Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2012 – Qualitest FZE vs Il-Kunsill

(Kawża C-644/11 P(R))

“Appell — Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għal miżuri provviżorji — Miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran — Inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi — Nuqqas ta’ urġenza”

1.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Miżuri intiżi għall-iffriżar ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi — Teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-iffriżar u tal-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett utli tiegħu — Għajnuna finanzjarjaa mill-grupp ta’ appartenenza bil-għan li tiġi żgurata s-sopravvivenza tal-impriża mhux determinanti għaliex prevista biss fil-limiti ffissati mid-deċiżjoni ta’ ffriżar (Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83(2); Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413) (ara l-punti 39-46, 65, 66)

2.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Dannu gravi u irreparabbli — Miżuri intiżi għall-iffriżar ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi — Dannu mhux ipprovat minħabba li ma ntużatx il-possibbiltà, prevista mid-deċiżjoni ta’ ffriżar, li jintalbu awtorizzazzjonijiet ta’ rilaxx (Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83(2)) (ara l-punti 54, 55)

3.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Natura kumulattiva — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji (Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83(2)) (ara l-punti 61-63)

4.                     Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Miżuri intiżi għall-iffriżar ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Riskju ta’ newtralizzazzjoni tal-konsegwenzi ta’ deċiżjoni fil-mertu (Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83(2)) (ara l-punti 72, 73, 77)

Suġġett

Appell dwar proċeduri għal miżuri provviżorji mid-Digriet tal-Imħallef għal miżuri provviżorji tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Ottubru 2011, Qualitest FZE vs Il-Kunsill (T-421/11 R), li jiċħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 503/2011, tat-23 ta’ Mejju 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 136, p. 26), kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/299/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 136, p. 65), sa fejn japplikaw l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi.

Dispożittiv

1)

Id-Digriet tal-Imħallef għal miżuri provviżorji, li jissostitwixxi lill-President tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-3 ta’ Ottubru 2011, Qualitest FZE vs Il-Kunsill (T-421/11 R), huwa annullat sa fejn, permezz tiegħu, l-Imħallef għal miżuri provviżorji evalwa d-dannu finanzjarju allegat minn Qualitest FZE biss fir-rigward tal-kapaċità tal-grupp li din tappartjeni għalih, jew ta’ dik tal-azzjonist uniku tagħha, li jsostnuha finanzjarjament u li jiżguraw is-sopravvivenza tagħha sal-għeluq tal-proċedura fil-mertu.

2)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

3)

It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

4)

Qualitest FZE u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.