KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2013 ( 1 )

Kawża C-184/12

United Antwerp Maritime Agencies (Unamar) NV

vs

Navigation Maritime Bulgare

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju)]

“Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali — Prinċipju ta’ awtonomija tal-volontà — Limiti — Interferenza tar-regoli mandatarji tal-lex fori — Kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali”

I – Introduzzjoni

1.

Din il-kawża tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 7(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”), b’konnessjoni mad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom ( 3 ).

2.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa f’dan il-każ mill-Hof van Cassatie tidħol fil-kuntest ta’ kawża bejn United Antwerp Maritime Agencies (Unamar) NV (iktar ’il quddiem “Unamar”), kumpannija rregolata taħt id-dritt Belġjan, u Navigation Maritime Bulgare (iktar ’il quddiem “NMB”), kumpannija rregolata taħt id-dritt Bulgaru, fir-rigward ta’ ħlas ta’ ammonti ta’ kumpens allegatament dovut wara r-rexissjoni, minn NMB, ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li sa dakinhar kien jorbot lil dawn iż-żewġ kumpanniji. Fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja li rriżultat tqajmet b’mod partikolari l-kwistjoni tal-possibbiltà, li l-qorti Belġjana, tapplika għall-kuntratt id-dispożizzjonijiet obbligatorji tal-lex fori minkejja l-eżistenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tindika lill-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Sofia (il-Bulgarija) u tipprevedi espressament l-applikazzjoni tad-dritt Bulgaru għall-kuntratt.

3.

B’mod iktar partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża f’liema ċirkustanzi l-qorti nazzjonali tista’ tiskarta, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Istat Membru applikabbli għall-kuntratt skont l-għażla tal-partijiet (il-kontraenti) favur dispożizzjonijiet imperattivi tal-lex fori. B’mod iktar preċiż hija mitluba tipprovdi indikazzjonijiet sabiex ikun iddeterminat jekk il-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li filwaqt li tkun korrettament tittrasponi direttiva Ewropea, tmur lil hinn mill-protezzjoni offerta minn din tal-aħħar, tistax timponi din il-protezzjoni iktar wiesgħa fil-każ fejn il-lex contractus hija d-dritt ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni li wkoll korrettament ittraspona din id-direttiva.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Il-Konvenzjoni ta’ Ruma

4.

L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni bit-titolu “Libertà ta’ l-għażla” jipprovdi:

“1.   Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha tkun espressa jew murija b’ċertezza raġjonevoli mill-klawsoli tal-kuntratt jew miċ-ċirkostanzi tal-każ. Permezz ta’ l-għażla tagħhom il-partijiet jistgħu jiftiehmu fuq il-liġi applikabbli għall-kuntratt kollu jew għal parti minnu.

[...]”

5.

L-Artikolu 7(2) tal-imsemmija konvenzjoni, bit-titolu “Regoli mandatarji”, jipprovdi li “[x]ejn f’din il-Konvenzjoni m’għandu jżomm l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn dawn ikunu mandatarji irrispettivament mil-liġi li tapplika mod ieħor għall-kuntratt.”

B – Id-Direttiva 86/653

6.

Skont it-tieni premessa tad-Direttiva 86/653, din kienet adottata b’kunsiderazzjoni tal-fatt li “d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività fil-Komunità u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali [...]”.

7.

L-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan‑nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.”

8.

L-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l‑aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il-paragrafu 3”.

C – Id-dritt Belġjan

9.

Il-liġi tat-13 ta’ April 1995 dwar il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1995”) tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, b’mod partikolari li “[l-]kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali huwa l-kuntratt li permezz tiegħu waħda mill-partijiet, l-aġent kummerċjali, ikollha awtorità kontinwa, u suġġetta għall-ħlas mill-parti l-oħra, il-prinċipal, mingħajr ma tkun suġġetta għall-awtorità ta’ din tal-aħħar, li tinnegozja u eventwalment tikkonkludi kummerċ għan-nom ta’ u f’isem il-prinċipal.”

10.

L-Artikolu 18(1) u (3) tal-Liġi tal-1995 huwa miktub kif ġej:

“1.   Meta l-kuntratt ta’ aġenzija huwa konkluż għal perijodu indeterminat jew għal perijodu determinat bil-fakultà ta’ denunzja antiċipata, kull parti tista’ titterminah billi tosserva preavviż.

[...]

3.   Il-parti li tirrexxindi l-kuntratt mingħajr ma tinvoka waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 19(1), jew mingħajr ma tosserva t-terminu ta’ preavviż iffissat fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu (1) għandha tħallas lill-parti l-oħra kumpens ugwali għall-ħlas li jikkorrispondi jew mat-tul tal-preavviż, jew mal-parti minn dan it-terminu li għad trid tiddekorri”.

11.

L-Artikolu 20 tal-Liġi tal-1995 jipprovdi:

“Wara t-tmiem tal-kuntratt, l-aġent kummerċjali għandu dritt għall-kumpens għat-tkeċċija meta huwa jkun ġab klijenti ġodda lill-prinċipal jew żviluppa b’mod kunsiderevoli n-negozju mal-klijentela eżistenti, sa fejn din l-attività għad trid tikseb vantaġġi sustanzjali lill-prinċipal”

12.

L-Artikolu 21 tal-Liġi tal-1995 jipprovdi:

“Sa fejn l-aġent kummerċjali jkollu dritt għall-kumpens għat-tkeċċija prevista fl-Artikolu 20 u l-ammont ta’ dan il-kumpens ma jkoprix id-dannu kollu realment subit, l-aġent kummerċjali jista’, iżda bl-oneru li jipproduċi prova tal-portata tad-dannu allegat, minbarra dan il-kumpens, jikseb danni li jammontaw għad-differenza bejn l-ammont tad-dannu realment subit u dak ta’ dan il-kumpens”.

13.

Skont l-Artikolu 27 tal-Liġi tal-1995:

“Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom il-Belġju huwa parti, l-attività kollha ta’ aġent kummerċjali li għandu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fil-Belġju taqa’ taħt il-liġi Belġjana u l-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani”.

III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.

Fl-2005, Unamar u NMB ikkonkludew kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali fid-dawl tal-operat ta’ servizz regolari ta’ trasport marittimu permezz ta’ kontejners li jappartjenu lil NMB. Il-kuntratt kien jipprevedi li jkun irregolat mid-dritt Bulgaru u li kull kwistjoni dwar il-kuntratt kellha tiġi deċiża mill-Bord tal-Arbitraġġ stabbilit mill-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Sofia.

15.

Dan il-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, permezz ta’ kuntratt tat-22 ta’ Diċembru 2008, ġie estiż għall-aħħar darba sal-31 ta’ Marzu 2009. Unamar għalhekk qieset li l-kuntratt kien ġie mitmum irregolarment u fil-25 ta’ Frar 2009 bdiet kawża quddiem ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen sabiex titħallas diversi kumpensi previsti mil-Liġi tal-1995.

16.

Min-naħa tagħha, NMP fit-13 ta’ Marzu 2009 fittxet lil Unamar quddiem ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen sabiex tikseb il-ħlas ta’ arretrati ta’ trasport tal-merkanzija li jammontaw għal EUR 327 207.87.

17.

Wara li għaqqad iż-żewġ kawżi, ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen, iddeċieda permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Mejju 2009, li l-oġġezzjoni għal ġurisdizzjoni, magħmula minn NMB, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ kienet infondata. Dan it-tribunal essenzjalment ikkunsidra, l-ewwel nett, li l-Artikolu 27 tal-liġi tal-1995 kien regola ta’ rabta unilaterali ta’ applikazzjoni immedjata, li tirrendi l-għażla ta’ dritt barrani mhux effettiva; it-tieni nett, li din il-liġi, għalkemm ma taqax taħt l-ordni pubbliku internazzjonali Belġjan, kellha tiġi applikata; it-tielet nett li l-kawżi kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi ma kinux, għalhekk, suġġetti għall-arbitraġġ sakemm id-dritt Belġjan jew dritt barrani ekwivalenti ma jkunx ġie ddikjarat applikabbli fil-kuntratt ta’ aġenzija u fl-aħħar nett li, peress li l-kuntratt ikkontestat kien suġġett għad-dritt Bulgaru u ma kienx jidher li r-regoli li jinsabu fid-Direttiva 86/653 kienu, skont dan id-dritt, applikabbli wkoll għall-aġenti kummerċjali li jkunu kkonkludew kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, l-oġġezzjoni għal ġurisdizzjoni magħmula min-NMB kienet infondata fid-dritt.

18.

Fl-24 ta’ Ġunju 2009, NMB ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-hof van beroep te Antwerpen. Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2010, din il-qorti kkundannat lil Unamar għall-ħlas tal-bilanċ ta’ trasport ta’ merkanzija li jammonta għal EUR 77 207.87 bl-interessi moratorji u l-ispejjeż. Barra minn hekk, il-hof van beroep te Antwerpen iddikjarat l-oġġezzjoni għal ġurisdizzjoni invokata min-NMB bħala fondata u ddikjarat ruħha mingħajr ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar it-talba għal ħlas ta’ kumpens imressqa minn Unamar. Skont din il-qorti, il-liġi tal-1995 ma hijiex ta’ ordni pubbliku u lanqas ma taqa’ taħt l-ordni pubbliku internazzjonali Belġjan. Din il-qorti qieset ukoll li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, ma kellhomx jiġu applikati d-dispożizzjonijiet obbligatorji speċjali tal-imsemmija liġi. Fl-opinjoni tagħha, id-dritt Bulgaru magħżul mill-partijiet kien joffri wkoll lil Unamar, bħala aġent marittimu ta’ NMB, il-protezzjoni minima prevista mid-Direttiva 86/653. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtonomija tal-volontà tal-partijiet kellha tipprevali fuq id-dritt ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni, f’dan il-każ tar-Renju tal-Belġju.

19.

Fis-27 ta’ Mejju 2011, Unamar ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Hof van Cassatie li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fid-dawl [...] tal-klassifikazzjoni fid-dritt Belġjan tal-Artikoli 18, 20 u 21 tal-liġi [tal-1995] inkwistjoni fil-proċedura, bħala regoli tad-dritt mandatarji fis-sens tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, l-Artikoli 3 u 7(2) ta’ [din il-konvenzjoni], moqrija jew le flimkien mad-Direttiva [86/653/KE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li r-regoli tad-dritt mandatarji tal-pajjiż tal-qorti li joffru protezzjoni iktar wiesgħa mill-protezzjoni minima imposta mid-Direttiva [86/653], jiġu applikati għall-kuntratt, anki jekk jidher li d-dritt applikabbli għall-kuntratt huwa d-dritt ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea li fih hemm ukoll il-protezzjoni minima offerta mid-Direttiva 86/653/KEE iċċitata iktar ’il fuq li ġiet implementata?”

20.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub min-NMB, mill-Gvern Belġjan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ebda talba sabiex tinżamm seduta ma ġiet ippreżentata.

IV – Analiżi ġuridika

A – Osservazzjonijiet preliminari

21.

Qabel l-eżami tal-mertu tad-domanda preliminari, nixtieq nagħmel xi kjarifiki li jidhirli li huma neċessarji sabiex jiġi ffokat is-suġġett tad-diskussjoni u jitneħħew l-inċertezzi potenzjali rigward il-portata ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

22.

Fil-fatt, jiena nirrileva li, filwaqt li fil-kawża prinċipali, kienu diskussi mhux biss il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt, iżda wkoll dik dwar jekk il-qrati Belġjani kellhomx effettivament ġurisdizzjoni fil-kawża bejn Unamar u NMB, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita biss mill-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma. Din il-limitazzjoni tas-suġġett tad-domanda, li mal-ewwel daqqa t’għajn tidher ukoll sorprendenti ( 5 ), ma tirrendix madankollu din it-talba għal deċiżjoni preliminari irrilevanti ( 6 ), peress li l-problema tad-determinazzjoni, skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma, tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali konkluż bejn Unamar u NMB tinsab fil-qalba tal-kawża prinċipali.

23.

F’dan il-każ, il-kwistjoni tal-liġi applikabbli u dik tal-validità tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tinnomina lill-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Sofia huma marbuta mill-qrib. Il-qorti tar-rinviju għamlet riferiment ukoll għall-Konvenzjoni dwar ir‑Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin iffirmata fi New York fl-10 ta’ Ġunju 1958 ( 7 ), li fl-Artikolu II(3) tagħha tgħid li “[l]-qorti ta’ Stat kontraenti, meta quddiemha titressaq kawża dwar kwistjoni li fuqha l-partijiet ikkonkludew ftehim fl-ambitu tat-tifsira ta’ dan l-artikolu, għandha, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tirrinvija l‑partijiet għall-arbitraġġ, sakemm ma tikkonstatax li l‑imsemmija konvenzjoni hija nulla u bla effett, mhux operattiva jew li ma tistax tiġi applikata” ( 8 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija ddeduċiet li r-rifjut ta’ klawżola ta’ arbitraġġ valida skont liġi barranija tista’ tiġi deċiża abbażi ta’ regola tad-dritt tal-lex fori li minnu jista’ jkun dedott li l-kwistjoni ma tkunx tista’ tkun suġġetta għall-arbitraġġ. Issa, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li ser jirriżulta mill-ġenesi tal-liġi tal-1995 li l-Artikoli 18, 20 u 21 tal-imsemmija liġi għandhom ikunu kkunsidrati bħala dispożizzjonijiet ta’ dritt imperattiv. Jirriżulta għalhekk mir-raġunament magħmul minnha li teżisti rabta stretta bejn id-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-kuntratt u l-possibbiltà tal-qorti li tiskarta klawżola ta’ arbitraġġ u, b’hekk, teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha.

B – Risposta għad-domanda preliminari

24.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, hija essenzjalment mitluba tiddetermina jekk il-liġi ta’ Stat Membru tal-Unjoni, li jittrasponi direttiva tal-Unjoni billi joffri l-possibbiltà li jiggarantixxi protezzjoni iktar wiesgħa minn dik li hija tipprevedi, tistax timponi din il-protezzjoni iktar wiesgħa bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, anki meta l-lex contractus hija d-dritt ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni li wkoll ittraspona korrettament din id-direttiva.

25.

F’dan il-każ, mill-fatti sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kemm il-Belġju kif ukoll ir-Repubblika tal-Bulgarija korrettament ittrasponew id-Direttiva 86/653. Għall-kuntrarju ta’ dak li ġie espost fir-rigward tal-liġi tal-1995, ftit informazzjoni ġiet ipprovduta rigward il-kontenut tal-miżuri ta’ traspożizzjoni adottati mill-Bulgarija ( 9 ). Madankollu, il-partijiet intervenjenti jaqblu, jidhirli, li jindikaw li l-protezzjoni offerta minn din il-leġiżlazzjoni Belġjana tmur lil hinn minn dik prevista mill-imsemmija direttiva, mhux biss għax tkopri kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesa’, iżda wkoll għax hija tipprevedi li, f’każ ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt, l-aġent kummerċjali għandu dritt, b’mod kumulattiv, għal kumpens għad-dannu subit.

26.

Għandhom għalhekk ikunu ppreċiżati ċ-ċirkustanzi li fihom id-dispożizzjonijiet tal-liġi Bulgara, li tikkostitwixxi l-lex contractus, jistgħu, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jiġu skartati favur id-dispożizzjonijiet imperattivi tal-liġi tal-1995.

27.

Sabiex isir dan, jidhirli li huwa opportun, li inizjalment isiru numru ta’ preċiżazzjonijiet dwar il-portata tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, magħmula fid-dawl tat-tagħlim, li fl-opinjoni tiegħi, għandu jkun ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ser neżamina, fit-tieni lok, jekk u sa fejn l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali permezz tad-dritt idderivat tal-Unjoni hijiex tan-natura li jkollha impatt fuq l-implementazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni.

1. Portata tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma fid-dawl tat-tagħlim tal-ġurisprudenza

28.

Huwa neċessarju li jitfakkar, l-ewwel nett, li f’ipoteżi, bħal dik prevista fil-kawża prinċipali, fejn il-partijiet għamlu l-għażla tagħhom għall-applikazzjoni ta’ liġi speċifika għall-kuntratt fiċ-ċirkustanzi ddefiniti fl-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandha, bħala regola, skont il-prinċipju ta’ awtonomija tar-rieda tal-partijiet stabbilit fl-istess Artikolu, tiġi applikata dik il-liġi.

29.

Fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni tal-liġi applikabbli previst mill-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-prinċipju ta’ awtonomija tar-rieda tal-partijiet jista’, madankollu, jiġi mfixkel b’żewġ modi: min-naħa, mill-iżvilupp ta’ regoli speċifiċi għal ċerti kuntratti fejn jidher li huwa neċessarju li tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa (kuntratti ta’ konsum jew kuntratti ta’ xogħol) – parametri li ma japplikawx għal dan il-każ – u min-naħa l-oħra, mill-interferenza, skont prinċipji tradizzjonalment irrikonoxxuti fid-dritt internazzjonali privat, iżda wkoll fid-dritt tal-Istati Membri, ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi. Fost oħrajn, hemm l-intervent skont it-titolu ( 10 ) tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, tar-regoli mandatarji. Dan l-aħħar intervent jaħdem b’mod differenti skont jekk humiex involuti dispożizzjonijiet imperattivi li jinsabu fil-liġi barranija li magħha s-sitwazzjoni għandha rabta stretta (paragrafu 1) jew jekk ikun każ bħal dan, fejn dispożizzjonijiet imperattivi jappartjenu lill-lex fori (paragrafu 2).

30.

Fir-rigward tar-regoli mandatarji tal-lex fori, nirrileva li jekk l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jimplika, mill-perspettiva funzjonali, li r-regola mandatorja tal-lex fori għandha tipprevali fuq kull dispożizzjoni oħra ( 11 ), huwa ma jagħti ebda definizzjoni kunċettwali ta’ dak li għandha tfisser regola mandatorja. Din id-dispożizzjoni tindika biss, mingħajr kundizzjonijiet oħra, li hija ma tistax tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-lex fori“f’sitwazzjoni fejn dawn ikunu mandatarji irrispettivament mil-liġi li tapplika mod ieħor għall-kuntratt”. Ir-rapport ta’ spjega Giuliano Lagarde ma jagħtix iktar indikazzjonijiet fuq dan il-punt ( 12 ).

31.

Fl-opinjoni tiegħi, jirriżulta minn din l-informazzjoni, li skont il-prinċipji ġeneralment stabbiliti fid-dritt internazzjonali privat, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddeċiedu f’liema oqsma u għal liema raġunijiet dispożizzjoni tal-lex fori għandha tingħata natura imperattiva, bil-ġustifikazzjoni li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi magħżula mill-partijiet jiġu skartati. L-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jeskludi, fil-prinċipju, kull setgħa tal-qorti rigward l-opportunità li jiġu applikati regoli mandatarji tal-lex fori, meta l-kuntratt li dwaru trid tingħata deċiżjoni, anki jekk suġġett għal liġi oħra, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni li r-regoli mandatarji stess stabbilixxew ( 13 ).

32.

Din il-konklużjoni ma hijiex ippreġudikata mid-definizzjoni tar-regoli mandatarji mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Arblade et ( 14 ) jew inkella fil-kawża Il‑Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni ( 15 ), definizzjoni li fil-parti l-kbira tagħha ġiet riprodotta fl-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I, bit-titolu “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” ( 16 ), u jiġi ppreċiżat li din l-aħħar dispożizzjoni tikkorrispondi, essenzjalment, mal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

33.

Infakkar li, fil-kawża Arblade et, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-espressjoni “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti u ta’ sigurtà” għandha tfisser li tirreferi għal “dispożizzjonijiet nazzjonali li l-osservazzjoni tagħhom ġiet meqjusa kruċjali għas-salvagwardja tal-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat, sal-punt li timponi l-osservanza lil kull persuna li ssib ruħha fit-territorju nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jew għal kull relazzjoni legali lokalizzata fih” ( 17 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-istess sens, nirrileva li, fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, huwa fil-kuntest tal-eżami tal-eċċezzjoni tal-ordni pubblika, bħala deroga mill-prinċipju fundamentali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li l-kunċett ta’ regoli mandatarji u ta’ sigurtà stabbilit fil-kawża Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, ġie adottat ( 18 ).

34.

Li jiġi preżunt li l-Qorti tal-Ġustizzja xtaqet tistabbilixxi permezz tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq kunċett awtonomu Ewropew ta’ regoli mandatarji, li minkejja d-dubji li jistgħu jkunu espressi f’dan ir-rigward ( 19 ), jidhirli li huwa kkonfermat mid-definizzjoni ta’ regoli mandatarji li fil-frattemp ġiet adottata fir-Regolament Ruma I, xorta jibqa’ il-fatt li l-kwalifikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali partikolari bħala regola mandatorja għandha titwettaq każ b’każ skont ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali li mmotivaw l-adozzjoni tagħha.

35.

Fl-opinjoni tiegħi, fuq livell wiesa’, għandna nibbażaw fuq ix-xewqa tal-leġiżlatur nazzjonali li jagħti natura imperattiva lid-dispożizzjonijiet nazzjonali: fir-rigward ta’ regoli stabbiliti mill-Istat bl-iskop anness jew le li jinżammu interessi li huwa jqis essenzjali. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jiddeterminaw b’mod konkret meta l-interessi pubbliċi huma affettwati, f’sens wiesa’ ( 20 ), billi jiġġustifikaw li ċerti regoli jingħataw natura imperattiva. Il-qorti nazzjonali għandha, sabiex tikkwalifika dispożizzjoni nazzjonali bħala regola mandatorja, tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-formulazzjoni kif ukoll l-istruttura ġenerali tal-Att li lilu tappartjeni ( 21 ).

36.

Madankollu, fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-Istati Membri skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, il-possibbiltà offerta lill-awtoritajiet nazzjonali li jiskartaw il-lex contractus favur il-lex fori, skont l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, ma hijiex madankollu mingħajr limiti.

37.

Fil-fatt, jidhirli li huwa meħtieġ li jitfakkar li l-invokazzjoni tar-regoli mandatarji tal-lex fori, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, ma tistax tirriżulta fit-tneħħija tal-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, bil-konsegwenza li jinjoraw is-supremazija u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni ( 22 ). B’mod partikolari, dawn ir-regoli ma għandhomx iwasslu għal ostakolu mhux ġustifikat tad-drittijiet u libertajiet li jirriżultaw mit-Trattati.

2. Eżami tal-impatt tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet li jirriżulta mill-adozzjoni tad-Direttiva 86/653 dwar il-possibbiltà, skont l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-lex fori.

38.

Kif semmejt fis-sezzjoni preċedenti, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddeterminaw għal liema raġunijiet u f’liema oqsma huma jixtiequ jipprovdu ċerti regoli ta’ natura obbligatorja, iġġustifikati, skont l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li l-qorti tal-forum tista’ tapplika irrispettivament mil-liġi applikabbli għall-kuntratt.

39.

Madankollu tqum il-kwistjoni dwar jekk l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet imwettqa permezz ta’ direttiva tal-Unjoni hijiex tan-natura li għandha impatt fuq l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-lex fori meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet obbligatorji ta’ Stati Membri oħra, meta jkunu inkwistjoni, bħal f’dan il-każ, leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fid-dawl tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva.

40.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta li għandha tingħata għal din il-kwistjoni ma hijiex neċessarjament l-istess u tiddependi fuq jekk l-armonizzazzjoni inkwistjoni hijiex tat-tip minimu jew eżawrjenti.

41.

Fl-ipoteżi fejn il-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li tirriżulta mid-direttiva timplementa protezzjoni minima, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti f’dan il-qasam ( 23 ). L-awtoritajiet nazzjonali huma għalhekk fil-pożizzjoni, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilhom, li jespandu kemm il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll il-livell tal-protezzjoni stabbilita mill-imsemmija direttiva sabiex jiġu difiżi l-interessi li huma jqisu essenzjali. F’tali ċirkustanzi, jistgħu jissustixxu differenzi sinjifikattivi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fid-dawl tat-traspożizzjoni tad-direttiva tal-Unjoni. Fl-opinjoni tiegħi, ma għandux ikun eskluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkopru kemm il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll il-livell tal-protezzjoni minima stabbilita mid-Direttiva jiġi rikonoxxut lilhomm natura imperattiva u, għalhekk, jistgħu jissostitwixxu, permezz tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, id-dispożizzjonijiet tal-liġi magħżula mill-partijiet, u dan anki meta din l-aħħar liġi tkun dik ta’ Stat Membru li ttraspona korrettament id-Direttiva. Fil-fatt, infakkar, li l-Konvenzjoni ta’ Ruma tħalli, a priori u bla ħsara, għall-osservanza tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt rispettiv tagħhom li għandhom ikunu kkwalifikati bħala imperattivi.

42.

Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn id-direttiva timplementa armonizzazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, hija għandha twassal għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu kemm il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll il-livell ta’ protezzjoni, li jekk mhux identiċi, tal-inqas għandhom ikunu ekwivalenti. Tali armonizzazzjoni timplika, min-natura tagħha, li s-sitwazzjonijiet mressqa quddiem il-qorti għandhom ikunu evalwati biss fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 24 ). F’tali ċirkustanzi, għandu għalhekk ikun eskluż li r-regoli mandatarji ta’ Stat Membru jistgħu jissostitwixxu, permezz tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, id-dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor.

43.

Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-prinċipji rikonoxxuti fid-dritt internazzjonali privat, jista’ jkun preżunt li l-għan ta’ protezzjoni tar-regoli mandatarji prevalenti huwa, fl-aħħar mill-aħħar, kopert mill-armonizzazzjoni eżawrjenti li tirriżulta mid-direttiva tal-Unjoni. Fil-fatt, kif enfasizzajt iktar kmieni, il-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-lex fori, permezz tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, moqri b’mod partikolari fid-dawl tal-kawża Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, u tad-definizzjoni pprovduta fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Ruma I, hija, fil-parti l-kbira tagħha, ikkundizzjonata mill-volontà tal-leġiżlatur nazzjonali li jipproteġi interessi li huwa jikkunsidra sinjifikattivi. Issa fl-ipoteżi ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jittrasponu direttiva ta’ armonizzazzjoni kompleta, l-interessi li għandhom ikunu protetti huma b’xi mod koperti mill-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet li tirriżulta. Għalhekk f’tali ċirkustanzi, bħala regola, il-lex contractus ma tistax tkun skartata favur il-lex fori.

44.

Issa, kif ser nesponi iktar tard, id-Direttiva 86/653 twettaq armonizzazzjoni minima ( 25 ) tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri li teskludi b’mod partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom li joperaw fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi u li tagħti biss protezzjoni minima lill-aġenti f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija (a). Jirriżulta li, fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati mill-Istat Membru tal-forum, fid-dawl tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u mill-protezzjoni minima prevista minn din tal-aħħar – ċirkustanzi li jidhru li jikkorrispondu ma’ dawk previsti fil-kawża prinċipali – huwa possibbli li dawn jiġu applikati minflok il-liġi ta’ Stat Membru ieħor, magħżula mill-partijiet fil-kuntratt (b).

a) Id-Direttiva 86/653 tistabbilixxi armonizzazzjoni minima li, fl-ewwel lok, teskludi b’mod partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-aġenti kummerċjali li joperaw fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi, u fit-tieni lok, tipprovdilhom protezzjoni minima f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija

45.

Jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali fil-kawża prinċipali huwa kuntratt konkluż bejn Unamar u NMB, li kien jirrigwarda tranżazzjonijiet operazzjonijiet ta’ trasport marittimu permezz ta’ kontejners li jappartjenu lil NMB, jew fir-rigward ta’ provvista ta’ servizzi. Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawża prinċipali oriġinat mill-ksur tal-kuntratt ta’ aġenzija li kien jorbot lil dawn iż-żewġ kumpanniji u l-azzjoni konsekuttiva ta’ NMB rigward l-għoti ta’ kumpens previst mil-liġi tal-1995.

46.

Issa, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-qasam tal-attivitajiet koperti mill-protezzjoni offerta, skont id-Direttiva 86/653, lill-aġenti kummerċjali, nirrileva li l-Gvern Belġjan, mingħajr ma kkontesta formalment l-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva fil-każ inkwistjoni, li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ kuntratt ta’ aġenzija fid-dawl tal-operat ta’ servizz ta’ trasport marittimu, indika li l-liġi tal-1995 kellha kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesgħa minn dak tad-Direttiva 86/653, peress li din tal-aħħar fl-Artikolu 1(2) tagħha kienet tipprovdi biss għall-attivitajiet ta’ intermedjazzjoni fil-qasam tal-bejgħ u xiri ta’ merkanziji.

47.

Fl-istess sens, il-Kummissjoni semmiet li l-leġiżlatur Belġjan kien għażel li japplika s-sistema ta’ protezzjoni tal-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom prevista mill-imsemmija direttiva mhux biss għall-intermedjarji li jaħdmu għal rashom responsabbli mill-“bejgħ u xiri ta’ merkanziji” (Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653), iżda wkoll għall-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom responsabbli min-negozjati u eventwalment il-konklużjoni tan-negozju (Artikolu 1 tal-Liġi tal-1995), li tista’ tinkludi l-provvista ta’ servizzi. Issa, hija tippreċiża li fi kwalunkwe każ, il-leġiżlazzjoni Bulgara ma tapplikax għall-provvista ta’ servizzi. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jsiru konklużjonijiet finali rigward in-natura tal-kuntratt inkwistjoni u li hija parti mill-premessa li dan prinċiparjament kien jitratta n-negozjati tal-bejgħ u xiri ta’ merkanzija.

48.

Min-naħa tiegħi, jiena tal-opinjoni li l-Liġi tal-1995 teċċedi s-sempliċi kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 86/653. Fl-opinjoni tiegħi, eżami komparattiv bejn id-dispożizzjonijiet tagħhom, juri b’mod ċar li l-leġiżlatur Belġjan xtaq jespandi l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva għall-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom kollha, inklużi dawk li jintervjenu f’tranżazzjonijiet li jirrigwardaw servizzi ( 26 ). Din ix-xewqa li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 86/653 probabbilment hija spjegata mill-fatt li l-leġiżlatur Belġjan xtaq, lil hinn mit-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, jelabora status relattivament komplet tal-aġent kummerċjali li jaħdem għal rasu ispirat b’mod partikolari mill-Konvenzjoni Benelux u mir-regoli li sa dak inhar kienu japplikaw għar- rappreżentant tal-kummerċ impjegat ( 27 ).

49.

Fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx dubju li d-Direttiva 86/653 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jinkludix l-intermedjarji inkarigati li jinnegozjaw kuntratti ta’ servizz. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jirrestrinġi b’mod preċiż il-kunċett ta’ aġent kummerċjali billi jillimitah għal sitwazzjonijiet speċifiċi ( 28 ). Din id-dispożizzjoni kienet tirrikonoxxi, fil-fatt, il-kwalità ta’ aġent kummerċjali bħala intermedjarju li jaħdem għal rasu, li jkollu awtorità permanenti li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal. Għalhekk l-imsemmija direttiva ma tipprovdix għal intermedjarji li jaħdmu għal rashom li jinnegozjaw kuntratti ta’ servizzi. Barra minn hekk u kif ukoll semmiet il-Qorti tal-Ġustizzja ( 29 ), nirrileva li riferimenti għal “merkanziji” fir-rigward tal-kuntratti ta’ aġenziji huma inklużi wkoll fl-Artikolu 4(2)(a), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 20(2)(b) tad-Direttiva 86/653.

50.

Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-formulazzjoni tad-Direttiva 86/653 u hija kkonfermata mill-eżami tax-xogħol preparatorju tagħha. Fil-fatt l-ewwel proposta tad-Direttiva tal-Kummissjoni f’dan il-qasam ( 30 ) kienet tkopri l-“operazzjonijiet kummerċjali” kollha, jiġifieri l-merkanzija u s-servizzi (ara l-Artikoli 2, 7(1) u (2), 8 u 10(3) ta’ dan l-abbozz). Mill-paragun bejn l-imsemmi abbozz tad-Direttiva u t-test tad-Direttiva 86/653 kif finalment adottat mill-Kunsill, jirriżulta b’mod ċar li kienu ġew magħmula emendi sostanzjali, illi illimitaw l-attivitajiet tal-aġenti kkonċernati għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ u xiri ta’ merkanzija, u tneħħa b’mod partikolari kull riferiment għal servizzi ( 31 ).

51.

L-estensjoni permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ il-liġi tal-1995, tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 86/653 għall-aġenti li joperaw fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi, fl-opinjoni tiegħi, għandha konsegwenza importanti. Id-dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn hija tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għall-qasam tas-servizzi, ma tistax tkun ikkunsidrata iktar bħala miżura purament ta’ traspożizzjoni, iżda ssir regola strettament nazzjonali ( 32 ). Huwa biss sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jikkoinċidi ma’ dak tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li din tal-aħħar tista’ titqies bħala miżura ta’ traspożizzjoni.

52.

It-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-livell tal-protezzjoni mogħti lill-aġent kummerċjali f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt li jorbtu mal-prinċipal, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 jobbliga b’mod partikolari lill-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kumpens għad-danni tal-aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt. Din id-dispożizzjoni toffri lill-Istati Membri għażla bejn is-sistema ta’ kumpens għall-klijentela u dik ta’ kumpens għad-danni. Dan il-mekkaniżmu huwa intiż biss sabiex jiggarantixxi kumpens għad-danni minimu u ma jippreġudikax il-possibbiltà li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kumpens addizzjonali fil-leġiżlazzjonijiet tagħhom. Jekk, bħal maġġoranza tal-Istati Membri ( 33 ), ir-Renju tal-Belġju indika, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 86/653 preferenza għas-sistema ta’ kumpens għall-klijentela, imsemmi fl-Artikoli 20 sa 30 tal-liġi tal-1995 permezz tat-termini “kumpens għat-tkeċċija”, l-Artikolu 21 ta’ din il-liġi ma jeskludix li l-aġent jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jikseb danni meta l-kumpens ma jkoprix il-preġudizzju subit kollu.

b) Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tat-traspożizzjoni li jespandu l-kamp u/jew il-livell ta’ protezzjoni li jirriżulta minn direttiva jistgħu jiġu rikonoxxuti natura imperattiva

53.

Fir-rigward ta’ lex fori li, kif jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, tespandi mhux biss il-kamp ta’ applikazzjoni, iżda wkoll il-livell tal-protezzjoni mogħtija lill-aġent permezz skont id-Direttiva 86/653, nikkunsidra li l-qorti tista’, bħala regola, tapplika dik il-liġi, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, b’rabta mal-liġi barranija magħżula mill-partijiet għall-kuntratt.

54.

Jekk fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tal-forum biss li tiddetermina d-dispożizzjonijiet tad-dritt tagħha li għandhom jingħataw natura imperattiva fid-dawl tal-istruttura u l-formulazzjoni tal-att li minnu tifforma parti, jiena tal-opinjoni li l-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regoli mandatarji huma, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, issodisfatti.

55.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura obbligatorja ta’ dispożizzjoni legali, infakkar li din għandha ssir skont il-formulazzjoni tagħha u l-istruttura ġenerali tal-att li minnu tifforma parti ( 34 ). Il-qorti tista’ wkoll tirrikonoxxi n-natura imperattiva lil dispożizzjoni billi tibbaża ruħha fuq il-volontà tal-leġiżlatur ( 35 ) kif ukoll fuq it-test inkwistjoni ( 36 ).

56.

Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 27 tal-liġi tal-1995, il-leġiżlatur Belġjan, lil hinn mill-qasam tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 86/653 li nfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxitu bħala ta’ natura imperattiva ( 37 ), semma espressament li, “[b]la ħsara għall-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom il-Belġju huwa parti, l-attività kollha ta’ aġent kummerċjali li għandu l-istabbiliment prinċipali tiegħu fil-Belġju taqa’ taħt il-liġi Belġjana u l-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani”. Id-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi tal-1995 jistgħu, barra minn hekk, ikunu analizzata bħala l-manifestazzjoni tal-leġiżlatur Belġjan għas-salvagwardja ta’ interess sinjifikattiv.

57.

Fit-tieni lok, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali fejn il-lex fori tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-livell ta’ protezzjoni tal-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom previsti mid-Direttiva 86/653, jidhirli li huwa diffiċli li tinstab xi restrizzjoni jew ostakolu għad-drittijiet u libertajiet li jirriżultaw mit-trattati, li hija tan-natura li tibdel l-obbligu tal-Istati Membri li josservaw id-dispożizzjonijiet tat-trattat. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kumpens għad-danni previst f’każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt ta’ aġenzija, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li enfasizzat is-sistema stabbilita mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 86/653 għandha natura obbligatorja, hija indikat li din tistabilixxi biss livell ta’ protezzjoni minimu. Għalhekk, jekk il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma jistgħux jintroduċu regoli li jwasslu għal-livell ta’ kumpens inferjuri għall-aġenti kummerċjali minn dak previst minn dan l-artikolu, ma għandux ikun prekluż li dawn jipprovdu livell ta’ kumpens għad-danni superjuri ( 38 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, bħala regola, il-qorti nazzjonali hija fil-pożizzjoni li tapplika d-dispożizzjonijiet imperattivi tal-lex fori b’rabta mad-dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor magħżul mill-partijiet tal-kuntratt.

58.

Fl-opinjoni tiegħi minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, f’każ fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jiżviluppaw leġiżlazzjoni nazzjonali li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u l-livell ta’ protezzjoni tagħha huwa iktar sinjifikattiv minn dak previst mid-Direttiva 86/653, bħal ma jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, huwa possibbli li jiġu applikati r-regoli mandatarji tal-lex fori minflok il-liġi barranija, skont l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.

59.

Din il-konklużjoni jidhirli li taqbel ukoll mas-soluzzjoni mogħtija fil-kawża Ingmar, iċċitata iktar ’il fuq. F’dak ir-rigward, għandu jitfakkar li dik il-kawża kienet tirrigwarda kwistjoni fejn il-partijiet kienu espressament għażlu li jissottomettu l-kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali li kien jorbothom għal-liġi ta’ pajjiż terz, pjuttost milli għal-liġi nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva 86/653 ( 39 ). F’kuntest bħal dak, id-deroga mill-prinċipju ta’ awtonomija, li fil-prinċipju għandu jipprevali fil-qasam kuntrattwali, kienet iġġustifikata min-neċessità li l-kuntratt ikun sottomess għad-dispożizzjonijiet li jipproteġu l-aġenti kummerċjali li jirriżultaw mill-imsemmija direttiva. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li huwa essenzjali “għall-ordinament ġuridiku Komunitarju li prinċipal stabbilit f’pajjiż terz, li l-aġent kummerċjali tiegħu jeżerċita l-attività tiegħu ġewwa l-Komunità, ma jistax jaħrab dawn id-dispożizzjonijiet għas-sempliċi raġuni ta’ klawżola ta’ għażla ta’ liġi. Il-funzjoni li għandhom id-dispożizzjonijiet inkwistjoni teżiġi fil-fatt li huma jiġu applikati meta s-sitwazzjoni tippreżenta rabta stretta mal-Komunità, b’mod partikolari meta l-aġent kummerċjali jeżerċita l-attività tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, irrispettivament mil-liġi li għaliha l-partijiet riedu li jissottomettu l-kuntratt” ( 40 ).[traduzzjoni mhux uffiċjali].

60.

Jekk, huwa minnu, kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni u NMB fl-osservazzjoni tagħhom, li l-fatti li taw lok għal din il-kawża jirrigwardaw sitwazzjoni differenti ħafna, fis-sens li kienu jirrigwardaw sitwazzjoni li fiha l-partijiet għall-kuntratt ta’ aġenzija għażlu d-dritt ta’ pajjiż terz, fejn, b’definizzjoni, is-sistema ta’ protezzjoni tal-aġent kummerċjali li tirriżulta mid-Direttiva 86/653 ma kinitx tapplika, xorta jibqa’ l-fatt li d-domanda mressqa taqa’ fil-kuntest ta’ diverġenza notevoli rigward il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa regola legali sabiex tikkwalifika bħala dispożizzjoni imperattiva fis-sens tad-dritt internazzjonali privat ( 41 ). Sabiex tirrispondi, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, fil-kuntest tal-eżami tal-għanijiet u tal-formulazzjoni tal-att inkwistjoni, fuq il-konstatazzjoni li d-dispożizzjonijiet rilevanti kienu jidhru neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet tat-trattat ( 42 ), iżda wkoll fuq il-fatt li huwa għandu jilħaq għan ta’ protezzjoni tal-aġent ( 43 ). Jista’ jkun dedott b’analoġija, li, sabiex tkun ikkwalifikata bħala dispożizzjoni obbligatorja, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ protezzjoni ta’ regola partikolari fir-rigward mhux biss ta’ interessi strettament pubbliċi, iżda wkoll tan-neċessità li tkun ikkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari tal-grupp ta’ persuni.

V – Konklużjoni

61.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Hof van Casstie fit-termini li ġejjin:

L-Artikoli 3 u 7(2) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1998, moqrija flimkien mad-Direttiva 86/653/KEE tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw l-aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandhom jiġu interpretati fis-sens illi jippermettu li r-regoli mandatarji tal-lex fori li joffru lill-aġent kummerċjali protezzjoni iktar wiesgħa mill-protezzjoni imposta minn din id-direttiva skont tal-interess partikolari li l-Istat Membru jagħti lil dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati għall-kuntratt, anki jekk jidher li d-dritt applikabbli għall-kuntratt huwa d-dritt ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni li fih l-imsemmija protezzjoni minima li tirriżulta minn din id-direttiva tkun ġiet implementata.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU L 169, p. 10. Skont l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tad-19 ta’ Diċembru 1988 li jirrigwarda l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-1980 (ĠU 1998, C 27, p. 47), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(a) ta’ dan il-protokoll, il-Hof van Cassatie (il-Belġju) għandha l-fakultà li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari fuq kwistjoni mqajma fil-kuntest ta’ kawża pendenti quddiemha u li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, huwa biżżejjed li jitfakkar li r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), li ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Ruma, japplika biss għall-kuntratti konklużi wara s-17 ta’ Diċembru 2009 (ara l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament). Issa, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien konkluż fis-sena 2005 u estiż għall-aħħar darba, fit-22 ta’ Diċembru 2008.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177.

( 4 ) Moniteur belge tat-2 ta’ Ġunju 1995, p. 15621.

( 5 ) Fil-fatt mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Belġjani fil-kawża prinċipali kienet diskussa b’mod qawwi bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. B’mod iktar preċiż kienet inkwistjoni l-validità u l-effettività tal-klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratt ta’ aġenzija kkontestat.

( 6 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Belvedere Costruzioni, C‑500/10, punt 16, u SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Recueil des traités des Nations unies, Vol. 330, p. 3.

( 8 ) Enfażi miżjud.

( 9 ) L-indikazzjonijiet ipprovduti fl-osservazzjonijiet ma jirreferux preċiżament għal dawn id-dispożizzjonijiet. Skont l-informazzjoni li jiena għandi, din it-traspożizzjoni ġiet imwettqa permezz ta’ Att adottat u ppubblikat fis-sena 2006 u li d-dħul fis-seħħ tiegħu kien iffissat għall-1 ta’ Jannar 2007.

( 10 ) Il-kunċett ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti, li jippermetti għażla tad-dispożizzjonijiet imperattivi kemm tal-liġi barranija kif ukoll tal-lex fori, jinsab biss fit-titolu tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u inkwantu tali, ma jinsabx fil-kontenut tad-dispożizzjonijiet.

( 11 ) Jekk isir riferiment għal-formulazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, l-intervent tar-regoli mandatarji tal-forum huwa, b’differenza mir-regoli mandatarji ta’ liġi barranija, mal-ewwel daqqa t’għajn inkundizzjonata. Fir-rigward tar-regoli mandatarji tal-liġi barranija, l-Artikolu 7(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi fil-fatt li dawn ma jistgħux jintervjenu ħlief f’kundizzjonijiet strettament definiti. Skont din id-dispożizzjoni, “ir-regoli mandatarji tal-liġi ta’ pajjiż ieħor li miegħu s-sitwazzjoni jkollha rabta mill-qrib jistgħu jingħataw effett, jekk u sakemm, skond il-liġi ta’ dan l-aħħar pajjiz, dawk ir-regoli għandhom ikunu applikati tkun liema tkun il-liġi applikabbli għall-kuntratt. Fil-kunsiderazzjoni dwar ir-regoli mandatarji jingħatawx effett, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom u l-effetti tagħhom jekk ikunu applikati jew jekk ma jkunux applikati”.

( 12 ) Fir-rapport li jirrigwarda l-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, magħmul minn Mario Giuliano, professur fl-università ta’ Milano, u Paul Lagarde, professur fl-università ta’ Pariġi I (ĠU 1980, C 282, p. 1, b’mod partikolari p. 27 u 28), fil-fatt huwa sempliċement indikat li “[l]-oriġini ta’ dan il-paragrafu huwa marbut max-xewqa ta’ ċerti delegazzjonijiet li jissalvagwardjaw ir-regoli (b’mod partikolari r-regoli fil-qasam tal-akkordji, tal-kompetizzjoni, tal-prattiki restrittivi tal-kompetizzjoni, tal-protezzjoni tal-konsumaturi, ċerti regoli fil-qasam tat-trasport) tal-liġi tal-pajjiż tal-qorti li jirregolaw b’mod obbligatorju s-sitwazzjoni tkun xi tkun il-liġi applikabbli għall-kuntratt. Għalhekk il-paragrafu juri biss l-effett tar-regoli mandatarji (lois d’application immédiate, leggi di applicazione necessaria, eċċ.) taħt lenti differenti minn dik tal-paragrafu 1” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 13 ) Ara P. Lagarde, “Convention de Rome”, Répertoire de droit communautaire, Dalloz, punt 106.

( 14 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999 (C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453).

( 15 ) Sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008 (C-319/06, Ġabra p. I-4323).

( 16 ) Jirriżulta mill-proposta tar-Regolament ippreżentata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Diċembru 2005 [COM(2005) 650 finali] li d-definizzjoni ta’ regoli mandatarji mogħtija finalment fl-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I hija ispirata effettivament mill-ġurisprudenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, “[d]ispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament”.

( 17 ) Sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).

( 18 ) Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29).

( 19 ) Fil-fatt jista’ jkun sostnut b’mod leġittimu li huwa biss fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “regoli mandatarji u ta’ sigurtà” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tesponi, l-ewwel nett (ara l-punt 30 tas-sentenza), is-sinjifikat ta’ din l-espressjoni (ara, b’mod partikolari, J.-J. Kuipers u S. Migliorini, “Qu’est-ce que sont les lois de police? Une querelle franco-allemande après la communautarisation de la Convention de Rome”, European Review of Private Law, 2-2011, p. 199).

( 20 ) Fl-opinjoni tiegħi, dawn l-interessi ma għandhomx ikunu limitati biss għal interessi purament statali, iżda jistgħu jkopru kull regola meqjusa essenzjali għas-salvagwardja tal-organizzazzjoni politika, soċjali u ekonomika. F’dan is-sens, nirrileva li n-natura imperattiva tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 86/653, fis-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Ingmar (C-381/98, Ġabra p. I-9305, punt 23), kienet dedotta mill-għanijiet tagħha, jiġifieri dawk intiżi “għat-tħassir tar-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ aġent kummerċjali, sabiex il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fil-Komunità jsiru uniformi u sabiex tiżdied is-sigurtà tal-operazzjonijiet kummerċjali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 21 ) Ara, b’analoġija, il-punt 73 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ingmar, iċċitata iktar ’il fuq.

( 22 ) Sentenza Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, Akyüz (C‑467/10, punt 53).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik (C-44/01, Ġabra p. I-3095, punt 44), u tat-18 ta’ Novembru 2010, Lidl (C-159/09, Ġabra p. I-11761, punt 22).

( 25 ) L-evalwazzjoni tal-grad ta’ armonizzazzjoni stabbilita minn direttiva għandha tkun ibbażata fuq il-formulazzjoni kif ukoll fuq is-sens u l-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ April 2002, Il‑Kummissjoni vs Franza, C-52/00, Ġabra p. I-3827, punt 16, u tal-14 ta’ Lulju 2005, Lagardère Active Broadcast, C-192/04, Ġabra p. I-7199, punt 46).

( 26 ) Din hija konstatazzjoni simili għal dik magħmula fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering (C-3/04, Ġabra p. I-2505), fir-rigward tat-traspożizzjoni fid-dritt Olandiż tal-istess direttiva (punti 6 u 12 tas-sentenza, kif ukoll punti 5, 11 u 12 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed f’din il-kawża). Din l-estensjoni kienet ukoll stabbilita f’diversi Stati Membri, b’mod partikolari fil-leġiżlazzjoni Belġjana, Ġermaniża, Spanjola, Franċiża, Taljana, Awstrijaka, Lussemburgiża, Olandiża u Portugiża. Min-naħa l-oħra, fil-leġiżlazzjoni Daniża, Griega, Irlandiża, Finlandiża, Svediża u anki Britannika, l-għan tal-kuntratt ta’ aġenzjia kien inizjalment limitat għall-bejgħ ta’ merkanziji (ara, għal studju dwar dan, T. Steinmann, P. Kenel, u I. Billotte, “Le contrat d’agence commerciale en Europe”, LGDJ, 2005, b’mod partikolari p. 22 sa 54).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, C. Verbraeken, u A. Schoutheete, “La loi du 13 avril 1995 relative au contrat d’agence commerciale”, Ġurnal tal-qrati nru 5764 (1995), p 461-469. L-awturi jiddikjaraw li l-aġent kummerċjali jinnegozja jew jikkonkludi “negozji”, “il-leġiżlatur volontarjament għamel użu [minn] vokabularju vag […] b’mod illi ta lil-liġi l-iktar kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ possibbli u illi żamm il-parallelliżmu mal-istatus ta’ rappreżentant tal-kummerċ [ara, b’mod partikolari, id-dokumenti parlamentarji, sessjonijiet ordinarji, 1994-1995, 1750-2, p. 2 u 3]. Filwaqt li d-Direttiva tipprovdi biss għall-bejgħ u xiri ta’ merkanzija, il-liġi tapplika wkoll għall-bejgħ, xiri jew il-kera ta’ immobbli, għall-provvista ta’ servizzi jew għal ċerti kuntratti ta’ impriża”. Huwa nnotat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-1995 kien suġġett għal żewġ estensjonijiet oħra fl-1999 (sabiex ikopri s-setturi ta’ assigurazzjoni, istituzzjonijiet ta’ kreditu u swieq irregolati ta’ beni mobbli), u mbagħad fl-2005 (sabiex jipproteġi l-kandidati u l-membri ta’ korpi ta’ konsultazzjoni magħquda).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Frar 2004, Mavrona (C-85/03, Ġabra p. I-1573, punt 15).

( 29 ) Ara d-digriet tas-6 ta’ Marzu 2003, Abbey Life Assurance (C-449/01, punti 4 u 14).

( 30 ) ĠU 1977, C 13, p. 2.

( 31 ) Ara d-digriet Abbey Life Assurance, iċċitat iktar ’il fuq (punt 15).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, J.-S. Bergé, “Au-delà du droit communautaire, le droit national”, Reviżjoni tal-kuntratti, 2006, p. 873 sa 878. F’kummentarju tas-sentenza Poseidon, iċċitata iktar ’il fuq, u mistoqsi dwar in-natura legali tar-regola nazzjonali li tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva tal-Unjoni, l-awtur ikkunsidra li regola nazzjonali li tapplika regola tal-Unjoni, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tibqa’ strettament regola nazzjonali. L-imsemmija regola ma hijiex għalhekk paragunabbli ma’ regola ta’ traspożizzjoni klassika li għandha, fir-rigward tagħha, natura doppja: nazzjonali, fir-rigward tal-forma tagħha, u Komunitarja, fir-rigward tal-għan tagħha. Huwa għalhekk biss jekk id-direttiva għandha tiġi applikata li l-liġi nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura ta’ traspożizzjoni nazzjonali.

( 33 ) Ara, T. Steinmann, P. Kenel, u I. Billotte, “Le contrat d’agence commerciale en Europe”, op. cit., p. 566 sa 611.

( 34 ) Ara l-punt 35 iktar ’il fuq.

( 35 ) Fir-rigward tal-liġi tal-1995, din il-volontà hija espressa b’mod ċar fix-xogħol preparatorju. Ġie nnotat ukoll li “[i]l-grupp ta’ xogħol kkonkluda għalhekk li d-dispożizzjonijiet kollha huma ta’ dritt imperattiv ħlief fejn huwa espressament imsemmi li derogi huma possibbli” (ara dokumenti parlamentarji, Sénat, 355-3, S.E. 1991-1992, 14).

( 36 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 18, 20 u 21 tal-liġi tal-1995.

( 37 ) Ara s-sentenzi Ingmar, iċċitata iktar ’il fuq (punti 20 sa 25), u tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali (C-465/04, Ġabra p. I-2879, punt 22).

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Honyvem Informazioni Commerciali, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).

( 39 ) Ara s-sentenza Ingmar, iċċitata iktar ’il fuq (punt 10).

( 40 ) Ibidem (punt 25).

( 41 ) Ibidem (b’mod partikolari l-punti 16 sa 19).

( 42 ) Ibidem (punti 23 sa 25).

( 43 ) Ibidem (punti 20).