6.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/19


Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Mejju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka

(Kawża C-269/11)

(2011/C 232/31)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Lozano Palacios, M. Šimerdová, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ċeka

Talbiet

tiddikjara li, billi ppermettiet li l-aġenziji tal-ivvjaġġar, skont l-Artikolu 89 tal-Liġi Nru 235/2004, fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud, japplikaw l-iskema speċjali tal-aġenziji tal-ivvjaġġar għall-provvista ta’ servizzi ta’ vvjaġġar għal persuni li ma humiex vjaġġaturi, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi taħt l-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1);

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fir-Repubblika Ċeka, l-iskema speċjali tal-VAT tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, prevista fl-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ma tapplikax biss għas-servizzi offerti mill-aġenziji tal-ivvjaġġar lill-vjaġġaturi, iżda wkoll għas-servizzi offerti lil persuni li ma humiex vjaġġaturi. L-iskema speċjali tapplika fir-Repubblika Ċeka, skont l-Artikolu 89 tal-Liġi Nru 235/2004, fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud, anki fil-każ fejn tali servizz ta’ vvjaġġar huwa pprovdut lil persuna ġuridika li iktar ’il quddiem tbigħu lil aġenzija tal-ivvjaġġar oħra. Fil-fehma tal-Kummissjoni dan imur kontra l-Artikoli 306 u 310 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, li jirrikjedu li din l-iskema speċjali tapplika biss fil-każ fejn is-servizzi ta’ vvjaġġar jingħataw lill-vjaġġaturi. Il-formulazzjoni tal-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, kif ukoll l-għan ta’ tali dispożizzjonijiet, jissostanzjaw l-argument tal-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 347, p. 1