KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2013 ( 1 )

Kawża C-176/12

Association de médiation sociale

vs

Union locale des syndicats CGT

Hichem Laboubi

Union départementale CGT des Bouche-du-Rhône

Confédération générale du travail (CGT)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza)]

“Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 27 — Dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża — Direttiva 2002/14 — Dispożizzjoni nazzjonali li teskludi mid-dritt ta’ rappreżentazzjoni fl-impriża kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema — Effettività tad-drittijiet fundamentali fir-relazzjonijiet bejn individwi — Kunsiderazzjoni ta’ dritt fundamentali tal-Karta bħala “prinċipju” — Artikolu 51(1) tal-Karta — Artikolu 52(5) tal-Karta — Invokabbiltà ta’ “prinċipju” f’kawża bejn individwi — Atti tal-Unjoni li jikkonkretizzaw essenzjalment u immedjatament “prinċipju” — Konkretizzazzjoni permezz ta’ direttiva — Effettività — Obbligu tal-qorti nazzjonali li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet li jiksru l-atti li jikkonkretizzaw essenzjalment u immedjatament il-kontenut ta’ “prinċipju” — Interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali — Limiti”

1. 

Espressa bl-ikbar sempliċità, id-domanda prinċipali magħmula mill-Cour de cassation hija dik dwar jekk il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), meta l-kontenut tagħha jkun ġie kkonkretizzat minn direttiva, tkunx tista’ tiġi invokata fir-relazzjonijiet bejn individwi. Fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-qorti tar-rinviju tagħmel mistoqsija ħafna iktar speċifika, li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisprudenza li ser tiffaċilita b’mod kunsiderevoli x-xogħol tagħha. Madankollu, fl-ewwel lok, nerġa’ lura għall-mistoqsija prinċipali.

2. 

Fl-oriġini ta’ din il-kawża hemm id-dubji tal-Cour de cassation rigward il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali mad-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema, bħalma nsibu konkretament fid-Direttiva 2002/14, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea ( 2 ). Din id-direttiva, fil-fatt waslet sabiex tapplika b’mod iddettaljat id-dritt li llum huwa stabbilit fl-Artikolu 27 tal-Karta, li fir-rigward tiegħu għandu jiġi stabbilit jekk għandux in-natura ta’ “dritt” jew pjuttost dak ta’ “prinċipju” fis-sens tad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Karta ((Artikoli 51(1) u 52(5)). Minbarra dan għandu jiġi osservat, li d-dubji li għandha l-Cour de cassation għandhom bħala bażi kawża bejn sindakat u persuna li timpjega, li jwassalna sabiex nistaqsu dwar l-effettività kemm tad-dritt inkwistjoni kif ukoll dwar il-konkretizzazzjoni li wkoll tirriżulta mid-Direttiva 2002/14 fil-qasam tar-relazzjonijiet bejn individwi.

3. 

Minn espożizzjoni suċċinta tat-termini ta’ din il-kawża jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti deċiżjoni dwar diversi kwistjonijiet ta’ rilevanza kostituzzjonali inkontestabbli.

4. 

L-ewwel waħda fosthom f’ordni loġiku, hija l-kwistjoni estremament ġenerali, mhux ikkunsidrata espressament mill-Karta, dwar l-effettività tad-drittijiet fundamentali fil-qasam tar-relazzjonijiet bejn individwi (effett “orizzontali”), kif ukoll dwar l-eventwali portata tagħhom fil-każ tad-dritt speċifikament inkwistjoni.

5. 

Bl-istess mod, din tista’ tkun l-ewwel opportunità li tiġi kkunsidrata ġeneralment u partikolarment il-kwistjoni, ftit ippreċiżata fil-Karta u fl-ispjegazzjonijiet tagħha, dwar id-distinzjoni, bid-differenza fit-trattament konsegwenti, stabbilita fl-Artikolu 51(1) u fformulata fl-Artikolu52(5) tal-Karta, bejn “drittijiet” u “prinċipji”.

6. 

Immedjatament, ser tkun ukoll l-okkażjoni li nikkunsidraw għall-ewwel darba l-paragrafu 5 tal-imsemmi Artikolu 52 tal-Karta li huwa kumpless ħafna. Għalhekk, u b’mod partikolari ħafna, tqum il-kwistjoni tal-“implementazzjoni” tal-“prinċipji”, bħala premessa tal-operattività tagħhom. Madankollu, fl-istess ħin, tqum ukoll il-kwistjoni tal-portata tal-garanzija ġurisdizzjonali ta’ dawn il-“prinċipji”, kif hija stabbilita fit-tieni sentenza tal-paragrafu.

7. 

Fl-aħħar nett, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-raġunament li ser nipproponi iktar ’il quddiem, hija għandha tikkunsidra dak li forsi jikkostitwixxi l-punt l-iktar sensittiv tad-domanda magħmula mill-Cour de cassation: fil-każ fejn l-att tal-Unjoni li japplika u jikkonkretizza b’mod immedjat il-“prinċipju” huwa direttiva, liema huma l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li l-kawża hija bejn żewġ individwi? Din l-aħħar kwistjoni tenfasizza mill-ġdid il-limiti tal-effett dirett orizzontali tad-direttivi u, fl-aħħar mill-aħħar, tqiegħed inevitabbilment din il-kawża fid-direzzjoni tal-kawżi Mangold u Kücükdeveci, fost l-oħrajn.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

8.

L-Artikolu 27 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt, kif jindika t-titolu tiegħu, għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fi ħdan l-impriża. Dan jipprovdi kif ġej:

“Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa, jkunu ggarantiti informazzjoni u konsultazzjoni fi żmien utli, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.”

9.

Fl-Artikoli 51(1) u 52(5), il-Karta tagħmel id-distinzjoni bejn “drittijiet” u “prinċipji” fit-termini li ġejjin:

Artikolu 51

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

[…]

Artikolu 52

L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji

5.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta li fihom prinċipji jistgħu jiġu implimentati b’atti leġislattivi u eżekuttivi meħuda mill-Istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta’ l-Unjoni, u b’atti ta’ l-Istati Membri meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Ma jistgħux jiġu invokati fil-qorti ħlief għall-iskop ta’ l-interpretazzjoni u d-determinazzjoni tal-legalità ta’ dawn l-atti.”

10.

Id-Direttiva 2002/14, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fl-Unjoni, tikkunsidra fl-Artikolu 2 tagħha sensiela ta’ definizzjonijiet, li fosthom huwa inkluż dak tal-kunċett ta’ ħaddiem. Id-dispożizzjoni, fl-ittra (d), tistabbilixxi dan li ġej:

““impjegat”: tfisser kwalunkwe persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegat permezz tal-liġi nazzjonali ta’ l-impjiegi u bi qbil mal-prattika nazzjonali;”

11.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14 jidher irrikonoxxut fl-Artikolu 3 u fit-termini li ġejjin:

“Qasam

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika, skond l-għażla magħmula mill-Istati Membri, għal:

a)

impriżi li jimpjegaw mill-anqas 50 impjegat fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri, jew

b)

impriżi li jimpjegaw mill-anqas 20 impjegat fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jiddetterminaw il-metodu għall-kalkolu tal-limiti tal-ħaddiema impjegati.

2.   Bi qbil mal-prinċipji u l-għaniijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet partikolari li jkunu applikabbli għal impriżi jew stabbilimenti li jsegwu għanijiet diretti w essenzjali, politiċi, professjonalment oganizzazzjonali, reliġjużi, ta’ karità, edukazzjonali, xjentifiċi jew artistiċi, kif ukoll l-għanijiet li jinvolvi l-informazzjoni u l-espressjoni ta’ l-opinjonijiet, bil-kundizzjoni li, fid-data tad-dħul b’effett ta’ din id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet ta’ dik ix-xorta diġà jkunu jeżistu fil-leġislazzjoni nazzjonali.

3.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn din id-Direttiva permezz ta’ dispożizzjonijiet provviżorji applikabbli għall-ekwipaġġi ta’ vapuri li jbaħru f’ibħra miftuħa.”

12.

Id-Direttiva 2002/14 daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2002. It-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada fit-23 ta’ Marzu 2005.

B – Id-dritt nazzjonali

13.

L-Artikolu L. 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali jipprevedi l-eċċezzjoni li ġejja għas-sistema ġenerali ta’ kalkolu tal-persunal ta’ impriża:

“Ma humiex inklużi fil-kalkolu tal-persunal ta’ impriża:

1o

L-apprendisti;

2o

Persuni li huma marbuta b’kuntratt inizjattiva-impjieg, matul it-tul fis-seħħ tal-ftehim previst fl-Artikolu 5134‑66;

3o

[Imħassar]

4o

Persuni li għandhom kuntratt ta’ assistenza fl-impjieg matul it-tul tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu L. 5134-19-1;

5o

[Imħassar]

6o

Persuni li huma marbuta b’kuntratt ta’ taħriġ professjonali sat-terminu previst fil-kuntratt, meta dan huwa ta’ żmien determinat, jew sakemm jintemm il-perijodu ta’ taħriġ professjonali, meta l-kuntratt ikun għal żmien indeterminat.

Madankollu, dawn il-persuni impjegati għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali dwar it-tariffi tar-riskji ta’ inċidenti fil-post tax-xogħol u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol.”

II – Il-fatti u l-proċedura nazzjonali

14.

L-Association de Médiation Sociale (iktar ’il quddiem “AMS”) hija assoċjazzjoni privata mingħajr skop ta’ lukru rregolata mil-liġi Franċiża dwar l-assoċjazzjonijiet tal-1901, li l-għan fundamentali tagħha huwa l-prevenzjoni tad-delinkwenza fiż-żona urbanistika ta’ Marseille. Għal dan il-għan, AMS twettaq attivitajiet ikkunsidrati bħala ta’ medjazzjoni soċjoprofessjonali, ibbażati fuq il-kuntrattazzjoni ta’ żgħażagħ permezz tal-hekk imsejħa “kuntratti ta’ assistenza fl-impjieg”, li huma intiżi sabiex sussegwentement dawn iż-żgħażagħ jersqu lejn attivitajiet industrijali jew soċjali iktar stabbli. Permezz ta’ dawn il-kuntratti, AMS issegwi, għaldaqstant, inserzjoni mill-ġdid professjonali u soċjali ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli. Fil-mument meta ġiet ippreżentata din il-kawża, AMS kienet diġà kkonkludiet bejn 120 u 170 “kuntratti ta’ assistenza fl-impjieg”.

15.

Peress li, kif intqal iktar ’il fuq, din hija assoċjazzjoni privata mingħajr skop ta’ lukru, AMS tgawdi madankollu mill-patroċinju ta’ diversi atturi istituzzjonali ta’ natura reġjonali u muniċipali, kif ukoll mis-sostenn ta’ rappreżentanti soċjali lokali oħra ta’ natura privata.

16.

Għat-twettiq tal-attivitajiet tagħha, AMS għandha l-persunal tagħha li jgawdi minn kuntratt għal żmien indeterminat, li bħala total jinkludi tmien ħaddiema. Hichem Laboubi huwa wieħed minn dawn il-ħaddiema permanenti. Huwa ġie impjegat b’kuntratt indeterminat fit-28 ta’ Novembru 2005 u huwa responsabbli mill-attivitajiet ta’ medjazzjoni ta’ prossimità fiċ-ċentri ta’ edukazzjoni sekondarja ta’ Marseille.

17.

Bħala konsegwenza tal-esklużjoni tal-kategorija tal-“kuntratti ta’ assistenza fl-impjieg” prevista fl-Artikolu L. 1111‑3 tal-Kodiċi Industrijali Franċiż, AMS tieħu inkunsiderazzjoni biss it-tmien ħaddiema tagħha għal żmien indeterminat fil-kalkolu tal-persunal tagħha. Dan il-kalkolu għandu konsegwenzi, għal dak li jikkonċernana f’din il-kawża, fil-livell tas-sistema ta’ rappreżentazzjoni tal-ħaddiema fl-impriża. Bid-differenza ta’ dak li jseħħ fil-kuntratti għal żmien determinat, li jiġu kkalkolati skont it-tul tagħhom, il-“kuntratti ta’ assistenza fl-impjieg” jibqgħu għal kollox esklużi minn dan il-kalkolu. Minkejja li AMS għandha approssimament mitt ħaddiem li huma suġġetti għal “kuntratt ta’ assistenza fl-impjieg” li magħhom jiżdiedu t-tmien ħaddiema permanenti tal-assoċjazzjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha bħala konsegwenza li din l-impriża ma tilħaqx in-numru minimu ta’ ħamsin ħaddiem bħala persunal li permezz tagħhom id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/14 jkunu japplikaw għaliha.

18.

Minkejja dak li ntqal preċedentement, fl-4 ta’ Ġunju 2010, l-Union Locale des Syndicats CGT Quartiers Nord innotifikat lid-direttur ta’ AMS bil-ħolqien ta’ sezzjoni sindakali tal-CGT fis-sens tal-assoċjazzjoni, fejn ħatret lil H. Laboubi bħala rappreżentant tagħha. AMS irrispondiet din l-ittra tas-sindikat fejn argumentat li l-assoċjazzjoni, peress li ma laħqitx il-minimu ta’ ħamsin ħaddiem bħala persunal, ma kinitx obbligata li tintroduċi miżuri ta’ rappreżentanza tal-ħaddiema.

19.

Fit-18 ta’ Lulju 2010, AMS sejħet lil H. Laboubi għal laqgħa fejn innotifikatu bis-sospensjoni provviżorja tar-relazzjoni ta’ xogħol. Fl-istess jum, AMS ressqet kawża quddiem it-tribunal d’instance ta’ Marseille b’talba għall-annullament tal-ħatra ta’ H. Laboubi bħala rappreżentant tas-sezzjoni sindakali tal-CGT.

20.

Matul il-proċeduri quddiem it-tribunal d’instance, dan tal-aħħar qajjem il-kwistjoni prijoritarja tal-kostituzzjonalità tal-Conseil constitutionnel, għar-raġuni li l-esklużjoni mill-kalkolu tal-persunal ta’ impriża tal-“kuntratti ta’ assistenza fl-impjieg” tista’ tikser il-prinċipju kostituzzjonali ta’ ugwaljanza. Permezz tas-sentenza tad-29 ta’ April 2011, il-Conseil constitutionnel ddeċieda li l-esklużjoni inkwistjoni kienet kostituzzjonali.

21.

Fi tmiem dan l-istħarriġ inċidentali ta’ kostituzzjonalità, it-Tribunal d’instance ta’ Marseille iddeċieda li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L.1111‑3 tal-Kodiċi Industrijali Franċiż kienu jiksru d-dritt tal-Unjoni u, konkretament, id-Direttiva 2002/14 u għalhekk ma applikax din id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali u, konsegwentement, ċaħad ir-rikors ta’ AMS.

22.

Din is-sentenza ġiet appellata quddiem il-Cour de cassation, fejn din il-qorti ddeċidiet li tressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ April 2012, tirrigwarda d-domandi li ġejjin:

“1)

Id-dritt fundamentali għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-impjegati, irrikonoxxut mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ippreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2002, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea, jista’ jiġi invokat f’kawża bejn individwi bil-għan li tiġi vverifikata l-konformità ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-direttiva?

2)

Jekk it-tweġiba tkun fl-affermattiv, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li teskludi mill-kalkolu tal-ħaddiema tal-kumpannija, partikolarment sabiex jiġu ddeterminati il-limiti legali għall-implementazzjoni ta’ istituzzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal, l-impjegati li għandhom il-kuntratti li ġejjin: apprentistat, kuntratt inizjattiva-impjieg (contrat initiative-emploi), kuntratt ta’ assistenza fl-impjieg (contrat d’accompagnement dans l’emploi), kuntratt ta’ professjonalizzazzjoni (contrat de professionalisation)?”

24.

Il-CGT, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

25.

Fit-23 ta’ April 2013 inżammet is-seduta, li fiha pparteċipaw ir-rappreżentanti tal-CGT, kif ukoll l-aġenti tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika tal-Polonja u tal-Kummissjoni.

IV – Analiżi

26.

Il-Cour de cassation tressaq żewġ domandi ta’ natura differenti ħafna, fejn it-tieni waħda fosthom hija suġġetta għal risposta affermattiva għal tal-ewwel. L-ewwel domanda tikkonċerna kwistjonijiet essenzjalment ta’ prinċipju, kif indikajt fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet. B’mod definittiv, din hija domanda dwar jekk dritt stabbilit fil-Karta, ikkonkretizzat permezz tad-dritt idderivat, jikkostitwixxix parametru ġuridiku leġittimu fiċ-ċirkustanza konkreta ta’ kawża bejn individwi. Fil-każ fejn it-tweġiba tkun li dan il-parametru huwa vijabbli, u unikament f’tali każ, il-qorti tar-rinviju għalhekk tagħmel domanda konkreta u speċifika, peress li dwar dan hija għandha dubji, rigward il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali partikolari, f’dan il-każ l-Artikolu L 111‑3(4) tal-Kodiċi Industrijali Franċiż.

27.

Peress li huwa essenzjali sabiex jiġi evitat kwalunkwe ekwivoku, għandu jiġi ppreċiżat li l-Cour de cassation mhux qed tagħmlilna l-mistoqsija abitwali ta’ jekk direttiva tistax ikollha effett orizzontali fir-relazzjonijiet bejn individwi, peress li l-Cour de cassation, fid-dawl tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, għandha għarfien suffiċjenti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett. Dak li fl-ewwel lok qed tistaqsina huwa għalkollox differenti: hija tixtieq tkun taf jekk, f’każ fejn, minn naħa, il-kontenut tal-Karta jirrikjedi l-medjazzjoni ta’ att ta’ konkretizzazzjoni u fejn, min-naħa l-oħra, din il-konkretizzazzjoni seħħet permezz ta’ direttiva, il-Karta tikkostitwixxix parametru ta’ stħarriġ ammissibbli sabiex il-qorti tagħti deċiżjoni dwar il-legalità ta’ regola nazzjonali. Kif diġà indikajt, ser nikkunsidra d-domanda li tagħmel il-Cour de cassation rigward il-kompatibbiltà bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali.

A – L-ewwel domanda preliminari

1. Il-Karta u l-effett tagħha fuq ir-relazzjonijiet bejn individwi

28.

Qabel ma nipproponi risposta għall-kwistjoni tal-effett orizzontali tad-drittijiet fundamentali, naħseb li jkun xieraq li niddiskuti dak li nikkunsidra ekwivoku. Dan huwa l-argument li l-Karta għandha dispożizzjoni dwar l-effettività jew, pjuttost, l-assenza ta’ effett tad-drittijiet fundamentali fir-relazzjonijiet bejn individwi. Skont dan l-argument tali dispożizzjoni hija l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) li tipprovdi li “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet […] ta’ l-Unjoni […] u għall-Istati Membri […]”.

29.

Skont dan il-kliem, l-argument li jiena ma naqbilx miegħu jwassal għal konsegwenza a contrario jew, fi kliem ieħor, ta’ inclusio unius, li skont dan, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għall-Istati Membri, dawn ma humiex indirizzati lejn individwi ( 3 ).

30.

Jiena nikkunsidra din id-deduzzjoni bħala magħmula wisq bl-għaġġla. Huwa biżżejjed li jingħad li, tradizzjonalment it-testi, fil-parti kbira tagħhom kostituzzjonali, li jinkludu dikjarazzjonijiet ta’ drittijiet ma jagħmlux riferiment speċifiku għad-destinatarji jew suġġetti passivi tad-drittijiet, li kienu identifikati b’mod spontanju li huma l-awtoritajiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment speċifiku tal-individwi bħala eventwali destinatarji jibqa’ b’mod ċar f’minoranza. Dan ifisser li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-kwistjoni tar-rilevanza tad-drittijiet fundamentali fir-relazzjonijiet ta’ dritt privat kellha tiġi rregolata permezz tal-interpretazzjoni, mingħajr l-għajnuna ta’ regola kostituzzjonali speċifika u ġeneralment skont il-każ ( 4 ).

31.

Fil-fehma tiegħi, u mingħajr in-neċessità li tingħata interpretazzjoni eżawrjenti tal-kunċett, jirriżulta biżżejjed ċar li l-problema li hija essenzjalment ikkunsidrata mill-Artikolu 51(1) tal-Karta hija dik tal-portata li biha d-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta jorbtu, minn naħa, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, lill-Istati Membri. Fil-fehma tiegħi, xejn, fil-kitba ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas, ħlief f’każ ta’ żball min-naħa tiegħi, fix-xogħlijiet preparatorji jew fl-ispjegazzjonijiet tal-Karta, ma jwassal li wieħed jaħseb, li, permezz tar-redazzjoni ta’ dan il-kunċett, kien mixtieq li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni kumplessa ħafna tal-effett tad-drittijiet fundamentali fir-relazzjonijiet bejn individwi ( 5 ).

32.

Fl-aħħar nett, nikkunsidra li t-tieni sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta lanqas ma tipprekludi r-raġunament preċedenti meta tiddikjara li “huma” jiġifieri l-Unjoni u l-Istati Membri “jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati”. Huwa ċar li l-għan ta’ din is-sentenza ma huwiex, lanqas b’mod kollaterali, dak li jeskludi r-rilevanza tad-drittijiet fundamentali tal-Karta fir-relazzjonijiet ta’ dritt privat. L-għan ta’ din is-sentenza huwa li jintroduċi, fl-ewwel lok, is-summa divisio bejn “drittijiet” u “prinċipji” u, fit-tieni lok, caveat rigward eventwali tibdil tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi lill-Unjoni, bħalma ġie stabbilit fit-Trattat, bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tal-Karta.

33.

Jekk, kif nemmen, dan kien il-każ, dan ifisser li, f’dan il-punt, l-interpretazzjoni tal-Karta tinsab quddiem l-istess orizzont, ta’ spiss imsaħħab, bħal dak li ġeneralment jiltaqgħu miegħu l-interpreti tal-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri.

34.

Jekk nidħlu fil-qalba tal-kwistjoni, u fid-dawl ta’ xi opinjonijiet espressi f’dan ir-rigward, jista’ jidher li l-idea tal-effett orizzontali hija kunċett mhux magħruf fid-dritt tal-Unjoni, li ġie kkonfrontat għall-ewwel darba bl-inkorporazzjoni tal-Karta fid-dritt primarju tal-Unjoni. Madankollu, l-idea li l-libertajiet fundamentali ta’ moviment ( 6 ) jew prinċipji stabbiliti bħal dak tan-nondiskriminazzjoni minħabba s-sess ( 7 ), huma rilevanti fir-relazzjonijiet ġuridiċi-privati hija antika u kkonsolidata. Peress li dan huwa l-każ, l-idea li d-drittijiet fundamentali tal-Karta li huma differenti mil-libertajiet fundamentali jew mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jista’ jkollhom sistema differenti, u, għalhekk, ta’ kundizzjoni inqas favorevoli fil-kuntest tal-Karta, tidher li hija estremament problematika.

35.

Fil-qosor, u bħalma tirrileva ġustament il-qorti tar-rinviju, peress li l-effett orizzontali tad-drittijiet fundamentali huwa magħruf fid-dritt tal-Unjoni, ikun paradossali li preċiżament l-inkorporazzjoni tal-Karta fid-dritt primarju tista’ tbiddel, negattivament, din is-sitwazzjoni.

36.

Il-problema ta’ dik li ta’ spiss hija msejħa “Drittwirkung”, li hija espressjoni Ġermaniża stabbilita, ma hijiex tant l-idea fiha nfisha, il-kunċett tagħha jew ir-rappreżentazzjoni tagħha fil-kultura kostituzzjonali tagħna li hija diffiċilment diskutibbli ( 8 ). Il-problema hija l-għarfien korrett tal-effettività tagħha f’termini konkreti, problema li taggrava ruħha fil-mument meta dan l-effett, kważi minħabba neċessità, ikollu diversi forom, fis-sens li jimmanifesta ruħu f’forom differenti. Għaldaqstant, id-diffikultà tirrigwarda l-fatt li l-obbligu tal-individwi li jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn jiġi normalment impost, b’mod immedjat u dirett, mill-awtorità pubblika stess. Minn din il-perspettiva, l-idea li l-individwi jkunu suġġetti għad-drittijiet fundamentali tiġi tradotta ta’ spiss fl-“obbligu ta’ protezzjoni” tad-drittijiet min-naħa tal-awtorità pubblika ( 9 ). Dan huwa, barra minn hekk, l-approċċ li segwiet ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tgawdi, f’dan il-livell, minn awtorità inkontestabbli ( 10 ).

37.

Fil-prattika, l-effett tad-drittijiet fundamentali bejn l-individwi jsir rilevanti meta l-ordinament ġuridiku jipprevedi garanzija speċifika tad-drittijiet fundamentali, ta’ spiss ġurisdizzjonali. F’tali każijiet, il-karatteristika proprja tad-drittijiet fundamentali hija imposta jew tiġi imposta b’mod qawwi fil-qasam tad-dritt privat, u dan minħabba li l-korp Statali jiddeċiedi, bl-awtorità l-iktar għolja, dwar id-drittijiet fundamentali. Minn din il-perspettiva, il-kunċett ta’ effett orizzontali jfisser żieda kunsiderevoli tal-preżenza tal-interpretu ġudizzjarju tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tar-relazzjonijiet tad-dritt privat. L-istrument l-iktar konkret li permezz tiegħu dan il-mekkaniżmu jsir effettiv huwa dak tal-proċeduri ad hoc ta’ ħarsien individwali tad-drittijiet fundamentali, fejn dawn jeżistu ( 11 ).

38.

Fl-aħħar nett, l-effett orizzontali tad-drittijiet fundamentali jopera b’mod differenti ħafna fir-rigward ta’ kull wieħed fosthom, jew, iktar sempliċement, fir-rigward tal-gruppi differenti fosthom. Hemm drittijiet li, mill-fatt tal-istruttura tagħhom stess, ma humiex indirizzati lejn individwi, bl-istess mod kif hemm drittijiet li fir-rigward tagħhom ikun inkonċepibbli li tiġi miċħuda r-rilevanza tagħhom fir-relazzjonijiet tad-dritt privat. Ma huwiex neċessarju li napprofondixxi fuq dan il-punt, u barra minn hekk din l-okkażjoni lanqas ma tippermetti dan. Huwa biżżejjed li niffoka l-attenzjoni tiegħi fuq id-dritt li jikkonċernana, id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fl-impriża, ikkunsidrat fl-Artikolu 27 tal-Karta.

39.

Id-dritt irrikonoxxut f’dan l-artikolu huwa eżempju eċċellenti tal-grupp ta’ drittijiet li ser nirreferi għalihom fit-tieni lok, jiġifieri, id-drittijiet li fir-rigward tagħhom ikun iktar riskjuż li tiġi miċħuda r-rilevanza fir-relazzjonijiet ta’ dritt privat. Dan l-artikolu jiddikjara, bħalma diġà nafu u f’termini li madankollu jkolli ħafna iktar okkażjoni li nikkunsidra, li “[i]l-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa, jkunu ggarantiti informazzjoni u konsultazzjoni fi żmien utli, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”.

40.

L-artikolu inkwistjoni huwa intitolat “Id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża”, fejn din l-aħħar preċiżazzjoni tagħmel inevitabbli r-rikonoxximent tal-fatt li “l-impriża” hija, b’mod jew ieħor, involuta fl-effettività ta’ dan id-dritt. Huwa minnu li huma l-awtoritajiet pubbliċi (l-Unjoni u l-Istati) l-ewwel li huma mitluba li “jiggarantixxu” lill-ħaddiema l-użu ta’ dan id-dritt, u dan permezz tal-approvazzjoni diġà applikata tad-dispożizzjonijiet rilevanti. Madankollu huma wkoll l-impriżi stess, indipendentement minn jekk humiex pubbliċi jew privati, li, filwaqt li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-awtorità pubblika, għandhom jiggarantixxu wkoll, kull ġurnata, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema f’livelli xierqa.

41.

Minn dak kollu li ntqal nasal għal konklużjoni provviżorja, u kkondizzjonata minn dak li ser jiġi sostnut iktar ’il quddiem, li l-Artikolu 27 jista’ jiġi invokat f’kawża bejn individwi. Fi kliem ieħor, din il-possibbiltà ma tistax tiġi miċħuda abbażi tal-argument li l-Karta, bħala konsegwenza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) tagħha, hija irrilevanti fir-relazzjonijiet tad-dritt privat.

42.

Il-problema li għandna nikkunsidraw iktar ’il quddiem hija li l-Karta fiha kemm “drittijiet” kif ukoll “prinċipji” fis-sens tad-dispożizzjonijiet ġenerali tagħha. Fil-każ fejn id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni jkun “prinċipju”, l-Artikolu 52(5) tal-Karta fih dispożizzjonijiet speċifiċi ħafna, kif diġà kelli l-okkażjoni li nindika, dwar il-possibbiltajiet limitati li jiġi invokat “prinċipju” quddiem korp ġudizzjarju. Dan iwassalna sabiex nevalwaw l-istatus ta’ “prinċipju” li għandu jiġi rrikonoxxut lill-Artikolu 27 tal-Karta.

2. Id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni bħala “prinċipju” fis-sens tad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Karta

43.

Fost l-introduzzjonijiet ġodda fil-Karta fil-verżjoni tagħha tal-2007, tidher b’mod ċar ħafna d-distinzjoni bejn “drittijiet” u “prinċipji” introdotta fl-Artikolu 51(1), magħmula fit-titolu tal-Artikolu 52 u ppreċiżata fl-effetti tagħha, f’dak li jikkonċerna l-prinċipji, fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Madankollu, ta’ min josserva li l-Karta ma tikklassifikax id-drittijiet fundamentali f’kull wieħed miż-żewġ gruppi, bħalma huwa normali fid-dritt komparattiv ( 12 ). L-ispjegazzjonijiet huma limitati għall-propożizzjoni ta’ xi eżempji ta’ wieħed jew tal-ieħor, iżda d-dritt li jinteressana ma jidhirx madankollu fost dawn ( 13 ). Għall-finijiet tal-każ tagħna, u kif kelli l-okkażjoni li nispeċifika, dan ifisser li ninsabu quddiem problema, anki jekk din evidentement ma hijiex insuperabbli.

44.

Jidher kważi superfluwu li nibda billi nosserva li, fit-tfassil tal-Karta, il-kategorija ġenerali magħżula għad-denominazzjoni tagħha stess, dik tad-“drittijiet fundamentali” tikkonċerna l-kontenut kollu tagħha. Fi kliem ieħor, ebda kontenut tal-Karta, fid-dispożizzjonijiet sostanzjali tagħha, ma għandu jibqa’ barra mill-kategorija tad-“drittijiet fundamentali”. Fid-dawl ta’ dan, għandha tiġi osservata xi ħaġa li tista’ tidher inqas evidenti, li hija li l-fatt li ċertu kontenut sostantiv tal-Karta huwa, f’parti oħra minn dan it-test, ikklassifikat bħala “dritt” ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex ma jidħolx fil-kategorija ta’ “prinċipji” fis-sens tal-Artikolu 52(5).

45.

Fil-fatt, huwa frekwenti, kemm fil-Karta stess kif ukoll fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri, li jiġu kklassifikati bħala “drittijiet” jew “drittijiet soċjali” dawk il-kontenuti sostantivi ta’ natura soċjali, peress li minnhom ma tista’ tirriżulta ebda sitwazzjoni legali suġġettiva immedjatament eżiġibbli, u għalhekk joperaw biss permezz tal-intermedjazzjoni jew konkretizzazzjoni tal-awtorità pubblika. Dawn huma “drittijiet” (soċjali) minħabba l-qasam tagħhom, jew anki l-identità tagħhom, u huma “prinċipji” minħabba n-natura operattiva tagħhom.

46.

L-awturi tal-Karta, bejn wieħed u ieħor korrettament, ikkunsidraw li, il-fatt li jintuża l-verb “jirrispetta” għad-drittijiet u l-verb “josserva” għall-prinċipji jippermetti li jkun hemm iktar ċarezza. Dan għalija ma jidhirx evidenti. Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni tal-missjoni “jippromwovu l-applikazzjoni” tal-“prinċipji” fit-tieni sentenza tal-Artikolu 51(1) tidhirli iktar espressiva. Din il-missjoni għandha effett importanti u hija tesprimi, fl-istess ħin, il-potenzjal essenzjali tal-“prinċipji”. Iktar ’il quddiem, ser nipprova nesponi fil-qosor is-sens tal-preżenza ta’ dawn it-tipi ta’ dispożizzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet ta’ drittijiet tal-Istati Membri u, issa, fil-Karta, b’ċerti riferimenti għall-oriġini tagħhom, bħala livell qabel ma tiġi proposta spjegazzjoni tad-dritt li qed nikkunsidraw hawnhekk bħala “prinċipju”.

a) L-oriġini tad-distinzjoni bejn “drittijiet” u “prinċipji” u s-sorsi ta’ ispirazzjoni paragunabbli

47.

Il-Konvenzjoni responsabbli għall-kitba tal-ewwel verżjoni tal-Karta diġà kellha għarfien tal-utilità li tintroduċi distinzjoni bejn “drittijiet” u “prinċipji”. Dawn il-kategoriji jservu mhux biss biex jiffaċilitaw kunsens wiesa’ fi ħdan l-ewwel Konvenzjoni, iżda wkoll biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet tal-Karta ( 14 ). L-awturi tal-Karta fdaw fl-esperjenza ta’ xi Stati Membri, fejn differenza simili kienet ippermettiet “ġustizzjabbiltà” sħiħa tad-“drittijiet” u ġustizzjabbiltà mnaqqsa, jew f’xi każijiet nulla, ta’ dawk imsejħa “prinċipji”.

48.

Diġà mill-1937, il-Kostituzzjoni Irlandiża, fl-Artikolu 45 tagħha, kienet tirreferi għal lista eżawrjenti ta’ dawk li jiena nikkwalifika bħala “prinċipji direttivi tal-politika soċjali” (“directive principles of social policy”), li l-kontenut tagħhom ma jistax jiġi evalwat mill-qrati, peress li l-unika awtorità inkarigata milli tiżgura l-osservanza tagħhom hija l-leġiżlatur ( 15 ). Ħafna snin wara, il-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 żviluppat dan l-approċċ billi rrikonoxxiet, fl-Artikolu 53(3) tagħha, li l-“prinċipji” jistgħu, fi kwalunkwe każ, “jispiraw” il-prattika ġudizzjarja ( 16 ). Stati Membri oħra mxew fl-istess direzzjoni, billi jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ kategoriji simili iżda differenti għad-“drittijiet”, prinċipalment indirizzati lejn il-leġiżlatur, iżda li jistgħu jkollhom rwol interpretattiv fuq il-pjan ġudizzjarju, inkluża wkoll xi forma ta’ kontroll ta’ validità tal-atti tal-leġiżlatur f’dawk l-Istati li jammettu l-istħarriġ ġudizzjarju tal-liġijiet ( 17 ). Pereżempju, din kienet il-funzjoni tal-“għanijiet ta’ valur kostituzzjonali” żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Kunsill Kostituzzjonali Franċiż ( 18 ), l-“għanijiet kostituzzjonali” tal-Kostituzzjoni Awstrijaka ( 19 ) kif ukoll tal-kategorija ekwivalenti prevista mil-liġi fundamentali ta’ Bonn ( 20 ). Il-Kostituzzjoni Pollakka hija wkoll rappreżentattiva; l-Artikolu 81 tagħha jillimita wkoll il-portata ta’ ċerti drittijiet ekonomiċi u soċjali, għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti kostituzzjonali Pollakka fetħet il-possibbiltà ta’ stħarriġ limitat tal-kostituzzjonalità ta’ liġijiet fid-dawl ta’ dawn id-drittijiet ( 21 ).

49.

Fil-qosor, l-Istati Membri li jagħmlu distinzjoni simili għal dik prevista fl-Artikolu 52(5) tal-Karta ħolqu kategorija addizzjonali għal dik tad-“drittijiet”, ikkaratterizzata min-nuqqas ta’ kapaċità tagħha li tirrikonoxxi drittijiet suġġettivi direttament invokabbli quddiem il-qrati, iżda li għandha saħħa normattiva ta’ livell kostituzzjonali li tippermetti stħarriġ ta’ atti, prinċipalment ta’ natura leġiżlattiva ( 22 ). Din l-idea tirrifletti wkoll it-tħassib fi ħdan il-Konvenzjoni inkarigata li tikteb il-Karta u dik tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa. Diversi Stati Membri kellhom dubji li r-rikonoxximent ta’ ċerti drittijiet ekonomiċi u soċjali jipprovoka ssuġġettar għas-sistema ġudizzjarja tal-politika pubblika, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ importanza kbira mill-aspett baġitarju. Fil-fatt, dak li għall-ewwel kien hemm riferiment għalih bħala “prinċipju” kien ikklassifikat fl-abbozzi inizjali bħala “prinċipji soċjali” ( 23 ). Minkejja li dan l-aġġettiv kien sussegwentement sparixxa, huwa evidenti li t-tħassib prinċipali tal-awturi tal-Karta kienet id-drittijiet għal benefiċċji soċjali u d-drittijiet ta’ ordni soċjo-industrijali ( 24 ).

b) Dwar il-kunċett ta’ “prinċipju” fis-sens tal-Karta

50.

Mill-kontenut tal-Karta jirriżulta li l-“prinċipji” jinkludu mandati għas-setgħat pubbliċi, għalhekk b’differenza mid-“drittijiet”, li l-għan tagħhom huwa l-protezzjoni ta’ sitwazzjoni ġuridika individwali direttament iddefinita, anki jekk il-konkretizzazzjoni tagħhom fuq livelli inferjuri ta’ ordni ġuridiku tirriżulta dejjem possibbli. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom josservaw is-sitwazzjoni ġuridika individwali ggarantita mid-“drittijiet”, iżda, fil-każ ta’ “prinċipji”, il-mandat tagħhom huwa sinjifikattivament iktar miftuħ: dan il-prinċipju ma jiddefinixxix sitwazzjoni legali individwali, iżda oqsma ġenerali u riżultati li jikkundizzjonaw l-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi kollha. Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet pubbliċi, u b’mod partikolari l-leġiżlatur, huma mitluba jippromwovu u jbiddlu l-“prinċipju” f’realtà ġuridika perċettibbli, iżda dejjem fl-osservanza tal-kuntest oġġettiv (il-qasam) u n-natura aħħarija tiegħu (ir-riżultati) li jinsabu fit-test tal-Karta li tinkludi l-“prinċipju” ( 25 ).

51.

Il-fatt li l-“prinċipji” huma kkaratterizzati mill-kunċett ta’ mandat jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 52 tal-Karta, li l-valur interpretattiv tagħhom huwa kkonfermat mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea stess, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tiegħu. Fil-fatt, l-ispjegazzjonijiet joffru diversi eżempji ta’ “prinċipji” li jidhru li huma mfassla bħala mandati indirizzati lill-“Unjoni”, fis-sens wiesa’ tagħha, li jinkludu l-istituzzjonijiet kollha, iżda wkoll l-Istati Membri meta japplikaw id-dritt tal-Unjoni ( 26 ). Għalhekk, l-Artikolu 25 tal-Karta, li huwa espressament imsemmi fl-ispjegazzjonijiet, jipprovdi li l-Unjoni “tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet ta’ l-anzjani li jgħixu ħajja dinjituża u indipendenti u li jipparteċipaw fil-ħajja soċjali u kulturali”. L-istess rikonoxximent u rispett għandu japplika, skont l-Artikolu 26, fir-rigward tad-dritt tal-persuni b’diżabbiltà “li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità”. Minbarra dan, il-mandat fdat lill-Unjoni jerġa’ jidher fl-Artikolu 37 tal-Karta, li jeħtieġ li hija tintegra u tiżgura “[l]ivell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u t-titjib fil-kwalità […] skond il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli”.

52.

U fir-rigward tal-Artikolu 27? L-ewwel ħaġa li għandha tiġi osservata hija li l-introduzzjoni fil-Karta tad-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema fi ħdan l-impriża, bħala l-ewwel artikolu tat-titolu ddedikat għas-“Solidarjetà”, ma hijiex okkażjonali. Dan id-dritt soċjali huwa, bħalma jindikaw l-ispjegazzjonijiet, ir-rifless tal-Artikolu 21 tal-Karta Soċjali Ewropea ( 27 ) u tal-punti 17 u 18 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-ħaddiema. Minbarra dan, dan huwa dritt li kien preżenti fid-dritt idderivat qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta, mhux biss fid-Direttiva 2002/14 li diġà semmejt, iżda wkoll f’regoli oħra tad-dritt industrijali tal-Unjoni, bħad-Direttiva 98/59/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi ( 28 ) jew id-Direttiva 94/45/KE dwar l-impriżi fuq skala Komunitarja ( 29 ).

53.

F’dawn iċ-ċirkustanzi u bid-diffikultajiet kollha li jinvolvi l-fatt li jiġi kkompletat is-sens tal-Karta fil-każ li hija, biex jingħad hekk, irrinunzjat li ssegwi x-xogħol tagħha, nikkunsidra li l-argumenti li jwasslu sabiex jikklassifikaw il-kontenut sostanzjali tal-Artikolu 27 tal-Karta fil-kategorija tal-“prinċipji” għandhom iktar saħħa mill-argumenti favur il-kategorija tad-“drittijiet”. Qabel kollox teżisti raġuni strutturali li tikkonferma li din hija missjoni tal-awtoritajiet pubbliċi fis-sens espost fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

54.

Fil-fatt, lil hinn mill-proklamazzjoni stess tad-dritt, u tad-dmir sussegwenti li jiġi ggarantit, il-portata tad-dritt direttament żgurat mid-dispożizzjoni hija dgħajfa ħafna: “[…] fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”. Dan jikkonferma li d-dispożizzjoni tirrinunzja li tiddefinixxi sitwazzjoni legali individwali, u tħalli f’idejn il-leġiżlatur tal-Unjoni u nazzjonali l-konkretizzazzjoni tal-kontenut u l-għanijiet stabbiliti mill-“prinċipju”. Huwa veru li “informazzjoni u konsultazzjoni” huma “ggarantiti” lil persuna li għandha dritt, jiġifieri l-ħaddiema. Madankollu, ma huwa speċifikat la t-tip ta’ informazzjoni, la l-modalitajiet ta’ konsultazzjoni, la fuq liema livell, u lanqas permezz ta’ liema rappreżentanti. Il-kontenut huwa tant mhux determinat li jista’ jiġi interpretat biss bħala mandat ta’ azzjoni li permezz tiegħu l-awtoritajiet pubbliċi japplikaw il-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu dritt ( 30 ). Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix sitwazzjoni legali individwali, iżda tordna lill-awtoritajiet pubbliċi li jistabbilixxu kontenut oġġettiv (l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema) u ċerti għanijiet (effettività tal-informazzjoni, rappreżentattività skont il-livelli, u dan f’ħin biżżejjed).

55.

Jeżisti wkoll argument sistematiku. Il-grupp ta’ drittijiet inklużi fit-titolu dwar is-“Solidarjetà” jinkludi fil-parti l-kbira drittijiet ikkunsidrati bħala soċjali f’dak li jikkonċerna s-sustanza tagħhom, il-kontenut li minnu formuli bħal dik tal-Artikolu 27 tal-Karta huma użati b’mod preferenzjali. Dan ifisser li teżisti preżunzjoni qawwija ta’ appartenenza tad-drittijiet fundamentali msemmija f’dan it-titolu għall-kategorija tal-“prinċipji”. Huwa veru li din il-pożizzjoni sistematika ma tistax tikkostitwixxi iktar minn preżunzjoni, iżda, fil-każ tal-Artikolu 27, din hija karatteristika li tiżdied ma’ dik diġà elenkata iktar ’il fuq.

56.

Huwa biżżejjed dak li ġie sostnut hawnhekk sabiex nibbaża l-proposta tiegħi, bħala konklużjoni provviżorja, li d-dritt għal informazzjoni u konsultazzjoni mal-ħaddiema fl-impriża, bħalma huwa ggarantit fl-Artikolu 27 tal-Karta, jinftiehem bħala “prinċipju” fis-sens tal-Artikoli 51(1) u 52(5) tagħha.

3. Il-“prinċipji” skont l-Artikolu 52(5) tal-Karta: il-possibbiltà ta’ invokazzjoni quddiem il-qrati tal-hekk imsejħa “atti ta’ implementazzjoni”

57.

Il-konsegwenza loġika ta’ dak li ntqal fil-paragrafi preċedenti huwa li “prinċipju” bħal dak rifless fl-Artikolu 27 tal-Karta, li jiggarantixxi l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema fl-impriża, jibqa’ suġġett, fir-rigward tas-sistema tiegħu, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(5) tal-Karta, bil-konsegwenzi li dan iwassal għal-livell tal-possibbiltà li jiġi invokat quddiem il-qrati. Madankollu, l-Artikolu 52(5) huwa ta’ kumplessità kunsiderevoli u għandha ssir analiżi separata ta’ kull waħda mis-sentenzi tiegħu. Konsegwentement, għandu l-ewwel nett jitfakkar li l-paragrafu 5 jinkludi l-ewwel sentenza li mal-ewwel tista’ tiġi kklassifikata bħala kundizzjonijiet ta’ operattività tal-“prinċipji”, u t-tieni sentenza li tillimita l-portata tal-ġustizzjabbiltà tal-istess.

58.

L-ewwel sentenza hija intiża sabiex tagħti kontenut lill-“prinċipju”, li hija teffettwa billi tiddikjara li d-“dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta li fihom prinċipji jistgħu jiġu implimentati b’atti leġislattivi u eżekuttivi” adottati mill-Unjoni jew mill-Istati Membri meta japplikaw id-dritt tal-Unjoni. Jiena ser nikkwalifika dan l-aspett ta’ din id-dispożizzjoni bħala d-dimensjoni ta’ “konkretizzazzjoni” tal-“prinċipju”, li tirriżulta fil-mument tal-konfigurazzjoni normattiva tal-“prinċipju”.

59.

It-tieni sentenza fiha l-elementi intiżi li jiżguraw li l-“prinċipji” jkunu effettivi quddiem il-korpi ġudizzjarji, minkejja li, kif tippreċiża din id-dispożizzjoni, l-effetti huma limitati għall-“interpretazzjoni u d-determinazzjoni tal-legalità ta’ dawn l-atti”. Jiena ser nikkwalifika dan it-tieni aspett bħala d-dimensjoni tal-“invokazzjoni” tal-“prinċipju” li jirriżulta fil-fażi ġudizzjarja tal-ħajja tal-“prinċipju”.

a) L-“atti ta’ implementazzjoni” li jikkonkretizzaw il-“prinċipju” (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-Karta)

60.

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom l-obbligu li “jippromwovu” l-“prinċipji” elenkati fil-Karta (Artikolu 51(1)), u għal dan il-għan jadottaw dawk il-miżuri ta’ “implementazzjoni” neċessarji sabiex jiżguraw li tali promozzjoni tirriżulta effettiva. Minkejja l-użu tal-verb “jistgħu” jidher ċar li din ma hijiex setgħa diskrezzjonali assoluta, iżda possibbiltà kkondizzjonata, kif ġie indikat, permezz tal-preżenza ta’ mandat ċar fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, li jeħtieġ mill-Unjoni u mill-Istati Membri li “jippromwovu” l-“prinċipji”. Huwa ċar li tali promozzjoni hija possibbli biss permezz tal-atti ta’ “implementazzjoni” li jirreferi għalihom l-Artikolu 52.

61.

Bl-istess mod, mill-analiżi ddettaljata tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-Karta huwa kkonfermat li din id-dispożizzjoni tirreferi għal miżuri ta’ implementazzjoni normattiva tal-“prinċipji”, bil-konsegwenzi li ser nesponi iktar ’il quddiem.

62.

Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-imsemmi paragrafu 5 tiddikjara li l-“prinċipji” tal-Karta jistgħu “jiġu implementati” permezz ta’ atti tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Dawn l-atti ta’ implementazzjoni għandhom jiftiehmu bħala l-atti neċessarji ta’ konkretizzazzjoni normattiva, li l-għan tagħhom huwa biss li jingħata kontenut suffiċjenti lill-“prinċipju”, b’tali mod li dan jista’ jikseb kontenut awtonomu u, b’mod definittiv, jinbidel fi dritt li jista’ jiġi rrikonoxxut mill-qorti. Din id-dispożizzjoni ma tistax tinftiehem mod ieħor, peress li l-mandat huwa indirizzat mhux biss lill-eżekuttiv, iżda wkoll lil-leġiżlatur. Għaldaqstant, meta din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“implementazzjoni”, tkun qed tirreferi qabel kollox għal eżekuzzjoni speċifikament normattiva.

63.

Sussegwentement, nixtieq insostni li, fl-atti li tirreferi għalihom l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-Karta, għandha tiġi identifikata l-preżenza ta’ dispożizzjonijiet partikolari li dwarhom jista’ jingħad li huma jikkonkretizzaw b’mod essenzjali u immedjat il-kontenut tal-“prinċipju”. Din id-differenza hija inevitabbli peress li, jekk le, f’oqsma daqstant wesgħin bħall-politika soċjali, l-ambjent jew il-protezzjoni tal-konsumaturi, l-“implementazzjoni” ta’ “prinċipju” ma tikkostitwixxi xejn ħlief fergħa integrali tal-ordinament, bħalma huma lkoll id-dritt soċjali, id-dritt ambjentali jew id-dritt tal-konsumaturi. Din il-konsegwenza tagħmel mingħajr skop u perturbanti, jekk mhux impossibbli, il-funzjoni li l-Karta tagħti lill-“prinċipji” inkwantu parametri ta’ interpretazzjoni u ta’ kontroll tal-validità ta’ atti.

64.

Billi għalhekk issir id-distinzjoni bejn l-atti ta’ konkretizzazzjoni essenzjali u immedjata tal-kontenut ta’ “prinċipju” u l-bqija tal-atti, kemm normattivi kif ukoll l-applikazzjoni individwali tagħhom, għandha għalhekk titħares l-effettività kemm tal-“prinċipji” li jinsabu fil-Karta kif ukoll tal-għan li jsegwi l-Artikolu 52(5), li ma huwa xejn ħlief li jiggarantixxi l-protezzjoni, minkejja li kkondizzjonata, ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-Karta li jeħtieġu medjazzjoni normattiva.

65.

Preċiżament l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14 joffri eżempju tajjeb ta’ dawk li ser nikklassifika bħala atti ta’ konkretizzazzjoni essenzjali u immedjata ta’ “prinċipju”. Dan l-artikolu, kif indikat fit-titolu tiegħu, jikkonċerna l-“[q]asam [kamp ta’ applikazzjoni]” tad-drittijiet iddefiniti fid-Direttiva 2002/14. Min-naħa tiegħu, it-titolu tad-Direttiva 2002/14 huwa wkoll rilevanti għalina, peress li jindika li għandha bħala għan li “tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea”, li jikkorrispondi eżattament mal-Artikolu 27 tal-Karta.

66.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14 fih id-determinazzjoni li tirriżulta essenzjali u immedjata mill-perspettiva tal-kontenut tal-“prinċipju”: il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni. Ma hemmx għalfejn jingħad li din id-determinazzjoni tal-kundizzjoni ta’ suġġett tad-dritt hija premessa essenzjali għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt, li permezz tiegħu huwa possibbli li tiġi identifikata l-protezzjoni speċjali mitluba mill-Karta. Huwa f’dan is-sens li għandu jsir riferiment għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14, bħala eżempju ta’ konkretizzazzjoni essenzjali u immedjata tal-Artikolu 27 tal-Karta li għaldaqstant jista’ jsir parti mill-kontenut ġustizzjabbli ta’ dan l-artikolu kif ser nispjega iktar ’il quddiem.

b) Id-dimensjoni ta’ “invokazzjoni” tal-“prinċipju” (it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-Karta)

67.

It-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 52(5) tal-Karta tiddikjara li l-“prinċipji”“[m]a jistgħux jiġu invokati fil-qorti ħlief għall-iskop ta’ l-interpretazzjoni u d-determinazzjoni tal-legalità ta’ dawn l-atti”. Din id-dispożizzjoni tinkludi żewġ aspetti li għandhom jiġi enfasizzati, wieħed impliċitu u l-ieħor espliċitu, fejn l-ewwel wieħed fosthom, b’differenza mit-tieni wieħed, ma fih l-ebda problema ta’ interpretazzjoni.

68.

F’dak li jikkonċerna l-ewwel aspett, qari tal-Artikolu 52(5) tal-Karta juri li r-redazzjoni tiegħu teskludi b’mod impliċitu iżda inekwivoku l-possibbiltà li jiġi invokat b’mod immedjat “prinċipju” bil-għan li jiġi eżerċitat dritt suġġettiv ibbażat fuq din id-dispożizzjoni ( 31 ). Għaldaqstant, il-Karta tillimita l-ġustizzjabbiltà tal-“prinċipji” għad-dimensjoni tagħhom, biex ngħidu hekk, fi stat irfinut ta’ normi u atti u hija tagħmel dan abbażi ta’ kriterju kkostitwit mir-redazzjoni litterali tal-“prinċipju” fil-Karta u permezz tal-atti ta’ konkretizzazzjoni essenzjali u diretta.

69.

L-aspett espliċitu, li huwa wkoll dak li huwa l-iktar delikat f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tiegħu, għandu bħala għan l-“atti” li din id-dispożizzjoni tirreferi għalihom. Fil-fatt, jekk ir-riferiment għal “dawn l-atti” jiġi estiż esklużivament għall-atti ta’ implementazzjoni normattivi li jagħtu kontenut lill-prinċipju, insibu ruħna quddiem sitwazzjoni ta’ “ċirku vizzjuż”: dawn l-atti normattivi ta’ implementazzjoni jkunu jridu jiġu mistħarrġa fir-rigward ta’ prinċipju li l-kontenut tiegħu, kif jiddikjara l-Artikolu 27 tal-Karta, huwa preċiżament dak li jirċievi minn dawn l-atti ta’ implementazzjoni.

70.

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-qasam tal-atti li l-interpretazzjoni u l-istħarriġ tagħhom jitħallew mit-tieni sentenza tal-Artikolu 52(5), huwa differenti u iktar wiesa’ minn dak tal-atti ta’ konkretizzazzjoni normattiva. Konkretament, huma dawk l-atti ta’ implementazzjoni kollha li jmorru lil hinn mill-konkretizzazzjoni essenzjali u immedjata tal-“prinċipju” li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati flimkien mal-bqija tal-atti ta’ implementazzjoni. Bil-kontra, l-effettività kemm tal-Artikolu 27 kif ukoll tal-garanzija ġudizzjarja tiegħu fit-tieni sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-Karta ma tibqax tapplika.

71.

Għaldaqstant, u fid-dawl ta’ qari integrali tal-ewwel u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-Karta, naħseb li l-funzjoni karatteristika tal-atti li sejjaħt konkretizzazzjoni essenzjali u immedjata tal-“prinċipju” hija dik li jiġu integrati fil-parametru ta’ validità tal-bqija tal-atti li japplikaw dan il-“prinċipju”. U ser ikun fid-dawl ta’ dan il-parametru, kompost mill-imsemmi “prinċipju” u mill-atti ta’ konkretizzazzjoni essenzjali u immedjata tiegħu, li l-qrati għandhom jiddeċiedu dwar il-validità tal-atti ta’ implementazzjoni oħra.

72.

Għalhekk, eżempju ta’ att li jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ta’ legalità skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-Karta huwa l-att li ser ikun is-suġġett tat-tieni domanda tal-Cour de cassation: l-Artikolu L.1111‑3(4) tal-Kodiċi Industrijali Franċiż, norma li taqa’ taħt is-sistema ta’ kalkolu ta’ persunal ta’ impriża għall-finijiet tar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema. Din ir-rappreżentazzjoni taġixxi bħala linja ta’ trażmissjoni tad-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema u għalhekk hija element importanti fil-kunċett u fl-eżekuzzjoni prattika tal-“prinċipju” tal-Artikolu 27 tal-Karta. Ir-regola li teskludi ċerta kategorija ta’ ħaddiema mis-sistema ta’ kalkolu tal-persunal hija regola li tippreżenta b’mod ċar potenzjal ta’ ksur tal-kontenut tal-“prinċipju”, u tinkludi, bħalma huwa ċar, il-kontenut iddefinit fl-atti ta’ konkretizzazzjoni essenzjali u immedjata.

c) Iċ-ċirkustanza li l-att ta’ konkretizzazzjoni essenzjali u immedjata għandu n-natura ta’ direttiva

73.

Fil-każ li l-Cour de cassation tressaq għall-kunsiderazzjoni tagħna, il-konkretizzazzjoni tad-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema hija, barra minn hekk, irrikonoxxuta f’direttiva. Minħabba li kawża prinċipali għandha n-natura ta’ kawża bejn individwi, din iċ-ċirkustanza tqajjem il-kwistjoni jekk in-natura tar-regola ta’ konkretizzazzjoni, jiġifieri l-possibbiltajiet limitati tagħha ta’ effett orizzontali, tistax tikkostitwixxi ostakolu kompletament insormontabbli għal dak kollu li pproponejt sa issa. Jiena ser nipprova nuri li dan ma huwiex il-każ.

74.

Minkejja li l-Artikolu 27 tal-Karta jeħtieġ il-kollaborazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, dan ma jimplikax li din il-kollaborazzjoni tinkludi delegazzjoni mingħajr limitu favur l-awtorità leġiżlattiva, speċjalment meta din id-delegazzjoni mingħajr limitu tista’ tispiċċa biex tibdel is-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-Karta. Din tkun il-konsegwenza jekk, meta jagħżel li jilleġiżla permezz ta’ direttiva, il-leġiżlatur iċaħħad lill-individwi, f’kawżi tad-dritt privat, mill-istħarriġ ġurisdizzjonali ta’ validità li tiggarantixxilhom il-Karta.

75.

Minkejja dan, ma jistax jiġi injorat li din il-konklużjoni għandha tiġi kkonċiljata ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li permezz tagħha d-direttivi ma jistgħux jiġu invokati, ħlief għal għanijiet ta’ interpretazzjoni, fil-kawżi bejn individwi ( 32 ). Jiena ma nemminx li dan huwa impossibbli u, lanqas ma nemmen li l-konsegwenzi tal-proposta tiegħi ser joħolqu, kif sostniet ir-Repubblika tal-Ġermanja fir-rigward ta’ din il-kwistjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, inċertezza legali.

76.

Id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li, ipotetikament, jistgħu jikkonkretizzaw essenzjalment u immedjatament il-kontenut ta’ “prinċipju” ma humiex preċiżament numerużi, iżda anzi bil-kontra. Nemmen, f’dan is-sens, li huwa possibbli li naslu għal kunċett sinjifikattivament strett ta’ dan it-tip ta’ regoli, b’tali mod li r-riżultat ikun perfettament sostnut mis-sistema tal-kategorija normattiva li jagħmlu parti minnha, jiġifieri, id-direttivi. Fi kliem ieħor, il-konkretizzazzjoni essenzjali u immedjata ta’ dispożizzjoni tal-Karta hija funzjoni li għandha tinftiehem bħala speċifika u f’kull każ “li tista’ tiġi distinta”. Mill-aspett kwantitattiv, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jissodisfaw din il-missjoni ser ikunu fi kwalunkwe każ limitati ħafna, b’mod li l-ġurisprudenza stabbilita u kkonsolidata b’dan il-mod delikat għandha tkun tista’ tibqa’ mhux mittiefsa f’dak li jikkonċerna l-kważi totalità tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-direttivi preżenti u futuri.

77.

Fl-aħħar nett, nikkunsidra li l-proposta tiegħi fuq din il-kwistjoni delikata hija koerenti mal-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ammettiet, ukoll b’mod preċiż ħafna, stħarriġ oġġettiv tal-legalità ta’ atti nazzjonali fid-dawl ta’ direttivi f’kawżi tad-dritt privat. Mingħajr ma jkun neċessarju li nidħol iktar fuq dan is-suġġett, is-soluzzjoni li jiena nipproponi, mhux talli ma titbegħidx mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda bil-kontra tersaq lejn id-direzzjoni meħuda mis-sentenzi CIA Security, Mangold u Kükükdeveci ( 33 ), biex insemmi s-sentenzi l-iktar sinjifikattivi ( 34 ).

78.

L-aħħar preċiżazzjoni importanti: is-soluzzjoni hawnhekk proposta ma għandhiex twassal għal sitwazzjoni ta’ inċertezza legali. Anzi bil-kontra, dak li jista’ joħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza legali huwa l-possibbiltà li l-leġiżlatur ibiddel unilateralment l-effettività tad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Karta. Il-proċess ta’ konkretizzazzjoni tal-kontenut tal-“prinċipji” jagħmel parti mill-ewwel ċiklu ta’ konsolidazzjoni tal-Karta, ħaġa li tiżviluppa b’mod naturali matul l-ewwel snin ta’ ħajja ta’ dikjarazzjoni ta’ drittijiet f’ordinament kostituzzjonali. Biż-żmien, dan il-kontenut jikkonsolida ruħu u jillimita l-ġustizzjabbiltà tal-“prinċipji” tal-Karta, billi jindika kemm lill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll liċ-ċittadini t-tip ta’ stħarriġ li jista’ jitwettaq mill-qrati u f’liema limiti. Dan ir-riżultat jista’ jikkontribwixxi biss sabiex isaħħaħ iċ-ċertezza legali fl-applikazzjoni ta’ strument ċentrali permezz tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, bħall-Karta, b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna l-“prinċipji” stabbiliti fl-Artikolu 52(5) tagħha.

79.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal huwa inkontestabbli li fil-każ ta’ kawża bejn individwi, anki jekk il-qorti sempliċement tinvalida jew ma tapplikax att illegali, dejjem ser ikun hemm parti li fuqha jiġi impost obbligu li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tidħol għalih fil-bidu. Madankollu, u kif sostna r-rappreżentant ta’ CGT waqt is-seduta, individwu li jissubixxi dannu bħala konsegwenza imprevista ta’ obbligu, obbligu li jirriżulta bħala konsegwenza ta’ aġir illegali ta’ Stat Membru, jista’ dejjem jitlob minn dan tal-aħħar, jekk ikun il-każ, id-danni subiti minħabba din l-illegalità. Huwa veru li azzjoni sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni ġiet oriġinarjament ikkonċepita sabiex tipproteġi lil dawk li jinvokaw dritt quddiem il-qrati nazzjonali ( 35 ). Madankollu, f’każ bħal dan, li fih ir-regola tal-Unjoni hija “prinċipju” tal-Karta li l-kontenut tagħha nkiser minn att li l-illegalità tiegħu hija l-kwistjoni f’kawża bejn individwi, huwa raġonevoli li r-responsabbiltà tal-kawża għad-danni taqa’ fuq dik il-persuna li bbenefikat mill-aġir illegali u mhux fuq il-persuna li għandha dritt li rriżulta mill-konkretizzazzjoni tal-kontenut tal-“prinċipju”.

80.

Għaldaqstant, bħala konklużjoni, nikkunsidra, abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-Karta, li l-Artikolu 27 tal-Karta, ikkonkretizzat essenzjalment u immedjatament bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14, jista’ jiġi invokat f’kawża bejn individwi bl-eventwali konsegwenzi tan-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

B – It-tieni domanda preliminari

81.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li tinsab fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ ġustizzjabbiltà deskritta iktar ’il fuq, il-Cour de cassation tistaqsi direttament dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 27 tal-Karta, hekk kif ġie kkonkretizzat fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14, ta’ sistema bħal dik prevista mill-Artikolu L 1111‑3 tal-Kodiċi Industrijali Franċiż. Skont din id-dispożizzjoni, huma esklużi mill-kalkolu tal-persunal tal-impriża, b’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit in-numru ta’ ħaddiema li huwa meħtieġ legalment sabiex jiġu kkostitwiti korpi ta’ rappreżentazzjoni tal-persunal, il-ħaddiema li jkollhom l-hekk imsejħa “kuntratti inizjattiva-impjieg”, “kuntratt ta’ assistenza fl-impjieg” u “kuntratt ta’ taħriġ professjonali”.

82.

Minkejja li d-domanda tirrigwarda, b’mod ġenerali, tliet kategoriji ta’ kuntratti esklużi, mill-proċess jirriżulta li l-konvenuta fil-kawża prinċipali, AMS, ikkonkludiet approssimament bejn 120 u 170 “kuntratti ta’ assistenza fl-impjieg” u li ma jidhirx li “kuntratti inizattiva-impjieg” jew “kuntratti ta’ taħriġ professjonali” kienu ġew konklużi. Konsegwentement, sakemm il-qorti tar-rinviju ma tikkonstatax il-kuntrarju, ir-risposta li għandha tingħata għandha tikkonċerna esklużivament il-konformità mad-Direttiva 2002/14 tal-esklużjoni tal-“kuntratti ta’ assistenza fl-impjieg” prevista fl-Artikolu L. 1111‑3(4) tal-Kodiċi Industrijali.

83.

Kienu biss ir-Repubblika Franċiża, il-CGT u l-Kummissjoni li esprimew irwieħhom dwar din il-kwistjoni. Skont ir-Repubblika Franċiża, in-natura partikolari tal-kuntratti esklużi, fejn fosthom insibu l-“kuntratti ta’ assistenza fl-impjeg”, tiġġustifika restrizzjoni tal-portata tal-Artikolu 27 tal-Karta, li ġiet ikkonkretizzata mid-Direttiva 2002/14. Fir-rigward ta’ kuntratti intiżi għad-dħul fid-dinja tax-xogħol, u mhux kuntratti li jorbtu lill-ħaddiem fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg ordinarja, l-għanijiet tal-Artikolu 27 u tad-Direttiva 2002/14 ma humiex kompromessi mill-fatt ta’ din l-esklużjoni. Ir-Repubblika Franċiża tinvoka l-Artikolu 52(1) tal-Karta, li skont dan l-eżerċizzju tad-drittijiet u libertajiet jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet, dejjem jekk ikunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

84.

Min-naħa tagħha, il-CGT tiffoka l-argumenti tagħha fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-kawża Confédération générale du travail et (iktar ’il quddiem il-“CGT”) ( 36 ). Din id-deċiżjoni ppermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi għall-ewwel darba dwar id-Direttiva 2002/14, preċiżament f’kawża li tressqet mir-Repubblika Franċiża li fiha ġiet ikkontestata l-esklużjoni ta’ kategorija ta’ ħaddiema sakemm huma jkunu laħqu età partikolari. Fl-opinjoni tal-CGT, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din l-esklużjoni tmur kontra d-Direttiva 2002/14, jikkonferma li f’din il-kawża, fejn mill-ġdid tiġi eskluża kategorija ta’ ħaddiema, ninsabu quddiem ksur ta’ din id-direttiva. Il-Kummissjoni taqbel mal-argumenti tal-CGT u tipproponi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-Direttiva 2002/14 fis-sens li topponi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

85.

Fil-fatt, bħalma jsostnu ġustament il-CGT u l-Kummissjoni, is-sentenza CGT turi r-risposta li għandha tingħata lit-tieni domanda. F’dik il-kawża, CGT ikkontestat quddiem il-Kunsill tal-Istat Franċiż leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet iddewwem l-inklużjoni fil-kalkolu tal-persunal ta’ impriża kategorija ta’ ħaddiema sakemm dawn ikunu laħqu età partikolari. Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet ir-rakkomandazzjoni tal-Avukat Ġenerali Mengozzi u ċaħdet li dewmien fil-kalkolu bbażat fuq l-età kien differenti minn esklużjoni mill-kalkolu ( 37 ). Il-leġiżlazzjoni Franċiża ma eskludietx, mill-bidu nett, lil grupp ta’ ħaddiema, iżda għamlet dan sakemm huma kienu laħqu età partikolari. Madankollu, il-Qorti, li tat deċiżjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta, iddeċidiet li dan id-dewmien kien ekwivalenti għal esklużjoni, peress li kkontribwixxa sabiex id-drittijiet iggarantiti fid-Direttiva 2002/14 “[titneħħilhom is-] sustanza” u jċaħħad, għaldaqstant “lil din id-Direttiva l-effett utli tagħha” ( 38 ).

86.

Huwa minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14 jistabbilixxi li l-Istati Membri jiddeterminaw il-metodu li bih jiġi kkalkolat in-numru ta’ ħaddiema impjegati. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li esklużjoni ta’ kategorija ta’ ħaddiema ma kinitx sempliċi kalkolu, iżda interpretazzjoni unilaterali mill-ġdid tal-kunċett ta’ “ħaddiem”. Għalhekk, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, “jekk din id-Direttiva ma tistabbilixxix lill-Istati Membri l-mod kif dawn għandhom jikkunsidraw l-impjegati li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-kalkolu tal-limiti tan-numru tal-ħaddiema impjegati, madankollu hija tistabbilixxi li huma għandhom jieħdu kunsiderazzjoni tagħhom” ( 39 ).

87.

Għaldaqstant, l-Artikolu 27 tal-Karta, ikkonkretizzat essenzjalment u immedjatament mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14 għandu jiġi interpretat, fid-dawl tas-sentenza CGT, b’tali mod li jippermetti lill-Istati jistabbilixxu metodi għall-kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema li jikkostitwixxu l-persunal tal-impriża, iżda fl-ebda każ ma jagħti l-possibbiltà li ħaddiem jiġi eskluż minn dan il-kalkolu. Dan japplika, bħal fil-kawża CGT, ukoll f’każ fejn l-esklużjoni hija biss temporanja.

88.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawh, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha ( 40 ). Apparti dan, kif nafu wkoll, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. Għalhekk, l-obbligu li l-qorti nazzjonali għandha li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tal-liġi interna huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u dan ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali ( 41 ).

89.

Issa, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, esklużivament, il-possibbiltà li tingħata interpretazzjoni konformi, peress li din l-evalwazzjoni teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali kollu kemm hu, li b’mod ċar ma hijex fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

90.

Madankollu, il-Cour de cassation, meta hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-possibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 27 tal-Karta, kif ikkonkretizzat bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14, hija tagħmel dan preċiżament bl-intenzjoni li, fil-każ li tiġi kkonfermata interpretazzjoni bħal dik proposta fil-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma jkunx possibbli li ssir interpretazzjoni konformi. Il-Cour de cassation għandha għarfien sew ta’ dan, peress li ma hijiex l-ewwel darba li din il-ġurisdizzjoni għolja qiegħda tiltaqa’ ma din il-kwistjoni u tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwarha. Barra minn hekk, ma għandux sens li nistaqsu dwar l-invokazzjoni tal-imsemmija regoli tal-Unjoni f’kuntest bħal tal-kawża prinċipali, jekk il-Cour de cassation kienet konvinta li kien possibbli li tingħata interpretazzjoni konformi.

91.

Il-Gvern tar-Repubblika Franċiża wasal għall-istess konklużjoni, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kif ukoll orali. Mistoqsi espressament dwar dan il-punt fis-seduta, l-aġent tal-Gvern Franċiż irrikonoxxa l-impossibbiltà li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Franċiż li tippermetti li jiġi ggarantit ir-rispett tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa propost li jiġi interpretat fil-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u dan anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt industrijali li jippermettu, f’każijiet eċċezzjonali, li ssir deroga mil-liġi fi ftehim kollettiv.

92.

Skont il-Gvern Franċiż, sabiex ikun possibbli li tingħata interpretazzjoni koerenti tal-Artikolu L 1111‑3(4) mal-Artikolu 27, kif ikkonkretizzat mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14, ikun neċessarju li jsir riferiment għal “eċċezzjoni għall-eċċezzjoni”, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Meta ġie mistoqsi dwar il-possibbiltà li din l-“eċċezzjoni għall-eċċezzjoni” tkun preżenti fl-Artikolu 2251‑1 tal-Kodiċi Industrijali Franċiż, l-aġent osserva li din id-dispożizzjoni tirreferi biss għal miżuri mogħtija permezz ta’ ftehim kollettiv, li ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

93.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jitfakkar ukoll li meta qorti nazzjonali (li hija, barra minn hekk, l-ogħla interpretu tad-dritt intern) kif ukoll il-Gvern tal-istess Stat Membru jaqblu li jikkonfermaw li l-ordinament ġuridiku tagħhom ma jammettix interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni legali ( 42 ), għandha l-obbligu li taċċetta din l-evalwazzjoni u li tagħti risposta għad-domanda speċifika magħmula lilha. Jekk ma jsirx dan, ma jkunx biss l-ispirtu ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati li jispira l-mekkaniżmu ta’ talba għal deċiżjoni preliminari tal-Artikolu TFUE li jitqajjem dubju dwaru, iżda wkoll l-effettività ta’ din il-proċedura.

94.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, u quddiem l-impossibbiltà li tingħata interpretazzjoni li tirrikonċilja l-ordinament ġuridiku nazzjonali mad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 27 tal-Karta, kif ikkonkretizzati mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14, jibqa’ biss li jiġi kkunsidrat jekk l-esklużjonijiet li jinsabu fl-Artikolu L. 1111‑3 u, b’mod partikolari, dik dwar il-“kuntratti ta’ assistenza fl-impjieg”, jiksrux id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14.

95.

F’dan is-sens, u b’rikapitolazzjoni tal-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża CGT, jekk esklużjoni temporanja bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża tikser l-imsemmija direttiva, a fortiori għandna naslu għall-istess konklużjoni f’dak li jikkonċerna esklużjoni totali u mhux limitata. Barra minn hekk, il-fatt li l-“kuntratt ta’ assistenza fl-impjieg” iservi bħala għan ta’ inserzjoni fid-dinja tax-xogħol bl-ebda mod ma jqajjem dubji dwar din il-konklużjoni, peress li f’ebda mument ma kien hemm dubju dwar jekk il-ħaddiem li kellu dan il-kuntratt kellux il-klassifikazzjoni bħala “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 27 tal-Karta, kif ikkonkretizzat mid-Direttiva 2002/14.

96.

Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-Repubblika Franċiża dwar in-natura speċjali tal-“kuntratti ta’ assistenza fl-impijeg” u l-ġustifikazzjoni tagħha permezz tal-interess ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet għal argument simili fl-imsemmija sentenza CGT, fejn ikkunsidrat li ġustifikazzjoni ta’ eżenzjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2002/14, li jistabbilixxi li l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jiggarantixxu f’kull mument ir-riżultati imposti minn din id-direttiva ( 43 ). Ikun diffiċli li tingħata risposta differenti f’din il-kawża, li tikkonċerna, barra minn hekk, esklużjoni totali u mingħajr limitu ratione temporis ta’ kategorija ta’ ħaddiema.

97.

Għaldaqstant, u bħala risposta għat-tieni domanda preliminari, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-Artikolu 27 tal-Karta, ikkonkretizzat essenzjalment u immedjatament bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14, u quddiem l-impossibbiltà li ssir interpretazzjoni konformi mal-ordinament ġuridiku intern, fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kategorija partikolari ta’ ħaddiema, b’mod konkret il-ħaddiema li għandhom “kuntratti esklużi” mill-kalkolu tal-persunal tal-impriża għall-finijiet tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

V – Konklużjoni

98.

Fid-dawl tal-argumenti esposti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari li saru mill-Cour de Cassation kif ġej:

“1)

L-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ikkonkretizzat essenzjalment u immedjatament bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2002, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea, jista’ jiġi invokat f’kawża bejn individwi bl-eventwali konsegwenza tan-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

2)

L-Artikolu 27 tal-Karta, ikkonkretizzat essenzjalment u immedjatament bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14, u quddiem l-impossibbiltà li ssir interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kategorija partikolari ta’ ħaddiema, b’mod konkret il-ħaddiema li għandhom ‘kuntratti esklużi’ mill-kalkolu tal-persunal tal-impriża għall-finijiet tad-dispożizzjoni inkwistjoni, skont l-Artikolu 52(5) milli tapplika r-regoli nazzjonali li jiksru l-imsemmija regoli tad-dritt tal-Unjoni.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219).

( 3 ) Fid-duttrina akkademika, ara, fost oħrajn, M. De Mol, “Kücükdeveci: Mangold Revisited – Horizontal Direct Effect of a General Principle of EU Law”, European Constitutional Law Review, 2010, Nru 6, p. 302; A. Hatje, f’EU‑Kommentar (coord. Jürgen Schwarze), It-Tieni Edizzjoni, Baden‑Baden, 2009, Artikolu 51, p. 2324, marġ. 20; T. Kingreen, EUV/EGV – Komentar, It-Tielet Edizzjoni, München, 2007, Artikolu 51 GRCh, p. 2713, marġ. 18; K. O Riesenhuber, Europäisches Arbeitsrecht, Hamburg, 2009, § 2, p. 45, marġ. 25. Dwar il-pożizzjonijiet differenti rigward din il-kwistjoni, ara l-espożizzjoni ġenerali magħmula mill-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-Kawża Dominguez (sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, C‑282/10).

( 4 ) Ara l-analiżi paragunata ta’ J.M. Bilbao Ubillos, La eficacia de los derechos fundamentales frente a particulares, Centro de Estudios Políticos y Constitucionales, Madrid, 1997, p. 277 et seq, kif ukoll is-sinteżi magħmula minn A. Seifert, “L’effet horizontal des droits fondamentaux. Quelques réflexions de droit européen et de droit comparé”, Revue trimestrielle de droit européen, Dalloz, 2013.

( 5 ) Ara f’dan is-sens, P. Craig, EU Administrative Law, It-Tieni Edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2012, p. 465.

( 6 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, Ġabra. p. 1405, punt 17); tal-14 ta’ Lulju 1976, Donà (13/76, Ġabra p. 1333, punt 17); tal-15 ta’ Diċembru 1995 Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 82); tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C-51/96 u C-191/97, Ġabra p. I-2549, punt 47); tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C-281/98, Ġabra I-4139, punt 31); tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 120), u tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, imsejħa “Viking Line” (C-438/05, Ġabra p. I-10779, punt 33).

( 7 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1978, Defrenne (149/77, Ġabra p. 1365).

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, E.-W. Böckenförde, Staat, Gesellschaft, Freiheit, Suhrkamp, Frankfurt, 1976, p. 65 et seq.; L.-M. Díez-Picazo Giménez, Sistema de Derechos fundamentales, It-Tielet Edizzjoni, Thomson Civitas, Madrid, 2008, p. 252 et seq; A. Pace, Problematica delle libertà costituzionali, Parte Generale, It-Tieni Edizzjoni, Cedam, Padova, 1990; A. Clapham, Human Rights Obligations of Non-State Actors, Oxford University Press, 2006, u D. Kennedy, “The Stages of Decline of the Public/Private Distinction”, 130 University of Pennsylvania Law Review, 1982.

( 9 ) Dwar l-obbligu ta’ protezzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, ara H.-J.Papier, “Drittwirkung der Grundrechte”, f’D. Merten, u H.-J. Papier (ed.), Handbuch der Grundrechte in Deutschland und Europa, It-Tieni Volum, ed. C.F. Müller, Heidelberg, 2006, p. 1335 u 1336 u, b’mod partikolari, il-kontribuzzjoni ta’ C. Calliess, fl-istess xogħol, fil-p. 963 et seq, kif ukoll L. Jaeckel, Schutzpflichten im deutschen und europäischen Recht, Ed. Beck, München, 2001.

( 10 ) It-teorija tal-“obbligi pożittivi tal-Istat” toriġina mis-sentenza Airey vs L-Irlanda, tad-9 ta’ Ottubru 1979, sussegwentement ikkonfermata minn diversi sentenzi, fejn fosthom nirreferu għal Lopez Ostra vs Spanja, tad-9 ta’ Diċembru 1994 u Ilascu et vs Il-Moldova u Ir-Russja, tat-8 ta’ Lulju 2004. F’dan ir-rigward, ara l-analiżi F. Sudre et al, Les grands arrêts de la Cour européenne des Droits de l’Homme, Is-Sitt Edizzjoni, Puf, Pariġi, p. 18 et seq.

( 11 ) Dan huwa l-każ, pereżempju, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew ta’ Spanja, li l-qrati kostituzzjonali tagħhom, permezz ta’ rikorsi diretti ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, żviluppaw ġurisprudenza li tqiegħed lill-qorti tad-drittijiet fundamentali fiċ-ċentru tal-obbligu ta’ protezzjoni. Għalhekk, f’dak li jikkonċerna l-Ġermanja, l-intervent tal-qorti bħala awtorità pubblika huwa fl-oriġini tal-ġurisprudenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża), li s-sentenza ta’ riferiment hija dik mogħtija fil-kawża Lüth (BverfGE 7, 198), tal-15 ta’ Jannar 1958. Fil-każ Spanjol, il-Qorti Kostituzzjonali, fis-sentenza tagħha 18/1984, tas-7 ta’ Frar 1984, iddeċidiet dan li ġej: “dak li jseħħ, minn naħa, huwa li hemm drittijiet li jeżistu biss fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi (bħal dawk tal-Artikolu 24 [protezzjoni ġudizzjarja effettiva]) u li, min-naħa l-oħra, l-issuġġettar tal-awtoritajiet pubbliċi quddiem il-Kostituzzjoni (Artikolu 9.1) ifisser obbligu pożittiv li tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn id-drittijiet fil-ħajja soċjali, dmir li jaqa’ fuq il-leġiżlatur, l-eżekuttiv u l-qrati u t-tribunali, fil-qasam tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom”.

( 12 ) F’dan ir-rigward, ara A. Seifert, “L’effet horizontal des droits fondamentaux. Quelques réflexions de droit européen et de droit comparé”, iċċitat iktar ’il fuq, p. 804 et seq.

( 13 ) Skont l-ispjegazzjonijiet, “[b]ħala eżempju, wieħed jista’ jsemmi, fost l-eżempji ta’ prinċipji rikonoxxuti mill-Karta, l-Artikoli 25, 26 u 37. F’ċerti każijiet, Artikolu tal-Karta jista’ jinkludi kemm l-element tal-liġi kif ukoll ta’ prinċipju: pereżempju l-Artikoli 23, 33 u 34”.

( 14 ) Guy Braibant, membru tal-ewwel pjan tal-Ewwel Konvenzjoni, jispjega, fix-xogħol tiegħu La Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne, Seuil, Pariġi, 2001, p. 44 sa 46, l-importanza tad-distinzjoni bejn “drittijiet” u “prinċipji” sabiex jintlaħaq kunsens wiesa’ li wassal għall-inklużjoni tal-kapitolu soċjali tal-Karta.

( 15 ) Fuq l-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni Irlandiża u l-ġurisprudenza tas-Supreme Court Irlandiża, ara J.M. Kelly, The Irish Constitution, Ir-Raba’ Edizzjoni, LexisNexis/Butterworths, Dublin, p. 2077 et seq.

( 16 ) Dwar l-effettività tal-“prinċipji gwida tal-politika ekonomika u soċjali” tal-Kostituzzjoni Spanjola, ara J. Jiménez Campo, Derechos fundamentales. Conceptos y garantías, Trotta, Madrid, 1999, p. 122 et seq, u J.M. Rodríguez de Santiago, “La forma de vincular de los preceptos del capítulo tercero del título primero de la Constitución española”, f’M. E. Casas Baamonde, u Rodríguez-Piñero u M. Bravo-Ferrer, Comentarios a la Constitución española, Wolters Kluwer, Madrid, 2008, p. 1187 et seq.

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, l-analiżi komparattiva ta’ C. Ladenburger, “Artikel 52 Abs. 5”, f’P.J. Tettinger u K. Stern, Europäische Grundrechte – Charta, Beck, München, 2004, p. 803 et seq.

( 18 ) Ara d-deċiżjoni tal-Conseil constitutionnel 94-359 CC, tad-19 ta’ Jannar 1995, punt 7. Fuq dan is-suġġett, ara L. Burgorgue-Larsen, “Article II-112” f’L. Burgorgue-Larsen, A. Levade u F. Picod, Traité établissant une Constitution pour l’Europe, Tome 2, Bruylant, Brussell, 2005, p. 684.

( 19 ) Ara, pereżempju, l-Artikoli 8(2), 7(1) u (2) kif ukoll 9a tal-liġi Federali Kostituzzjonali Awstrijaka. F’dan ir-rigward, ara H. Schäffer, “Zur Problematik sozialer Grundrechte”, f’D. Merten, u H.-J. Papier (ed), Handbuch der Grundrechte in Deutschland und Europa, Volum VII/1, Ed. C.F. Müller, Heidelberg, 2006, p. 473 et seq.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, K.-P Sommemann, Staatsziele und Staatszielbestimmungen, Mohr Siebeck, Tübingen, 1997.

( 21 ) Ara, fost oħrajn, W. Sadurski, Rights Before Courts. A Study of Constitutional Courts in Postcommunist States of Central and Eastern Europe, Springer, Dordrecht, 2005, p. 178 et seq.

( 22 ) F’dan is-sens, perspettiva sħiħa tidher riflessa f’J. Iliopoulos-Strangas (ed.), Soziale Grundrechte in Europa nach Lissabon, ed. Nomos/Sakkoulas/Bruylant/Facultas, Baden-Baden, Ateni, Brussell, Vjenna, 2010.

( 23 ) G. Braibant, La Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne, iċċitata iktar ’il fuq, p. 252.

( 24 ) F’dan ir-rigward, ara, preċedentement, D. Grimm, “Soziale Grundrechte für Europa”, illum fix-xogħol Die Verfassung und die Politik. Einsprüche in Störfällen, Ed. Beck, München, 2001, p. 275 et seq.

( 25 ) F’dan is-sens, għal analiżi tal-“prinċipji” inkwantu mandat iffokat fuq l-għanijiet, ara M. Borowsky, “Artikolu 52”, f’J. Mayer, Charta der Grundrechte der Europäischen Union, it-Tielet Edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2010, p. 697 sa 699; L. Bourgorgue-Larsen, “Article II-112”, iċċitat iktar ’il fuq p. 686 et seq, u F. Mayer, “Artikel 6 EUV”, fi Grabitz/Hilf/Nettesheim, Das Recht der Europäischen Union – Kommentar, Beck, München, 2010, punti 6 et seq.

( 26 ) L-ispjegazzjoni dwar l-Artikolu 52(5) tgħid dak li ġej fir-rigward ta’ dak li jikkonċernana: “[…] Il-prinċipji jistgħu jiġu implimentati permezz ta’ atti leġislattivi jew eżekuttivi (adottati mill-Unjoni skond il-kompetenzi tagħha, u mill-Istati Membri biss meta huma jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni); għaldaqstant, huma jkollhom sinifikat partikolari għall-Qrati biss meta dawn l-atti jiġu interpretati jew riveduti. Madankollu huma ma jagħtux lok għal xi pretensjonijiet diretti għal azzjoni pożittiva mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea jew mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri. Dan huwa konsistenti kemm mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja […] kif ukoll ma’ l-approċċ meħud mis-sistemi kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri lejn “prinċipji”, b’mod partikolari fil-qasam tal-liġi soċjali.”

( 27 ) Il-Karta Soċjali Ewropea, Trattat miftuħ għall-firma mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa fit-18 ta’ Ottubru 1961 f’Torino u li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 1965.

( 28 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).

( 29 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 1994, dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ tagħrif u ta’ konsultazzjoni għall-impjegati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 232).

( 30 ) Barra minn hekk, dan huwa mandat, li jippreżenta diversi diffikultajiet fil-konfigurazzjoni f’livell supranazzjonali. F’dan ir-rigward, ara J. Cruz Villalón, “La información y la consulta a los trabajadores en las empresas de dimensión comunitaria”, La Ley, 1994, Vol. 2, u F.L. Insa Ponce de León, Los derechos de implicación de los trabajadores en las sociedades anónimas europeas, Ed. Tirant lo Blanch, Valencia, 2010.

( 31 ) F’dan is-sens, ix-xogħlijiet preparatorji tal-Karta jikkonfermaw li l-parteċipanti fil-Konvenzjoni qatt ma ċaħdu l-ġustizzjabbiltà ta’ atti fid-dawl tal-prinċipji, iżda dejjem ikkunsidraw li l-istħarriġ ġudizzjarju jirrigwarda l-istħarriġ astratt ta’ atti u mhux dwar il-garanzija tad-drittijiet, kif jispjegaw G. Braibant, La Charte…, iċċitat iktar ’il fuq, p. 46, kif ukoll membru ieħor tal-Konvenzjoni, Lord Goldsmith, “A Charter of Rights, Freedoms and Principles”, Common Market Law Review, 38 2001, p. 1212 u 1213. Dwar il-bażi tax-xogħlijiet preparatorji u tar-redazzjoni tal-Artikolu 52(5), il-funzjoni ta’ stħarriġ oġġettiv ta’ din id-dispożizzjoni hija sostnuta wkoll minn C. Ladenburger, “Protection of Fundamental Rights post-Lisbon – The interaction between the Charter of Fundamental Rights, the European Convention of Human Rights and National Constitutions” - Institutional Report, FIDE 2012, p. 33: “only one point is clear: Article 52 (5) 2nd sentence does not exclude any justiciability of principles”.

( 32 ) Fost id-diversi sentenzi, ara, prinċipalment is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723); tat-12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C-188/89, Ġabra p. I-3313); tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C-91/92, Ġabra p. I-3325); tas-7 ta’ Marzu 1996, El Corte Inglés (C-192/94, Ġabra p. I-1281); tal-14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero (C-343/98, Ġabra. p. I-6659); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835) u Dominguez, iċċitata iktar ’il fuq. Dwar l-evoluzzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, ara x-xogħlijiet, fost oħrajn, ta’ B. De Witte, “Direct effect, primacy and the nature of the legal order”, f’P. Craig u G. De Búrca, The Evolution of EU Law, it-Tieni Edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2011, p. 329 sa 340; D. Simon, “L’invocabilité des directives dans les litiges horizontaux : confirmation ou infléchissement ?”, Europe Nru 3, Marzu 2010, u M. Dougan, “When Worlds Collide: Competing Visions of the Relationship Between Direct Effect and Supremacy”, 44 Common Market Law Review, 2007.

( 33 ) Sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security Internacional (C-194/94, Ġabra p. I-2201); tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981), u tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, Rec. p. I‑365).

( 34 ) Fuq dan il-punt nirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot ippreżentati fil-kawża Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-punti 68 et seq.

( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 35); tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 31); tas-26 ta’ Marzu 1996, British Telecommunications (C-392/93, Ġabra p. I-1631, punt 38); tat-23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas (C-5/94, Ġabra p. I-2553, punt 24); tat-8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et (C-178/94, C-179/94 u C-88/94 sa C-190/94, Ġabra p. I-4845, punt 20), u tat-2 ta’ April 1998, Norbrook Laboratorios (C-127/95, Ġabra p. I-1531, punt 106).

( 36 ) Sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007 (C-385/05, Ġabra p. I-611).

( 37 ) Punt 38 tas-sentenza CGT, iċċitata iktar ’il fuq, li tirreferi għall-punt 28 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’din l-istess kawża.

( 38 ) Sentenza CGT, punt 38.

( 39 ) Sentenza CGT, iċċitata iktar il fuq, punt 34. Korsiv miżjud.

( 40 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pfeiffer et (iċċitata iktar ’il fuq, punt 114); tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C-378/07 sa C-380/07, Ġabra p. I-3071, punti 197 u 198); Kücükdeveci (iċċitata iktar ’il fuq, punt 48), u Domínguez (iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

( 41 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Rec. p. I‑2483, punt 100), u Angelidaki et (iċċitata iktar ’il fuq, punt 199).

( 42 ) Prinċipju rrikonoxxut fl-Artikolu 4 TUE, li japplika kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Unjoni (ara, f’dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni legali tal-Unjoni fir-rigward tal-Istati, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1983, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament, 230/81, Ġabra p. 255, punt 38; tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C-94/00, Ġabra p. I-9011, punt 31, kif ukoll id-digriet tat-13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et, C‑2/88 IMM, Ġabra p. I‑3365, punt 17).

( 43 ) Sentenza CGT, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40.