KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-13 ta’ Ġunju 2013 ( 1 )

Kawża C‑170/12

Peter Pinckney

vs

KDG Mediatech AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza)]

“Inammissibbiltà — Assenza ta’ konnessjoni bejn id-domandi preliminari u r-realtà jew is-suġġett fil-kawża prinċipali — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — L-Artikolu 5(3) — Ġurisdizzjoni speċjali fil-materja ta’ delitt jew kważi‑delitt — Kriterji sabiex jiġi stabbilit il-post tal-fatt dannuż — Ksur tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur — Direttiva 2001/29/KE — Artikoli 2 sa 4 — Ħruq ta’ CD — Offerta fuq l-internet ta’ CD — Tpoġġija fuq l-internet tal-kontenuti f’forma dematerjalizzata”

I – Introduzzjoni

1.

Il-Cour de cassation (Franza) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari fl-ambitu ta’ kawża għad-danni minn P. Pinckney, resident Franċiż li jsostni li huwa, inter alia, l-awtur ta’ xogħlijiet mużikali, kontra KDG Mediatech AG (iktar ’il quddiem “Mediatech”), kumpannija rreġistrata fl-Awstrija, minħabba l-allegata falsifikazzjoni minnha tal-imsemmija xogħlijiet.

2.

Din il-kawża setgħet twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet li taħthom il-qrati ta’ Stat Membru għandhom ġurisdizzjoni ratione loci sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ kawża li rriżultat minn allegat ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq permezz tal-internet abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ).

3.

Fil-fatt il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterju ta’ rabta rilevanti fil-preżenza ta’ ksur transkonfinali tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur li jirriżulta kemm mit-tpoġġija fuq l-internet tal-kontenut dematerjalizzat, kif ukoll mill-bejgħ fuq l-internet ta’ mezz materjali li jirriproduċi dak il-kontenut. Il-Cour de cassation tiġġustifika r-rinviju preliminari tagħha bid-differenza li teżisti bejn il-kontestazzjoni li nġabet quddiemha u l-każijiet ipprospettati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi L’Oréal et ( 3 ) kif ukoll eDate Advertising u Martinez ( 4 ).

4.

Madankollu, fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-fatti mill-qorti a quo, u minħabba l-kwalifika tal-bażi ġuridika tal-kawża għad-danni ppreżentata minn P. Pinckney li jidhirli li hija neċessarja li ssir, jidhirli li d-domandi preliminari huma irrilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali u, għaldaqstant, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli. Għaldaqstant huwa biss sussidjarjament li sejjer nippreżenta xi osservazzjonijiet fuq il-mertu tal-kawża.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Ir-Regolament Nru 44/2001 ( 5 )

5.

Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi “[b]’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”.

6.

L-Artikolu 2(1) tar-regolament imsemmi li jinsab fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu II bit-titolu “Disposizzjonijiet ġenerali” jgħid dan li ġej: “[b]la preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

7.

L-Artikolu 5(3) ta’ dan l-istess regolament, li jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II imsejħa “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprovdi li persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor, “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara [dannu] jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” ( 6 ).

B – Id-Direttiva 2001/29/KE

8.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni ( 7 ), intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom jipprovdu, inter alia, id-dritt esklużiv għall-awturi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma li tkun, kollha jew parti, tax-xogħlijiet tagħhom.

9.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva msemmija, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprovdi li: “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.” Il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jippreċiża li “[i]d-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

10.

Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”: “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.” Barra minn hekk, l-imsemmi paragrafu 2 jipprovdi li: “[i]d-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien [proprjetà] fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur [mit-titolari tad-dritt] jew bil-kunsens tiegħu.”

III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Fid-dawl tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-osservazzjonijiet tal-partijiet, il-fatti u l-kawża prinċipali jistgħu jiġu sunti kif ġej:

12.

P. Pinckney, li huwa residenti f’Toulouse (Franza), isostni li huwa l-awtur, il-kompożitur u l-interpretu ta’ tnax-il kanzunetta rrekordjati fuq diski tal-Vinyl fis-snin sebgħin. Huwa skopra li dawk il-kanzunetti kienu ġew ikkupjati mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu fuq compact discs (iktar ’il quddiem “CD”) minn Mediatech fl-Awstrija, fejn din tal-aħħar hija rreġistrata. Dawn is-CDs kienu sussegwentement inbiegħu minn żewġ kumpanniji Ingliżi fuq diversi siti internet aċċessibbli, b’mod partikolari, fid-domiċilju ta’ P. Pinckney f’Toulouse.

13.

P. Pinckney fittex lil Mediatech quddiem it-tribunal de grande instance (qorti superjuri) f’Toulouse sabiex jiġi kkumpensat għad-danni li huwa kkunsidra li sofra minħabba l-ksur tad-drittijiet tal-awtur tiegħu. B’digriet tal-14 ta’ Frar 2008, l-imħallef tas-smigħ preliminari ta’ dik il-qorti sostna li kellu ġurisdizzjoni sabiex jisma’ l-każ, minkejja l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali mqajma minn Mediatech.

14.

Billi Mediatech appellat din is-sentenza, il-qorti tal-appell ta’ Toulouse ċaħdet il-ġurisdizzjoni tal-qrati Franċiżi, għar-raġuni li d-domiċilju tal-konvenuta kien fl-Awstrija u li l-post tat-twettiq tad-dannu ma setax kien fi Franza.

15.

P. Pinckney imbagħad ressaq appell sabiex din is-sentenza tiġi mħassra billi invoka l-ksur tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ April 2012, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li f’każ ta’ allegat ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq permezz ta’ kontenut impoġġi fuq l-internet f’sit tal-internet,

il-persuna li tqis li ġarrbet ksur għandha l-għażla li tressaq azzjoni għad-danni quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru fit-territorju li fih kontenut impoġġi fuq l-internet huwa jew kien aċċessibbli, bil-għan li jinkiseb kumpens għas-sempliċi dannu kkawżat fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha qed titressaq il-kawża,

jew

huwa barra minn hekk meħtieġ li dawn il-kontenuti jkunu jew kienu destinati lill-pubbliku li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, jew għandu jkun hemm rabta oħra ċara?

2) Għandha tingħata l-istess risposta [għall-ewwel domanda] jekk l-allegat ksur għad-drittijiet tal-awtur jirriżulta mhux mit-tpoġġija fuq l-internet ta’ kontenut żmaterjalizzat, iżda, bħal fil-każ preżenti, mit-tpoġġija fuq l-internet ta’ mezz materjali li jirriproduċi dan il-kontenut?”

16.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ April 2012. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn P. Pinckney, mill-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Awstrija u tal-Polonja, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saritx seduta.

IV – Analiżi

A – Fuq l-ammissibbiltà

17.

Sejjer nindirizza żewġ motivi ta’ inammissibbiltà rilevanti f’dan il-każ billi nieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, in-natura eċċezzjonali tad-deċiżjonijiet ta’ inammissibbiltà fil-materja tar-rinviji preliminari, li titnissel mill-prinċipju fundamentali ta’ kooperazzjoni tajba mal-qrati nazzjonali u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li dawn tal-aħħar jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl u skont il-bżonnijiet tal-kawża prinċipali.

18.

Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li d-domandi preliminari li jitressqu mill-qrati nazzjonali għandhom jiġu preżunti li huma rilevanti ( 8 ) u, f’dan ir-rigward, iċ-ċaħda tagħhom “mhix possibbli ħlief jekk jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb utilment għad-domandi li jkunu sarulha” ( 9 ). Issa, hekk jidher li huwa l-każ f’din il-kawża.

1. Id-deskrizzjoni insuffiċjenti tal-kuntest fattwali tal-kawża

19.

L-ewwel motiv ta’ inammissibbiltà, li ċertament ma ġie ssollevat minn ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura, imma li jista’ jitqajjem ex officio ( 10 ), jirrigwarda l-impossibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi li sarulha meħuda inkunsiderazzjoni d-deskrizzjoni insuffiċjenti tal-kuntest fattwali tal-kawża mill-qorti tar-rinviju. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi l-ebda informazzjoni dwar, b’mod partikolari, in-natura tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-kumpannija Awstrijaka u l-kumpanniji Ingliżi, il-kawżi paralleli li P. Pinckney possibbilment jista’ jiftaħ kontra dawn il-kumpanniji, l-attività tas-sit internet inkwistjoni, jew il-proċedura teknika tat-tpoġġija fuq l-internet tal-kontenut protett imsemmi fl-ewwel domanda.

20.

In-nuqqasijiet tad-deċiżjoni ta’ rinviju jirrendu iktar diffiċli l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonsisti fl-għoti ta’ risposta utili kemm jista’ jkun għad-domandi li jkunu saru, kif iċċarati mill-fatti tal-kawża. Madankollu, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex fl-impossibbiltà li tipproċedi bl-interpretazzjoni mitluba tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għaliex hija għandha, kif rikjest mill-ġurisprudenza, biżżejjed informazzjoni sabiex tiddetermina l-portata tad-domandi li saru ( 11 ), f’dan il-każ, id-definizzjoni tal-punt ta’ konnessjoni rilevanti fil-preżenza ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur. Għaldaqstant it-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex inammissibbli taħt dan il-kap.

2. L-assenza ta’ rilevanza tad-domandi li saru għall-eżitu tal-kawża prinċipali

21.

It-tieni motiv ta’ inammissibbiltà, li ġie mqajjem mill-Gvern tal-Awstrija u mill-Kummissjoni, jikkonċerna l-utilità tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-eżitu tal-kawża prinċipali, fid-dawl tal-assenza ta’ konnessjoni apparenti bejn id-domandi li saru u l-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju.

22.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li ma għandhiex tirrispondi għad-domandi preliminari meta l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex ser tiċċara l-eżitu fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari għaliex is-suġġett ta’ din il-kawża huwa differenti mis-suġġett tad-domandi li saru ( 12 ).

23.

Minn din il-perspettiva, il-partikularità ta’ din il-kawża hija li dan l-aspett tal-ammissibbiltà ma jistax jiġi pprospettat direttament imma jeħtieġ li qabel tiġi eżaminata s-sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fl-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, meta titressaq quddiemha kawża dwar ksur tad-drittijiet tal-awtur abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, qorti nazzjonali għandha qabel xejn tikkwalifika l-attivitajiet allegati fid-dawl tal-kunċetti awtonomi li jinsabu fid-Direttiva 2001/29 ( 13 ), sabiex issib wieħed mill-fatturi tar-responsabbiltà allegata fuq it-territorju tal-Istat Membru fejn hija għandha s-sede tagħha sabiex, jekk ikun il-każ, tikkonferma l-ġurisdizzjoni tagħha ( 14 ).

24.

Huwa għalhekk li, l-istess bħall-Kummissjoni, nikkunsidra li d-diversi drittijiet esklużivi tal-awtur rilevanti f’din il-kawża għandhom jiġu kkunsidrati b’mod distint u dan, minkejja l-kliem ġeneriku tad-domandi preliminari, li jirreferu b’mod indifferenzjat għad-“drittijiet tal-awtur”. Ladarba ssir din il-kwalifika, l-assenza ta’ konnessjoni bejn id-domandi li saru u l-kawża prinċipali tidher iktar ċara.

a) Il-kwalifika tal-atti ta’ ksur allegati b’relazzjoni mad-drittijiet esklużivi tal-awtur previsti mid-Direttiva 2001/29

25.

Fl-ewwel lok, fil-fehma tiegħi ma hemm l-ebda dubju li l-allegat ikkupjar fuq is-CD tax-xogħlijiet ikkonċernati, li allegatament twettaq minn Mediatech, jaqa’ taħt id-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29. F’dan ir-rigward, nippreċiża li fil-prinċipju, il-ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni għandu dimensjoni strettament territorjali. F’din il-kawża, f’dak li jikkonċerna l-ħruq tas-CD, dan it-territorju huwa l-Awstrija. Anki jekk l-awtur tar-riproduzzjoni ma huwiex awtorizzat jikkomunika jew jiddistribwixxi l-kontenut inkwistjoni wkoll f’pajjiżi oħra, kemm minnu nnifsu, kemm permezz ta’ kompliċi, l-extraterritorjalità li tirriżulta tkun il-konsegwenza ta’ atti ta’ komunikazzjoni jew ta’ distribuzzjoni ulterjuri, u mhux tal-att ta’ riproduzzjoni fih innifsu.

26.

Fit-tieni lok, f’dak li għandha x’taqsam l-allegata offerta fuq l-internet tas-CD imsemmija mill-kumpanniji Ingliżi, jiena tal-fehma li din taqa’ fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, tali offerta fuq l-internet għandha l-għan li tittrasferixxi l-proprjetà tal-medju materjali ta’ kontenut protett bid-dritt tal-awtur ( 15 ). Din il-kwalifika ma jidhirlix li tista’ tkun differenti skont jekk isseħħx f’ħanut jew fuq l-internet.

27.

Għaldaqstant, id-diffikultà hija fuq kollox li, fit-tielet lok, jiġi ddeterminat liema huma d-drittijiet esklużivi li jirrigwardaw it-tpoġġija fuq l-internet tal-kontenut protett bid-dritt tal-awtur f’forma dematerjalizzata, li tifforma s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari. F’dan ir-rigward, il-proċess tekniku inkwisjtoni, li ma huwiex identifikat mill-qorti tar-rinviju, jista’ jikkonsisti fi fluss kontinwu (“streaming”), fi tniżżil ta’ fajl minn server ċentrali, jew qsim ta’ fajl bejn żewġ utenti (“peer to peer”).

28.

Jidhirli li l-intenzjoni tal-leġiżlatur, espressa fil-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29, kienet dik li dawn il-proċessi kollha jidħlu fil-kamp tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, li jsemmi b’mod partikolari “kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom” ( 16 ). Barra minn hekk, fis-sentenza ITV Broadcasting et ( 17 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet riċentement li t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħlijiet inklużi f’xandira televiżiva terrestri mwettqa minn organizzazzjoni differenti mix-xandar oriġinali permezz ta’ fluss internet li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-abbonati li jistgħu jirċievu din it-trażmissjoni mill-ġdid billi jagħmlu konnessjoni mas-server tagħha (“live streaming”) taqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”.

29.

It-tpoġġija fuq l-internet tal-kanzunetti f’forma dematerjalizzata tista’ wkoll, jekk ikun il-każ, taqa’ fil-qasam tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, li jsemmi r-riproduzzjoni “temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma [li tkun]” ( 18 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan il-kunċett jista’ jiġi applikat għar-riproduzzjoni, anki jekk temporanja u parzjali, bil-ħażna informatika ta’ silta mix-xogħol protett ( 19 ). Jekk it-tpoġġija fuq l-internet tal-kanzunetti li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju għandha tikkostitwixxi att ta’ riproduzzjoni, jidhirli li dan għandu jkun lokalizzat fil-post tat-tpoġġija fuq l-internet (“upload”) ( 20 ).

30.

Minn dan isegwi li t-tliet drittijiet tal-awtur esklużivi transversali stabbiliti bid-Direttiva 2001/29 huma rilevanti fil-kawża prinċipali, b’mod li l-bażi tal-azzjonijiet kontra kull wieħed mill-ħatja ta’ ksur hija distinta u l-post tat-twettiq tal-atti li jistgħu jiġu attribwiti lilhom ivarja skont id-dritt ikkonċernat.

b) Il-konsegwenzi fuq ir-rilevanza tad-domandi preliminari

31.

Il-Gvern tal-Awstrija jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba kollha għal deċiżjoni preliminari fuq il-bażi tal-assenza ta’ konnessjoni bejn id-domandi li saru u l-kawża prinċipali, filwaqt li l-Kummissjoni tidher favur ammissibbiltà parzjali, għaliex tiddistingwi bejn id-domanda tal-ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ P. Pinckney, li għandha tiġi eżaminata, minn dik tal-ksur tad-dritt tiegħu ta’ distribuzzjoni, li tkun inammissibbli.

32.

F’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni invokat minn P. Pinckney, diġà spjegajt li l-atti tal-offerta fuq l-internet ta’ CD jew ta’ tpoġġija fuq l-internet tal-kontenut f’forma dematerjalizzata, li huma biss is-suġġett tad-domandi li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja, jaqgħu rispettivament taħt id-dritt ta’ distribuzzjoni u taħt id-dritt ta’ komunikazzjoni ( 21 ). Għaldaqstant, nikkunsidra li ma għandux isir eżami, mhux mitlub mill-qorti tar-rinviju, tal-kriterji ta’ definizzjoni tal-post tal-fatt dannuż bħala ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni, anke jekk jidher li dan huwa l-uniku dritt esklużiv li Mediatech setgħet kisret.

33.

Fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet ta’ distribuzzjoni u ta’ komunikazzjoni, nikkunsidra, hekk kif jirriżulta mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, li dan huwa każ ta’ kawża li fiha l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali.

34.

Fil-fatt, l-ewwel domanda preliminari titlaq mill-ipoteżi li kontenut dematerjalizzat tpoġġa fuq l-internet, kif ġie rrilevat mill-Gvern tal-Awstrija. Issa, jirriżulta kemm mill-espożizzjoni sommarja tal-kuntest fattwali li jinsab fid-domanda għal deċiżjoni preliminari kif ukoll minn qari a contrario tal-kliem tat-tieni domanda ( 22 ) li dan il-każ ma jikkorrispondix għall-fatti li wasslu għall-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. Skont ġurisprudenza ripetuta bosta drabi, għaldaqstant, ma għandhiex tingħata risposta għal din l-ewwel domanda ( 23 ).

35.

Ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lit-tieni domanda preliminari lanqas ma tista’ tkun utili għall-qorti tar-rinviju, billi din tal-aħħar għandha quddiemha mhux kawża dwar id-distribuzzjoni fuq l-internet ta’ CD minn fuq sit internet, imma kawża dwar ir-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet li jirriżultaw mill-ħruq ta’ CD fl-Awstrija.

36.

Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li l-offerta fuq l-internet tas-CD li hija s-suġġett tat-tieni domanda preliminari twettqet fuq l-inizjattiva tal-kumpanniji Ingliżi, li ma humiex parti fil-kawża prinċipali ( 24 ). Fil-verità, il-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi l-ebda element li jista’ jwassal sabiex jiġi ddeterminat jekk u sa fejn l-unika konvenuta fil-kawża prinċipali, Mediatech, kienet ipparteċipat direttament jew indirettament f’dawn l-atti ta’ distribuzzjoni jew ta’ komunikazzjoni bl-internet.

37.

F’dan ir-rigward, nirrileva li r-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lid-domandi li saru jistgħu jkunu utili għall-qorti tar-rinviju biss jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jippermetti li l-preżunta persuna responsabbli tal-allegat att ta’ ksur tista’ titressaq quddiem qorti li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru li ma hijiex domiċiljata fih, għall-motiv li allegat att ieħor ta’ ksur imwettaq minn terz li ma huwiex konvenut fil-kawża, seta’ pproduċa effett dannuż f’dan l-Istat Membru u li l-att tal-konvenut seta’ jirrendi possibbli l-atti sussegwenti mit-terz imsemmi.

38.

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet riċentement li tali ġurisdizzjoni, ibbażata fuq l-att preżunt illegali ta’ terz li ma huwiex konvenut, ma tistax tiġi stabbilita skont il-post tal-fatt dannuż imwettaq minn dan it-terz, sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ kawża diretta kontra allegat attur li ma jkunx aġixxa f’dik il-ġurisdizzjoni ( 25 ). Tali ġurisdizzjoni derivata lanqas ma tidher li teżisti fil-post tal-materjalizzazzjoni ta’ dannu riżultanti minn allegati atti ta’ terz li ma huwiex konvenut f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, għaliex il-post tad-dannu riżultanti minn ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni ta’ P. Pinckney jidher li huwa differenti minn dak tad-dannu riżultanti minn ksur tad-drittijiet tiegħu ta’ distribuzzjoni jew ta’ komunikazzjoni.

39.

Billi l-kwistjoni tad-definizzjoni tal-post tal-fatt li kkawża dannu fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 f’każ ta’ xandir transkonfinali permezz tal-internet ta’ mezzi materjali jew ta’ kontenut dematerjali li jirriproduċi x-xogħlijiet protetti, hija rilevanti biss fil-kuntest ta’ kawża kontra l-allegati atturi tal-imsemmija atti, fil-fehma tiegħi, iż-żewġ domandi preliminari ma jissodisfawx il-bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ( 26 ).

40.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation hija inammissibbli.

B – Proposti sussidjarji fuq il-mertu

41.

Billi qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala totalment inammissibbli, huwa biss sussidjarjament li sejjer neżamina d-definizzjoni tal-“post fejn twettaq il-fatt dannuż” għar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

42.

F’dan ir-rigward, ninnota li, wara l-introduzzjoni tat-talba mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tiddeċiedi fuq domandi simili għal dawk li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura f’oqsma oħra tal-proprjetà intellettwali, jiġifieri d-dritt tat-trade marks ( 27 ) u, inċidentalment, id-dritt sui generis tat-databases ( 28 ). Jekk il-linji gwida tal-ġurisprudenza f’dan il-qasam huma indubjament iktar ċari llum, il-preċiżazzjonijiet li jistgħu jingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-post ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur bl-internet sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni għadhom xorta waħda mistennija ( 29 ).

43.

Meħuda inkunsiderazzjoni ċerti osservazzjonijiet kontradittorji ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 30 ), jidhirli li huwa utili li nfakkar il-portata tal-prinċipju ta’ territorjalità li jikkaratterizza din il-materja qabel ma niġbed xi konklużjonijiet konkreti dwar il-ġurisdizzjoni f’każ ta’ ksur transkonfinali kumpless tad-drittijiet tal-awtur li jinvolvi l-internet, bħal dawk fl-ipoteżi msemmija mill-qorti tar-rinviju.

1. Fuq il-portata tal-prinċipju tad-dritt tal-awtur

44.

Il-prinċipju ta’ territorjalità tad-dritt tal-awtur huwa l-qofol fundamentali tar-relazzjoni bejn is-27 sistema nazzjonali differenti li huma msejħa sabiex jipproteġu b’mod parallel l-istess xogħol fl-Unjoni ( 31 ).

45.

Dan il-prinċipju, li jinfirex fid-dritt kollu tal-proprjetà intellettwali, jinqasam fit-tliet dimensjonijiet tal-ġurisdizzjoni, tal-liġi applikabbli u tad-dritt materjali. Kif jirriżulta mis-sentenza Football Dataco et iċċitata iktar ’il fuq, f’dan il-qasam teżisti rabta mill-qrib bejn kull wieħed minn dawn it-tliet aspetti ( 32 ).

46.

F’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni, inqis bħala l-punt tat-tluq li l-prinċipju ta’ territorjalità jimplika li l-qrati ta’ Stat Membru jistgħu jirrikonoxxu ksur tad-drittijiet tal-awtur biss u sa fejn it-territorju li fih għandhom is-sede tagħhom huwa kkonċernat. Madankollu din ir-rabta bejn it-territorju u l-ġurisdizzjoni tista’ tinkiser meta l-qorti jkollha ġurisdizzjoni għall-kawża kollha, irrispettivament mill-post tal-elementi tal-kawża, pereżempju meta l-ġurisdizzjoni tagħha hija bbażata fuq l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001 ( 33 ).

47.

Fir-rigward tal-kunflitt tal-liġijiet, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Rome II) ( 34 ), jistabbilixxi l-applikazzjoni esklużiva u inderogabbli tal-“liġi tal-pajjiż li għalih tkun intalbet il-protezzjoni” għall-obbligu mhux kuntrattwali riżultanti minn ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali li ma hijiex ta’ tip “Komunitarju ta’ natura unitarja” ( 35 ). Din ir-regola, li tibbaża ruħha fuq konnessjoni suġġettiva li torbot, fl-ewwel lok, l-għażla tal-liġi applikabbli għall-attur, tfisser li min jallega li wieħed mid-drittijiet tal-awtur jkun inkiser għandu jaqa’ taħt il-protezzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, għaliex ma jeżistix dritt tal-awtur barra minn tali leġiżlazzjoni ( 36 ). F’dan ir-rigward, l-imsemmija regola ta’ kunflitt, inqas tikkostitwixxi konsegwenza tal-prinċipju ta’ territorjalità milli waħda mill-manifestazzjonijiet tal-eżistenza tiegħu.

48.

Huwa għalhekk fil-livell tad-dritt materjali li l-ideja ta’ territorjalità tiżvolġi l-effetti kollha tagħha. Minn dan l-angolu, din tfisser li l-protezzjoni ta’ xogħol bid-dritt tal-awtur tiddependi fuq leġiżlazzjoni nazzjonali, kemm mill-perspettiva tar-rikonoxximent tagħha, li huwa suġġett għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, kif ukoll mill-perspettiva tal-estensjoni tagħha, li hija limitata għat-territorju kkonċernat ( 37 ). Fi kliem ieħor, id-dritt tal-awtur huwa suġġett, għall-eżistenza tiegħu kif ukoll għall-effetti tiegħu, għall-fruntieri ta’ ordni legali ( 38 ). Huwa f’dan l-istadju tar-raġunament li għandu jiġi ddeterminat il-kamp tal-applikazzjoni territorjali tal-protezzjoni prevista mid-dritt tal-awtur tal-Istat Membru li minnu tintalab il-protezzjoni ( 39 ).

49.

Jidher li huwa inkontestabbli li s-sistema ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, u tad-dritt tal-awtur b’mod partikolari, tibqa’, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni ( 40 ), iddominata fundamentalment mill-prinċipju ta’ territorjalità. Madankollu, il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġusitizzja mmitigat ċerti effetti negattivi tat-territorjalità tad-dritt tal-awtur sabiex tadattaha għar-realtà ta’ kuljum tax-xandir transkonfinali ta’ xogħlijiet protetti, u dan jikkonċerna kemm il-kriterji ta’ ġurisdizzjoni ( 41 ) kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet differenti ta’ proprjetà intellettwali fuq il-livell materjali ( 42 ).

50.

Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ intervent leġiżlattiv f’dan is-sens ( 43 ), jiena tal-fehma li dak il-ksur partikolari tad-drittijiet tal-awtur li jkun twettaq permezz tal-internet jimplika mhux rivoluzzjoni fl-approċċ klassikament territorjali ta’ din il-kategorija ta’ drittijiet, imma pjuttost definizzjoni ġdida tal-mod li bih timmanifesta ruħha r-rabta bejn imġiba virtwali u territorju partikolari ( 44 ).

2. Fuq il-qrati kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ allegat ksur ta’ diversi drittijiet esklużivi tal-awtur permezz tal-internet

a) Fuq il-kuntest tal-analiżi

51.

Jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli 2 u 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, li fil-materja ta’ kawżi mibdija fuq il-bażi tar-responsabbiltà delittwali, l-attur għandu l-għażla li tippermettilu li jressaq il-każ tiegħu kemm quddiem il-qorti tal-Istat li fih huwa domiċiljat il-konvenut, kif ukoll quddiem il-qrati tal-Istat li fih huwa sitwat “il-post fejn l-effett tal-ħsara [tad-dannu] jkun twettaq” jew “jista’ jitwettaq”.

52.

Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tieni kap ta’ ġurisdizzjoni jinqasam f’żewġ partijiet, jiġifieri, minn naħa, “il-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, u min-naħa l-oħra, “il-post tal-fatt kawżali li ta lok għad-danni, b’mod li l-konvenut jista’ jitħarrek, fuq għażla tal-attur, quddiem it-tribunal ta’ wieħed jew l-ieħor minn fost dawn iż-żewġ postijiet” ( 45 ). Jeħtieġ li jiġu kkontemplati suċċessivament kemm wieħed kif ukoll l-ieħor minn dawn il-punti ta’ konnessjoni fil-fattispeċje inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

b) Fuq il-post ta’ ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni

53.

Preċedentement indikajt li fil-prinċipju l-ksur tad-dritt ta’ riproduzzjoni tal-awtur ma għandu l-ebda natura transkonfinali, għaliex il-post tal-fatt li joħloq u dak tal-effett tad-danni huma identiċi. Fil-fatt, id-dannu li jirriżulta mill-ksur ta’ dritt ta’ riproduzzjoni jitwettaq interament bil-fatt waħdu tat-twettiq tal-att ta’ riproduzzjoni u għalhekk iseħħ fl-istess post ta’ dan l-att ( 46 ).

54.

Isegwi li huma biss il-qrati Awstrijaċi jew Ingliżi li fil-prinċipju għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-konsegwenzi legali tal-ħruq tas-CD fl-Awstrija, jew tal-preżunta tpoġġija fuq l-internet tal-kanzunetti fir-Renju Unit, permezz tar-reġistrazzjoni ta’ kopja fuq is-server ċentrali konness mal-internet ( 47 ), u tad-dannu konsegwenti għalihom.

c) Fuq il-post ta’ ksur tad-drittijiet ta’ distribuzzjoni jew ta’ komunikazzjoni

55.

Għall-kuntrarju, il-ksur tad-drittijiet ta’ distribuzzjoni u ta’ komunikazzjoni jista’ jintroduċi element ta’ estraneità li jwassal għal trażlokazzjoni tal-elementi tar-responsabbiltà allegata u, konsegwentement, għal separazzjoni tal-punti ta’ konnessjoni differenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, id-dannu riżultanti minn ksur tad-drittijiet ta’ distribuzzjoni jew ta’ komunikazzjoni jippresupponi destinatarju jew pubbliku potenzjali, li jista’ jkun jinsab f’post differenti minn dak tal-att imsemmi.

56.

Issa, fil-preżenza ta’ ksur transkonfinali tad-drittijiet tal-awtur permezz tal-internet, id-determinazzjoni tal-“post tal-fatt dannuż” ma jidhirx li għandha tosserva prinċipji fundamentalement differenti skont jekk ikunx il-każ ta’ ksur ta’ wieħed jew ieħor minn dawn id-drittijiet ( 48 ). Għalhekk, l-istess bħall-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inqis li għandha tingħata l-istess risposta għaż-żewġ domandi li saru, kieku dawn kienu ammissibbli.

i) Il-post tal-fatt kawżali

57.

F’dak li jikkonċerna l-post tal-fatt kawżali, li jattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qorti rigward id-danni kollha subiti ( 49 ), nikkunsidra li fil-qasam ta’ drittijiet tal-awtur għandu jiġi adottat l-istess approċċ bħal dak adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Wintersteiger, iċċitata iktar ’il fuq, fil-qasam tad-dritt tat-trade marks ( 50 ), li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-post tal-istabbiliment tal-awturi preżunti tal-fatt dannuż bħalma huwa l-post fejn kienet ġiet deċiża l-offerta tas-CD fuq l-internet – għall-att ta’ distribuzzjoni – jew tat-tpoġġija tal-kanzunetti fuq l-internet (“upload”) – għall-att ta’ komunikazzjoni.

58.

Kemm f’każ kif ukoll fl-ieħor, dan il-kriterju jwassal, f’din il-kawża, sabiex jiġu indikati l-qrati Ingliżi tal-post tal-istabbiliment tal-kumpanniji inkwistjoni, u għalhekk jippreżenta biss interess limitat għall-attur b’relazzjoni għar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali li tirriżulta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

ii) Il-post fejn l-effett tad-dannu jkun twettaq

59.

Minħabba l-preżenza tax-xandir permezz tal-internet ta’ xogħlijiet mużikali ffalsifikati, id-diffikultà ewlenija hija li jiġi stabbilit il-post fejn l-effett tad-dannu jkun twettaq bħala riżultat ta’ atti ta’ komunikazzjoni jew ta’ distribuzzjoni fuq l-internet. F’dan ir-rigward, il-multipliċità tal-interpretazzjonijiet proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura ( 51 ) tirrifletti s-soluzzjonijiet diverġenti adottati mill-qrati tal-Istati Membri ( 52 ) u l-proposti dottrinali numerużi li saru f’dan il-qasam ( 53 ).

60.

Madankollu jidhirli li l-prinċipji sabiex jiġu riżolti dawn id-diffikultajiet issa ħarġu b’mod ċar mill-iżviluppi riċenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

61.

Fir-rigward tad-dritt sostantiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha diversi drabi fuq il-kriterji ta’ lokalizzazzjoni tal-ksur ta’ drittijiet differenti ta’ proprjetà intellettwali permezz tal-internet sabiex jiġi ddeterminat il-kamp territorjali tad-dritt li tiegħu tintalab il-protezzjoni fid-dawl tar-realtà tar-rabta eżistenti bejn il-ksur allegat tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u t-territorju inkwistjoni. F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja sistematikament ippreferiet kriterju bbażat fuq id-direzzjoni tal-attività tas-sit inkwistjoni lejn il-pubbliku fl-Unjoni jew ta’ Stat Membru, rispettivament ( 54 ). Riċentement hija ppreċiżat il-kontenut ta’ dan il-kriterju billi indikat li l-attività tas-sit għandha turi “l-intenzjoni tal-awtur tagħha li jitfa’ l-mira tiegħu fuq il-persuni li jinsabu f’dan it-territorju” ( 55 ). Ninnota li din il-kundizzjoni ta’ immirar tapplika irrispettivament mill-mezz materjali jew immaterjali tal-ksur allegat ( 56 ).

62.

Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ġietx mitluba tiddeċiedi direttament dwar il-kriterji ta’ lokalizzazzjoni tal-effett tad-dannu sabiex tiġi indikata l-qorti kompetenti f’każ ta’ allegat ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali li ma huwiex irreġistrat permezz tal-internet ( 57 ). Issa, huwa ovvju li s-soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-livell tad-dritt sostantiv ma jistgħux jiġu applikati awtomatikament għar-regoli li jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni.

63.

Madankollu, tali soluzzjonijiet jistgħu utilment jispiraw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, peress li hemm interess partikolari li dan isir. Issa, jidhirli li mis-sentenza Football Dataco et, iċċitata iktar ’il fuq, tirriżulta tfittxija għal konsistenza fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija tradotta fl-allinjament tal-kriterji ta’ lokalizzazzjoni sabiex tiġi indikata l-qorti kompetenti ma’ dawk definiti għall-għanijiet ta’ delimitazzjoni tal-kamp territorjali ta’ sistema nazzjonali ta’ protezzjoni tad-dritt sui generis fuq id-databases. Fil-fatt, mistoqsija dwar il-lokalizzazzjoni ta’ att ta’ trażmissjoni ta’ data, skont l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón irrispettivament mill-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 44/2001, ikkunsidrat li “l-kwistjoni tal-lokalizzazzjoni tal-atti tat-trażmissjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li Football Dataco et jallegaw li kkawżaw dannu lill-investiment sostanzjali ddedikat għall-ħolqien tad-database Football live, tista’ tinfluwenza dik tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju” ( 58 ).

64.

F’dan il-każ, fir-rigward ta’ allegat ksur ta’ ċerti drittijiet esklużivi tal-awtur permezz tal-internet, jidhirli li l-approċċ tal-lokalizzazzjoni żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-livell sostantiv fis-sentenzi msemmija hawn fuq jista’ jiġi segwit ukoll sabiex jiġi stabbilit il-post fejn ikun twettaq l-effett tad-dannu għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, din l-analiżi hija msaħħa bin-natura stess tad-dannu riżultanti minn ksur tad-drittijiet ta’ distribuzzjoni u ta’ komunikazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2001/29. Billi dan jissarraf f’telf ta’ gwadann minħabba x-xandir mhux awtorizzat tax-xogħlijiet, jidhirli li huwa f’loku li jiġi ppreferut forum li jiġi stabbilit wara analiżi tad-direzzjoni tal-attività lejn pubbliku partikolari mis-sit internet inkwistjoni, approċċ ikkwalifikat bid-duttrina tat-teorija tal-“punt fokali” ( 59 ). Il-forum li jiġi hekk magħżul ikollu biss ġurisdizzjoni limitata għad-danni li seħħew fit-territorju ( 60 ) intenzjonalment immirat mill-preżunt awtur tal-ksur ( 61 ).

65.

Barra minn hekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonferma dan l-orjentament u testendi d-drittijiet tal-awtur, billi jiena diġà sostnejt li mill-prinċipju ta’ territorjalità tirriżulta rabta partikolari bejn il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-ġurisdizzjoni, għalkemm dawn iż-żewġ aspetti jibqgħu distinti minn xulxin u irriduċibbli għal xulxin ( 62 ).

66.

Għall-implimentezzjoni ta’ tali konnessjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tispira ruħha mill-kriterji mhux eżawrjenti stabbiliti fis-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof ( 63 ), billi jiġi ppreċiżat li l-kriterji msemmija jidher li għandhom jiġu applikati mill-qrati nazzjonali b’ċerta flessibbiltà, billi tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tal-attività inkwistjoni.

67.

Għandu jkun hemm preċiżazzjoni oħra dwar in-neċessità li tiġi adattata l-portata tal-kap ta’ ġurisdizzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għad-dannu subit permezz tal-internet. Fil-prinċipju, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament iwasslu sabiex tiġi indikata qorti preċiża, li għandha ġurisdizzjoni partikolari, u mhux il-qrati kollha ta’ Stat Membru ( 64 ). Madankollu, billi l-punt ta’ konnessjoni applikat għandu jkun id-direzzjoni tal-attività tas-sit internet, nikkunsidra li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament imsemmi għandu jiġi interpretat fis-sens li jattribwixxi ġurisdizzjoni lil kull waħda mill-qrati tal-Istat Membru li l-pubbliku tiegħu huwa mmirat ( 65 ), bil-kundizzjoni li dawn ikollhom, skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali, ġurisdizzjoni ratione materiae fuq il-kawża dwar id-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, tali ġurisdizzjoni tista’ teżisti biss mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali speċjali li jirriżervaw il-kawżi dwar danni lokalizzati f’iktar minn post wieħed għal ċerti qrati, pereżempju dawk tal-belt kapitali nazzjonali.

68.

Nippreċiża li l-kriterju tal-aċċessibbiltà, li jqis li dannu potenzjali jista’ jitwettaq fil-postijiet kollha li fihom ikun hemm aċċess għas-sit inkwistjoni, jidher li għandu jiġi skartat. Fil-fatt, tali punt ta’ konnessjoni jkun jinkoraġġixxi l-forum shopping, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li b’mod konsistenti ppruvat trażżan dan ir-riskju fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Barra minn hekk ninnota li l-kriterju tal-post fejn tintalab il-protezzjoni, propost minn P. Pinckney, ikun iwassal għall-istess tixrid tal-kawża bħal dak tal-aċċessibbiltà, meħuda inkunsiderazzjoni n-natura awtomatika tal-protezzjoni tad-dritt tal-awtur fl-ordni ġuridiku tal-Istati Membri kollha. Jiena kontra tali multiplikazzjoni tal-fora kompetenti kemm għal raġunijiet marbuta mal-prinċipju ta’ territorjalità kif ukoll għall-għanijiet ta’ previdibbiltà u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tar-regolament imsemmi ( 66 ).

69.

P. Pinckney jipproponi alternattiva konsistenti fl-estensjoni tal-kriterju tar-rabta taċ-ċentru tal-interessi tal-vittma wara s-sentenza eDate Advertising u Martinez, iċċitata iktar ’il fuq, għall-ksur tad-drittijiet patrimonjali tal-awtur imwettqa fuq l-internet, li jippermetti konċentrazzjoni tad-deċiżjoni tat-tilwima billi jattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ dan il-post rigward id-danni kollha. Jidhirli li din l-għażla tkun tikkontribwixxi sabiex tiġġeneralizza l-ġurisdizzjoni tal-forum actoris. Interpretazzjoni bħal din tista’ ċċaħħad kull effett utili lill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001, u tiżnatura l-intenzjoni tal-leġiżlatur espressa fir-rekwiżit ta’ rabta mill-qrib bejn il-kawża u l-forum speċjali tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament.

70.

Fil-fatt, id-dannu immaterjali potenzjali li jirriżulta minn ksur tar-reputazzjoni jew tal-ħajja privata ta’ individwu hija, bħala regola ġenerali, iktar intensa fil-post fejn dan għandu ċ-ċentru tal-interessi tiegħu, fattur li naturalment jirrifletti fuq ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni. Għall-kuntrarju, “din l-evalwazzjoni […] ma tkunx tiswa wkoll sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni f’dak li jikkonċerna l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali” ( 67 ). Fil-fatt, id-dannu materjali li jirriżulta mill-ksur ta’ wieħed mid-drittijiet tal-awtur esklużivi msemmija hawn fuq ma jwassalx għal rabta obbligatorja mal-post taċ-ċentru tal-interess tal-awtur, imma pjuttost ma’ dik tal-pubbliku tiegħu ( 68 ).

71.

Għaldaqstant, sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddikjara t-talba għal deċiżjoni preliminari ammissibbli, nipproponi li tingħata risposta konġunta għad-domandi preliminari li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li f’każ ta’ kawża dwar allegat ksur tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni bl-offerta fuq l-internet ta’ mezz materjali li jirriproduċi kontenut protett mid-dritt tal-awtur jew mid-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni bit-tpoġġija fuq l-internet ta’ kontenut dematerjalizzat, il-persuna li tqis li subiet dannu tista’ tirrikorri kemm għall-qorti tal-post ta’ stabbiliment tal-persuni li jkunu wettqu l-offerta fuq l-internet tal-compact disks (CD) jew it-tpoġġija fuq l-internet tal-kontenut, sabiex titlob kumpens għad-danni kollha subiti, kif ukoll, għall-qrati tal-Istat Membru li lejh hija immirata l-attività tas-sit inkwistjoni sabiex jintalab il-kumpens għad-danni subiti f’dan it-territorju.

V – Konklużjoni

72.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation hija inammissibbli.

73.

Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tiddikjara t-talba għal deċiżjoni preliminari ammissibbli, nipproponi li tingħata risposta konġunta għad-domandi preliminari li saru mill-Cour de cassation, hekk kif ġej:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li f’każ ta’ kawża dwar allegat ksur tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni bl-offerta fuq l-internet ta’ mezz materjali li jirriproduċi kontenut protett mid-dritt tal-awtur jew mid-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni bit-tpoġġija fuq l-internet ta’ kontenut dematerjalizzat, il-persuna li tqis li subiet dannu tista’ tirrikorri kemm għall-qorti tal-post ta’ stabbiliment tal-persuni li jkunu wettqu l-offerta fuq l-internet tal-compact disks (CD) jew it-tpoġġija fuq l-internet tal-kontenut, sabiex titlob kumpens għad-danni kollha subiti, kif ukoll, għall-qrati tal-Istat Membru li lejh hija immirata l-attività tas-sit inkwistjoni sabiex jintalab il-kumpens għad-danni subiti f’dan it-territorju.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

( 3 ) Is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011 (C-324/09Ġabra p. I-6011).

( 4 ) Is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011 (C-509/09 u C-161/10, Ġabra p. I-10269).

( 5 ) Ninnota li ma kien hemm l-ebda tibdil sostanzjali fid-dispożizzjonijiet rilevanti fl-okkażjoni tar-reviżjoni tar-Regolament Nru 44/2001 bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1).

( 6 ) Il-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet sussegwenti għall-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda għal din il-Konvenzjoni, tiswa wkoll għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Nru 44/2001, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, punti 31 u 32).

( 7 ) ĠU L 167, p. 10. Meħud inkunsiderazzjoni l-kliem tad-domandi preliminari, li jirreferu biss għad-drittijiet tal-awtur, id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet relatati ma humiex riprodotti, u dan għalkemm P. Pinckney jista’ jgawdi mill-protezzjoni stabbilita b’uħud minnhom bħala allegat interpretu tax-xogħlijiet mużikali.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Unió de Pagesos de Catalunya (C-197/10, Ġabra p. I-8495, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Peress li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, bħal kull qorti oħra, li tivverifika l-kompetenza tagħha, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2010, Fluxys (C-241/09, Ġabra p. I-12773, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Raccanelli (C-94/07, Ġabra p. I-5939, punt 29).

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C-92/09 u C-93/09, Ġabra p. I-11063, punti 40 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Donner (C‑5/11, Ġabra, punt 25).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, J. Fawcett u P. Torremans, Intellectual Property and Private International Law, Oxford University Press, 2011, p. 561 Nru 10.86 u p. 564 Nru 10.95.

( 15 ) Din il-klassifika hija msaħħa bil-premessa 29 tad-Direttiva 2001/29, li tipprekludi s-servizzi fuq l-internet għal medja fiżiċi, hija stess ibbażata fuq id-“Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikoli 6 u 7” tat-Trattat WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur (WCT) adottata f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996, approvata mill-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2000, dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208.

( 16 ) Għall-kuntrarju, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft (C‑128/11) ma jidhirx li jista’ jiġi traspost għal din il-kawża. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma għandhiex issir differenza bejn it-tniżżil ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter minn fuq is-sit internet u l-qari tiegħu minn fuq CD‑ROM, billi kemm wieħed kif ukoll l-ieħor minn dawn il-proċessi jaqgħu fil-kunċett ta’ “distribuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, p. 16). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet insistiet fuq il-partikularità ta’ dak l-eżitu fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, lex specialis fil-konfront tad-Direttiva 2001/29 li hija rilevanti f’din il-kawża (punti 51, 56 u 60 tal-imsemmija sentenza).

( 17 ) Is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013 (C‑607/11).

( 18 ) Skont l-Artikolu 9(3) tal-konvenzjoni għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet litterarji u artistiċi ffirmata f’Berne fid-9 ta’ Settembru 1886, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berne”), “kull reġistrazzjoni ta’ ħoss jew viżiva għandha tiġi kkunsidrata bħala riproduzzjoni”. Madankollu, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 jagħti eżempji ta’ riproduzzjoni temporanja “li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku”, “li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti”, b’kundizzjoni marbuta mal-għan tagħhom, li għandu jkun “trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedjarju” jew “użu legali”.

( 19 ) Is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C-5/08, Ġabra p. I-6569, punt 51).

( 20 ) Ara f’dan is-sens, U. Magnus, u P. Mankowski, European Commentaries on Private International Law, Brussels I Regulation, Tieni edizzjoni, Sellier, München, 2012, Nru 226, p. 250. L-internet jippermetti ċ-ċirkulazzjoni tal-kontenut lil hinn mill-fruntieri imma l-att ta’ trasferiment tal-fajls innifsu jista’ jkun lokalizzat. Fil-każ imsemmi mill-qorti tar-rinviju, l-att ta’ riproduzzjoni huwa ta’ natura “teknika”, fis-sens li jeżisti biss għas-servizz ta’ att ieħor, f’dan il-każ att ta’ komunikazzjoni li jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29.

( 21 ) Jekk it-tpoġġija fuq l-internet tal-kontenut dematerjalizzat teorikament tista’ tirrikjedi l-produzzjoni ta’ kopja diġitali u taqa’ wkoll taħt id-dritt ta’ riproduzzjoni, sa fejn din ir-riproduzzjoni ma hijiex koperta bl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, kif spjegajt fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma iniex sejjer neżamina dan l-aspett iktar ’il quddiem, meħuda inkunsiderazzjoni n-natura purament ipotetika tiegħu fil-konfront tad-domandi li saru.

( 22 ) Li jipprekludi t-tpoġġija fuq l-internet ta’ kontenut dematerjalizzat fil-każ, “bħal f’dan il-każ, tal-offerta fuq l-internet ta’ mezz materjali” (enfażi miżjud minni).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera (C-466/04, Ġabra p. I-5341, punt 51) u tat-2 ta’ April 2009, Elshani (C-459/07, Ġabra p. I-2759, punt 44).

( 24 ) Inżid li jirriżulta mill-appell ta’ P. Pinckney anness mat-talba għal deċiżjoni preliminari li quddiem il-Qorti Franċiża dan ma invokax il-kompliċità tal-kumpannija Awstrijaka fl-attivitajiet tal-kumpanniji Ingliżi.

( 25 ) Is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer (C‑228/11).

( 26 ) Skont il-formulazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries (C-18/93, Ġabra p. I-1783, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, iċċitata iktar ’il fuq (punti 41 u 42); tas-16 ta’ Ottubru 2008, Kirtruna u Vigano (C-313/07, Ġabra p. I-7907, punti 30 u 31), kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (C-567/07, Ġabra p. I-9021, punti 45 u 46).

( 27 ) Is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger (C‑523/10).

( 28 ) Fis-sens tal-Kapitolu III tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459), fis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Football Dataco et (C‑173/11).

( 29 ) Ara, biex tintwera l-multipliċità tal-interpretazzjonijiet tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, M.‑E. Ancel, “Quel juge en matière de contrefaçon?”, f’ C. Nourissat, É. Treppoz, (éd.), Droit international privé et proprietè intellectuelle, Lamy, 2010, p. 173; E. Treppoz, “Droit européen de la proprietè intellectuelle”, RTDE 47 (4), Ottubru‑Diċembru 2011, p. 847; T. Azzi, kummentarju tas-sentenza Cass. Civ. 1ère, 12 ta’ Lulju 2012, Nru 11‑15.165, Journal du droit international (Clunet), Nru 1, Jannar 2013, 2, Nri 22 et seq.

( 30 ) Il-Gvern tal-Polonja jirreferi għan-natura universali tal-protezzjoni tad-dritt tal-awtur fl-Unjoni, filwaqt li P. Pinckney u l-Kummissjoni jsostnu li l-prinċipju ta’ territorjalità jiddomina din il-materja.

( 31 ) U dan, minkejja l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tiegħu bis-seba’ direttivi ta’ portata settorjali jew ġenerali adottati fl-Unjoni wara l-1991. Ara, fuq dan is-suġġett, il-punt 3 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Amazon.com International Sales et (C‑521/11), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 32 ) F’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja, li kellha quddiemha domanda dwar il-lokalizzazzjoni ta’ att ta’ “użu mill-ġdid” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9, qieset li huwa neċessarju li jsir raġonament konġunt fuq il-livelli materjali u tad-dritt internazzjonali privat.

( 33 ) Jiena tal-opinjoni li tali kompetenza ġenerali teżisti fil-materja ta’ proprjetà intellettwali, kif jissuġġerixxi l-punt 30 tas-sentenza Wintersteiger, iċċitata iktar ’il fuq, li jgħid li “l-limitazzjoni territorjali tal-protezzjoni ta’ trade mark nazzjonali ma tistax teskludi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati oħra barra dawk tal-Istat Membru fejn tkun irreġistrata dik it-trade mark”.

( 34 ) ĠU L 199, p. 40.

( 35 ) Din is-soluzzjoni, “rikonoxxuta universalment” skont il-premessa 26 tal-imsemmi regolament, hija konformi ma’ dik prevista fl-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berne.

( 36 ) P. Huber u M. Illmer, Rome II Regulation, Sellier, München, 2011, paragrafi 29 sa 31 u 34 tal-Artikolu 8, p. 241.

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005 Lagardère Active Broadcast (C-192/04, Ġabra p. I-7199, punt 46). Għandu jingħad ukoll li jeżistu sistemi reġjonali ta’ liġijiet ta’ proprjetà intellettwali, bħalma huma t-trade marks u tal-Benelux.

( 38 ) Għandu jiġi ppreċiżat li jirriżulta mill-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berne, li x-xogħlijiet u l-awturi barranin igawdu l-istess protezzjoni bħal dawk nazzjonali.

( 39 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Football Dataco et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).

( 40 ) Il-Kummissjoni qiegħda attwalment tistudja l-fattibbiltà ta’ reviżjoni tad-dritt tal-awtur tal-Unjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tat-territorjalità [COM(2012) 789 finali].

( 41 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wintersteiger, kif ukoll Football Dataco et.

( 42 ) Ara, fir-rigward ta’ ksur tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ bejgħ mill-bogħod transkonfinali, sentenza Donner, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll fir-rigward tal-ksur fuq l-internet ta’ trade marks nazzjonali Komunitarji, is-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq.

( 43 ) Ara, fil-materja tax-xandir bil-cable u satellita, li fil-prinċipju jippreżenta l-istess diffikultajiet dwar il-post bħall-internet, il-punt uniku ta’ konnessjoni adottat mil-leġiżlatur Komunitarju sabiex jiċċentralizza l-liġi applikabbli, l-istħarriġ u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur applikabbli għalihom fi Stat [Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134)].

( 44 ) B’hekk, fil-materja ta’ ksur tad-drittijiet tal-personalità, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat il-kriterji stabbiliti fis-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C-68/93, Ġabra p. I-415) għall-każ partikolari tax-xandir bl-internet fis-sentenza eDate Advertising u Martinez, iċċitata iktar ’il fuq.

( 45 ) Din l-għażla ġiet stabbilita bis-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, Ġabra p. 1735, punt 19), u ġiet ribadita diversi drabi, b’mod partikolari, fis-sentenza Folien Fischer u Fofitec, iċċitata iktar ’il fuq (punti 39 u 40).

( 46 ) Għandu jitfakkar li jirriżulta mis-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari (C-364/93, Ġabra p. I-2719, punt 15) u tal-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer (C-168/02, Ġabra p. I-6009, punt 20) li l-post taċ-“ċentru tal-patrimonju tal-vittima” fejn finalment jinħassu l-effetti ta’ kull dannu ekonomiku, ma jikkkostitwixxix il-post tal-effett tad-dannu.

( 47 ) Jekk jiġi preżunt li l-proċess tekniku effettivament jammonta għal riproduzzjoni.

( 48 ) J. Fawcett u P. Torremans, iċċitati iktar ’il fuq, p. 575, Nru 10.157.

( 49 ) Dan jirriżulta mill-punt 25 tas-sentenza Shevill et, iċċitata iktar ’il fuq, u ġie kkonfermat fis-sentenza Wintersteiger, iċċitata iktar ’il fuq, minkejja l-prinċipju ta’ territorjalità fil-materja ta’ ksur tad-dritt tat-trade marks (punt 30).

( 50 ) Punt 37 tas-sentenza msemmija.

( 51 ) Kważi l-partijiet kollha fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġusitizzja pproponew punt ta’ konnessjoni differenti; P. Pinckney waħdu ssuġġerixxa tliet definizzjonijiet alternattivi differenti.

( 52 ) Ara, b’mod partikolari, favur ġurisdizzjoni minħabba l-aċċessibbiltà waħedha tas-sit internet li permezz tiegħu seħħ il-ksur tad-dritt tal-awtur, fl-Isvezja, id-deċiżjoni tal-iSvea hovrätt tal-4 ta’ Frar 2008 (RH 2008:4); kuntrarjament, fil-Ġermanja, id-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Köln (30.10.2007, GRUR‑RR 2008, 71) li jirrikjedi direzzjoni intenzjonali tal-attività tas-sit internet. Għall-preżentazzjoni tal-eżiti adottati fl-Istati Uniti, ara J. Hörnle, “The jurisdictional challenge of the Internet”, f’L. Edwards, Law and the Internet, Hart Publishing, Oxford, 2009, p. 143.

( 53 ) Id-dritt internazzjonali privat dwar il-proprjetà intellettwali, u dwar id-dritt tal-awtur b’mod partikolari, qajjem interess dottrinali qawwi matul dawn l-aħħar ħmistax-il sena, li huwa konkretizzat bit-tfassil ta’ metodi differenti ta’ deċiżjoni ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni. Ara, b’mod partikolari, dwar il-kapi ta’ ġurisdizzjoni alternattivi għad-domiċilju tal-konvenut, il-prinċipji CLIP tal-grupp Ewropew tal-Max Planck Institute dwar il-kunflitt ta’ liġijiet fil-materja ta’ proprjetà intellettwali (Artikoli 2:202 u 2:203) kif ukoll il-prinċipji dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali, id-dritt applikabbli u s-sentenzi fil-kawżi ċivili transnazzjonali fil-materja ta’ proprjetà intellettwali adottati mill-American Law Institute (ALI) (Artikolu 204), evokati, b’mod partikolari, minn A. Metzger, “Jurisdiction in Cases Concerning Intellectual Property Infringements on the Internet”, f’S. Leible, u A. Ohly, Intellectual Property and Private International Law, Mohr Siebeck, Tübingen, 2009, p. 251.

( 54 ) Ara, fir-rigward tat-trade marks nazzjonali u Komunitarji, is-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 65); fir-rigward ta’ allegat ksur tad-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni tal-awtur, is-sentenza Donner, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27), kif ukoll, fir-rigward tal-ksur tad-dritt sui generis fuq id-databases, is-sentenza Football Dataco et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39).

( 55 ) Is-sentenza Football Dataco et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39).

( 56 ) Billi s-sentenza Donner, iċċitata iktar ’il fuq, kienet ittrattat l-operazzjonijiet ta’ bejgħ transkonfinali ta’ mobbli, filwaqt li s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq L’Oréal et kif ukoll Football Dataco et, kienu jikkonċernaw attivitajiet fuq l-internet.

( 57 ) Għal raġunijiet evidenti marbuta mal-karattru awtomatiku tal-protezzjoni tad-dritt tal-awtur, il-kriterju tal-post ta’ reġistrazzjoni bħala l-post tat-twettiq tad-danni stabbilit mill-Qorti tal-Ġusitizzja għall-ksur tat-trade marks nazzjonali permezz tal-internet fis-sentenza Wintersteiger, iċċitata iktar ’il fuq, ma għandux jiġi applikat għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur.

( 58 ) Punt 2 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón, ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Football Dataco et, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll il-punt 30 tal-imsemmija sentenza.

( 59 ) Dwar dan, ara wkoll il-punti 49 sa 55 tal-konklużjonijiet ippreżentati minni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Stichting de Thuiskopie (C-462/09, Ġabra p. I-5331).

( 60 ) L-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn ikun twettaq l-effett tad-dannu hija limitata għad-danni li seħħew fuq it-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni (is-sentenza Shevill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 30).

( 61 ) Kriterju definit fil-punt 39 tas-sentenza Football Dataco et, iċċitata iktar ’il fuq.

( 62 ) Għall-analiżi dottrinali li jenfażizzaw l-interess ta’ approċċ konġunt ta’ dawn l-aspetti, ara, b’mod partikolari H. Gaudemet‑Tallon, “Droit international privé de la contrefaçon: aspects actuels”, Recueil Dalloz, 2008, paragrafu 8 ta’ p. 725; M. Vivant, Lamy Droit du Numérique, Lamy, 2012, Nru 2383; u T. Azzi, op. cit., paragrafu 24.

( 63 ) Is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010 (C-585/08 u C-144/09, Ġabra p. I-12527, punti 78 sa 89). Kriterji kif applikati, b’mod partikolari fil-punti 40 sa 43 tas-sentenza Football Dataco et, iċċitata iktar ’il fuq.

( 64 ) Bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(6) ta’ dan ir-Regolament. Ara, f’dan is-sens, il-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li wasslet għas-sentenza Melzer, iċċitata iktar ’il fuq.

( 65 ) Ex ipotesi, id-direzzjoni tal-attività tas-sit tkun ta’ spiss immirata lejn il-pubbliku ta’ Stat iktar milli lejn dak taċ-ċittadini ta’ qorti partikolari.

( 66 ) Ara, għal kritika ta’ tali konnessjoni, A. Lopez‑Tarruella, “The International Dimension of Google Activities: Private International Law and the Need of Legal Certainty”, Google and the Law, Springer, La Haye, 2012, p. 329.

( 67 ) Is-sentenza Wintersteiger, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).

( 68 ) Ara, ukoll, il-punt 20 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża li wasslet għas-sentenza Wintersteiger, iċċitata iktar ’il fuq.