KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-30 ta’ Jannar 2014 ( 1 )

Kawża C‑438/12

Irmengard Weber

vs

Mechthilde Weber

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Ġermanja)]

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 22, punt 1 — Ġurisdizzjoni esklużiva — Tilwim fil-qasam tad-drittijiet immobiljari — Inklużjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni fuq proprjetà immobbli — Artikolu 27(2) — Lis alibi pendens — Kunċett ta’ talbiet ‘imressqa ‘bejn l-istess partijiet’ — Kunċett ta’ talbiet ‘li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni’ — Sanzjoni tal-abbuż mid-dritt għal interess ġuridiku — Rabta bejn il-punt 1 tal-Artikolu 22 u l-Artikolu 27(1) — Artikolu 28(1) — Konnessjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni tas-sospensjoni tad-deċiżjoni — Rabta bejn l-Artikoli 27 u 28 — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

I – Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Oberlandesgericht München (il-Ġermanja) tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ), u b’mod partikolari tal-punt 1 tal-Artikolu 22 ( 3 ), tal-Artikolu 27(1) ( 4 ), u tal-Artikolu 28(1) ( 5 ) tiegħu. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva applikabbli fil-qasam ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli kif ukoll dwar ir-regoli applikabbli fil-każ ta’ lis alibi pendens jew ta’ konnessjoni li jinsabu fl-imsemmi regolament.

2.

Preliminarjament, nispeċifika li, fil-fehma tiegħi, huwa opportun li ssir konfigurazzjoni ġdida fis-sens li jiġu eżaminati d-domandi moltepliċi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux fl-ordni kkunsidrata mill-qorti ta’ rinviju, iżda f’ordni li ssegwi vantaġġ loġiku u l-istruttura tar-Regolament Nru 44/2001.

3.

Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tgħid jekk il-punt 1 tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament li jirriżerva ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tad-drittijiet in rem kontenzjużi, japplikax jew le għal azzjoni intiża sabiex jiġi kkonstatat li dritt ta’ prelazzjoni fuq proprjetà immobbli ma ġietx eżerċitata b’mod validu ( 6 ).

4.

B’rabta mal-punt preċedenti, domanda oħra ( 7 ) hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk, fil-każ ta’ lis alibi pendens fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti adita fit-tieni lok hijiex awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tissospendi l-proċeduri quddiemha, il-fatt li fl-opinjoni tagħha l-qorti adita fl-ewwel lok ma hijiex dik li għandha ġurisdizzjoni esklużiva skont il-punt 1 tal-Artikolu 22 tal-istess regolament u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni li din għandha tagħti ma tiġix rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra, skont l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament ( 8 ).

5.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq ukoll issir taf jekk jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt ir-regola ta’ lis alibi pendens imsemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, żewġ każijiet fejn huma aditi qrati ta’ Stati Membri differenti, minn naħa, meta żewġ persuni huma rispettivament konvenuti flimkien fil-konfront ta’ terz f’waħda minn dawn il-kawżi u fejn huma partijiet kontra xulxin f’kawża oħra, u, min-naħa l-oħra, meta l-imsemmija każijiet jikkonċernaw talbiet ibbażati fuq motivi differenti, iżda fejn l-istess kwistjoni ġuridika għandha tiġi deċiża preliminarjament fiż-żewġ każijiet ( 9 ).

6.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tispeċifika jekk, fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċedura li hija għandha tieħu skont l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament, il-qorti tal-ġustizzja li ġiet adita fit-tieni lok għandhiex mhux biss teżamina l-ilment ta’ parti li l-parti l-oħra wettqet abbuż ta’ dritt billi ressqet azzjoni quddiem il-qorti adita fl-ewwel lok, iżda wkoll tħares id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja tat-tieni rikorrent, u, fl-affermativ, liema huma l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dan ( 10 ).

7.

Barra minn hekk, hija mitluba tiddetermina jekk, qabel ma tkun tista’ tapplika l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar il-każijiet konnessi li huma pendenti quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, il-qorti adita fit-tieni lok għandhiex tiddeċiedi li l-Artikolu 27(1) ta’ dan l-istess regolament, dwar il-każijiet ta’ lis alibi pendens, ma huwiex applikabbli f’dan il-każ ( 11 ).

8.

Fl-aħħar nett, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi liema huma l-kriterji li hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001, fid-dawl tal-fatt li dan jipprovdi li s-sospensjoni tal-għoti ta’ deċiżjoni ma hijiex obbligatorja fil-każ ta’ konnessjoni ( 12 ).

II – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.

Il-kawża prinċipali tikkonċerna kontenzjuż bejn I. Weber u M. Weber, żewġt aħwa nisa ta’ età anzjana li huma ko-proprjetarji, ta’ madwar 60 % u 40 % rispettivament, ta’ art li tinsab f’München (il-Ġermanja). Wara att notarili tal‑20 ta’ Diċembru 1971, ġie rreġistrat dritt ta’ prelazzjoni fuq dan il-beni immobbli fil-katast favur I. Weber, skont l-Artikolu 1094(1) tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż ( 13 ) (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”).

10.

Permezz ta’ kuntratt notarili tat‑28 ta’ Ottubru 2009 M. Weber biegħet is-sehem tagħha ta’ 40 % lill-kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Ġermaniż Z. GbR, li wieħed mill-mexxejja tagħha huwa binha, P. F. Calmetta, avukat stabbilit f’Milano (l-Italja). Skont klawżola mdaħħla f’dan il-kuntratt M. Weber irriżervat id-dritt ta’ ritrattazzjoni, validu sat‑28 ta’ Marzu 2010 u suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

11.

Wara li ġiet informata min-nutar li l-imsemmi kuntratt ġie rreġistrat f’München, I. Weber eżerċitat id-dritt tagħha ta’ prelazzjoni fuq dan is-sehem, permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Diċembru 2009, skont l-Artikoli 463 u 464 tal-BGB ( 14 ).

12.

Fil‑25 ta’ Frar 2010, permezz ta’ kuntratt konkluż mal-istess nutar, I. u M. Weber irrikonoxxew espressament l-eżerċizzju effettiv ta’ dan id-dritt ta’ prelazzjoni u ftehmu fir-rigward tat-trasferiment tal-proprjetà lil I. Weber, bl-istess prezz bħal dak miftiehem fil-kuntratt ta’ bejgħ iffirmat minn M. Weber u l-kumpannija Z. GbR. Jidher li huma ftehmu sabiex in-nutar iwettaq ir-riċerki għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni tat-trasferiment tal-proprjetà fil-katast biss wara M. Weber irrinunzja milli jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ ritrattazzjoni li jirriżulta mill-kuntratt tat‑28 ta’ Ottubru 2009, skont l-Artikolu 873(1) tal-BGB ( 15 ) u l-Artikolu 19 tal-Liġi dwar iż-żamma tal-katast (Grundbuchordnung) ( 16 ). Fit‑2 ta’ Marzu 2010, I. Weber ħallset il-prezz ta’ xiri miftehem, jiġifieri EUR 4 miljun. Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Marzu 2010, M. Weber iddikjara li kien qed jeżerċita l-imsemmi dritt ta’ ritrattazzjoni.

13.

Permezz ta’ rikors tad‑29 ta’ Marzu 2010, innotifikat lil I. Weber fil‑11 ta’ Mejju 2010, il-kumpannija Z. GbR ippreżentat, quddiem it-Tribunale ordinario di Milano (qorti ċivili ta’ Milano), rikors dirett kontra I. u M. Weber intiż sabiex tiġi kkonstata l-invalidità tal-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ prelazzjoni minn I. Weber, kif ukoll il-validità tal-kuntratt konkluż bejn M. Weber u din il-kumpannija.

14.

Fil‑15 ta’ Lulju 2010, I. Weber ressqet talba quddiem il-Landgericht München I intiża sabiex M. Weber tiġi mġiegħla tawtorizza l-inklużjoni fil-katast tat-trasferiment tal-proprjetà fir-rigward tal‑40 % tal-proprjetà immobbli fil-pussess ta’ din tal-aħħar ( 17 ). M. Weber opponiet billi invokat, in limine litis, l-eżistenza ta’ lis alibi pendens minħabba tal-kawża pendenti quddiem il-qorti Taljana.

15.

Permezz ta’ digrieti tal‑1 ta’ April 2011 u tat‑23 ta’ Awwissu 2011, il-Landgericht München I issospendiet il-proċeduri quddiemha fid-dawl tal-proċedura pendenti quddiem it-Tribunale ordinario di Milano, l-ewwel qorti adita, abbażi tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u, sussidjarjament, tal-Artikolu 28(1) u (3) ta’ dan l-istess regolament.

16.

I. Weber ippreżentat appell quddiem l-Oberlandesgericht München. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Frar 2012, ippreżentata fit‑2 ta’ Ottubru 2012, din iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, filwaqt li speċifikat li l-pożizzjoni adottata mil-Landgericht München I kienet tidhrilha fondata:

“1)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament [Nru 44/2001] ikopri wkoll sitwazzjonijiet fejn żewġ partijiet ikunu konvenuti fil-kuntest tal-ewwel azzjoni minħabba li jkunu s-suġġett ta’ rikors ippreżentat minn terz filwaqt li jkunu wkoll rispettivament rikorrent u konvenut fil-kuntest ta’ azzjoni oħra? F’tali sitwazzjoni jista’ jingħad li hemm azzjoni “bejn l-istess partijiet” jew id-diversi talbiet tar-rikorrent fil-konfront taż-żewġ konvenuti, invokati fil-kuntest ta’ wieħed mill-proċedimenti, għandhom jiġu eżaminati separatament, bil-konsegwenza li jkollu jiġi rrikonoxxut li ma hemmx azzjoni “bejn l-istess partijiet”?

2)

Ikun hemm rikors bl-“istess kawża ta’ azzjoni” fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 meta, għalkemm it-talbiet u l-motivi fiż-żewġ proċedimenti jkunu differenti,

a)

ikun meħtieġ li tinstab soluzzjoni għall-istess kwistjoni preliminari sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni fiż-żewġ proċedimenti jew meta

b)

fil-kuntest ta’ wieħed mill-proċedimenti, bħala waħda mit-talbiet sussidjarji, jintalab li tiġi kkonstatata relazzjoni legali li fi proċediment ieħor hija kwistjoni preliminari?

3)

Ikun hemm rikors dwar dritt in rem fi proprjetà immobbli, fis-sens tal-[punt 1 tal-Artikolu 22] tar-Regolament Nru 44/2001, meta jintalab li jiġi kkonstatat li l-konvenut ma eżerċitatx b’mod validu d-dritt in rem ta’ prelazzjoni tiegħu, li huwa paċifiku li jeżisti fid-dritt Ġermaniż, fir-rigward ta’ art li tinsab fil-Ġermanja?

4)

Il-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment hija obbligata teżamina fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u għalhekk qabel ma l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tiġi deċiża mill-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment, jekk din tal-aħħar ma għandhiex ġurisdizzjoni skont [il-punt 1 tal-Artikolu 22], u dan għaliex tali nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 44/2001 iwassal għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjoni eventwali tal-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment? L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa inapplikabbli għall-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment jekk din il-qorti tasal għall-konklużjoni li l-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment ma għandhiex ġurisdizzjoni skont [il-punt 1 tal‑Artikolu 22]?

5)

Il-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment hija obbligata, fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 u għalhekk qabel ma l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tiġi deċiża mill-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment, teżamina l-ilment ta’ waħda mill-partijiet li l-parti l-oħra wettqet abbuż ta’ dritt meta ressqet proċediment quddiem il-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment? L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa inapplikabbli għall-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment jekk din tasal għall-konklużjoni li l-proċediment tressaq quddiem l-ewwel qorti b’mod abbużiv?

6)

L-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001 tippressupponi li l-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment tkun diġà ddeċidiet li l-Artikolu 27(1) ta[l-imsemmi] Regolament ma japplikax f’dak il-każ partikolari?

7)

Fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jistgħu jiġu kkunsidrati

a)

il-fatt li l-qorti li quddiemha tressaq l-ewwel proċediment hija stabbilita fi Stat Membru fejn il-proċedimenti, minn perspettiva ta’ statistika, idumu ħafna iktar milli fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment,

b)

il-fatt li skont il-qorti li quddiemha jitressaq it-tieni proċediment għandu jiġi applikat id-dritt tal-Istat Membru fejn hija stabbilita din il-qorti,

c)

l-età ta’ waħda mill-partijiet,

d)

il-perspettivi ta’ eżitu pożittiv għar-rikors ippreżentat quddiem l-ewwel qorti?

8)

Fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikoli 27 u 28 tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-għan li jiġu evitati deċiżjonijiet inkompatibbli jew kontradittorji, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja tat-tieni rikorrent?”

17.

Mill-punti imdaħħla ulterjorment fil-fajl jirriżulta li, permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Mejju 2013, it-Tribunale ordinario di Milano ddikjara li ma kellux ġurisdizzjoni fejn dan kien favur il-qrati Ġermaniżi fir-rigward tat-talbiet imressqa mill-kumpannija Z. GbR fir-rigward ta’ I. u M. Weber.

18.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn I. Weber u M. Weber, mill-Gvern Ġermaniż, tar-Renju Unit u Svizzeru, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt is-seduta tad‑9 ta’ Ottubru 2013, intervjenew biss ir-rappreżentanti ta’ I. Weber u ta’ M. Weber kif ukoll tal-Kummissjoni.

III – Analiżi

19.

Preliminarjament, infakkar li sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 jissostitwixxi l-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 18 ), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni hija valida wkoll għal dawk ta’ dan ir-regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ekwivalenti ( 19 ). F’dan il-każ, tali ekwivalenza tinftiehem mid-dispożizzjonijiet kollha li huma s-suġġett tad-domandi preliminari, peress li l-punt 1 tal‑Artikolu 22, l-Artikolu 27(1), u l-Artikolu 28(1) tal-imsemmi regolament jirriflettu l-istess sistematika bħad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 20 ) u huma, barra minn hekk, redatti bi kliem kważi identiku ( 21 ).

20.

Barra minn hekk, nenfasizza li jidhirli li huwa neċessarju li jinġabru flimkien id-domandi preliminari u li jiġu ttrattati f’ordni differenti minn dik magħżula mill-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, nibda l-analiżi bit-tielet domanda, li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, qabel ma nkompli bir-raba’ domanda, intiża li tikkjarifika l-effetti ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tar-regola ta’ lis alibi pendens imsemmija fl-Artikolu 27 ta’ dan l-istess regolament. Din l-ordni tidhirli loġika peress li, fil-fehma tiegħi, meta qorti nazzjonali jkollha tali ġurisdizzjoni esklużiva skont l-imsemmi regolament, hija ma għandhiex l-obbligu li teżamina jekk il-kriterji materjali ta’ lis alibi pendens, imsemmija fl-ewwel żewġ domandi preliminari ( 22 ), ġewx issodisfatti fir-rigward tal-kwistjoni li biha ġiet adita fit-tieni lok. Fil-fatt, inqis li f’tali ipoteżi, ebda qorti ta’ Stat Membru ieħor ma tista’ titqies validament li għandha ġurisdizzjoni b’mod konkorrenti.

A – Fuq l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 u fuq ir-rabta tiegħu mal-Artikolu 27 ta’ dan l-istess regolament

1. Fuq l-inklużjoni tad-dritt in rem ta’ prelazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 (it-tielet domanda)

21.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, bħal ma tassumi, azzjoni intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-konvenut ma eżerċitax validament id-dritt in rem tiegħu ta’ prelazzjoni, li Teżisti skont id-dritt materjali ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ art li tinsab f’dan l-istess Stat, hija rikors li jikkonċerna wieħed mid-drittijiet “in rem fi propjetà immobbli” imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001. Fl-affermattiv, din l-azzjoni tirriżulta mill-ġurisdizzjoni esklużiva li hija prevista minn din id-dispożizzjoni favur “qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-propjetà”.

22.

Konkretament, hija tistaqsi dwar jekk rikors intiż sabiex jiġi invalidat l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ prelazzjoni relatat ma’ art li tinsab fil-Ġermanja, bħal dik li fir-rigward tagħha l-kumpannija Z. GbR ressqet azzjoni quddiem il-qorti Taljana, jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, fejn jirriżulta li l-qrati Ġermaniżi jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva f’dan il-każ.

23.

Nosserva li M. Weber tallega li din id-domanda preliminari hija inammissibbli, minħabba li, minn naħa, it-talba għal inklużjoni forzata fil-katast li ġiet ippreżentata quddiem il-qrati Ġermaniżi ma għandhiex bħala għan id-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 u li, min-naħa l-oħra, hija mingħajr rilevanza għad-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċedura li l-qorti ta’ rinviju tista’ tadotta skont l-Artikoli 27 u 28 tal-imsemmi regolament ( 23 ).

24.

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ulterjorment meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha ( 24 ).

25.

Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, fid-dawl tal-elementi prodotti mill-Oberlandesgericht München, fejn jirriżulta li l-azzjoni ppreżentata b’mod konkorrenti quddiem qorti Taljana tikkonċerna l-validità tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni tagħha fuq proprjetà immobbli minn I. Weber ( 25 ), filwaqt li l-azzjoni pendenti fil-Ġermanja hija intiża sabiex jiġi eżaminat dan l-istess punt b’mod preliminari. Ġaladarba din il-qorti indikat debitament ir-raġunijiet li għalihom hija għamlet id-domanda preliminari tagħha u li risposta hija neċessarja għaliha sabiex tiddeċiedi dwar l-eżitu tal-kwistjoni li għandha quddiemha, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

26.

Għandu jiġi osservat li, fis-sekwenza ġurisprudenzjali dwar l-Artikolu 16(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 26 ), il-kriterju tal-ġurisdizzjoni esklużiva li hija ffissata mill-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri proċedura “in rem fi propjetà immobbli”, għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu, li jappartjeni għad-dritt tal-Unjoni. Minn dan jirriżulta li jeħtieġ li din l-espressjoni tiġi interpretata, minn naħa, b’riferiment għal parti mill-għanijiet u s-sistema ta’ dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li jinsiltu mis-sistemi kollha ta’ dritt nazzjonali ( 27 ). F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-prinċipju ta’ forum rei sitae huwa regola ta’ ġurisdizzjoni aċċettata sew għall-kwistjonijiet transkonfinali li jikkonċernaw id-drittijiet in rem relatati ma’ beni immobbli, kemm fir-regoli ta’ oriġini nazzjonali kif ukoll f’dawk ta’ oriġini internazzjonali.

27.

Minn perspettiva teleoloġika, infakkar li l-ġurisdizzjoni esklużiva mogħtija lill-qrati tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli kkonċernata ( 28 ) għandha bħala raġuni prinċipali l-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, fejn dawn il-qrati, minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, huma l-aħjar biex jiddeċiedu l-kwistjonijiet dwar id-drittijiet li jikkonċernaw din il-proprjetà immobbli ( 29 ), hekk kif iddeċidiet bosta drabi l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 30 ).

28.

Minn perspettiva sistematika, huwa wkoll minnu li l-portata tar-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 ma tistax tinftiehem b’mod estensiv, fis-sens li hija usa’ milli huwa meħtieġ mill-għanijiet tagħha ( 31 ). Dan jirriżulta mill-fatt li din id-dispożizzjoni tintroduċi eċċezzjoni mhux biss fir-rigward tar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament — liema fatt jipprojbixxi lill-konvenut milli jidher quddiem il-qrati li jinsabu viċin id-domiċilju tiegħu jekk il-proprjetà immobbli kkonċernata ma tinsabx fl-istess Stat Membru —, iżda wkoll regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali li jinsabu f’dan l-istess regolament — li jċaħħad lill-partijiet mill-possibbiltajiet ta’ għażla tal-forum previsti fih ( 32 ).

29.

Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ traspożizzjoni tal-ġurisprudenza dwar il-punt 1(a) tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat b’mod limitattiv il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001. Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva “fil-qasam tad-drittijiet immobiljari in rem” li dan tal-aħħar isemmi, ġiet iddefinita b’tali mod li hija “ma tiġborx fiha l-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw drittijiet immobiljari in rem, iżda biss dawk bejniethom li, kollha f’daqqa, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni [jew tal-imsemmi regolament rispettivament] u huma fost dawk li, minn naħa, jiddeterminaw il-portata, il-konsistenza, il-proprjetà, il-pussess ta’ beni immobbli jew l-eżistenza ta’ drittijiet oħra in rem fuq dawn il-beni u, min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata lill-persuni li għandhom dawn id-drittijiet il-protezzjoni tal-prerogattivi li huma marbuta mat-titolu tagħhom” ( 33 ).

30.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ( 34 ) jirriżulta li, sabiex japplika l-punt 1 tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ma huwiex biżżejjed li dritt immobiljari in rem ikun ikkonċernat bl-azzjoni jew li l-azzjoni jkollha rabta kwalunkwe mal-proprjetà immobbli, iżda jeħtieġ li hija jkollha bħala bażi dritt in rem u mhux dritt personali ( 35 ). Id-differenza bejn dritt in rem u dritt personali tinsab fil-fatt li l-ewwel wieħed, li jikkonċerna beni materjali, jipproduċi l-effett tiegħu fir-rigward ta’ kulħadd, filwaqt li t-tieni jista’ jiġi invokat biss kontra d-debitur. Dan it-tagħrif huwa validu wkoll għall-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001.

31.

F’dan il-każ, inqis li rikors li huwa intiż sabiex jikkonstata li dritt ta’ prelazzjoni fuq art u mniżżel fil-katast ma ġiex validament eżerċitat, bħal dak li fir-rigward tiegħu il-qorti Taljana ġiet adita l-ewwel mill-kumpannija Z. GbR, huwa kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Fil-fatt, tali azzjoni hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ tip ta’ dritt ta’ preferenza relatat ma’ proprjetà immobbli ( 36 ) u għandu bħala għan li jiddetermina liema huma l-effetti erga omnes li l-eżerċizzju tal-imsemmi dritt huwa f’pożizzjoni li jipproduċi favur il-proprjetarju tiegħu fejn jidħol it-trasferiment tal-proprjetà, u b’mod partikolari kontra xerrej terz. Għaldaqstant din hija effettivament tilwima dwar dritt kemm in rem, u mhux personali, kif ukoll immobiljari. Inqis li l-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja bħala bażi tal-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 22, jikkorroboraw din l-interpretazzjoni.

32.

Għalhekk, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari tkun li azzjoni dwar il-validità tal-eżerċizzju ta’ dritt ta’ prelazzjoni fuq proprjetà immobbli, bħal dik introdotta quddiem il-qorti Taljana li ġiet adita qabel il-qorti inkwistjoni f’din il-kawża, taqa’ taħt il-kunċett ta’ azzjoni “fil-qasam tad-drittijiet immobiljari in rem”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001.

2. Fuq il-konsegwenzi, fir-rigward ta’ eventwali sospensjoni tal-proċeduri minħabba lis alibi pendens, ta’ ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti adita fit-tieni lok skont il-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 (ir-raba’ domanda)

33.

Ir-raba’ domanda preliminari tikkonċerna, essenzjalment, ir-rabtiet bejn il-punt 1 tal-Artikolu 22 u l-Artikolu 27(1) tar-Regolament 44/2001, b’mod iktar partikolari, mal-punt dwar jekk l-ewwel artikolu jippermettix li wieħed jidderoga mit-tieni artikolu. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tgħid jekk, meta proċeduri konkorrenti jkunu pendenti f’żewġ Stati Membri differenti, il-qorti li ġiet adita fit-tieni lok għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li fl-opinjoni tagħha deċiżjoni eventwali tal-qorti adita fl-ewwel lok ma tiġix rikonoxxuta fl-Istati Membri oħra, skont l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament, minħabba ksur tal-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fl-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 22 fil-qasam ta’ drittijiet immobiljari in rem. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tgħid jekk, meta proċeduri konkorrenti jkunu pendenti f’żewġ Stati Membri differenti, il-qorti li ġiet adita fit-tieni lok għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li fl-opinjoni tagħha deċiżjoni eventwali tal-qorti adita fl-ewwel lok ma tiġix rikonoxxuta fl-Istati Membri oħra, skont l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament, minħabba ksur tal-ġurisdizzjoni esklużiva prevista fl-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 22 fil-qasam tad-drittijiet immobiljari in rem.

34.

Inqis li hemm lok li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda. Jidhirli li dan huwa neċessarju, qabel kollox, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, li jipproduċi l-kliem tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni segwiet żvilupp notevoli, liema fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Qabel l-emenda introdotta fl‑1989 ( 37 ), l-imsemmi Artikolu 21 kien redatt b’tali mod li l-qorti adita fit-tieni lok kellha l-possibbiltà li tissospendi l-proċeduri quddiemha, minflok l-obbligu li tirrexxindi l-ġurisdizzjoni tagħha, biss meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti l-oħra kienet ikkontestata.

35.

Il-mekkaniżmu attwali huwa invertit, peress li l-qorti adita fit-tieni lok għandha, bil-kontra, l-obbligu li tissospendi l-proċeduri quddiemha “sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata”. Issa, bħala ipoteżi, din il-ġurisdizzjoni ma tista’ qatt tiġi stabbilita meta l-qorti adita fit-tieni lok ikollha biss ġurisdizzjoni esklużiva minħabba s-suġġett tal-kawża, bħal dik li tirriżulta mill-punt 1 tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, li għandu neċessarjament ikollu preċedenza ( 38 ).

36.

Inqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ma tikkontradixxix din l-analiżi. Fil-fatt, fis-sentenza Overseas Union Insurance et ( 39 ), hemm obiter dictum li jista’ jinftiehem a contrario bħala li jimplika li fl-ipoteżi fejn il-qorti adita fit-tieni lok kellha ġurisdizzjoni esklużiva prevista minn din il-konvenzjoni, u b’mod partikolari mill-Artikolu 16 tagħha (ekwivalenti għall-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001), l-imsemmija qorti kellha l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti adita fl-ewwel lok. B’mod iktar eżatt, f’tali każ inkwistjoni il-qorti adita fit-tieni lok tieħu l-ħsieb teżamina l-ġurisdizzjoni tagħha stess, li hija esklużiva f’dan il-każ, hekk kif kien ġie osservat mill-Avukat Ġenerali Van Gerven f’din l-istess kawża ( 40 ).

37.

Dan l-approċċ li ntlaqa’ fir-rigward tal-verżjoni inizjali tal-imsemmi Artikolu 21 għandu, fl-opinjoni tiegħi, a fortiori, jipprevali fir-rigward tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, li l-kliem tiegħu huwa ferm iktar espliċitu fir-rigward tal-ħtieġa li l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fl-ewwel lok tiġi stabbilita formalment qabel ma jkunu jistgħu jinsiltu l-konsegwenzi kollha ta’ sitwazzjoni ta’ lis alibi pendens.

38.

Nixtieq inżid li l-ġurisprudenza ulterjuri tidhirli li hija kompatibbli ma’ tali analiżi. Fis-sentenza Gasser ( 41 ), li fir-rigward tagħha tikkonċerna l-verżjoni emendata tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet bi dritt li r-regola proċedurali li din tinkludi “tibbaża ruħha kjarament u unikament fuq l-ordni kronoloġika li fiha ġew aditi l-qrati inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan hija tiddeduċi li l-qorti adita fit-tieni lok u li l-ġurisdizzjoni tagħha ntalbet skont klawżola li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni għandha madankollu tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm il-qorti adita fl-ewwel lok tiddikjara ruħha mingħajr ġurisdizzjoni, u dan b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali ( 42 ).

39.

Madankollu, din il-kawża kienet tikkonċerna l-każ speċifiku ta’ ġurisdizzjoni esklużiva bbażata fuq prassi ta’ għażla ta’ forum, li għaliha jistgħu jirrinunzjaw il-partijiet u li l-validità tagħha tgħaddi mir-riskju li tiġi kkontestata ( 43 ), u mhux fuq kap ta’ ġurisdizzjoni marbuta direttament mas-suġġett tal-kawża, bħal ma huwa l-każ fil-qasam tad-drittijiet immobiljari in rem skont il-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001.

40.

Issa, meta l-qorti adita fit-tieni lok tkun l-unika waħda li jkollha ġurisdizzjoni esklużiva ( 44 ) abbażi ta’ dan l-aħħar test, fl-opinjoni tiegħi ma jkunx opportun li hija tissospendi l-proċeduri pendenti quddiemha, skont l-Artikolu 27(1) ta’ dan l-istess regolament, fl-istennija tad-deċiżjoni tal-qorti adita fl-ewwel lok, peress li din ma tistax validament tiddikjara li hija għandha ġurisdizzjoni u għaldaqstant tiddeċiedi fuq il-mertu tal-istanza konkorrenti. Approċċ ieħor iwassal sabiex jiġu ffavorizzati l-hekk imsejħa azzjonijiet “torpedoes” li jistgħu jitressqu l-ewwel fi Stat Membru b’mod żleali, għas-sempliċi fini li tiġi evitata l-ġurisdizzjoni li wara kollox tkun esklużiva tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor, jiġifieri dak li fih tkun tinsab il-proprjetà immobbli kkonċernata mill-kwistjoni.

41.

Is-sistema li fiha jidħol l-Artikolu 27(1) tar-Regolament NrU 44/2001 tissostanzja l-interpretazzjoni sostnuta minni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 25 ta’ dan l-istess regolament, il-qrati kollha tal-Istati Membri minbarra dawk tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli kkonċernata mill-kwistjoni dwar drittijiet in rem għandhom obbligu li jiddeżistu mill-ġurisdizzjoni tagħhom ( 45 ). Barra minn hekk, skont l-Artikoli 35(1) u 45(1) tal-imsemmi regolament, huwa minnu li deċiżjoni mogħtija mill-qorti adita fl-ewwel lok bi ksur tar-regola ta’ ġurisdizzjoni msemmija fl-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 22 ma tista’ tiġi la rikonoxxuta u lanqas eżegwita fl-Istati Membri l-oħra. Il-fatt li l-qorti adita fit-tieni lok li għandha ġurisdizzjoni esklużiva tissospendi l-proċeduri quddiemha f’tali ċirkustanzi iwassal sempliċement għal telf ta’ żmien inutli u għaldaqstant ma jissodisfax l-imperattiv ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

42.

Madankollu sabiex il-mekkaniżmu previst fl-imsemmi Artikolu 27(1) ma jiġix imċaħħad mill-effettività tiegħu, inqis li tali affermazzjoni tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha stess mill-qorti adita fit-tieni lok, għad-detriment tal-prinċipju mogħti lill-qorti adita fl-ewwel lok, għandha tkun limitata għall-każijiet li fihom hija possibbli previżjoni affidabbli fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni mingħajr riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji. Bħall-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Svizzeru, inqis li l-imsemmija previżjoni hija possibbli, ladarba l-kwistjonijiet jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan il-kuntest preċiż, ma jiġix ippreġudikat l-għan tar-Regolament Nru 44/2001, u b’mod partikolari l-Artikolu 27 tiegħu, jiġifieri li jiġu evitati proċeduri konkorrenti quddiem il-qrati tal-Istati Membri differenti u d-deċiżjonijiet inkonċiljabbli li jistgħu jirriżultaw minn dan ( 46 ), peress li l-probabbiltà ta’ tali deċiżjonijiet hija għalhekk partikolarment ridotta.

43.

B’hekk nipproponi li r-risposta għar-raba’ domanda preliminari tkun fl-affermattiv, inkwantu f’każ inkwistjoni bħal dak f’din il-kawża, ma hemmx żewġt iqrati li għandhom ġurisdizzjoni ugwali, u għaldaqstant ma hemmx kunflitt pożittiv ta’ ġurisdizzjonijiet li għandu jiġi riżolt permezz tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 dwar il-lis alibi pendens.

B – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001

44.

L-erba’ domandi preliminari l-oħra dwar l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 47 ) għandhom jiġu kkunsidrati flimkien sabiex jiġu ttrattati, qabel kollox, kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex teżisti lis alibi pendens fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni (1), u sussegwentement kundizzjonijiet ta’ din l-eżistenza eventwali (2).

45.

Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx lok li tingħatalhom risposta jekk, bħal ma nipproponi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li lis alibi pendens fis-sens tal-imsemmi artikolu hija eskluża f’din il-kawża minħabba l-predominanza tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-forum rei sitae previst fil-punt 1 tal-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, dawn il-kwistjonijiet jeħtieġu l-osservazzjonijiet li ġejjin min-naħa tiegħi b’mod għal kollox sussidjarju.

1. Fuq il-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ lis alibi pendens fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001

46.

L-ewwel żewġ domandi preliminari jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li fihom irriżulta lis alibi pendens skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tispeċifika li t-tifsira tal-espressjonijiet “bejn l-istess partijiet” (a) u “proċedimenti [li] jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni” (b), li ma humiex iddefiniti f’din id-dispożizzjoni.

47.

Qabel kollox, infakkar li dawn iż-żewġ espressjonijiet għandhom ikunu s-suġġett ta’ definizzjoni awtonoma, għalhekk separati minn ideat prevalenti fi Stat Membru jew ieħor ( 48 ).

48.

Fl-opinjoni tiegħi, jeħtieġ, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 dwar il-lis alibi pendens, li jittieħed inkunsiderazzjoni, permezz ta’ definizzjoni b’eliminazzjoni, l-approċċ li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fis-sentenza Tatry, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett parallel ta’ konnessjoni, li jinkludi “il-każijiet kollha fejn jeżisti riskju ta’ soluzzjonijiet kuntrarji, anki jekk id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu eżegwiti b’mod separat u jekk il-konsegwenzi ġuridiċi tagħhom ma jeskludux reċiprokament lil xulxin” ( 49 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan niddeduċi li fir-rigward tal-lis alibi pendens, din tikkonċerna sitwazzjonijiet fejn id-deċiżjonijiet li għandhom isegwu ma jistgħux jiġu eżegwiti separatament u l-konsegwenzi ġuridiċi tagħhom jeskludu reċiprokament lil xulxin. Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa l-ħsieb wara l-obbligu li għandha l-qorti adita fit-tieni lok li tissospendi l-proċeduri quddiemha fl-istennija li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fl-ewwel lok ( 50 ).

49.

Għandu jingħad ukoll li, skont din l-interpretazzjoni, jeħtieġ ukoll li jinsiltu konsegwenzi approprjati mill-fatt li l-portata, kemm oġġettiva kif ukoll suġġettiva, tar-res judicata ta’ deċiżjoni mogħtija f’materji ċivili ma hijiex armonizzata mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-lis alibi pendens ma hijiex mingħajr diffikultajiet, inkwantu l-lis alibi pendens hija, fil-fehma tiegħi, fil-verità forma antiċipata tar-res judicata tad-deċiżjoni li l-qorti adita fl-ewwel lok tkun ser tadotta. Barra minn hekk, l-implementazzjoni tal-obbligu ta’ sospensjoni tal-proċedura previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma tistax tirrikjedi li l-qorti adita fit-tieni lok ikollha għarfien tal-ispeċifiċitajiet tar-regoli tad-dritt ċivili jew tal-proċedura ċivili applikabbli fl-Istat Membru tal-qorti adita fl-ewwel lok. Inqis li din il-qorti għandha tkun tista’ tiddeċiedi wara li jkun sar eżami ta’ natura pjuttost teknika tal-atti promoturi pendenti b’mod parallel.

a) Fuq l-interpretazzjoni tal-espressjoni “bejn l-istess partijiet” fis-sens tal-Artikol 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (l-ewwel domanda)

50.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt jekk jistgħux jiġu kkunsidrati bħala istanzi “bejn l-istess partijiet”, liema kunċett huwa wieħed mill-kriterji ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, żewġ istanzi konkorrenti li fihom il-persuni doppjament ikkonċernati huma t-tnejn li huma konvenuti fil-kuntest tal-ewwel istanza, filwaqt li huma rispettivament rikorrenti u konvenuta fil-kuntest tat-tieni istanza.

51.

Peress li diġà ntalbet tiddefinixxi din l-espressjoni, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-identiċità tal-partijiet għandha tinftiehem indipendentement mill-pożizzjoni ta’ waħda jew tal-oħra fiż-żewġ kawżi, fejn ir-rikorrenti fl-ewwel kawża jista’ jkun il-konvenut fit-tieni waħda” ( 51 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali], u reċiprokament. Inverżjoni tar-rwoli proċedurali tal-partijiet hija għaldaqstant possibbli f’istanza konkorrenti ma’ oħra.

52.

Ġie kkonstatat ukoll li lis alibi pendens teżisti fil-każ ta’ identiċità li ma hijiex kompleta iżda li hi biss parzjali bejn il-persuni kkonċernati, bil-kundizzjoni li “mill-inqas wieħed mir-rikorrenti u mill-inqas wieħed mill-konvenuti fl-ewwel kawża mressqa jinsabu wkoll fost ir-rikorrenti u l-konvenuti fit-tieni kawża, jew inversament” ( 52 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

53.

Barra minn hekk, filwaqt li kkunsidrat kunċett partikolarment estiż ta’ dan il-kriterju, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fis-sentenza Drouot assurances, li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-lis alibi pendens tista’ xi drabi tkun neċessarja anki fin-nuqqas ta’ identiċità formali tal-partijiet fiż-żewġ kawżi, sa fejn l-interessi tal-persuni kkonċernati jkunu f’dan il-punt identiċi u indissoċjabbli tant li jkollhom jiġu kkunsidrati bħala l-istess parti, peress li “deċiżjoni mogħtija kontra persuna tkun res judicata fir-rigward tal-oħra” ( 53 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

54.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-portata ta’ din is-sentenza għandha tkun limitata għall-każijiet ta’ litis consortium necessarium jew għal sitwazzjoni li jixxiebhu jew fejn ma jeżisti ebda dubju, mill-perspettiva ġuridika, fir-rigward tal-identiċità u tal-indissoċjabbiltà tal-interessi tal-partijiet. Bħala regola ġenerali, il-qorti adita fit-tieni lok ma tistax titqies li għandha l-obbligu li teżamina jekk tali kriterji ġewx issodisfatti, fid-dawl tal-fatt li dan ikun jista’ jeħtieġ li jinstemgħu l-partijiet kollha fil-kawża pendenti quddiem il-qorti adita fl-ewwel lok jew li jinkisbu l-provi utli fir-rigward.

55.

Fin-nuqqas ta’ tali limitu, l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza tgħaddi mir-riskju, fil-fehma tiegħi, li twassal għal ċaħda tal-ġustizzja, peress li kwistjoni pendenti kontra parti fi Stat Membru tista’ tipprekludi li tiġi ppreżentata u li tiġi deċiża kawża kontra persuna oħra fi Stat Membru ieħor, anki jekk id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel kawża ma kellhiex tkun eżegwibbli kontra l-konvenut tat-tieni kawża f’dan l-aħħar Stat Membru ( 54 ). F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li d-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 ( 55 ) u fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 56 ) huma drittijiet individwali li jeżistu indipendentement mill-fatt jekk il-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata għandhiex jew le interessi indissoċjabbli jew identiċi ma’ persuna oħra. Peress li jikkostitwixxu suġġetti tad-dritt distinti anki jekk għandhom interessi komuni, parti li tidher quddiem qorti ma tistax tiġi leġittimament miċħuda mill-possibbiltà li l-azzjoni tagħha tiġi eżaminata mingħajr dewmien minħabba l-fatt li parti oħra hija konvenuta f’kawża mressqa quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor.

56.

B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-każ inkwistjoni imsemmi f’din il-kawża, fl-opinjoni tiegħi mill-kliem tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li l-identiċità tal-partijiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandha tkun tali li l-partijiet ikunu kontra xulxin fiż-żewġ istanzi li huma pendenti b’mod konkorrenti ( 57 ). Tali rekwiżit huwa wkoll ir-rifless tal-approċċ klassiku tal-proċedura ċivili, li hija bbażata fuq relazzjonijiet proċedurali ta’ natura binarja b’rikorrent u konvenut kontra xulxin fejn wieħed jippreżenta talbiet kontra l-ieħor.

57.

Għalkemm, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, fil-każ ta’ lis alibi pendens potenzjali, il-pożizzjoni tal-partijiet fil-proċeduri konkorrenti jistgħu jiġu invertiti, madankollu fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni xejn ma jindika li din għandha tapplika f’sitwazzjonijiet fejn, bħal f’din il-kawża, iż-żewġ partijiet huma rikorrenti jew konvenuti fl-ewwel kawża iżda fejn waħda hija rikorrenti u l-oħra konvenuta fit-tieni kawża.

58.

Inqis li l-fatt li r-regola ta’ sospensjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 27(1) tiġi implementata f’tali sitwazzjoni tista’ tipperikola protezzjoni ġudizzjarja effikaċi tal-partijiet, u fuq kollox id-drittijiet tad-difiża ta’ parti li hija konvenuta fl-ewwel kawża. Fil-fatt, din il-parti ma tkunx tista’ tiddefendi l-interessi tagħha b’mod effettiv quddiem il-qorti adita fl-ewwel lok kontra parti li għandha wkoll il-pożizzjoni ta’ konvenuta, u mhux ta’ parti opposta, fl-imsemmija tilwima.

59.

Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi dan iwassal għal riżultat kritiku fir-rigward tar-res judicata u tal-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni mogħtija mill-ewwel qorti, favur waħda mill-partijiet konvenuti u kontra l-parti l-oħra konvenuta magħha. Fil-każ ta’ rabta ta’ sitwazzjoni triangolari (A vs B u C) u ta’ sitwazzjoni binarja (B vs C), ma narax għalfejn id-deċiżjonijiet mogħtija parallelament ma jistgħux jiġu eżegwiti separatament u b’liema mod l-effetti ġuridiċi tagħhom jirriskjaw li jeskludu reċiprokament lil xulxin, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali ma humiex tali li jkollhom portata suġġettiva erga omnes, jiġifieri li tmur lil hinn mir-relazzjoni ġuridika eżistenti bejn ir-rikorrent u l-konvenut.

60.

L-interpretazzjoni li nipproponi hija kompatibbli mal-għan prinċipali tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, li huwa li l-prevenzjoni ta’ riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji u li għaldaqstant ma jistgħux jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor ( 58 ), peress li tali riskju ma jeżistix f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża. Fil-fatt, deċiżjoni mogħtija minn qorti Ġermaniża kontra M. Weber ma ssirx res judicata, u għaldaqstant ma tkunx vinkolanti, fir-rigward tal-kumpannija Z. GbR fl-Italja, u inversament fil-Ġermanja fir-rigward ta’ deċiżjoni mogħtija mill-qorti Taljana adita fl-ewwel lok. Barra minn hekk, l-interessi ta’ M. Weber, bħala debitriċi tad-dritt ta’ prelazzjoni, ma humiex identiċi għal dawk ta’ din il-kumpannija, li hija x-xerrejja tal-proprjetà immobbli kkonċernata minn dan id-dritt.

61.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, u bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, jien naqbel mal-opinjoni tal-partijiet kollha kkonċernati, bl-eċċezzjoni ta’ M. Weber ( 59 ), skont liema talbiet bħal dawk quddiem il-qorti Taljana u l-qorti Ġermaniża rispettivament f’din il-kawża ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala mressqa “bejn l-istess partijiet” fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tagħti risposta għall-ewwel domanda, nipproponi li r-risposta tkun fin-negattiv.

b) Fuq l-interpretazzjoni tal-espressjoni “l-istess kawża ta’ azzjoni” fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (it-tieni domanda)

62.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi jekk iż-żewġ istanzi għandhomx “l-istess” għan fis-sens tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, meta huma jikkonċernaw talbiet b’talbiet u motivi differenti, iżda fejn l-istess kwistjoni preliminari għandha tiġi rregolata sabiex tkun tista’ tingħata deċiżjoni f’żewġ kawżi konkorrenti, jew fejn, f’waħda minnhom, jintalab, permezz ta’ talbiet sussidjarji, li tiġi kkonstatata rabta ġuridika li, fl-oħra għandha rwol ta’ kwistjoni preliminari.

63.

Nispeċifika li, f’dan il-każ, il-problema tirriżulta biss fir-rigward tar-rabta bejn l-ewwel parti tat-talbiet imressqa lill-qorti Taljana li hija l-ewwel qorti adita bil-kwistjoni u t-talba mressqa quddiem il-qorti Ġermaniża, li hija t-tieni qorti adita bil-kwistjoni.

64.

Barra minn hekk inżid li ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda, b’mod partikolari jekk, bħala ma nsostni, ir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, ġaladarba peress li l-kriterji msemmija fl-imsemmi Artikolu 27 huma espressament kumultattivi, l-assenza ta’ wieħed huwa biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li r-regola ta’ lis alibi pendens li jipprovdi ma hijiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi kkonċernati. Fl-opinjoni tiegħi, l-eżistenza ta’ identiċità ta’ kawża u ta’ għan ma tistax tiġi evalwata indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk teżistix identiċità ta’ partijiet. Il-kawża u l-għan jikkonċernaw il-portata oġġettiva kemm tat-talbiet kif ukoll tar-res judicata tad-deċiżjoni li għandha tingħata. Din il-portata oġġettiva ma tistax tmur lil hinn mill-portata suġġettiva ta’ proċedura, f’tilwim li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ( 60 ).

65.

Għaldaqstant huwa biss sabiex inkun eżawrjenti li nenfasizza, qabel kollox, li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet bi dritt, fis-sentenza Gubisch Maschinenfabrik, iċċitata iktar ’il fuq ( 61 ), li “anki jekk il-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 21” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li hija ekwivalenti għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, “ma tagħmilx distinzjoni espressa bejn il-kunċetti ta’ ‘suġġett’ u ‘kawża’, hija għandha tinfthiem fl-istess sens bħall-verżjonijiet lingwistiċi oħra li kollha kemm huma jagħmlu din id-distinzjoni” ( 62 ). Konsegwentement, minkejja l-kliem tat-tieni domanda hawn magħmula, inqis li huwa neċessarju li ma jiġix limitat għar-risposta li għandha tingħata l-kunċett ta’ suġġett, iżda li jiġi integrat ukoll il-kunċett ta’ kawża.

66.

Infakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “kawża”“[j]inkludi l-fatti u r-regola legali invokati bħala bażi tat-talba”, filwaqt li l-kunċett ta’ “suġġett”“jikkonsisti fl-għan tat-talba” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 63 ), jiġifieri fi tmiem ta’ proċedura hekk kif inhi mfittxija. Barra minn hekk, skont dan l-approċċ finalist, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-suġġett ma huwiex limitat għall-każijiet fejn ir-rikorsi ppreżentati fiż-żewġ istanzi konkorrenti huma fformolati bl-istess kliem ( 64 ). Hija enfasizzat ukoll li sabiex jiġi evalwat jekk żewġ rikorsi għandhom l-istess suġġett, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-pretensjonijiet tar-rikorrenti rispettivi ta’ dawn l-istanzi, bl-esklużjoni tal-eċċezzjonijiet imqajma minn konvenut ( 65 ).

67.

Fir-rigward tal-problematika partikolari mqajma f’din il-kawża, nixtieq nindika qabel kollox li ċ-ċirkustanza li l-istess kwistjoni preliminari tirriżulta f’żewġ istanzi konkorrenti, ma hijiex determinanti, fl-opinjoni tiegħi, għall-punt dwar jekk dan it-tilwim għandux l-istess kawża u l-istess suġġett ( 66 ). Inqis li l-identiċità ta’ kawża u ta’ oġġett għandha tiġi eżaminata fuq kollox fid-dawl tal-effetti potenzjali tad-deċiżjoni mistennija mill-qorti adita fl-ewwel lok. B’hekk wieħed għandu jistaqsi jekk il-konvenut fl-ewwel kawża għadx għandu vantaġġ x’jikseb, fit-tieni kawża, wara li jkun kiseb raġun jew ikun tilef fl-ewwel kawża. Fi kliem ieħor, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni liema hija l-konsegwenza legali mfittxija u fuq liema bażi d-deċiżjoni adottata fil-kuntest tal-ewwel kawża hijiex res judicata oġġettiva quddiem il-qorti adita fit-tieni lok.

68.

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li bħala prinċipju, il-kwalifika ta’ kwistjoni bħala “preliminari” għandha teskludi r-rabta ġuridika mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ suġġett ta’ azzjoni fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, peress li l-għan ta’ proċedura ma tistax tikkonsisti biss fil-kisba ta’ soluzzjoni għal tali kwistjoni li l-qorti għandha tiddeċiedi a priori biex tkun tista’ jew tiċħad jew tikkonferma r-riżultat mitlub mill-parti li tressaq it-talba. Dan huwa minnu indipendentement mill-punt dwar jekk il-kwistjoni preliminari għandhiex rwol ta’ talba preliminari fil-kawża l-oħra jew inkella jekk hijiex talba mressqa fil-kuntest ta’ talba sussidjarja.

69.

F’dan ir-rigward, infakkar li f’dan il-każ, l-azzjoni ppreżentata quddiem il-qorti Taljana tikkonċerna prinċipalment l-invalidità u l-assenza ta’ effetti tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni tagħha minn I. Weber, minħabba n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni min-naħa tagħha tal-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt iffirmat bejn il-kumpannija Z. GbR u M. Weber, u b’mod iktar partikolari tad-dritt ta’ ritrattazzjoni eżistenti għal din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-kumpannija Z. GbR talbet, sussidjarjament, li jiġi kkonstatat li I. Weber kienet marbuta bil-kundizzjonijiet kuntrattwali konklużi bejn din il-kumpannija u M. Weber, inkluż id-dritt ta’ ritrattazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-azzjoni mressqa quddiem il-qorti Ġermaniża hija intiża sabiex jinkiseb ftehim forzat ta’ M. Weber bil-għan tal-iskrizzjoni fil-katast ta’ I. Weber bħala proprjetarja ta’ 40 % mill-koproprjetà fil-pussess ta’ M. Weber.

70.

Minn perspettiva purament formali, għaldaqstant ma teżistix identiċità ta’ suġġett bejn iż-żewġ kawżi u ma jeżistix riskju ta’ deċiżjonijiet mhux reċiprokament konċiljabbli. Madankollu, hemm sovrappożizzjoni bejn it-talba sussidjarja tal-azzjoni ppreżentata fl-Italja u l-motivazzjoni tal-azzjoni ppreżentata fil-Ġermanja, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-klawżola tal-kuntratt dwar id-dritt ta’ ritrattazzjoni ta’ M. Weber tistax tiġi invokata minn I. Weber. F’dan is-sens, inqis, bħall-Kummissjoni, li teżisti identiċità bejn is-suġġetti ta’ dawn iż-żewġ azzjonijiet li jistgħu jkunu biżżejjed fid-dawl tal-kriterji żviluppati fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, liema fatt jippermetti li wieħed jirreferi għall-problematika li tikkostitwixxi ċ-“ċentru” taż-żewġ istanzi konkorrenti ( 67 ), jiġifieri l-effiċenza tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni kkonċernat.

71.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kawża, fl-opinjoni tiegħi, iż-żewġ tilwimiet huma ċertament ibbażati fuq l-istess fatti iżda t-talbiet huma, bħal ma jsostni l-Gvern Ġermaniż, idderivati minn żewġ atti legali differenti. Fil-fatt, l-azzjoni tal-kumpannija Z. GbR quddiem il-qorti Taljana kienet ibbażata fuq il-kuntratt li hija kkonkludiet ma’ M. Weber, fit‑28 ta’ Ottubru 2009, filwaqt li l-azzjoni ta’ I. Weber quddiem il-qrati Ġermaniżi hija bbażata fuq ftehim li hija stess ikkonkludiet ma’ M. Weber wara l-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni tagħha. Nosserva li anki jekk id-deċiżjoni ta’ rinviju ma tispeċifikax id-dispożizzjonijiet legali li fuqhom it-talbiet tal-kumpannija Z. GbR quddiem il-qorti Taljana huma bbażati ( 68 ), jidher madankollu li dawn it-talbiet huma fformulati b’tali mod li jikkonċernaw relazzjonijiet kuntrattwali. Bil-kontra, il-kontestazzjoni mqajma fl-istanza pendenti fil-Ġermanja tistrieħ fuq l-Artikolu 464 tal-BGB ( 69 ) u hija dderivata minn dritt in rem ta’ prelazzjoni. Fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kawża” mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 70 ), li tinkludi fl-istess waqt kemm il-fatti kif ukoll ir-regola ġuridika invokati bħala bażi tat-talba, jidhirli li identiċità ta’ kawża ma tirriżultax bejn dawn iż-żewġ istanzi, ladarba l-att ġuridiku inkwistjoni fit-tieni istanza hija indipendenti mill-kuntratt invokat fl-ewwel istanza u jidhirli li r-regoli ta’ liġi invokati f’istanza jew f’oħra ma humiex l-istess.

72.

Fl-aħħar nett, nixtieq ninsisti dwar il-fatt li għalkemm il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa adattat b’mod estensiv wisq, dan jista’ jagħti lok għal diffikultà biex tiġi identifikata l-linja ta’ demarkazzjoni bejnu u bejn l-Artikolu 28 tal-imsemmi regolament, jew saħansitra tal-effettività ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li hija intiża li tikkompleta dik preċedenti fil-każijiet ta’ proċeduri inqas direttament kompetittivi ( 71 ). Għandi nerġa’ nitratta l-artikolazzjoni li għandha ssir bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet fil-kuntest tar-risposta għas-sitt domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

73.

Konsegwentement, nipproponi, sussidjarjament, li r-risposta għat-tieni domanda preliminari tkun fin-negattiv.

2. Fuq it-tagħrif li għandu jiġi eżaminat mill-qorti adita fit-tieni lok fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001

74.

Il-ħames domanda u l-ewwel parti tat-tmien domanda għandhom bħala punt komuni l-fatt li jikkonċernaw l-effetti li għandhom jinsiltu minn lis alibi pendens li rriżultat, u b’mod partikolari l-elementi li l-qorti adita fit-tieni lok għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Dawn jikkonċernaw, rispettivament, il-punti dwar jekk il-qorti adita fit-tieni lok għandhiex l-obbligu, qabel ma tissospendi l-proċeduri quddiemha skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, minn naħa, li teżamina l-ilment ta’ parti dwar il-fatt li l-parti l-oħra wettqet abbuż ta’ liġi billi minn qabel tressaq kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema jkunu l-konsegwenzi ta’ dan (a), kif ukoll, min-naħa l-oħra, li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja tar-rikorrent li aġixxa fit-tieni lok (b).

75.

Nispeċifika li ma jkunx hemm lok li tingħata risposta għal dawn iż-żewġ domandi fl-ipoteżi fejn, bħala risposti għad-domandi magħmula qabel dawn mill-qorti ta’ rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi, bħal ma nissuġġerixxi, li l-Artikolu 27 ma huwiex applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża.

a) Fir-rigward ta’ abbuż tad-dritt li wieħed jaġixxi mwettaq mir-rikorrent li l-ewwel ressaq azzjoni quddiem qorti (il-ħames domanda)

76.

Qabel kollox, nenfasizza li jidhirli li l-ħames domanda hija ta’ natura ipotetika. Fil-fatt, hija intiża għall-każijiet fejn wara li r-rikorrent aġixxa quddiem il-qorti adita fit-tieni lok huwa jsostni quddiemha li l-fatt li parti opposta marret quddiem qorti oħra (“il-parti l-oħra” skont din id-domanda), kien abbużiv, u dan qabel ma din tal-aħħar ma tkun tat deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni tagħha nnifisha.

77.

Madankollu, bħal ma tikkontesta M. Weber, il-kawża parallela mibdija fl-Italja ma ġietx ippreżentata minnha nnifisha iżda mill-kumpannija Z. GbR, li ma hijiex parti fil-kawża li hija pendenti quddiem il-qorti ta’ rinviju, fid-dawl tal-fatt li din hija bejn I. Weber u M. Weber. Skont ġurisprudenza stabbilita ( 72 ), ladarba r-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti għal din id-domanda tkun manifestament mingħajr rilevanza sabiex tiġi deċiża t-tilwima fil-kawża prinċipali ( 73 ), u f’dan ir-rigward tkun mingħajr utilità sabiex tippermetti lill-qorti ta’ rinviju tiddeċiedi dwar sospensjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, inqis li din id-domanda hija għaldaqstant inammissibbli.

78.

Madankollu, sabiex jiġi kopert il-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa neċessarju li tagħti deċiżjoni dwar din il-kwistjoni, ser nifformola osservazzjonijiet b’mod sussidjarju.

79.

Favur risposta fl-affermattiv ( 74 ), jista’ jiġi osservat li prijorità ta’ ġurisdizzjoni bbażata biss fuq kriterju kronoloġiku, bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, twassal sabiex tiġi ffavorizzata l-parti li bl-iktar ħeffa ressqet kawża quddiem qorti ta’ Stat Membru. Issa, huwa minnu sew li jeżisti riskju ta’ azzjonijiet imsejħa “torpedoes”, li permezz tagħhom partijiet in mala fede jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jressqu azzjoni malajr kemm jista’ jkun bl-uniku għan li jevitaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni normali, b’mod partikolari dik tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut, jew għal finijiet purament dilatorji ( 75 ). I. Weber issostni li dan huwa l-każ fil-kawża preżenti ( 76 ).

80.

Madankollu, inqis li, bħal ma ssostni l-Kummissjoni, abbuż tad-dritt li wieħed jaġixxi mir-rikorrent li l-ewwel ressaq kawża quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ma jikkostitwixxix element li l-qorti adita fit-tieni lok tista, jew saħansitra għandha, tieħu inkunsiderazzjoni meta jkollha quddiemha lis alibi pendens fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001.

81.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ manuvri dilatorji allegatament imwettqa mill-ewwel rikorrent, fis-sens li dan huwa manifestament kuntrarju kemm għall-kliem kif ukoll għall-istruttura u l-għan tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kieku l-Artikolu 21 tiegħu (ekwivalenti għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001) kellu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għandha tiġi eskluża fl-ipoteżi fejn il-qorti adita fl-ewwel lok tkun tappartjeni għal Stat kontraenti (jew Stat Membru) li l-qrati tiegħu jkollhom, b’mod ġenerali, termini eċċessivament twal għall-ipproċessar tal-kawżi ( 77 ).

82.

Din l-interpretazzjoni stretta tista’, fl-opinjoni tiegħi, tiġi gglobalizzata b’mod li jiġi inkluż ilment bħal dak ibbażat fuq abbuż ta’ dritt li wieħed jaġixxi l-ewwel, fid-dawl tal-kliem tal-imsemmi Artikolu 27 ( 78 ), li ma jinkludix rekwiżiti minbarra l-verifika ta’ identiċità ta’ kawża, ta’ suġġett u ta’ partijiet, u fid-dawl tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fl-ekwivalenza tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri li fuqha hija b’mod partikolari bbażata din id-dispożizzjoni ( 79 ). L-imsemmija verifika tippreżenta l-vantaġġ li hija ta’ natura oġġettiva, u mhux suġġetta għal evalwazzjoni każistika.

83.

Għaldaqstant inqis, sussidjarjament, li eventwalment jeħtieġ li tingħata risposta għall-ħames domanda fis-sens li fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti adita fit-tieni lok ma tistax tiġi obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-ilment tar-rikorrent li jsostni li l-parti opposta aġixxiet b’mod abbużiv billi ressqet kawża fl-ewwel lok quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor.

b) Fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja tar-rikorrent li ressaq il-kawża fit-tieni lok (l-ewwel parti tat-tmien domanda)

84.

L-ewwel parti tat-tmien domanda tikkonċerna, essenzjalment, il-punt dwar jekk l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita fit-tieni lok għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni, meta tasal tapplika dan l-artikolu, mhux biss l-għan li tipprevjeni d-deċiżjonijiet inkompatibbli jew kontradittorji ( 80 ), iżda wkoll id-“dritt għal protezzjoni ġudizzjarja” jew “dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja” ( 81 ) tar-rikorrent li ressaq kawża quddiemha fit-tieni lok.

85.

Inqis li jeħtieġ li tiġi limitata r-risposta għall-interpretazzjoni tas-subparagrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 27, anki jekk din il-preċiżazzjoni ma tirriżultax f’din id-domanda. Fil-fatt, din il-kawża tikkonċerna l-każ ta’ sospensjoni tal-proċedura mill-qorti adita fit-tieni lok fl-istennija li l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita fl-ewwel lok tiġi stabbilita ( 82 ), filwaqt li s-subparagrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu jikkonċerna l-ipoteżi ta’ deżistenza meta l-imsemmija ġurisdizzjoni tkun diġà ġiet stabbilita.

86.

Nosserva li l-qorti ta’ rinviju tissuġġerixxi li l-protezzjoni tad-dritt għal aċċess għall-ġustizzja ma jistax jippermetti li wieħed jidderoga mir-regola applikabbli fil-każ ta’ lis alibi pendens. Hija ssostni li dan ikun kuntrarju għall-prinċipju, li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 44/2001 ( 83 ), li l-protezzjoni tal-partijiet fil-kawża hija żgurata b’mod ekwivalenti fl-Istati Membri kollha ( 84 ), ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali ( 85 ), mhux preżenti f’dan il-każ.

87.

Min-naħa tiegħi, inqis li l-fatt li l-qorti ta’ Stat Membru tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni in concreto id-dritt ta’ rikorrent li jkollu aċċess għall-ġustizzja huwa, fih innifsu, konformi mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 86 ) iggarantita permezz tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB kif ukoll permezz tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 87 ). Nispeċifika li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-drittijiet fundamentali “għal rimedju effettiv” u “għal aċċess għal tribunal imparzjali”, fis-sens ta’ dan l-artikolu tal-Karta, għandhom jiġu protetti u dan inkluż fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/200 ( 88 ).

88.

Madankollu, inqis li interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001, anki magħmula fid-dawl tal-Karta, ma tistax twassal sabiex temenda l-portata ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, dan jikkostitwixxi dispożizzjoni purament teknika ( 89 ), li l-applikazzjoni tagħha ma għandha, fl-opinjoni tiegħi, toħloq ebda problema fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, ġaladarba l-partijiet fil-kawża mressqa quddiem il-qorti adita fit-tieni lok jibbenefikaw ipotetikament, fir-rigward tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, mid-dritt li jaċċedu għall-ġustizzja u mill-garanzija li jkunu suġġetti għal proċedura ekwa quddiem il-qorti adita fl-ewwel lok.

89.

Bħal ma tenfasizza l-Kummissjoni, meta l-kundizzjonijiet limitattivi msemmija fl-imsemmi Artikolu 27 jiġu sodisfatti, il-qorti adita fit-tieni lok għandha obbligu li tissospendi l-proċeduri quddiemha, inkluż ex officio, u dan mingħajr ma tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra, bħall-effettività tal-aċċess ta’ rikorrent għall-qrati. F’dan ir-rigward hija ma għandhiex marġni diskrezzjonali. B’differenza tas-setgħa rrikonoxxuta lilha fl-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament.

90.

Għaldaqstant, nipproponi, sussidjarjament, li l-ewwel parti tat-tmien domanda tingħata risposta fin-negattiv.

C – Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001

91.

It-tliet domandi preliminari li jikkonċernaw l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 90 ) għandhom jinġabru flimkien sabiex jiġi eżaminat, qabel kollox, il-punt dwar jekk din id-dispożizzjoni tapplikax biss jekk ma jiġux issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament (1), u sussegwentement, liema huma l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti adita fit-tieni lok meta hija teżerċita s-setgħa li tevalwa l-opportunità ta’ sospensjoni l-proċeduri quddiemha rrikonoxxuta lilha fil-każ ta’ konnessjoni mill-imsemmi Artikolu 28(2).

1. Fuq l-artikolazzjoni bejn l-Artikoli 27(1) u 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001 (is-sitt domanda)

92.

Essenzjalment, is-sitt domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk, qabel ma tkun tista’ tapplika l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001 — dwar sospensjoni tal-proċeduri fil-każ ta’ konnessjoni —, il-qorti adita fit-tieni lok għandhiex tiżgura li l-Artikolu 27(1) ta’ dan l-istess regolament — dwar is-sospensjoni tal-proċeduri fil-każ ta’ lis alibi pendens —, ma għandux japplika fir-rigward ta’ tilwima li hija pendenti quddiemha, jew jekk hija tistax tirrikorri direttament għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 28 mingħajr ma teżamina l-applikabbiltà eventwali tal-imsemmi Artikolu 27 ( 91 ).

93.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għas-sitt domanda tkun neċessarja biss fil-każ fejn, bil-kontra ta’ dak li nipproponi, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel erba’ domandi preliminari fis-sens li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 jistgħu japplikaw f’din il-kawża minħabba identiċità kemm ta’ suġġett, ta’ kawża kif ukoll ta’ partijiet u minkejja ġurisdizzjoni esklużiva eventwali tal-qorti adita fit-tieni lok, u li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu għaldaqstant jistgħu jikkuntrastaw ma’ dawk tal-Artikolu 28 ta’ dan l-istess regolament.

94.

Inqis li jeħtieġ li tiġi stabbilita relazzjoni loġika, jew saħansitra ġerarkika, bejn dawn id-dispożizzjonijiet, b’tali mod li tiġi rrikonoxxuta prijorità ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 27 fuq l-imsemmi Artikolu 28, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejniethom ( 92 ).

95.

L-ewwel nett, l-imsemmija artikoli jikkonċernaw għanijiet kemxejn distinti. Ċertament, it-tnejn li huma jinkludu regoli li huma intiżi sabiex jevitaw, kemm jista’ jkun possibbilment, li deċiżjonijiet inkonċiljabbli jingħataw, fir-rigward tal-istess tilwima, fi Stati differenti ( 93 ). Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura inkonċiljabbli hija mfassla b’mod iktar versatili fir-rigward tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 94 ) milli fir-rigward tal-Artikolu 27 tal-istess regolament, fid-dawl tal-fatt li tal-ewwel sempliċement għandu t-tendenza li jiffavorixxi koordinazzjoni aqwa tal-attività ġudizzjarja tad-diversi Stati Membri ( 95 ).

96.

It-tieni nett, il-metodi għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti. Filwaqt li l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 27 jeħtieġ, b’mod partikolari, li jiġu akkumulati l-fatturi ta’ identiċità li jinkludi, dik tal-imsemmi Artikolu 28 huwa inqas eżiġenti. B’hekk, fin-nuqqas ta’ verifika dwar jekk il-kundizzjonijiet rikjesti sabiex tiġi kkonstatata lis alibi pendens fis-sens tal-Artikolu 27, żewġ istanzi li madankollu ma humiex marbuta biżżejjed bejniethom ikunu jistgħu jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-konnessjoni, jekk barra minn hekk il-kriterji li jirriżultaw fl-Artikolu 28(3) jiġu sodisfatti ( 96 ).

97.

It-tielet nett, l-effetti prodotti mis-subparagrafi 1 rispettivi tal-Artikoli 27 u 28 tar-Regolament Nru 44/2001 huma kunsiderevolment differenti, minkejja l-fatt li t-tnejn li huma jikkonċernaw is-sospensjoni tal-proċeduri ( 97 ). Fil-fatt, il-qorti adita fit-tieni lok għandha marġni diskrezzjonali fil-każ ta’ konnessjoni ( 98 ), ipoteżi fejn hija libera li ma tqajjimx dan ex officio u li ma tissospendix il-proċeduri, li ma teżistix fil-każ ta’ lis alibi pendens, ipoteżi fejn is-sospensjoni tal-proċeduri għandha neċessarjament tiġi implementata, anki jekk ebda parti ma għamlet użu minn din l-aħħar eċċezzjoni.

98.

Barra minn hekk, nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, fis-sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq, li d-domanda magħmula lilha dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ekwivalenti għall-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001) “[kienet] tirriżulta manifestament biss fil-każ fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni [ekwivalenti għall-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament] ma jiġux issodisfatti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 99 ). Minn dan nikkonstata li teżisti rabta ta’ subordinazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet, fejn l-imsemmi Artikolu 28 japplika biss fin-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-imsemmi Artikolu 27 ( 100 ).

99.

Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għas-sitt domanda tkun li l-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1), tar-Regolament Nru 44/2001 tassumi effettivament li l-qorti adita fit-tieni lok kienet preċedentement ivverifikat u waslet għall-konklużjoni li l-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 27(1) ta’ dan l-istess regolament ma humiex issodisfatti fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiemha.

100.

Madankollu fid-dawl tal-kliem ta’ din id-domanda ( 101 ), nispeċifika li, fil-fehma tiegħi, ma huwiex neċessarju li l-qorti adita fit-tieni lok tiddeċiedi b’mod formali, permezz ta’ deċiżjoni espliċita, dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 fil-kawża kkonċernata. Jeħtieġ sempliċement li din il-qorti tipproċedi b’mod sistematiku għal verifika minn qabel tal-applikabbiltà eventwali tal-imsemmi Artikolu 27, meta hija jkollha l-intenzjoni li tissospendi l-proċeduri quddiemha skont l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament.

2. Fuq it-tagħrif li għandu jiġi eżaminat mill-qorti adita fit-tieni lok fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001

101.

Essenzjalment, is-seba’ domanda u t-tieni parti tat-tmien domanda jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterji li qorti adita b’tilwima fit-tieni lok tista’ tieħu inkunsiderazzjoni meta teżerċita l-possibbiltà li tissospendi l-proċeduri quddiemha rrikonoxxuta lilha, permezz tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jekk diġà tkun tressqet tilwima konnessa quddiem qorti oħra. Filwaqt li waħda mill-imsemmija domandi ssemmi serje ta’ elementi magħquda (a), l-oħra tikkonċerna d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja tar-rikorrent li ressaq kawża fit-tieni lok (b).

a) Fuq l-eżami, fil-każ ta’ sospensjoni tal-proċedura minħabba konnessjoni, ta’ ċirkustanzi marbuta mat-tilwim pendenti (is-seba’ domanda)

102.

Fis-seba’ domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju telenka erba’ fatturi li dwarhom hija tistaqsi jekk jistgħux, mhux għandhomx, ikunu rilevanti sabiex tiġi evalwata l-opportunità li tissospendi l-proċeduri jew inkella li tagħti deċiżjoni, fil-preżenza ta’ konnessjoni, skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 102 ).

103.

Il-kliem tal-imsemmi subparagrafu 1ma jinkludix elementi ta’ risposta. Il-Kummissjoni ssostni li r-rieda tal-leġiżlatur kienet li ma jistabbilixxix lista tali. Jidhirli li setgħa diskrezzjonali hija, hawnhekk, f’idejn din il-qorti, madankollu suġġett għall-fatt li fil-każijiet kollha tirrispetta l-għan tal-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, li huwa, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, li jiġu evitati kawżi paralleli quddiem il-qrati ta’ Stati Membri differenti u deċiżjonijiet kuntrarji għal xulxin li jistgħu jirriżultaw minn dawn ( 103 ).

104.

Fil-fehma tiegħi, il-qorti adita fit-tieni lok għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jippermettulha li tiddetermina jekk huwiex approprjat li jiġu sospiżi l-proċeduri fil-każ inkwistjoni quddiemha ( 104 ). Ma jistax jingħad hawnhekk li tali kriterju ta’ evalwazzjoni jew ieħor huwa validu b’mod assolut, barra minn kull kuntest tanġibbli, fid-dawl tal-fatt li element li jista’ jkun rilevanti f’kawża mhux neċessarjament tkun rilevanti f’oħra.

105.

Barra minn hekk, il-qorti ta’ rinviju ma tispeċifikax jekk hija tixtieqx li kull wieħed mill-kriterji li dwarhom hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jittieħdu inkunsiderazzjoni waħedhom fis-sens li fih innifsu jkun biżżejjed. Madankollu, fil-fehma tiegħi l-ebda waħda minnhom ma tista’ tkun determinanti jekk tiġi kkunsidrata waħedha. Jeħtieġ pjuttost li l-qorti adita fit-tieni lok twettaq evalwazzjoni b’tali mod li tibbilanċja l-elementi kollha li huma favorevoli jew sfavorevoli għal sospensjoni tal-proċeduri f’dan il-każ.

106.

Tkun liema tkun il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-erba’ kriterji msemmija f’din is-seba’ domanda, il-lista redatta mill-qorti ta’ rinviju ma tistax titqies bħala eżawrjenti. Numru ta’ fatturi oħra ta’ evalwazzjoni jistgħu jixirqilhom li jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001. Pereżempju, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni tagħrif bħal dak issuġġerit fid-duttrina Ġermaniża ċċitata f’dan ir-rigward minn I. Weber ( 105 ) fejn ġew identifikati indikazzjonijiet, b’mod mhux esklużiv, mill-Avukat Ġenerali Lenz ( 106 ).

107.

L-ewwel wieħed mill-kriterji elenkati fid-deċiżjoni ta’ rinviju jikkonċerna l-fatt li l-qorti adita fl-ewwel lok hija sedenti fi Stat Membru fejn il-kawżi, minn perspettiva statistika, idumu kunsiderevolment iżjed fit-tul milli fl-Istat Membru fejn hija sedenti l-qorti adita fit-tieni lok. Fil-fehma tiegħi, tali evalwazzjoni ġenerali tas-sistema ġudizzjarja ta’ Stat Membru ieħor ma tistax tippermetti li wieħed jidderoga mill-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 107 ), fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tal-ordinamenti tal-Istati Membri li fuqhom dan huwa bbażat.

108.

Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn il-qorti adita fit-tieni lok tqis in concreto li l-kawża mressqa fl-ewwel lok fi Stat Membru ieħor hija ta’ tul manifestament eċċessiv, din il-qorti tista’ leġittimament tiddeduċi minn dan li ma huwiex opportun, f’dan il-każ speċifiku, li hija tissospendi l-proċeduri quddiemha minħabba l-konnessjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, b’analoġija, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet, fir-rigward tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-qorti adita fit-tieni lok tista’ tipproċedi bl-eżami tat-talba ppreżentata quddiemha, meta jkun skada terminu raġonevoli ta’ stennija għar-risposti fformulati minnha ( 108 ).

109.

It-tieni kriterju msemmi jikkonċerna l-każ fejn il-qorti adita fit-tieni lok tqis li jeħtieġ li t-tilwima tiġi rregolata bid-dritt tal-Istat Membru li fih hija stess hija stabbilita. Issa, fl-opinjoni tiegħi, il-qorti adita fit-tieni lok ma tistax tkun awtorizzata li tiddeċiedi la fuq id-determinazzjoni tad-dritt applikabbli fuq il-mertu tal-kawża pendenti quddiem il-qorti adita fl-ewwel lok, u lanqas fuq il-kapaċità jew le ta’ din tal-aħħar li timplementa d-dispożizzjonijiet ta’ dritt materjali kkonċernati ( 109 ).

110.

It-tielet kriterju msemmi, evidentement ispirat mill-età avvanzata taż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali, jikkonċerna l-età ta’ waħda mill-partijiet. Jidhirli ċar li dan l-element individwali ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-fatt li d-drittijiet u l-obbligi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 huma, kważi mingħajr eċċezzjoni, ta’ natura mhux personali ( 110 ).

111.

Ir-raba’ u l-aħħar kriterju msemmi fis-seba’ domanda jirreferi għall-perspettivi ta’ suċċess tar-rikors quddiem il-qorti adita fl-ewwel lok. Jiena kontra li l-qorti adita fit-tieni lok tista’ tkun hekk awtorizzata tiddeċiedi minn qabel dwar l-eżitu tal-proċedura pendenti quddiem qorti oħra. Fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija qorti la tkun semgħet it-talbiet tal-partijiet kollha fil-kuntest tal-ewwel kawża, u lanqas ma tkun ikkomunikat il-provi li fuqhom dawn il-partijiet qed jistrieħu, tali ċirkustanza tmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq.

b) Fuq l-eżami, fil-każ ta’ sospensjoni tal-proċeduri minħabba konnessjoni, ta’ preġudizzju eventwali fuq id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja ta’ waħda mill-partijiet (it-tieni parti tat-tmien domanda)

112.

It-tieni parti tat-tmien domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tgħid jekk il-qorti adita fit-tieni lok tistax jew għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-protezzjoni tad-dritt tar-rikorrent li ressaq il-kawża quddiemha li jkollu aċċess għall-ġustizzja, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001, għaldaqstant meta teżisti konnessjoni bejn l-istanza li hija pendenti quddiem din il-qorti u istanza pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor.

113.

Bħal fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din id-domanda, inqis li, minkejja li l-qorti ta’ rinviju ma speċifikatx is-suġġett tat-talba tagħha, jeħtieġ li tiġi limitata r-risposta għall-interpretazzjoni tas-subparagrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 28, fid-dawl tal-elementi ta’ din il-kawża. Għaldaqstant, l-unika ipoteżi li hawn ġiet eżaminata hija dik fejn il-qorti adita fit-tieni lok għandha l-intenzjoni li tissospendi l-proċeduri, u mhux li tiddeżisti mill-ġurisdizzjoni tagħha ( 111 ).

114.

Fl-opinjoni tiegħi, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali msemmi jista’ jkollha rwol importanti taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jgħodd għall-Artikolu 27(1) ta’ dan l-istess regolament, il-qorti adita fit-tieni lok għandha f’dan is-sens setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tiżgura ruħha li d-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja tar-rikorrent li ressaq kawża quddiemha ma jiġix ippreġudikat, b’mod konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta ( 112 ), fil-każ fejn hija tiddeċiedi li tissospendi l-proċeduri. Konsegwentement, jeħtieġ, fl-opinjoni tiegħi, li tingħata risposta fl-affermattiv għal din it-tieni parti tat-tmien domanda.

IV – Konklużjoni

115.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej id-domandi preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München:

1)

Prinċipalment:

B’risposta għat-tielet domanda: Il-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li fir-rigward ta’ drittijiet “in rem fi propjetà immobbli” azzjoni intiża għall-konstatazzjoni li l-konvenuta ma eżerċitatx validament id-dritt in rem tagħha ta’ prelazzjoni fir-rigward ta’ proprjetà immobbli.

B’risposta għar-raba’ domanda: L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita fit-tieni lok għandha l-obbligu li teżamina jekk hija stess għandhiex ġurisdizzjoni esklużiva skont il-punt 1 tal-Artikolu 22 ta’ dan l-istess regolament, li fih jirriżulta li l-qorti adita fl-ewwel lok ma għandhiex ġurisdizzjoni u li deċiżjoni eventwali min-naħa tagħha ma hijiex rikonoxxuta skont l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament.

B’risposta għas-seba’ domanda: L-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita fit-tieni lok ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta lilha minn din id-dispożizzjoni, ta’ kunsiderazzjonijiet bħal: il-fatt li l-qorti adita fl-ewwel lok tkun stabbilita fi Stat Membru li fih il-proċeduri, minn perspettiva statistika, u mhux in concreto, idumu ferm iżjed milli fl-Istat Membru fejn hija stess hija stabbilita; il-fatt li wara l-evalwazzjoni tal-qorti adita fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi applikat id-dritt tal-Istat Membru li fih hija stess hija stabbilita; l-età ta’ waħda mill-partijiet; jew il-perspettivi ta’ eżitu pożittiv tar-rikors quddiem il-qorti adita fl-ewwel lok.

B’risposta għat-tieni parti tat-tmien domanda: L-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni tal-proċeduri f’dan is-sens, il-qorti adita fit-tieni lok għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effikaċi tar-rikorrent li ressaq kawża quddiemha fit-tieni lok.

Ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra.

2)

Sussidjarjament:

B’risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi: Il-kunċett ta’ “proċedimenti [...] bejn l-istess partijiet” fis-sens tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jinkludix sitwazzjonijiet li fihom żewġ partijiet huma konvenuti fil-kuntest tal-ewwel tilwima u huma rispettivament rikorrent u konvenut fil-kuntest tat-tieni tilwima. Il-kunċett ta’ “l-istess kawża ta’ azzjoni” fis-sens ta’ dan l-istess artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jinkludix il-każ fejn żewġ tilwimiet jagħtu lok għal talbiet u għal motivi differenti anki jekk għandhom komuni l-istess kwistjoni preliminari.

B’risposta għall-ħames domanda: L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita fit-tieni lok ma għandhiex obbligu, fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha skont din id-dispożizzjoni, li teżamina l-ilment ta’ waħda mill-partijiet skont liema l-parti l-oħra wettqet abbuż ta’ liġi billi pproċediet quddiem il-qorti adita fl-ewwel lok.

B’risposta għas-sitt domanda: L-Artikoli 27(1) u 28(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tippresupponi li l-qorti adita fit-tieni lok tkun iddeterminat minn qabel li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhiex tapplika fir-rigward tal-kawża pendenti quddiemha.

B’risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda: L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċedura tagħha f’dan ir-rigward, il-qorti adita fit-tieni lok ma għandhiex l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent li ressaq il-kawża quddiemha fit-tieni lok.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

( 3 ) Skont din id-dispożizzjoni, “għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju: fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi propjetà immobbli […],il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-propjetà”.

( 4 ) Mill-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 27 jirriżulta li “[m]eta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.” Il-kliem enfasizzati minni jikkorrispondu għaż-żewġ espressjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom tintalab iktar speċifikament fil-kuntest ta’ din il-kawża.

( 5 ) Skont il-paragrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 28, “[m]eta azzjonijiet relatati jkunu pendenti fi qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mill-qorti li tkun l-ewwel invokata għandha tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha”. Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jispeċifika li “[...] azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati”.

( 6 ) Ara t-tielet domanda preliminari.

( 7 ) Ara r-raba’ domanda preliminari.

( 8 ) Is-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001 tittratta r-rikonoxximent fi Stat Membru tad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor. Taħt l-imsemmija sezzjoni, il-punt 3 tal-Artikolu 34 jipprovdi li deċiżjoni ma hijiex rikonoxxuta, b’mod partikolari, jekk hija ma hijiex konċiljabbli ma’ deċiżjoni mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru kkonċernat. L-Artikolu 35(1) iżid li l-istess jgħodd jekk din “tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II [...]”, liema fatt jinkludi l-ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tad-drittijiet in rem ta’ proprjetà immobbli.

( 9 ) Ara l-ewwel u t-tieni domandi preliminari.

( 10 ) Ara l-ħames domanda preliminari u l-ewwel parti tat-tmien domanda preliminari.

( 11 ) Ara s-sitt domanda preliminari.

( 12 ) Ara s-seba’ domanda preliminari u t-tieni parti tat-tmien domanda preliminari.

( 13 ) Din id-dispożizzjoni tipprovdi li “[p]roprjetà immobbli jista’ jkollha oneri b’tali mod li l-persuna li favuriha hemm l-oneru għandha d-dritt tipprelataha fir-rigward tal-proprjetarju”.

( 14 ) L-Artikolu 463 tal-BGB jipprovdi li “[m]in huwa l-proprjetarju ta’ dritt ta’ prelazzjoni fuq oġġett jista’ jeżerċita dan id-dritt mill-mument li d-debitur jikkonkludi kuntratt ta’ bejgħ fuq l-oġġett ma’ terzi”. Skont l-Artikolu 464 tal-BGB: “[l]-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni jirriżulta mid-dikjarazzjoni lid-debitur. Id-dikjarazzjoni ma hijiex suġġetta għall-forma ddeterminata mill-kuntratt ta’ bejgħ. [...] Permezz tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni, il-bejgħ huwa konkluż bejn il-proprjetarju u d-debitur bil-kundizzjonijiet miftiehma bejn id-debitur u t-terzi”.

( 15 ) Skont din id-dispożizzjoni, “[s]abiex tiġi ttrasferita l-proprjetà fuq immobbli [...] huwa neċessarju li l-proprjetarju tad-dritt u l-parti l-oħra jkunu ftehmu dwar l-emenda skont il-liġi li għandha ssir u li din l-emenda għandha tiġi rreġistrata fil-katast sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor”.

( 16 ) Din il-liġi tipprovdi li “[i]r-reġistrazzjoni titqies li seħħet meta l-persuna li d-dritt tagħha huwa affettwat tawtorizzaha”.

( 17 ) In sostenn ta’ din it-talba, I. Weber invokat li d-dritt ta’ ritrattazzjoni miftiehem bejn il-kumpannija Z. GbR u M. Weber huwa mingħajr effett fir-rigward tagħha u ma jagħmilx parti mill-klawżoli kuntrattwali li japplikaw fir-rigward tagħha, minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni tagħha.

( 18 ) ĠU 1972, L 299, p. 32. Konvenzjoni kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Maletic (C‑478/12, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Jiġifieri, rispettivament, l-Artikoli 16(1)(a), 21(1) u 22(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

( 21 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, punti 31 u 32), kif ukoll tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Schneider (C‑386/12, punt 21), li jikkonċernaw, rispettivament, l-Artikoli 27 u 22 tar-Regolament Nru 44/2001.

( 22 ) Jiġifieri, il-partijiet, il-kawża u l-oġġett għandhom ikunu l-istess.

( 23 ) In sostenn tal-pretensjonijiet tagħha, hija ssostni li l-proċedura mibdija fl-Italja kienet ibbażata mhux fuq dritt in rem, iżda fuq l-obbligi eżistenti bejn il-kumpannija Z. GbR u hija nnifisha skont il-kuntratt konkluż fit‑28 ta’ Ottubru 2009. Hija żżid li l-kwistjoni preliminari mressqa fil-kuntest tal-istess proċedura, intiża li jiġi kkonstatat jekk I. Weber eżerċitatx id-dritt tagħha ta’ prelazzjoni taħt kundizzjonijiet validi, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi punt 1 tal-Artikolu 22, ġaladarba l-eżistenza ta’ dan id-dritt u l-prerogattivi li jirriżultaw minnu ma humiex ikkontestati.

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, ProRail (C‑332/11, punt 31).

( 25 ) Skont id-deċiżjoni ta’ rinviju “[p]ermezz tal-ewwel motiv tagħha, il-kumpannija Z. GbR titlob lill-qorti ċivili ta’ Milano ‘sabiex tikkonstata u tiddikjara illegali u mingħajr effett l-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni min-naħa ta’ I. [Weber] sa fejn din tal-aħħar qatt ma aċċettat bis-sħiħ il-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-ewwel kuntratt konkluż bejn il-kumpannija Z. GbR u M. [Weber] u b’mod partikolari d-dritt ta’ ritrattazzjoni tal-bejjiegħ’”.

( 26 ) Ara d-digriet tal‑5 ta’ April 2001, Gaillard (C-518/99, Ġabra p. I-2771, punt 13), fejn huwa speċifikat li din id-definizzjoni awtonoma tippermetti li jiġi żgurat, sa fejn possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija konvenzjoni għall-Istati kontraenti u l-persuni kkonċernati, kif ukoll is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2006, ČEZ (C-343/04, Ġabra p. I-4557, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001, is-sentenza Schneider, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18).

( 28 ) Nenfasizza li ma hijiex biss il-qorti ta’ fejn tinsab il-proprjetà immobbli li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, iżda huma l-qrati kollha tal-Istat Membru hekk identifikat.

( 29 ) P. Jenard, fir-rapport tiegħu dwar il-Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1, b’mod partikolari p. 35, iktar ’il quddiem ir-“rapport Jenard”), spjega kif “dawn il-kontestazzjonijiet jagħtu lok, fil-fatt, ta’ spiss għal verifiki, investigazzjonijiet, u perizzji li għandhom isiru fuq il-post. Barra minn hekk, il-materja hija ta’ spiss suġġetta, parzjalment, għall-użanzi li ma humiex ġeneralment magħrufa mill-qrati tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli jew, mill-inqas, tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Nixtieq inżid li f’bosta Stati Membri, id-drittijiet in rem għandhom, sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati minn terzi, jiġu rreġistrati fil-katast jew fi kwalunkwe reġistru pubbliku li jibbenefika minn preżunzjoni ta’ affidabbiltà, fejn iż-żamma tiegħu jiġi xi drabi fdat ukoll lill-qrati tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, u li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet mogħtija minn dawn tal-aħħar li jaffettwaw id-drittijiet hekk irreġistrati għandhom jiġu kkomunikati ex officio għall-finijiet ta’ iskrizzjoni.

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza ČEZ, iċċitata iktar ’il fuq (punti 28 u 29, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara d-digriet Gaillard, iċċitat iktar ’il fuq (punt 14); sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2005, Klein (C-73/04, Ġabra p. I-8667, punt 15), u ČEZ, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) L-Artikolu 23(5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi, b’mod partikolari, li “[f]tehim dwar disposizzjonijiet ta’ strument ta’ fiduċja li jagħti ġurisdizzjoni m’għandux ikollhom forza legali [...] jekk il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom dawn iridu jeskludu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22”.

( 33 ) Sentenza Schneider, iċċitata iktar ’il fuq (punt 21 u l-ġurisprudenza dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell iċċitata).

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1994, Webb (C-294/92, Ġabra p. I-1717, punt 14) u d-digriet Gaillard, iċċitat iktar ’il fuq (punti 16 u 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ħlief fir-rigward ta’ eċċezzjoni prevista għall-azzjonijiet fil-qasam ta’ kirjiet ta’ beni immobbli mill-imsemmi punt 1.

( 36 ) Nosserva li P. Schlosser, fir-rapport tiegħu dwar il-Konvenzjoni dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll il-protokoll li jikkonċerna l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71) semma, fost id-drittijiet in rem eżistenti fl-Istati Membri ta’ oriġini, u b’mod partikolari fil-Ġermanja, “id-drittijiet li jagħtu dritt ta’ preferenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-punt 166).

( 37 ) Permezz tal-Ftehim tas‑26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1).

( 38 ) F’dan is-sens, ara Gaudemet‑Tallon, H., Compétence et exécution des jugements en Europe, LGDJ, Pariġi, ir-raba’ edizzjoni, 2010, punt 338‑1; Magnus, U., u Mankowski, P. (ed.), European Commentaries on Private International Law, Brussels I Regulation, Sellier, München, it-tieni edizzjoni, 2012, p. 478 et seq., punti 5 u 10, kif ukoll p. 496, punt 55.

( 39 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 1991 (C-351/89, Ġabra p. I-3317), fejn il-punt 26 isemmi: “b’riżerva għall-ipoteżi fejn il-qorti adita fit-tieni lok ikollha ġurisdizzjoni esklużiva prevista mill-Konvenzjoni u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 16 tagħha [...], il-qorti adita fit-tieni lok tista’ biss tissospendi l-proċeduri quddiemha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (il-korsiv huwa tiegħi). Minkejja li ma ġiet sostnuta ebda ġurisdizzjoni esklużiva favur il-qorti adita fit-tieni lok fil-kawża prinċipali (ara l-punt 21 ta’ din is-sentenza), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu semmiet dan l-aspett, l-istess bħal ma għamel l-Avukat Ġenerali Gerven (ara l-punt 9 tal-konklużjonijiet tiegħu għal din il-kawża).

( 40 ) Ibidem, punti 21, 25 u 26 tal-imsemmija sentenza, kif ukoll il-punt 13 tal-imsemmija konklużjonijiet.

( 41 ) Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (C-116/02, Ġabra p. I-14693, punt 47).

( 42 ) Ara l-punti 41 sa 54 ta’ din is-sentenza, fejn huwa speċifikat li l-Avukat Ġenerali Léger esprima ruħu f’sens kuntrarju (ara l-punti 57 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza).

( 43 ) Punti 49 sa 51 tal-istess sentenza.

( 44 ) Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 44/2001, applikabbli kemm fil-każ ta’ lis alibi pendens kif ukoll fil-każ ta’ konnessjoni, “[m]eta azzjonijiet jidħlu fil-ġurisdizzjoni esklussiva ta’ diversi qrati, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastjeni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti” (il-korsiv huwa tiegħi).

( 45 ) Skont l-imsemmi Artikolu 25, “[m]eta qorti ta’ Stat Membru jkollha quddiemha talba li tkun prinċipalment ikkonċernata b’materja li dwarha l-qrati ta’ Stat Membru ieħor ikollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22, din għandha tiddikjara b’inizjattiva tagħha li m’għandhiex ġurisdizzjoni”.

( 46 ) Għan imsemmi fil-premessa 15 tal-imsemmi regolament.

( 47 ) Jiġifieri l-ewwel, it-tieni, il-ħames u t-tmien domandi preliminari.

( 48 ) Skont il-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li huwa ekwivalenti għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 1987, , Gubisch Maschinenfabrik (144/86, Ġabra p. 4861, punt 11) u tad‑19 ta’ Mejju 1998, Drouot assurances (C-351/96, Ġabra p. I-3075, punt 16).

( 49 ) Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 1994 (C-406/92, Ġabra p. I-5439, punt 53).

( 50 ) Fil-fatt, bħall-Gvern Svizzeru, inqis li r-regoli dwar il-lis alibi pendens huma intiżi għall-prevenzjoni ta’ “deċiżjonijiet li fil-forma tagħhhom ikunu kontradittorji”, u għaldaqstant totalment reċiprokament inkompatibbli fl-istadju tal-eżekuzzjoni.

( 51 ) Sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro f’din il-kawża (punti 14 sa 20).

( 52 ) Sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 29 u 34). F’dan il-każ, il-qorti adita fit-tieni lok għandha l-obbligu li tirrexxindi l-ġurisdizzjoni tagħha biss jekk il-partijiet fil-kawża quddiemha jkunu wkoll partijiet fil-kawża preċedentement imressqa u l-proċedura tagħha tista’ tkompli bejn il-partijiet l-oħra.

( 53 ) Sentenza Drouot assurances, iċċitata iktar ’il fuq (punti 19 u 23).

( 54 ) Pereżempju, l-interessi ta’ kumpannija u tas-sussidjarja tagħha li l-kapital kollu tagħha huwa ta’ din il-kumpannija jistgħu ikunu indissoċjabbli u identiċi f’ċerti każijiet, iżda dan ma jwassalx neċessarjament sabiex deċiżjoni mogħtija kontra l-imsemmija kumpannija fi Stat Membru tkun eżegwibbli kontra s-sussidjarja tagħha fl-Istat Membru fejn din tal-aħħar hija stabbilita.

( 55 ) Iktar ’il quddiem il-“KEDB”. Id-“dritt għal smigħ xieraq” previst fl-imsemmi Artikolu 6 jinkludi l-aċċess għal qorti, b’mod partikolari f’terminu raġonevoli, smigħ xieraq, b’mod partikolari fir-rigward tal-provi u d-dritt għal proċedura kontradittorja (paragrafu 1), kif ukoll il-preżunzjoni ta’ innoċenza (paragrafu 2) u d-drittijiet tad-difiża (paragrafu 3). L-Artikolu 13 jipproteġi d-“dritt għal rimedju effettiv”.

( 56 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”. L-imsemmija paragrafi jikkonċernaw rispettivament — id-dritt għal rimedju effettiv u għad-dritt ta’ aċċess għal qorti imparzjali, filwaqt li t-tielet paragrafu ta’ dan l-Artikolu 47 jikkonċerna l-għajnuna ġudizzjarja. Fuq l-oriġini u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni, ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17) u, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37), kif ukoll tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C-317/08 sa C-320/08, Ġabra p. I-2213, punt 61).

( 57 ) Dan huwa minnu fid-dawl tal-verżjoni Franċiża ta’ din id-dispożizzjoni, li tirrikjedi talbiet imressqa “entre les mêmes parties” [bejn l-istess partijiet], iżda wkoll, kif jenfasizza l-Gvern Ġermaniż, fid-dawl ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra, b’mod partikolari l-verżjoni Ġermaniża (“zwischen denselben Parteien”), Spanjola (“entre las mismas partes”), Ingliża (“between the same parties”), ,Taljana (“tra le stesse parti”), Olandiża (“tussen dezelfde partijen”), Portugiża (“entre as mesmas partes”) u Finlandiża (“samojen asianosaisten välillä”) (il-korsiv huwa tiegħi).

( 58 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 10 u 15 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll is-sentenza Drouot assurances, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17).

( 59 ) Nispeċifika li M. Weber issostni li l-ewwel domanda preliminari ma għandha ebda rilevanza għall-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 fil-każ konkret.

( 60 ) Fi kliem ieħor, ma huwiex raġonevoli li wieħed jistaqsi jekk l-azzjoni ta’ rikorrent A kontra konvenut B għandhiex l-istess suġġett u l-istess kawża, għall-finijiet tal-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, bħal azzjoni minn rikorrent C kontra konvenut D.

( 61 ) Ara l-punt 14 ta’ din is-sentenza.

( 62 ) Bil-kontra, b’mod partikolari, il-verżjoni Franċiża, li tagħmel distinzjoni espressa bejn il-kawża u s-suġġett tal-azzjonijiet, il-verżjoni Ġermaniża tipprovdi hekk: “Klagen wegen desselben Anspruchs”, li jista’ jiġi tradott bħala “talbiet ibbażati fuq l-istess pretensjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Nispeċifika li dan ma huwiex każ iżolat, fid-dawl tal-fatt li l-verżjoni Ingliża wkoll tinkludi formola mhux distintiva (“proceedings involving the same cause of action”). F’dan ir-rigward, ara Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 502 et seq.

( 63 ) Sentenzi Tatry, iċċitata iktar ’il fuq (punti 39 u 41), kif ukoll tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C-39/02, Ġabra p. I-9657, punti 35 u 38).

( 64 ) Sentenza Gubisch Maschinenfabrik, iċċitata iktar ’il fuq (punti 15 et seq.). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li peress li l-azzjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt ippreżentat fi Stat Membru għandu bħala għan li dan isir effikaċi, u l-azzjoni għall-finijiet ta’ annullament u ta’ riżoluzzjoni tal-istess kuntratt ippreżentat fi Stat Membru ieħor għandu preċiżament bħala għan li jipprekludilu kull effikaċja, is-setgħa vinkolanti ta’ dan il-kuntratt kien għalhekk jinsab “fiċ-ċentru” ta’ dawn iż-żewġ proċeduri konkorrenti, fejn it-tieni waħda setgħet saħansitra titqies li kienet tikkostitwixxi eċċezzjoni kontra l-ewwel waħda.

( 65 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic (C-111/01, Ġabra p. I-4207, punt 32).

( 66 ) Pereżempju, l-istess kwistjoni preliminari dwar is-setgħa ta’ rappreżentanza ta’ mandatarju tista’ ssir f’tilwim dwar kuntratti ta’ bejgħ distinti.

( 67 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 68 ) Id-deċiżjoni mogħtija fit‑23 ta’ Mejju 2013 mit-Tribunale ordinario di Milano, li ġiet inkluża fil-proċess, lanqas ma tispeċifika l-bażi legali tat-talbiet li tressqu quddiemu.

( 69 ) Dispożizzjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39). B’mod partikolari, fis-sentenza Gubisch Maschinenfabrik, iċċitata iktar ’il fuq il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li ż-żewġ tilwimiet konkorrenti kienu bbażati fuq l-istess kawża, peress li kienu fondati fuq “l-istess relazzjoni kuntrattwali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-punt 15).

( 71 ) Ara, minn issa, fir-rigward tar-rabtiet bejn l-Artikoli 21 u 22 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, Boularbah, H., “La notion de ‘mêmes parties’, condition de la litispendance communautaire”, Journal des tribunaux, 1998, p. 774 et seq., b’mod partikolari p. 776.

( 72 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C-571/10, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 73 ) Nenfasizza li l-Gvern Svizzeru osserva wkoll li d-deċiżjoni ta’ rinviju ma tippermettix li jiġi kkaratterizzat jekk u b’liema mod jeżisti abbuż tad-dritt li wieħed jaġixxi f’din il-kawża.

( 74 ) Biex isostni din il-pożizzjoni, jiġifieri li huwa possibbli li wieħed jidderoga mir-regoli ta’ sospensjoni tal-proċedura prevista fl-imsemmi Artikolu 27 meta l-iżvolġiment tal-fatti jiżvela li parti tieħu vantaġġ abbużiv minn dan, il-Gvern Svizzeru jgħid li sentenza f’dan is-sens diġà ngħatat mill-Bundesgericht Svizzeru (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2007, 4A_143/2007, E), fir-rigward tad-dispożizzjoni ekwivalenti tal-konvenzjoni li tikkonċerna l-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali ffirmata fl-Lugano fis-16 ta’ Settembru 1988 (ĠU L 319, p. 9).

( 75 ) Dwar ir-risku ta’ tali tattiċi proċedurali, ara Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 483 et seq., punti 17 u 18.

( 76 ) Hija ssostni li l-kumpannija Z. GbR aġixxiet fl-Italja minħabba t-tul tal-proċeduri f’dan l-Istat Membru, sabiex ittellef l-akkwist leċitu tas-sehem ta’ M. Weber fuq il-proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja, kif ukoll sabiex tiskoraġixxiha milli tiddefendi ruħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-età avvanzata tagħha. Hija ssostni li ftit taż-żmien qabel l-introduzzjoni ta’ din l-azzjoni fl-Italja, M. Weber, li bħalha hija konvenuta fil-kawża Taljana, iċċaqilqet lejn Milano, fejn jinsab l-uffiċċju ta’ avukati ta’ binha, li min-naħa tiegħu huwa membru fit-tmexxija tal-kumpannija Z. GbR.

( 77 ) Sentenza Gasser, iċċitata iktar ’il fuq (punti 70 u 73).

( 78 ) Ibidem (punt 71).

( 79 ) Ibidem (punt 72).

( 80 ) Liema fatt jikkostitwixxi l-għan prinċipali ta’ dan l-artikolu (ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 81 ) Din l-aħħar espressjoni tinsab fil-motivi tad-deċiżjoni ta’ rinviju li jikkonċernaw din id-domanda.

( 82 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 83 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 16 ta’ dan ir-regolament.

( 84 ) Hija tispeċifika li dan il-prinċipju huwa eżistenti anki jekk, fil-verità, jeżistu differenzi bejn l-Istati Membri, liema fatt kien magħruf meta ġie adottat ir-Regolament Nru 44/2001 u dan għadu validu sa llum.

( 85 ) Hija tfakkar sitwazzjonijiet estremi li fihom l-attività tal-qorti adita fl-ewwel lok tiġi sospiża, per eżempju, minħabba kunflitti armati jew katastrofi naturali li l-effetti tagħhom ikomplu fit-tul u jostakolaw l-iżvolġiment tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

( 86 ) Dwar dan il-kunċett, ara, b’mod partikolari, Prechal, S., u Widdershoven, R., “Redefining the Relationship between ‘Rewe‑effectiveness’ and Effective Judicial Protection”, Review of European Administrative Law, 2011, vol. 4, nru 2, p. 31.

( 87 ) Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Żewġ aspetti ta’ dan id-dritt jidhruli li huma iżjed partikolarment ikkonċernati hawn. Minn naħa, il-lis alibi pendens li tista’ twassal sabiex tostakola l-aċċess għall-ġustizzja tar-rikorrent li ressaq it-tieni kawża u, min-naħa l-oħra, dewmien imtawwal tal-ewwel kawża jista’ jikkawża ksur tad-dritt għal smigħ xieraq.

( 88 ) Ara, fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, G (C‑292/10, punti 47 et seq). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga (C-491/10 PPU, Ġabra p. I-14247, punti 59 et seq.), dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas‑27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li s-sistemi ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru stabbiliti mill-imsemmi regolament huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom huma f’pożizzjoni li jipprovdi protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-Karta.

( 89 ) Fil-fatt, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 jorganizza t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Istati Membri aditi b’mod konkorrenti b’tilwim identiku. Ara, b’analoġija, is-sentenza Gasser, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha, meta ntalbet tinterpreta l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ekwivalenti għall-imsemmi Artikolu 27) b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB (punti 59 et seq.), il-Qorti tal-Ġustizzja ffukat ir-risposta tagħha fuq l-istruttura u l-għan ta’ din il-konvenzjoni u fuq il-fiduċja li l-Istati kontraenti jagħtu reċiprokament lill-ordinamenti ġuridiċi u lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħhom (punti 70 et seq.). Ara wkoll Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 487 et seq.

( 90 ) Jiġifieri s-sitt, is-seba’ u t-tmien domandi preliminari.

( 91 ) I. Weber tindika li din il-kwistjoni tirriżulta peress li l-Landgericht München I iddeċidiet għal darbtejn li tissospendi l-proċeduri quddiemha, l-ewwel abbażi tal-imsemmi Artikolu 27(1), u sussegwentement abbażi tal-imsemmi Artikolu 28(1) u (3) billi speċifikat li din ir-rettifika oriġinat mill-Oberlandesgericht München.

( 92 ) F’dan is-sens, I. Weber u l-Gvern Svizzeru jiċċitaw l-analiżi tal-imsemmi Artikolu 28 magħmula mid-duttrina Ġermaniża [Rauscher, T., u Leible, S., Europäisches Zivilprozeß- und Kollisionsrecht EuZPR/EuIPR, Kommentar, Brüssel I‑VO, LugÜbk 2007, Sellier, München, 2011; Hüßtege, R., f’Thomas, H., u Putzo, H. (dir.), Zivilprozessordnung, Kommentar, Verlag C.H. Beck, München, 32 edizzjoni, 2011] u mid-duttrina Svizzera [Bucher, A., Loi sur le droit international privé/Convention de Lugano, Helbing Lichtenhahn Verlag, Basel, 2011; Mabillard, R., f’Oetiker, C., u Weibel, T. (dir.), Lugano Übereinkommen, Helbing & Lichtenhahn, Basel, 2011].

( 93 ) Ara l-paġna 13 tar-rapport ta’ M. Jenard, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif ukoll il-premessa 15 tar-Regolament Nru 44/2001.

( 94 ) Fis-sentenza Tatry iċċitata iktar ’il fuq (punt 53), fir-rigward tal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l-]interpretazzjoni [tal-kunċett ta’ konnessjoni] għandha tkun wiesgħa u tinkludi l-każijiet kollha fejn jeżisti riskju ta’ soluzzjonijiet kuntrarji għal xulxin , anki jekk id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu eżegwiti separatament u jekk il-konsegwenzi ġuridiċi tagħhom ma jeskludix ruħhom reċiprokament” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Roche Nederland et (C-539/03, Ġabra p. I-6535, punt 22).

( 95 ) Sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro għal din il-kawża (punt 28).

( 96 ) Dispożizzjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 97 ) Infakkar li s-suġġett tad-domanda preliminari inkwistjoni ma jinkludix is-subparagrafi 2 tal-imsemmija artikoli, li jikkonċernaw, fir-rigward tagħhom, id-deżistament tal-qorti adita fit-tieni lok.

( 98 ) F’dan ir-rigward, ara r-risposta għas-seba’ domanda preliminari esposta iktar ’il quddiem.

( 99 ) Punti 49 u 50 (il-korsiv huwa tiegħi).

( 100 ) Skont Cadiet, L., Jeuland, E. u Amrani-Mekki, S. (dir.), Droit processuel civil de l’Union européenne, LexisNexis, Pariġi, 2011, punt 129, il-konnessjoni hija “tip ta’ lis alibi pendens imprefetta”, filwaqt li “il-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita sitwazzjoni ta’ konnessjoni huma inqas restrittivi minn dawk tal-lis alibi pendens. Minn dan jirriżulta li l-effetti li jirriżultaw minnha wkoll huma inqas restrittivi”.

( 101 ) Il-qorti ta’ rinviju ssemmi l-ħtieġa li l-qorti adita fit-tieni lok “tkun iddeċidiet”.

( 102 ) Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn din is-setgħa diskrezzjonali u l-fatt li jiġi ddeterminat jekk konnessjoni effettivament teżistix, skont il-kriterji ta’ prossimità bejn l-istanzi konkorrenti li huma ddefiniti mis-subparagrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

( 103 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Tatry (punt 55) kif ukoll Overseas Union Insurance et (punt 16), dwar l-għan tal-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, dispożizzjoni li hija ekwivalenti għall-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 44/2001, kif ukoll il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament.

( 104 ) Ara l-punt 75 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 1994, Owens Bank (C-129/92, Ġabra p. I-117), dwar l-Artikolu 22 ta’ din il-konvenzjoni.

( 105 ) Din id-duttrina ssemmi l-interessi, l-aġir u l-motivazzjonijiet tal-partijiet, l-intensità tar-rabta; l-istat u t-tul tal-proċedura f’dan il-każ; il-possibbiltajiet ta’ suċċess tat-talba; il-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju, f’termini ta’ sforzi, ta’ spejjeż u ta’ prossimità tal-provi; il-ġurisdizzjoni jew le tal-qorti adita fl-ewwel lok, kif ukoll il-possibbiltà ta’ rikonoxximent.

( 106 ) Jiġifieri, “il-livell ta’ konnessjoni u r-riskju ta’ deċiżjonijiet kuntrarji għal xulxin; l-istadju milħuq fil-kawżi korrispondenti; u l-prossimità tal-qrati aditi fir-rigward tal-fatti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-punt 76 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Owens Bank, iċċitati iktar ’il fuq). Dawn il-kriterji huma analogi għal dawk li ġew ammessi mil-leġiżlatur fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Nru 44/2001, iżda biss fir-rigward ta’ istanzi konkorrenti li huma pendenti fi Stat Membru u fi Stat terz. Ara l-premessi 23 u 24 kif ukoll l-Artikoli 33 (dwar il-lis alibi pendens) u 34 (dwar il-konnessjoni) tar-Regolament Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1), essenzjalment applikabbli mill‑10 ta’ Jannar 2015.

( 107 ) Fis-sentenza Gasser, iċċitata iktar ’il fuq (punti 70 et seq.), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan is-sens iżda fir-rigward tad-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ekwivalenti għall-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, għaldaqstant fir-rigward ta’ lis alibi pendens u mhux ta’ konnessjoni.

( 108 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Purrucker (C-296/10, Ġabra p. I-11163, punti 82 u 83).

( 109 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tar-rifjut li tiġi applikata t-teorija ta’ “forum non conveniens”, fil-każ ta’ lis alibi pendens li jirriżulta mill-Konvenzjoni ta’ Brussell, punti 78 u 181 tar-rapport ta’ M. Schlosser, imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet. .

( 110 ) Nirriżerva, fost oħrajn, il-każ tal-azzjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet morali ta’ attur fuq ix-xogħol tiegħu.

( 111 ) Fil-fatt, is-subparagrafu 2 ta’ dan l-artikolu jikkonċerna l-possibbiltà ta’ deżistament meta waħda mill-partijiet titlob dan, b’riżerva li jkun diġà ġie stabbilit li l-qorti adita fl-ewwel lok ikollha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar it-talbiet konnessi u li l-liġi tagħha tippermetti li dawn jingħaqdu.

( 112 ) Ara wkoll il-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.