9.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/8


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-64/11)

2011/C 113/17

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal u J. Baquero Cruz, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li, billi adottat l-Artikolu 17(1) tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 4/2004, tal-5 ta’ Marzu, dwar l-approvazzjoni tat-test ikkonsolidat tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jipprovdu sistema speċjali applikabbli għal qligħ kollu mhux realizzat fuq l-attivi tal-kumpanniji li jittrasferixxu r-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, li jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom fi Spanja sabiex ikompluhom fi Stat Membru ieħor, jew li jitrasferixxu l-attivi tagħhom fi Stat Membru ieħor. F’dawn il-każijiet, l-Istat Spanjol jintaxxa dan il-qliegħ kollu mhux realizzat fil-mument tat-tluq, b’tali mod li l-kumpanniji kkonċernati għandhom iħallsu dejn fiskali fuq dħul mhux realizzat u ipotetiku, li jista’ jkun li qatt ma jirrealizza ruħu. Din is-sistema tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tgħid li huwa d-dħul li l-persuna taxxabbli effettivament tagħmel matul il-perijodu taxxabbli li għandu jiġi ntaxxat.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-aspett tal-leġiżlazzjoni Spanjola huwa inkompatibbli mat-TFUE u mal-Ftehim ŻEE, għaliex din hija miżura diskriminatorja u f’kull każ restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà ta’ stabbiliment. Il-leġiżlazzjoni Spanjola tista’ tostakola movimenti ta’ impriżi jew ta’ attivi li jistgħu jippermettu distribuzzjoni aħjar tar-riżorsi ekonomiċi.

Skont il-Kummissjoni, il-kumpanniji għandu jkollhom id-dritt li jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom jew l-attivi individwali tagħhom fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkollhom għalfejn jissuġġettaw ruħhom għal proċeduri eċċessivament kumplessi u li jiswew il-flus. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li ma hemm xejn li jiġġustifika l-ġbir immedjat tat-taxxi fuq il-qligħ kollu mhux realizzat fil-każ tat-trasferiment tas-sede ta’ kumpannija Spanjola lejn Stat Membru ieħor jew fil-każ ta’ waqfien tal-attività tal-istabbiliment fiss fit-territorju Spanjol jew ta’ trasferiment tal-attivi tagħha fit-territorju Spanjol lejn Stat Membru ieħor, jekk dan it-tip ta’ intaxxar ma jeżistix f’sitwazzjonijiet nazzjonali paragunabbli.