SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )

“Rikonoxximent ta’ diplomi u ta’ titoli — Direttiva 2005/36/KE — Professjoni ta’ fiżjoterapista — Rikonoxximent parzjali u limitat ta’ kwalifiki professjonali — Artikolu 49 TFUE”

Fil-Kawża C-575/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura

Eleftherios-Themistoklis Nasiopoulos

vs

Ypourgos Ygeias kai Pronoias,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger u A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Eleftherios-Themistoklis Nasiopoulos, minn A. N. Dendrinos, dikigoros,

għall-Gvern Elleniku, minn E. Skandalou u Z. Chatzipavlou, kif ukoll minn I. Bakopoulos, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues kif ukoll minn N. Rouam u F. Gloaguen, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn E.-T. Nasiopoulos u l-Ypourgos Ygeias kai Pronoias (Ministru tas-Saħħa u tal-Welfare) dwar talba ta’ E.-T. Nasiopoulos, ċittadin Grieg, intiża sabiex jiġi awtorizzat jikseb aċċess għall-professjoni ta’ fiżjoterapista fil-Greċja, permezz ta’ kwalifika professjonali miksuba fil-Ġermanja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22), li tissostitwixxi s-sistemi differenti ta’ rikonoxximent imħassra b’effett mill-20 ta’ Ottubru 2007, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimenta d-Direttiva 89/48/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 47) mingħajr ma tbiddel il-mekkaniżmu tagħhom, tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ta’ l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.”

4

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi l-effetti tar-rikonoxximent:

“1.   Ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti jippermetti lill-benefiċjarju sabiex jikseb aċċess f’dak l-Istat Membru għall-istess professjoni bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini u sabiex jeżerċitaha fl-Istat Membru ospitanti taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.

2.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-professjoni li l-applikant jixtieq li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti hija l-istess bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jekk l-attivitajiet koperti huma paragunabbli.”

5

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva jiddeskrivi l-livelli ta’ kwalifiki kif ġej:

“[…]

a)

attestazzjoni ta’ kompetenza maħruġa minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini nominat skond dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru […]

[…]

b)

ċertifikat li juri t-tmiem b’suċċess ta’ kors sekondarju,

[…]

d)

diploma li tiċċertifika t-tmiem b’suċċess ta’ taħriġ f’livell post-sekondarju ta’ mhux inqas minn tliet snin u ta’ mhux aktar minn erba’ snin, jew ta’ perjodu ekwivalenti fuq bażi part-time f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni superjuri jew stabbiliment ieħor li jipprovdi l-istess livell ta’ taħriġ, kif ukoll it-taħriġ professjonali li jista’ jkun meħtieġ flimkien ma’ dak il-kors post-sekondarju;

e)

diploma li tiċċertifika li l-pussessur lesta b’suċċess kors post-sekondarju ta’ mill-inqas erba’ snin, jew ta’ perjodu ekwivalenti fuq bażi part-time, f’università jew istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla jew istituzzjoni oħra ta’ livell ekwivalenti u, fejn xieraq, li hu jkun lesta b’suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ flimkien mal-kors post-sekondarju.”

6

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent:

“Jekk l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti huwa kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini tiegħu, lil applikanti li għandhom l-attestazzjoni ta’ kompetenza jew provi ta’ kwalifiki formali meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni fit-territorju tiegħu.

Attestazzjonijiet ta’ kompetenza jew provi ta’ kwalifiki formali għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandhom ikunu nħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula skond id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

għandhom jagħtu prova ta’ livell ta’ kwalifika professjonali mill-inqas ekwivalenti għal-livell li huwa immedjatament qabel dak li huwa meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti, kif deskritt fl-Artikolu 11.”

7

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jirrigwarda l-miżuri ta’ kumpens:

“1.   L-Artikolu 13 ma jżommx lill-Istat Membru ospitanti milli jeħtieġ li l-applikant itemm perijodu ta’ adattament ta’ mhux aktar minn tliet snin jew li jagħmel test ta’ kapaċità […]

[…]

4.   Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafi 1[...], ‘suġġetti sostanzjalment differenti’ tfisser suġġetti li l-għarfien tagħhom huwa essenzjali għall-eżerċizzju tal-professjoni u li fir-rigward tagħhom it-taħriġ li l-migrant irċieva juri differenzi importanti fir-rigward tal-perijodu jew il-kontenut mit-taħriġ meħtieġ mill-Istat Membru ospitanti.

5.   Il-paragrafu 1 għandu japplika b’kont debitu tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, jekk l-Istat Membru ospitanti għandu l-ħsieb li jeħtieġ li l-applikant itemm perijodu ta’ adattament jew jagħmel test ta’ kapaċità, għandu l-ewwel jistabbilixxi jekk l-għarfien miksub mill-applikant matul l-esperjenza professjonali tiegħu fi Stat Membru jew f’pajjiż terz, huwiex ta’ natura li jkopri, b’mod sħiħ jew parzjali, id-differenza sostanzjali msemmija fil-paragrafu 4.”

Id-dritt Grieg

8

Skont id-Digriet Presidenzjali 90/1995 – Drittijiet professjonali ta’ persuni li għandhom diplomi mit-taqsima tal-fiżjoterapija tal-iskola tal-professjonijiet tas-saħħa u tal-welfare tal-istabbilimenti ta’ tagħlim tekniku, il-professjoni ta’ fiżjoterapista hija professjoni rregolata, li l-eżerċizzju tagħha huwa suġġett għall-pussess ta’ diploma mill-imsemmija skola, liema stabbiliment huwa tal-istess livell ta’ taħriġ (ogħla) bħall-universitajiet u l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla, mogħtija wara studji ta’ mill-inqas tliet snin.

9

Għaldaqstant, sabiex jingħata aċċess għall-professjoni ta’ fiżjoterapista lil persuna li kisbet titolu professjonali fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi li dan it-titolu ma jikkostitwixxix biss attestazzjoni ta’ kompetenza jew ċertifikat fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/36, iżda wkoll diploma.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

E.-T. Nasiopoulos huwa ċittadin Grieg li għandu ċertifikat li jattesta li huwa temm studji sekondarji f’liċeo Elleniku. Wara li segwa, fil-Ġermanja, taħriġ bħala massaġġatur u idroterapista mediku (“Masseur und medizinischer Bademeister”) għal sentejn u nofs li kien jinkludi tagħlim teoretiku u perijodu ta’ prova, huwa kiseb it-titolu li jawtorizzah jeżerċita din il-professjoni. It-taħriġ bħala massaġġatur u idroterapista mediku huwa, fil-Ġermanja, tal-livell tat-taħriġ professjonali ta’ grad intermedjarju (sekondarju).

11

Billi bbaża ruħu fuq il-kwalifiki professjonali li kiseb fil-Ġermanja, ir-rikorrent ressaq, mal-Ministeru tas-Saħħa fil-Greċja, talba għall-finijiet tar-rikonoxximent tad-dritt li jaċċedi għall-professjoni ta’ fiżjoterapista, peress li fil-Greċja din hija l-professjoni li teqreb l-iktar lejn dik ta’ massaġġatur u idroterapista mediku.

12

Din it-talba ġiet miċħuda. Minn naħa, il-professjoni ta’ “massaġġatur u idroterapista mediku” ma hijiex irregolata fil-Greċja. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma jistax jeżerċita l-professjoni ta’ fiżjoterapista, peress li għandu biss ċertifikat ta’ taħriġ ta’ sentejn u nofs, filwaqt li l-aċċess għall-professjoni ta’ fiżjoterapista hija suġġetta, fil-Greċja, għall-pussess ta’ diploma ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija wara studji ta’ mill-inqas tliet snin.

13

E.-T. Nasiopoulos appella minn din id-deċiżjoni quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias, fejn sostna li din tmur kontra is-sistema ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali tal-Unjoni Ewropea u tikser id-dritt tiegħu ta’ stabbiliment liberu previst fl-Artikolu 49 TFUE.

14

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li l-awtoritajiet Elleniċi kienu tawh biss aċċess parzjali għall-professjoni rregolata ta’ fiżjoterapista fil-Greċja, sabiex ikun jista’ jeżerċita f’dan il-pajjiż il-parti tal-attivitajiet professjonali ta’ fiżjoterapisti (servizzi ta’ għoti ta’ massaġġi u ta’ idroterapija) li huwa jista’ legalment jeżerċita fil-Ġermanja, ma huwiex, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, C-330/03, Ġabra p. I-801), eżenti minn dubji raġonevoli.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, s-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Għall-finijiet tal-Artikolu [49 TFUE], l-għan li tiġi ggarantita l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa ta’ kwalità huwa suffiċjenti, fid-dawl ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mis-sistema tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi Stat Membru (Stat Membru ospitanti) li:

a)

jippermettu l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet professjonali biss għall-persuni li għandhom id-dritt li jeżerċitaw f’dan l-Istat Membru l-professjoni rregolata tal-fiżjoterapija;

b)

jeskludu l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għal din il-professjoni; u

c)

jimplikaw, konsegwentement, għal ċittadin tal-Istat Membru ospitanti, li jkun kiseb fi Stat Membru ieħor (Stat Membru ta’ oriġini) titolu li jippermettilu li jeżerċita professjoni marbuta mal-provvista ta’ servizzi tas-saħħa li hija regolata f’dan l-aħħar Stat [li iżda ma jippermettilux li jeżerċita l-professjoni ta’ fiżjoterapista fl-Istat Membru ospitanti, għaliex il-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva […] ma humiex sodisfatti], l-impossibbiltà totali li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti – permezz ta’ aċċess parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista – parti biss mill-attivitajiet koperti minn din il-professjoni, jiġifieri dawk li l-parti kkonċernata għandha d-dritt li teżerċita fl-Istat Membru ta’ oriġini?”

Fuq id-domanda preliminari

16

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista, irregolata fl-Istat Membru ospitanti, lil ċittadin ta’ dan l-istess Stat li jkun kiseb fi Stat Membru ieħor titolu, bħal dak ta’ massaġġatur u idroterapista mediku, li jawtorizzah jeżerċita, f’dan it-tieni Stat Membru, parti mill-attivitajiet koperti mill-professjoni ta’ fiżjoterapista.

17

Din id-domanda għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, li kellha bħala suġġett ir-rikonoxximent parzjali ta’ kwalifiki professjonali.

18

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti milli jeskludu l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għal professjoni rregolata, limitat għall-eżerċizzju ta’ attività waħda jew iktar koperti minn din il-professjoni.

19

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE, il-libertà ta’ stabbiliment għandha tiġi eżerċitata taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ospitanti fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu stess. Minn dan isegwi li, meta l-aċċess għal attività speċifika jew l-eżerċizzju tagħha jkunu rregolati fl-Istat Membru ospitanti, iċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkollu l-intenzjoni jeżerċita din l-attività għandu, bħala prinċipju, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni (sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 36).

20

Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-professjoni ta’ fiżjoterapista sal-lum għadhom ma humiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni u l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu l-imsemmija kundizzjonijiet, billi d-Direttiva 2005/36 ma tillimitax il-kompetenza tagħhom fuq dan il-punt. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b’osservanza għal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et, C-108/96, Ġabra p. I-837, punti 24 u 25, kif ukoll Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 29).

21

Għaldaqstant, leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti li teskludi kull aċċess parzjali għal professjoni rregolata u li għalhekk tista’ tostakola jew tiskoraġġixxi l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata, b’mod partikolari, biss jekk ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u jekk ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż.

22

Issa, għal dak li jirrigwarda l-għan ta’ leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku invokati mill-gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet huma, minn naħa, il-protezzjoni tal-konsumaturi, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tas-saħħa.

23

Għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumaturi, għandu jiġi osservat li huwa minnu li rikonoxximent parzjali tal-kwalifiki professjonali jista’, bħala prinċipju, jkollu l-effett li, fi ħdan Stat Membru wieħed, jaqsam il-professjonijiet irregolati f’attivitajiet differenti. Dan essenzjalment iġib miegħu r-riskju li d-destinatarji tas-servizzi pprovduti mill-professjonisti stabbiliti f’dan l-Istat Membru jingħataw impressjoni ħażina dwar il-portata tal-kwalifiki assoċjati mal-professjoni ta’ fiżjoterapista.

24

Madankollu, l-esklużjoni ta’ aċċess anki parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

25

Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat fis-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, l-għan leġittimu tal-protezzjoni tal-konsumaturi jista’ jintlaħaq permezz ta’ metodi inqas restrittivi mill-esklużjoni totali ta’ aċċess anki parzjali għal professjoni, b’mod partikolari permezz tal-obbligu li t-titolu professjonali oriġinali jew it-titolu ta’ taħriġ jiġi ppreżentat kemm fil-lingwa li biha ngħata u skont il-forma oriġinali kif ukoll fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti (ara, b’analoġija, is-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

26

Għal dak li jirrigwarda il-protezzjoni tas-saħħa, il-Gvern Ċek jargumenta li l-professjonijiet tas-saħħa jaqgħu taħt qasam partikolarment sensittiv u l-Gvern Franċiż huwa tal-opinjoni li dawn il-professjonijiet huma speċifiċi u ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ professjonijiet irregolati oħra. Dan l-approċċ huwa kondiviż, b’mod partikolari, mill-Gvern Taljan li ma jistax jikkonċepixxi attivitajiet professjonali li jistgħu jiġu sseparati mill-attivitajiet kollha li jifformaw is-suġġett tal-professjoni tas-saħħa mingħajr ma jiġu ppreġudikati s-saħħa pubblika, il-livell tas-servizzi pprovduti kif ukoll il-fiduċja tal-persuni li jirrikorru għal dawn is-servizzi fit-titoli ta’ studji korrispondenti.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li s-saħħa pubblika, imsemmija barra minn hekk fl-Artikolu 52 TFUE, timponi, fl-evalwazzjoni tal-miżuri nazzjonali intiżi għall-protezzjoni tagħha, viġilanza partikolari. Għaldaqstant, kif josserva l-Gvern Franċiż, is-sempliċi fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati f’dan il-qasam (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Mac Quen et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 34; tal-11 ta’ Lulju 2002, Gräbner, C-294/00, Ġabra p. I-6515, punti 46 u 47, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-141/07, Ġabra p. I-6935, punt 51).

28

Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-professjoni ta’ fiżjoterapista, u, għalhekk, dik ta’ massaġġatur ta’ kull tip, ma taqax fil-qasam tal-professjonijiet mediċi nfushom iżda fil-qasam paramediku. Dan il-qasam, li jkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ natura eteroġena, ma jistax jevita minnu nnifsu s-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tal-professjonijiet irregolati, kif stabbilita mid-dritt tal-Unjoni.

29

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li d-destinatarju tas-servizzi pprovduti minn massaġġatur u idroterapista mediku jibbenefika de facto mill-viġilanza partikolari li għandu jkun hemm fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa. Fil-fatt, hekk kif ippreċiża l-Gvern Elleniku waqt is-seduta, is-servizzi pprovduti minn massaġġatur u idroterapista mediku jikkonsistu fl-għoti ta’ terapija preskritta lill-pazjent mhux minn dan il-massaġġatur, iżda minn tabib. Il-pazjent jirrikorri qabelxejn għal dan it-tabib u huwa dan it-tabib li, sussegwentement, jindika lill-imsemmi massaġġatur x’għandu jagħmel fuq il-livell tal-eżekuzzjoni teknika tat-terapija. Għaldaqstant, il-massaġġatur u idroterapista mediku ma jintgħażilx direttament mill-pazjent u ma joperax fuq l-istruzzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, iżda jintgħażel minn u jaġixxi b’rabta stretta ma’ rappreżentant tal-professjoni medika, b’relazzjoni ta’ dipendenza u kooperazzjoni.

30

Għalkemm minn dan kollu li ntqal jirriżulta li l-esklużjoni ta’ aċċess anki parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi iżda wkoll minn dak meħtieġ fuq il-livell tal-protezzjoni tas-saħħa, għandha ssir distinzjoni, madankollu, bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet segwenti.

31

L-ewwel sitwazzjoni tikkonċerna l-każijiet fejn, fl-Istat Membru ta’ oriġini u f’dak ospitanti, il-livell ta’ xebh bejn iż-żewġ professjonijiet huwa tali li huma jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “paragunabbli” u, għalhekk, bħala tal-“istess professjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2005/36. F’każ bħal dan, l-oqsma li ma ġewx koperti mit-taħriġ tal-applikant meta mqabbel ma’ dak mitlub fl-Istat Membru ospitanti jistgħu jiġu effettivament koperti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens previsti fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2005/36 u b’hekk tiġi żgurata integrazzjoni sħiħa tal-persuna kkonċernata fis-sistema professjonali tal-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). Konsegwentement, f’tali ċirkustanzi, l-Artikolu 49 TFUE ma jiġix miksur meta l-Istat Membru ospitanti ma jagħtix aċċess parzjali għal professjoni.

32

Min-naħa l-oħra, it-tieni sitwazzjoni tikkonċerna każijiet li ma humiex koperti mid-Direttiva 2005/36, fis-sens li d-differenzi bejn l-oqsma ta’ attivitajiet huma tant kbar li fir-realtà jkun hemm bżonn li jiġi segwit taħriġ sħiħ sabiex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati, fi Stat Membru ieħor, l-attivitajiet li għalihom il-persuna hija kkwalifikata. Issa, dan jikkostitwixxi fattur li, minn perspettiva oġġettiva, jista’ jwassal lill-persuna kkonċernata sabiex ma teżerċitax dawn l-attivitajiet fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35). F’tali ċirkustanzi, l-Artikolu 49 TFUE jista’ jiġi miksur.

33

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, minn naħa, li huma l-awtoritajiet u, b’mod partikolari, il-qrati kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li għandhom jiddeterminaw meta, f’kull każ konkret, il-kontenut tat-taħriġ miksub mill-persuna kkonċernata jkun differenti minn dak mitlub minn dan l-Istat (ara s-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

34

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li wieħed mill-kriterji deċiżivi, li għandu jiġi eżaminat l-ewwel mill-awtoritajiet nazzjonali, huwa l-kwistjoni dwar jekk l-attività professjonali li l-persuna kkonċernata tixtieq teżerċita fl-Istat Membru ospitanti tistax tiġi sseparata b’mod oġġettiv mill-attivitajiet kollha koperti mill-professjoni korrispondenti f’dan l-Istat, b’mod li l-possibbiltà li din l-attività tiġi eżerċitata taħt forma indipendenti jew awtonoma, fl-Istat Membru fejn tkun inkisbet il-kwalifika professjonali inkwistjoni, isservi bħala indizju f’dan ir-rigward. Jekk dan ikun il-każ, ikun hemm lok li jiġi konkluż li l-effett dissważiv ikkawżat bl-esklużjoni ta’ kull possibbiltà ta’ rikonoxximent parzjali tal-kwalifika professjonali inkwistjoni huwa importanti wisq sabiex ikun iġġustifikat mill-biża’ tal-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet tad-destinatarji tas-servizzi (ara s-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

35

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista, irregolata fl-Istat Membru ospitanti, lil ċittadin ta’ dan l-istess Stat li jkun kiseb fi Stat Membru ieħor titolu, bħal dak ta’ massaġġatur u idroterapista mediku, li jawtorizzah jeżerċita, f’dan it-tieni Stat Membru, parti mill-attivitajiet koperti mill-professjoni ta’ fiżjoterapista, meta d-differenzi bejn l-oqsma ta’ attivitajiet huma tant kbar li fir-realtà jkun hemm bżonn li jiġi segwit taħriġ sħiħ sabiex jingħata aċċess għall-professjoni ta’ fiżjoterapista. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista, irregolata fl-Istat Membru ospitanti, lil ċittadin ta’ dan l-istess Stat li jkun kiseb fi Stat Membru ieħor titolu, bħal dak ta’ massaġġatur u idroterapista mediku, li jawtorizzah jeżerċita, f’dan it-tieni Stat Membru, parti mill-attivitajiet koperti mill-professjoni ta’ fiżjoterapista, meta d-differenzi bejn l-oqsma ta’ attivitajiet huma tant kbar li fir-realtà jkun hemm bżonn li jiġi segwit taħriġ sħiħ sabiex jingħata aċċess għall-professjoni ta’ fiżjoterapista. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C-575/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura

Eleftherios-Themistoklis Nasiopoulos

vs

Ypourgos Ygeias kai Pronoias,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger u A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal Eleftherios-Themistoklis Nasiopoulos, minn A. N. Dendrinos, dikigoros,

– għall-Gvern Elleniku, minn E. Skandalou u Z. Chatzipavlou, kif ukoll minn I. Bakopoulos, bħala aġenti,

– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,

– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent,

– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues kif ukoll minn N. Rouam u F. Gloaguen, bħala aġenti,

– għall-Gvern Taljan, minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

– għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn E.-T. Nasiopoulos u l-Ypourgos Ygeias kai Pronoias (Ministru tas-Saħħa u tal-Welfare) dwar talba ta’ E.-T. Nasiopoulos, ċittadin Grieg, intiża sabiex jiġi awtorizzat jikseb aċċess għall-professjoni ta’ fiżjoterapista fil-Greċja, permezz ta’ kwalifika professjonali miksuba fil-Ġermanja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3. Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22), li tissostitwixxi s-sistemi differenti ta’ rikonoxximent imħassra b’effett mill-20 ta’ Ottubru 2007, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimenta d-Direttiva 89/48/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 47) mingħajr ma tbiddel il-mekkaniżmu tagħhom, tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ta’ l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.”

4. L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi l-effetti tar-rikonoxximent:

“1. Ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti jippermetti lill-benefiċjarju sabiex jikseb aċċess f’dak l-Istat Membru għall-istess professjoni bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini u sabiex jeżerċitaha fl-Istat Membru ospitanti taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.

2. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-professjoni li l-applikant jixtieq li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti hija l-istess bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jekk l-attivitajiet koperti huma paragunabbli.”

5. L-Artikolu 11 tal-istess direttiva jiddeskrivi l-livelli ta’ kwalifiki kif ġej:

“[…]

a) attestazzjoni ta’ kompetenza maħruġa minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini nominat skond dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru […]

[…]

b) ċertifikat li juri t-tmiem b’suċċess ta’ kors sekondarju,

[…]

d) diploma li tiċċertifika t-tmiem b’suċċess ta’ taħriġ f’livell post-sekondarju ta’ mhux inqas minn tliet snin u ta’ mhux aktar minn erba’ snin, jew ta’ perjodu ekwivalenti fuq bażi part-time f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni superjuri jew stabbiliment ieħor li jipprovdi l-istess livell ta’ taħriġ, kif ukoll it-taħriġ professjonali li jista’ jkun meħtieġ flimkien ma’ dak il-kors post-sekondarju;

e) diploma li tiċċertifika li l-pussessur lesta b’suċċess kors post-sekondarju ta’ mill-inqas erba’ snin, jew ta’ perjodu ekwivalenti fuq bażi part-time, f’università jew istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla jew istituzzjoni oħra ta’ livell ekwivalenti u, fejn xieraq, li hu jkun lesta b’suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ flimkien mal-kors post-sekondarju.”

6. L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent:

“Jekk l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti huwa kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini tiegħu, lil applikanti li għandhom l-attestazzjoni ta’ kompetenza jew provi ta’ kwalifiki formali meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni fit-territorju tiegħu.

Attestazzjonijiet ta’ kompetenza jew provi ta’ kwalifiki formali għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) għandhom ikunu nħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula skond id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru;

(b) għandhom jagħtu prova ta’ livell ta’ kwalifika professjonali mill-inqas ekwivalenti għal-livell li huwa immedjatament qabel dak li huwa meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti, kif deskritt fl-Artikolu 11.”

7. L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jirrigwarda l-miżuri ta’ kumpens:

“1. L-Artikolu 13 ma jżommx lill-Istat Membru ospitanti milli jeħtieġ li l-applikant itemm perijodu ta’ adattament ta’ mhux aktar minn tliet snin jew li jagħmel test ta’ kapaċità […]

[…]

4. Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafi 1[...], ‘suġġetti sostanzjalment differenti’ tfisser suġġetti li l-għarfien tagħhom huwa essenzjali għall-eżerċizzju tal-professjoni u li fir-rigward tagħhom it-taħriġ li l-migrant irċieva juri differenzi importanti fir-rigward tal-perijodu jew il-kontenut mit-taħriġ meħtieġ mill-Istat Membru ospitanti.

5. Il-paragrafu 1 għandu japplika b’kont debitu tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, jekk l-Istat Membru ospitanti għandu l-ħsieb li jeħtieġ li l-applikant itemm perijodu ta’ adattament jew jagħmel test ta’ kapaċità, għandu l-ewwel jistabbilixxi jekk l-għarfien miksub mill-applikant matul l-esperjenza professjonali tiegħu fi Stat Membru jew f’pajjiż terz, huwiex ta’ natura li jkopri, b’mod sħiħ jew parzjali, id-differenza sostanzjali msemmija fil-paragrafu 4.”

Id-dritt Grieg

8. Skont id-Digriet Presidenzjali 90/1995 – Drittijiet professjonali ta’ persuni li għandhom diplomi mit-taqsima tal-fiżjoterapija tal-iskola tal-professjonijiet tas-saħħa u tal-welfare tal-istabbilimenti ta’ tagħlim tekniku, il-professjoni ta’ fiżjoterapista hija professjoni rregolata, li l-eżerċizzju tagħha huwa suġġett għall-pussess ta’ diploma mill-imsemmija skola, liema stabbiliment huwa tal-istess livell ta’ taħriġ (ogħla) bħall-universitajiet u l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla, mogħtija wara studji ta’ mill-inqas tliet snin.

9. Għaldaqstant, sabiex jingħata aċċess għall-professjoni ta’ fiżjoterapista lil persuna li kisbet titolu professjonali fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi li dan it-titolu ma jikkostitwixxix biss attestazzjoni ta’ kompetenza jew ċertifikat fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/36, iżda wkoll diploma.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10. E.-T. Nasiopoulos huwa ċittadin Grieg li għandu ċertifikat li jattesta li huwa temm studji sekondarji f’liċeo Elleniku. Wara li segwa, fil-Ġermanja, taħriġ bħala massaġġatur u idroterapista mediku (“Masseur und medizinischer Bademeister”) għal sentejn u nofs li kien jinkludi tagħlim teoretiku u perijodu ta’ prova, huwa kiseb it-titolu li jawtorizzah jeżerċita din il-professjoni. It-taħriġ bħala massaġġatur u idroterapista mediku huwa, fil-Ġermanja, tal-livell tat-taħriġ professjonali ta’ grad intermedjarju (sekondarju).

11. Billi bbaża ruħu fuq il-kwalifiki professjonali li kiseb fil-Ġermanja, ir-rikorrent ressaq, mal-Ministeru tas-Saħħa fil-Greċja, talba għall-finijiet tar-rikonoxximent tad-dritt li jaċċedi għall-professjoni ta’ fiżjoterapista, peress li fil-Greċja din hija l-professjoni li teqreb l-iktar lejn dik ta’ massaġġatur u idroterapista mediku.

12. Din it-talba ġiet miċħuda. Minn naħa, il-professjoni ta’ “massaġġatur u idroterapista mediku” ma hijiex irregolata fil-Greċja. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma jistax jeżerċita l-professjoni ta’ fiżjoterapista, peress li għandu biss ċertifikat ta’ taħriġ ta’ sentejn u nofs, filwaqt li l-aċċess għall-professjoni ta’ fiżjoterapista hija suġġetta, fil-Greċja, għall-pussess ta’ diploma ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija wara studji ta’ mill-inqas tliet snin.

13. E.-T. Nasiopoulos appella minn din id-deċiżjoni quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias, fejn sostna li din tmur kontra is-sistema ta’ rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali tal-Unjoni Ewropea u tikser id-dritt tiegħu ta’ stabbiliment liberu previst fl-Artikolu 49 TFUE.

14. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-fatt li l-awtoritajiet Elleniċi kienu tawh biss aċċess parzjali għall-professjoni rregolata ta’ fiżjoterapista fil-Greċja, sabiex ikun jista’ jeżerċita f’dan il-pajjiż il-parti tal-attivitajiet professjonali ta’ fiżjoterapisti (servizzi ta’ għoti ta’ massaġġi u ta’ idroterapija) li huwa jista’ legalment jeżerċita fil-Ġermanja, ma huwiex, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, C-330/03, Ġabra p. I-801), eżenti minn dubji raġonevoli.

15. F’dawn iċ-ċirkustanzi, s-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Għall-finijiet tal-Artikolu [49 TFUE], l-għan li tiġi ggarantita l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa ta’ kwalità huwa suffiċjenti, fid-dawl ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mis-sistema tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi Stat Membru (Stat Membru ospitanti) li:

a) jippermettu l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet professjonali biss għall-persuni li għandhom id-dritt li jeżerċitaw f’dan l-Istat Membru l-professjoni rregolata tal-fiżjoterapija;

b) jeskludu l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għal din il-professjoni; u

c) jimplikaw, konsegwentement, għal ċittadin tal-Istat Membru ospitanti, li jkun kiseb fi Stat Membru ieħor (Stat Membru ta’ oriġini) titolu li jippermettilu li jeżerċita professjoni marbuta mal-provvista ta’ servizzi tas-saħħa li hija regolata f’dan l-aħħar Stat [li iżda ma jippermettilux li jeżerċita l-professjoni ta’ fiżjoterapista fl-Istat Membru ospitanti, għaliex il-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva […] ma humiex sodisfatti], l-impossibbiltà totali li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti – permezz ta’ aċċess parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista – parti biss mill-attivitajiet koperti minn din il-professjoni, jiġifieri dawk li l-parti kkonċernata għandha d-dritt li teżerċita fl-Istat Membru ta’ oriġini?”

Fuq id-domanda preliminari

16. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista, irregolata fl-Istat Membru ospitanti, lil ċittadin ta’ dan l-istess Stat li jkun kiseb fi Stat Membru ieħor titolu, bħal dak ta’ massaġġatur u idroterapista mediku, li jawtorizzah jeżerċita, f’dan it-tieni Stat Membru, parti mill-attivitajiet koperti mill-professjoni ta’ fiżjoterapista.

17. Din id-domanda għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, li kellha bħala suġġett ir-rikonoxximent parzjali ta’ kwalifiki professjonali.

18. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti milli jeskludu l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għal professjoni rregolata, limitat għall-eżerċizzju ta’ attività waħda jew iktar koperti minn din il-professjoni.

19. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE, il-libertà ta’ stabbiliment għandha tiġi eżerċitata taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ospitanti fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu stess. Minn dan isegwi li, meta l-aċċess għal attività speċifika jew l-eżerċizzju tagħha jkunu rregolati fl-Istat Membru ospitanti, iċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkollu l-intenzjoni jeżerċita din l-attività għandu, bħala prinċipju, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni (sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 36).

20. Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-professjoni ta’ fiżjoterapista sal-lum għadhom ma humiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni u l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu l-imsemmija kundizzjonijiet, billi d-Direttiva 2005/36 ma tillimitax il-kompetenza tagħhom fuq dan il-punt. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b’osservanza għal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et , C-108/96, Ġabra p. I-837, punti 24 u 25, kif ukoll Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 29).

21. Għaldaqstant, leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti li teskludi kull aċċess parzjali għal professjoni rregolata u li għalhekk tista’ tostakola jew tiskoraġġixxi l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata, b’mod partikolari, biss jekk ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u jekk ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż.

22. Issa, għal dak li jirrigwarda l-għan ta’ leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku invokati mill-gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet huma, minn naħa, il-protezzjoni tal-konsumaturi, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tas-saħħa.

23. Għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumaturi, għandu jiġi osservat li huwa minnu li rikonoxximent parzjali tal-kwalifiki professjonali jista’, bħala prinċipju, jkollu l-effett li, fi ħdan Stat Membru wieħed, jaqsam il-professjonijiet irregolati f’attivitajiet differenti. Dan essenzjalment iġib miegħu r-riskju li d-destinatarji tas-servizzi pprovduti mill-professjonisti stabbiliti f’dan l-Istat Membru jingħataw impressjoni ħażina dwar il-portata tal-kwalifiki assoċjati mal-professjoni ta’ fiżjoterapista.

24. Madankollu, l-esklużjoni ta’ aċċess anki parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

25. Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat fis-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, l-għan leġittimu tal-protezzjoni tal-konsumaturi jista’ jintlaħaq permezz ta’ metodi inqas restrittivi mill-esklużjoni totali ta’ aċċess anki parzjali għal professjoni, b’mod partikolari permezz tal-obbligu li t-titolu professjonali oriġinali jew it-titolu ta’ taħriġ jiġi ppreżentat kemm fil-lingwa li biha ngħata u skont il-forma oriġinali kif ukoll fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti (ara, b’analoġija, is-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

26. Għal dak li jirrigwarda il-protezzjoni tas-saħħa, il-Gvern Ċek jargumenta li l-professjonijiet tas-saħħa jaqgħu taħt qasam partikolarment sensittiv u l-Gvern Franċiż huwa tal-opinjoni li dawn il-professjonijiet huma speċifiċi u ma jistgħux jiġu mqabbla ma’ professjonijiet irregolati oħra. Dan l-approċċ huwa kondiviż, b’mod partikolari, mill-Gvern Taljan li ma jistax jikkonċepixxi attivitajiet professjonali li jistgħu jiġu sseparati mill-attivitajiet kollha li jifformaw is-suġġett tal-professjoni tas-saħħa mingħajr ma jiġu ppreġudikati s-saħħa pubblika, il-livell tas-servizzi pprovduti kif ukoll il-fiduċja tal-persuni li jirrikorru għal dawn is-servizzi fit-titoli ta’ studji korrispondenti.

27. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li s-saħħa pubblika, imsemmija barra minn hekk fl-Artikolu 52 TFUE, timponi, fl-evalwazzjoni tal-miżuri nazzjonali intiżi għall-protezzjoni tagħha, viġilanza partikolari. Għaldaqstant, kif josserva l-Gvern Franċiż, is-sempliċi fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati f’dan il-qasam (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Mac Quen et , iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 34; tal-11 ta’ Lulju 2002, Gräbner, C-294/00, Ġabra p. I-6515, punti 46 u 47, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-141/07, Ġabra p. I-6935, punt 51).

28. Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-professjoni ta’ fiżjoterapista, u, għalhekk, dik ta’ massaġġatur ta’ kull tip, ma taqax fil-qasam tal-professjonijiet mediċi nfushom iżda fil-qasam paramediku. Dan il-qasam, li jkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ natura eteroġena, ma jistax jevita minnu nnifsu s-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tal-professjonijiet irregolati, kif stabbilita mid-dritt tal-Unjoni.

29. It-tieni nett, għandu jiġi osservat li d-destinatarju tas-servizzi pprovduti minn massaġġatur u idroterapista mediku jibbenefika de facto mill-viġilanza partikolari li għandu jkun hemm fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa. Fil-fatt, hekk kif ippreċiża l-Gvern Elleniku waqt is-seduta, is-servizzi pprovduti minn massaġġatur u idroterapista mediku jikkonsistu fl-għoti ta’ terapija preskritta lill-pazjent mhux minn dan il-massaġġatur, iżda minn tabib. Il-pazjent jirrikorri qabelxejn għal dan it-tabib u huwa dan it-tabib li, sussegwentement, jindika lill-imsemmi massaġġatur x’għandu jagħmel fuq il-livell tal-eżekuzzjoni teknika tat-terapija. Għaldaqstant, il-massaġġatur u idroterapista mediku ma jintgħażilx direttament mill-pazjent u ma joperax fuq l-istruzzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, iżda jintgħażel minn u jaġixxi b’rabta stretta ma’ rappreżentant tal-professjoni medika, b’relazzjoni ta’ dipendenza u kooperazzjoni.

30. Għalkemm minn dan kollu li ntqal jirriżulta li l-esklużjoni ta’ aċċess anki parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi iżda wkoll minn dak meħtieġ fuq il-livell tal-protezzjoni tas-saħħa, għandha ssir distinzjoni, madankollu, bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet segwenti.

31. L-ewwel sitwazzjoni tikkonċerna l-każijiet fejn, fl-Istat Membru ta’ oriġini u f’dak ospitanti, il-livell ta’ xebh bejn iż-żewġ professjonijiet huwa tali li huma jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “paragunabbli” u, għalhekk, bħala tal-“istess professjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2005/36. F’każ bħal dan, l-oqsma li ma ġewx koperti mit-taħriġ tal-applikant meta mqabbel ma’ dak mitlub fl-Istat Membru ospitanti jistgħu jiġu effettivament koperti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens previsti fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2005/36 u b’hekk tiġi żgurata integrazzjoni sħiħa tal-persuna kkonċernata fis-sistema professjonali tal-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). Konsegwentement, f’tali ċirkustanzi, l-Artikolu 49 TFUE ma jiġix miksur meta l-Istat Membru ospitanti ma jagħtix aċċess parzjali għal professjoni.

32. Min-naħa l-oħra, it-tieni sitwazzjoni tikkonċerna każijiet li ma humiex koperti mid-Direttiva 2005/36, fis-sens li d-differenzi bejn l-oqsma ta’ attivitajiet huma tant kbar li fir-realtà jkun hemm bżonn li jiġi segwit taħriġ sħiħ sabiex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati, fi Stat Membru ieħor, l-attivitajiet li għalihom il-persuna hija kkwalifikata. Issa, dan jikkostitwixxi fattur li, minn perspettiva oġġettiva, jista’ jwassal lill-persuna kkonċernata sabiex ma teżerċitax dawn l-attivitajiet fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35). F’tali ċirkustanzi, l-Artikolu 49 TFUE jista’ jiġi miksur.

33. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, minn naħa, li huma l-awtoritajiet u, b’mod partikolari, il-qrati kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li għandhom jiddeterminaw meta, f’kull każ konkret, il-kontenut tat-taħriġ miksub mill-persuna kkonċernata jkun differenti minn dak mitlub minn dan l-Istat (ara s-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

34. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li wieħed mill-kriterji deċiżivi, li għandu jiġi eżaminat l-ewwel mill-awtoritajiet nazzjonali, huwa l-kwistjoni dwar jekk l-attività professjonali li l-persuna kkonċernata tixtieq teżerċita fl-Istat Membru ospitanti tistax tiġi sseparata b’mod oġġettiv mill-attivitajiet kollha koperti mill-professjoni korrispondenti f’dan l-Istat, b’mod li l-possibbiltà li din l-attività tiġi eżerċitata taħt forma indipendenti jew awtonoma, fl-Istat Membru fejn tkun inkisbet il-kwalifika professjonali inkwistjoni, isservi bħala indizju f’dan ir-rigward. Jekk dan ikun il-każ, ikun hemm lok li jiġi konkluż li l-effett dissważiv ikkawżat bl-esklużjoni ta’ kull possibbiltà ta’ rikonoxximent parzjali tal-kwalifika professjonali inkwistjoni huwa importanti wisq sabiex ikun iġġustifikat mill-biża’ tal-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet tad-destinatarji tas-servizzi (ara s-sentenza Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

35. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista, irregolata fl-Istat Membru ospitanti, lil ċittadin ta’ dan l-istess Stat li jkun kiseb fi Stat Membru ieħor titolu, bħal dak ta’ massaġġatur u idroterapista mediku, li jawtorizzah jeżerċita, f’dan it-tieni Stat Membru, parti mill-attivitajiet koperti mill-professjoni ta’ fiżjoterapista, meta d-differenzi bejn l-oqsma ta’ attivitajiet huma tant kbar li fir-realtà jkun hemm bżonn li jiġi segwit taħriġ sħiħ sabiex jingħata aċċess għall-professjoni ta’ fiżjoterapista. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ.

Fuq l-ispejjeż

36. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-aċċess parzjali għall-professjoni ta’ fiżjoterapista, irregolata fl-Istat Membru ospitanti, lil ċittadin ta’ dan l-istess Stat li jkun kiseb fi Stat Membru ieħor titolu, bħal dak ta’ massaġġatur u idroterapista mediku, li jawtorizzah jeżerċita, f’dan it-tieni Stat Membru, parti mill-attivitajiet koperti mill-professjoni ta’ fiżjoterapista, meta d-differenzi bejn l-oqsma ta’ attivitajiet huma tant kbar li fir-realtà jkun hemm bżonn li jiġi segwit taħriġ sħiħ sabiex jingħata aċċess għall-professjoni ta’ fiżjoterapista. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk dan huwiex il-każ.