KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-12 ta’ Diċembru 2013 ( 1 )

Kawża C‑470/12

Pohotovosť s.r.o.

vs

Miroslav Vašuta

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Svidník (is‑Slovakkja)]

“Klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi — Eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ — Dritt ta’ intervent ta’ assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi — Rinviju għal deċiżjoni preliminari — ‘Irtirar’ tal-azzjoni għall-eżekuzzjoni forzata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali — Żamma tat-talba mill-qorti tar-rinviju — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

1. 

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Okresný súd Svidník (qorti distrettwali ta’ Svidník) (is-Slovakkja) titlob l-interpretazzjoni ta’ ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13/KEE ( 2 ), moqrija flimkien mal-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 3 ), sabiex jiġi ddeterminat jekk l-assoċjazzjonijiet li jiddefendu l-konsumaturi għandhomx, fid-dawl tal-ħolqien ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, jibbenefikaw minn dritt ta’ intervent fil-kuntest ta’ proċedura għall-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

2. 

Barra minn hekk, fil-kwistjoni sostantiva li ġiet formalment imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, titqajjem ukoll il-kwistjoni dwar jekk din tal-aħħar għandhiex dejjem ġurisdizzjoni sabiex tieħu deċiżjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-iżvilupp tal-proċedura nazzjonali relatata mal-kawża prinċipali u ċ-ċessjoni tar-rikorrenti — u b’mod korrispondenti s-soluzzjoni probabbli tal-kawża li tat lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari –, għandu preliminarjament jiġi ddeterminat jekk għadx hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni, peress li l-qorti tar-rinviju sa llum għadha ma rtiratx b’mod formali din it-talba.

3. 

Minkejja d-dubji li jistgħu jqumu b’mod leġittimu dwar il-punt jekk għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni u l-ftit informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, jien tal-fehma li l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandha jkollha l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu, fl-aħħar mill-aħħar, iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ma tiċħadx il-ġurisdizzjoni tagħha. Dwar il-mertu, inqis li, fl-istat attwali tal-dritt tal-Unjoni, l-effettività tal-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi ma hijiex kompromessa minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tippermettix li assoċjazzjoni li tiddefendi d-drittijiet tal-konsumaturi tintervjeni fil-kuntest ta’ proċedura għall-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, u lanqas ma hija kompromessa minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjoni li tawtorizzaha.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Direttiva 93/13

4.

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

5.

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

3.   Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil-paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili.”

6.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, dispożizzjonijiet aktar stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

B – Id-dritt Slovakk

7.

L-Artikolu 93 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1)   Il-persuna li jkollha interess ġuridiku f’kawża tista’ tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrent jew tal-konvenut, sakemm ma tkunx kawża ta’ divorzju, kawża li tirrigwarda l-validità ta’ żwieġ jew tkun intiża li tiddetermina jekk hemmx żwieġ jew le.

2)   Tista’ tintervjeni wkoll insostenn tat-talbiet tar-rikorrent jew tal-konvenut il-persuna ġuridika li l-attività tagħha jkollha l-għan li tipproteġi d-drittijiet skont dispożizzjoni partikolari.

[...]”.

8.

L-Artikolu 251(4) ta’ dan il-Kodiċi jipprovdi:

“L-applikazzjoni ta’ deċiżjonijiet u l-proċedura għall-eżekuzzjoni fis-sens tal-leġiżlazzjoni partikolari [...] huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-partijiet preċedenti, ħlief jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni partikolari tipprovdi mod ieħor. Madankollu hija dejjem tiġi deċiża permezz ta’ digriet.”

9.

L-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni”), jipprovdi:

“Il-partijiet fil-proċedura huma l-kreditur u d-debitur; il-persuni l-oħra jistgħu jkunu parti fil-proċedura biss meta xi fattur jagħtihom din il-kwalità permezz ta’ din il-liġi. Meta l-qorti tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni, il-marixxall inkarigat ikun wkoll parti fil-proċedura”.

10.

Skont l-Artikolu 25(1) u (2) tal-Liġi Nru 250/2007 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, assoċjazzjoni tista’ tippreżenta rikors, quddiem korp amministrattiv jew quddiem qorti, fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi jew tista’ tkun parti fil-proċedura jekk għanijiet simili jkunu s-suġġett prinċipali tal-attività tagħha jew jekk hija tkun inkluża fil-lista ta’ persuni awtorizzati mill-kummissjoni nazzjonali, bla ħsara għad-dritt tal-qorti li teżamina jekk din il-persuna tkunx awtorizzata f’kull każ tressaq rikors. Barra minn hekk, assoċjazzjoni tista’, abbażi ta’ mandat, tirrappreżenta konsumatur fil-proċeduri quddiem il-korpi tal-Istat dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, inkluż il-kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tad-drittijiet tal-konsumatur.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

11.

Il-fatt li wasslu għall-kawża kif ġew esposti fil-qosor mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jiġu deskritti kif ġej.

12.

Pohotovost’ s.r.o (iktar ’il quddiem “Pohotovosť”), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tat kreditu għall-konsum lil M. Vašuta, il-konvenut fil-kawża prinċipali ( 4 ).

13.

Għal raġunijiet mhux imsemmija, M. Vašuta ġie ordnat, permezz ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-iStály rozhodcovský súd (Tribunal Permanenti ta’ Arbitraġġ), tad-9 ta’ Diċembru 2010, jirrimborsa ammont mhux ippreċiżat lil din il-kumpannija. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ saret res judicata u eżekuttiva.

14.

Sussegwentement, Pohotovost’ ippreżentat, quddiem il-marixxall kompetenti, talba għall-eżekuzzjoni skont id-dispożizzjonijiet Slovakki fis-seħħ. Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-marixxall talab lill-Okresný súd Svidník l-awtorizzazzjoni li jeżegwixxi l-imsemmija deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Fid-29 ta’ Ġunju segwenti, din il-qorti ddeċidiet li ma kienx hemm lok li teżegwixxi l-kap tal-proċedura dwar l-irkupru tal-interessi moratorji u ma awtorizzatx lill-marixxall l-irkupru tal-ispejjeż tal-eżekuzzjoni relatati ma’ dan il-kap.

15.

Fid-9 ta’ Settembru 2011, iż-Združenie na ochranu občana spotrebiteľa HOOS (assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi HOOS, iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni HOOS”) talbet li tintervjeni fil-proċedura tal-eżekuzzjoni. Dwar il-mertu, hija sostniet b’mod partikolari li l-marixxall, li fil-passat kellu relazzjoni ta’ xogħol ma’ Pohotovost’, naqas mid-dmir tiegħu ta’ imparzjalità u li barra minn hekk l-imsemmija proċedura għandha tiġi sospiża.

16.

Min-naħa tagħha, fis-27 ta’ Marzu 2012, Pohotovost’ talbet li l-assoċjazzjoni HOOS ma tkunx ammessa tintervjeni fil-proċedura, peress li din il-possibbiltà ma hijiex prevista mill-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni.

17.

Il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ digriet mogħti mill-ogħla uffiċjal tat-Tribunal ( 5 ), fl-24 ta’ Mejju 2012, tat deċiżjoni fis-sens li l-intervent tal-imsemmija assoċjazzjoni fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni huwa inammissibbli u fl-istess ħin, ċaħdet it-talbiet imressqa minnha.

18.

Fit-18 ta’ Ġunju 2012, l-assoċjazzjoni HOOS ippreżentat rikors kontra dan id-digriet quddiem din l-istess qorti tar-rinviju. Hija argumentat li M. Vašuta ma kienx informat biżżejjed, li l-qorti ma kinitx tagħtu protezzjoni ex officio suffiċjenti fil-konfront ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inġusta u li din tal-aħħar ma tatx deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rata annwali effettiva globali (TAEG) fil-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur. Skont din l-assoċjazzjoni, il-qorti tar-rinviju ma applikatx il-ġurisprudenza b’mod korrett ( 6 ).

19.

Huwa f’dawn iċ‑ċirkustanzi li l-Okresný súd Svidník iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 6(1), 7(1) u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 [...], moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 47 u 38 tal-Karta [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 37(1) u (3) tal-Kodiċi ta’ eżekuzzjoni li ma tippermettix lil assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi tintervjeni fi proċedura eżekuttiva?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-imsemmija dispożizzjoni leġiżlattiva ma tmurx kontra d-dritt [tal-Unjoni], id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 37(1) u (3) tal-Kodiċi ta’ eżekuzzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux qorti nazzjonali, skont l-Artikoli 6(1), 7(1) u 8 [tal-imsemmija direttiva] milli tirrikonoxxi lil assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi l-kwalità ta’ intervenjenti fil-proċedura eżekuttiva?”

III – Analiżi

A – Dwar il-kwistjoni ta’ jekk hemmx lok li tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

20.

Fid-dawl tal-iżviluppi li ġew mgħarrfa lill-Qorti tal-Ġustizzja u li jirrigwardaw essenzjalment l-allegat irtirar tat-talba għal eżekuzzjoni forzata mressqa kontra M. Vašuta — żviluppi li ser nippreċiżahom iktar ’il quddiem –, huwa raġonevoli li tqum mistoqsija dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għadx għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar id-domandi preliminari magħmula lilha.

21.

Qabel kollox u biex nespandi fuq dak li diġà kelli l-okkażjoni ngħid ( 7 ), jidhirli li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm attitudni relattivament stretta fir-rigward tal-kamp ta’ ġurisdizzjoni tagħha.

22.

Ċertament, huwa tabilħaqq stabbilit li l-qorti nazzjonali hija, fid-dawl tal-partikolarità tal-kawża, il-qorti li l-iktar tista’ tevalwa kemm in-neċessità tal-imsemmi rinviju sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 8 ).

23.

F’dan is-sens, jidher li huwa normali li l-analiżi tal-eżistenza ta’ kawża effettivament pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, li tikkundizzjona l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi assimilata mal-evalwazzjoni tar-rilevanza intrinsika tad-domandi magħmula, li tirrelata min-naħa tagħha mal-effettività tar-risposti għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali.

24.

Issa, għalkemm jista’ jiġi aċċettat mingħajr diffikultà li l-effettività tad-domandi magħmula tista’ tkun preżunta, jidher ħafna iktar delikat li jiġi konkluż li, sa mill-mument li tiġi adita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni. Strettament, ġurisdizzjoni, u b’mod partikolari dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma tistax tiġi preżunta, iżda għandha tiġi pprovata.

25.

Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju tal-flessibbiltà relattiva li, fl-opinjoni tiegħi, għandha tikkaratterizza l-evalwazzjoni tar-rilevanza tad-domandi magħmula — kwistjoni li ser nittratta fit-tieni parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun iktar attenta meta inkwistjoni jkun hemm l-evalwazzjoni tal-eżistenza nnifisha ta’ kawża.

26.

Din l-eżistenza hija rekwiżit essenzjali tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tista’, jew skont il-każ għandha, titqajjem ex officio ( 9 ).

27.

Huwa għalhekk stabbilit fil-ġurisprudenza li l-qrati nazzjonali huma awtorizzati jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja bi proċedura għal deċiżjoni preliminari biss jekk kawża tkun effettivament pendenti quddiemhom, li fuqha jkunu mitluba jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari ( 10 ). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari meta, fil-mument meta dan isir, il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju tkun diġà magħluqa ( 11 ). Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u, konsegwentement, tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex it-tfassil ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi ( 12 ), iżda l-ħtieġa inerenti għal soluzzjoni effettiva ta’ tilwima eżistenti. Jekk din tintemm, il-ħtieġa li tingħata risposta għad-domandi preliminari tispiċċa b’mod korrispondenti.

28.

Dawn il-prinċipji, li reċentement reġgħu tfakkru ( 13 ), għandhom biss valur prattiku, fis-sens li huma jistgħu, fl-aħħar mill-aħħar, jikkontribwixxu sabiex jiġi rrazzjonalizzat il-fluss ta’ kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huma jagħtu kontribut fid-definizzjoni tar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam, ġurisdizzjoni ġudizzjarja ta’ interpretazzjoni li ma tistax tintuża b’mod astratt, iżda li għandha neċessarjament tkun marbuta ma’ kwistjoni realment imressqa fil-kawża prinċipali. Jekk ikun mod ieħor, ikun hemm riskju kbir li l-Qorti tal-Ġustizzja tidħol f’dibattitu legali li, fl-aħħar mill-aħħar, ma għandu ebda rabta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 14 ). Minn dawn il-prinċipji jirriżulta neċessarjament li, meta jidher li d-domandi magħmula fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jkunux marbuta ma’ kawża reali, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondihom.

29.

Ma hemmx dubju li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi li r-rinviju jkun marbut ma’ kawża realment pendenti quddiemha. Skont il-formola stabbilita mis-sentenza Foglia ( 15 ), huwa meħtieġ li l-qrati nazzjonali jispjegaw, meta dan ma jirriżultax b’mod ċar mill-proċess, ir-raġunijiet li għalihom huma jqisu li risposta għad-domanda tagħhom tkun neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża. Id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tosserva r-responsabbiltajiet tal-qorti nazzjonali jimplika fl-istess ħin li l-qorti nazzjonali tosserva l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedura għal deċiżjoni preliminari. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet reċentement li ma hemmx lok li hija tagħti deċiżjoni f’każ fejn il-qorti tar-rinviju, minkejja t-talba li saritilha, żammet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari waqt li naqset milli tieħu pożizzjoni fuq l-effett ta’ żvilupp jew avveniment li tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja kellha konoxxenza għal dak li jirrigwarda kemm id-deċiżjoni li tintervjeni fil-kawża prinċipali kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ( 16 ).

30.

X’konklużjoni għandha tittieħed minn dawn il-prinċipji f’dan il-każ?

31.

Fil-qosor, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kkonfrontata minn sitwazzjoni partikolari kkaratterizzata miż-żewġ elementi segwenti.

32.

Min-naħa, Pohotovost’, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha magħmula skont l-Artikolu 23(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, informat b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja li fl-14 ta’ Novembru 2012, hija ppreżentat lill-qorti tar-rinviju nota li biha hija rtirat kompletament it-talba għal eżekuzzjoni tagħha u għalhekk talbitha “tissospendi” l-eżekuzzjoni. Fl-osservazzjonijiet tagħha Pohotovost’ kienet enfasizzat li, skont l-Artikolu 57(1)(ċ) tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni, il-qorti tar-rinviju kellha tagħti deċiżjoni dwar l-irtirar tar-rikors tagħha billi tagħlaq il-proċedura ta’ eżekuzzjoni u li, fi kwalunkwe każ, peress li l-kontroversja fil-kawża prinċipali kienet spiċċat, ma kienx għad hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

33.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju, meta ntalbet mill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma jekk, fid-dawl taċ-ċessjoni hekk imħabbra, hija għadhiex adita mill-kawża li fil-kuntest tagħha hija ressqet inizjalment it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari u jekk, f’din il-perspettiva, hija żżommx din it-talba, indikat sempliċement, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 2013, li l-kawża kienet għadha pendenti u li, għal din ir-raġuni, hija kienet qed iżżomm effettivament it-talba tagħha. Din il-qorti kkompletat din l-informazzjoni permezz ta’ ittra li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Settembru 2013, billi ppreċiżat li hija kienet effettivament ħadet konoxxenza ta’ talba għas-“sospensjoni” ( 17 ) tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni mressqa minn Pohotovost’ u li, madankollu, il-proċess jinsab quddiem il-Krajsky súd v Prešove (Qorti Reġjonali ta’ Prešov), li hija adita b’appell mid-deċiżjoni li ordnat dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

34.

Ċertament, huwa sorprendenti u sfortunat li l-qorti tar-rinviju, qabel xejn, ma qisietx li huwa neċessarju li tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-iżvilupp proċedurali li seħħ ftit iktar minn xahar wara l-introduzzjoni ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, u sussegwentement, meta l-Qorti tal-Ġustizzja talbitha tagħmel dan, naqset milli tindika għal liema raġunijiet preċiżi hija tqis li l-kawża prinċipali kienet għadha pendenti, minkejja l-fatt li jidher li teżisti rabta ta’ dipendenza assoluta bejn il-proċedura ta’ eżekuzzjoni magħmula fuq livell nazzjonali u dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

35.

Fil-fatt, kien mistenni, fid-dawl tal-ispirtu ta’ kollaborazzjoni li għandu jikkaratterizza r-relazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali ( 18 ), li f’sitwazzjoni bħal din u wara li tkun ġiet mistoqsija dwar dan l-aspett mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tipprovdi indikazzjonijiet dwar il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ tali rtirar fuq il-ġurisdizzjoni tagħha biex b’hekk tiġġustifika l-ħtieġa ta’ risposta preliminari sabiex tiddeċiedi l-kawża tagħha u, permezz ta’ dan, tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36.

Madankollu, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, jeżisti dubju sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi ta’ żvilupp proċedurali fuq l-eżistenza nnifisha tal-kawża, dan id-dubju għandu, b’xi mod, ikun ta’ benefiċċju għall-qorti tar-rinviju. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, f’diversi okkażjonijiet, sabiex tevita kull ostakolu għall-kooperazzjoni tajba bejnha u l-qrati nazzjonali, fuq il-fiduċja fil-ġudizzju tal-qorti nazzjonali ( 19 ).

37.

Barra minn hekk, ma għandux jintesa li, fil-kuntest tal-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li jistabbilixxi djalogu bejn qorti u qorti, hija l-qorti nazzjonali li hija l-interlokutur privileġġjat tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fiċ-ċirkustanza ta’ dan il-każ, jidher delikat li toqgħod fuq l-informazzjoni kkomunikata minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali sabiex tikkonkludi li l-kawża prinċipali issa totalment ma għadx għandha skop ( 20 ) u li għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni.

38.

Fid-dawl tal-ispirtu ta’ kooperazzjoni u fiduċja reċiproka li għandhom jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, jiena għalhekk tal-opinjoni li minkejja kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tafda fuq il-konklużjoni li waslet għaliha l-qorti tar-rinviju u għalhekk, ma għandhiex tiċħad il-ġurisdizzjoni tagħha.

B – Dwar id-domandi preliminari

39.

Preliminarjament, għandna nagħtu ħarsa lejn ir-rilevanza intrinsika, u konsegwentement, lejn l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, peress li l-Gvern Slovakk u l-Gvern Ġermaniż qajmu dubji serji f’dan ir-rigward fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

40.

Dawn il-gvernijiet issottomettew, essenzjalment, li l-qorti tar-rinviju ma indikatx għal liema raġunijiet id-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 93/13 għandhom rabta mal-kawża prinċipali u, għalhekk, kif ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-imsemmija kawża. Il-qorti tar-rinviju ma tagħti ebda indikazzjoni li tippreżenta relazzjoni mal-evalwazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti, iżda hija intiża li tikseb stħarriġ tar-regoli tal-proċedura nazzjonali li ma humiex koperti mill-armonizzazzjoni li tirriżulta minn din id-direttiva. Il-Gvern Slovakk jenfasizza, barra minn hekk, li t-tieni domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni dwar dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali, għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi ddikjarata inammissibbli.

41.

Min-naħa tiegħi, jiena tal-opinjoni li, għalkemm wieħed jista’ jifhem il-kwistjonijiet imqajma dwar l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, sa fejn huwa possibbli u skont l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jikkaratterizza l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni proċedurali, tara li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju.

42.

Issa, impoġġija fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ma huwiex eskluż li d-domandi magħmula jistgħu, meħuda b’mod globali u b’ċerta riformulazzjoni, jitqiesu li huma rilevanti.

43.

Fil-fatt jidher li, iktar milli tqajjem l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Karta, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, jekk l-effettività tas-sistema ta’ protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi kontra klawżoli inġusti hijiex, b’mod jew ieħor, ippreġudikata mir-regoli tad-dritt nazzjonali li ma jagħtux lill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi dritt li jintervjenu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

44.

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, l-assoċjazzjoni HOOS tixtieq tintervjeni, fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni magħmula minn Pohotovost’ kontra M. Vašuta, b’mod partikolari għaliex hija tqis li, permezz tad-deċiżjoni tagħha li tissospendi parzjalment biss il-proċedura ta’ eżekuzzjoni u tawtorizza din l-eżekuzzjoni għal bqija, il-qorti tar-rinviju ma tatx ex officio lill-konsumatur protezzjoni suffiċjenti kontra klawżola ta’ arbitraġġ inġusta u ma qisitx il-konsegwenzi ġuridiċi kollha tan-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ TAEG fil-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur.

45.

Fid-dawl tad-direzzjoni proċedurali li ħadu l-kawżi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13, nista’ faċilment nifhem id-dubji tal-qorti tar-rinviju. Dan jidher b’mod partikolari mid-deċiżjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju ( 21 ) f’dan ir-rigward, u b’mod iktar globali minn dawk tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ikkonċernat li, filwaqt li tfakkar il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, inkwadratu fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza ( 22 ).

46.

Għalhekk, jiena tal-opinjoni li d-domandi magħmula għandhom jiġu rriformulati ftit fis-sens li jkunu intiżi li jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari s-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 93/13, teżiġix jew, għall-kuntrarju, teskludix li assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tkun tista’ tintervjeni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

47.

Wara li għamilt dawn il-preċiżazzjonijiet, ser nesponi fl-argumenti li jsegwu għal liema raġunijiet, l-istess bħal pożizzjoni meħuda mill-Gvern Slovakk u mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, jiena tal-opinjoni li l-kwistjoni tal-intervent tal-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-kawżi individwali ma hijiex direttament jew indirettament irregolata mid-dritt tal-Unjoni. Wara li nesponi għal liema raġunijiet id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, u b’mod iktar globali d-dritt tal-Unjoni, ma jipprekludux dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi l-intervent ta’ assoċjazzjoni tal-konsumaturi (titolu 1 iktar ’il quddiem), ser nindika għaliex, min-naħa l-oħra, xejn ma jipprekludi li dispożizzjoni nazzjonali jew qorti nazzjonali tippermetti tali intervent (titolu 2 iktar ’il quddiem).

1. Id-Direttiva 93/13 ma tipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi l-intervent ta’ assoċjazzjoni tal-konsumaturi

48.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju, ma jinkludu ebda indikazzjoni dwar id-dritt eventwali ta’ assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li tintervjeni fil-kuntest ta’ kawżi individwali b’mod ġenerali ( 23 ), u ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ b’mod partikolari.

49.

B’mod iktar ġenerali, id-Direttiva 93/13, li timplementa armonizzazzjoni minima, ma tipproċedix bl-armonizzazzjoni tal-mezzi proċedurali mogħtija lil dawn l-assoċjazzjonijiet ( 24 ).

50.

Madankollu jifdal li jiġi ddeterminat jekk l-għanijiet previsti mid-Direttiva 93/13, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 tagħha, għandhomx indirettament iwasslu li jiġi stabbilit tali dritt fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, li huwa l-uniku wieħed ikkontestat f’dan il-każ.

51.

Infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew il-fornitur, għal dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom ( 25 ).

52.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni żvantaġġjata li fiha jinsab il-konsumatur, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni mandatorja, li hija intiża li tissostitwixxi l-ekwilibriju formali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt b’ekwilibriju reali li jerġa’ jistabbilixxi l-ugwaljanza bejniethom ( 26 ).

53.

Sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni intiża mid-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll, diversi drabi, li s-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eżistenti bejn il-konsumatur u l-kummerċjant tista’ tiġi kkumpensata biss permezz ta’ intervent pożittiv li jkun indipendenti mill-partijiet fil-kuntratt ( 27 ).

54.

Fl-opinjoni tiegħi, mill-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 93/13, jirriżulta b’mod ċar li l-“intervent indipendenti” inkwistjoni huwa, fl-ewwel lok, dak tal-qorti li għandha tiddeċiedi l-kawża, u dan indipendentement min-natura tal-kawża jew l-istadju tal-proċedura li fih hija tintervjeni. Fil-fatt, l-obbligu tal-qorti li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola f’kuntratt imressaq għall-evalwazzjoni tagħha ( 28 ), tikkostitwixxi mezz xieraq kemm biex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, jiġifieri li ma jitħalliex li konsumatur individwali jiġi marbut minn klawżola inġusta, kif ukoll sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, peress li dan l-eżami jista’ jkollu effett dissważiv li jwassal sabiex iwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur ( 29 ).

55.

Fil-każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidhirli li mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li tali intervent għandu jsir minn qorti adita mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ definittiva. Kif enfażizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-qorti nazzjonali li tintalab tiddeċiedi dwar rikors għall-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ definittiva jkollha, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali tagħha, tevalwa ex officio jekk klawżola ta’ arbitraġġ tmurx kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija marbuta wkoll li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ din il-klawżola fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan ( 30 ).

56.

Huwa permezz ta’ dan l-intervent tal-qorti li tiġi ggarantita bis-sħiħ l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra klawżoli kuntrattwali inġusti, għax fin-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, hija biss tkun tista’ tiddeċiedi dwar in-nullità jew tirrevedi l-kontenut ta’ klawżola inġusta.

57.

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Slovakk, minn qari flimkien tal-Artikoli 2 u 24(1)(ċ) tal-Liġi Nru 244/2002 dwar il-proċedura ta’ arbitraġġ, kif emendata, jirriżulta li l-qorti tal-eżekuzzjoni hija obbligata tiddeċiedi ex officio li ma hemmx lok li tiġi deċiża eżekuzzjoni f’ċerti każijiet, b’mod partikolari meta d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ timponi fuq parti minnhom obbligu li fil-prattika jkun impossibbli li jiġi eżegwit. Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk l-obbligu mhux biss li teżamina n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu kkontestat, iżda barra minn hekk, għandha tiddeċiedi li ma hemmx lok għall-eżekuzzjoni ( 31 ).

58.

Jirriżulta għalhekk b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju, mitluba tintervjeni qabel l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ma naqsitx milli tqajjem u tikkundanna l-klawżola inġusta dwar l-interessi moratorji ( 32 ), iżda milli jidher hija ma qisitx neċessarju li tqajjem ex officio n-natura inġusta tal-klawżola ta’ arbitraġġ inkluża fil-kuntratt konluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali ( 33 ).

59.

Fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni, ma narax kif l-intervent tal-assoċjazzjoni tal-konsumaturi seta’ jiggarantixxi l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi li tirriżulta mid-Direttiva 93/13. Dan l-intervent ma għandux in-natura li jiffaċilita jew iġiegħel lill-qorti tipproċedi bl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkontestat.

60.

Għalkemm ir-rwol li l-assoċjazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi jista’ jkollhom sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 93/13 ma għandux jiġi injorat, dan jaqa’, kif jirriżulta mit-tlieta u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva, f’livell u perspettiva ferm differenti minn dak li l-qorti hija mitluba teżerċita. L-azzjonijiet diretti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra persuni jew korpi li jkollhom interess leġittimu li jipproteġu l-konsumaturi għandhom, bħala prinċipju, natura preventiva u għan dissważiv, indipendentement minn kull tilwima individwali konkreta ( 34 ).

61.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li jkunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri u li f’dan ir-rigward, mill-Artikolu 7(2) jirriżulta li l-mezzi fuq imsemmija jinkludu l-possibbiltà li persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni quddiem il-qrati għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, u jekk ikun il-każ għal projbizzjoni tagħhom ( 35 ).

62.

Dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jippermettu li assoċjazzjonjiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jagħmlu azzjonijiet huma stess kontra klawżoli inġusti abbażi tal-interess leġittimu tagħhom. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 93/13, l-istess bħall-atti li jirregolaw l-azzjonijiet għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi ( 36 ), ma tinkludix dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-rwol li jista’ jew li għandu jingħata lill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntest ta’ kawżi individwali li jimplikaw konsumatur.

63.

Konsegwentement, billi ma tipprovdix il-possibbiltà li assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tintervjeni fi proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ definittiva, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taffettwax l-effettività tal-għanijiet li jridu jintlaħqu mid-Direttiva 93/13.

64.

Barra minn hekk, għandu jiżdied li, skont il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, assoċjazzjoni tista’ direttament tirrappreżenta tali konsumatur fil-proċedura kollha, inkluż fl-eżekuzzjoni, permezz ta’ mandat mogħti minn dan tal-aħħar. Dwar l-eventwalità li tali konsumatur ma jkunx informat bil-proċedura li tikkonċernah, tali sitwazzjoni ma jistax ikollha l-konsegwenza li l-prinċipju ta’ effettività jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ, f’każ bħal dan, li jirrikonoxxi dritt lil assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li tintervjeni fil-proċedura sabiex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ difiża ta’ dan il-konsumatur, peress li huwa paċifiku li l-prinċipju ta’ effettività ma jimplikax li għandu jkun hemm kumpensazzjoni sħiħa għall-passività totali tal-konsumatur ikkonċernat ( 37 ).

65.

Għad irrid neżamina jekk id-dispożizzjonijiet tal-Karta li ssemmew mill-qorti tar-rinviju humiex tali li jbiddlu din il-konklużjoni.

66.

Qabel xejn, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 38 tal-Karta, li jipprovdi għal “[l]ivell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jiġi żgurat fil-politika tal-Unjoni”, għalkemm ma huwiex inkluż fost l-eżempji previsti fl-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta ( 38 ), jidhirli li dan, li ma għandu ebda rabta mas-sitwazzjoni legali individwali direttament iddefinita, jistabilixxi prinċipju u mhux dritt ( 39 ) u li għalhekk jista’ jiġi invokat, skont l-Artikolu 52(5) tal-Karta, biss għall-interpretazzjoni u l-istħarriġ tal-legalità tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni, f’dan il-każ id-Direttiva 93/13.

67.

Madankollu, anki jekk id-Direttiva 93/13 tirrikonoxxi lill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi billi jieħdu azzjoni quddiem il-qrati għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għall-użu ġenerali jkunux inġusti, u jekk ikun il-każ jiksbu l-projbizzjoni tagħhom, din id-direttiva ma tagħtix dritt lil dawn l-assoċjazzjonijiet li jintervjenu f’kawżi individwali li jinvolvu lil tali konsumaturi u, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 38 tal-Karta ma jordnax l-interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva favur rikonoxximent ta’ tali dritt.

68.

Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, infakkar li dan jipprovdi dritt għal rimedju effettiv u l-aċċess għal proċess imparzjali, li jimplika, skont il-każ, li tingħata għajnuna legali lil dawk li ma għandhomx mezzi biżżejjed, fejn din l-għajnuna tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.

69.

Madankollu, sa fejn, kif fakkart iktar ’il fuq, id-Direttiva 93/13 teżiġi, f’kawżi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumatur, intervent pożittiv, indipendenti mill-partijiet tal-kuntratt, mill-qorti adita b’tali kawżi, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi ddikjarat li r-rifjut ta’ intervent ta’ assoċjazzjoni insostenn tal-konsumatur, f’kawża bejn il-konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal rimedju legali effettiv ta’ dan il-konsumatur kif iggarantit mill-Artikolu 47. Barra minn hekk, l-intervent ta’ assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi lanqas ma jista’ jiġi assimilat għal għajnuna legali li għandha tingħata, f’ċerti każijiet, lil dawk li ma jkollhomx riżorsi biżżejjed skont il-paragrafu (4) tal-imsemmi Artikolu 47.

70.

F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-possibbiltà li assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tinvoka f’dan il-kuntest l-imsemmi Artikolu 47, għandu jiġi kkonstatat li r-rifjut li tiġi ammessa tintervjeni fi proċedura bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur ma jaffettwax id-dritt għal rimedju legali effettiv għad-difiża tad-drittijiet tagħha bħala assoċjazzjoni ta’ dan it-tip, b’mod partikolari d-drittijiet tagħha ta’ azzjoni kollettiva mogħti fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13.

2. Id-Direttiva 93/13 ma teskludix li dritt ta’ intervent jingħata lill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi

71.

Min-naħa l-oħra, jien tal-opinjoni li, sakemm id-Direttiva 93/13 tistabbilixxi armonizzazzjoni minima, l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 8 tagħha, jadottaw jew iżommu, fil-qasam irregolat minn din id-direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti, kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell iktar għoli ta’ protezzjoni lill-konsumatur u li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 93(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Slovakk, tista’ tagħti d-dritt lill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li jintervjenu fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili insostenn tal-konsumaturi. Bl-istess mod, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx jipprekludu lill-qorti milli tippermetti, sa fejn il-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu, l-intervent ta’ assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

72.

Fil-fatt, dan l-intervent jista’ jitqies li huwa protezzjoni tal-konsumaturi, kif previst b’mod partikolari mid-Direttiva 93/13, billi jżid b’dan il-mod intervent komplementari, mhux previst minn din id-direttiva, għall-intervent pożittiv indipendenti tal-qorti, kif ordnat mill-imsemmija direttiva. Kif semmiet l-assoċjazzjoni HOOS, l-intervent ta’ assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jista’ jwassal sabiex jiġbed l-attenzjoni tal-qorti fuq ċerti prattiki nazzjonali jew fuq il-klawżoli li kienu meqjusa li huma inġusti minn qrati nazzjonali oħra.

73.

Barra minn hekk, l-intervent ta’ assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi fi proċedura ta’ eżekuzzjoni, sa fejn il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni tagħha ma jkunux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal sitwazzjonijiet komparabbli taħt id-dritt nazzjonali, għandu jitqies li huwa konformi b’mod sħiħ mal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Sabiex nirritorna għall-kawża prinċipali, jidher li l-kwistjoni tal-intervent tal-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tikkonċerna, skont l-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni, il-persuni kollha li jixtiequ jintervjenu fil-proċeduri kollha ta’ eżekuzzjoni, tkun xi tkun il-kwalità tagħhom jew il-qasam previst.

74.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li r-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13, moqrija flimkien mal-Artikoli 38 u 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, hija ma tipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tippermettix li assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tintervjeni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma jipprekludu li l-qorti tippermetti l-intervent ta’ tali assoċjazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

IV – Konklużjoni

75.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula mill-Okresný súd Svidník jkunu kif ġej:

Il-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar il-klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, b’mod partikolari l-Artikoli 6(1), 7(1) u 8 tagħha, moqrija flimkien mal-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, hija ma tipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tippermettix li assoċjazzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumaturi tintervjeni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma jipprekludu li l-qorti tippermetti l-intervent ta’ tali assoċjazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 4 ) Skont l-informazzjoni miġjuba a konoxxenza tiegħi wara konsultazzjoni tal-proċess nazzjonali, dan il-kuntratt kien ġie konkluż matul is-sena 2010.

( 5 ) Din huwa t-titolu li jinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju. Ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk dan l-uffiċjal għandux il-kwalità ta’ maġistrat jew le.

( 6 ) Hija tagħmel riferiment għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C-40/08, Ġabra p. I-9579), kif ukoll għad-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť (C-76/10, Ġabra p. I-11557).

( 7 ) Ara l-konklużjoniijiet tiegħi fil-kawża Macinský u Macinská (C‑482/12), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 8 ) Sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C-467/08, Ġabra p. I-10055, punti 21 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tad-9 ta’ Diċembru 2010, Fluxys (C-241/09, Ġabra p. I-12773, punt 28).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, UGT-Rioja et (C-428/06 sa C-434/06, Ġabra p. I-6747, punt 40), kif ukoll id-digriet tat-22 ta’ Ottubru 2012, Šujetová (C‑252/11).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, García Blanco (C-225/02, Ġabra p. I-523, punt 27), kif ukoll id-digriet tal-24 ta’ Marzu 2009, Nationale Loterij (C-525/06, Ġabra p. I-2197, punti 10 u 11).

( 11 ) Sentenzi tal-21 ta’ April 1988, Pardini (338/85, Ġabra p. 2041, punt 11) u tal-4 ta’ Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland (C-159/90, Ġabra p. I-4685, punt 12).

( 12 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Romeo (C‑313/12, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara d-digriet Šujetová, iċċitat iktar ’il fuq (punti 27 sa 32), kif ukoll is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, punti 39, 44 u 46).

( 14 ) Sabiex nirreferu, pereżempju, għall-kawza prinċipali, jidher fil-fatt, mill-qari tal-osservazzjonijiet bil-miktub, li l-qrati Slovakki jagħtu interpretazzjoni differenti lid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni Slovakki dwar id-dritt tal-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li jintervjenu fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni. Barra minn hekk hemm suspetti dwar il-parzjalità tal-persuni involuti fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni, f’dan il-każ il-marixxall responsabbli mill-eżekuzzjoni (ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 15 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981 (244/80, Ġabra p. 3045, punti 17 u 20).

( 16 ) Hekk ġara fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Di Donna (C‑492/11, punt 28). Ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza Stoilov i Ko, iċċitata iktar ’il fuq (punti 39, 44 u 46).

( 17 ) Il-qorti tar-rinviju indikat madankollu li din it-talba ġiet innotifikata lilha fis-27 ta’ Diċembru 2012.

( 18 ) F’dan is-sens, għandu jitfakkar li l-punt 30 tar-rakkomandazzjonijiet magħmula lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2012, C 338, p. 1), isemmi espressament li, fl-interess tal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u fid-dawl li tiġi ppreżervata l-effettività tagħha, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja b’kull żvilupp proċedurali li jista’ jkollu effett fuq dak li minnu hija tkun adita.

( 19 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf, (166/73, Ġabra p. 33, punt 4), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C-210/06, Ġabra p. I-9641, punt 96).

( 20 ) F’dan is-sens, il-kawża prinċipali hija differenti minn dik li tat lok għad-digriet Šujetová, iċċitat iktar ’il fuq, li kien ibbażat direttament fuq l-irtirar ta’ Šujetová, benefiċjarja tal-protezzjoni li tirriżulta mid-Direttiva 93/13, u mhux minn informazzjoni li ġejja biss mill-kumpannija kreditriċi.

( 21 ) Fis-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, kien hemm inkwistjoni rikors għall-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li kienet saret res judicata, li ngħatat fil-kontumaċja tal-konsumatur u l-obbligu tal-qorti tal-eżekuzzjoni li tevalwa ex officio n-natura inġusta tal-klawżola ta’ arbitraġġ. Fir-rigward tad-digriet Pohotovosť, iċċitat iktar ’il fuq, dan jispeċifika, b’elaborazzjoni ta’ din is-sentenza, l-obbligu tal-qorti tal-eżekuzzjoni li tevalwa ex officio n-natura inġusta tal-penalità prevista minn kuntratt ta’ kreditu.

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10), u tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11).

( 23 ) Din il-kwistjoni hija distinta mill-azzjonijiet ta’ difiża li jistgħu jiġu ppreżentati mill-assoċjazzjonijiet (ara l-punti 59 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 24 ) Ara l-punt 19 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi, tal-5 ta’ Settembru 2013, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Asociación de Consumidores Independientes de Castilla y León (C‑413/12).

( 25 ) Sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C-240/98 sa C-244/98, Ġabra p. I-4941, punt 25); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, (C-168/05, Ġabra p. I-10421, punt 25), kif ukoll id-digriet Pohotovost’, iċċitat iktar ’il fuq (punt 37).

( 26 ) Sentenzi Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36); tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C-243/08, Ġabra p. I-4713, punt 25), u d-digriet Pohotovost’, iċċitat iktar ’il fuq (punt 38).

( 27 ) Sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (punt 27); Mostaza Claro (punt 26); Asturcom Telecomunicaciones (punt 31), kif ukoll id-digriet Pohotovost’, iċċitat iktar ’il fuq (punt 39).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Banco Español de Crédito (punti 42 sa 44), kif ukoll Aziz (punti 46 u 47).

( 29 ) Sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C-473/00, Ġabra p. I-10875, punt 32); Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27), u d-digriet Pohotovost’, iċċitat iktar ’il fuq (punt 41).

( 30 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pannon GSM (punt 32); Asturcom Telecomunicaciones (punt 53), kif ukoll id-digriet Pohotovost’, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51).

( 31 ) Infakkar li fid-digriet Pohotovost’, iċċitat iktar ’il fuq (punti 40 u 41), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà għamlet preċiżazzjonijiet b’mod partikolari dwar il-possibbiltajiet offruti lill-qorti f’każijiet ta’ kuntratti li ma jsemmux it-TAEG.

( 32 ) Għalhekk fid-29 ta’ Ġunju 2011 ġie deċiż li ma hemmx lok li jiġi eżegwit il-kap dwar l-irkupru tal-interessi moratorji bir-rata ta’ 0.25 % kuljum fuq l-ammont ta’ EUR 309 mit-8 ta’ Lulju 2010 sad-data tal-pagament u tal-irkupru tal-ispejjeż tal-eżekuzzjoni relatati ma’ dan il-kap.

( 33 ) L-Anness tad-Direttiva 93/13, li jinkludi lista indikattiva tal-klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti jsemmi, fil-punt 1(q), il-klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li “jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor, b’mod partikolari billi jeħtieġ lill-konsumatur li jieħu kwistjoni esklussivament għall-arbitraġġ mhux kopert b’disposizzjonijiet legali, biex b’hekk jirristrinġu l-evidenza disponibbli għalih b’mod esaġerat jew jimponu fuqu l-oneru tal-prova li, skond il-liġi applikabbli, għandu jkun fuq parti oħra tal-kuntratt”.

( 34 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2012, Invitel (C‑472/10, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, il-punt 12 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-70/03, Ġabra p. I-7999).

( 35 ) Sentenza Invitel, iċċitata iktar ’il fuq (punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Fil-fatt huwa interessanti li jiġi nnotat li d-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, p. 30), u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur (ĠU L 304, p. 64), li temenda d-Direttiva 93/13 u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, p. 64), ma jipprovdux il-possibbiltà li assoċjazzjoni tal-konsumaturi tintervjeni f’kawża individwali.

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).

( 38 ) L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 17) jinkludu l-Artikoli 25, 26 u 37 bħala eżempji ta’ prinċipji rrikonoxxuti fil-Karta.

( 39 ) Dwar id-distinzjoni bejn “drittijiet” u “prinċipji” u l-kundizzjonijiet ta’ invokabbiltà ta’ dawn tal-aħħar, għandu jsir riferiment għall-punti 43 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Association de médiation sociale (C‑176/12), attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.