6.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/16


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka

(Kawża C-241/11)

(2011/C 232/27)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Z. Malůšková, N. Yerrell u K.-Ph. Wojcik, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ċeka

Talbiet

tikkonstata li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali [professjonali] (1), u billi b’hekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika Ċeka ma adottatx il-miżuri li jikkonsistu fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-343/08, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, u, għaldaqstant, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi tal-Unjoni Ewropea”:

somma f’daqqa ta’ EUR 5 644,80 għal kull ġurnata ta’ dewmien biex timplementa l-miżuri li jikkonsistu fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-343/08, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, mid-data tal-għoti tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-343/08, tal-14 ta’ Jannar 2010,

sal-ġurnata li fiha tkun ingħatat is-sentenza f’din il-kawża, jew

sal-adozzjoni, mir-Repubblika Ċeka, tal-miżuri li jikkonsistu fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-343/08, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, jekk din id-data tkun preċedenti għall-ġurnata tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, u

pagament ta’ penalità ta’ EUR 22 364,16 għal kull ġurnata ta’ dewmien biex timplementa l-miżuri li jikkonsistu fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-343/08, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, sal-adozzjoni, mir-Repubblika Ċeka, tal-miżuri li jikkonsistu fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-343/08, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka;

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-14 ta’ Jannar 2010, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza fil-Kawża C-343/08, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (2) li fiha hija ddeċidiet li, “billi ma adottatx, fit-terminu previst, illiġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tad-Direttiva 2003/41, ir-Repubblika Ċeka naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva”.

Sa llum, ir-Repubblika Ċeka ma indikatx lill-Kummissjoni li adottat illiġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tad-Direttiva 2003/41, b’mod li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ċeka ma adottatx il-miżuri li jikkonsistu fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-343/08. Skont l-Artikolu 260(2) TFUE, jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ħa l-miżuri li jikkonsistu fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, fl-istess ħin tispeċifika l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew tal-pagamenti ta’ penali li għandu jħallas l-Istat Membru kkonċernat li hi tikkunsidra xierqa fiċ-ċirkustanzi. Abbażi tal-metodu stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Diċembru 2005, dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 228 KE (SEC(2005)1658), il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Ċeka tħallas l-ammont dovut tal-pagamenti ta’ penalità u tas-somma f’daqqa kif indikat f’dawn it-talbiet.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 350.

(2)  Li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.