill-ħaddiem biex ifittex xogħol fl-Istat Membru kkonċernat huma indifferenti u ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Levin, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 22, kif ukoll tat-23 ta’ Settembru 2003, Akrich, C-109/01, Ġabra p. I-9607, punt 55).

48

Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li L. N. għandu jitqies bħala “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li r-rifjut lil dan iċ-ċittadin tal-Unjoni ta’ għajnuna għall-manteniment tal-istudji jikser id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament li jibbenefika minnu ċ-ċittadin fil-kwalità tiegħu bħala ħaddiem.

49

Fil-fatt, ċittadin tal-Unjoni li għamel użu mill-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE jibbenefika fl-Istat Membru ospitanti, b’mod konformi mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, mill-istess benefiċċji soċjali bħall-ħaddiema nazzjonali.

50

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għajnuna għall-manteniment tal-istudji tikkostitwixxi benefiċċju soċjali skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair, 39/86, Ġabra p. 3161, punti 23 u 24, kif ukoll Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

51

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda li tressqet għandha tkun li l-Artikoli 7(1)(ċ) u 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċittadin tal-Unjoni li jsegwi l-istudji fi Stat Membru ospitanti u fl-istess ħin jeżerċita hemmhekk attività mħallsa reali u effettiva ta’ natura li tagħtih il-kwalità ta’ “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE, ma jistax jiġi miċħud l-għajnuna għall-manteniment tal-istudji mogħtija liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki tal-fatti meħtieġa sabiex jiġi evalwat jekk l-attivitajiet imħallsa tar-rikorrent fil-kawża prinċipali humiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonferita lilu din il-kwalità. Il-fatt li l-persuna interessata daħlet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bl-intenzjoni prinċipali li tkompli l-istudji tagħha hemmhekk ma huwiex rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk għandhiex il-kwalità ta’ “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE u, għalhekk, jekk għandhiex dritt għal din l-għajnuna taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadin tal-Istat Membru ospitanti b’mod konformi mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 7(1)(ċ) u 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċittadin tal-Unjoni li jsegwi l-istudji fi Stat Membru ospitanti u fl-istess ħin jeżerċita hemmhekk attività mħallsa reali u effettiva ta’ natura li tagħtih il-kwalità ta’ “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE ma jistax jiġi miċħud l-għajnuna għall-manteniment tal-istudji mogħtija liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki tal-fatti meħtieġa sabiex jiġi evalwat jekk l-attivitajiet imħallsa tar-rikorrent fil-kawża prinċipali humiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonferita lilu din il-kwalità. Il-fatt li l-persuna interessata daħlet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bl-intenzjoni prinċipali li tkompli l-istudji tagħha hemmhekk ma huwiex rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk għandhiex il-kwalità ta’ “ħaddiem” skont l-Artikolu 45 TFUE u, għalhekk, jekk għandhiex dritt għal din l-għajnuna taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadin tal-Istat Membru ospitanti b’mod konformi mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.