KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PEDRO CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2013 ( 1 )

Kawża C‑394/12

Shamso Abdullahi

vs

Bundesasylamt

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Asylgerichtshof (l-Awstrija)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Id-dritt għall-ażil — Artikolu 18 tal-karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Regolament (KE) Nru 343/2003 — Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil — Applikazzjoni għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru wara li persuna tkun daħlet suċċessivament fl-Unjoni minn żewġ Stati Membri — Effett tat-teħid tal-inkarigu mill-Istat Membru minn fejn ikun sar it-tieni dħul — Dritt tal-applikant li jopponi t-teħid tal-inkarigu minn dak l-Istat Membru — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 343/2003 — Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C-411/10 u C‑493/10)”

1. 

Din il-kawża għal darba oħra tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni biex tirfina l-ġurisprudenza tagħha dwar ir-Regolament (KE) Nru 343/2003 ( 2 ), b’mod speċjali, f’dan il-każ fir-rigward tal-portata tal-appell previst fl-Artikolu 19(2) tal-imsemmi regolament u tal-applikazzjoni tal-kriterju tar-Regolament Nru 343/2003 li jattribwixxi r-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil lill-Istat Membru fejn l-applikant ikun daħal b’mod irregolari. Barra minn hekk, din il-kawża tqajjem mill-ġdid il-kwistjoni tal-Istati Membri li jsibu ruħhom fis-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et ( 3 ).

2. 

Ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni restrittiva tal-portata tar-rikors previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003, li minnu jirriżulta li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħrajn, li fuqhom madankollu ser niddikjara l-pożizzjoni tiegħi fuq bażi purament sussidjarja. B’dan il-mod, din il-kawża għandha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi mudell għall-applikazzjoni tal-kriterji tar-regolament inkwistjoni f’każijiet fejn wieħed jikkonkludi li l-Istat Membru li fil-prinċipju huwa responsabbli, ma jistax ikun għal raġunijiet ta’ garanzija tad-drittijiet fundamentali.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Nru 343/2003

3.

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, dan ir-“Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz”.

4.

Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 343/2003:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ kull pajjiż terz [kull applikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz] li japplika fil-konfini jew fit-territorju tagħhom lil kull wieħed minnhom għall-ażil. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III juru li huwa responsabbli.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, kull Stat Membru jista’ jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament. F’dan il-każ, dak l-Istat Membru għandu jsir l-Istat Membru responsabbli fit-tifsira ta’ dan ir-Regolament u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu jew jieħu lura l-applikant.”

5.

Skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan l-istess regolament, “[i]l-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru”.

6.

Il-kapitolu III (Artikoli 5 sa 14) tar-Regolament Nru 343/2003, bit-titolu “Ġerarkija ta’ kriterji”, jelenka l-kriterji relevanti sabiex jiġi ddeterminat l-“Istat Membru responsabbli” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament.

7.

L-Artikolu 16, li bih jibda l-Kapitolu V tar-Regolament Nru 343/2003 (“Teħid ta’ Inkarigu u Teħid Lura”), jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3:

“1.   L-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

a)

jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 17 sa 19 ta’ persuna tfittex l-ażil li tkun iddepożitat applikazzjoni fi Stat Membru differenti;

b)

itemmu l-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-ażil;

c)

jieħu lura […] [lill-]applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess;

d)

jieħu lura […] [lill-]applikant li jkun irtira l-applikazzjoni taħt eżami u jkun għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor;

e)

jieħu lura […] [liċ-]ċittadin ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet miċħuda u li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr permess.

[…]

3.   L-obbligi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom jieqfu fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ħalla t-territorju tal-Istati Membri għall-inqas għal tliet xhur, sakemm iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu maħruġ mill-Istat Membru responsabbli.”

8.

Skont l-Artikolu 17(1) tal-istess regolament, “Stat Membru li għandu [k]ienet iddepożitata applikazzjoni għall-ażil jikkonsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu ta’ l-applikant”.

9.

L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 343/2003 huwa fformulat f’dawn it-termini:

“1.   L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa, u għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant fi żmien xahrejn mid-data li fiha t-talba kienet irċevuta.

[…]

7.   Nuqqas ta’ azzjoni fi żmien il-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 u l-perjodu ta’ xahar imsemmi fil-paragrafu 6 għandu jkollu effett ugwali ta’ riċeviment tat-talba, u jinvolvi l-obbligu li tittieħed inkarigu l-persuna, inklużi l-provvedimenti għal arranġamenti xierqa għal wasla.”

10.

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 343/2003 huwa fformulat f’dawn it-termini:

“1.   Fejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jaċċetta li hu għandu jieħu l-inkarigu ta’ l-applikant, l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil kienet iddepożitata għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni li l-applikazzjoni m’għandhiex tkun eżaminata, u bl-obbligu li jittrasferixxi l-applikant lill-Istat Membru responsabbli.

2.   Id-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata. Hija għandu jkun fiha d-dettalji tal-limitu ta’ żmien biex ikun eżegwit it-trasferiment u, jekk meħtieġ, għandu jkun fiha informazzjoni dwar il-post u d-data li fihom l-applikant għandu jidher, jekk ser jivvjaġġa lejn l-Istat Membru responsabbli bil-mezzi tiegħu stess. Din id-deċiżjoni tista’ tkun suġġetta għal appell u reviżjoni. Appell jew reviżjoni dwar din id-deċiżjoni m’għandux jissospendi l-implimentazzjo[n]i tat-trasferiment sakemm il-qrati u l-korpi kompetenti ma jiddeċidux li jsir hekk fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-leġislazzjoni nazzjonali tippermetti dan.

[...]

4.   Fejn it-trasferiment ma jsirx fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur, ir-responsabbilta tkun ta’ l-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-ażil tkun iddepożitata. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna tfittex l-ażil jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna tfittex l-ażil tkun ħarbet.

[…]”

2. Id-Direttiva 2005/85/KE

11.

Id-Direttiva 2005/85/KE ( 4 ) tipprovdi, fl-Artikolu 39(1) tagħha:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil […]”.

B – Id-dritt nazzjonali

12.

Il-Bundesgesetz über die Gewährung von Asyl tal-2005 (liġi federali dwar l-għoti tal-ażil, iktar ’il quddiem il-“BGA”) tistabbilixxi, fl-Artikolu 18 tagħha, li l-Bundesasylamt u l-Asylgerichtshof għandhom jiżguraw ex ufficio f’kull stadju tal-proċedura li l-indikazzjonijiet utli għall-finijiet tad-deċiżjoni jingħataw jew inkella li jiġu rrimedjati dawk l-indikazzjonijiet fejn ikun hemm lakuna dwar iċ-ċirkustanzi invokati insostenn tal-applikazzjoni, jiġu ddenominati d-dokumenti ta’ prova ta’ dawk l-indikazzjonijiet jew ikkompletati l-provi ppreżentati u, b’mod ġenerali, li tingħata l-informazzjoni kollha li tidher li hija meħtieġa biex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni.

II – Fatti

13.

Abdullahi, ċittadina tas-Somalja, daħlet illegalment fil-Greċja mit-Turkija f’Lulju 2011. Minn hemm, bl-għajnuna ta’ netwerk ta’ immigrazzjoni illegali, wara li qasmet mill-Maċedonja, is-Serbja u l-Ungerija, hija waslet fl-Awstrija, fejn hija ġiet arrestata qrib il-konfini mal-Ungerija.

14.

Fid-29 ta’ Awwissu 2011, hija ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Awstrija. Fis-7 ta’ Settembru 2011, il-Bundesasylamt bagħtet lir-Repubblika tal-Ungerija talba għat-teħid tal-inkarigu abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003. Ir-Repubblika tal-Ungerija indikat il-qbil tagħha b’ittra tad-29 ta’ Settembru 2011.

15.

Fit-30 ta’ Settembru 2011, il-Bundesasylamt ċaħdet l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti fl-Awstrija bħala inammissibbli u ordnat li titkeċċa lura lejn ir-Repubblika tal-Ungerija.

16.

Abdullahi ppreżentat rikors quddiem l-Asylgerichtshof, li ġie milqugħ b’effett sospensiv. Ir-Repubblika tal-Ungerija ġiet infurmata b’dik iċ-ċirkustanza fit-8 ta’ Novembru 2011.

17.

L-Asylgerichtshof laqgħet ir-rikors b’sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2011, abbażi ta’ difetti proċedurali.

18.

Meta reġgħet issoktat il-proċedura amministrattiva, il-Bundesasylamt ċaħdet mill-ġdid l-applikazzjoni għall-ażil fis-26 ta’ Jannar 2012, u ordnat mill-ġdid it-tkeċċija lejn l-Ungerija, fuq il-bażi li dan kien l-Istat responsabbli skont ir-Regolament Nru 343/2003. Il-Bundesasylamt ikkonstatat, min-naħa l-oħra, li trasferiment tar-rikorrenti lejn l-Ungerija ma kienx jaffettwa d-drittijiet tagħha abbażi tal-Artikolu 3 tal-KEDB.

19.

Abdullahi ressqet rikors quddiem l-Asylgerichtshof, fejn argumentat għall-ewwel darba li kienet il-Greċja, u mhux l-Ungerija, li fir-realtà kienet l-Istat Membru responsabbli biex teżamina l-proċedura ta’ ażil tar-rikorrenti. Hija sostniet barra minn hekk li, peress li s-sitwazzjoni fil-Greċja kienet ta’ detriment għad-dinjità tal-bniedem, kienet l-Awstrija li kellha tieħu l-inkarigu biex teżamina l-applikazzjoni għall-ażil tar-rikorrenti.

20.

Ir-rikors ġie miċħud b’sentenza tal-14 ta’ Frar 2012.

21.

Abdullahi rrikorriet quddiem il-Verfassungsgerichtshof, li ddeċidiet fit-23 ta’ Marzu 2012 li tissospendi l-proċedura, u r-Repubblika tal-Ungerija ġiet infurmata b’dan fit-2 ta’ April 2012.

22.

B’sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, il-Verfassungsgerichtshof laqgħet ir-rikors, u kkonkludiet li kien hemm ksur tad-dritt kostituzzjonali tar-rikorrenti għal proċedura quddiem qorti ġudizzjarja.

23.

Il-kawża ġiet irrinvjata quddiem l-Asylgerichtshof, li f’dan l-istadju tissottometti din id-domanda preliminari.

III – Domanda preliminari

24.

Id-domandi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja huma fformulati skont kif ġej:

“1)

Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 19 u tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 343/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li Stat Membru jieħu inkarigu ta’ persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil ifisser li dan l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni fis-sens tas-sentenza introduttorja tal-Artikolu 16(1) tar-regolament imsemmi jew il-korp nazzjonali tal-appell għandu, skont id-dritt tal-Unjoni, meta, fil-kuntest tal-eżami ta’ appell jew ta’ reviżjoni mressqa skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003, irrispettivament mill-fatt li l-Istat Membru jkun ħa dan l-inkarigu, jasal għall-konklużjoni li, skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003, huwa Stat Membru ieħor li għandu jkun l-Istat Membru responsabbli (anki meta dan l-Istat Membru l-ieħor ma tkunx saritlu talba sabiex jieħu l-inkarigu jew meta dan l-Istat Membru l-ieħor ma jaċċettax tali inkarigu), jikkonstata b’mod vinkolanti fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżami tal-appell jew tar-reviżjoni inkwistjoni li huwa dan l-Istat Membru l-ieħor li huwa responsabbli? F’dan id-dawl, jeżistu drittijiet suġġettivi għal kull persuna li tkun qiegħda tfittex ażil fis-sens li l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru partikolari responsabbli inkonformità mal-kriterji ta’ kompetenza msemmija iktar ’il fuq?

2)

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li fih persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil tkun daħlet b’mod illegali għall-ewwel darba (l-ewwel Stat Membru) għandu jaċċetta r-responsabbiltà tiegħu sabiex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz meta jkunu preżenti l-fatti segwenti:

Ċittadin ta’ pajjiż terz jidħol b’mod illegali fl-ewwel Stat Membru inkwistjoni minn pajjiż terz. Dan iċ-ċittadin ma jippreżentax applikazzjoni għall-ażil f’dan l-Istat Membru u sussegwentement jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni sabiex imur f’pajjiż terz. F’inqas minn tliet xhur wara, dan iċ-ċittadin jidħol b’mod illegali fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea minn pajjiż terz (it-tieni Stat Membru). Dan iċ-ċittadin, imbagħad, imur direttament minn dan it-tieni Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (it-tielet Stat Membru) fejn jippreżenta l-ewwel applikazzjoni għall-ażil tiegħu. B’kollox, mid-dħul illegali tiegħu fl-ewwel Stat Membru, ikunu għaddew inqas minn 12-il xahar.

3)

Irrispettivament mir-risposta għat-tieni domanda, meta l-Istat Membru deskritt f’dik id-domanda bħala l-'ewwel Stat Membru' jkun Stat Membru li s-sistema tal-ażil tiegħu hija kkaratterizzata minn nuqqasijiet strutturali ekwivalenti għal dawk deskritti fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta’ Jannar 2011 fil-kawża M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (rikors 30 696/09), hija meħtieġa evalwazzjoni oħra tal-Istat Membru li normalment ikun responsabbli fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003, irrispettivament mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2011 fil-Kawżi [magħquda] C-411/10 u C-493/10? B’mod partikolari, jista’ jiġi kkunsidrat li residenza f’tali Stat Membru ma hijiex a priori element ta’ natura tali li jista’ jservi ta’ bażi għar-responsabbiltà ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 343/2003?”

IV – Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.

It-talba preliminari ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Awwissu 2012.

26.

Il-qorti tar-rinviju, waqt li invokat il-fatt li kienu qosra t-termini proċedurali nazzjonali, is-sitwazzjoni ta’ inċertezza li fiha kienet tinsab Abdullahi, l-importanza tal-kwistjonijiet involuti u l-għadd kbir ta’ kawżi li fihom dawn jirrepetu ruħhom, esprimiet ix-xewqa li l-kawża tkun soġġetta għall-proċedura aċċellerata prevista fl-Artikolu 104 a tar-Regoli tal-Proċedura, fil-verżjoni tad-19 ta’ Ġunju 1991. Dik it-talba ġiet miċħuda b’digriet tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2012, iżda madankollu ġie deċiż li l-kawża tiġi pproċessata bi prijorità, b’mod konformi mal-Artikolu 55(2) tal-istess regolament.

27.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Abdullahi, mill-gvernijiet tal-Awstrija, tal-Greċja, tal-Ungerija, tal-Italja u tar-Renju Unit, mill-Konfederazzjoni Svizzera u mill-Kummisjoni.

28.

Matul is-seduta, li saret fis-7 ta’ Mejju 2013, dehru u fformulaw osservazzjonijiet Abdullahi, il-Gvern Franċiż u dak Grieg, kif ukoll il-Kummissjoni. Il-partijiet, fuq proposta mill-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonċentraw l-interventi tagħhom fuq il-punti li ġejjin: a) in-natura tal-appell previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2001 u l-importanza tal-fatt li dak l-appell ma jissemmiex fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85; b) konċilazzjoni tal-kontroll tal-kriterji ta’ responsabbiltà mat-terminu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 343/2003, u eżekuzzjoni prattika tad-deċiżjonijiet; ċ) l-interpretazzjoni tat-terminu ta’ tnax-il xahar previst fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003, u d) ir-relevanza tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 343/2003 għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli.

V – Analiżi

A – L-ewwel domanda

29.

Kif tispjega l-Asylgerichtshof fid-digriet ta’ rinviju, l-ewwel domanda tirrigwarda qabel kollox il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li Stat Membru jammetti r-responsabbiltà tiegħu għat-teħid tal-kompitu tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil jeskludix jew le l-possibbiltà li jiġi vverifikat – fil-kuntest tar-rikors previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003 – jekk skont il-kriterji stabbiliti f’dak ir-regolament, ir-responsabbiltà taqax, fir-realtà, fuq Stat Membru ieħor.

30.

B’mod aktar konkret, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dan ir-rikors jistax jippermetti li jiġi invokat id-dritt soġġettiv li jista’ jkollu r-rikorrent biex l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil tiġi eżaminata mill-Istat Membru li jidher li huwa responsabbli skont il-kriterji tar-Regolament Nru 343/2003.

31.

L-Asylgerichtshof hija inklinata li taħseb li l-aċċettazzjoni minn Stat Membru għandha tkun determinanti sabiex jingħata r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil, filwaqt li jirrikonoxxi bħala l-unika eċċezzjoni l-każijiet ta’ aġir arbitrarju manifest jew ta’ riskju ta’ ksur tad-drittijiet. F’dawk il-każijiet, kemm-il darba jkunu stabbiliti debitament u fid-dawl tal-proċedura inkwistjoni, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tiddikjara b’mod vinkolanti r-responsabbiltà tal-Istat Membru ddeterminat skont ir-Regolament Nru 343/2003.

32.

Ir-risposta li fil-fehma tiegħi għandha tingħata għall-ewwel parti tad-domanda li saret hija ċara. Biex isir dan, biżżejjed jiġi rrilevat li l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 343/2003 ma hijiex kumparabbli mat-teħid tal-inkarigu ta’ dik l-istess responsabbiltà b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, f’liema dispożizzjoni nsibu l-hekk imsejħa klawsola “ta’ sovranità”. Dan jikkonsisti, f’dan l-aħħar każ, fl-eżerċitar ta’ setgħa diskrezzjonali – u, f’dan is-sens, sovrana ( 5 ) –, li tmur lil hinn mill-istħarriġ tal-qrati, u fil-każ tal-aċċettazzjoni li għaliha jirreferi l-Artikolu 18, jikkonsisti f’att ġuridiku li jservi bħala bażi biex l-Istat Membru li lilu tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-ażil jiddeċiedi li ma jeżaminahiex u li jittrasferiha lill-Istat Membru li jkun aċċetta li jieħu l-inkarigu ta’ dak l-eżami, u huwa b’hekk li dik id-deċiżjoni doppja, skont id-dispożizzjonijiet espressi tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003, “tista’ tkun suġġetta għal appell u reviżjoni”.

33.

B’mod definittiv, hija t-tieni parti tal-alternattiva ddikjarata fid-domanda tal-qorti tar-rinviju li hija relevanti. Il-kwistjoni b’hekk ma hijiex dwar jekk id-deċiżjoni hijiex soġġetta “għal appell [jew] reviżjoni”, iżda dwar x’tista’ tkun il-portata tal-istħarriġ eżerċitat fir-rigward tad-deċiżjoni li ma tiġix eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil u li tiġi ttrasferita r-rikorrenti lill-Istat Membru li jkun aċċetta li jassumi dik ir-responsabbiltà.

34.

Ir-Regolament Nru 343/2003 ma jgħid xejn fuq dan il-punt partikolari, u jipprovdi biss, fl-Artikolu 19(2) tiegħu, li l-“[a]ppell jew [ir-]reviżjoni dwar din id-deċiżjoni m’għandux jissospendi l-implimentazzjoni tat-trasferiment sakemm il-qrati u l-korpi kompetenti ma jiddeċidux li jsir hekk fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-leġislazzjoni nazzjonali tippermetti dan”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-objettivi segwiti mir-Regolament Nru 343/2003 jistgħu jservu bħala gwida biex tiġi rriskjata interpretazzjoni tal-Artikolu 19(2) li tindika s-sens li għandu jingħata lill-appell li dan jipprevedi u, konsegwentement, il-portata li għandu jkollu l-istħarriġ eżerċitat permezz ta’ dak l-istrument proċedurali ( 6 ).

35.

Ir-Regolament Nru 343/2003 essenzjalment jirrispondi għall-objettiv li tiġi stabbilita proċedura li tippermetti “li jkun iddeterminat bil-ħeffa l-Istat Membru responsabbli” biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil, skont it-termini tar-raba’ premessa tiegħu. Dan huwa, fil-fehma tiegħi, l-objettiv fundamentali tar-regolament, u d-dispożizzjonijiet tiegħu kollha huma intiżi biex jintlaħaq dak l-objettiv. Dan jgħodd, b’mod partikolari, għar-reġim ta’ termini stabbilit fil-kapitolu V tiegħu u tal-istabbiliment ta’ lista ta’ kriterji oġġettivi sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli li huma intiżi, mhux biss biex tiġi żgurata s-simplifikazzjoni tal-proċedura, iżda wkoll sabiex jiġi evitat il-“forum shopping”, b’mod li d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma tiddependix mill-mod kif iġibu ruħhom l-applikanti ( 7 ).

36.

Din hija r-raġuni għalfejn wieħed jista’ jafferma, skont il-linja ta’ argumentazzjoni żviluppata mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu ċċitati iktar ’il fuq fil-kawża Puid ( 8 ), li r-Regolament Nru 343/2003 ma jipproponix bħala objettiv prinċipali li “jagħti drittijiet lil individwi, imma li jorganizza r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri”, anki jekk dan jinkludi “ċerti elementi li ma humiex irrilevanti għad-drittijiet tal-applikanti għall-ażil” ( 9 ).

37.

Ir-Regolament Nru 343/2003 jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil. Il-funzjonament korrett tal-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni previst mir-Regolament huwa, għaldaqstant, kwistjoni li taffettwa direttament lill-Istati Membri, għaliex huwa l-eżerċitar tal-prerogattivi tagħhom ta’ awtorità pubblika li jinsab prinċipalment inkwistjoni fl-applikazzjoni ta’ din ir-regola tal-Unjoni.

38.

Dawn il-prerogattivi għandhom jiġu eżerċitati fit-twettiq tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri fil-qasam tad-dritt tal-ażil, li huwa ggarantit mill-Artikolu 18 tal-karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea “b’rispett għar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève tat-28 ta’ Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus ta’ refuġjati u skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea”.

39.

Għalhekk, id-dritt fundamentali tal-ażil jidħol inkwistjoni, għalkemm b’mod mhux immedjat, jew indirett, fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003. B’hekk, għalkemm l-Istati Membri huma l-partijiet prinċipali li għandhom interess fl-applikazzjoni korretta tar-regolament, l-applikanti għall-ażil ukoll għandhom interess leġittimu f’dan ir-rigward. Madankollu ma jidhirlix li dak l-interess jista’ jasal sal-punt li jinqaleb fi dritt soġġettiv li jilleġittimizza l-pretensjoni li l-applikazzjoni għall-ażil tiġi eżaminata minn Stat Membru determinat.

40.

Fil-fehma tiegħi, huwa neċessarju, sabiex ikun hemm interpretazzjoni korretta tar-Regolament Nru 343/200, li fl-aħħar mill-aħħar dan għandu jitqies li jiżgura l-eżerċitar effettiv tad-dritt tal-ażil. Ir-Regolament Nru 343/2003 huwa element fundamentali mis-sistema regolatorja sħiħa prevista mill-Unjoni sabiex ikun possibbli l-eżerċitar ta’ dan id-dritt fundamentali. L-imsemmija sistema, li llum il-ġurnata hija rregolata mir-rikonixximent tad-dritt, fl-Artikolu 18 tal-karta, u mill-mandat maħruġ għall-iżvilupp ta’ politika komuni f’dan il-qasam mill-Artikolu 78(1)TFUE, hija essenzjalment komposta, minbarra mir-regolament li jinsab inkwistjoni hawnhekk, mir-regoli minimi dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed ikun jista’ jippretendi l-istatus ta’ refuġjat li jinsabu fid-Direttiva 2004/83/KE ( 10 ), u mir-regoli minimi proċedurali previsti fid-Direttiva 2005/85.

41.

Ir-Regolament Nru 343/2003, bħar-regoli kollha tal-Unjoni li wkoll jagħmlu parti mis-sistema ta’ garanzija tad-dritt fundamentali tal-ażil, għandu għaldaqstant jinftiehem, fl-aħħar mill-aħħar, bħala regola strumentali għall-finijiet ta’ dik il-garanzija. Minn din il-perspettiva ta’ prinċipju, jidhirli li l-ispirtu tas-sistema huwa bbażat fuq l-idea li l-Unjoni tikkostitwixxi fit-totalità tagħha “territorju sigur” għal kull applikant għall-ażil. Meta jidħol fit-territorju tal-Unjoni, min jaħrab minn ċirkustanzi u kundizzjonijiet li jkunu wasslu għall-ħarba tiegħu u li jiġġustifikaw l-għoti tad-dritt għall-ażil, jidħol f’żona fejn dik il-protezzjoni hija żgurata. Għall-finijiet tad-dritt tal-ażil, l-Unjoni fit-totalità tagħha, u kull wieħed mill-Istati Membri, huma “territorju sigur”, u hija preċiżament din il-preżunzjoni li tifforma s-sisien tal-fiduċja li hija l-bażi tal-integrazzjoni tal-Istati Membri fis-sistema Ewropea komuni dwar l-ażil ( 11 ). Ċertament, kif ser naraw iktar ’il quddiem, din f’ebda każ ma hija preżunzjoni inkonfutabbli ( 12 ).

42.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-essenzjal tad-dritt fundamentali tal-ażil żgurat mill-Artikolu 18 tal-karta huwa ppreżervat bid-dħul fl-Unjoni, b’mod li t-titolari ta’ dak id-dritt ma jistax jiġi ppenalizzat minħabba l-fatt li l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu taqa’ f’idejn wieħed jew l-ieħor mill-Istati Membri. Fil-fatt, sakemm ta’ mill-inqas ikun żgurat b’mod suffiċjenti l-eżerċitar korrett tiegħu, l-individwu kkonċernat jista’ fi kwalunkwe każ jinvokah permezz ta’ appell kif previst fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 kontra deċiżjonijiet dwar il-merti tal-applikazzjoni tiegħu għall-ażil jew dwar l-effetti fuq it-trattament tiegħu, iżda mhux b’mod sinjifikattiv kontra deċiżjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tiegħu.

43.

Madankollu, fi kwalunkwe każ dan ma jċaħħdux minn interess leġittimu biex jiġi ddeterminat b’mod korrett l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu. Għal din ir-raġuni, ir-Regolament Nru 343/2003 jagħtih dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni adottata f’dan ir-rigward. Madankollu, kemm-il darba l-essenzjal tad-dritt fundamentali tiegħu ma jkunx, fil-prinċipju, kompromess miċ-ċirkustanza li l-applikazzjoni tiegħu tkun eżaminata minn Stat Membru partikolari, jidhirli li d-dritt li jista’ jiġi invokat permezz ta’ appell kif previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003 għandu portata limitata, li hija perfettament konformi, min-naħa l-oħra, man-natura tar-Regolament Nru 343/2003 bħala regola li torganizza, qabel kollox, il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġestjoni tad-dritt tal-ażil tal-Unjoni.

44.

Fil-fehma tiegħi, is-suġġett ta’ tali appell jista’ jkun biss l-osservanza tar-Regolament innifsu, fuq żewġ kwistjonijiet: a) li jkunu ssodisfatti ċ-ċirkustanzi li jippermettu li tiġi miċħuda l-preżunzjoni ta’ osservanza tad-drittijiet fundamentali li fuqhom hija bbażata s-sistema tal-Unjoni, u b) ir-rikonoxximent mir-Regolament Nru 343/2003 ta’ ċerti drittijiet speċifiċi korollarji tad-dritt ta’ ażil fil-proprju sens tiegħu, u l-garanziji relatati.

45.

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel ipoteżi, iċ-ċirkustanzi huma l-istess bħal dawk fil-kawża li wasslet għas-sentenza N.S. et, li ser nindirizza iktar ’il quddiem, meta neżamina t-tielet domanda. Din hija ipoteżi fejn titpoġġa inkwistjoni l-bażi nfisha tas-sistema tar-Regolament Nru 343/2003, li ma hija xejn ħlief il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-osservanza f’dawk l-Istati kollha tal-kundizzjonijiet li jiżguraw debitament il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti għall-ażil ( 13 ).

46.

It-tieni ipoteżi hija kkostitwita, fil-fehma tiegħi, mid-drittijiet li r-Regolament Nru 343/2003 jagħti speċifikament lill-applikant għall-ażil matul il-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu. Dan huwa l-każ tad-drittijiet marbuta mar-riunjoni tal-familji (Artikoli 7, 8, 14 u 15), ta’ dawk assoċjati mal-kundizzjoni ta’ minorenni (Artikolu 6) jew dawk marbuta mal-ħeffa tal-proċedura (osservanza tat-termini u applikazzjoni tal-konsegwenzi previsti f’kull każ; kif previst, pereżempju, fl-Artikolu 19(4)). Dawn huma kollha drittijiet li, b’mod definittiv, imorru lil hinn mill-pożizzjoni ġuridika tal-Istati Membri fil-qasam tar-relazzjonijiet organizzati mir-Regolament Nru 343/2003, u li jagħtu lill-applikant għall-ażil dritt soġġettiv speċifiku proprju, li huwa dejjem marbut, barra minn hekk, ma’ qasam protett bil-garanzija ta’ dritt fundamentali: id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja tal-familja (Artikoli 7 u 33 tal-Karta), id-dritt għall-protezzjoni tat-tfal (Artikolu 24 tal-Karta), u d-dritt għal amministrazzjoni tajba (Artikolu 41 tal-Karta). B’mod definittiv, dan b’hekk ma jikkonsistix f’sempliċi dritt ta’ żvolġiment korrett ta’ proċedura li fiha huma rregolati kwistjonijiet li jaffettwaw prinċipalment l-Istati Membri, iżda dritt li r-regolazzjoni ta’ dawk il-kwistjonijiet tkun konformi ma’ ċerti drittijiet u interessi li huma s-soġġetti għall-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali partikolari.

47.

Bħala konklużjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-applikant għall-ażil jista’ jressaq l-appell jew fejn xieraq, ir-reviżjoni previsti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003 biss biex jopponi l-applikazzjoni tal-kriterji tar-regolament li, jew twassal biex ir-responsabbiltà tiġi allokata – bil-konsegwenzi kollha li dan jimplika – lil Stat Membru li ma jkunx f’pożizzjoni li jiżgura trattament kumpatibbli mal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ta’ applikant għall-ażil, jew inkella tinterpreta b’mod żbaljat il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru li huma bbażati fuq id-drittijiet soġġettivi rrikonoxxuti speċifikament lill-applikant għall-ażil mir-regolament stess.

48.

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jidhirli għaldaqstant li Abdullahi ma tistax topponi l-għażla tal-Ungerija bħala Stat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tagħha għall-ażil, ħlief jekk turi li t-trasferiment tagħha lejn dak l-Istat Membru huwa inkumpatibbli mal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tagħha, jew li l-awtoritajiet Awstrijaċi ma ħadux inkunsiderazzjoni kriterji ta’ determinazzjoni bbażati fuq drittijiet soġġettivi li Abdullahi għandha speċifikament taħt ir-Regolament Nru 343/2003.

B – It-tieni domanda

49.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li t-tieni domanda rrinvijata mill-Asylgerichtshof hija irrelevanti.

50.

Fil-fatt, l-għażla tal-Ungerija bħala l-Istat Membru responsabbli – li hija l-kwistjoni dibattuta f’din il-kawża – ma tistax tiġi annullata, permezz tal-appell previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003, ħlief jekk jiġi stabbilit li l-Ungerija ma tinsabx f’pożizzjoni li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ Abdullahi jew jekk l-awtoritajiet Awstrijaċi jkunu naqsu milli japplikaw il-kriterji tar-regolament ibbażati fuq ċirkustanzi li jikkostitwixxu dritt soġġettiv għall-applikanta għall-ażil, bħall-kundizzjoni ta’ minorenni jew l-eżistenza ta’ membri tal-familja fi Stati Membri oħrajn.

51.

Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħti deċiżjoni dwar dawn iż-żewġ punti. Madankollu, il-fattur importanti f’dan ir-rigward huwa biss li, sabiex isir dan, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat liema kien l-“ewwel Stat Membru” li permezz tiegħu l-applikanta għall-ażil daħlet fl-Unjoni għall-finijiet tar-Regolament Nru 343/2003. Dan huwa għaliex l-uniċi Stati Membri li għandhom interess fl-appell abbażi tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament għandhom ikunu l-Ungerija, fi kwalunkwe każ (għaliex huwa l-uniku Stat Membru ddeterminat mid-deċiżjoni soġġetta għall-appell), u possibbilment dawk fejn Abdullahi għandha membri tal-familja jew, finalment, l-Awstrija stess, jekk ikun japplika l-każ previst fl-Artikolu 19(4) tar-regolament (jiġifieri jekk, wara li jkun ġie deċiż it-trasferiment lejn l-Ungerija, dan ma jiġix eżegwit fit-terminu stabbilit minn dik id-dispożizzjoni).

52.

L-identità tal-Istat Membru minn fejn seħħ id-dħul ta’ Abdullahi fit-territorju tal-Unjoni b’hekk huwa irrelevanti. B’dan ma rridx ngħid li l-applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 343/2003 għandha twassal sabiex f’kull każ jiġi eskluż il-kriterju tal-Istat Membru tad-dħul. Li rrid ngħid fil-fatt huwa li, anki kieku – pereżempju – dan il-kriterju kellu jkun dak li għandu jiġi applikat, huwa ċert li l-applikazzjoni inkorretta tar-regolament ma kinitx timplika l-ksur ta’ dritt soġġettiv ta’ Abdullahi, li jista’ jiġi invokat permezz tar-rikors previst fl-Artikolu 19(2). L-applikanta għall-ażil, kif diġà semmejt, ma għandhiex dritt soġġettiv għall-applikazzjoni rigoruża tar-regolament fuq il-punti kollha, iżda biss għall-applikazzjoni korretta tal-kriterji konkreti bbażati fuq drittijiet soġġettivi rrikonoxxuti speċifikament mir-regolament.

53.

Minkejja kollox, u fuq bażi sussidjarja, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li hemm lok li tingħata risposta għat-tieni waħda mid-domandi li saru mill-Asylgerichtshof, ser nindirizza dan il-punt iktar ’il quddiem.

54.

Ċertament, fil-kuntest tal-appell previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003, il-qorti nazzjonali tista’ tirrevedi fuq il-merti d-deċiżjoni amministrattiva minn kull aspett u, konsegwentement, tipproċedi hija stess għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli b’applikazzjoni tal-kriterji tar-regolament, iżda l-problema li tqajjem l-Asylgerichtshof f’din il-kawża hija dik dwar kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament, li jinkludi l-kriterju tad-dħul irregolari minn Stat Membru partikolari.

55.

L-Asylgerichtshof ma titlobx li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara jekk Abdullahi daħlitx jew le fl-Unjoni minn dak li hija ssejjaħ l-“ewwel Stat Membru”, għaliex it-tieni domanda tagħha titlaq mill-ipoteżi li l-ewwel dħul seħħ minn dak l-Istat Membru. Il-kwistjoni hija pjuttost jekk dak id-dħul għandux jitqies bħala d-“dħul relevanti” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 10(1).

56.

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju – li magħha jaqblu l-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Greċja u tal-Italja, kif ukoll il-Konfederazzjoni Svizzera –, id-“dħul relevanti” huwa biss dak li jsir permezz tat-“tieni Stat Membru” (l-Ungerija). Hija tgħid li l-ewwel vjaġġ ta’ Abdullahi lejn l-Unjoni ntemm meta hija abbandunat l-“ewwel Stat Membru” (il-Greċja). It-tieni dħul, mit-“tieni Stat Membru”, kien, għaldaqstant, ir-riżultat ta’ vjaġġ ġdid – l-uniku wieħed li, fil-fehma tagħha, huwa relevanti.

57.

Għall-kuntrarju, kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Renju Unit u l-Gvernijiet ta’ Franża u tal-Ungerija, kif ukoll Abdullahi, isostnu li d-dħul relevanti huwa dak li sar mill-“ewwel Stat Membru”, u huma jagħtu importanza partikolari lill-fatt li ebda wieħed mit-termini msemmija fl-Artikoli 10(1) u 16(3) tar-Regolament Nru 343/2003 ma skadew. Fil-fehma tiegħi, dan huwa element determinanti għas-soluzzjoni tal-kwistjoni mqajma.

58.

Għalkemm il-qorti tar-rinviju titkellem dwar żewġ “vjaġġi”, jidhirli li fiċ-ċirkustanzi tal-każ, għandna nitkellmu dwar vjaġġ wieħed.

59.

Huwa minnu li, skont l-informazzjoni mogħtija mill-Asylgerichtshof, il-vjaġġ ta’ Abdullahi beda f’April 2011 bi traġitt bl-ajruplan minn post mhux stabbilit sas-Sirja u ntemm fl-Awstrija, fejn hija ġiet arrestata u talbet l-ażil fid-29 ta’ Awwissu 2011. Sabiex tasal fl-Awstrija, hija b’hekk għamlet traġitt li ħadha mis-Sirja sat-Turkija u, minn hemm, permezz tal-baħar, lejn il-Greċja, fejn hija daħlet f’Lulju 2011, biex imbagħad kompliet il-vjaġġ fuq l-art u qasmet il-Greċja, minn fejn hija ħarġet biex tidħol f’pajjiż terz, sussegwentement qasmet minn pajjiżi terzi oħrajn, daħlet mill-ġdid fl-Unjoni permezz tal-Ungerija, u finalment marret lejn l-Awstrija.

60.

Fl-opinjoni tiegħi, lil hinn mid-diskontinwità ġeografika, it-traġitt li segwiet Abdullahi kien pjuttost wieħed sħiħ u kontinwu: mis-Somalja (il-pajjiż ta’ oriġini tagħha) jew, ta’ mill-inqas, skont dak li ġie stabbilit, mis-Sirja sa – mingħajr interruzzjoni – l-Awstrija, fejn hija talbet finalment u effettivament l-ażil. Il-kontinwità u l-unità tat-traġitt jirriżultaw, fil-fehma tiegħi, mid-dimensjoni temporali, għaliex hija għamlet dik id-distanza fi żmien qasir ħafna, prattikament l-inqas possibbli biex tasal fid-destinazzjoni f’kundizzjonijiet ta’ klandestinità li kkaratterizzaw il-vjaġġ twil ta’ Abdullahi. Ċertament, ma huwiex għal kollox ċar li d-destinazzjoni fejn xtaqet tasal Abdullahi kienet l-Awstrija, pajjiż fejn hija ġiet arrestrata meta hija forsi riedet tkompli bil-vjaġġ tagħha lejn Stat Membru ieħor. Iżda fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda dubju li d-“destinazzjoni” tagħha, jekk nistgħu ngħidulha hekk, ma kinitx il-Greċja, pajjiż fejn hija waslet f’Lulju 2011 u minn fejn hija probabbilment telqet fl-istess xahar, peress li kien f’Awwissu li hija talbet l-ażil fl-Awstrija wara li qasmet diversi pajjiżi terzi, minbarra l-Ungerija.

61.

Minkejja kollox, dik il-kontinwità tal-vjaġġ ta’ Abdullahi, għalkemm nistgħu ngħidu li kienet “ideali”, għandha biss piż relattiv. L-aktar importanti huwa l-fatt li Abdullahi daħlet għall-ewwel darba fit-territorju tal-Unjoni mill-Greċja, bħala l-ewwel “territorju sigur”, u li dan il-fatt skatta ir-responsabbiltà ta’ dak l-Istat Membru abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003, u li din intemmet biss tnax-il xahar wara d-data ta’ dak id-dħul irregolari.

62.

F’dan ir-rigward hemm żewġ konsiderazzjonijiet. Fl-ewwel lok, meta titqies il-kontinwità tat-traġitt ta’ Abdullahi mill-post ta’ oriġini tagħha sal-post fejn hija ġiet arrestata u talbet l-ażil, wieħed jista’ jqis li meta telqet mill-Greċja, hija ma kellhiex l-intenzjoni li titlaq mill-Unjoni, iżda pjuttost li tkompli bil-vjaġġ tagħha lejn Stat Membru ieħor. Is-sitwazzjoni ġeografika tal-Greċja setgħet raġonevolment timponi, għal raġunijiet ta’ faċilità u ta’ ekonomija fl-ispostament, itinerarju li jgħaddi minn diversi pajjiżi terzi mingħajr ma kellha l-inqas intenzjoni, meta ħarġet mill-Greċja biex taqsam minn dawk il-pajjiżi terzi, jekk nista’ nesprimi ruħi b’dan il-mod, li tabbanduna l-Unjoni. L-intenzjoni ġuridikament relevanti kienet, għall-kuntrarju, li tibqa’ fl-Unjoni billi tasal minn Stat Membru ieħor.

63.

Fit-tieni lok, anki kieku kellna ngħidu li Abdullahi “telqet” mill-Unjoni meta ħarġet mill-Greċja, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li l-effett tat-tluq mit-territorju tal-Unjoni ma huwiex instantanju. Dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 343/2003, li jistabbilixxi li l-obbligi tal-Istat Membru li jinżamm responsabbli skont ir-regolament “jieqfu fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ħalla t-territorju tal-Istati Membri għall-inqas għal tliet xhur”. Din id-dispożizzjoni tirreferi, ċertament, għall-obbligi tal-Istat Membru responsabbli meta dan ikun ġie identifikat b’applikazzjoni tal-kriterji tar-Regolament Nru 343/2003. Iżda din għandha tinftiehem ukoll li topera mill-mument stess meta l-awtorità kompetenti tapplika dawn il-kriterji, b’mod li jkun hemm lok li jiġu esklużi mill-proċedura sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, dawk l-Istati Membri minn fejn ikun ċar mill-bidu li l-applikant għall-ażil ikun telaq għal perjodu ta’ tliet xhur.

64.

Fi kwalunkwe każ, fuq kollox il-fatt importanti huwa li, skont ir-Regolament Nru 343/2003, l-abbandun fiżiku tat-territorju ma jimplikax awtomatikament qtugħ ġuridiku mal-Unjoni, b’mod li d-drittijiet li jista’ jkollu l-applikant u l-preġudizzji li jista’ jġarrab mad-dħul tiegħu fl-Unjoni jibqgħu jeżistu fit-tliet xhur wara l-ħruġ tiegħu, u jerġgħu jsiru attivi malli jidħol mill-ġdid fl-Unjoni wara l-iskadenza ta’ dak it-terminu. Fil-każ li għandna quddiemna, l-applikanta għall-ażil ma telqitx mill-Unjoni għal aktar minn xahar sa mid-dħul tagħha fil-Greċja, b’mod li r-responsabbiltà ta’ dak l-Istat Membru kienet għadha fis-seħħ meta Abdullahi daħlet fl-Ungerija.

65.

Għaldaqstant, jidhirli li l-effetti tal-ewwel dħul fl-Unjoni jibqgħu jeżistu sa meta jkunu għaddew tliet xhur wara l-ħruġ mit-territorju tal-Istati Membri u li, għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ir-responsabbiltà tkun tal-“ewwel Stat Membru”.

C – It-tielet domanda

66.

It-tielet domanda tirrigwarda l-kwistjoni, b’referenza għas-sentenza N.S. et, dwar sa liema punt is-sitwazzjoni ta’ “Stat Membru li s-sistema ta’ ażil tiegħu tkun tippreżenta nuqqasijiet strutturali stabbiliti” toħloq obbligu li jiġi eskluż bħala l-Istat Membru responsabbli, minkejja li jkun hekk skont l-Artikolu 10(1) tar-regolament.

67.

Mingħajr preġudizzju għal ċerti diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li jqumu minħabba t-termini litterali tat-tielet domanda, jidhirli, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti nazzjonali fid-digriet tar-rinviju tagħha, li hemm lok li wieħed jikkonkludi li fir-realtà hija qiegħda tistaqsi jekk Stat Membru li jkollu dawk in-nuqqasijiet għandux jiġi purament u sempliċement eskluż, fil-prinċipju, bħala l-Istat Membru li jista’ jkun responsabbli, jew inkella jekk, għall-kuntrarju, ladarba jiġi identifikat l-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Nru 343/2003, għandux sussegwentement jiġi identifikat Stat Membru responsabbli ieħor b’applikazzjoni ta’ kriterji oħrajn tar-Regolament.

68.

Il-pern tal-kwistjoni b’hekk huwa kif għandna nipproċedu meta effettivament ikun hemm lok, skont il-ġurisprudenza N.S. et, li tiġi mwarrba l-għażla ta’ Stat Membru bħala responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil.

69.

Il-kwistjoni b’hekk hija kif għandu jiġi ddeterminat Stat Membru ieħor responsabbli ladarba jiġi eskluż dak li kellu jkun magħżul b’applikazzjoni tal-kriterji tar-Regolament Nru 343/2003 skont il-ġurisprudenza N.S. et.

70.

Skont il-punt 107 tas-sentenza N.S. et, “[b]la ħsara għall-possibbiltà li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 343/2003, l-impossibbiltà li l-persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor tal-Unjoni, meta dan l-Istat ikun identifikat bħala l-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, tobbliga lill-Istat Membru li kellu jwettaq dan it-trasferiment sabiex ikompli bl-eżami tal-kriterji ta’ dan il-kapitolu sabiex jivverifika jekk wieħed mill-kriterji ulterjuri jippermettix li jiġi identifikat Stat Membru ieħor bħala dak responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil” ( 14 ).

71.

Il-kelma kwalifikattiva “ulterjuri” iżżomm is-sens sħiħ tagħha għaliex l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 343/2003 jistipula huwa stess li “[i]l-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu” ( 15 ).

72.

Waqt li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu tal-fehma li l-kriterju applikabbli fl-ewwel lok kien dak li jinsab fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 343/2003 (dħul irregolari fit-territorju tal-Unjoni), dan huwa għaliex huma jkunu eskludew l-applikazzjoni ta’ kriterji preċedenti (l-età minorenni, l-eżistenza ta’ membri tal-familja, il-pussess ta’ permess ta’ soġġorn); l-impossibbiltà li ssir referenza għal dan il-kriterju tobbligahom li jeżaminaw il-possibbiltà li japplikaw wieħed minn dawk li jsegwu fl-ordni stabbilita mir-Regolament u, bħala l-aħħar rimedju, li jirreferu għall-klawsola residwali tal-Artikolu 13, li tagħżel bħala responsabbli l-Istat Membru fejn tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-ażil.

73.

Fil-prinċipju, kull wieħed minn dawn il-kriterji jiġi eżawrit wara li jiġi applikat, għaliex normalment ikun meħtieġ li, b’kull wieħed minnhom, jiġi identifikat Stat Membru wieħed biss responsabbli. Għaldaqstant, jekk jiġi applikat mill-ġdid il-kriterju li wassal għad-determinazzjoni tal-Istat Membru li lejh l-applikant għall-ażil finalment ma jistax jiġi ttrasferit, dan ma jagħmel ebda sens, għaliex dik l-applikazzjoni twassal mill-ġdid, mingħajr waqfien, għall-Istat Membru mwarrab. Bl-istess mod, ikun inkonċepibbli li tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni ta’ wieħed mill-kriterji preċedenti, li diġà ġew imwarrba meta ġie konkluż li l-kriterju relevanti kien wieħed mill-kriterji ulterjuri.

74.

F’dan il-każ, u skont dik il-loġika, jibqa’ biss li jiġu applikati l-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 11 (dħul fi Stat membru fejn Abdullahi kienet eżentata mill-obbligu ta’ visa) u fl-Artikolu 12 (applikazzjoni għall-ażil ifformulata fiż-żona ta’ tranżitu internazzjonali ta’ ajruport ta’ Stat Membru). Jekk ebda wieħed minn dawn ma jkun applikabbli, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tibqa’ biss il-klawsola residwali tal-Artikolu 13, li għandha l-effett li tattribwixxi r-responsabbiltà lill-awtoritajiet Awstrijaċi. Dan kollu, b’mod ċar, mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni tal-klawsoli ta’ sovranità u dawk umanitarji li jinsabu speċifikament fl-Artikoli 3(2) u 15(1) tar-Regolament Nru 343/2003.

VI – Konklużjoni

75.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi skont kif ġej għad-domandi li saru:

“1)

L-applikant għall-ażil jista’ jipprevalixxi ruħu mill-appell jew, jekk ikun il-każ, mir-reviżjoni previsti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003 biex jikkontesta, jew l-applikazzjoni tal-kriterji tar-regolament li twassal għad-determinazzjoni ta’ Stat Membru li ma jkunx f’pożizzjoni li jiżgura lill-applikant għall-ażil trattament kumpatibbli mal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ kriterji tad-determinazzjoni tal-Istat Membru li jkunu bbażati fuq drittijiet soġġettivi rrikonoxxuti speċifikament mir-regolament innifsu.”

Fuq bażi sussidjarja, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li l-appell previst fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003 jippermetti li jiġi kkontestat kull ksur tal-imsemmi regolament:

“2)

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil taqa’ fuq l-Istat Membru fejn ikun seħħ l-ewwel dħul irregolari.

3)

Il-konstatazzjoni, mill-qorti nazzjonali, ta’ nuqqasijiet sistemiċi fil-proċedura tal-ażil u l-kundizzjonijiet li fihom jintlaqgħu l-applikanti għall-ażil fi Stat Membru partikolari ma timplikax l-esklużjoni tiegħu mis-sistema tar-Regolament Nru 343/2003, b’mod li dak l-Istat Membru jibqa’ eskluż a priori mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Dik il-konstatazzjoni timplika biss l-esklużjoni tar-responsabbiltà li tista’ taqa’ fuqu fl-okkażjoni tal-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-imsemmi regolament, bil-konsegwenza li jkollu jiġi ddeterminat Stat Membru ieħor għall-applikazzjoni tal-kriterji ulterjuri applikati għalih inizjalment.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).

( 3 ) C-411/10 u C-493/10.

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 168).

( 5 ) Kif tfakkar is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Halaf (C-528/11, punt 37), il-ħidmiet preparatorji tar-Regolament Nru 343/2003 juru li r-regola tal-Artikolu 3(2) tirrispondi għall-objettiv li l-Istati Membri jiddeċiedu “b’mod sovran” li jeżaminaw applikazzjoni għall-ażil, mingħajr ma jkunu soġġetti għal ebda kundizzjoni.

( 6 ) Bħala eżempju f’dan is-sens, ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Petrosian (C-19/08, Ġabra p. I-495, punt 34).

( 7 ) Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża Puid (C-4/11, punt 57).

( 8 ) Punt 58.

( 9 ) Hemm lok, fuq dan il-punt, kif jagħmel ukoll l-Avukat Ġenerali Jääskinen, li jissemmew il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-Kawża Kastrati (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, C-620/10, punt 29).

( 10 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

( 11 ) Ara f’dan is-sens, N.S. et, punti 78 sa 80.

( 12 ) N.S. et, punti 81 sa 99.

( 13 ) N.S. et, punti 78 u 79.

( 14 ) Enfasi miżjuda minni.

( 15 ) Enfasi miżjuda minni.