6.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/36


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Ġunju 2011 — Portovesme vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-291/11)

(2011/C 232/63)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Portovesme Srl (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: F. Ciulli, G. Dore, M. Liberati u A. Vinci, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

(1)

skont l-Artikolu 267 TFUE, tiddikjara illegali d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-23 ta’ Frar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 38/B/2004 (ex NN 58/2004) u Nru C 13/2006 (ex N587/2005) li l-Italja implementat favur, fost oħrajn, ir-rikorrenti u b’hekk tiddikjara l-annullament totali jew parzjali tagħha;

(2)

sussidjarjament u biss jekk ma tintlaqax it-talba msemmija fil-punt 1), taċċerta ruħha u tiddikjara li d-deċiżjoni hija illegali fil-parti fejn tordna l-ħlas lura tal-għajnuna inkwantu dan imur kontra l-prinċipju ġenerali tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi;

(3)

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż u b’riżerva għad-dritt li ssir azzjoni awtonoma għal kumpens għad-danni.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka 11-il motiv.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u fuq ksur tal-Artikoli 4, 7, 10 u 14 tar-Regolament 59/1999 (1).

Argumenti insostenn tal-motiv: id-deċiżjoni ttieħdet kważi sitt snin u nofs wara li nfetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq is-spjegazzjoni żbaljata u/jew mhux kompleta tal-qafas leġiżlattiv u regolamentari inkwistjoni u b’hekk ksur tad-dmir ta’ diliġenza u imparzjalità.

Argumenti insostenn tal-motiv: id-deċiżjoni dwar l-inkompatibbiltà hija bbażata fuq spjegazzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fiha lakuni u li hija żbaljata, u b’hekk inkisru l-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità li kellhom jiggwidaw lill-Kummissjoni fl-aġir tagħha.

(3)

It-tieni motiv, ibbażat fuq it-trattament differenti irraġonevoli bejn Portovesme u Alcoa Trasformazioni.

Argumenti insostenn tal-motiv: b’deċiżjoni oħra li kienet tirrigwarda kumpannija oħra, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat legali l-istess skema li issa qed tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni fir-rigward tar-rikorrenti, u b’hekk seħħ trattament differenti irraġonevoli bejn iż-żewġ kumpanniji.

(4)

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Argumenti insostenn tal-motiv: bit-tariffa preferenzjali rikonoxxuta favur ir-rikorrenti l-Istat Taljan intervjena sabiex jelimina sitwazzjoni ta’ żvantaġġ mhux iġġustifikata, u anki sabiex inaqqas l-ispejjeż eċċessivi li għandhom x’jaqsmu mal-konsum tal-enerġija elettrika, dovuti għall-kollegamenti ħżiena tan-netwerk tal-ġżira ma’ dik nazzjonali. Għaldaqstant, ma kinux sodisfatti r-rekwiżiti tal-vantaġġ ekonomiku u tas-selettività tal-miżura. Barra minn hekk, l-intervent tal-Cassa Conguaglio [Fond ta’ Aġġustament għas-settur tal-elettriku] kien biss eventwali u, b’hekk, il-miżura inkwsitjoni ma setgħetx tiġi kkwalifikata bħala riżors impubattbli lill-Istat. Fl-aħħar nett, l-istess miżura ma seta’ jkollha ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri peress li, fir-rigward tas-suq taż-żingu ma jeżistux flussi kummerċjali intra-Komunitarji.

(5)

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-iżbalji fl-argumenti li fuqhom hija bbażata d-deċiżoni kkontestata.

Argumenti insostenn tal-motiv: id-deċiżjoni hija bbażata fuq l-argument żbaljat li l-għajnuna ħolqot żbilanċ fis-suq tal-enerġija, meta s-suq ikkonċernat mill-iskema huwa dak tal-produzzjoni tal-metalli ta’ densità għolja.

(6)

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-kwalifika bħala għajnuna ġdida jew bħala għajnuna eżistenti.

Argumenti insostenn tal-motiv: l-għajnuna inkwistjoni jmissha ġiet ikkwalifikata bħala għajnuna eżistenti, li diġà ġiet ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni permezz ta’ deċiżoni preċedenti tal-Kummissjoni.

(7)

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni.

Argumenti insostenn tal-motiv: il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni li l-miżura inkwistjoni kkontribwiet sabiex jiġi ggarantit l-iżvilupp tal-impjiegi fit-tul fiż-żona kkonċernata.

(8)

It-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 2, 3, 5, 12 KE u fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza u proporzjonalità fl-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

Argumenti insostenn tal-motiv: id-deċiżjoni kkontestata, illegalment, eliminat sistema ta’ għajnuna intiża sabiex telimina sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni gravi eżistenti bejn l-impriżi Taljani li jipproduċu metalli b’densità għolja, minn naħa, u dawk Ewropej, min-naħa l-oħra.

(9)

Id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 174 TFUE u tal-Anness D u fuq id-dikjarazzjoni Nru 30 fuq il-gżejjer reġjuni.

Argumenti insostenn tal-motiv: il-Kummissjoni ma kkunsidratx l-iżbilanċ strutturali u tas-suq li jirriżulta mill-insularità.

(10)

L-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli proċedurali [Artikolu 107(3)(a), (b) u (ċ) TFUE] u fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-“LINJI GWIDA fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat għal finijiet reġjonali 1998”, kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-“LINJI GWIDA” 2007-2013.

Argumenti insostenn tal-motiv: il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu li tivverifika b’mod korrett il-kompatibbiltà tal-għajnuna.

(11)

Il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

Argumenti insostenn tal-motiv: il-Kummissjoni la kkunsidrat li l-iskema li ġiet estiża lir-rikorrenti kienet diġà ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni permezz ta’ deċiżjoni preċedenti, u lanqas li, fir-rigward ta’ tali skema, ma tqajjem ebda dubju matul il-ħmistax-il sena li kienu għaddew minn meta ttieħdet din id-deċiżjoni, bir-rilevanza konsegwenti ta’ dawn l-aspetti għal dak li jirrigwarda l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339)