27.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-5 ta’ Marzu 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Østre Landsret – id-Danimarka) – Copydan Båndkopi vs Nokia Danmark A/S

(Kawża C-463/12) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati - Direttiva 2001/29/KE - Artikoli 5(2)(b) u 6 - Dritt ta’ riproduzzjoni - Eċċezzjoni - Ikkopjar għal użu privat - Riproduzzjonijiet magħmula bl-għajnuna ta’ karti tal-memorja tat-telefons ċellulari - Kumpens ġust - Tariffa fuq il-mezzi - Ugwaljanza fit-trattament - Rimbors tat-tariffa - Dannu minimu))

(2015/C 138/02)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Copydan Båndkopi

Konvenuta: Nokia Danmark A/S

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-ikkopjar għal użu privat, fir-rigward ta’ mezzi multifunzjonali, bħall-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari, kemm jekk dawn il-mezzi jkollhom u kemm jekk ma jkollhomx bħala funzjoni prinċipali t-twettiq ta’ tali kkopjar, sakemm waħda mill-funzjonijiet tal-imsemmija mezzi, anki jekk tkun sekondarja, tippermetti lid-detenturi tagħhom jużawhom għal dan l-għan. Madankollu, in-natura prinċipali jew sekondarja ta’ din il-funzjoni u l-importanza relattiva tal-kapaċità tal-mezz li jwettaq riproduzzjonijiet jista’ jkollhom effett fuq l-ammont tal-kumpens ġust dovut. Sa fejn id-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet jitqies li huwa minimu, it-tqegħid fid-dispożizzjoni tal-imsemmija funzjoni jista’ ma jagħtix lok għal obbligu ta’ pagament ta’ dan il-kumpens.

2)

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għat-tariffa intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-ikkopjar għal użu privat il-provvista ta’ mezzi li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ riproduzzjoni għal użu privat, bħall-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari, iżda li ma tissuġġettax għal din it-tariffa l-provvista tal-komponenti intiżi prinċipalment sabiex jaħżnu kopji għal użu privat, bħall-memorji interni tal-apparati li jdoqqu fajls MP3, sakemm dawn id-diversi kategoriji ta’ mezzi u komponenti ma jkunux komparabbli jew sakemm id-differenza fit-trattament li jkunu suġġetti għaliha tkun iġġustifikata, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

3)

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-pagament tat-tariffa intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-ikkopjar għal użu privat fuq il-manifatturi u fuq l-importaturi li jbigħu karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari lil professjonisti bl-għarfien li dawn il-karti huma intiżi sabiex jerġgħu jinbiegħu minn dawn tal-aħħar iżda mingħajr għarfien dwar jekk ix-xerrejja finali tal-imsemmija karti humiex individwi jew professjonisti, sakemm:

l-istabbiliment ta’ tali sistema jkun iġġustifikat minħabba diffikultajiet prattiċi;

il-persuni li għandhom iħallsu t-tariffa jkunu eżentati mill-pagament tal-imsemmija tariffa jekk jistabbilixxu li huma pprovdew il-karti tal-memorja ta’ telefons ċellulari lil persuni oħra għajr persuni fiżiċi, għal finijiet li manifestament ma għandhomx x’jaqsmu ma’ dik ta’ riproduzzjoni għal użu privat, u bil-premessa li din l-eżenzjoni ma tistax tkun limitata biss għall-kunsinna lill-professjonisti li huma rreġistrati mal-organizzazzjoni inkarigata bil-ġestjoni tal-imsemmija tariffi;

l-imsemmija sistema tipprevedi dritt għar-rimbors tal-istess tariffa li jkun effettiv u li ma jirrendix eċċessivament diffiċli l-ħlas lura tat-tariffa mħallsa, u dan ir-rimbors jista’ jitħallas biss lill-akkwirent finali ta’ tali karta tal-memorja li, għal dan l-għan, għandu jindirizza talba lill-imsemmija organizzazzjoni.

4)

L-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, moqri fid-dawl tal-premessa 35 ta’ din, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu, f’ċerti każijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-ikkopjar għal użu privat, eżenzjoni mill-pagament tal-kumpens ġust skont din l-eċċezzjoni, sakemm id-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet, f’dawn il-każijiet, ikun minimu. Huwa fil-kompetenza ta’ dawn l-Istati li jiffissaw il-limitu ta’ tali dannu, bil-premessa li dan il-limitu għandu, b’mod partikolari, jiġi applikat b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

5)

Id-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta Stat Membru jkun iddeċieda, skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, li jeskludi, fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-dispożizzjoni, kull dritt, għad-detenturi tad-drittijiet, li jawtorizzaw ir-riproduzzjonijiet għal użu privat tax-xogħlijiet tagħhom, l-awtorizzazzjoni mogħtija minn detentur tad-drittijiet għall-użu mill-fajls li jinkludu x-xogħlijiet tiegħu ma jista’ jkollha l-ebda impatt fuq l-obbligu ta’ kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għar-riproduzzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 5(2)(b) tal-imsemmija direttiva bl-għajnuna ta’ tali fajls u ma tistax tagħti lok, minnha nnifisha, għal obbligu ta’ pagament ta’ kwalunkwe remunerazzjoni mill-utent tal-fajls ikkonċernati lil dan id-detentur.

6)

L-implementazzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 għall-mezzi użati sabiex jiġu riprodotti xogħlijiet protetti, bħad-DVDs, is-CDs, l-apparati li jdoqqu fajls MP3 jew il-kompjuters, ma jistax ikollha impatt fuq l-obbligu ta’ kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għar-riproduzzjonijiet imwettqa minn tali mezzi. Madankollu, din l-implementazzjoni jista’ jkollha impatt fuq il-livell konkret ta’ dan il-kumpens.

7)

Id-Direttiva 2001/29 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għar-riproduzzjonijiet imwettqa minn sorsi illegali, jiġifieri minn xogħlijiet protetti li huma mqiegħda fid-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

8)

Id-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kumpens ġust skont l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għar-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti li jsiru minn persuna fiżika permezz jew bl-għajnuna ta’ mezz li jappartjeni lil terz.


(1)  ĠU C 399, 22.12.2012