KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-23 ta’ Jannar 2014 ( 1 )

Kawża C‑377/12

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Deċiżjoni 2012/272/UE — Kooperazzjoni fl-iżvilupp — Trasport — Ambjent — Ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi — Bażi legali skont it-Titolu V tat-Trattat FUE”

Werrej

 

I – Introduzzjoni

 

II – Il-kuntest ġuridiku

 

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V – Analiżi

 

A – L-argumenti tal-partijiet

 

B – Il-pożizzjoni tal-ġurisprudenza rilevanti u d-determinazzjoni tat-test applikabbli

 

C – L-oriġini, il-kontenut u l-istruttura tal-FSK

 

D – Kooperazzjoni fl-iżvilupp fid-dritt tal-Unjoni u l-klassifikazzjoni tal-FSK

 

E – Fuq iż-żieda tal-bażijiet legali relatati mat-trasport

 

F – Fuq iż-żieda tal-bażi legali dwar l-ambjent

 

G – Fuq iż-żieda tal-bażi legali relatata mal-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

 

1. Il-kontenut tal-FSK

 

2. Migrazzjoni u politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp

 

3. L-Artikolu 26 tal-FSK fid-dawl tal-prassi preċedenti

 

4. Il-prassi attwali fil-qasam ta’ ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid

 

H – Fuq iż-żamma tal-effetti ratione temporis tad-deċiżjoni annullata

 

VI – Fuq l-ispejjeż

 

VII – Konklużjoni

I – Introduzzjoni

1.

Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/272/UE, tal-14 ta’ Mejju 2012, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata” sa fejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea żied il-bażijiet legali relatati mat-trasport, mal-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u mal-ambjent.

II – Il-kuntest ġuridiku

2.

L-Artikolu 26 tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem l-“FSK”) ( 3 ), intitolat “Kooperazzjoni fil-qasam tal-Migrazzjoni u l-Iżvilupp” u inkluż fit-Titolu V dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u x-xogħol marittimu, jipprovdi kif ġej:

“1.   Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza ta’ ġestjoni konġunta tal-flussi migratorji bejn it-territorji tagħhom. Bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu għal djalogu komprensiv u għal konsultazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-migrazzjoni. It-tħassib dwar il-migrazzjoni għandu jkun inkluż fl-istrateġiji nazzjonali/fil-qafas ta’ żvilupp nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni tal-migranti.

2.   Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni speċifika tal-ħtiġijiet li titmexxa b’konsultazzjoni reċiproka u ftehim bejn il-Partijiet u tiġi implimentata skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali fis-seħħ. Hija għandha tiffoka, b’mod partikolari, fuq:

a)

il-fatturi li joħolqu u li jiġbdu l-migrazzjoni;

b)

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali li jirrigwardaw il-protezzjoni u d-drittijiet tal-migranti, bil-għan li jiġu ssodisfati d-dispożizzjonijiet ta’ strumenti internazzjonali applikabbli li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-migranti;

c)

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali li jirrigwardaw il-protezzjoni internazzjonali, bil-għan li jiġu ssodisfati d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni […] dwar l-Istatus tar-Refuġjati […] u sabiex jiġi żgurat ir-rispett lejn il-prinċipju ta’ non-refoulement;

d)

ir-regoli ta’ ammissjoni, kif ukoll id-drittijiet u l-istatus tal-persuni ammessi, il-provvediment ta’ trattament ġust u t-toroq għall-integrazzjoni ta’ residenti legali li mhumiex ċittadini, l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-miżuri kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni, u l-ksenofobija;

e)

l-istabbiliment ta’ politika effettiva u preventiva għall-indirizzar tal-preżenza fit-territorju tagħhom ta’ ċittadin tal-Parti l-oħra li ma jissodisfax, jew li ma jibqax jissodisfa, il-kundizzjonijiet ta’ dħul, permanenza jew residenza fit-territorju tal-Parti kkonċernata, il-kuntrabandu ta’ persuni, u t-traffikar tal-bnedmin, inklużi metodi li jiġġieldu n-netwerks ta’ kuntrabandisti u ta’ traffikanti u metodi li jipproteġu lill-vittmi ta’ tali attivitajiet;

f)

ir-ritorn ta’ persuni kif definiti fil-paragrafu 2(e), taħt kundizzjonijiet umani u dinjitużi, inkluż il-promozzjoni tar-ritorn volontarju u sostenibbli tagħhom lejn il-pajjiżi ta’ oriġini, u l-ammissjoni/l-ammissjoni mill-ġdid ta’ dawn il-persuni skont il-paragrafu 3. Ir-ritorn għandu jsir billi jiġi kkunsidrat kif dovut id-dritt tal-Partijiet li jagħtu permessi ta’ residenza jew awtorizzazzjonijiet ta’ permanenza għal raġunijiet umanitarji u ta’ kumpassjoni u fuq il-prinċipju ta’ non-refoulement;

g)

kwistjonijiet identifikati bħala li huma ta’ interess reċiproku fil-qasam tal-viżi u tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, kif ukoll tal-ġestjoni tal-fruntieri;

h)

il-kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u ta’ żvilupp inkluż l-iżvilupp ta’ riżorsi umani, il-protezzjoni soċjali, l-immassimizzar tal-benefiċċji mill-migrazzjoni, is-sessi u l-iżvilupp, ir-reklutaġġ etiku u l-migrazzjoni ċirkolari, u l-integrazzjoni tal-migranti.

3.   Fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni f’dan il-qasam u mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-Partijiet qegħdin jaqblu wkoll li:

a)

[i]l-Filippini għandhom jaċċettaw lura kull ċittadin tagħhom kif definit fil-paragrafu 2(e) li jkun preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru fuq talba ta’ dan tal-aħħar, mingħajr dewmien żejjed ladarba ċ-ċittadinanza tiegħu tkun ġiet stabbilita u jkun sar il-proċess dovut fl-Istat Membru;

b)

[k]ull Stat Membru għandu jaċċetta lura kull ċittadin tiegħu kif definit fil-paragrafu 2(e) li jkun preżenti fit-territorju tal-Filippini fuq talba ta’ dan tal-aħħar, mingħajr dewmien żejjed ladarba ċ-ċittadinanza tiegħu tkun ġiet stabbilita u jkun sar il-proċess dovut fil-Filippini;

c)

[l]-Istati Membri u l-Filippini għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom bid-dokumenti meħtieġa għal dawn il-finijiet. Kwalunkwe talba għall-ammissjoni jew għall-ammissjoni mill-ġdid għandha tkun trażmessa mill-istat rikjedenti lill-awtorità kompetenti tal-istat mitlub.

Jekk il-persuna kkonċernata ma jkollhiex dokumenti ta’ identità xierqa jew provi oħrajn tan-nazzjonalità tagħha, il-Filippini jew l-Istat Membru għandhom jitolbu minnufih għar-rappreżentanza diplomatika jew konsulari kompetenti kkonċernata sabiex tkun żgurata n-nazzjonalità tagħha, jekk ikun meħtieġ permezz ta’ intervista; u ladarba jkun aċċertat li din tkun ċittadin tal-Filippini jew tal-Istat Membru, għandhom jinħarġu dokumenti xierqa mill-awtoritajiet kompetenti Filippini jew tal-Istat Membru.

4.   Il-Partijiet jaqblu li jiffirmaw mill-aktar fis possibbli, ftehim għall-ammissjoni/għall-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini tagħhom, inkluża dispożizzjoni dwar l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn u ta’ persuni mingħajr stat.”

3.

L-Artikolu 34 tal-FSK dwar l-ambjent u r-riżorsi naturali jipprovdi kif ġej:

“1.   Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni f’dan il-qasam għandha tippromwovi l-konservazzjoni u t-titjib tal-ambjent bil-għan li jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli. L-implimentazzjoni tal-eżitu tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali rilevanti li għalihom huma partijiet għandha tiġi kkunsidrata fl-attivitajiet kollha li jsiru mill-Partijiet skont dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet jaqblu dwar il-ħtieġa li jikkonservaw u jamministraw b’mod sostenibbli r-riżorsi naturali u d-diversità bijoloġika għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet kollha filwaqt li jikkunsidraw il-ħtiġijiet ta’ żvilupp tagħhom.

3.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-għan li jtejbu l-appoġġ reċiproku tal-politiki kummerċjali u ambjentali, u l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fis-setturi kollha tal-kooperazzjoni.

4.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex ikomplu u sabiex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fil-programmi reġjonali dwar il-protezzjoni tal-ambjent, fir-rigward ta’:

a)

it-titjib tal-għarfien ambjentali u l-parteċipazzjoni lokali fl-isforzi għall-protezzjoni ambjentali u għall-iżvilupp sostenibbli, inkluża l-parteċipazzjoni ta’ komunitajiet kulturali indiġeni/ta’ popli indiġeni u komunitajiet lokali;

b)

il-bini ta’ kapaċità fl-adattament u fil-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u l-effiċjenza tal-enerġija;

c)

il-bini ta’ kapaċità għall-parteċipazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali inkluż iżda mhux limitat biss għall-bijodiversità u l-bijosikurezza;

d)

il-promozzjoni ta’ teknoloġiji, prodotti u servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, inkluż permezz tal-użu ta’ strumenti regolatorji u bbażati fuq is-suq;

e)

it-titjib tar-riżorsi naturali li jinkludu l-governanza tal-foresti u l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ assoċjat, u l-promozzjoni ta’ riżorsi naturali sostenibbli inkluża l-ġestjoni tal-foresti;

f)

il-ġestjoni effettiva tal-parks nazzjonali u ta’ żoni protetti u l-għażla u l-protezzjoni ta’ żoni ta’ bijodiversità u ta’ ekosistemi fraġli, b’attenzjoni dovuta għall-komunitajiet lokali u indiġeni li jgħixu f’dawk iż-żoni jew qribhom;

g)

il-prevenzjoni ta’ moviment transkonfinali illegali ta’ skart solidu u perikoluż u ta’ forom oħrajn ta’ skart;

h)

il-protezzjoni ta’ ambjenti kostali u marittimi u l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi tal-ilma;

i)

il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ħamrija u l-ġestjoni sostenibbli tal-art, inkluża r-rijabilitazzjoni ta’ minjieri użati kompletament/ta’ minjieri abbandunati;

j)

il-promozzjoni tal-bini ta’ kapaċità fil-ġestjoni tad-diżastri u tar-riskji;

k)

il-promozzjoni ta’ mudelli ta’ Konsum u Produzzjoni Sostenibbli fl-ekonomiji tagħhom.

5.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-aċċess reċiproku għall-programmi tagħhom f’dan il-qasam, f’konformità mat-termini speċifiċi ta’ programmi bħal dawn.”

4.

L-Artikolu 38 tal-FSK iddedikat għat-trasport, jipprovdi kif ġej:

“1.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-oqsma rilevanti tal-politika dwar it-trasport sabiex itejbu l-opportunitajiet ta’ investiment, il-moviment ta’ merkanzija u passiġġieri, jippromwovu s-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport bil-baħar u tal-avjazzjoni, jindirizzaw l-impatt ambjentali tat-trasport u jżidu l-effiċjenza tas-sistemi ta’ trasport tagħhom.

2.   Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet f’dan il-qasam għandha tfittex li tippromwovi:

a)

l-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-politiki, ir-regolamenti u l-prattiki tat-trasport rispettivi tagħhom , partikolarment fejn tikkonċerna t-trasport urban u rurali, it-trasport bil-baħar, it-trasport bl-ajru, il-loġistika tat-trasport, u l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks ta’ trasport multimodali kif ukoll l-immaniġġjar tat-toroq, tal-linji tal-ferrovija, tal-portijiet u tal-ajruporti;

b)

l-iskambju ta’ opinjonijiet dwar is-Sistemi Ewropej ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (b’mod partikolari Galileo) b’attenzjoni fuq kwistjonijiet regolatorji, industrijali, u ta’ żvilupp tas-suq ta’ benefiċċju reċiproku;

c)

il-kontinwità tad-djalogu fil-qasam tas-servizzi tat-trasport bl-ajru bil-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali mingħajr dewmien żejjed għall-ftehimiet bilaterali tas-servizzi tal-ajru eżistenti bejn l-Istati Membri individwali u l-Filippini;

d)

il-kontinwità tad-djalogu dwar it-titjib tan-netwerks u tal-operazzjonijiet ta’ infrastruttura tat-trasport bl-ajru għall-moviment mgħaġġel, effiċjenti, sostenibbli, bla periklu u sikur ta’ persuni u ta’ merkanzija, u l-promozzjoni tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni u r-regolament ekonomiku tal-industrija tal-ajru, bil-għan li jingħata appoġġ lill-konverġenza regolatorja u li jsir titjib tan-negozju, u li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet għal żvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Il-proġetti ta’ kooperazzjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru ta’ interess reċiproku għandhom ikunu promossi aktar;

e)

id-djalogu fil-qasam tal-politika u s-servizzi tat-trasport bil-baħar partikolarment bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp tal-industrija tat-trasport bil-baħar inkluż iżda mhux limitat biss għal:

i)

l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u r-regolamenti li jirrigwardaw it-trasport marittimu u l-portijiet;

ii)

il-promozzjoni ta’ aċċess mingħajr restrizzjoni għas-swieq u s-snajja marittimi internazzjonali fuq bażi kummerċjali, l-astensjoni mill-introduzzjoni ta’ klawżoli ta’ qsim tal-merkanzija, l-għoti ta’ trattament nazzjonali u tal-klawżola tal-Aktar Nazzjon Favorit (MFN) lill-bastimenti mħaddma minn ċittadini jew minn kumpaniji tal-Parti l-oħra kif ukoll kwistjonijiet rilevanti relatati mas-servizzi tat-trasport minn bieb għal bieb li jinvolvu l-waqfiet fuq il-baħar b’kunsiderazzjoni għal-liġijiet nazzjonali tal-Partijiet;

iii)

l-amministrazzjoni effettiva tal-portijiet u l-effiċjenza tas-servizzi tat-trasport bil-baħar; u

iv)

il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni fit-trasport bil-baħar ta’ interess reċiproku u l-qasam tax-xogħol marittimu, l-edukazzjoni u t-taħriġ, skont l-Artikolu 27;

f)

id-djalogu dwar l-implimentazzjoni effettiva ta’ standards ta’ sigurtà tat-trasport, ta’ sikurezza u ta’ prevenzjoni tat-tniġġis, l-aktar fir-rigward tat-trasport bil-baħar, partikolarment inkluża l-ġlieda kontra l-piraterija, u t-trasport bl-ajru, f’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti li għalihom huma partijiet, u ta’ standards, li jinkludu l-kooperazzjoni fil-fora internazzjonali xierqa, li għandhom l-għan li jiżguraw l-infurzar akbar tar-regolamenti internazzjonali. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni teknika u l-għajnuna fi kwistjonijiet relatati mas-sikurezza tat-trasport, is-sigurtà u l-kunsiderazzjoni ambjentali inklużi iżda mhux limitati għall-edukazzjoni u t-taħriġ marittimu u tal-avjazzjoni, it-tiftix u s-salvataġġ, u l-investigazzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti. Il-Partijiet sejrin jiffukaw ukoll fuq il-promozzjoni ta’ mezzi ta’ trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

5.

Fil-25 ta’ Novembru 2004, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim qafas ta’ sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Filippini. Dawn in-negozjati bdew f’Manila fi Frar 2009 u ntemmu f’Ġunju 2010. Il-ftehim ġie finalment iffirmat mill-Kummissjoni u mill-Filippini fil-25 ta’ Ġunju 2010.

6.

Konsegwentement, il-Kummissjoni, fis-6 ta’ Settembru 2010, adottat proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra ( 4 ), liema proposta kienet dakinhar ibbażata fuq l-Artikoli 207 u 209 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE.

7.

Wara ftehim milħuq fi ħdan il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) fit-28 ta’ Jannar 2011 ( 5 ), wara li nkiseb parir tas-servizzi legali tal-Kunsill, dan tal-aħħar adotta unanimament id-deċiżjoni kkontestata u bbażaha mhux biss fuq l-Artikoli 207 u 209 TFUE dwar il-kummerċ u l-iżvilupp, iżda wkoll fuq l-Artikoli 91 u 100 TFUE dwar it-trasport, l-Artikolu 79(3) TFUE dwar l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ Stati terzi u l-Artikolu 191(4) TFUE dwar l-ambjent, marbuta lkoll flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE ( 6 ).

8.

Peress li l-FKS ma fih l-ebda obbligu li jmur lil hinn mill-għan marbut mal-kummerċ u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-Kummissjoni ddeċidiet li ż-żieda tal-Artikoli 79(1), 91, 100 u 191(4) TFUE bħala bażijiet legali tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux neċessarji u fis-6 ta’ Awwissu 2012 ressqet dan ir-rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

minkejja dan, iżżomm l-effetti tad-deċiżjoni u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

10.

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11.

Permezz ta’ digrieti tad-29 ta’ Novembru, tat-18 u tal-20 ta’ Diċembru 2012, u tal-25 ta’ Jannar 2013, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta li l-Irlanda, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Awstrija rispettivament jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

12.

Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq nstemgħu matul is-seduta li nżammet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2013.

V – Analiżi

A – L-argumenti tal-partijiet

13.

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem motiv wieħed li huwa li l-Kunsill, biż-żieda tal-bażijiet legali kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, dwar it-trasport, l-ambjent u l-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini ta’ Stati terzi, kiser ir-regoli tat-trattati u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali.

14.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-FSK, minkejja li jolqot numru kbir ta’ setturi, għandu għan uniku li huwa l-implementazzjoni ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp fis-sens tal-Artikolu 209 TFUE. L-FSK għandu għalhekk jiġi kklassifikat bħala ftehim ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp skont is-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill ( 7 ).

15.

Insostenn ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li t-tliet setturi ta’ azzjoni kkontestati jagħmlu parti mis-setturi msemmija kemm fil-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp ( 8 ) kif ukoll fl-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ( 9 ). Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tipproċedi sabiex turi, settur settur, li l-FSK ma fihx obbligi ta’ natura tali li fir-realtà jikkostitwixxu għanijiet distinti minn dawk tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp. Fir-rigward tat-trasport, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 38 tal-FSK jikkostitwixxi biss impenn ġenerali ta’ kooperazzjoni. L-istess konstatazzjoni ssir fir-rigward tal-Artikolu 34 tal-FSK u tad-dispożizzjonijiet inklużi fih marbuta mal-ambjent, peress li dawn huma biss prinċipji ġenerali, linji gwida u dikjarazzjonijiet oħra ta’ intenzjoni. Barra minn hekk, ir-rabta bejn il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-iżvilupp sostenibbli ġiet ripetuta fid-dokument finali tal-Konferenza Rio+20. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 26(3) u (4) tal-FSK ma għandux l-effett li jibdel l-FSK fi ftehim dwar l-ammissjoni mill-ġdid. Għall-kuntrarju, l-ammissjoni mill-ġdid hija ttrattata fl-FSK bħala aspett tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp, peress li l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali hija għan li jaqa’ taħt l-imsemmija kooperazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 26(3) u (4) tal-FSK ma huwa xejn ħlief dikjarazzjoni ta’ intenzjoni li jiġi konkluż, fil-futur, ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid u sempliċement jirriproduċi prinċipji bażiċi tad-dritt internazzjonali ġenerali, filwaqt li l-ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid ( 10 ) konklużi mill-Unjoni jmorru ħafna iktar lil hinn billi jikkonkretizzaw l-imsemmija prinċipji u jispeċifikaw b’mod iddettaljat ir-regoli dwar il-proċedura għall-ammissjoni mill-ġdid, il-kamp ta’ applikazzjoni, il-mezzi ta’ prova, eċċ. Fl-aħħar lok, l-Artikolu 26 huwa dispożizzjoni li tippermetti t-tkabbir tal-kooperazzjoni, ta’ natura paragunabbli ma’ dik tal-Artikolu 49 tal-FSK, mingħajr madankollu ma jibdel in-natura tal-ftehim inkwistjoni ( 11 ).

16.

Finalment, il-Kummissjoni turi t-tħassib tagħha f’dak li jirrigwarda l-effetti ġuridiċi mhux mixtieqa li jirriżultaw miż-żieda illegali tal-Artikolu 79(3) TFUE mal-bażijiet legali tad-deċiżjoni kkontestata. Iż-żieda ta’ dan l-artikolu timplika l-applikazzjoni tal-Protokolli Nri 21 u 22 u, għalhekk, l-inkompatibbiltà tal-proċeduri li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni. Għalhekk, l-imsemmija żieda twassal għal inċertezza legali, kemm fuq livell intern — fir-rigward tal-grad tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni nnifisha, fis-sens tal-Artikoli 3(2) u 4(2) TFUE, tal-portata tal-prerogattivi rispettivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u anki tal-konsegwenzi proċedurali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata — kif ukoll fuq livell estern, fid-dawl tal-ġeometrija varjata fl-applikabbiltà tal-FSK, li ftit tinftiehem mill-pajjiżi terzi kontraenti.

17.

Minkejja li xtaqet tikseb kjarifika fuq dawn il-punti differenti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex minnhom tislet il-konklużjonijiet li jiġu imposti fil-prassi preżenti tagħha fuq il-materja, il-Kummissjoni xorta titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jekk tilqa’ r-rikors tagħha, iżżomm l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata ratione temporis.

18.

Essenzjalment, bħal fil-każ tal-partijiet kollha intervenjenti insostenn tiegħu, il-Kunsill, minkejja li jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-ġurisprudenza eżistenti dwar l-għażla tal-bażi legali, jikkontesta, min-naħa tiegħu, il-klassifikazzjoni tal-FSK bħala ftehim ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp fis-sens tal-ġurisprudenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq. Ir-relazzjonijiet esterni bejn l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Istati terzi issa jieħdu l-forma ta’ kooperazzjoni u sħubija globali li ma jistgħux jiġu ridotti sempliċement għal kapitolu wieħed ta’ “kooperazzjoni fl-iżvilupp”. Din il-kooperazzjoni u din is-sħubija f’dan l-istadju jkunu globali jekk ma jkunx possibbli li jintgħaraf, fil-ftehim li jikkonkretizzawhom, settur prinċipali li jiddomina fuq settur wieħed jew fuq diversi setturi oħra aċċessorji. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hijiex is-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li hija applikabbli hawnhekk iżda iktar il-ġurisprudenza klassika tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ). Għalhekk għandha tiġi eżaminata n-natura tal-obbligi miftiehma. Huwa biss obbligu konkret jew sostanzjali li jkun jeħtieġ iż-żieda ta’ bażi legali korrispondenti.

19.

Fir-rigward tal-FSK, kemm il-preambolu tiegħu kif ukoll l-Artikolu 2 tiegħu juru li l-kooperazzjoni fl-iżvilupp hija biss aspett wieħed, fost oħrajn, tal-kooperazzjoni reċiproka li huwa jistabbilixxi. Fil-verità, l-FSK ma jiħux inkunsiderazzjoni settur partikolari. Barra minn hekk, l-Artikolu 38 tal-FSK jinkludi obbligi speċifiċi dwar it-trasport, li jmorru lil hinn minn sempliċi obbligu ta’ kooperazzjoni, li ma humiex ta’ natura paragunabbli mad-dispożizzjonijiet iddedikati għat-trasport li jinsabu fil-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja dwar is-sħubija u l-iżvilupp (iktar ’il quddiem il-“ftehim mar-Repubblika tal-Indja”) ( 13 ) li kien is-suġġett fis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, u li ma humiex esklużivament marbuta mal-għan tal-iżvilupp tar-Repubblika tal-Filippini. Iż-żieda ta’ bażi legali speċifika tat-trasport hija għalhekk meħtieġa, skont ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 14 ).

20.

Dwar is-suġġett tal-ammissjoni mill-ġdid, il-Kunsill isostni li l-ħtieġa taż-żieda tal-Artikolu 79(3) TFUE tirriżulta mill-fatt li l-Artikolu 26(3) u (4) tal-FSK jinkludi obbligi legali ċari u li, anki jekk huma biss repetizzjoni ta’ prinċipji ġenerali diġà stabbiliti fid-dritt internazzjonali, il-preżenza tagħhom fi ftehim bilaterali ġġib magħha konsegwenzi legali diretti neċessarjament iktar sinjifikattivi. Barra minn hekk, l-obbligu fl-Artikolu 26(4) tal-FSK jista’ jiġi kkwalifikat bħala obbligu ta’ mezzi, li jikkostitwixxi, fil-fatt, lieva sinjifikattiva sabiex l-Unjoni tikseb, fis-settur ikkonċernat, riżultati minn naħa ta’ Stati terzi kontraenti. Bl-istess mod, peress li l-Artikolu 34(5) tal-FSK jipprovdi għall-aċċess reċiproku tal-partijiet kontraenti għall-programmi li huma implementaw fis-settur ambjentali, dan jiġġustifika ż-żieda tal-Artikolu 191(4) TFUE mal-bażijiet legali tad-deċiżjoni kkontestata peress li din id-dispożizzjoni tipprovdi b’mod speċifiku għall-kooperazzjoni mal-Istati terzi f’dan is-settur. L-Artikolu 34(2) tal-FSK fih ukoll obbligu ċar li r-rispett tiegħu jista’ jiġi impost ġuridikament. Kuntrarjament għall-ftehim konkluż mar-Repubblika tal-Indja li huwa aspett ċentrali tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, l-FSK fih għalhekk obbligi konkreti dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu għall-protezzjoni tal-ambjent.

21.

Il-Kunsill jippreċiża li kien minħabba l-fatt li ma identifikax, fid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-FSK, setturi oħra li fihom kienu jissemmew obbligi konkreti u sostanzjali, li huwa ma ħassx il-bżonn li jżid bażijiet legali oħra. Fir-rigward tal-effetti legali allegatament mhux mixtieqa, il-Kunsill ifakkar li, skont il-prinċipju ġurisprudenzjali stabbilit ferm, ma humiex il-proċeduri li jiddefinixxu l-bażi legali ta’ miżura, iżda l-bażi legali ta’ miżura li tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni ta’ din tal-aħħar ( 15 ). Fi kwalunkwe każ, l-FSK isemmi, fil-preambolu tiegħu, is-sitwazzjoni partikolari tal-Istati Membri li għalihom japplikaw il-Protokolli Nri 21 u 22, b’tali mod li huwa ċar li, jekk dawn l-Istati Membri ma jixtiqux jipparteċipaw, b’dan il-mod, fl-obbligi internazzjonali koperti bl-Artikolu 79(3) TFUE, huma jistgħu xorta jagħmlu dan bħala partijiet kontraenti distinti mill-ftehim imħallat. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 26(3) tal-FSK ma japplikax għall-Istati Membri kkonċernati permezz tal-Protokolli Nri 21 u 22 iżda jista’ jiġi applikabbli għall-imsemmija Stati minħabba r-ratifikazzjoni tagħhom tal-ftehim bħala partijiet kontraenti. Għal din l-istess raġuni, l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet distinti ma hijiex neċessarja. Finalment, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-bażijiet legali dan l-aħħar uriet ruħha bħala pjuttost flessibbli ( 16 ). Bħala konklużjoni, il-Kunsill jaqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jinżammu ratione temporis f’każ li tiġi annullata.

22.

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tispjega li l-ġurisprudenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, xorta hija applikabbli fir-rigward ta’ ftehim ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni u ssostni li d-dispożizzjonijiet u l-għanijiet tal-FSK u tal-ftehim konkluż mal-Indja huma paragunabbli. Jekk, skont l-Artikolu 21 TUE, il-ftehim ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp għandhom isegwu l-għanijiet li jinsabu msemmija fihom, xorta jibqa’ l-fatt li l-għan aħħari ta’ tali ftehim huwa l-kooperazzjoni fl-iżvilupp, li ma hijiex sempliċement l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp. L-FSK huwa verament ftehim li għandu bħal għan finali l-kooperazzjoni fl-iżvilupp, kif jidher b’mod partikolari mit-Titolu VI tiegħu. L-għan tal-iżvilupp jidher ukoll fl-Artikolu 26. Barra minn hekk, id-dokumenti ta’ programmazzjoni pluriannwali għall-Filippini ( 17 ), adottati abbażi tar-Regolament Nru 1905/2006, jikkonfermaw in-natura pluridimensjonali tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp imwettqa ma’ dan l-Istat. Il-Kummissjoni tenfasizza l-inkoerenza tal-analiżi tal-Kunsill li ma ħassx il-ħtieġa taż-żieda ta’ bażijiet legali oħra. Sussegwentement, hija turi n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-argument li, minħabba l-fatt li l-Istati Membri huma wkoll parti fil-FSK, il-qbil komuni tagħhom kien meħtieġ għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din il-miżura jew l-imsemmija deċiżjoni kienet adottata b’maġġoranza kkwalifikata u li l-proċedura ta’ adozzjoni bi qbil komuni ma hijiex applikabbli għat-trattati. Finalment, il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza tas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill iċċitata mill-Kunsill li, fl-opinjoni tagħha, ma tirrigwardax proċeduri inkompatibbli.

23.

Fil-kontroreplika tiegħu, il-Kunsill jinsisti dwar il-bidliet profondi li saru fin-natura ta’ ftehim li llum huma nnegozjati mill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi, inkwantu illum jimplementaw kooperazzjoni iktar b’saħħitha u li hija intiża sabiex ikun hemm trattament effettiv tad-diversi setturi kkonċernati. Peress li huwa konvint li dawn il-ftehim huma ta’ natura differenti minn dak li ta lok għas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, huwa għalhekk jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tadotta pożizzjoni differenti u jargumenta li kull settur għandu jiġi kkunsidrat b’mod indipendenti meta mqabbel mal-eżistenza ta’ programm ta’ għajnuna fl-iżvilupp. Huwa jsostni illi l-obbligi li jinsabu fl-FSK ikomplu jippersistu anki meta l-għanijiet marbuta mal-iżvilupp ikunu ntlaħqu. Ma huwiex previst li l-ftehim jiskadi sakemm ir-Repubblika tal-Filippini ma tkunx f’pożizzjoni li tikkonforma ruħha mar-regoli u man-normi previsti fl-FSK. Bl-istess raġunament, il-Kunsill isostni li l-premessi u d-dispożizzjonijiet relatati mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-prinċipji demokratiċi u tal-istat tad-dritt kif ukoll il-possibbiltà tas-sospensjoni tal-ftehim f’każ ta’ nuqqas ta’ rispett tal-imsemmija drittijiet u prinċipji hija prova oħra li l-FSK ma huwiex sempliċement att ta’ politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp. Fit-tliet setturi kkontestati, il-Kunsill isostni li s-saħħa tal-obbligi legali li jinsabu fl-FSK jeħtieġu ż-żieda tal-bażijiet legali korrispondenti, li ma huwiex il-każ tas-setturi l-oħra msemmija, b’mod superfiċjali, fil-ftehim. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex possibbli li tiġi applikata l-ġurisprudenza relatata ma’ dak li huwa prinċipali u dak li huwa aċċessorju għad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt it-Titolu V TFUE, ħlief b’interpretazzjoni żbaljata tal-Protokolli Nri 21 u 22.

B – Il-pożizzjoni tal-ġurisprudenza rilevanti u d-determinazzjoni tat-test applikabbli

24.

Il-partijiet argumentaw fit-tul dwar jekk il-prinċipju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, għandux jiġi applikat għall-każ ta’ ftehim bħall-FSK. Il-Kunsill b’mod partikolari ddefenda l-pożizzjoni li peress li l-FSK ma huwiex ftehim ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp, din il-ġurisprudenza ma għandhiex tiġi applikata.

25.

Preliminarjament, nixtieq nikkwalifika l-oppożizzjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata, sabiex tiġi stabbilita l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata ( 18 ). Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, il-prinċipju ġurisprudenzjali espress mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza huwa biss varjazzjoni, il-wiċċ l-ieħor tal-istess medalja, jekk nista’ niddeskrivih hekk, bl-imsemmija medalja tirrappreżenta r-regoli li għandhom jiġu segwiti sabiex jiġu stabbiliti l-bażijiet legali meħtieġa għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni.

26.

Is-sentenzi invokati mill-Kunsill huma dawk li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret illi a) l-għażla tal-bażi legali ta’ miżura ma tirriżultax sempliċement mill-konvinzjoni tal-awtur tagħha iżda għall-kuntrarju għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jkunu suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-miżura u b) meta l-eżami ta’ miżura juri li għandha iktar minn għan wieħed jew iktar minn komponent wieħed u jekk wieħed minnhom huwa identifikabbli bħala l-prinċipali jew l-iktar importanti, sakemm l-ieħor huwa biss aċċessorju, il-miżura għandha tkun ibbażata biss fuq bażi legali waħda — dik tal-għan l-iktar importanti — ħlief jekk jiġi stabbilit, b’mod eċċezzjonali, li l-miżura għandha diversi għanijiet li huma marbuta mill-qrib flimkien mingħajr ma wieħed ikun sekondarju jew indirett meta mqabbel mal-ieħor ( 19 ).

27.

Jiena ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet xi ħaġa differenti meta ddeċidiet, fir-rigward ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp, li l-preżenza, f’tali ftehim, ta’ klawżoli li jirrigwardaw setturi speċifiċi differenti ma għandhomx jibdlu l-klassifikazzjoni tal-ftehim li għandha ssir skont l-għan essenzjali tiegħu — prinċipali jew l-iktar importanti sabiex nuża l-kliem użati fil-ġurisprudenza ċċitata mill-Kunsill — u mhux skont il-klawżoli partikolari, sakemm dawn il-klawżoli ma jinkludux obbligi ta’ tali portata, fis-setturi speċifiċi msemmija, li dawn l-obbligi jikkostitwixxu, fir-realtà, għanijiet distinti — u għalhekk la sekondarji u lanqas indiretti - minn dawk tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp ( 20 ).

28.

Għalhekk, jiena ma nikkunsidrax, kuntrarjament għal dak li ta x’jifhem il-Kunsill, li fil-mument li għandha tiġi stabbilita l-bażi legali ta’ miżura, għandu japplika test differenti skont jekk il-kuntest ikunx dak tal-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp jew ta’ politika oħra.

29.

L-unika kwalifikazzjoni – li ser ikolli l-okkażjoni nerġa’ nirreferi għaliha — hija li l-kooperazzjoni fl-iżvilupp għandha definizzjoni tant wiesgħa fil-livell tal-Unjoni li jista’ jkun iktar delikat li jintwera li, biswit in-numru ta’ setturi li hija tista’ tkopri, jeżistu wieħed jew diversi għanijiet li jibqgħu xorta distinti minn dawk li jridu jintlaħqu mill-kooperazzjoni fl-iżvilupp u marbuta mill-qrib mal-miżura inkwistjoni.

30.

Issa li ġie speċifikat dan, u peress li d-deċiżjoni kkontestata għandha bħala għan li tawtorizza l-iffirmar tal-FSK, għandha, manifestament, tiġi eżaminata din id-deċiżjoni moqrija flimkien mal-imsemmi FSK. Dan ifisser li għandu jiġi evalwat jekk l-FSK jikkostitwixxix, fir-rigward tal-kuntest tiegħu, tal-għan tiegħu u tal-kontenut tiegħu, ftehim li, bħala għan aħħari tiegħu, għandu l-kooperazzjoni fl-iżvilupp u jista’ jkollu biss b’mod inċidentali — sekondarjament — implikazzjonijiet fis-setturi tat-trasport, tal-ambjent u tal-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini ta’ Stati terzi, jew jekk l-FSK huwiex ftehim li jikkonċerna b’mod inseparabbli kemm il-kooperazzjoni fl-iżvilupp kif ukoll it-trasport, l-ambjent u l-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini.

C – L-oriġini, il-kontenut u l-istruttura tal-FSK

31.

Għandu jiġi nnotat immedjatament, anki jekk dan ma huwiex fattur deċiżiv ( 21 ), li għall-kuntrarju tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni fis-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill ( 22 ), l-FSK ma fih l-ebda riferiment għall-iżvilupp fl-isem tiegħu. A priori, l-impressjoni hija għalhekk dik li dan il-ftehim jimplementa kooperazzjoni effettivament globali, kif isostni l-Kunsill, jiġifieri mhux limitata, peress li dan huwa ftehim qafas ta’ kooperazzjoni u ta’ sħubija ( 23 ).

32.

Magħmul minn 58 artikolu, l-FSK huwa maqsum fi tmien titoli li jirrigwardaw rispettivament in-natura u l-portata tiegħu, id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni, il-kummerċ u l-investiment, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u tas-sigurtà, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u tax-xogħol marittimu, l-ekonomija u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp u f’setturi oħra, il-kuntest istituzzjonali u, finalment, id-dispożizzjonijiet finali.

33.

Mill-eżami tal-preambolu jirriżultaw żewġ temi importanti, it-tnejn mirfuda minn volontà li jinżamm il-karattru wiesa’ tar-relazzjonijiet reċiproċi tal-partijiet kontraenti ( 24 ) u tar-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem ( 25 ). Minn naħa, il-partijiet juru l-intenzjoni tagħhom li jiksbu benefiċċji komuni mill-FSK ( 26 ) billi jippreżentaw is-setturi ta’ interess u l-valuri komuni ( 27 ). Dan jidher b’mod partikolari mill-preokkupazzjonijiet marbuta mal-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali tal-popli tagħhom u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli, flimkien mal-qerda tal-faqar u t-twettiq tal-għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp ( 28 ), il-promozzjoni tal-iżvilupp sostentibbli u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tal-ġustizzja u tas-sigurtà, il-kooperazzjoni favur il-migrazzjoni u l-iżvilupp u l-implementazzjoni ta’ normi soċjali minimi, u l-kummerċ ( 29 ). Min-naħa l-oħra, mill-preambolu jirriżulta li l-partijiet kontraenti kkonċentraw ukoll fuq is-setturi li għandhom portata soċjo-ekonomika inqas evidenti, iżda li jirreflettu numru ta’ obbligi sabiex jiġu żgurati l-paċi u s-sigurtà internazzjonali. B’hekk, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, kontra t-traffiku tal-istupefiċenti, kontra l-ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali, kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir, kontra l-armi ta’ distruzzjoni kbar u kontra l-kummerċ illegali tal-armi żgħar u ta’ kalibru żgħir ( 30 ) dehret li kienet suġġett ta’ tħassib għall-partijiet.

34.

Din it-taħlita ta’ preokkupazzjonijiet hija kkonfermata fit-test tal-ewwel żewġ artikoli tal-FSK, iddedikati għal prinċipji ġenerali u għall-għanijiet ta’ kooperazzjoni rispettivament. Fir-rigward tal-prinċipji ġenerali, l-impenn għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, sabiex jingħelbu l-isfidi tal-bidla tal-klima u sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-iżvilupp huwa msemmi ftit wara r-riferiment għall-prinċipji demokratiċi u għad-drittijiet tal-bniedem bħala element essenzjali tal-FSK ( 31 ). Fir-rigward tal-Artikolu 2 tiegħu, dan jelenka mhux inqas minn ħdax-il kategorija ta’ għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz tal-kooperazzjoni u s-sħubija fis-seħħ permezz tal-FSK, li jkopru “is-setturi kollha ta’ interess komuni” ( 32 ) li fir-rigward tagħhom il-partijiet impenjaw ruħhom għal djalogu fil-fond u promozzjoni iktar sinjifikattiva mill-kooperazzjoni. It-terminu “żvilupp” jidher biss fil-paragrafu h), li hija speċi ta’ dispożizzjoni “li tkopri kollox” billi ssemmi “is-setturi l-oħrajn kollha ta’ interess reċiproku” li sa dak il-punt kienu għadhom ma ssemmewx fit-test. Il-paragrafu h) isemmi mhux inqas minn tnejn u għoxrin settur differenti, mill-kooperazzjoni fl-iżvilupp sa l-istatistika, it-teknoloġiji tal-informatika u l-komunikazzjoni, id-djalogu kulturali u inter-reliġjuż kif ukoll is-sajd.

35.

L-Artikolu 29 tal-FSK, li jaqa’ taħt it-Titolu VI ddedikat għall-kooperazzjoni ekonomika, fl-iżvilupp u f’setturi oħrajn, jitkellem esklużivament dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp. Skont dan l-artikolu, l-għan prinċipali ta’ din il-kooperazzjoni “huwa li tinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-faqar u għall-kisba ta’ għanijiet ta’ żvilupp miftiehma internazzjonalment” ( 33 ). Il-partijiet ftehmu sabiex jibdew djalogu regolari dwar dan is-suġġett li jirrigwarda b’mod partikolari l-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u uman, it-twettiq ta’ tkabbir ekonomiku globali u sostenibbli, il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali, it-titjib fil-kapaċitajiet sabiex tingħata prijorità għall-integrazzjoni tal-ekonomija dinjija u tas-sistema tal-kummerċ internazzjonali, il-promozzjoni tar-riforma fis-settur pubbliku u anki l-konformità mal-prinċipji internazzjonali tal-għoti u tal-effikaċità tal-għajnuna ( 34 ).

36.

Flimkien ma’ din id-dispożizzjoni li hija speċifikament iddedikata għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp, xi artikoli jirreferu, b’mod iżolat, għall-kunċett tal-iżvilupp, b’tali mod li għal ċerti setturi msemmija fl-FSK, it-test jistabbilixxi b’mod inċidentali rabta bejn il-progress ippjanat u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz tas-sħubija u tal-iżvilupp ( 35 ).

37.

L-għan tal-iżvilupp tal-Istat terz kontraenti għalhekk ma huwiex spjegat bis-sħiħ fl-FSK. Huwa biżżejjed li jsir paragun ta’ malajr mal-ftehim konkluż mar-Repubblika tal-Indja sabiex tkun konvint dwar dan ( 36 ). Madankollu, ma għandniex nieqfu fuq din is-sempliċi konstatazzjoni sabiex jiġi konkluż li l-kooperazzjoni fl-iżvilupp hija biss waħda mill-preokkupazzjonijiet sekondarji tal-FSK. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mistoqsi jekk l-FKS jirriflettix il-modalitajiet il-ġodda li permezz tagħhom l-Unjoni llum tesprimi l-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp tagħha.

D – Kooperazzjoni fl-iżvilupp fid-dritt tal-Unjoni u l-klassifikazzjoni tal-FSK

38.

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex opportunità tiddeċiedi dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp fil-kuntest post-Lisbona, il-ġurisprudenza tagħha disponibbli fuq dan is-suġġett tirrigwarda l-Artikoli 177 sa 181 KE u l-verżjonijiet preċedenti tagħhom. Skont dawn l-artikoli, il-kooperazzjoni fl-iżvilupp kienet iddefinita bħala li tinkludi “mhux biss l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli ta’ dawn il-pajjiżi, l-inklużjoni armonjuża u progressiva tagħhom fl-ekonomija globali kif ukoll il-ġlieda kontra l-faqar, iżda wkoll l-iżvilupp u t-tisħiħ tad-demokrazija u ta’ l-Istat tad-Dritt kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, dejjem b’rispett għall-impenji meħuda fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra” ( 37 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-bdil fil-bidu tas-snin 2000 li saħħaħ il-karattru pluridimensjonali tal-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp imħabbar permezz ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni ( 38 ) u iktar tard ikkonfermat permezz tal-Konsensus Ewropew tal-2006 u bir-Regolament Nru 1905/2006 ( 39 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li “għalkemm l-għanijiet tal-politika Komunitarja ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp attwali m’għandhomx jiġu limitati għall-miżuri li jikkonċernaw direttament il-ġlieda kontra l-faqar, sabiex miżura taqa’ taħt din il-politika huwa madankollu meħtieġ li tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali tal-imsemmija politika” ( 40 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “sabiex miżura konkreta […] tkun tista’ tiġi adottata mill-Komunità fil-kuntest tal-politika tagħha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp, din il-miżura għandha taqa’, kemm minħabba l-għan kif ukoll minħabba l-kontenut tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi li t-Trattat KE jattribwixxilha f’dan il-qasam. Dan ma jkunx il-każ meta tali miżura, anki jekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiż li qiegħed jiżviluppa, ikollha bħala għan prinċipali l-implementazzjoni [ta’ politika oħra]” ( 41 ).

39.

L-Artikolu 208 TFUE jipprovdi, min-naħa tiegħu, li “[i]l-politika ta’ l-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp għandha titwettaq fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi ta’ l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni” u jispeċifika li l-għan prinċipali tiegħu huwa “it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar”, filwaqt li l-Unjoni għandha tieħu “in kunsiderazzjoni l-objettivi ta’ koperazzjoni fl-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x’iktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw”. Minħabba r-riferiment li sar għall-prinċipji u l-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, l-Artikolu 208 TFUE għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 21 TUE. Fl-opinjoni tiegħi — u l-partijiet lanqas ma kkontestaw dan — il-ġurisprudenza li tolqot dawn l-imsemmija dispożizzjonijiet tibqa’ għalhekk rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 208 TFUE, minkejja li dan tal-aħħar jillimita ruħu li jsemmi biss it-tnaqqis jew il-qerda tal-faqar.

40.

Jiena faċilment nirrikonoxxi, kif sostniet il-Kummissjoni, li l-kooperazzjoni fl-iżvilupp kif iddefinita llum mid-dritt tal-Unjoni, hija politika pluridimensjonali. Skont il-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp ( 42 ), l-għan essenzjali tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp huwa l-qerda tal-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli ( 43 ), b’dan tal-aħħar jinkludi “il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll aspetti politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali” ( 44 ). [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-pożizzjoni tal-Kunsill, f’dan ir-rigward, hija daqsxejn sorprendenti, peress li huwa jsostni li l-inklużjoni ta’ kunsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar il-prinċipji demokratiċi kif ukoll ir-riferiment għall-istat tad-dritt fl-FSK, hija prova li l-FSK ma huwiex sempliċement ftehim ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp. Fil-fatt, il-Kunsill stess enfasizza r-rabta bejn l-iżvilupp sostenibbli u l-imsemmija drittijiet u prinċipji tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp li huwa — tal-lanqas parzjalment — l-awtur tiegħu ( 45 ), u għalhekk li l-għan tal-imsemmi Konsensus kien li jippreżenta “għall-ewwel darba viżjoni komuni li tqarreb l-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp kemm lejn il-livell tal-Istati Membri tagħha kif ukoll lejn il-livell tal-Komunità” ( 46 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

41.

Dejjem bis-saħħa ta’ dan il-Konsensus, l-Unjoni impenjat ruħha “sabiex tippromwovi l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp billi tiggarantixxi għal dan il-għan li hija tikkunsidra l-għanijiet għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp, [...] u li dawn il-politiki jkollhom għanijiet fis-settur tal-iżvilupp” ( 47 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. In-natura profondament pluridimensjonali hija enfasizzata peress li l-qerda tal-faqar titlob, skont il-Konsensus Ewropew, li tiġi implementata “sensiela sħiħa ta’ attivitajiet ta’ żvilupp minn governanza demokratika sa riformi ekonomiċi u soċjali sal-prevenzjoni tal-kunflitti, il-ġustizzja soċjali, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-aċċess ekwu għas-servizzi pubbliċi, għall-edukazzjoni, għall-kultura, għas-saħħa, […] mingħajr ma jintesa l-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tkabbir ekonomiku favur il-foqra, il-kummerċ u l-iżvilupp, il-migrazzjoni u l-iżvilupp, is-sigurtà tal-ikel, id-drittijiet tat-tfal, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u tax-xogħol f’kundizzjonijiet aċċettabli” ( 48 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

42.

B’hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq kif ukoll tal-punti li jinsabu fil-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp u minħabba n-natura vasta ħafna tal-kooperazzjoni implementata u tan-nuqqas ta’ spjegazzjoni f’iktar dettall tal-għanijiet ta’ żvilupp tal-Istat terz kontraenti, jidhirli li l-FSK għandu parti sinjifikattiva marbuta mal-politika tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp immexxija mill-Unjoni. Il-fatt li l-FSK ma fih l-ebda dispożizzjoni dwar l-iskadenza tiegħu minn meta r-Repubblika tal-Filippini tikkonforma ruħha mar-regoli u man-normi stipulati fl-FSK ma għandux effett f’dan ir-rigward ( 49 ).

43.

Skont il-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp, is-setturi ta’ azzjoni tal-Unjoni dwar il-materja huma ddefiniti b’mod tant wiesa’ li tista’ tiġi stabbilita rabta mal-iżvilupp, f’kull każ u indipendentement mis-settur ikkonċernat ( 50 ). Kif spjega, b’mod tajjeb, il-Kunsill, il-prassi tal-Unjoni fir-relazzjonijiet esterni tagħha mal-Istati li għandhom livell ta’ żvilupp inqas avvanzat effettivament evolva b’mod kunsiderevoli u minn sistema bażika ta’ għajnuna żviluppa f’implementazzjoni ta’ ftehim kompleti u b’saħħithom, fejn filwaqt li l-benefiċċji huma deskritti bħala reċiproċi, ma baqgħetx iktar formula diplomatika u fihom ir-relazzjoni kienet tidher ħafna inqas asimmetrika u għalhekk, iktar ekwilibrata. Madankollu, hija għal din ir-raġuni li, jekk nista’ nagħraf il-karattru pluridimensjonali tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp, min-naħa l-oħra nsib iktar diffikultà sabiex nikkunsidra bħala suffiċjenti l-unika bażi legali dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp meta hemm tant setturi diversi msemmija fl-istess ftehim. F’dan ir-rigward, jiena nitlob għal ċerta viġilanza, preċiżament għaliex id-determinazzjoni tal-bażi legali xierqa “għandha importanza kostituzzjonali” ( 51 ) għall-Unjoni.

44.

Madankollu, ftehim tat-tip tal-FSK jista’ jolqot ħafna setturi varji filwaqt li jibqa’ fil-kuntest tal-uniċi għanijiet li jridu jintlaħqu mill-kooperazzjoni fl-iżvilupp tant li d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw dawn is-setturi speċifiċi varji jistabbilixxu biss il-kuntest tal-kooperazzjoni u huma limitati sabiex jistabbilixxu s-setturi li huma s-suġġett tal-kooperazzjoni u jispeċifikaw ċerti azzjonijiet jew ċerti aspetti, mingħajr li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jkun fihom regolamentazzjoni ta’ modalitajiet konkreti għall-implementazzjoni tal-kooperazzjoni f’kull settur speċifiku msemmi ( 52 ).

45.

Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, issa jonqos li neżamina jekk, fost il-ħafna setturi diversi msemmija fl-FSK, id-dispożizzjonijiet iddedikati għat-trasport, l-ambjent u l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkontribwixxux, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “għall-għanijiet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali” tal-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp u għandhomx, bħala għan prinċipali, l-implementazzjoni ta’ din il-politika jew jekk, għall-kuntrarju, għandhomx regolamentazzjoni ta’ modalijiet konkreti għall-implementazzjoni tal-kooperazzjoni fis-setturi speċifiċi b’tali mod li jikkostitwixxu, fir-realtà, għanijiet distinti li la huma sekondarji u lanqas indiretti meta mqabbla mal-għanijiet tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

E – Fuq iż-żieda tal-bażijiet legali relatati mat-trasport

46.

Skont l-Artikolu 2(h) tal-FSK u fost is-setturi l-oħra ta’ interess komuni li jsemmi hemm it-trasport. Min-naħa tiegħu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 38 tal-FSK, itenni l-volontà tal-partijiet li jikkooperaw fis-setturi marbuta mal-politika tat-trasport “sabiex itejbu l-opportunitajiet ta’ investiment, il-moviment ta’ merkanzija u passiġġieri, jippromwovu s-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport bil-baħar u tal-avjazzjoni, jindirizzaw l-impatt ambjentali tat-trasport u jżidu l-effiċjenza tas-sistemi ta’ trasport tagħhom”. L-oqsma msemmija fil-kuntest tal-kooperazzjoni jikkonċernaw l-iskambji ta’ informazzjoni dwar ir-regolamenti rispettivi relatati mal-mezzi kollha tat-trasport, l-iskambju ta’ opinjonijiet dwar is-sistema Ewropea ta’ navigazzjoni bis-Satellita, id-djalogu fuq it-trasport bl-ajru u l-kontinwità tad-djalogu favur il-konverġenza regolatorja, id-djalogu dwar it-trasport bil-baħar (l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-regolamenti u l-promozzjoni ta’ aċċess mingħajr restrizzjoni għas-swieq marittimi internazzjonali, permezz ta’ amministrazzjoni effettiva tal-portijiet u permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni ta’ interess reċiproku f’dan il-qasam) u, fl-aħħar, djalogu dwar l-implementazzjoni effettiva ta’ standards ta’ sigurtà tat-trasport, ta’ sigurezza u ta’ prevenzjoni tat-tniġġis.

47.

Ċertament, kif ippreċiża l-Kunsill, fuq dan il-punt l-FSK huwa iktar żviluppat meta mqabbel mal-ftehim mar-Repubblika tal-Indja inkwistjoni fil-Kawża Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata ( 53 ). Madankollu, ma tista’ tinsilet l-ebda konklużjoni ġuridika minn dan l-istat ta’ fatt biss, mingħajr ma jiġi eżaminat il-kontenut tal-Artikolu 38 tal-FSK.

48.

Fl-ewwel lok, nirrileva li s-settur tat-trasport huwa wieħed mid-dimensjonijiet tal-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp kif iddefinit mill-Konsensus Ewropew ( 54 ) u li l-miżuri meħuda f’dan is-settur jistgħu ċertament jintrabtu ma’ dan tal-aħħar. L-Artikolu 38 tal-FSK huwa redatt b’tali mod li faċilment tista’ tiġi stabbilita rabta mal-għanijiet tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp. Il-kooperazzjoni stabbilita għandha żewġ dimensjonijiet, dik relatata mas-sigurtà u dik relatata mal-ambjent. Jista’ faċilment jingħad li t-titjib fis-sigurtà tat-trasport tal-Istat terz kontraenti billi jilħaq l-istandards minimi internazzjonali għandu eventwalment jikkontribwixxi għall-istabbilità u s-sostenibbiltà tan-netwerk tiegħu u sabiex ikun hemm l-inklużjoni armonjuża u progressiva ta’ dan l-Istat fl-ekonomija dinjija ta’ dan is-settur.

49.

Fit-tieni lok u kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kunsill, mill-qari ta’ dan l-Artikolu 38 tal-FSK, jiena ma nsibx li fih modalitajiet konkreti ta’ implementazzjoni tal-kooperazzjoni f’dan is-settur li jippermetti li jiġu identifikati obbligi pożittivi konkreti, fuq il-partijiet, li jmorru lil hinn minn sempliċi ftehim ġenerali ta’ kooperazzjoni fis-settur tat-trasport. Jiena ma nidentifikax obbligi speċifiċi meta mqabbla ma’ dawk li jinsabu fil-kumplament tal-ftehim — minbarra l-ambjent u l-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini ta’ Stati terzi, peress li ser nitkellem dwarhom iktar tard. L-Artikolu 38 tal-FSK, li ma għandux l-istess livell ta’ dettall bħall-Artikolu 91 TFUE, pereżempju, jillimita ruħu li jipprovdi għal skambji ta’ informazzjoni jew ta’ opinjonijiet u ta’ djalogi. L-Artikolu 38 tal-FSK lanqas ma jidhirli li huwa paragunabbli mad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fl-Opinjoni 1/08, invokata mill-Kunsill, u li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet bħala meħtieġa ż-żieda tal-bażi legali relatata mat-trasport ( 55 ).

50.

B’hekk, il-preokkupazzjonijiet espressi f’dan l-Artikolu, mingħajr ma jinvolvu obbligi legali speċifiċi u mingħajr ma jikkostitwixxu għan distint, jidhru koerenti mal-għanijiet tal-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp u marbuta mill-qrib ma’ din tal-aħħar ( 56 ). Għalhekk, fuq dan il-punt għandu jiġi konkluż li, kif sostniet il-Kummissjoni, huwa b’mod żbaljat li l-Kunsill żied, bħala bażijiet legali tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikoli 91 u 100 TFUE dwar it-trasport.

F – Fuq iż-żieda tal-bażi legali dwar l-ambjent

51.

L-Artikolu 34 tal-FSK huwa ddedikat għall-ambjent u r-riżorsi naturali. Dan il-qasam ta’ kooperazzjoni huwa ppreżentat bħala qasam ta’ interess reċiproku skont l-Artikolu 2(h) tal-FSK. Għandu jiġi nnotat li dispożizzjonijiet oħra tal-ftehim isemmu suġġetti marbuta mal-ambjent ( 57 ).

52.

Il-kooperazzjoni għandha tippromwovi, skont l-Artikolu 34(1) tal-FSK, is-salvagwardja u t-titjib tal-ambjent bil-għan li jintlaħaq żvilupp sostenibbli. It-tieni paragrafu jitkellem dwar il-ħtieġa li jiġu kkonservati u amministrati b’mod sostenibbli r-riżorsi naturali u d-diversità bijoloġika. Skont it-tielet paragrafu, il-Partijiet jaqblu li l-kunsiderazzjonijiet ambjentali għandhom jiġu integrati fis-setturi kollha tal-kooperazzjoni. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 4 jelenka t-temi li fir-rigward tagħhom għandha titkompla, jiġifieri tissaħħaħ, il-kooperazzjoni fil-programmi reġjonali. Hemm inklużi s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali u l-parteċipazzjoni ta’ popolazzjonijiet indiġeni fl-isforzi dwar l-iżvilupp sostenibbli, it-tisħiħ ta’ kapaċità fis-settur tal-adattament għall-bidla fil-klima, it-tisħiħ fil-kapaċità ta’ parteċipazzjoni ta’ ftehim multilaterali u l-implementazzjoni tagħhom, il-promozzjoni ta’ teknoloġiji, prodotti u servizzi li jirrispettaw l-ambjent, il-valorizzazzjoni tar-riżorsi naturali, il-ġestjoni ta’ parks nazzjonali u ta’ reġjuni protetti, il-prevenzjoni ta’ moviment transkonfinali illegali ta’ skart perikoluż, il-protezzjoni tal-ambjent marittimu, kostali u terrestriju, il-promozzjoni tat-tisħiħ tal-kapaċità fil-ġestjoni tad-diżastri u, finalment, il-promozzjoni ta’ mudelli ta’ konsum u ta’ produzzjoni sostenibbli. Huwa stipulat ukoll li l-partijiet jinkoraġġixxu l-aċċess reċiproku għall-programmi stabbiliti minnhom ( 58 ).

53.

Il-Kunsill jikkunsidra li l-Artikolu 34 tal-FSK huwa dispożizzjoni ddettaljata li ma hemmx bħalha fil-ftehim konkluż mar-Repubblika tal-Indja fil-Kawża Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq. Dan l-artikolu jipprovdi, minn tal-inqas fit-tieni paragrafu tiegħu, obbligu ċar li r-rispett tiegħu jista’ jiġi impost legalment. L-aċċess għall-programmi u l-azzjonijiet tal-Unjoni jaqa’ taħt il-kooperazzjoni ambjentali fis-seħħ ma’ pajjiżi terzi u stipulata fl-Artikolu 191(4) TFUE.

54.

Bħall-Kummissjoni, m’inix konvint mill-pożizzjoni tal-Kunsill. Minn naħa, l-Artikolu 34 tal-FSK huwa espliċitament previst bħala dispożizzjoni transversali peress li l-preokkupazzjonijiet ambjentali għandhom jiġu kkunsidrati “fl-attivitajiet kollha li jsiru mill-Partijiet skont dan il-Ftehim” ( 59 ). Min-naħa l-oħra, u bħal fil-każ tat-trasport, is-suġġetti li għandhom jiġu ttrattati mill-kooperazzjoni huma sempliċement elenkati. Kuntrarjament għall-argument tal-Kunsill, ma naħsibx li l-Artikolu 34(2) tal-FSK jistipula obbligu ċar. Il-Kunsill isostni li l-ġustizzjabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tinkiseb u jibbaża l-argument fuq dan is-sempliċi fatt sabiex jiġġustifika ż-żieda tal-bażi legali korrispondenti.

55.

Min-naħa tiegħi, jiena nillimita ruħi sabiex infakkar li d-dispożizzjonijiet inklużi fi ftehim internazzjonali għandhom saħħa ġuridika li ma tistax tiġi kkontestata, u li r-rispett tal-obbligi internazzjonali jista’, evidentement, jinkiseb billi tittieħed azzjoni skont il-mekkaniżmi adegwati. Fi kwalunkwe każ, il-kriterju tal-ġustizzjabbiltà internazzjonali ma jidhirlix li huwa rilevanti u lanqas biżżejjed fil-mument li jiġu deċiżi l-bażijiet legali ta’ att tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan it-tieni paragrafu huwa redatt b’mod ġeneralistiku ħafna, li fil-prinċipju juri li jinkludi sempliċement dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni. F’dan ir-rigward, ma nikkunsidrax li l-kontenut tal-Artikolu 34 tal-FSK huwa daqstant differenti minn dak tal-Artikolu 17 tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż mar-Repubblika tal-Indja inkwistjoni fil-Kawża Il-Portugall vs Kunsill, iċċitata ( 60 ). Bħall-Kummissjoni, jiena nikkonstata r-rabta naturali, diġà msemmija fl-Artikolu 34(1) tal-FSK bejn il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-ambjent, minn naħa, u l-iżvilupp sostenibbli, min-naħa l-oħra ( 61 ). Il-qerda tal-faqar, l-għan aħħari tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp fis-sens tal-Artikolu 208 TFUE, għandha wkoll “aspetti ambjentali” ( 62 ). Finalment, l-Artikolu 34(5) li jipprovdi li l-partijiet “jinkoraġġixxu l-aċċess reċiproku għall-programmi tagħhom f’dan il-qasam” ma fihx obbligu legali kjarament identifikabbli bħala separat mill-kooperazzjoni fl-iżvilupp.

56.

Għalhekk fuq dan il-punt għandu jiġi konkluż li huwa żbaljat li l-Kunsill żied, bħala bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 191(4) TFUE dwar l-ambjent, peress li l-Artikolu 34 tal-FSK ma għandux l-effett li jagħmel l-ambjent bħala komponent essenzjali tal-ftehim inkwistjoni.

G – Fuq iż-żieda tal-bażi legali relatata mal-ammissjoni mill-ġdid ta ’ ċittadini ta ’ pajjiżi terzi

57.

Mill-bidu nett nixtieq nippreċiża li d-diffikultajiet ġuridiċi partikolarment proċedurali — reali jew allegati — invokati mill-Kummissjoni ma humiex, fi kwalunkwe każ, tali li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi stabbilita l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma humiex il-proċeduri li jiddefinixxu l-bażi legali ta’ miżura, iżda l-bażi legali ta’ miżura li tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni ta’ din il-miżura ( 63 ).

58.

Sabiex jiġi vverifikat jekk l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni li taqa’ taħt it-Titolu V tat-TFUE, u li għalhekk twassal għall-applikazzjoni tal-Protokolli Nri 21 u 22, kinitx neċessarja ( 64 ), għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, il-kontenut preċiż tal-FSK dwar it-tema tal-migrazzjoni u tal-admissjoni mill-ġdid. Fit-tieni lok ser nirreferi għar-relazzjonijiet li jġibu magħhom dawn it-temi mal-kooperazzjoni fl-iżvilupp sabiex jiġi vverifikat jekk tistax tiġi stabbilita rabta bejn, minn naħa, l-għanijiet li għandha l-kooperazzjoni fl-iżvilupp u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 26 tal-FSK. Sussegwentement, ser nuri li ż-żieda ta’ klawżoli ta’ ammissjoni mill-ġdid jirriżultaw minn prassi antika li kienet essenzjalment fl-interess tal-Unjoni u nenfasizza d-differenza sostanzjali bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tal-FSK u tal-ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid konklużi reċentement mill-Unjoni. Fl-aħħar nett, nerġa’ nsemmi fil-qosor il-kwistjoni tal-effett utli tal-Protokolli Nri 21 u 22.

1. Il-kontenut tal-FSK

59.

Minn naħa, għandu jitfakkar li l-preambolu tal-FSK jistipula li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim “li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Parti Tlieta, Titolu V tat-[TFUE] jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati [jew] bħala parti mill-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-[TFUE]. […] L-istess japplika għad-Danimarka f’konformità mal-Protokoll […] dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness ma’ dawk it-Trattati”.

60.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 26 tal-FSK huwa inserit fit-Titolu V iddedikat għall-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni u x-xogħol marittimu u huwa intitolat “Kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u l-iżvilupp”. L-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jafferma mill-ġdid l-importanza tal-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-volontà tal-partijiet li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ djalogu u konsultazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-migrazzjoni, li għandhom ikunu b’mod partikolari integrati fl-istrateġiji ta’ żvilupp nazzjonali. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 26 tal-FSK, il-kooperazzjoni f’dan is-settur għandha tkun ibbażata fuq il-fatturi li joħolqu u li jattiraw il-migrazzjoni, l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali li jirrigwardaw il-protezzjoni u d-drittijiet tal-migranti, l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali li jirrigwardaw il-protezzjoni internazzjonali, ir-regoli ta’ ammissjoni u d-drittijiet u l-istatus tal-persuni ammessi, l-istabbiliment ta’ politika effettiva kontra l-preżenza fit-territorju tagħhom ta’ ċittadin tal-Parti l-oħra li ma jissodisfax, jew li ma jibqax jissodisfa, il-kundizzjonijiet ta’ dħul, permanenza jew residenza fit-territorju tal-parti kkonċernata, il-ġlieda kontra t-traffikar u t-trattament tal-bnedmin, ir-ritorn ta’ persuni taħt kundizzjonijiet umani u dinjitużi, il-kwistjonijiet ta’ interess reċiproku fil-qasam tal-viżi, tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-ġestjoni tal-fruntieri u, finalment, il-kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u ta’ żvilupp.

61.

L-Artikolu 26(3) tal-FSK jipprovdi l-obbligu, fuq kull wieħed mill-partijiet kontraenti, li jaċċettaw lura ċ-ċittadini tagħhom li jkunu f’sitwazzjonijiet ta’ dħul, permanenza jew residenza illegali fit-territorju ta’ wieħed mill-partijiet. Din l-ammissjoni mill-ġdid għandha ssir fuq talba tal-parti kontraenti kkonċernata, “mingħajr dewmien żejjed, ladarba ċ-ċittadinanza tiegħu tkun ġiet stabbilita u jkun sar il-proċess dovut fl-Istat Membru”. Huwa wkoll previst li għandhom ikunu pprovduti d-dokumenti meħtieġa u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikorrenti lill-Istat mitlub. Il-każ fejn persuna ma jkollhiex dokument ta’ identità huwa wkoll previst.

62.

Finalment, l-Artikolu 26(4) tal-FSK jindika li l-partijiet qablu li jiffirmaw mill-iktar fis possibbli ftehim għall-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini li għandu minn tal-inqas jinkludi dispożizzjoni dwar l-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn minbarra dawk ikkonċernati mill-FSK u ta’ persuni mingħajr stat.

2. Migrazzjoni u politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp

63.

Skont il-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp, ir-realizazzjoni tal-għanijiet tal-Millenju jeżiġu l-implementazzjoni ta’ “sensiela sħiħa ta’ attivitajiet ta’ żvilupp […] mingħajr ma jintesew […] il-migrazzjoni u l-iżvilupp” ( 65 ) u d-djalogu politiku profond jirrigwarda “il-ġlieda kontra […] l-immigrazzjoni klandestina” ( 66 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan ifisser b’mod partikolari li “l-migrazzjonijiet isiru fattur pożittiv ta’ żvilupp” ( 67 ), li għandha tikkostitwixxi “ir-risposta l-iktar effettiva fuq perijodu twil għall-migrazzjonijiet furzati u illegali” ( 68 ) u b’mod partikolari l-Kummissjoni ntalbet tintegra l-kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni u mar-refuġjati fl-istrateġiji nazzjonali u reġjonali u fil-ftehim konklużi mal-pajjiżi kkonċernati ( 69 )" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

64.

Ir-Regolament Nru 1905/2006, adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 179(1) KE biss, jipprovdi li l-programmi tematiċi implementati jinkludi l-migrazzjoni. Il-premessa 16 tfakkar l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Brussell, b’mod partikolari dak li tissaħħaħ l-assistenza finanzjarja Komunitarja fil-qasam li għandu rabta mal-problemi tal-migrazzjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi. Dan il-għan huwa stabbilit fl-Artikolu 5(2)(i) tar-Regolament Nru 1905/2006 li jipprovdi sabiex “jittrawmu l-koperazzjoni u r-riforma tal-politika fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-asil mal-pajjiżi msieħba u jiġu promossi inizjattivi ta’ żvilupp ta’ kapaċitajiet sabiex jiġu żgurati l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politika dwar il-migrazzjoni favur l-iżvilupp sabiex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni” ( 70 ).

65.

Għaldaqstant jidher li qabel xejn huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li miżura intiża kontra l-immigrazzjoni illegali tikkontribwixxi wkoll sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp. Madankollu jonqos li jiġi vverifikat jekk tali rabta tistax tiġi stabbilita f’dak li jirrigwarda l-klawżoli msejħa ta’ ammissjoni mill-ġdid.

3. L-Artikolu 26 tal-FSK fid-dawl tal-prassi preċedenti

66.

L-inklużjoni, fil-ftehim ta’ kooperazzjoni konklużi mill-Unjoni, ta’ dispożizzjonijiet iddedikati għall-ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u li jipprovdu għal konklużjoni ulterjuri ta’ ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid ma hijiex xi ħaġa ġdida iżda tirriżulta, għall-kuntrarju, minn prassi antika. Dokument tal-Kunsill tal-1999 ( 71 ) dwar il-konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam jirreferi għax-xewqa tal-Kunsill, sa mill-1995, li jistabbilixxi rabta bejn ir-ripatrijazzjoni ta’ persuni residenti mingħajr awtorizzazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru u l-konklużjoni ta’ ftehim Ewropej ta’ assoċjazzjoni u ta’ kooperazzjoni u ta’ ftehim fuq il-klawżoli ta’ ammissjoni mill-ġdid li għandhom jiġu inseriti f’tali ftehim. Id-Dokument tal-1999 jipproponi li jiġu inklużi l-“klawżoli ta’ ammissjoni mill-ġdid” fil-qafas ġuridiku l-ġdid ta’ dakinhar, filwaqt li jenfasizza li “ir-ripatrijazzjoni ta’ persuni residenti mingħajr awtorizzazzjoni fi Stat Membru hija waħda mill-għanijiet tal-politika tal-immigrazzjoni”. Huwa interessanti li jiġi nnotat li, f’dak iż-żmien, il-klawżoli ta’ ammissjoni mill-ġdid ma kinux deskritti bħala li jservu sabiex jintlaħaq l-għan tal-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp ( 72 ).

67.

Huwa minnu li Artikolu 26 tal-FSK, li speċifikament jikkostitwixxi din il-klawżola ta’ ammissjoni mill-ġdid, juri bidla notevoli fil-kamp lessiku tal-imsemmi ftehim. L-użu tal-preżent indikattiv fil-fatt jindika li, mingħajr ma sempliċement elenka s-setturi ta’ kooperazzjoni, l-Artikolu 26 tal-FSK jistipula b’mod ċar l-obbligi li għandhom il-partijiet li jikkorrispondu ma’ impenji legali konkreti. Dan l-artikolu jippreżenta livell ta’ dettalji iktar elaborat meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet dwar it-trasport u l-ambjent, sabiex insemmi lilhom biss. Fi ħdan l-istess Artikolu 26 tal-FSK, dan jidher, fl-opinjoni tiegħi b’mod ċar ħafna, fl-ewwel u fit-tieni paragrafi — li huma iktar bħall-bqija tal-FSK, jiġifieri li jipprovdu dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni jew ta’ impenn sabiex jikkooperaw fuq temi preċiżi, iżda mingħajr ma huma verament speċifikati dawn il-mezzi ta’ kooperazzjoni jew ir-riżultati li għandhom jintlaħqu — mit-tielet u r-raba’ paragrafi. Fil-fatt, dawn tal-aħħar, juru kuntrast nett peress li jimponu obbligu ċar u mingħajr ambigwità ( 73 ) u jiddeterminaw minn qabel b’mod konkret il-kontenut tar-riżultati li għandhom jintlaħqu (“il-Filippini għandhom jaċċettaw lura”, “kull Stat Membru għandu jaċċetta lura”) u l-metodi li għandhom jintużaw sussegwentement ( 74 ) sabiex jintlaħaq għan ġuridiku stabbilit b’mod ċar, li huwa dak li jżid l-obbligu ta’ ammissjoni mill-ġdid ta’ ċittadini ta’ Stati terzi oħra u ta’ persuni mingħajr stat.

68.

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26(3) u (4) tal-FSK ma humiex sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni mħabbra fil-kuntest ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp. Ma huwiex importanti jekk dawn il-prinċipji ta’ ammissjoni mill-ġdid sempliċement ittennux, fil-liġi preżenti, il-prinċipji ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju għaliex il-preżenza tagħhom fi ftehim multilaterali, evidentement jirriżulta f’konsegwenzi ġuridiċi proprji. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-estensjoni tal-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini ta’ Stati terzi jew ta’ persuni mingħajr stat ma tirriżultax mid-dritt internazzjonali konswetudinarju. L-Artikolu 26(4), meta jistabbilixxi l-għan ta’ din l-estensjoni li għandu jintlaħaq permezz ta’ ftehim internazzjonali, għalhekk imur lil hinn minn dak li fil-preżent huwa permess f’dan il-kuntest.

69.

Din l-asimmetrija, din il-bidla fi ħdan l-Artikolu 26 tal-FSK ma tibqax inspjegabbli, fid-dawl, speċifikament, tal-prassi preċedenti li għadni kif fakkart. Fil-fatt, huwa magħruf pubblikament li l-fluss migratorju l-iktar sinjifikattiv huwa dak bejn il-Filippini u l-Unjoni, u li huwa fl-livell ferm inqas li ċ-ċittadini tal-Unjoni jemigraw lejn il-Filippini. Għalhekk, il-bażijiet tal-kooperazzjoni fis-settur tal-migrazzjonijiet ġew ifformulati b’tali mod li jirriflettu din l-asimmetrija billi jiffukaw iktar fuq il-protezzjoni tal-migranti, fuq riflessjoni li twassal għal trattament ekwu u għal integrazzjoni ta’ residenti legali li ma humiex ċittadini jew ukoll għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza għal raġunijiet ta’ benessere jew umanitarji. Dawn il-bażijiet huma s-suġġett tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 26 tal-FSK.

70.

Għall-kuntrarju, it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 26 tal-FSK jerġgħu jistabbilixxu l-ekwilibriju u fihom dispożizzjonijiet li jitbegħdu mill-preokkupazzjonijiet inizjali tal-FSK — l-iżvilupp armonjuż tal-Filippini — sabiex jintlaħaq għan proprju tal-Unjoni u sabiex iservi l-interessi tagħha: l-impenn min-naħa tal-Istat terz kontraenti li jieħu lura ċ-ċittadini tiegħu li jkunu b’mod irregolari fit-territorju tal-Unjoni. Kif ammetta l-Kunsill stess, dawn il-klawżoli dwar l-ammissjoni introdotti f’tipi differenti ta’ ftehim ta’ sħubija konklużi mill-Unjoni jikkostitwixxu lieva importanti, jiġifieri mod, għal din tal-aħħar, sabiex il-kontraenti tagħha jsiru kontroparti li kieku kien ikun diffiċli li tikseb b’xi mod ieħor, jiġifieri barra mill-kuntest tal-kooperazzjoni, f’dan il-każ fl-iżvilupp, imwiegħed mill-Unjoni.

71.

It-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 26 tal-FSK jesprimu għalhekk viżjoni difensiva u jippromwovu iktar l-interessi tal-Unjoni. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jipproteġu ruħhom min-nuqqasijiet tal-Istat terz kontraenti fil-qasam tal-ġestjoni tal-flussi migratorji.

72.

Ċertament, huwa previst li r-rabta mal-għanijiet segwiti mill-kooperazzjoni fl-iżvilupp tidher ferm iktar b’saħħitha. Madankollu, għandu xorta jiġi kkonstatat li ma kienx ikun hemm tali impenn mingħajr il-kooperazzjoni reċiproka implementata permezz tal-FSK, li hija ffukata fuq l-iżvilupp tal-Istat terz kontraenti. Bl-applikazzjoni tal-prinċipji ġurisprudenzjali mfakkra fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u għar-raġunijiet li għadni kif semmejt, għandu jiġi kkonstatat illi l-klawżola ta’ ammissjoni mill-ġdid li tinsab fl-Artikolu 26(3) u (4), minkejja li tinkludi obbligi ġuridiċi, ma għandhiex bħala effett li tagħmel l-ammissjoni mill-ġdid għan distint minn dak previst mill-FSK iżda, għall-kuntrarju, fil-kuntest partikolari tan-negozjati ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp, tikkostitwixxi għan mhux awtonomu, u għalhekk sekondarju jew indirett, li ma jeħtieġx iż-żieda ta’ bażi legali għalih.

73.

Huwa għalhekk ukoll żbaljat li l-Kunsill żied l-Artikolu 79(3) TFUE mal-bażijiet legali tad-deċiżjoni kkontestata.

74.

Il-Kunsill u l-gvernijiet li intervjenew insostenn tiegħu ġġustifikaw b’mod partikolari l-pożizzjoni tagħhom dwar iż-żieda tal-Artikolu 79(3) TFUE, li huma jqisu meħtieġa, bin-neċessità li jiġi ppreżervat l-effett utli tal-Protokolli Nri 21 u 22. Jiena issa għalhekk nixtieq nuri li, minkejja n-nuqqas tal-Artikolu 79(3) TFUE mill-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-effett utli ser jiġi ppreżervat u li l-Istati Membri kkonċernati mill-Protokolli Nri 21 u 22 jistgħu, jekk ikun il-każ u fil-mument opportun, isostnu d-drittijiet tagħhom.

4. Il-prassi attwali fil-qasam ta’ ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid

75.

Ħarsa lejn il-prassi attwali fil-qasam tal-ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid għal dan il-għan hija utli, b’mod partikolari sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dak li jista’ jkun il-kontenut tal-ftehim fil-futur. Reċentement ġew konklużi żewġ ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid: il-ftehim mal-Ġeorġja ( 75 ), imsemmi mill-Kummissjoni, u l-ftehim mal-Pakistan ( 76 ). Dawn iż-żewġ ftehim ġew konklużi fuq il-bażi legali tal-Artikolu 79(3) TFUE. Huma għandhom struttura u kontenut paragunabbli.

76.

F’dawn iż-żewġ ftehim, titfakkar l-importanza tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina flimkien mal-ħtieġa li jiġu implementati proċeduri rapidi u effiċjenti fuq bażi ta’ reċiproċità. L-ammissjoni mill-ġdid tikkonċerna kemm iċ-ċittadini stess tal-Istati kontraenti kif ukoll iċ-ċittadini ta’ Stati terzi u ta’ persuni mingħajr stat. Iż-żewġ ftehim jistabbilixxu ukoll, b’mod preċiż u ddettaljat, il-proċedura li għandha tiġi segwita, b’mod partikolari l-kontenut tat-talba, il-kundizzjonijiet ta’ kif issir it-talba, il-provi meħtieġa sabiex tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza u għall-persuni mingħajr stat u għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, it-terminu li għandu jiġi osservat sabiex tkun deċiża t-talba, il-kundizzjonijiet tat-trasferiment u tat-trasport tal-persuni ammessi mill-ġdid, il-prinċipji u l-proċeduri tal-operazzjonijiet tat-tranżitu, id-determinazzjoni tal-ħlas tal-ispejjeż, il-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-data u jinkludu klawżola ta’ nuqqas ta’ effett fuq id-dritt internazzjonali ġenerali. Dawn il-ftehim huma ċertament iktar kompleti mill-unika dispożizzjoni tal-Artikolu 26(3) u (4) tal-FSK, li ma tistax, kif diġà ġie korrettament irrilevat mill-Kummissjoni, tiġi kkunsidrata, waħidha, bħala ftehim ta’ ammissjoni mill-ġdid.

77.

Jekk, kif naħseb jien, l-Artikolu 79(3) TFUE żdied bi żball bħala bażi legali tal-FSK, għandu wkoll jiġi stabbilit b’mod ċert u inekwivoku li l-ftehim internazzjonali li kellu jsir, stipulat fl-Artikolu 26(4) tal-FSK, ma kellux jiġi konkluż abbażi tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp iżda kellu neċessarjament jiġi bbażat fuq l-imsemmi Artikolu 79 TFUE. Huwa preċiżament fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-ftehim li, filwaqt li l-Unjoni waslet sabiex tikkonkludi miżura bbażata fuq dispożizzjoni li taqa’ taħt it-Titolu V tat-TFUE, l-effett utli tal-Protokolli Nri 21 u 22 jiġi ppreżervat b’mod sħiħ, flimkien mad-drittijiet tal-Istati Membri kkonċernati.

H – Fuq iż-żamma tal-effetti ratione temporis tad-deċiżjoni annullata

78.

Skont it-talba tal-partijiet u sabiex id-dħul fis-seħħ tal-FSK ma jiġix ittardjat iktar, hemm lok li tintlaqa’ t-talba tal-partijiet u li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel użu mill-possibbiltà offruta mill-Artikolu 264(2) TFUE, li żżomm l-effetti ratione temporis tad-deċiżjoni annullata sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida.

VI – Fuq l-ispejjeż

79.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni għamlet din it-talba, hemm lok li l-Kunsill jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Barra minn hekk, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 140(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, il-partijiet intervenjenti f’din il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

VII – Konklużjoni

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

“1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/272/UE, tal-14 ta’ Mejju 2012, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra, hija annullata.

2)

L-effetti tad-deċiżjoni annullata huma miżmuma sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida.

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

4)

Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 134, p. 3.

( 3 ) It-test tad-dispożizzjonijiet rilevanti għat-trattazzjoni ta’ dan ir-rikors huwa riprodott iktar ’il quddiem kif jirriżulta mid-dokument tal-Kunsill Nru 15616/10, tal-21 ta’ Jannar 2011, [għall-verżjoni bl-Ingliż, ara wkoll dokument Nru 15616/10 COR I, tal-25 ta’ Jannar 2011). Għandu jiġi nnutat li, matul il-proċeduri preżenti, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra [COM(2013) 925 finali, tat-18 ta’ Diċembru 2013], deċiżjoni li tipprevedi l-Anness APC [ara COM(2013) 925 finali Anness I]. Għall-finijiet ta’ preċiżjoni, ser nirrileva li t-test tal-APC, kif riprodott f’dan l-aħħar dokument, għandu ċerti differenzi żgħar formali meta mqabbel mat-test li jirriżulta mid-dokument tal-Kunsill Nru 15616/10, tal-21 ta’ Jannar 2011, u li fuqu huma bbażati dawn il-konklużjonijiet.

( 4 ) Ara COM(2010) 460 finali tas-6 ta’ Settembru 2010.

( 5 ) Ara d-dokument 5882/11 tat-28 ta’ Jannar 2011.

( 6 ) Skont il-Kunsill, din ż-żieda hija r-riżultat ta’ riflessjoni iktar estensiva li saret fi ħdanu dwar il-prassi li għandha tiġi adottata fil-każ ta’ ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha li jirrigwardaw, minn tal-inqas parzjalment, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-tielet parti tat-TFUE. Fit-18 ta’ April 2012, il-COREPER kien, fil-fatt, stieden lill-Kunsill jinkludi l-bażijiet legali relatati mal-imsemmija dispożizzjonijiet u jipproċedi b’hekk bit-tliet ftehim qafas oħra ta’ sħubija li kienu waslu sabiex jiġu konklużi. F’dokument tat-8 ta’ Mejju 2012 (dok. 9196/1/12 REV 1), il-Kunsill indika l-konsegwenzi proċedurali li, skont hu, kienu jirriżultaw minn tali inklużjoni u annessa, b’mod partikolari, dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li kienet turi n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-inklużjoni tal-bażijiet legali hawn fuq imsemmija.

( 7 ) Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1996, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C-268/94, Ġabra p. I-6177, punt 39).

( 8 ) Dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-politika ta’ żvilupp tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2006 C 46, p. 1).

( 9 ) Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, p. 41).

( 10 ) Il-Kummissjoni hawnhekk tirreferi għall-ftehim dwar l-ammissjoni mill-ġdid konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni, li t-test tiegħu huwa anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2011 dwar il-konklużjoni tal-imsemmi ftehim (ĠU L 52, p. 45).

( 11 ) Il-Kummissjoni tiċċita, f’dawn ir-rigward, is-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).

( 12 ) Il-Kunsill isemmi l-Opinjoni 2/00 tas-6 ta’ Diċembru 2001 (Ġabra p. I‑9713, punt 22) kif ukoll is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2001, Spanja vs Il-Kunsill (C-36/98, Ġabra p. I-779, punt 59), tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber (C-336/00, Ġabra p. I-7699, punt 31), tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-211/01, Ġabra p. I-8913, punti 39 u 40) u tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-338/01, Ġabra p. I-4829, punt 55).

( 13 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 49.

( 14 ) Il-Kunsill jirreferi hawnhekk għall-Opinjoni 1/08 tat-30 ta’ Novembru 2009 (Ġabra p. I‑11129).

( 15 ) Il-Kunsill jiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10, punt 80).

( 16 ) Il-Kunsill hawnhekk jirreferi għas-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-166/07, Ġabra p. I-7135, punt 69).

( 17 ) Il-Kummissjoni tiċċita hawnhekk id-dokument ta’ strateġija KE-Filippini 2007-2013 (disponibbli fuq http://eeas.europa.eu/philippines/csp/07_13_fr.pdf) u l-programm indikattiv pluriannwali għall-Filippini 2007-2010 (disponibbli fuq http://eeas.europa.eu/philippines/csp/mip_07_10_en.pdf).

( 18 ) Il-Kunsill innifsu b’mod simili biddel l-approċċ tiegħu qabel is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 19 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39).

( 21 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Frar 1999, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-42/97, Ġabra p. I-869, punt 37).

( 22 ) Li kien ftehim ta’ kooperazzjoni dwar is-sħubija u l-iżvilupp (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-Konklużjonijiet. Il-korsiv huwa tiegħi).

( 23 ) Matul is-seduta u insostenn tal-argument tiegħu, il-Kunsill sostna li huwa ma kienx ta mandat lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja ftehim ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp. Il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni. Il-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma fih l-ebda informazzjoni addizzjonali dwar l-imsemmi mandat, li ssemma biss matul il-fażi orali tal-proċedura.

( 24 ) It-tieni premessa tal-FSK.

( 25 ) Ir-raba’ premessa tal-FSK.

( 26 ) Il-ħmistax u t-tnejn u għoxrin premessa tal-FSK.

( 27 ) Ibid.

( 28 ) Ara r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-8 ta’ Settembru 2000 intitolata“Id-dikjarazzjoni tal-Millenju” (A/55/L.2). Għat-tmien għanijiet tal-Millenju, ara l-punt 6 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp, iċċitat iktar ’il fuq.

( 29 ) Il-ħames, is-sitt, is-sbatax sad-dsatax u l-wieħed u għoxrin premessa.

( 30 ) Is-seba’ u t-tmien premessi tal-FSK rispettivament. B’riferiment għal dan il-qasam, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi żgħar u ta’ kalibru żgħir tista’ tkun kkunsidrata bħala li sservi l-għanijiet tal-politika ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp [sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-91/05, Ġabra p. I-3651)].

( 31 ) Artikolu 1(1) u (3) tal-FSK. Dwar ir-riferimenti għall-elementi essenzjali, ara l-Artikolu 53(5)(b) tal-FSK.

( 32 ) Sentenza introduttorja tal-Artikolu 2 tal-FSK.

( 33 ) Artikolu 29(1) tal-FSK.

( 34 ) Artikolu 29(2) tal-FSK.

( 35 ) L-FSK isemmi b’mod partikolari l-promozzjoni tat-tkabbir u tal-iżvilupp (Artikolu 12 tal-FSK), tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali (Artikoli 26, 28, 40 tal-FSK) u tal-iżvilupp sostenibbli (Artikoli 33 sa 35 tal-FSK).

( 36 ) Ara b’mod partikolari, is-seba’ sal-għaxar premessa u l-Artikolu 1(2)(4) tal-Ftehim ta’ koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja fuq is-sħubija u l-iżvilupp, iċċitat iktar ’il fuq.

( 37 ) Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C-403/05, Ġabra p. I-9045, punt 56) u tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-91/05, Ġabra p. I-3651, punt 65).

( 38 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew “Il-politika fl-iżvilupp tal-Komunità Ewropea” [COM(2000) 212 finali tas-26 ta’ April 2000].

( 39 ) Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il-fuq (punti 57 u 58) u tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-91/05, Ġabra p. I-3651, punt 66).

( 40 ) Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-91/05, Ġabra p. I-3651, punt 67).

( 41 ) Ibid. (punti 71 u 72).

( 42 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Ara l-punti 5 u 42 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp.

( 44 ) Punt 7 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp.

( 45 ) Ara l-punt 4 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp.

( 46 ) Punt 3 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp.

( 47 ) Punt 9 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp.

( 48 ) Punt 12 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp.

( 49 ) Il-ftehim mal-Indja kien konkluż għal perijodu ta’ ħames snin u kien jiġġedded awtomatikament minn sena għal sena, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni għall-kuntrarju (ara l-Artikolu 29 tal-Ftehim mal-Indja). Huwa ma kienx jipprovdi għall-iskadenza tiegħu mill-mument li fih l-għanijiet tal-iżvilupp ikunu ntlaħqu. Fuq dan il-punt, l-Artikolu 57 tal-FSK huwa għalhekk paragunabbli mal-Artikolu 29 tal-Ftehim konkluż mal-Indja, li ġie kkwalifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala ftehim ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp.

( 50 ) Ara l-punti 70 et seq tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp.

( 51 ) Opinjoni 1/08, tat-30 Novembru 2009 (Ġabra p. I‑11129, punt 110).

( 52 ) Ara s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).

( 53 ) Ara b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tal-Ftehim ta’ koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja fuq is-sħubija u l-iżvilupp, iċċitat iktar ’il fuq.

( 54 ) Ara l-punti 77 et seq tal-Konsensus.

( 55 ) L-Opinjoni 1/08 tirrigwarda l-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (iktar ’il quddiem il-“GATS”) li jkopri, b’mod partikolari, is-servizzi tat-trasport. Il-kummerċ fis-servizzi tat-trasport, fl-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, “jaqa’ taħt l-iskop stess tal-GATS u ta’ dawn il-ftehim, li barra minn hekk għandhom effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ ta’ kull tip ta’ servizzi kkonċernati” (punt 167). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehim inkwistjoni għandhom “numru relattivament għoli ta’ dispożizzjonijiet li għandhom l-effett li jimmodifikaw rabtiet kemm orizzontali kif ukoll settorjali meħuda mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tagħha” (punt 169) kif ukoll “dispożizzjonijiet relatati mar-rabtiet settorjali fil-qasam tas-servizzi tat-trasport li xi drabi jestendu l-limitazzjonijiet settorjali għal ċerti Stati Membri, u xi drabi jintroduċu limitazzjonijiet bħal dawn fi ħdanhom stess” (punt 170). Hija kkonkludiet li l-qasam tat-“trasport” tal-GATS jaqa’ fis-settur tal-politika tat-trasport u mhux f’dak tal-politika kummerċjali komuni. Jidher tajjeb ferm li l-Artikolu 38 tal-FKS ma għandux l-istess effett fuq il-kwistjoni u huwa ta’ intensità legali inqas.

( 56 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 65).

( 57 ) Ara b’mod partikolari l-Artikoli 27(2), 29(2)(c) u 38(1) tal-FSK.

( 58 ) Artikolu 34(5) tal-FSK.

( 59 ) Artikolu 34(1) l-aħħar sentenza tal-FSK.

( 60 ) Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Indja, iċċitat iktar ’il fuq, “[i]l-Partijiet Kontraenti jirrikonoxxu l-bżonn li jqisu l-protezzjoni ambjentali bħala parti integrali tal-koperazzjoni ekonomika u l-iżvilupp. Barra minn hekk, dawn jagħmlu enfasi fuq l-importanza ta’ kwistjonijiet ambjentali u fuq ir-rieda tagħhom li jistabbilixxu koperazzjoni fil-protezzjoni u t-titjib ta’ l-ambjent b’enfasi partikolari fuq l-ilma, il-ħamrija u t-tniġġis ta’ l-arja, l-erożjoni, id-deforestazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, waqt li jqisu x-xogħol li sar f’fora internazzjonali”.

( 61 ) L-assigurazzjoni ta’ ambjent sostenibbli huwa wieħed mit-tmien għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp: ara l-punt 6 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp, iċċitat iktar ’il fuq.

( 62 ) Punt 12 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp, iċċitat iktar ’il fuq.

( 63 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill iċċitata, (punt 80). Fil-kuntest preċiż ta’ eventwali implementazzjoni tal-Protokolli Nri 21 u 22, ara l-punt 40 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot mogħtija fil-Kawża C-43/12, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament.

( 64 ) Il-prassi kurrenti, kif enfasizzat il-Kummissjoni, turi konfużjoni kbira. Pereżempju, id-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-24 ta’ Lulju 2006, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Kontra t-Traffikar ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplimentaw l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll jaqgħu fl-ambitu tal-Artikoli 179 u l-Artikolu 181a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 262, p. 24) ġiet adottata abbażi tal-Artikoli 179 u 181A tat-Trattat KE. Id-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 2011, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra (ĠU L 204, p. 18) ) ġiet adottata abbażi tal-Artikoli 79(3), 91, 100, 192(1), 194, 207 u 209 flimkien mal-Artikolu 218(5), TFUE. Id-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2012, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (ĠU L 134, p. 4), ġiet adottata abbażi biss tal-Artikoli 79(3), 207 u 209 flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE. Id-deċiżjoni tal-istess ġurnata dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (ĠU L 137, p. 1), min-naħa tagħha ġiet adottata abbażi biss tal-Artikoli 79(3), 91, 100, 207 u 209 flimkien mal-Artikolu 218(5) TFUE.

( 65 ) Punt 12 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp.

( 66 ) Punt 17 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp.

( 67 ) Punt 38 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp.

( 68 ) Punt 40 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp.

( 69 ) Ara l-punt 110 tal-Konsensus Ewropew dwar l-iżvilupp.

( 70 ) Ara wkoll l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1905/2006.

( 71 ) Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam fuq il-klawżoli ta’ ammissjoni mill-ġdid fil-ftehim Komunitarji u fil-ftehim bejn il-Komunità Ewropea, l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi (ftehim imħallta) — Adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, Dokument Nru 13409/99 tal-25 ta’ Novembru 1999.

( 72 ) Il-ftehim ta’ Cotonou, adottat, b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 300 KEE jidher li huwa l-ewwel wieħed li kien jinkludi klawżola ta’ ammissjoni mill-ġdid fit-taqsima “post-Amsterdam” [ara l-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 317, p. 3)]. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppronunzjatx ruħha fuq din il-prassi u lanqas fuq l-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Cotonou b’mod partikolari.

( 73 ) Ara l-Artikolu 26(3) tal-FSK.

( 74 ) Ara l-Artikolu 26(4) tal-FSK.

( 75 ) Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU 2011 L 52, p. 47).

( 76 ) Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirresjedu mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU L 287, p. 52).