27.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/7


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-7 ta’ Marzu 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Varhoven administrativen sad — il-Bulgarija) — Efir OOD vs Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Plovdiv

(Kawża C-19/12) (1)

(Taxxa fuq il-valur miżjud - Direttiva 2006/112/KE - Artikoli 62, 63, 65, 73 u 80 - Kostituzzjoni ta’ dritt ta’ superfiċi minn persuni fiżiċi għall-benefiċċju ta’ kumpannija inkambju għal servizzi ta’ kostruzzjoni pprovduti minn din il-kumpannija lil dawn il-persuni fiżiċi - Kuntratt ta’ tpartit - VAT fuq is-servizzi ta’ kostruzzjoni - Avveniment li jagħti lok għal ħlas - Imponibbiltà - Inklużjoni fil-kunċett ta’ avveniment li jagħti lok għal ħlas kemm tat-tranżazzjonijiet taxxabbli kif ukoll tat-tranżazzjonijiet eżentati - Ħlas antiċipat tal-korrispettiv kollu - Akkont - Valur taxxabbli ta’ tranżazzjoni fil-każ ta’ korrispettiv ikkostitwit minn beni jew minn servizzi - Effett dirett)

2013/C 123/09

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Efir OOD

Konvenut: Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Plovdiv

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Varhoven administrativen sad — Interpretazzjoni tal-Artikolu 62(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) — Intervent tal-avveniment li jagħti lok għal ħlas — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ avveniment li jagħti lok għal ħlas kemm għat-tranżazzjonijiet taxxabbli kif ukoll għat-tranżazzjonijiet eżentati — Kostituzzjoni minn persuni fiżiċi ta’ dritt ta’ superfiċi favur kumpannija inkambju għal servizzi ta’ kostruzzjoni minn din il-kumpannija lejn l-imsemmija persuni fiżiċi

Dispożittiv

(1)

L-Artikoli 63 u 65 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, meta dritt ta’ superfiċi huwa kkostitwit għall-benefiċċju ta’ kumpannija bil-għan tal-kostruzzjoni ta’ bini, inkambju għal servizzi ta’ kostruzzjoni ta’ ċerti beni immobbli li jkunu ser isiru f’dan il-bini u li din is-soċjetà tintrabat li tgħaddi ċ-ċwievet tagħhom lill-persuni li kkostitwixxew dan id-dritt ta’ superfiċi, dawn ma jipprekludux li l-VAT fuq dawn is-servizzi ta’ kostruzzjoni ssir dovuta mill-mument li fih id-dritt ta’ superfiċi jiġi kkostitwit, jiġifieri qabel ma ssir din il-provvista ta’ servizzi, peress li, fil-mument tal-kostituzzjoni ta’ dan id-dritt, l-elementi rilevanti kollha ta’ din il-provvista futura ta’ servizzi jkunu diġà magħrufa u għalhekk, b’mod partikolari, is-servizzi inkwistjoni jkunu deskritti bi preċiżjoni, u l-valur ta’ dan id-dritt ikun jista’ jiġi espress fi flus, li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

F’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, fejn it-tranżazzjoni ma ssirx bejn partijiet b’rabtiet fis-sens tal-Artikolu 80 tad-Direttiva 2006/112, li madankollu huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, l-Artikoli 73 u 80 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, meta l-korrispettiv ta’ tranżazzjoni huwa kompletament ikkostitwit minn beni jew minn servizzi, il-valur taxxabbli tat-tranżazzjoni jkun il-valur fis-suq miftuħ tal-beni jew tas-servizzi pprovduti.

(2)

L-Artikoli 63, 65 u 73 tad-Direttiva 2006/112 għandhom effett dirett.


(1)  ĠU C 89, 24.3.2012