Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża T‑496/11,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn S. Ossowski, S. Behzadi-Spencer u E. Jenkinson, sussegwentement minn S. Behzadi-Spencer u E. Jenkinson, u finalment minn V. Kaye, bħala aġenti assistiti minn K. Beal u P. Saini, QC,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, C. Stege, S. Johannesson, U. Persson u H. Karlsson, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), inizjalment irrappreżentat minn A. Sáinz de Vicuña Barroso u K. Laurinavičius, sussegwentement minn Sáinz de Vicuña Barroso u P. Papapaschalis u finalment minn Papapaschalis u P. Senkovic, bħala aġenti, assistiti minn R. Subiotto, QC, F.-C. Laprévote, avukat, u P. Stuart, barrister,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González, abogado del Estado,

u minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas u E. Ranaivoson, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema ppubblikat mill-BĊE fil-5 ta’ Lulju 2011, sa fejn dan jiffissa rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali stabbiliti fi Stati Membri li ma jifformawx parti mill-Eurosistema,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek (Relatur), President, I. Labucka u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1. Fil-5 ta’ Lulju 2011, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ippubblika fuq is-sit tal-internet il-qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema (iktar ’il quddiem il-“qafas ta’ sorveljanza”), li huwa jippreżenta bħala li huwa intiż sabiex jiddeskrivi r-rwol tal-Eurosistema [jiġifieri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) limitata għall-BĊE u għall-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li adottaw l-Euro bħala munita komuni] fis-sorveljanza tas-“sistemi ta’ ħlas, ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni”.

2. Huwa enfasizzat li l-espressjoni “sistemi ta’ ħlas, ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni” għandha tinftiehem bħala li tinkludi b’mod ġeneriku s-“sistemi ta’ ħlas (inklużi l-istrumenti ta’ ħlas), is-sistemi ta’ clearing (inklużi l-kontropartijiet ċentrali) u s-sistemi ta’ regolarizzazzjoni (tat-titoli)” (punt 1 tal-qafas ta’ sorveljanza).

3. Sabiex jiġi ġġustifikat l-interess li s-sistemi ta’ ħlas, ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni jirrappreżentaw għall-Eurosistema, huwa nnotat li l-infrastrutturi tagħhom huma suġġetti għal bosta riskji li jista’ jkollhom dimensjoni sistematika u li jistgħu jaffettwaw is-sistema finanzjarja u l-istruttura kollha kemm hi. Huma msemmija wkoll l-esternalitajiet negattivi li jistgħu jirriżultaw minn dawn is-sistemi, bħad-dewmien fir-regolarizzazzjoni tal-ħlasijiet. Il-BĊE jenfasizza wkoll it-tixrid tal-infrastrutturi preżenti fiż-żona euro u l-konsegwenzi negattivi tiegħu, inklużi t-tranżazzjonijiet transkonfinali.

4. Skont il-BĊE, l-interess tal-Eurosistema għas-sistemi ta’ ħlas, ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni jirrifletti l-funzjoni fdata lilu mill-Artikolu 127(2) TFUE li jippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. L-iżgurar tas-sigurtà u l-effikaċità ta’ tali sistemi huwa rekwiżit preliminari importanti għall-istabbiltà finanzjarja u sabiex tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku ġenerali fl-euro. Għall-finijiet tal-promozzjoni tal-effikaċità u tas-sigurtà, l-Eurosistema ssegwi tliet approċċi komplementari. L-ewwel nett, bħala proprjetarju u operatur ta’ sistema, dan huwa responsabbli għas-sigurtà u l-effikaċja tagħha. Imbagħad, huwa l-kompitu tiegħu li jeżerċita sorveljanza tas-sistemi u tal-infrastrutturi kollha ta’ ħlas, ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni. Fl-aħħar nett, l-Eurosistema tintervjeni bħala stimulant u katalista għat-titjib tal-effikaċità ġenerali tal-infrastrutturi tas-suq taż-żona euro (punt 2 tal-qafas ta’ sorveljanza).

5. Fir-rigward speċifikament tal-funzjoni ta’ sorveljanza tal-Eurosistema, il-BĊE jikkunsidra li din għandha l-bażi legali tagħha fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE u fil-paragrafu 3.1 tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tat-Trattat FUE dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE (iktar ’il quddiem l-“Istatuti”), li jassenjaw lis-SEBĊ il-ħidma bażika tal-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. Huwa indikat ukoll li, fir-rigward tas-sistemi ta’ clearing u ta’ ħlas, l-Artikolu 22 tal-Istatuti jipprovdi li “[l]-BĊE u l-banek centrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista’ jagħmel regolamenti, sabiex jiżgura li s-sistemi ta’ clearing u ħlas fi ħdan l-Unjoni u ma’ pajjiżi oħra jkunu effiċjenti u validi”.

6. Il-BĊE jżid li dawn il-bażijiet legali għandhom jiġu interpretati fil-kuntest storiku tagħhom. L-assenza ta’ riferiment espliċitu għal funzjoni ta’ “sorveljanza” hija spjegata mill-fatt li tali funzjoni ma kinitx, fiż-żmien tal-iffirmar tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mifhuma li tikkostitwixxi kompetenza awtonoma, iżda, pjuttost, konsegwenza tal-funzjonijiet assenjati lill-banek ċentrali fir-rigward tas-sistemi ta’ ħlas, tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u tal-politika monetarja. Barra minn hekk, is-sistemi ta’ regolarizzazzjoni u ta’ clearing ma kellhomx dak iż-żmien la d-dimensjoni u lanqas l-importanza li għandhom illum, partikolarment għat-tranżazzjonijiet transkonfinali. F’dan ir-rigward, huwa enfasizzat fil-qafas ta’ sorveljanza li l-banek ċentrali nazzjonali huma sikwit assenjati funzjoni espliċita ta’ sorveljanza, inkluż fir-rigward tas-sistemi ta’ regolarizzazzjoni u ta’ clearing. Fl-aħħar nett, huwa msemmi li funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ regolarizzazzjoni u ta’ clearing huwa fl-interess tal-Eurosistema minħabba l-importanza tagħhom għall-ġestjoni tajba tal-politika monetarja, ir-rabtiet mill-qrib tagħhom mas-sistemi ta’ ħlas u r-rilevanza tagħhom għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali.

7. Din il-funzjoni ta’ sorveljanza ġiet immaterjalizzata bl-adozzjoni ta’ standards u ta’ rekwiżiti li s-sistemi ta’ ħlas għandhom josservaw. Fir-rigward tas-sistemi ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni tat-titoli, din hija mmanifestata bil-parteċipazzjoni konġunta ta’ rappreżentanti tas-SEBĊ u tal-Kumitat Ewropew tar-Regolaturi tas-Suq tas-Sigurtajiet fi grupp ta’ ħidma li bagħat lill-awtoritajiet pubbliċi rakkomandazzjonijiet li ma humiex vinkolanti (punt 3 tal-qafas ta’ sorveljanza).

8. Fil-qafas ta’ sorveljanza ġie speċifikat li s-sistemi ta’ regolarizzazzjoni tat-titoli u l-kontropartijiet ċentrali huma komponenti essenzjali tas-sistema finanzjarja. Din tista’ tintlaħaq b’mod sistematiku bi problema finanzjarja, ġuridika jew operazzjonali li taffettwahom. Dan huwa partikolarment il-każ għall-kontropartijiet ċentrali sa fejn dawn jikkostitwixxu punt ta’ konverġenza tar-riskji kemm ta’ likwidità kif ukoll ta’ kreditu. Il-BĊE jżid li, sa fejn it-tranżazzjonijiet fuq titoli jimplikaw kemm trasferiment ta’ titoli kif ukoll ta’ likwidità, perturbazzjonijiet fit-trasferiment ta’ titoli jistgħu jwasslu għal perturbazzjonijiet fis-sistemi ta’ ħlas (punt 4 tal-qafas ta’ sorveljanza).

9. Il-qafas ta’ sorveljanza jippreżenta l-metodu ta’ sorveljanza tal-Eurosistema bħala li jsegwi approċċ fit tliet stadji, jiġifieri, l-ewwel nett, il-ġbir tal-informazzjoni rilevanti, it-tieni nett, l-evalwazzjoni tagħha fid-dawl tal-għanijiet tagħha u, it-tielet nett, il-bidu fejn applikabbli ta’ tibdil sabiex jiġu rrimedjati nuqqasijiet ta’ konformità li jista’ jkun hemm. Sabiex jingħata bidu għal dan it-tibdil, l-Eurosistema għandha tuża l-pressjoni morali, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi, l-influwenza li tirriżulta mill-parteċipazzjoni tagħha fis-sistemi u mill-kooperazzjoni mal-awtoritajiet l-oħra kif ukoll il-possibbiltà ta’ adozzjoni ta’ regolamenti direttament vinkolanti fl-Istati Membri li jifformaw parti miż-żona euro. Il-BĊE jenfasizza li għadu ma applikax din l-aħħar possibbiltà.

10. Fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-irwoli fi ħdan l-Eurosistema, ir-responsabbiltà prinċipali hija assenjata lill-bank ċentrali fl-aħjar pożizzjoni, kemm jekk dan ikun bank ċentrali nazzjonali jew il-BĊE. Hemm indikat ukoll li r-regoli u n-normi li l-osservanza tagħhom hija suġġetta għal sorveljanza huma l-istess għas-sistemi privati u għal dawk ġestiti mill-Eurosistema (punt 5 tal-qafas ta’ sorveljanza).

11. Fir-rigward tal-problematika li tirriżulta mill-eżistenza ta’ infrastrutturi li jinsabu barra miż-żona euro, li jipparteċipaw fir-regolarizzazzjoni jew fil-clearing ta’ tranżazzjonijiet f’euro, huwa enfasizzat fil-qafas ta’ sorveljanza li funzjonament ħażin min-naħa tagħhom jista’ jkollu effetti negattivi fuq sistemi ta’ ħlas li jinsabu fiż-żona euro, anki jekk din tal-aħħar ma għandhiex influwenza diretta fuq tali infrastrutturi. Ftehimiet ta’ kooperazzjoni għas-sorveljanza fil-livell internazzjonali jistgħu biss jillimitaw din l-assenza ta’ influwenza diretta, iżda ma jikkumpensawx b’mod sħiħ għaliha. Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan marbut mal-Eurosistema li tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas, jidher li l-iżvilupp ta’ infrastrutturi importanti tas-suq barra miż-żona euro huwa preokkupanti.

12. Fil-qafas ta’ sorveljanza ġie dedott li, bħala prinċipju, l-infrastrutturi għar-regolarizzazzjoni ta’ tranżazzjonijiet iddenominati f’euro għandhom jagħmlu dan bi “flus il-bank ċentrali” u din għandha tiġi legalment irreġistrata fiż-żona euro b’mod li t-totalità tar-responsabbiltà u tal-kontroll maniġerjali u operattiv fuq il-funzjonijiet essenzjali kollha tiġi eżerċitata minn din iż-żona.

13. Fir-rigward tal-kontropartijiet ċentrali, huwa qabelxejn imfakkar fil-qafas ta’ sorveljanza li “l-Eurosistema adottat ukoll dikjarazzjoni fuq il-lokalizzazzjoni tal-kontropartijiet ċentrali, fejn hemm enfasizzat l-interess tagħha li l-infrastrutturi essenzjali użati għall-euro jkunu lokalizzati fiż-żona euro” u li “[b]l-applikazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni għall-prodotti dderivati ta’ kreditu over-the-counter, l-Eurosistema ma werietx biss ‘il-bżonn ta’ mill-inqas kontroparti ċentrali Ewropea għad-derivati ta’ kreditu’, iżda wkoll enfasizzat li, ‘fid-dawl tal-importanza sistematika potenzjali tas-sistemi ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli, din l-infrastruttura għandha tiġi lokalizzata fiż-żona euro’”. Il-BĊE jżid li “[d-]daqs assolut u dak relattiv tat-tranżazzjonijiet f’euro mwettqa mill-kontroparti ċentrali extra territorjali jikkostitwixxu kriterju utli għall-evalwazzjoni tal-impatt potenzjali li din il-kontroparti ċentrali teżerċita fuq iż-żona euro”. Huma kkonċernati l-kontropartijiet ċentrali li, bħala medja, għandhom espożizzjoni ta’ kreditu nett ta’ kuljum ta’ iktar minn EUR 5 biljun f’waħda mill-kategoriji prinċipali ta’ prodotti ddenominati f’euro. Barra minn hekk, ġie speċifikat li “l-politika ta’ lokalizzazzjoni tapplika għall-kontropartijiet ċentrali kollha li jirreġistraw bħala medja iktar minn 5 % tal-espożizzjoni ta’ kreditu nett totali ta’ kuljum tal-kontropartijiet ċentrali kollha għal waħda mill-kategoriji prinċipali ta’ prodotti ddenominati f’euro”. Minn dan, il-BĊE jiddeduċi li “l-kontropartijiet ċentrali li jaqbżu dawn il-limiti għandhom ikunu ġuridikament ikkostitwiti fiż-żona euro, b’kontroll sħiħ u b’responsabbiltà totali, fil-livell tal-ġestjoni u tal-operat, tal-funzjonijiet essenzjali kollha eżerċitati miż-żona euro” (punt 6 tal-qafas ta’ sorveljanza).

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14. B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2011, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ressaq din il-kawża.

15. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Diċembru 2012, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

16. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Jannar 2013, ir-Renju ta’ Spanja talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

17. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Frar 2013, ir-Renju tal-Isvezja talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit.

18. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika Taljana talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

19. B’digriet tat-30 ta’ Mejju 2013, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet, minn naħa, tar-Repubblika Franċiża, tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Taljana sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-BĊE u, min-naħa l-oħra, tar-Renju tal-Isvezja sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit.

20. Fis-7 ta’ Novembru 2013, ir-Repubblika Taljana rtirat l-intervent tagħha.

21. Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

22. Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

23. Fis-26 ta’ Novembru 2013, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-Renju Unit u lill-BĊE, li għalihom huma wieġbu fit-termini mogħtija.

24. It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Lulju 2014.

25. Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tannulla l-qafas ta’ sorveljanza, sa fejn dan jiffissa politika ta’ lokalizzazzjoni applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali stabbiliti fl-Istati Membri li ma jagħmlux parti mill-Eurosistema;

– tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

26. Il-BĊE jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

– tiċħad ir-rikors;

– tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

27. Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà b’att separat fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-BĊE, sostnut fis-seduta mir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża, jressaq, essenzjalment, żewġ oġġezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq in-natura mhux kontestabbli tal-qafas ta’ sorveljanza u l-assenza ta’ locus standi tar-Renju Unit.

28. Ir-Renju Unit, sostnut fis-seduta mir-Renju tal-Isvezja, talab l-ammissibbiltà tar-rikors.

Fuq l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura mhux kontestabbli tal-qafas ta’ sorveljanza

29. Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu bbażata fuq il-fatt li l-qafas ta’ sorveljanza ma jikkostitwixxix att kontestabbli, il-BĊE jsostni, essenzjalment, l-ewwel nett, li dan il-qafas ma jikkostitwixxix att li jipproduċi effetti legali, it-tieni nett, li huwa sempliċement jafferma mill-ġdid politika ta’ lokalizzazzjoni li kienet diġà teżisti u li ma ġietx ikkontestata u, it-tielet nett, li dan ma jaqax taħt xi waħda mill-kategoriji ta’ atti vinkolanti li huwa jista’ jadotta.

30. Qabelxejn, it-tielet argument imressaq mill-BĊE, ibbażat fuq il-forma tal-qafas ta’ sorveljanza, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti peress li dan jikkontradixxi direttament il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li r-rikors għal annullament huwa miftuħ għar-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha pprovduti mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi li jkollhom effetti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra, EU:C:1971:32, punt 39, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, Ġabra, EU:C:2008:422, punti 43 u 45). Fil-fatt, din il-ġurisprudenza hija intiża speċifikament sabiex tevita li l-forma jew id-denominazzjoni mogħtija lil att mill-awtur tiegħu tkun tista’ twassal sabiex dan l-att jiġi eskluż minn evalwazzjoni tal-legalità tiegħu fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, anki meta huwa, fil-fatt, ikollu effetti legali.

31. Fid-dawl tal-ġurisprudenza, il-kapaċità ta’ att li jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, li jkun suġġett għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE timplika eżami tal-kliem u tal-kuntest tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑57/95, Ġabra, EU:C:1997:164, punt 18, u tal-1 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑301/03, Ġabra, EU:C:2005:727, punti 21 sa 23), tas-sustanza tiegħu (sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑366/88, Ġabra, EU:C:1990:348, punt 23; tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, Ġabra, EU:C:2010:40, punt 52; u Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2008:422, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens u bħala analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1991, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑303/90, Ġabra, EU:C:1991:424, punti 18 sa 24, u tas-16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑325/91, Ġabra, EU:C:1993:245, punti 20 sa 23) u tal-intenzjoni tal-awtur tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2010:40, punt 52, u Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2008:422, punt 42).

32. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem u tal-kuntest tal-att ikkontestat, għandu jiġi enfasizzat li dan l-eżami jippermetti l-evalwazzjoni tal-perċezzjoni li l-partijiet interessati seta’ raġonevolment kellhom tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, Oleifici Italiani u Fratelli Rubino vs Il-Kummissjoni, T‑54/96, Ġabra, EU:T:1998:204, punt 49). Jekk dan l-att huwa pperċepit bħala li joffri biss is-segwitu għal aġir u, għalhekk, bħala li jammonta għal sempliċi rakkomandazzjoni fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE jew, fil-każ tal-BĊE, tal-Artikolu 132(1) TFUE, għandu jiġi konkluż li l-att ma jipproduċix effetti legali ta’ natura li jagħmel rikors għal annullament kontra tiegħu ammissibbli. Għall-kuntrarju, minn dan l-eżami jista’ jirriżulta li l-perċezzjoni tal-att ikkontestat mill-partijiet interessati hija dik ta’ att li għandu jiġi osservat minnhom, minkejja l-forma jew id-denominazzjoni ppreferuta mill-awtur tiegħu.

33. Sabiex tiġi evalwata l-perċezzjoni tal-partijiet interessati tal-kliem tal-att ikkontestat u tal-kuntest tiegħu, l-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk dan l-att kienx is-suġġett ta’ pubbliċità barra mill-isfera interna tal-awtur tiegħu. Fil-fatt, minkejja li l-eżistenza ta’ tali pubbliċità ma għandhiex effett fuq il-klassifikazzjoni tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑258/06, Ġabra, EU:T:2010:214, punti 30 u 31), l-assenza tagħha għandha t-tendenza li żżomm tali att fil-kategorija ta’ atti interni għall-istituzzjoni, li fil-prinċipju ma jistgħux jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑443/97, Ġabra, EU:C:2000:190, punti 27 sa 36).

34. F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-qafas ta’ sorveljanza ġie ppubblikat barra mill-isfera interna tal-BĊE, billi dan ġie ppubblikat fuq is-sit tal-internet tiegħu.

35. It-tieni nett, mill-perspettiva tal-partijiet interessati, hija rilevanti wkoll ir-redazzjoni tal-att, sabiex jiġi vverifikat jekk dan ġiex ifformulat f’termini mandatorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:1997:164, punt 18) jew, għall-kuntrarju, jużax lingwaġġ li għandu tendenza juri natura sempliċement indikattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2005:727, punti 21 u 22).

36. F’dan il-każ, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet preliminari tal-qafas ta’ sorveljanza jippreżentawh bħala li għandu l-għan li “jiddeskrivi r-rwol tal-Eurosistema fil-qasam tas-sorveljanza”. Kuntrarjament għal dak li l-BĊE jsostni, l-enfasi ta’ tali suġġett deskrittiv ma jippermettix li jiġi eskluż li l-kontenut tiegħu huwa pperċepit mill-partijiet interessati bħala li huwa ta’ natura mandatorja. Minn dan, pjuttost jirriżulta li l-qafas ta’ sorveljanza, ’il bogħod milli jidher bħala sempliċi proposta espliċitament indikattiva, jippreżenta ruħu bħala deskrittiv tar-rwol tal-Eurosistema, u dan jista’ jwassal lill-partijiet biex jikkonkludu li dan jittraskrivi l-kompetenzi li fil-fatt ġew assenjati mit-trattati lill-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri taż-żona euro.

37. Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li s-silta inkwistjoni mill-qafas ta’ sorveljanza, dwar il-lokalizzazzjoni tal-kontropartijiet ċentrali intiżi għall-clearing ta’ operazzjonijiet li jirrigwardaw titoli (iktar ’il quddiem it-“titoli”), tuża formulazzjoni ta’ natura mandatorja:

“L-iskala, f’termini assoluti u relattivi, tal-operazzjonijiet f’euro ta’ kontroparti ċentrali extra territorjali tipprovdi indikazzjoni utli tal-impatt li din il-kontroparti jista’ jkollha fuq iż-żona euro. L-Eurosistema tapplika limiti fir-rigward tal-implementazzjoni tal-politika ta’ lokalizzazzjoni għall-kontropartijiet ċentrali simili għal dawk li japplikaw għas-sistemi ta’ ħlas. Madankollu, fid-dawl tan-natura speċifika tal-attività tal-kontropartijiet ċentrali, il-limitu ta’ EUR 5 biljun japplika għall-kontropartijiet ċentrali li ma jinsabux fiż-żona euro li huma kkonfrontati bħala medja b’riskju ta’ kuljum ta’ kreditu nett ta’ iktar minn EUR 5 biljun għal waħda mill-kategoriji prinċipali ta’ prodotti ddenominati f’euro […] Il-politika ta’ lokalizzazzjoni hija applikata għall-kontropartijiet ċentrali kollha li jirreġistraw bħala medja iktar minn 5 % tal-espożizzjoni ta’ kreditu nett aggregat ta’ kuljum tal-kontropartijiet ċentrali kollha għal waħda mill-kategoriji prinċipali ta’ prodotti ddenominati f’euro.

Din hija r-raġuni għal xiex il-kontropartijiet ċentrali li jaqbżu dawn il-limiti għandhom ikunu kkostitwiti legalment fiż-żona euro, b’kontroll sħiħ u responsabbiltà sħiħa, fil-livell tal-ġestjoni u tal-operazzjonijiet, tal-funzjonijiet essenzjali kollha eżerċitati miż-żona euro.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

38. Is-silta ta’ hawn fuq tirreferi għal nota ta’ qiegħ il-paġna, fejn hemm enfasizzat li l-ammont totali tar-riskju medju “jista’ jiġi evalwat, pereżempju, fil-każ tal-kontropartijiet ċentrali li jwettqu clearing ta’ prodotti derivati mill-pożizzjoni miftuħa tagħhom, filwaqt li għall-kontropartijiet ċentrali li jintervjenu fl-operazzjonijiet ta’ flus kontanti u fl-operazzjonijiet repo, wieħed japplika l-pożizzjoni miftuħa totali li fuqha huwa bbażat il-marġni tal-kontroparti ċentrali”.

39. Għandu jiġi osservat li din is-silta hija ta’ natura partikolarment preċiża, b’mod li tiffaċilita l-applikazzjoni tagħha. Mhux biss tistabbilixxi l-ammonti tal-limiti ta’ attività li minnhom kontroparti ċentrali għandha tiġi llokalizzata fiż-żona euro, iżda tippreċiża wkoll, f’termini inekwivoċi, l-approċċ li għandu jiġi segwit skont in-natura tat-titoli li għalihom il-kontroparti ċentrali tintervjeni.

40. It-tielet nett, il-perċezzjoni tal-kliem tal-att ikkontestat u tal-kuntest tiegħu tista’ tvarja skont in-natura tal-partijiet interessati minn dan l-att.

41. Skont il-BĊE, il-qafas ta’ sorveljanza ma huwiex maħsub biex “jiffissa linja ta’ mġiba obbligatorja għall-istituzzjonijiet u għall-Istati Membri, jew ukoll għall-[banek ċentrali nazzjonali] jew il-kontrapartijiet ċentrali”, u pjuttost jikkostitwixxi sempliċi dokument ta’ informazzjoni indirizzat lill-pubbliku ġenerali.

42. Ċertament, il-qafas ta’ sorveljanza ma għandux l-effett li jimponi direttament fuq il-kontropartijiet ċentrali li jinsabu barra miż-żona euro li jassenjaw l-attivitajiet tagħhom jew li jittrasferixxuhom fi ħdan l-imsemmija żona. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni tal-BĊE ma tiħux inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-qafas ta’ sorveljanza mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri taż-żona euro, li jistgħu, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħhom, jostakolaw l-attività ta’ clearing imwettqa minn kontropartijiet ċentrali li jinsabu barra mill-imsemmija żona.

43. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rwol tal-kontropartijiet ċentrali fil-katina tal-ipproċessar tal-operazzjonijiet fuq titoli jimplika l-interazzjoni ma’ infrastrutturi finanzjarji oħra, li huma suġġetti għal kontroll mill-awtoritajiet regolatorji, li possibbilment jistgħu jipprekludu jew jirrestrinġu r-relazzjonijiet tagħhom ma’ kontroparti ċentrali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-qafas ta’ sorveljanza.

44. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-funzjoni ta’ kontroparti ċentrali hija li tippermetti clearing multilaterali ta’ operazzjonijiet fuq titoli, billi tissostitwixxi lix-xerrej fir-rigward ta’ kull bejjiegħ u lill-bejjiegħ fir-rigward ta’ kull xerrej. Għalhekk, kif ġie enfasizzat mill-BĊE nnifsu fil-qafas ta’ sorveljanza, il-funzjoni ta’ clearing eżerċitata mill-kontropartijiet ċentrali sseħħ fir-rigward tat-titoli suġġetti ta’ tranżazzjonijiet u kif ukoll il-likwiditajiet intiżi għall-ħlas ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Minn dan isegwi li, sabiex teżerċita l-attività tagħha, kontroparti ċentrali għandu jkollha aċċess, minn naħa, għal sistema ta’ ħlas li tippermetti t-trasferiment ta’ likwiditajiet, li jsir minn bank ċentrali jew fuq bażi privata, u, min-naħa l-oħra, għal sistema ta’ regolarizzazzjoni-provvista ta’ titoli li tippermetti t-trasferiment tal-proprjetà u ż-żamma ta’ titoli.

45. Minn dan isegwi li, fil-każ li l-awtoritajiet regolatorji tas-sistemi ta’ ħlas jew ta’ regolarizzazzjoni-provvista ta’ titoli jqisu li għandu jiġi impost fuq dawn is-sistemi l-osservanza tar-rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni li jidher fil-qafas ta’ sorveljanza, kontroparti ċentrali li ma tosservax il-kriterji li jidhru fl-imsemmi qafas tista’ tiġi mċaħħda mill-aċċess għall-atturi l-oħra involuti fil-katina tal-ipproċessar tal-operazzjonijiet fuq titoli.

46. Barra minn hekk, l-utenti tas-servizzi tal-kontropartijiet ċentrali, essenzjalment ikkostitwiti mis-swieq regolati u, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet over-the-counter, minn impriżi tal-investiment u istituzzjonijiet li jiġġestixxu l-pjattaforma tal-kummerċ tagħhom stess, huma wkoll suġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet regolatorji, li possibbilment jistgħu jipprojbixxu jew jirrestrinġu r-relazzjonijiet tagħhom ma’ kontroparti ċentrali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-qafas ta’ sorveljanza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li l-Artikolu 35(1) u l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), jistabbilixxu l-prinċipju ta’ aċċess liberu għall-kontropartijiet ċentrali li jinsabu fi Stat Membru ieħor fir-rigward, rispettivament, minn naħa, tal-impriżi tal-investiment u l-operaturi tas-suq li joperaw il-pjattaforma tal-kummerċ tagħhom stess u, min-naħa l-oħra, tas-swieq regolati, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 35(2) u l-Artikolu 46(2) tal-istess direttiva jimplikaw il-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jipprojbixxu l-użu ta’ kontroparti ċentrali jekk din il-projbizzjoni tkun neċessarja sabiex tissalvagwarda l-funzjonament ordnat ta’ pjattaforma ta’ kummerċ jew ta’ suq irregolat.

47. Sabiex tiġi evalwata l-perċezzjoni li tali awtoritajiet regolatorji jista’ raġonevolment ikollhom tal-qafas ta’ sorveljanza, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE jsostni l-pretensjoni tiegħu billi jtenni l-eżistenza ta’ kompetenza tal-Eurosistema li tissorvelja u, jekk ikun il-każ, tirregola sistemi ta’ clearing ta’ titoli, li taħtha jaqgħu l-kontropartijiet ċentrali, fuq diversi bażijiet legali. B’hekk huwa jirreferi għal-Artikolu 127(1) TFUE peress li dan jassenja lill-Eurosistema l-għan prinċipali li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-BĊE jsostni, essenzjalment, li l-falliment ta’ kontroparti ċentrali jista’ joħloq riskju sistematiku għas-sistema finanzjarja fit-totalità tagħha u b’hekk jaffettwa r-realizzazzjoni ta’ dan l-għan. Huwa msemmi wkoll l-Artikolu 127(2) TFUE, li jelenka, fost il-ħidmiet bażiċi tal-Eurosistema, il-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. F’din il-perspettiva, il-BĊE jenfasizza r-rabtiet partikolarment stretti bejn is-sistemi ta’ ħlas u s-sistemi ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli, sa fejn dawn jimplikaw it-trasferiment ta’ fondi li jikkorrispondu għall-ħlas ta’ titoli. Minn dan huwa jiddeduċi, essenzjalment, li nuqqas tas-sistemi ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli jista’, indirettament, jaffettwa l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. Huwa jsostni wkoll li r-riferiment għas-sistemi ta’ ħlas li jinsab fl-Artikolu 127(2) TFUE għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi s-sistemi ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli, fid-dawl tal-importanza miksuba minn dawn is-sistemi wara li ġie redatt it-Trattat UE. Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 127(2) TFUE, huwa jirreferi wkoll għall-fatt li l-Artikolu 22 tal-Istatuti jirrikonoxxi lilu l-kompetenza li jadotta regolamenti sabiex jiżgura l-effikaċità u s-solidità tas-sistemi “ta’ clearing u ħlas” u mhux biss ta’ sistemi ta’ ħlas.

48. Mingħajr ma wieħed jippreġudika l-eżami fil-mertu ta’ din l-azzjoni, għandu jiġi enfasizzat li tali argumenti ma humiex daqshekk manifestament infondati li jista’ immedjatament jiġi eskluż li l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri taż-żona euro jikkonkludu li l-Eurosistema għandha l-kompetenza li tirregola l-attività tas-sistemi ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli u li, għalhekk, dawn huma marbuta jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni li jinsab fil-qafas ta’ sorveljanza.

49. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-eżami tal-kliem tal-qafas ta’ sorveljanza, kif ukoll tal-kuntest tiegħu, mill-perspettiva tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri taż-żona euro, għandu t-tendenza li jikklassifika lil dan il-qafas fost l-atti li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

50. Fit-tieni lok, l-istess konklużjoni għandha tiġi bbażata fuq l-analiżi tas-sustanza tal-qafas ta’ sorveljanza, sa fejn il-formulazzjoni ta’ rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fi ħdan iż-żona euro fir-rigward tal-kontropartijiet ċentrali li l-attività tagħhom taqbeż il-limiti li huwa jispeċifika hija ekwivalenti għal żieda ta’ regola ġdida fl-ordinament ġuridiku, peress li tali rekwiżit ma jidher f’ebda dispożizzjoni legali li kienet diġà teżisti.

51. Fit-tielet lok, għandha tiġi evalwata l-intenzjoni tal-BĊE fl-adozzjoni tal-qafas ta’ sorveljanza sabiex jiġi vverifikat jekk dan kienx intiż jew le sabiex jipproduċi effetti legali. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, bħala prinċipju, il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-awtur tagħhom wara proċedura amministrattiva u li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali mandatorji ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, bl-esklużjoni b’mod partikolari tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti, kif ukoll atti purament konfermattivi ta’ att preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-terminu, huma atti kontestabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, point 31 iktar ’il fuq, EU:C:2010:40, punt 52, u Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2008:422, punt 42).

52. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-għan imfittex bl-adozzjoni tal-qafas ta’ sorveljanza, kif joħroġ partikolarment mill-kliem u mis-sustanza tiegħu, kienx jikkonsisti fl-iffissar ta’ pożizzjoni definittiva tal-BĊE jew, għall-kuntrarju, fil-preparazzjoni ta’ att sussegwenti, unikament intiż sabiex jipproduċu effetti legali.

53. F’dan ir-rigward, kif ġie nnotat fil-punt 38 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjoni tal-politika ta’ lokalizzazzjoni li tinsab fil-qafas ta’ sorveljanza hija ta’ natura partikolarment preċiża, b’mod li jirrendiha faċilment applikabbli. Għalhekk, iktar milli jippreżenta natura ta’ sempliċi dikjarazzjoni ipotetika, il-qafas ta’ sorveljanza huwa fil-fatt intiż sabiex jimponi l-osservanza ta’ rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni għall-kontropartijiet ċentrali li l-attività tagħhom taqbeż il-limiti li huwa jiffissa u, għaldaqstant, fl-assenza ta’ indizji kuntrarji fit-test tal-qafas ta’ sorveljanza, jikkostitwixxi l-pożizzjoni definittiva tal-BĊE.

54. Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għandu jiġi dedott mill-analiżi tal-kliem u l-kuntest tiegħu, mis-sustanza tiegħu u mill-intenzjoni tal-awtur tiegħu li l-qafas ta’ sorveljanza jipproduċi effetti legali u jikkostitwixxi, għalhekk, att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

55. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumentazzjoni tal-BĊE bbażata fuq in-natura allegatament konfermattiva tal-qafas ta’ sorveljanza jew fuq l-eżistenza ta’ atti sussegwenti li jirreferu għalih.

56. Fl-ewwel lok, skont il-BĊE, il-qafas ta’ sorveljanza sempliċement jafferma mill-ġdid politika ta’ lokalizzazzjoni li kienet teżisti qabel u li ma kinitx ikkontestata. Fil-fatt, f’dikjarazzjoni ta’ prinċipju li tmur lura għas-sena 2001 u li tat lok għal avviż tal-istampa tas-27 ta’ Settembru 2001, il-BĊE enfasizza li “[l]-ambitu ġeografiku naturali ta’ kull infrastruttura tas-suq ‘intern’ (inkluż il-clearing ma’ kontroparti ċentrali) għat-titoli u l-prodotti dderivati ddenominati f’euro huwa ż-żona euro” u li, “[f]id-dawl tal-importanza sistematika li s-sistemi ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni-provvista ta’ titoli jista’ jkollhom, din l-infrastruttura għandha tiġi lokalizzata fi ħdan iż-żona euro”. Huwa jżid li, f’dikjarazzjoni ta’ prinċipju tax-xahar ta’ Diċembru 2008 dwar il-kontropartijiet ċentrali, issemma li “l-Kunsill Regolatorju kkonferma n-neċessità li jkun hemm kontroparti ċentrali Ewropea tal-inqas għad-derivati ta’ kreditu” u li, “fid-dawl tal-importanza sistematika potenzjali ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni-provvista ta’ titoli, din l-infrastruttura għandha tkun lokalizzata fi ħdan iż-żona euro”.

57. Il-BĊE jfakkar ukoll li fi Frar 2009 huwa kien ippubblika qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema li fih ġie speċifikat, minn naħa, li “l-infrastrutturi li jirregolaw l-operazzjonijiet ta’ ħlas iddenominati f’euro kellhom jagħmlu dan fil-munita tal-bank ċentrali u kellhom ikunu legalment ikkostitwiti bħala kumpanniji fiż-żona euro b’responsabbiltà oeprazzjonali sħiħa tal-ipproċessar tal-operazzjonijiet iddenominati f’euro” u, min-naħa l-oħra, li l-“Eurosistema adottat ukoll dikjarazzjoni fuq il-lokalizzazzjoni tal-kontropartijiet ċentrali li enfasizzat l-interess tal-Eurosistema sabiex iċ-ċentru tal-infrastruttura li jservi lill-euro jkun lokalizzat fiż-żona euro”.

58. Konsegwentement, il-BĊE jsostni li l-politika tiegħu ta’ lokalizzazzjoni fir-rigward tal-kontropartijiet ċentrali tippreċedi l-qafas ta’ sorveljanza kkontestat fl-ambitu ta’ dan ir-rikors. Minn dan huwa jiddeduċi li l-istess qafas huwa ta’ natura konfermattiva u jista’, għalhekk, ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

59. Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-terminu huwa inammissibbli (digriet tal-21 ta’ Novembru 1990, Infortec vs Il-Kummissjoni, C‑12/90, Ġabra, EU:C:1990:415, punt 10, u s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 1996, Zunis Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑480/93 P, Ġabra, EU:C:1996:1, punt 14). L-għan ta’ din il-ġurisprudenza huwa li jiġi evitat li rikorrent ikun jista’, b’mod indirett, jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni li huwa ma jkun ikkontesta fi żmien utli u li tkun għalhekk saret definittiva.

60. Madankollu, skont din il-ġurisprudenza, deċiżjoni hija purament konfermattiva fir-rigward ta’ deċiżjoni preċedenti meta ma jkollha ebda element ġdid meta mqabbla ma’ att preċedenti u ma tkunx ġiet ippreċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-att preċ edenti (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2000, Ripa di Meana et vs Il-Parlament, T‑83/99 sa T‑85/99, Ġabra, EU:T:2000:244, punt 33; ara d-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2004, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑521/03 P, EU:C:2004:778, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61. Bl-istess mod, fir-rigward ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra regolament li jemenda regolament preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tfakkar li mill-aħħar paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jipprovdi li r-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn dekorribbli, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni jew min-notifika tal-att ikkontestat jew, fin-nuqqas, mid-data li fiha r-rikorrent ikun sar jaf bih, jirriżulta li l-att li ma jkunx ġie kkontestat f’dan it-terminu jsir definittiv u li din in-natura definittiva tikkonċerna mhux biss l-att innifsu, iżda wkoll kull att sussegwenti li jkun ta’ natura purament konfermattiva. Din is-soluzzjoni, li hija ġġustifikata mill-istabbiltà legali meħtieġa tgħodd kemm għall-atti individwali kif ukoll għal dawk li jkunu ta’ natura normattiva, bħal regolament. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, meta dispożizzjoni ta’ regolament tiġi emendata, id-dritt ta’ azzjoni jerġa’ jingħata mill-ġdid, mhux biss kontra din id-dispożizzjoni waħidha, iżda wkoll kontra dawk kollha li, anki jekk mhux emendati, jifformaw ħaġa waħda magħha (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑299/05, Ġabra, EU:C:2007:608, punti 28 sa 30).

62. Għalhekk, il-fatt li l-BĊE seta’ jesprimi f’atti preċedenti l-prinċipju ta’ politika ta’ lokalizzazzjoni li seta’ japplika għall-kontropartijiet ċentrali ma jimplikax li l-klassifikazzjoni ta’ att konfermattiv għandha tiġi applikata għall-qafas ta’ sorveljanza, peress li l-politika ta’ lokalizzazzjoni inkwistjoni tidher fih f’forma modifikata.

63. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fuq il-kwistjoni tal-lokalizzazzjoni ta’ kontropartijiet ċentrali, il-qafas ta’ sorveljanza kkontestat fl-ambitu ta’ din ir-rikors huwa sostanzjalment differenti mill-atti li ppreċedewh.

64. Huwa ċertament preċiż li fl-atti preċedenti adottati mill-BĊE wieħed isib l-espressjoni ta’ xewqa li l-infrastrutturi essenzjali għaż-żona euro jkunu lokalizzati f’din iż-żona. Huwa għalhekk imfakkar, fil-verżjoni tal-qafas ta’ sorveljanza ppubblikata fl-2009 mill-BĊE, li l-“Eurosistema adottat ukoll dikjarazzjoni fuq il-lokalizzazzjoni tal-kontropartijiet ċentrali li enfasizzat l-interess tal-Eurosistema sabiex iċ-ċentru tal-infrastruttura li jservi lill-euro jkun lokalizzat fiż-żona euro” u li, “[b]l-applikazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni għall-prodotti derivati ta’ kreditu over-the-counter, l-Eurosistema ma wrietx biss il-‘bżonn ta’ mill-inqas kontroparti ċentrali Ewropea għad-derivati ta’ kreditu’, iżda wkoll li, ‘fid-dawl tal-importanza sistematika potenzjali ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli, din l-infrastruttura għandha tkun lokalizzata fiż-żona euro’” (paġna 9 tal-verżjoni tal-qafas ta’ sorveljanza ppubblikata fl-2009).

65. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-verżjoni tal-qafas ta’ sorveljanza kkontestata hija kjarament differenti mill-verżjonijiet preċedenti sa fejn din tiffissa limiti speċifiċi li taħthom dan ir-rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fiż-żona euro huwa applikabbli, li jikkontribwixxu għall-applikabbiltà tiegħu. Madankollu, mis-sempliċi fatt tal-preżenza ta’ din is-silta addizzjonali, il-qafas ta’ sorveljanza ma jistax jitqies li huwa ta’ natura konfermattiva allegata mill-BĊE.

66. Fit-tieni lok, l-argumentazzjoni tal-BĊE tista’ tinftiehem bħala li ssostni li, sa fejn atti legali oħra jirreferu għall-politika ta’ lokalizzazzjoni tal-BĊE kif deskritta fil-qafas ta’ sorveljanza, huma biss dawn l-atti li jista’ jkollhom effetti legali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors.

67. Tali argumentazzjoni ma tistax madankollu tiġi segwita, peress li hija dedotta minn konfużjoni ta’ relazzjonijiet li jistgħu jeżistu, minn naħa, bejn miżura intermedjarja u deċiżjoni finali u, min-naħa l-oħra, bejn att ta’ portata ġenerali u deċiżjonijiet li japplikawh. Fil-fatt, minkejja li l-Linja ta’ gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-26 ta’ April 2007, dwar is-Sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (BĊE/2007/2) (ĠU L 237, p. 1), u d-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-24 ta’ Lulju 2007, dwar il-kundizzjonijiet tat-TARGET2-BĊE (BĊE/2007/7) (ĠU L 237, p. 71), li għalihom il-partijiet jirreferu fl-atti tagħhom, ġew emendati sabiex jiġi inkluż riferiment għall-politika ta’ lokalizzazzjoni kif espressa fil-qafas ta’ sorveljanza, dan il-fatt ma jindikax assenza allegata tan-natura definittiva ta’ dan il-qafas. Dan juri biss li l-kundizzjoni fissa fih ġiet implementata fil-qasam speċifiku kkonċernat minn dawn iż-żewġ atti inkwistjoni.

68. Fid-dawl ta’ dan kollu premess, l-ewwel oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq in-natura tal-qafas ta’ sorveljanza, għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-assenza ta’ locus standi tar-Renju Unit

69. Il-BĊE jsostni li, anki jekk kellu jiġi konkluż li l-qafas ta’ sorveljanza għandu jitqies att vinkolanti, ir-Renju Unit ma għandux locus standi sabiex jippreżenta rikors kontra tiegħu, peress li huwa ma pparteċipax f’ċerti aspetti tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għall-fatt li l-Protokoll Nru 15 tat-Trattat FUE dwar ċerti dispożizzjonijiet tar-Renju Unit jipprekludi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Istatuti għalih, fosthom l-Artikolu 127(1) sa (5) TFUE.

70. Ir-Renju Unit isostni li l-Protokoll Nru 15 tat-Trattat FUE ma għandux l-effett li jipprekludih milli jikkontesta l-atti jew l-astensjonijiet tal-BĊE li jiksru d-dritt tal-Unjoni Ewropea.

71. Mill-ewwel u mit-tieni paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE u mill-punt 35.1 tal-Artikolu 35 tal-Istatuti jirriżulta li Stat Membru għandu dritt jippreżenta rikors kontra atti adottati mill-BĊE.

72. Barra minn hekk, minkejja li mill-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 15 tat-Trattat FUE jirriżulta li ċerti artikoli tal-Istatuti ma japplikawx għar-Renju Unit, l-Artikolu 35 tal-Istatuti ma huwiex inkluż f’din il-lista.

73. Minn dan għandu jiġi dedott li, fil-kwalità tiegħu ta’ Stat Membru, ir-Renju Unit għandu locus standi sabiex jaġixxi kontra atti tal-BĊE fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma huwa suġġett għall-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

74. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li l-Artikoli 4 u 7 tal-Protokoll Nru 15 tat-Trattat FUE jeskludu l-applikazzjoni, rispettivament, tal-Artikolu 127(1) sa (5) TFUE u tal-Artikoli 3 u 22 tal-Istatuti fir-rigward tar-Renju Unit. Fil-fatt, il-punt dwar jekk il-BĊE, bl-adozzjoni tal-qafas ta’ sorveljanza, baqax fl-ambitu tal-poteri lilu mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet jew, għall-kuntrarju, qabiżhomx, jaqa’ taħt l-evalwazzjoni fil-mertu tar-rikors u mhux taħt l-ammissibbiltà tiegħu.

75. Għaldaqstant, minkejja li, skont il-Protokoll Nru 15 tat-Trattat FUE, ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Istatuti ma japplikawx għar-Renju Unit, dan tal-aħħar jibqagħlu d-dritt li jippreżenta rikors sabiex il-qorti tal-Unjoni tivverifika jekk il-BĊE qabiżx il-kompetenzi tiegħu.

76. Konsegwentement, it-tieni oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-BĊE għandha tiġi miċħuda u dan ir-rikors għandu jitqies ammissibbli.

Fuq il-mertu

77. Ir-Renju Unit jinvoka ħames motivi.

78. Bl-ewwel motiv, huwa jsostni li l-BĊE ma kellux il-kompetenza li jimponi rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fir-rigward tal-kontropartijiet ċentrali. Fl-ambitu tat-tieni motiv, huwa jsostni li l-politika ta’ lokalizzazzjoni tal-BĊE tikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà tal-istabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital. It-tielet motiv huwa bbażat fuq allegat ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 13(2) TUE. Bir-raba’ motiv, ir-Renju Unit isostni li r-rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tal-BĊE jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fl-Artikolu 18 TFUE. Finalment, fl-ambitu tal-ħames motiv, huwa jsostni li l-ebda ġustifikazzjoni ma tista’ tingħata għan-natura diskriminatorja tal-qafas ta’ sorveljanza, fl-assenza tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

79. Fl-ambitu tal-ewwel motiv, ir-Renju Unit, sostnut fis-seduta mir-Renju tal-Isvezja, isostni li l-BĊE ma għandux il-kompetenza sabiex jeżerċita sorveljanza u kontroll regolatorju fuq il-kontropartijiet ċentrali.

80. Il-BĊE, sostnut fis-seduta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, iqis li, anki fil-każ li l-qafas ta’ sorveljanza jiġi kklassifikat bħala att vinkolanti, huwa jibqa’ kompetenti sabiex jadotta l-istess qafas.

81. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li l-qafas ta’ sorveljanza jaqa’ taħt l-għan mogħti lilu mill-Artikolu 127(1) TFUE li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet u li jsostni l-linji ta’ politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni. B’mod iktar partikolari, dan jaqa’ taħt il-ħidma bażika, mogħtija lill-BĊE mill-Artikolu 127(2) TFUE, li jiġi promoss il-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. Huwa jfakkar li sa mill-2001 huwa kien irrileva l-effetti li l-kontropartijiet ċentrali jista’ jkollhom fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. Huwa jiddeduċi li, peress li l-politika ta’ lokalizzazzjoni fir-rigward tal-kontropartijiet ċentrali inkluża fil-qafas ta’ sorveljanza hija marbuta mal-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas, huwa seta’ jadottaha mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill.

82. Fil-kontroreplika, il-BĊE jenfasizza li l-premessa 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, p. 1), tirrikonoxxi li, taħt il-kompitu tal-promozzjoni ta’ funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas mis-SEBĊ, il-membri ta’ din tal-aħħar għandhom jeżerċitaw responsabbiltà fil-qasam tas-sorveljanza billi jiżguraw l-effikaċità u s-solidità tas-sistemi ta’ clearing u ta’ ħlas, inklużi l-kontropartijiet ċentrali.

83. Fit-tieni lok, il-BĊE jikkonfuta l-idea mressqa mir-Renju Unit li huwa kien marbut li jadotta att vinkolanti sabiex jistabbilixxi politika fil-qasam inkwistjoni. Essenzjalment, huwa jsostni li għandu dritt jadotta dikjarazzjoni sabiex jindika l-politika tiegħu dwar il-lokalizzazzjoni tal-kontropartijiet li jwettqu operazzjonijiet li jinvolvu attiv iddenominat f’euro, u dan anki fil-każ li l-Kunsill kellu jikkonferixxilu missjonijiet speċifiċi, skont l-Artikolu 127(6) TFUE.

84. B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni tirrigwarda l-kompetenza tal-BĊE li jimponi, f’isem l-Eurosistema, rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fi ħdan iż-żona euro applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali li jipprovdu servizzi ta’ clearing ta’ titoli ddenominati f’euro lil hinn minn ċerti limiti. Għandu jiġi kkonstatat li l-ħolqien ta’ tali rekwiżit imur lil hinn mill-qafas tas-sempliċi sorveljanza tal-infrastrutturi tas-sistemi ta’ clearing ta’ titoli, u iżda jipparteċipa fir-regolamentazzjoni tal-attività tagħhom.

85. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-BĊE għandux il-kompetenza li jirregola l-attività tal-infrastrutturi, bħalma huma l-kontropartijiet ċentrali, li jipparteċipaw fil-clearing ta’ titoli.

86. Fl-atti tiegħu, il-BĊE jibbaża l-eżistenza ta’ tali kompetenza fuq l-Artikolu 127(1) TFUE u fuq ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE. Huwa jirreferi wkoll, fil-qafas ta’ sorveljanza, għall-Artikolu 22 tal-Istatut.

87. Skont l-Artikolu 127(1) TFUE, l-għan prinċipali tas-SEBĊ huwa li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2), “[i]l-ħidmiet bażiċi li jridu jiġu mwettqa permezz tas-SEBĊ jkunu […] li tiġi promossa l-ħidma bla ostakoli ta’ sistemi ta’ ħlas”. Din il-ħidma hija mfakkra fir-raba’ inċiż tal-punt 3.1 taħt l-Artikolu 3 tal-Istatut.

88. L-Artikolu 22 tal-Istatut, intitolat “Sistemi ta’ clearing u ħlas”, jipprevedi li “[l]-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista’ jagħmel regolamenti, sabiex jiżgura li s-sistemi ta’ clearing u ħlas fi ħdan l-Unjoni u ma’ pajjiżi oħra jkunu effiċjenti u validi”.

89. Għandu jiġi kkonstatat li hemm relazzjoni komplementari bejn dawn id-diversi bażijiet legali. Is-setgħa li jadotta regolamenti taħt l-Artikolu 22 tal-Istatuti hija wieħed mill-mezzi disponibbli għall-BĊE sabiex iwettaq il-ħidma li l-Artikolu 127(2) TFUE jagħti lill-Eurosistema sabiex tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. Din il-ħidma sservi hija stess l-għan prinċipali stipulat fl-Artikolu 127(1) TFUE.

90. Minn dan jirriżulta neċessarjament li l-espressjoni “sistemi ta’ clearing” li tidher fl-Artikolu 22 tal-Istatuti għandha tinqara flimkien mas-“sistemi ta’ ħlas” li għalihom jirreferi l-istess artikolu u li l-funzjonament tajjeb tagħhom jikkostitwixxi waħda mill-ħidmiet tal-Eurosistema.

91. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-ħidma ta’ promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas assenjata lill-Eurosistema, li għaliha l-BĊE għandu l-kompetenza li jadotta regolamenti, tistax titqies li tinkludi s-sistemi ta’ clearing ta’ titoli u, għaldaqstant, l-attività tal-kontropartijiet ċentrali meta dawn jintervjenu f’dan il-qafas.

92. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 44 iktar ’il fuq, li kontroparti ċentrali hija maħsuba sabiex tissostitwixxi lix-xerrej fir-rigward ta’ kull bejjiegħ u lill-bejjiegħ fir-rigward ta’ kull xerrej. Minn dan isegwi li l-attività ta’ clearing ma hijiex eżerċitata biss fuq likwiditajiet intiżi għax-xiri tat-titoli inkwistjoni, iżda wkoll fuq it-titoli li huma s-suġġetti tat-tranżazzjonijiet. Dan huwa dak li l-BĊE nnifsu jenfasizza fil-qafas ta’ sorveljanza meta jirreferi għall-eżistenza tal-komponent “likwidità” (il-parti tal-flus kontanti) u l-komponent “titoli” (il-parti tas-sigurtajiet) tal-attività ta’ kontroparti ċentrali.

93. Għaldaqstant, fl-ewwel lok, l-espressjonijiet “sistemi ta’ ħlas” u “sistemi ta’ clearing u ħlas”, użati rispettivament fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE u fl-Artikolu 22 tal-Istatuti, għandhom jiġu interpretati għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk dawn jistgħux jinkludu l-attività ta’ clearing ta’ titoli.

94. Minn naħa, jista’ jiġi osservat li l-espressjoni “sistema ta’ ħlas” ġiet iddefinita mil-leġiżlatur fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE kif ukoll 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, p. 1), bħala li tfisser “sistema ta’ trasferiment ta’ fondi b’arranġamenti formali u standardizzati u regoli komuni għall-ipproċessar, clearing u/jew settlement ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas”.

95. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li l-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2007/64/KE jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “transazzjonjiet ta’ ħlas li jsiru f’sistema tal-ħlas jew ta’ settlement ta’ titoli ta’ krediu bejn aġenti ta’ settlement, kontropartijiet ċentrali, clearing houses u/jew banek ċentrali u parteċipanti oħra fis-sistema, u fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28”, xorta waħda jibqa’ l-fatt li d-definizzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(6) ta’ din l-istess direttiva tibqa’ rilevanti fir-rigward tad-definizzjoni ta’ sistema ta’ ħlas, inkluż meta din hija użata minn infrastrutturi finanzjarji bħall-kontropartijiet ċentrali, kif juri r-riferiment għall-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-“[a]ċċess għal sistemi ta’ ħlas”.

96. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tinterpreta l-kunċett ta’ “pagamenti”, użat fil-kuntest tal-Artikolu 63(2) TFUE, bħala li jfisser it-trasferimenti ta’ fondi intiżi sabiex jiżguraw il-kunsiderazzjoni ta’ tranżazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra, EU:C:1984:35, punt 20; tal-14 ta’ Lulju 1988, Lambert, 308/86, Ġabra, EU:C:1988:405, punt 10, u tal-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et , C‑163/94, C‑165/94 u C‑250/94, Ġabra, EU:C:1995:451, punt 17).

97. Mill-premess jirriżulta li “sistema ta’ ħlas” fis-sens tal-Artikolu 127(2) TFUE taqa’ taħt il-qasam tat-trasferiment ta’ fondi. Għaldaqstant, minkejja li tali definizzjoni tista’ tinkludi l-komponent “likwidità” tal-operazzjonijiet ta’ clearing, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-komponent “titoli” tal-operazzjonijiet ta’ clearing ta’ kontroparti ċentrali, ta’ tali titoli, jekk dawn jistgħu jiġu evalwati bħala li jikkostitwixxu s-suġġett ta’ tranżazzjoni li twassal għal trasferiment ta’ fondi, li madankollu ma jikkostitwixxux, fihom infushom, ħlas.

98. Konklużjoni simili għandha ssir wkoll fir-rigward tal-espressjoni “sistemi ta’ clearing u ħlas” użata fl-Artikolu 22 tal-Istatuti.

99. Għar-raġunijiet esposti fil-punt 89 iktar ’il fuq, din l-espressjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-ħidma, assenjata lill-Eurosistema mir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE, li tiġi promossa “l-ħidma bla ostakoli ta’ sistemi ta’ ħlas”. Minn dan jirriżulta neċessarjament li l-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 22 tal-Istatuti lill-BĊE li jadotta regolamenti “sabiex jiżgura li s-sistemi ta’ clearing u ħlas [...] [i]kunu effiċjenti u validi” ma tistax tinftiehem bħala li tirrikonoxxilu tali setgħa fir-rigward tas-sistemi ta’ clearing kollha, inklużi dawk marbuta ma’ tranżazzjonijiet fuq titoli.

100. Din il-possibbiltà rrikonoxxuta lill-BĊE mill-Artikolu 22 tal-Istatuti għandha pjuttost titqies li hija limitata biss għas-sistemi ta’ clearing ta’ ħlas. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li sistemi ta’ ħlas jistgħu jinkludu fażi ta’ clearing, bħas-sistemi ta’ ħlas b’regolarizzazzjoni nett b’kuntrast mas-sistema ta’ ħlas b’regolarizzazzjoni gross.

101. Konsegwentement, fl-assenza ta’ riferiment espliċitu għall-clearing ta’ titoli fl-Artikolu 22 tal-Istatuti, għandu jiġi konkluż li l-għażla tal-espressjoni “sistema ta’ clearing u ħlas” hija intiża sabiex tenfasizza li l-BĊE għandu l-kompetenza jadotta regolamenti sabiex jiżgura l-effikaċità u s-sigurtà tas-sistemi ta’ ħlas, inklużi dawk li jinkludu fażi ta’ clearing, iktar milli sabiex tagħtih kompetenza regolatorja awtonoma fir-rigward tas-sistemi ta’ clearing kollha.

102. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mir-riferiment li sar mill-BĊE għall-premessa 11 tar-Regolament Nru 648/2012, billi dan ir-regolament ma kienx inter alia fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-qafas ta’ sorveljanza, li skontu “[l]-membri tas-SEBĊ iwettqu sorveljanza billi jiżguraw sistemi tal-ikklerjar u ta’ pagamenti effiċjenti u sodi, inklużi l-kontropartijiet ċentrali”. Mill-qari tal-premessa inkwistjoni fl-intier tagħha jirriżulta biss li din tikkostitwixxi sempliċi tfakkira mil-leġiżlatur tar-rabtiet mill-qrib bejn is-sistemi ta’ clearing u ta’ ħlas u l-kontropartijiet ċentrali u tax-xewqa tiegħu li jassoċja lill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali fil-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u fl-istabbiliment ta’ standards tekniċi regolatorji li għalihom dawn huma suġġetti. Bl-ebda mod ma jirriżulta, fl-ambitu tar-Regolament Nru 648/2012, li l-leġiżlatur ried jirrikonoxxi favur il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali kompetenza regolatorja tal-attività tal-kontropartijiet ċentrali, meta b’dan ir-regolament il-leġiżlatur intenda jirregola huwa stess l-attività tal-kontropartijiet ċentrali billi impona fuqhom obbligi uniformi.

103. Fit-tieni lok, għandha tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tal-BĊE li, essenzjalment, l-implementazzjoni tal-ħidma li tikkonsisti fil-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE timplika li huwa għandu neċessarjament is-setgħa li jirregola l-attività tal-infrastrutturi ta’ clearing ta’ titoli, fid-dawl tal-effett li falliment tagħhom jista’ jkollu fuq is-sistemi ta’ ħlas.

104. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li setgħat li ma humiex espressament previsti mid-dispożizzjonijiet tat-trattati setgħu jintużaw ladarba jkunu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti minn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:1971:32, punt 28). Għalhekk, meta artikolu tat-trattat jassenja lil istituzzjoni ħidma speċifika, għandu jiġi aċċettat, għax fin-nuqqas tali dispożizzjoni titlef kull effett utli, li dan ikun qiegħed neċessarjament jgħaddilha, bl-istess dispożizzjoni, is-setgħat indispensabbli sabiex twettaq din il-ħidma (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1987, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, 281/85, 283/85 sa 285/85 u 287/85, Ġabra, EU:C:1987:351, punt 28, u tas-17 ta’ Settembru 2007, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑240/04, Ġabra, EU:T:2007:290, punt 36).

105. Madankollu, l-eżistenza ta’ setgħa regolatorja impliċita, li tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ta’ attribuzzjoni stipulat fl-Artikolu 13(2) TUE, għandu jiġi evalwat b’mod strett. Huwa biss eċċezzjonalment li tali setgħat impliċiti huma rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza u, sabiex jiġu hekk irrikonoxxuti, dawn għandhom ikunu neċessarji sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tat-trattat jew tar-regolament ta’ bażi kkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, EU:T:2007:290, punt 37).

106. Fil-każ ineżami, ma jistax jiġi miċħud li hemm rabtiet mill-qrib ħafna bejn is-sistemi ta’ ħlas u s-sistemi ta’ clearing ta’ titoli u li hemm il-possibbiltà li perturbazzjonijiet li jaffettwaw l-infrastrutturi ta’ clearing ta’ titoli jkollhom effett fuq is-sistemi ta’ ħlas u b’hekk jostakolaw il-funzjonament tajjeb tagħhom.

107. Madankollu, l-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika r-rikonoxximent fir-rigward tal-BĊE ta’ setgħat impliċiti ta’ regolarizzazzjoni tas-sistemi ta’ clearing ta’ titoli, ladarba t-Trattat FUE jipprevedi l-possibbiltà li tali setgħat ikunu espliċitament mogħtija lill-BĊE.

108. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 129(3) TFUE jipprevedi mekkaniżmu għal emendi simplifikat, derogatorju għal dak tal-Artikolu 48 TUE, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Istatuti fosthom l-Artikolu 22 ta’ dawn tal-aħħar. Dan jippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fuq rakkomandazzjoni tal-BĊE jew fuq proposta tal-Kummissjoni, li jemenda dawn id-dispożizzjonijiet.

109. Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-BĊE, fil-każ li jqis li r-rikonoxximent favur tiegħu ta’ setgħa regolatorja tal-infrastrutturi li jwettqu clearing ta’ operazzjonijiet fuq titoli huwa neċessarju għall-funzjonament tajjeb tal-ħidma prevista fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE, li jitlob lil-leġiżlatur tal-Unjoni emenda għall-Artikolu 22 tal-Istatuti, billi jiżdied riferiment espliċitu għas-sistemi ta’ clearing ta’ titoli.

110. Fid-dawl ta’ dan kollu premess, l-ewwel motiv invokat mir-Renju Unit għandu jintlaqa’ u, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-erba’ motivi l-oħra, għandu jiġi konkluż li l-BĊE ma għandux il-kompetenza neċessarja sabiex jirregola l-attività tas-sistemi ta’ clearing ta’ titoli, b’tali mod li l-qafas ta’ sorveljanza, sa fejn jimponi fuq il-kontropartijiet ċentrali li jintervjenu fil-clearing ta’ titoli finanzjarji rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fi ħdan iż-żona euro, għandu jiġi annullat minħabba nuqqas ta’ kompetenza.

Fuq l-ispejjeż

111. Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-BĊE tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mir-Renju Unit, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

112. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1) Il-qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema, ippubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-5 ta’ Lulju 2011, huwa annullat sa fejn dan jistabbilixxi rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fi ħdan Stat Membru tal-Eurosistema għall-kontropartijiet ċentrali li jintervjenu fil-clearing ta’ titoli finanzjarji.

2) Il-BĊE għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

3) Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

“Politika ekonomika u monetarja — BĊE — Rikors għal annullament — Qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema — Att li jista’ jiġi kkontestat — Ammissibbiltà — Sorveljanza tas-sistemi ta’ ħlas u ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli — Rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fi Stat Membru tal-Eurosistema applikat għas-sistemi ta’ clearing minn kontroparti ċentrali — Kompetenza tal-BĊE”

Fil-Kawża T‑496/11,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn S. Ossowski, S. Behzadi-Spencer u E. Jenkinson, sussegwentement minn S. Behzadi-Spencer u E. Jenkinson, u finalment minn V. Kaye, bħala aġenti assistiti minn K. Beal u P. Saini, QC,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, C. Stege, S. Johannesson, U. Persson u H. Karlsson, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), inizjalment irrappreżentat minn A. Sáinz de Vicuña Barroso u K. Laurinavičius, sussegwentement minn Sáinz de Vicuña Barroso u P. Papapaschalis u finalment minn Papapaschalis u P. Senkovic, bħala aġenti, assistiti minn R. Subiotto, QC, F.-C. Laprévote, avukat, u P. Stuart, barrister,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González, abogado del Estado,

u minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas u E. Ranaivoson, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema ppubblikat mill-BĊE fil-5 ta’ Lulju 2011, sa fejn dan jiffissa rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali stabbiliti fi Stati Membri li ma jifformawx parti mill-Eurosistema,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek (Relatur), President, I. Labucka u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil-5 ta’ Lulju 2011, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ippubblika fuq is-sit tal-internet il-qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema (iktar ’il quddiem il-“qafas ta’ sorveljanza”), li huwa jippreżenta bħala li huwa intiż sabiex jiddeskrivi r-rwol tal-Eurosistema [jiġifieri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) limitata għall-BĊE u għall-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li adottaw l-Euro bħala munita komuni] fis-sorveljanza tas-“sistemi ta’ ħlas, ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni”.

2

Huwa enfasizzat li l-espressjoni “sistemi ta’ ħlas, ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni” għandha tinftiehem bħala li tinkludi b’mod ġeneriku s-“sistemi ta’ ħlas (inklużi l-istrumenti ta’ ħlas), is-sistemi ta’ clearing (inklużi l-kontropartijiet ċentrali) u s-sistemi ta’ regolarizzazzjoni (tat-titoli)” (punt 1 tal-qafas ta’ sorveljanza).

3

Sabiex jiġi ġġustifikat l-interess li s-sistemi ta’ ħlas, ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni jirrappreżentaw għall-Eurosistema, huwa nnotat li l-infrastrutturi tagħhom huma suġġetti għal bosta riskji li jista’ jkollhom dimensjoni sistematika u li jistgħu jaffettwaw is-sistema finanzjarja u l-istruttura kollha kemm hi. Huma msemmija wkoll l-esternalitajiet negattivi li jistgħu jirriżultaw minn dawn is-sistemi, bħad-dewmien fir-regolarizzazzjoni tal-ħlasijiet. Il-BĊE jenfasizza wkoll it-tixrid tal-infrastrutturi preżenti fiż-żona euro u l-konsegwenzi negattivi tiegħu, inklużi t-tranżazzjonijiet transkonfinali.

4

Skont il-BĊE, l-interess tal-Eurosistema għas-sistemi ta’ ħlas, ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni jirrifletti l-funzjoni fdata lilu mill-Artikolu 127(2) TFUE li jippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. L-iżgurar tas-sigurtà u l-effikaċità ta’ tali sistemi huwa rekwiżit preliminari importanti għall-istabbiltà finanzjarja u sabiex tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku ġenerali fl-euro. Għall-finijiet tal-promozzjoni tal-effikaċità u tas-sigurtà, l-Eurosistema ssegwi tliet approċċi komplementari. L-ewwel nett, bħala proprjetarju u operatur ta’ sistema, dan huwa responsabbli għas-sigurtà u l-effikaċja tagħha. Imbagħad, huwa l-kompitu tiegħu li jeżerċita sorveljanza tas-sistemi u tal-infrastrutturi kollha ta’ ħlas, ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni. Fl-aħħar nett, l-Eurosistema tintervjeni bħala stimulant u katalista għat-titjib tal-effikaċità ġenerali tal-infrastrutturi tas-suq taż-żona euro (punt 2 tal-qafas ta’ sorveljanza).

5

Fir-rigward speċifikament tal-funzjoni ta’ sorveljanza tal-Eurosistema, il-BĊE jikkunsidra li din għandha l-bażi legali tagħha fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE u fil-paragrafu 3.1 tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tat-Trattat FUE dwar l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE (iktar ’il quddiem l-“Istatuti”), li jassenjaw lis-SEBĊ il-ħidma bażika tal-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. Huwa indikat ukoll li, fir-rigward tas-sistemi ta’ clearing u ta’ ħlas, l-Artikolu 22 tal-Istatuti jipprovdi li “[l]-BĊE u l-banek centrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista’ jagħmel regolamenti, sabiex jiżgura li s-sistemi ta’ clearing u ħlas fi ħdan l-Unjoni u ma’ pajjiżi oħra jkunu effiċjenti u validi”.

6

Il-BĊE jżid li dawn il-bażijiet legali għandhom jiġu interpretati fil-kuntest storiku tagħhom. L-assenza ta’ riferiment espliċitu għal funzjoni ta’ “sorveljanza” hija spjegata mill-fatt li tali funzjoni ma kinitx, fiż-żmien tal-iffirmar tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mifhuma li tikkostitwixxi kompetenza awtonoma, iżda, pjuttost, konsegwenza tal-funzjonijiet assenjati lill-banek ċentrali fir-rigward tas-sistemi ta’ ħlas, tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u tal-politika monetarja. Barra minn hekk, is-sistemi ta’ regolarizzazzjoni u ta’ clearing ma kellhomx dak iż-żmien la d-dimensjoni u lanqas l-importanza li għandhom illum, partikolarment għat-tranżazzjonijiet transkonfinali. F’dan ir-rigward, huwa enfasizzat fil-qafas ta’ sorveljanza li l-banek ċentrali nazzjonali huma sikwit assenjati funzjoni espliċita ta’ sorveljanza, inkluż fir-rigward tas-sistemi ta’ regolarizzazzjoni u ta’ clearing. Fl-aħħar nett, huwa msemmi li funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ regolarizzazzjoni u ta’ clearing huwa fl-interess tal-Eurosistema minħabba l-importanza tagħhom għall-ġestjoni tajba tal-politika monetarja, ir-rabtiet mill-qrib tagħhom mas-sistemi ta’ ħlas u r-rilevanza tagħhom għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali.

7

Din il-funzjoni ta’ sorveljanza ġiet immaterjalizzata bl-adozzjoni ta’ standards u ta’ rekwiżiti li s-sistemi ta’ ħlas għandhom josservaw. Fir-rigward tas-sistemi ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni tat-titoli, din hija mmanifestata bil-parteċipazzjoni konġunta ta’ rappreżentanti tas-SEBĊ u tal-Kumitat Ewropew tar-Regolaturi tas-Suq tas-Sigurtajiet fi grupp ta’ ħidma li bagħat lill-awtoritajiet pubbliċi rakkomandazzjonijiet li ma humiex vinkolanti (punt 3 tal-qafas ta’ sorveljanza).

8

Fil-qafas ta’ sorveljanza ġie speċifikat li s-sistemi ta’ regolarizzazzjoni tat-titoli u l-kontropartijiet ċentrali huma komponenti essenzjali tas-sistema finanzjarja. Din tista’ tintlaħaq b’mod sistematiku bi problema finanzjarja, ġuridika jew operazzjonali li taffettwahom. Dan huwa partikolarment il-każ għall-kontropartijiet ċentrali sa fejn dawn jikkostitwixxu punt ta’ konverġenza tar-riskji kemm ta’ likwidità kif ukoll ta’ kreditu. Il-BĊE jżid li, sa fejn it-tranżazzjonijiet fuq titoli jimplikaw kemm trasferiment ta’ titoli kif ukoll ta’ likwidità, perturbazzjonijiet fit-trasferiment ta’ titoli jistgħu jwasslu għal perturbazzjonijiet fis-sistemi ta’ ħlas (punt 4 tal-qafas ta’ sorveljanza).

9

Il-qafas ta’ sorveljanza jippreżenta l-metodu ta’ sorveljanza tal-Eurosistema bħala li jsegwi approċċ fit tliet stadji, jiġifieri, l-ewwel nett, il-ġbir tal-informazzjoni rilevanti, it-tieni nett, l-evalwazzjoni tagħha fid-dawl tal-għanijiet tagħha u, it-tielet nett, il-bidu fejn applikabbli ta’ tibdil sabiex jiġu rrimedjati nuqqasijiet ta’ konformità li jista’ jkun hemm. Sabiex jingħata bidu għal dan it-tibdil, l-Eurosistema għandha tuża l-pressjoni morali, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi, l-influwenza li tirriżulta mill-parteċipazzjoni tagħha fis-sistemi u mill-kooperazzjoni mal-awtoritajiet l-oħra kif ukoll il-possibbiltà ta’ adozzjoni ta’ regolamenti direttament vinkolanti fl-Istati Membri li jifformaw parti miż-żona euro. Il-BĊE jenfasizza li għadu ma applikax din l-aħħar possibbiltà.

10

Fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-irwoli fi ħdan l-Eurosistema, ir-responsabbiltà prinċipali hija assenjata lill-bank ċentrali fl-aħjar pożizzjoni, kemm jekk dan ikun bank ċentrali nazzjonali jew il-BĊE. Hemm indikat ukoll li r-regoli u n-normi li l-osservanza tagħhom hija suġġetta għal sorveljanza huma l-istess għas-sistemi privati u għal dawk ġestiti mill-Eurosistema (punt 5 tal-qafas ta’ sorveljanza).

11

Fir-rigward tal-problematika li tirriżulta mill-eżistenza ta’ infrastrutturi li jinsabu barra miż-żona euro, li jipparteċipaw fir-regolarizzazzjoni jew fil-clearing ta’ tranżazzjonijiet f’euro, huwa enfasizzat fil-qafas ta’ sorveljanza li funzjonament ħażin min-naħa tagħhom jista’ jkollu effetti negattivi fuq sistemi ta’ ħlas li jinsabu fiż-żona euro, anki jekk din tal-aħħar ma għandhiex influwenza diretta fuq tali infrastrutturi. Ftehimiet ta’ kooperazzjoni għas-sorveljanza fil-livell internazzjonali jistgħu biss jillimitaw din l-assenza ta’ influwenza diretta, iżda ma jikkumpensawx b’mod sħiħ għaliha. Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan marbut mal-Eurosistema li tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas, jidher li l-iżvilupp ta’ infrastrutturi importanti tas-suq barra miż-żona euro huwa preokkupanti.

12

Fil-qafas ta’ sorveljanza ġie dedott li, bħala prinċipju, l-infrastrutturi għar-regolarizzazzjoni ta’ tranżazzjonijiet iddenominati f’euro għandhom jagħmlu dan bi “flus il-bank ċentrali” u din għandha tiġi legalment irreġistrata fiż-żona euro b’mod li t-totalità tar-responsabbiltà u tal-kontroll maniġerjali u operattiv fuq il-funzjonijiet essenzjali kollha tiġi eżerċitata minn din iż-żona.

13

Fir-rigward tal-kontropartijiet ċentrali, huwa qabelxejn imfakkar fil-qafas ta’ sorveljanza li “l-Eurosistema adottat ukoll dikjarazzjoni fuq il-lokalizzazzjoni tal-kontropartijiet ċentrali, fejn hemm enfasizzat l-interess tagħha li l-infrastrutturi essenzjali użati għall-euro jkunu lokalizzati fiż-żona euro” u li “[b]l-applikazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni għall-prodotti dderivati ta’ kreditu over-the-counter, l-Eurosistema ma werietx biss ‘il-bżonn ta’ mill-inqas kontroparti ċentrali Ewropea għad-derivati ta’ kreditu’, iżda wkoll enfasizzat li, ‘fid-dawl tal-importanza sistematika potenzjali tas-sistemi ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli, din l-infrastruttura għandha tiġi lokalizzata fiż-żona euro’”. Il-BĊE jżid li “[d-]daqs assolut u dak relattiv tat-tranżazzjonijiet f’euro mwettqa mill-kontroparti ċentrali extra territorjali jikkostitwixxu kriterju utli għall-evalwazzjoni tal-impatt potenzjali li din il-kontroparti ċentrali teżerċita fuq iż-żona euro”. Huma kkonċernati l-kontropartijiet ċentrali li, bħala medja, għandhom espożizzjoni ta’ kreditu nett ta’ kuljum ta’ iktar minn EUR 5 biljun f’waħda mill-kategoriji prinċipali ta’ prodotti ddenominati f’euro. Barra minn hekk, ġie speċifikat li “l-politika ta’ lokalizzazzjoni tapplika għall-kontropartijiet ċentrali kollha li jirreġistraw bħala medja iktar minn 5 % tal-espożizzjoni ta’ kreditu nett totali ta’ kuljum tal-kontropartijiet ċentrali kollha għal waħda mill-kategoriji prinċipali ta’ prodotti ddenominati f’euro”. Minn dan, il-BĊE jiddeduċi li “l-kontropartijiet ċentrali li jaqbżu dawn il-limiti għandhom ikunu ġuridikament ikkostitwiti fiż-żona euro, b’kontroll sħiħ u b’responsabbiltà totali, fil-livell tal-ġestjoni u tal-operat, tal-funzjonijiet essenzjali kollha eżerċitati miż-żona euro” (punt 6 tal-qafas ta’ sorveljanza).

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2011, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ressaq din il-kawża.

15

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Diċembru 2012, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

16

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Jannar 2013, ir-Renju ta’ Spanja talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

17

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Frar 2013, ir-Renju tal-Isvezja talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit.

18

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika Taljana talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

19

B’digriet tat-30 ta’ Mejju 2013, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet, minn naħa, tar-Repubblika Franċiża, tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Taljana sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-BĊE u, min-naħa l-oħra, tar-Renju tal-Isvezja sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit.

20

Fis-7 ta’ Novembru 2013, ir-Repubblika Taljana rtirat l-intervent tagħha.

21

Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

22

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

23

Fis-26 ta’ Novembru 2013, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-Renju Unit u lill-BĊE, li għalihom huma wieġbu fit-termini mogħtija.

24

It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Lulju 2014.

25

Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-qafas ta’ sorveljanza, sa fejn dan jiffissa politika ta’ lokalizzazzjoni applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali stabbiliti fl-Istati Membri li ma jagħmlux parti mill-Eurosistema;

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

26

Il-BĊE jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

27

Mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà b’att separat fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-BĊE, sostnut fis-seduta mir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża, jressaq, essenzjalment, żewġ oġġezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq in-natura mhux kontestabbli tal-qafas ta’ sorveljanza u l-assenza ta’ locus standi tar-Renju Unit.

28

Ir-Renju Unit, sostnut fis-seduta mir-Renju tal-Isvezja, talab l-ammissibbiltà tar-rikors.

Fuq l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura mhux kontestabbli tal-qafas ta’ sorveljanza

29

Insostenn tal-allegazzjoni tiegħu bbażata fuq il-fatt li l-qafas ta’ sorveljanza ma jikkostitwixxix att kontestabbli, il-BĊE jsostni, essenzjalment, l-ewwel nett, li dan il-qafas ma jikkostitwixxix att li jipproduċi effetti legali, it-tieni nett, li huwa sempliċement jafferma mill-ġdid politika ta’ lokalizzazzjoni li kienet diġà teżisti u li ma ġietx ikkontestata u, it-tielet nett, li dan ma jaqax taħt xi waħda mill-kategoriji ta’ atti vinkolanti li huwa jista’ jadotta.

30

Qabelxejn, it-tielet argument imressaq mill-BĊE, ibbażat fuq il-forma tal-qafas ta’ sorveljanza, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti peress li dan jikkontradixxi direttament il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li r-rikors għal annullament huwa miftuħ għar-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha pprovduti mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi li jkollhom effetti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra, EU:C:1971:32, punt 39, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, Ġabra, EU:C:2008:422, punti 43 u 45). Fil-fatt, din il-ġurisprudenza hija intiża speċifikament sabiex tevita li l-forma jew id-denominazzjoni mogħtija lil att mill-awtur tiegħu tkun tista’ twassal sabiex dan l-att jiġi eskluż minn evalwazzjoni tal-legalità tiegħu fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, anki meta huwa, fil-fatt, ikollu effetti legali.

31

Fid-dawl tal-ġurisprudenza, il-kapaċità ta’ att li jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, li jkun suġġett għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE timplika eżami tal-kliem u tal-kuntest tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑57/95, Ġabra, EU:C:1997:164, punt 18, u tal-1 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑301/03, Ġabra, EU:C:2005:727, punti 21 sa 23), tas-sustanza tiegħu (sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑366/88, Ġabra, EU:C:1990:348, punt 23; tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, Ġabra, EU:C:2010:40, punt 52; u Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2008:422, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens u bħala analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1991, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑303/90, Ġabra, EU:C:1991:424, punti 18 sa 24, u tas-16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑325/91, Ġabra, EU:C:1993:245, punti 20 sa 23) u tal-intenzjoni tal-awtur tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2010:40, punt 52, u Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2008:422, punt 42).

32

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem u tal-kuntest tal-att ikkontestat, għandu jiġi enfasizzat li dan l-eżami jippermetti l-evalwazzjoni tal-perċezzjoni li l-partijiet interessati seta’ raġonevolment kellhom tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, Oleifici Italiani u Fratelli Rubino vs Il-Kummissjoni, T‑54/96, Ġabra, EU:T:1998:204, punt 49). Jekk dan l-att huwa pperċepit bħala li joffri biss is-segwitu għal aġir u, għalhekk, bħala li jammonta għal sempliċi rakkomandazzjoni fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE jew, fil-każ tal-BĊE, tal-Artikolu 132(1) TFUE, għandu jiġi konkluż li l-att ma jipproduċix effetti legali ta’ natura li jagħmel rikors għal annullament kontra tiegħu ammissibbli. Għall-kuntrarju, minn dan l-eżami jista’ jirriżulta li l-perċezzjoni tal-att ikkontestat mill-partijiet interessati hija dik ta’ att li għandu jiġi osservat minnhom, minkejja l-forma jew id-denominazzjoni ppreferuta mill-awtur tiegħu.

33

Sabiex tiġi evalwata l-perċezzjoni tal-partijiet interessati tal-kliem tal-att ikkontestat u tal-kuntest tiegħu, l-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk dan l-att kienx is-suġġett ta’ pubbliċità barra mill-isfera interna tal-awtur tiegħu. Fil-fatt, minkejja li l-eżistenza ta’ tali pubbliċità ma għandhiex effett fuq il-klassifikazzjoni tal-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑258/06, Ġabra, EU:T:2010:214, punti 30 u 31), l-assenza tagħha għandha t-tendenza li żżomm tali att fil-kategorija ta’ atti interni għall-istituzzjoni, li fil-prinċipju ma jistgħux jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑443/97, Ġabra, EU:C:2000:190, punti 27 sa 36).

34

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-qafas ta’ sorveljanza ġie ppubblikat barra mill-isfera interna tal-BĊE, billi dan ġie ppubblikat fuq is-sit tal-internet tiegħu.

35

It-tieni nett, mill-perspettiva tal-partijiet interessati, hija rilevanti wkoll ir-redazzjoni tal-att, sabiex jiġi vverifikat jekk dan ġiex ifformulat f’termini mandatorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:1997:164, punt 18) jew, għall-kuntrarju, jużax lingwaġġ li għandu tendenza juri natura sempliċement indikattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2005:727, punti 21 u 22).

36

F’dan il-każ, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet preliminari tal-qafas ta’ sorveljanza jippreżentawh bħala li għandu l-għan li “jiddeskrivi r-rwol tal-Eurosistema fil-qasam tas-sorveljanza”. Kuntrarjament għal dak li l-BĊE jsostni, l-enfasi ta’ tali suġġett deskrittiv ma jippermettix li jiġi eskluż li l-kontenut tiegħu huwa pperċepit mill-partijiet interessati bħala li huwa ta’ natura mandatorja. Minn dan, pjuttost jirriżulta li l-qafas ta’ sorveljanza, ’il bogħod milli jidher bħala sempliċi proposta espliċitament indikattiva, jippreżenta ruħu bħala deskrittiv tar-rwol tal-Eurosistema, u dan jista’ jwassal lill-partijiet biex jikkonkludu li dan jittraskrivi l-kompetenzi li fil-fatt ġew assenjati mit-trattati lill-BĊE u lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri taż-żona euro.

37

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li s-silta inkwistjoni mill-qafas ta’ sorveljanza, dwar il-lokalizzazzjoni tal-kontropartijiet ċentrali intiżi għall-clearing ta’ operazzjonijiet li jirrigwardaw titoli (iktar ’il quddiem it-“titoli”), tuża formulazzjoni ta’ natura mandatorja:

“L-iskala, f’termini assoluti u relattivi, tal-operazzjonijiet f’euro ta’ kontroparti ċentrali extra territorjali tipprovdi indikazzjoni utli tal-impatt li din il-kontroparti jista’ jkollha fuq iż-żona euro. L-Eurosistema tapplika limiti fir-rigward tal-implementazzjoni tal-politika ta’ lokalizzazzjoni għall-kontropartijiet ċentrali simili għal dawk li japplikaw għas-sistemi ta’ ħlas. Madankollu, fid-dawl tan-natura speċifika tal-attività tal-kontropartijiet ċentrali, il-limitu ta’ EUR 5 biljun japplika għall-kontropartijiet ċentrali li ma jinsabux fiż-żona euro li huma kkonfrontati bħala medja b’riskju ta’ kuljum ta’ kreditu nett ta’ iktar minn EUR 5 biljun għal waħda mill-kategoriji prinċipali ta’ prodotti ddenominati f’euro […] Il-politika ta’ lokalizzazzjoni hija applikata għall-kontropartijiet ċentrali kollha li jirreġistraw bħala medja iktar minn 5 % tal-espożizzjoni ta’ kreditu nett aggregat ta’ kuljum tal-kontropartijiet ċentrali kollha għal waħda mill-kategoriji prinċipali ta’ prodotti ddenominati f’euro.

Din hija r-raġuni għal xiex il-kontropartijiet ċentrali li jaqbżu dawn il-limiti għandhom ikunu kkostitwiti legalment fiż-żona euro, b’kontroll sħiħ u responsabbiltà sħiħa, fil-livell tal-ġestjoni u tal-operazzjonijiet, tal-funzjonijiet essenzjali kollha eżerċitati miż-żona euro.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

38

Is-silta ta’ hawn fuq tirreferi għal nota ta’ qiegħ il-paġna, fejn hemm enfasizzat li l-ammont totali tar-riskju medju “jista’ jiġi evalwat, pereżempju, fil-każ tal-kontropartijiet ċentrali li jwettqu clearing ta’ prodotti derivati mill-pożizzjoni miftuħa tagħhom, filwaqt li għall-kontropartijiet ċentrali li jintervjenu fl-operazzjonijiet ta’ flus kontanti u fl-operazzjonijiet repo, wieħed japplika l-pożizzjoni miftuħa totali li fuqha huwa bbażat il-marġni tal-kontroparti ċentrali”.

39

Għandu jiġi osservat li din is-silta hija ta’ natura partikolarment preċiża, b’mod li tiffaċilita l-applikazzjoni tagħha. Mhux biss tistabbilixxi l-ammonti tal-limiti ta’ attività li minnhom kontroparti ċentrali għandha tiġi llokalizzata fiż-żona euro, iżda tippreċiża wkoll, f’termini inekwivoċi, l-approċċ li għandu jiġi segwit skont in-natura tat-titoli li għalihom il-kontroparti ċentrali tintervjeni.

40

It-tielet nett, il-perċezzjoni tal-kliem tal-att ikkontestat u tal-kuntest tiegħu tista’ tvarja skont in-natura tal-partijiet interessati minn dan l-att.

41

Skont il-BĊE, il-qafas ta’ sorveljanza ma huwiex maħsub biex “jiffissa linja ta’ mġiba obbligatorja għall-istituzzjonijiet u għall-Istati Membri, jew ukoll għall-[banek ċentrali nazzjonali] jew il-kontrapartijiet ċentrali”, u pjuttost jikkostitwixxi sempliċi dokument ta’ informazzjoni indirizzat lill-pubbliku ġenerali.

42

Ċertament, il-qafas ta’ sorveljanza ma għandux l-effett li jimponi direttament fuq il-kontropartijiet ċentrali li jinsabu barra miż-żona euro li jassenjaw l-attivitajiet tagħhom jew li jittrasferixxuhom fi ħdan l-imsemmija żona. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni tal-BĊE ma tiħux inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-qafas ta’ sorveljanza mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri taż-żona euro, li jistgħu, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħhom, jostakolaw l-attività ta’ clearing imwettqa minn kontropartijiet ċentrali li jinsabu barra mill-imsemmija żona.

43

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rwol tal-kontropartijiet ċentrali fil-katina tal-ipproċessar tal-operazzjonijiet fuq titoli jimplika l-interazzjoni ma’ infrastrutturi finanzjarji oħra, li huma suġġetti għal kontroll mill-awtoritajiet regolatorji, li possibbilment jistgħu jipprekludu jew jirrestrinġu r-relazzjonijiet tagħhom ma’ kontroparti ċentrali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-qafas ta’ sorveljanza.

44

Fil-fatt, huwa stabbilit li l-funzjoni ta’ kontroparti ċentrali hija li tippermetti clearing multilaterali ta’ operazzjonijiet fuq titoli, billi tissostitwixxi lix-xerrej fir-rigward ta’ kull bejjiegħ u lill-bejjiegħ fir-rigward ta’ kull xerrej. Għalhekk, kif ġie enfasizzat mill-BĊE nnifsu fil-qafas ta’ sorveljanza, il-funzjoni ta’ clearing eżerċitata mill-kontropartijiet ċentrali sseħħ fir-rigward tat-titoli suġġetti ta’ tranżazzjonijiet u kif ukoll il-likwiditajiet intiżi għall-ħlas ta’ dawn it-tranżazzjonijiet. Minn dan isegwi li, sabiex teżerċita l-attività tagħha, kontroparti ċentrali għandu jkollha aċċess, minn naħa, għal sistema ta’ ħlas li tippermetti t-trasferiment ta’ likwiditajiet, li jsir minn bank ċentrali jew fuq bażi privata, u, min-naħa l-oħra, għal sistema ta’ regolarizzazzjoni-provvista ta’ titoli li tippermetti t-trasferiment tal-proprjetà u ż-żamma ta’ titoli.

45

Minn dan isegwi li, fil-każ li l-awtoritajiet regolatorji tas-sistemi ta’ ħlas jew ta’ regolarizzazzjoni-provvista ta’ titoli jqisu li għandu jiġi impost fuq dawn is-sistemi l-osservanza tar-rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni li jidher fil-qafas ta’ sorveljanza, kontroparti ċentrali li ma tosservax il-kriterji li jidhru fl-imsemmi qafas tista’ tiġi mċaħħda mill-aċċess għall-atturi l-oħra involuti fil-katina tal-ipproċessar tal-operazzjonijiet fuq titoli.

46

Barra minn hekk, l-utenti tas-servizzi tal-kontropartijiet ċentrali, essenzjalment ikkostitwiti mis-swieq regolati u, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet over-the-counter, minn impriżi tal-investiment u istituzzjonijiet li jiġġestixxu l-pjattaforma tal-kummerċ tagħhom stess, huma wkoll suġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet regolatorji, li possibbilment jistgħu jipprojbixxu jew jirrestrinġu r-relazzjonijiet tagħhom ma’ kontroparti ċentrali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-qafas ta’ sorveljanza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li l-Artikolu 35(1) u l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), jistabbilixxu l-prinċipju ta’ aċċess liberu għall-kontropartijiet ċentrali li jinsabu fi Stat Membru ieħor fir-rigward, rispettivament, minn naħa, tal-impriżi tal-investiment u l-operaturi tas-suq li joperaw il-pjattaforma tal-kummerċ tagħhom stess u, min-naħa l-oħra, tas-swieq regolati, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 35(2) u l-Artikolu 46(2) tal-istess direttiva jimplikaw il-possibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jipprojbixxu l-użu ta’ kontroparti ċentrali jekk din il-projbizzjoni tkun neċessarja sabiex tissalvagwarda l-funzjonament ordnat ta’ pjattaforma ta’ kummerċ jew ta’ suq irregolat.

47

Sabiex tiġi evalwata l-perċezzjoni li tali awtoritajiet regolatorji jista’ raġonevolment ikollhom tal-qafas ta’ sorveljanza, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE jsostni l-pretensjoni tiegħu billi jtenni l-eżistenza ta’ kompetenza tal-Eurosistema li tissorvelja u, jekk ikun il-każ, tirregola sistemi ta’ clearing ta’ titoli, li taħtha jaqgħu l-kontropartijiet ċentrali, fuq diversi bażijiet legali. B’hekk huwa jirreferi għal-Artikolu 127(1) TFUE peress li dan jassenja lill-Eurosistema l-għan prinċipali li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-BĊE jsostni, essenzjalment, li l-falliment ta’ kontroparti ċentrali jista’ joħloq riskju sistematiku għas-sistema finanzjarja fit-totalità tagħha u b’hekk jaffettwa r-realizzazzjoni ta’ dan l-għan. Huwa msemmi wkoll l-Artikolu 127(2) TFUE, li jelenka, fost il-ħidmiet bażiċi tal-Eurosistema, il-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. F’din il-perspettiva, il-BĊE jenfasizza r-rabtiet partikolarment stretti bejn is-sistemi ta’ ħlas u s-sistemi ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli, sa fejn dawn jimplikaw it-trasferiment ta’ fondi li jikkorrispondu għall-ħlas ta’ titoli. Minn dan huwa jiddeduċi, essenzjalment, li nuqqas tas-sistemi ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli jista’, indirettament, jaffettwa l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. Huwa jsostni wkoll li r-riferiment għas-sistemi ta’ ħlas li jinsab fl-Artikolu 127(2) TFUE għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi s-sistemi ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli, fid-dawl tal-importanza miksuba minn dawn is-sistemi wara li ġie redatt it-Trattat UE. Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 127(2) TFUE, huwa jirreferi wkoll għall-fatt li l-Artikolu 22 tal-Istatuti jirrikonoxxi lilu l-kompetenza li jadotta regolamenti sabiex jiżgura l-effikaċità u s-solidità tas-sistemi “ta’ clearing u ħlas” u mhux biss ta’ sistemi ta’ ħlas.

48

Mingħajr ma wieħed jippreġudika l-eżami fil-mertu ta’ din l-azzjoni, għandu jiġi enfasizzat li tali argumenti ma humiex daqshekk manifestament infondati li jista’ immedjatament jiġi eskluż li l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri taż-żona euro jikkonkludu li l-Eurosistema għandha l-kompetenza li tirregola l-attività tas-sistemi ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli u li, għalhekk, dawn huma marbuta jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni li jinsab fil-qafas ta’ sorveljanza.

49

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-eżami tal-kliem tal-qafas ta’ sorveljanza, kif ukoll tal-kuntest tiegħu, mill-perspettiva tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri taż-żona euro, għandu t-tendenza li jikklassifika lil dan il-qafas fost l-atti li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

50

Fit-tieni lok, l-istess konklużjoni għandha tiġi bbażata fuq l-analiżi tas-sustanza tal-qafas ta’ sorveljanza, sa fejn il-formulazzjoni ta’ rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fi ħdan iż-żona euro fir-rigward tal-kontropartijiet ċentrali li l-attività tagħhom taqbeż il-limiti li huwa jispeċifika hija ekwivalenti għal żieda ta’ regola ġdida fl-ordinament ġuridiku, peress li tali rekwiżit ma jidher f’ebda dispożizzjoni legali li kienet diġà teżisti.

51

Fit-tielet lok, għandha tiġi evalwata l-intenzjoni tal-BĊE fl-adozzjoni tal-qafas ta’ sorveljanza sabiex jiġi vverifikat jekk dan kienx intiż jew le sabiex jipproduċi effetti legali. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, bħala prinċipju, il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-awtur tagħhom wara proċedura amministrattiva u li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti legali mandatorji ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, bl-esklużjoni b’mod partikolari tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti, kif ukoll atti purament konfermattivi ta’ att preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-terminu, huma atti kontestabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, point 31 iktar ’il fuq, EU:C:2010:40, punt 52, u Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2008:422, punt 42).

52

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk l-għan imfittex bl-adozzjoni tal-qafas ta’ sorveljanza, kif joħroġ partikolarment mill-kliem u mis-sustanza tiegħu, kienx jikkonsisti fl-iffissar ta’ pożizzjoni definittiva tal-BĊE jew, għall-kuntrarju, fil-preparazzjoni ta’ att sussegwenti, unikament intiż sabiex jipproduċu effetti legali.

53

F’dan ir-rigward, kif ġie nnotat fil-punt 38 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjoni tal-politika ta’ lokalizzazzjoni li tinsab fil-qafas ta’ sorveljanza hija ta’ natura partikolarment preċiża, b’mod li jirrendiha faċilment applikabbli. Għalhekk, iktar milli jippreżenta natura ta’ sempliċi dikjarazzjoni ipotetika, il-qafas ta’ sorveljanza huwa fil-fatt intiż sabiex jimponi l-osservanza ta’ rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni għall-kontropartijiet ċentrali li l-attività tagħhom taqbeż il-limiti li huwa jiffissa u, għaldaqstant, fl-assenza ta’ indizji kuntrarji fit-test tal-qafas ta’ sorveljanza, jikkostitwixxi l-pożizzjoni definittiva tal-BĊE.

54

Fid-dawl ta’ dan kollu premess, għandu jiġi dedott mill-analiżi tal-kliem u l-kuntest tiegħu, mis-sustanza tiegħu u mill-intenzjoni tal-awtur tiegħu li l-qafas ta’ sorveljanza jipproduċi effetti legali u jikkostitwixxi, għalhekk, att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

55

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumentazzjoni tal-BĊE bbażata fuq in-natura allegatament konfermattiva tal-qafas ta’ sorveljanza jew fuq l-eżistenza ta’ atti sussegwenti li jirreferu għalih.

56

Fl-ewwel lok, skont il-BĊE, il-qafas ta’ sorveljanza sempliċement jafferma mill-ġdid politika ta’ lokalizzazzjoni li kienet teżisti qabel u li ma kinitx ikkontestata. Fil-fatt, f’dikjarazzjoni ta’ prinċipju li tmur lura għas-sena 2001 u li tat lok għal avviż tal-istampa tas-27 ta’ Settembru 2001, il-BĊE enfasizza li “[l]-ambitu ġeografiku naturali ta’ kull infrastruttura tas-suq ‘intern’ (inkluż il-clearing ma’ kontroparti ċentrali) għat-titoli u l-prodotti dderivati ddenominati f’euro huwa ż-żona euro” u li, “[f]id-dawl tal-importanza sistematika li s-sistemi ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni-provvista ta’ titoli jista’ jkollhom, din l-infrastruttura għandha tiġi lokalizzata fi ħdan iż-żona euro”. Huwa jżid li, f’dikjarazzjoni ta’ prinċipju tax-xahar ta’ Diċembru 2008 dwar il-kontropartijiet ċentrali, issemma li “l-Kunsill Regolatorju kkonferma n-neċessità li jkun hemm kontroparti ċentrali Ewropea tal-inqas għad-derivati ta’ kreditu” u li, “fid-dawl tal-importanza sistematika potenzjali ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni-provvista ta’ titoli, din l-infrastruttura għandha tkun lokalizzata fi ħdan iż-żona euro”.

57

Il-BĊE jfakkar ukoll li fi Frar 2009 huwa kien ippubblika qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema li fih ġie speċifikat, minn naħa, li “l-infrastrutturi li jirregolaw l-operazzjonijiet ta’ ħlas iddenominati f’euro kellhom jagħmlu dan fil-munita tal-bank ċentrali u kellhom ikunu legalment ikkostitwiti bħala kumpanniji fiż-żona euro b’responsabbiltà oeprazzjonali sħiħa tal-ipproċessar tal-operazzjonijiet iddenominati f’euro” u, min-naħa l-oħra, li l-“Eurosistema adottat ukoll dikjarazzjoni fuq il-lokalizzazzjoni tal-kontropartijiet ċentrali li enfasizzat l-interess tal-Eurosistema sabiex iċ-ċentru tal-infrastruttura li jservi lill-euro jkun lokalizzat fiż-żona euro”.

58

Konsegwentement, il-BĊE jsostni li l-politika tiegħu ta’ lokalizzazzjoni fir-rigward tal-kontropartijiet ċentrali tippreċedi l-qafas ta’ sorveljanza kkontestat fl-ambitu ta’ dan ir-rikors. Minn dan huwa jiddeduċi li l-istess qafas huwa ta’ natura konfermattiva u jista’, għalhekk, ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

59

Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-terminu huwa inammissibbli (digriet tal-21 ta’ Novembru 1990, Infortec vs Il-Kummissjoni, C‑12/90, Ġabra, EU:C:1990:415, punt 10, u s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 1996, Zunis Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑480/93 P, Ġabra, EU:C:1996:1, punt 14). L-għan ta’ din il-ġurisprudenza huwa li jiġi evitat li rikorrent ikun jista’, b’mod indirett, jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni li huwa ma jkun ikkontesta fi żmien utli u li tkun għalhekk saret definittiva.

60

Madankollu, skont din il-ġurisprudenza, deċiżjoni hija purament konfermattiva fir-rigward ta’ deċiżjoni preċedenti meta ma jkollha ebda element ġdid meta mqabbla ma’ att preċedenti u ma tkunx ġiet ippreċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-att preċedenti (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2000, Ripa di Meana et vs Il-Parlament, T‑83/99 sa T‑85/99, Ġabra, EU:T:2000:244, punt 33; ara d-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2004, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑521/03 P, EU:C:2004:778, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Bl-istess mod, fir-rigward ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra regolament li jemenda regolament preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tfakkar li mill-aħħar paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jipprovdi li r-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn dekorribbli, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni jew min-notifika tal-att ikkontestat jew, fin-nuqqas, mid-data li fiha r-rikorrent ikun sar jaf bih, jirriżulta li l-att li ma jkunx ġie kkontestat f’dan it-terminu jsir definittiv u li din in-natura definittiva tikkonċerna mhux biss l-att innifsu, iżda wkoll kull att sussegwenti li jkun ta’ natura purament konfermattiva. Din is-soluzzjoni, li hija ġġustifikata mill-istabbiltà legali meħtieġa tgħodd kemm għall-atti individwali kif ukoll għal dawk li jkunu ta’ natura normattiva, bħal regolament. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, meta dispożizzjoni ta’ regolament tiġi emendata, id-dritt ta’ azzjoni jerġa’ jingħata mill-ġdid, mhux biss kontra din id-dispożizzjoni waħidha, iżda wkoll kontra dawk kollha li, anki jekk mhux emendati, jifformaw ħaġa waħda magħha (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑299/05, Ġabra, EU:C:2007:608, punti 28 sa 30).

62

Għalhekk, il-fatt li l-BĊE seta’ jesprimi f’atti preċedenti l-prinċipju ta’ politika ta’ lokalizzazzjoni li seta’ japplika għall-kontropartijiet ċentrali ma jimplikax li l-klassifikazzjoni ta’ att konfermattiv għandha tiġi applikata għall-qafas ta’ sorveljanza, peress li l-politika ta’ lokalizzazzjoni inkwistjoni tidher fih f’forma modifikata.

63

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fuq il-kwistjoni tal-lokalizzazzjoni ta’ kontropartijiet ċentrali, il-qafas ta’ sorveljanza kkontestat fl-ambitu ta’ din ir-rikors huwa sostanzjalment differenti mill-atti li ppreċedewh.

64

Huwa ċertament preċiż li fl-atti preċedenti adottati mill-BĊE wieħed isib l-espressjoni ta’ xewqa li l-infrastrutturi essenzjali għaż-żona euro jkunu lokalizzati f’din iż-żona. Huwa għalhekk imfakkar, fil-verżjoni tal-qafas ta’ sorveljanza ppubblikata fl-2009 mill-BĊE, li l-“Eurosistema adottat ukoll dikjarazzjoni fuq il-lokalizzazzjoni tal-kontropartijiet ċentrali li enfasizzat l-interess tal-Eurosistema sabiex iċ-ċentru tal-infrastruttura li jservi lill-euro jkun lokalizzat fiż-żona euro” u li, “[b]l-applikazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni għall-prodotti derivati ta’ kreditu over-the-counter, l-Eurosistema ma wrietx biss il-‘bżonn ta’ mill-inqas kontroparti ċentrali Ewropea għad-derivati ta’ kreditu’, iżda wkoll li, ‘fid-dawl tal-importanza sistematika potenzjali ta’ clearing u ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli, din l-infrastruttura għandha tkun lokalizzata fiż-żona euro’” (paġna 9 tal-verżjoni tal-qafas ta’ sorveljanza ppubblikata fl-2009).

65

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-verżjoni tal-qafas ta’ sorveljanza kkontestata hija kjarament differenti mill-verżjonijiet preċedenti sa fejn din tiffissa limiti speċifiċi li taħthom dan ir-rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fiż-żona euro huwa applikabbli, li jikkontribwixxu għall-applikabbiltà tiegħu. Madankollu, mis-sempliċi fatt tal-preżenza ta’ din is-silta addizzjonali, il-qafas ta’ sorveljanza ma jistax jitqies li huwa ta’ natura konfermattiva allegata mill-BĊE.

66

Fit-tieni lok, l-argumentazzjoni tal-BĊE tista’ tinftiehem bħala li ssostni li, sa fejn atti legali oħra jirreferu għall-politika ta’ lokalizzazzjoni tal-BĊE kif deskritta fil-qafas ta’ sorveljanza, huma biss dawn l-atti li jista’ jkollhom effetti legali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors.

67

Tali argumentazzjoni ma tistax madankollu tiġi segwita, peress li hija dedotta minn konfużjoni ta’ relazzjonijiet li jistgħu jeżistu, minn naħa, bejn miżura intermedjarja u deċiżjoni finali u, min-naħa l-oħra, bejn att ta’ portata ġenerali u deċiżjonijiet li japplikawh. Fil-fatt, minkejja li l-Linja ta’ gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-26 ta’ April 2007, dwar is-Sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (BĊE/2007/2) (ĠU L 237, p. 1), u d-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-24 ta’ Lulju 2007, dwar il-kundizzjonijiet tat-TARGET2-BĊE (BĊE/2007/7) (ĠU L 237, p. 71), li għalihom il-partijiet jirreferu fl-atti tagħhom, ġew emendati sabiex jiġi inkluż riferiment għall-politika ta’ lokalizzazzjoni kif espressa fil-qafas ta’ sorveljanza, dan il-fatt ma jindikax assenza allegata tan-natura definittiva ta’ dan il-qafas. Dan juri biss li l-kundizzjoni fissa fih ġiet implementata fil-qasam speċifiku kkonċernat minn dawn iż-żewġ atti inkwistjoni.

68

Fid-dawl ta’ dan kollu premess, l-ewwel oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq in-natura tal-qafas ta’ sorveljanza, għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-assenza ta’ locus standi tar-Renju Unit

69

Il-BĊE jsostni li, anki jekk kellu jiġi konkluż li l-qafas ta’ sorveljanza għandu jitqies att vinkolanti, ir-Renju Unit ma għandux locus standi sabiex jippreżenta rikors kontra tiegħu, peress li huwa ma pparteċipax f’ċerti aspetti tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għall-fatt li l-Protokoll Nru 15 tat-Trattat FUE dwar ċerti dispożizzjonijiet tar-Renju Unit jipprekludi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Istatuti għalih, fosthom l-Artikolu 127(1) sa (5) TFUE.

70

Ir-Renju Unit isostni li l-Protokoll Nru 15 tat-Trattat FUE ma għandux l-effett li jipprekludih milli jikkontesta l-atti jew l-astensjonijiet tal-BĊE li jiksru d-dritt tal-Unjoni Ewropea.

71

Mill-ewwel u mit-tieni paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE u mill-punt 35.1 tal-Artikolu 35 tal-Istatuti jirriżulta li Stat Membru għandu dritt jippreżenta rikors kontra atti adottati mill-BĊE.

72

Barra minn hekk, minkejja li mill-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 15 tat-Trattat FUE jirriżulta li ċerti artikoli tal-Istatuti ma japplikawx għar-Renju Unit, l-Artikolu 35 tal-Istatuti ma huwiex inkluż f’din il-lista.

73

Minn dan għandu jiġi dedott li, fil-kwalità tiegħu ta’ Stat Membru, ir-Renju Unit għandu locus standi sabiex jaġixxi kontra atti tal-BĊE fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma huwa suġġett għall-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

74

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li l-Artikoli 4 u 7 tal-Protokoll Nru 15 tat-Trattat FUE jeskludu l-applikazzjoni, rispettivament, tal-Artikolu 127(1) sa (5) TFUE u tal-Artikoli 3 u 22 tal-Istatuti fir-rigward tar-Renju Unit. Fil-fatt, il-punt dwar jekk il-BĊE, bl-adozzjoni tal-qafas ta’ sorveljanza, baqax fl-ambitu tal-poteri lilu mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet jew, għall-kuntrarju, qabiżhomx, jaqa’ taħt l-evalwazzjoni fil-mertu tar-rikors u mhux taħt l-ammissibbiltà tiegħu.

75

Għaldaqstant, minkejja li, skont il-Protokoll Nru 15 tat-Trattat FUE, ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Istatuti ma japplikawx għar-Renju Unit, dan tal-aħħar jibqagħlu d-dritt li jippreżenta rikors sabiex il-qorti tal-Unjoni tivverifika jekk il-BĊE qabiżx il-kompetenzi tiegħu.

76

Konsegwentement, it-tieni oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-BĊE għandha tiġi miċħuda u dan ir-rikors għandu jitqies ammissibbli.

Fuq il-mertu

77

Ir-Renju Unit jinvoka ħames motivi.

78

Bl-ewwel motiv, huwa jsostni li l-BĊE ma kellux il-kompetenza li jimponi rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fir-rigward tal-kontropartijiet ċentrali. Fl-ambitu tat-tieni motiv, huwa jsostni li l-politika ta’ lokalizzazzjoni tal-BĊE tikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà tal-istabbiliment, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital. It-tielet motiv huwa bbażat fuq allegat ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 13(2) TUE. Bir-raba’ motiv, ir-Renju Unit isostni li r-rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni tal-BĊE jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fl-Artikolu 18 TFUE. Finalment, fl-ambitu tal-ħames motiv, huwa jsostni li l-ebda ġustifikazzjoni ma tista’ tingħata għan-natura diskriminatorja tal-qafas ta’ sorveljanza, fl-assenza tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

79

Fl-ambitu tal-ewwel motiv, ir-Renju Unit, sostnut fis-seduta mir-Renju tal-Isvezja, isostni li l-BĊE ma għandux il-kompetenza sabiex jeżerċita sorveljanza u kontroll regolatorju fuq il-kontropartijiet ċentrali.

80

Il-BĊE, sostnut fis-seduta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, iqis li, anki fil-każ li l-qafas ta’ sorveljanza jiġi kklassifikat bħala att vinkolanti, huwa jibqa’ kompetenti sabiex jadotta l-istess qafas.

81

Fl-ewwel lok, huwa jsostni li l-qafas ta’ sorveljanza jaqa’ taħt l-għan mogħti lilu mill-Artikolu 127(1) TFUE li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet u li jsostni l-linji ta’ politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni. B’mod iktar partikolari, dan jaqa’ taħt il-ħidma bażika, mogħtija lill-BĊE mill-Artikolu 127(2) TFUE, li jiġi promoss il-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. Huwa jfakkar li sa mill-2001 huwa kien irrileva l-effetti li l-kontropartijiet ċentrali jista’ jkollhom fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. Huwa jiddeduċi li, peress li l-politika ta’ lokalizzazzjoni fir-rigward tal-kontropartijiet ċentrali inkluża fil-qafas ta’ sorveljanza hija marbuta mal-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas, huwa seta’ jadottaha mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill.

82

Fil-kontroreplika, il-BĊE jenfasizza li l-premessa 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, p. 1), tirrikonoxxi li, taħt il-kompitu tal-promozzjoni ta’ funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas mis-SEBĊ, il-membri ta’ din tal-aħħar għandhom jeżerċitaw responsabbiltà fil-qasam tas-sorveljanza billi jiżguraw l-effikaċità u s-solidità tas-sistemi ta’ clearing u ta’ ħlas, inklużi l-kontropartijiet ċentrali.

83

Fit-tieni lok, il-BĊE jikkonfuta l-idea mressqa mir-Renju Unit li huwa kien marbut li jadotta att vinkolanti sabiex jistabbilixxi politika fil-qasam inkwistjoni. Essenzjalment, huwa jsostni li għandu dritt jadotta dikjarazzjoni sabiex jindika l-politika tiegħu dwar il-lokalizzazzjoni tal-kontropartijiet li jwettqu operazzjonijiet li jinvolvu attiv iddenominat f’euro, u dan anki fil-każ li l-Kunsill kellu jikkonferixxilu missjonijiet speċifiċi, skont l-Artikolu 127(6) TFUE.

84

B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni tirrigwarda l-kompetenza tal-BĊE li jimponi, f’isem l-Eurosistema, rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fi ħdan iż-żona euro applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali li jipprovdu servizzi ta’ clearing ta’ titoli ddenominati f’euro lil hinn minn ċerti limiti. Għandu jiġi kkonstatat li l-ħolqien ta’ tali rekwiżit imur lil hinn mill-qafas tas-sempliċi sorveljanza tal-infrastrutturi tas-sistemi ta’ clearing ta’ titoli, u iżda jipparteċipa fir-regolamentazzjoni tal-attività tagħhom.

85

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-BĊE għandux il-kompetenza li jirregola l-attività tal-infrastrutturi, bħalma huma l-kontropartijiet ċentrali, li jipparteċipaw fil-clearing ta’ titoli.

86

Fl-atti tiegħu, il-BĊE jibbaża l-eżistenza ta’ tali kompetenza fuq l-Artikolu 127(1) TFUE u fuq ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE. Huwa jirreferi wkoll, fil-qafas ta’ sorveljanza, għall-Artikolu 22 tal-Istatut.

87

Skont l-Artikolu 127(1) TFUE, l-għan prinċipali tas-SEBĊ huwa li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2), “[i]l-ħidmiet bażiċi li jridu jiġu mwettqa permezz tas-SEBĊ jkunu […] li tiġi promossa l-ħidma bla ostakoli ta’ sistemi ta’ ħlas”. Din il-ħidma hija mfakkra fir-raba’ inċiż tal-punt 3.1 taħt l-Artikolu 3 tal-Istatut.

88

L-Artikolu 22 tal-Istatut, intitolat “Sistemi ta’ clearing u ħlas”, jipprevedi li “[l]-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jipprovdu faċilitajiet, u l-BĊE jista’ jagħmel regolamenti, sabiex jiżgura li s-sistemi ta’ clearing u ħlas fi ħdan l-Unjoni u ma’ pajjiżi oħra jkunu effiċjenti u validi”.

89

Għandu jiġi kkonstatat li hemm relazzjoni komplementari bejn dawn id-diversi bażijiet legali. Is-setgħa li jadotta regolamenti taħt l-Artikolu 22 tal-Istatuti hija wieħed mill-mezzi disponibbli għall-BĊE sabiex iwettaq il-ħidma li l-Artikolu 127(2) TFUE jagħti lill-Eurosistema sabiex tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. Din il-ħidma sservi hija stess l-għan prinċipali stipulat fl-Artikolu 127(1) TFUE.

90

Minn dan jirriżulta neċessarjament li l-espressjoni “sistemi ta’ clearing” li tidher fl-Artikolu 22 tal-Istatuti għandha tinqara flimkien mas-“sistemi ta’ ħlas” li għalihom jirreferi l-istess artikolu u li l-funzjonament tajjeb tagħhom jikkostitwixxi waħda mill-ħidmiet tal-Eurosistema.

91

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-ħidma ta’ promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas assenjata lill-Eurosistema, li għaliha l-BĊE għandu l-kompetenza li jadotta regolamenti, tistax titqies li tinkludi s-sistemi ta’ clearing ta’ titoli u, għaldaqstant, l-attività tal-kontropartijiet ċentrali meta dawn jintervjenu f’dan il-qafas.

92

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 44 iktar ’il fuq, li kontroparti ċentrali hija maħsuba sabiex tissostitwixxi lix-xerrej fir-rigward ta’ kull bejjiegħ u lill-bejjiegħ fir-rigward ta’ kull xerrej. Minn dan isegwi li l-attività ta’ clearing ma hijiex eżerċitata biss fuq likwiditajiet intiżi għax-xiri tat-titoli inkwistjoni, iżda wkoll fuq it-titoli li huma s-suġġetti tat-tranżazzjonijiet. Dan huwa dak li l-BĊE nnifsu jenfasizza fil-qafas ta’ sorveljanza meta jirreferi għall-eżistenza tal-komponent “likwidità” (il-parti tal-flus kontanti) u l-komponent “titoli” (il-parti tas-sigurtajiet) tal-attività ta’ kontroparti ċentrali.

93

Għaldaqstant, fl-ewwel lok, l-espressjonijiet “sistemi ta’ ħlas” u “sistemi ta’ clearing u ħlas”, użati rispettivament fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE u fl-Artikolu 22 tal-Istatuti, għandhom jiġu interpretati għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk dawn jistgħux jinkludu l-attività ta’ clearing ta’ titoli.

94

Minn naħa, jista’ jiġi osservat li l-espressjoni “sistema ta’ ħlas” ġiet iddefinita mil-leġiżlatur fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE kif ukoll 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, p. 1), bħala li tfisser “sistema ta’ trasferiment ta’ fondi b’arranġamenti formali u standardizzati u regoli komuni għall-ipproċessar, clearing u/jew settlement ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas”.

95

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li l-Artikolu 3(h) tad-Direttiva 2007/64/KE jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu “transazzjonjiet ta’ ħlas li jsiru f’sistema tal-ħlas jew ta’ settlement ta’ titoli ta’ krediu bejn aġenti ta’ settlement, kontropartijiet ċentrali, clearing houses u/jew banek ċentrali u parteċipanti oħra fis-sistema, u fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28”, xorta waħda jibqa’ l-fatt li d-definizzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(6) ta’ din l-istess direttiva tibqa’ rilevanti fir-rigward tad-definizzjoni ta’ sistema ta’ ħlas, inkluż meta din hija użata minn infrastrutturi finanzjarji bħall-kontropartijiet ċentrali, kif juri r-riferiment għall-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-“[a]ċċess għal sistemi ta’ ħlas”.

96

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tinterpreta l-kunċett ta’ “pagamenti”, użat fil-kuntest tal-Artikolu 63(2) TFUE, bħala li jfisser it-trasferimenti ta’ fondi intiżi sabiex jiżguraw il-kunsiderazzjoni ta’ tranżazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra, EU:C:1984:35, punt 20; tal-14 ta’ Lulju 1988, Lambert, 308/86, Ġabra, EU:C:1988:405, punt 10, u tal-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et, C‑163/94, C‑165/94 u C‑250/94, Ġabra, EU:C:1995:451, punt 17).

97

Mill-premess jirriżulta li “sistema ta’ ħlas” fis-sens tal-Artikolu 127(2) TFUE taqa’ taħt il-qasam tat-trasferiment ta’ fondi. Għaldaqstant, minkejja li tali definizzjoni tista’ tinkludi l-komponent “likwidità” tal-operazzjonijiet ta’ clearing, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-komponent “titoli” tal-operazzjonijiet ta’ clearing ta’ kontroparti ċentrali, ta’ tali titoli, jekk dawn jistgħu jiġu evalwati bħala li jikkostitwixxu s-suġġett ta’ tranżazzjoni li twassal għal trasferiment ta’ fondi, li madankollu ma jikkostitwixxux, fihom infushom, ħlas.

98

Konklużjoni simili għandha ssir wkoll fir-rigward tal-espressjoni “sistemi ta’ clearing u ħlas” użata fl-Artikolu 22 tal-Istatuti.

99

Għar-raġunijiet esposti fil-punt 89 iktar ’il fuq, din l-espressjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-ħidma, assenjata lill-Eurosistema mir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE, li tiġi promossa “l-ħidma bla ostakoli ta’ sistemi ta’ ħlas”. Minn dan jirriżulta neċessarjament li l-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 22 tal-Istatuti lill-BĊE li jadotta regolamenti “sabiex jiżgura li s-sistemi ta’ clearing u ħlas [...] [i]kunu effiċjenti u validi” ma tistax tinftiehem bħala li tirrikonoxxilu tali setgħa fir-rigward tas-sistemi ta’ clearing kollha, inklużi dawk marbuta ma’ tranżazzjonijiet fuq titoli.

100

Din il-possibbiltà rrikonoxxuta lill-BĊE mill-Artikolu 22 tal-Istatuti għandha pjuttost titqies li hija limitata biss għas-sistemi ta’ clearing ta’ ħlas. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li sistemi ta’ ħlas jistgħu jinkludu fażi ta’ clearing, bħas-sistemi ta’ ħlas b’regolarizzazzjoni nett b’kuntrast mas-sistema ta’ ħlas b’regolarizzazzjoni gross.

101

Konsegwentement, fl-assenza ta’ riferiment espliċitu għall-clearing ta’ titoli fl-Artikolu 22 tal-Istatuti, għandu jiġi konkluż li l-għażla tal-espressjoni “sistema ta’ clearing u ħlas” hija intiża sabiex tenfasizza li l-BĊE għandu l-kompetenza jadotta regolamenti sabiex jiżgura l-effikaċità u s-sigurtà tas-sistemi ta’ ħlas, inklużi dawk li jinkludu fażi ta’ clearing, iktar milli sabiex tagħtih kompetenza regolatorja awtonoma fir-rigward tas-sistemi ta’ clearing kollha.

102

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mir-riferiment li sar mill-BĊE għall-premessa 11 tar-Regolament Nru 648/2012, billi dan ir-regolament ma kienx inter alia fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-qafas ta’ sorveljanza, li skontu “[l]-membri tas-SEBĊ iwettqu sorveljanza billi jiżguraw sistemi tal-ikklerjar u ta’ pagamenti effiċjenti u sodi, inklużi l-kontropartijiet ċentrali”. Mill-qari tal-premessa inkwistjoni fl-intier tagħha jirriżulta biss li din tikkostitwixxi sempliċi tfakkira mil-leġiżlatur tar-rabtiet mill-qrib bejn is-sistemi ta’ clearing u ta’ ħlas u l-kontropartijiet ċentrali u tax-xewqa tiegħu li jassoċja lill-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali fil-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u fl-istabbiliment ta’ standards tekniċi regolatorji li għalihom dawn huma suġġetti. Bl-ebda mod ma jirriżulta, fl-ambitu tar-Regolament Nru 648/2012, li l-leġiżlatur ried jirrikonoxxi favur il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali kompetenza regolatorja tal-attività tal-kontropartijiet ċentrali, meta b’dan ir-regolament il-leġiżlatur intenda jirregola huwa stess l-attività tal-kontropartijiet ċentrali billi impona fuqhom obbligi uniformi.

103

Fit-tieni lok, għandha tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tal-BĊE li, essenzjalment, l-implementazzjoni tal-ħidma li tikkonsisti fil-promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE timplika li huwa għandu neċessarjament is-setgħa li jirregola l-attività tal-infrastrutturi ta’ clearing ta’ titoli, fid-dawl tal-effett li falliment tagħhom jista’ jkollu fuq is-sistemi ta’ ħlas.

104

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li setgħat li ma humiex espressament previsti mid-dispożizzjonijiet tat-trattati setgħu jintużaw ladarba jkunu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti minn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:1971:32, punt 28). Għalhekk, meta artikolu tat-trattat jassenja lil istituzzjoni ħidma speċifika, għandu jiġi aċċettat, għax fin-nuqqas tali dispożizzjoni titlef kull effett utli, li dan ikun qiegħed neċessarjament jgħaddilha, bl-istess dispożizzjoni, is-setgħat indispensabbli sabiex twettaq din il-ħidma (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1987, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, 281/85, 283/85 sa 285/85 u 287/85, Ġabra, EU:C:1987:351, punt 28, u tas-17 ta’ Settembru 2007, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑240/04, Ġabra, EU:T:2007:290, punt 36).

105

Madankollu, l-eżistenza ta’ setgħa regolatorja impliċita, li tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ta’ attribuzzjoni stipulat fl-Artikolu 13(2) TUE, għandu jiġi evalwat b’mod strett. Huwa biss eċċezzjonalment li tali setgħat impliċiti huma rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza u, sabiex jiġu hekk irrikonoxxuti, dawn għandhom ikunu neċessarji sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tat-trattat jew tar-regolament ta’ bażi kkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, EU:T:2007:290, punt 37).

106

Fil-każ ineżami, ma jistax jiġi miċħud li hemm rabtiet mill-qrib ħafna bejn is-sistemi ta’ ħlas u s-sistemi ta’ clearing ta’ titoli u li hemm il-possibbiltà li perturbazzjonijiet li jaffettwaw l-infrastrutturi ta’ clearing ta’ titoli jkollhom effett fuq is-sistemi ta’ ħlas u b’hekk jostakolaw il-funzjonament tajjeb tagħhom.

107

Madankollu, l-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika r-rikonoxximent fir-rigward tal-BĊE ta’ setgħat impliċiti ta’ regolarizzazzjoni tas-sistemi ta’ clearing ta’ titoli, ladarba t-Trattat FUE jipprevedi l-possibbiltà li tali setgħat ikunu espliċitament mogħtija lill-BĊE.

108

Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 129(3) TFUE jipprevedi mekkaniżmu għal emendi simplifikat, derogatorju għal dak tal-Artikolu 48 TUE, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Istatuti fosthom l-Artikolu 22 ta’ dawn tal-aħħar. Dan jippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, fuq rakkomandazzjoni tal-BĊE jew fuq proposta tal-Kummissjoni, li jemenda dawn id-dispożizzjonijiet.

109

Għaldaqstant, huwa l-kompitu tal-BĊE, fil-każ li jqis li r-rikonoxximent favur tiegħu ta’ setgħa regolatorja tal-infrastrutturi li jwettqu clearing ta’ operazzjonijiet fuq titoli huwa neċessarju għall-funzjonament tajjeb tal-ħidma prevista fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE, li jitlob lil-leġiżlatur tal-Unjoni emenda għall-Artikolu 22 tal-Istatuti, billi jiżdied riferiment espliċitu għas-sistemi ta’ clearing ta’ titoli.

110

Fid-dawl ta’ dan kollu premess, l-ewwel motiv invokat mir-Renju Unit għandu jintlaqa’ u, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-erba’ motivi l-oħra, għandu jiġi konkluż li l-BĊE ma għandux il-kompetenza neċessarja sabiex jirregola l-attività tas-sistemi ta’ clearing ta’ titoli, b’tali mod li l-qafas ta’ sorveljanza, sa fejn jimponi fuq il-kontropartijiet ċentrali li jintervjenu fil-clearing ta’ titoli finanzjarji rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fi ħdan iż-żona euro, għandu jiġi annullat minħabba nuqqas ta’ kompetenza.

Fuq l-ispejjeż

111

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-BĊE tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti mir-Renju Unit, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

112

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema, ippubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fil-5 ta’ Lulju 2011, huwa annullat sa fejn dan jistabbilixxi rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fi ħdan Stat Membru tal-Eurosistema għall-kontropartijiet ċentrali li jintervjenu fil-clearing ta’ titoli finanzjarji.

 

2)

Il-BĊE għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Marzu 2015.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.