SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

27 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )

“Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Merkanzija f’ħażna temporanja — Merkanzija mhux Komunitarja — Proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern — Mument tal-attribuzzjoni ta’ trattament jew ta’ użu approvat mid-dwana — Aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali — Ħelsien tal-merkanzija — Dejn doganali”

Fil-Kawża C-542/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura

Staatssecretaris van Financiën,

vs

Codirex Expeditie BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn I. Backopoulos u I. Pouli, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Staatssecretaris van Financiën (Segretarjat tal-Istat għall-Finanzi, iktar ’il quddiem is-“Staatssecretaris”) u Codirex Expeditie BV (iktar ’il quddiem “Codirex”), fir-rigward ta’ avviż ta’ tassazzjoni li jirrigwarda dazji doganali u taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont l-Artikolu 4(15) sa (17) u (20) tal-Kodiċi Doganali, għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, għandu jinftiehem:

“15)

‘Trattament jew użu ta’ merkanzija bl-approvazzjoni doganali’ tfisser:

a)

it-tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura doganali;

b)

id-dħul tagħha ġo żona ħielsa jew maħżen ħieles;

ċ)

l-esportazzjoni mill-ġdid tagħha mit-territorju doganali tal-Komunità;

d)

il-qerda tagħha,

e)

l-abbandun tagħha lit-Teżor;

16)

‘Proċedura doganali’ tfisser:

a)

ħelsien għal ċirkolazzjoni liberu,

b)

transitu,

[…]

17)

‘Dikjarazzjoni doganali’ tfisser att li bih persuna tindika bil-forma u mod preskritti xewqa li tqiegħed merkanzija taħt proċedura partikolari doganali;

[...]

20)

‘Ħelsien ta’ merkanzija’ tfisser l-att li bih l-awtoritajiet doganali jagħmlu merkanzija disponibbli għall-iskopijiet stipulati mill-proċedura doganali li taħtha tkun tpoġġiet.”

4

L-Artikolu 37 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“1.   Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha, mill-ħin tad-dħul tagħha, tkun soġġetta għal sorveljanza doganali. Tista’ tkun soġġetta għal kontroll mill-awtorità doganali skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

2.   Għandha tibqa’ taħt dik is-sorveljanza għaż-żmien neċessarju biex jiġi stabbilit l-istatus doganali tagħha, jekk ikun xieraq, u fil-każ ta’ merkanzija mhux tal-Komunità u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 82(1), sakemm l-istatus doganali tagħha jinbidel, tidħol f’żona ħielsa jew maħżen ħieles jew tkun esportata mill-ġdid jew meqruda skond l-Artikolu 182.”

5

L-Artikolu 40 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi, b’mod partikolari, li l-merkanzija li tidħol fil-territorju doganali tal-Komunità tiġi ppreżentata lid-dwana mill-persuna li daħħlitha f’dan it-territorju jew, skont il-każ, mill-persuna li tassumi responsabbiltà għall-ġarr tal-merkanzija wara li jseħħ dan id-dħul.

6

Skont l-Artikolu 48 tal-Kodiċi Doganali, “[m]erkanzija mhux tal-Komunità preżentata lid-dwana għandha tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana awtorizzat għal dik il-merkanzija mhux tal-Komunità.”

7

L-Artikolu 50 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Sakemm tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana, merkanzija preżentata lid-dwana għandha, wara dik il-preżentazzjoni, ikollha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja. Dik il-merkanzija ser tkun deskritta aktar ’l isfel bħala ‘merkanzija f’ħażna temporanja’.”

8

L-Artikolu 51 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“1.   Il-merkanzija f’ħażna temporanja għandha tinħażen biss f’postijiet approvati mill-awtoritajiet doganali taħt il-kondizzjonijiet stipulati minn dawk l-awtoritajiet.

2.   L-awtoritajiet doganali jistgħu jesiġu li l-persuna li tkun qed iżżomm il-merkanzija tipprovdi garanzija bil-għan li jiġi żgurat il-ħlas ta’ kull dejn doganali li jista’ jinqala’ taħt l-Artikoli 203 jew 204.”

9

L-Artikolu 59 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1.   Il-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni għal dik il-proċedura doganali.

2.   Merkanzija tal-Komunità dikjarata għal proċedura ta’ esportazzjoni, proċessar tal-ħruġ [passiv], ġarr jew magażinaġġ doganali għandha tkun soġġetta għas-sorveljanza doganali mill-ħin ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali sa dak il-ħin li tħalli t-territorju doganali tal-Komunità jew tinqered jew id-dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata.”

10

L-Artikolu 62 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulata kif ġej:

“1.   Dikjarazzjonijiet bil-miktub għandhom isiru fuq formola li tikkorrispondi mal-kampjun uffiċjali preskritt għal dak l-għan. Għandhom jiġu ffirmati u jkun fihom id-dettalji neċessarji għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.

2.   Id-dikjarazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.”

11

Skont l-Artikolu 63 tal-imsemmi kodiċi:

“Dikjarazzjonijiet li josservaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 62 għandhom jiġu aċċettati immedjatament mill-awtoritajiet doganali, sakemm il-merkanzija li għaliha jirreferu jiġu preżentati lid-dwana.”

12

L-Artikolu 67 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Ħlief fejn espressament ipprovdut mod ieħor, id-data li għandha tintuża għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw il-proċeduri doganali li għalihom il-merkanzija tkun dikjarata għandha tkun id-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet doganali.”

13

Skont l-Artikolu 68 ta’ dan il-kodiċi, għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet li jkunu aċċettaw, l-awtoritajiet doganali jistgħu jeżaminaw id-dokumenti li jirrigwardaw id-dikjarazzjoni u d-dokumenti li jakkompanjawha u jeżaminaw il-merkanzija u jieħdu kampjuni għall-analiżi jew għal eżami fil-fond. Id-drittijiet u l-obbligu tad-dikjarant huma stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 69 sa 70 ta’ dan l-istess kodiċi.

14

L-Artikolu 71 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li r-riżultati tal-verifika tad-dikjarazzjoni għandhom jintużaw għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha tpoġġiet il-merkanzija u li fejn id-dikjarazzjoni ma tiġix ivverifikata, id-dispożizzjonijiet li jsir riferiment għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati skont il-bażi tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni.

15

Skont l-Artikolu 72(1) tal-Kodiċi Doganali:

“L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jidentifikaw il-merkanzija meta l-identifikazzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kondizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-imsemmija merkanzija tkun ġiet dikjarata.”

16

Mill-Artikolu 73(1) ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li, fil-prinċipju, meta l-kundizzjonijiet biex titqiegħed il-merkanzija taħt il-proċedura inkwistjoni jiġu ssodisfatti, l-awtoritajiet doganali għandhom jeħilsu l-merkanzija hekk kif id-dettalji fid-dikjarazzjoni jkunu ġew ivverifikati jew aċċettati mingħajr verifika.

17

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(1) tal-imsemmi kodiċi tipprovdi li:

“Fejn l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali toħloq dejn doganali, il-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni m’għandhiex tinħeles ħlief meta d-dejn doganali jkun ġie mħallas jew garantit.”

18

Skont l-Artikolu 91(1)(a) tal-Kodiċi Doganali:

“Il-proċess [proċedura] ta’ transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:

a)

merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali.”

19

L-Artikolu 96(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal:

a)

preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni;

b)

l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura tat-tranżitu tal-Komunità.”

20

L-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:

“1.   Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

2.   Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

3.   Id-debituri għandhom ikunu:

il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali,

kull persuna li tkun ipparteċipat f’dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali,

kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji [k]konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li kienu tneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali,

kif ukoll

fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21

Lott ta’ laħam taċ-ċanga ffriżat, li ġie ttrasportat bil-vapur f’kontejner, mill-Brażil lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, tniżżel fil-port ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) mill-kumpannija Seaport International. Din tal-aħħar iddepożitatu fuq is-sit tagħha sakemm kienet qed tistenna li tinħareġ l-approvazzjoni doganali għat-trattament jew għall-użu ta’ din il-merkanzija.

22

Filwaqt li l-kontejner kien jinsab fuq dan is-sit, Codirex ippreżentat dikjarazzjoni doganali elettronikament, fis-6 ta’ Novembru 2007, bil-għan li l-imsemmi lott jitqiegħed taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern. L-awtoritajiet doganali aċċettaw din id-dikjarazzjoni immedjatament. F’dak il-mument, il-merkanzija inkwistjoni kellha l-istatus ta’ “merkanzija f’ħażna temporanja” fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali.

23

Fis-7 ta’ Novembru 2007, l-awtoritajiet doganali waħħlu siġilli fuq il-kontejner u ħelsuh. Dan il-kontejner ġie ttrasportat bit-triq lejn l-impriża destinatarja, jiġifieri Eurofrigo BV (iktar ’il quddiem “Eurofrigo”), li tinsab fiż-żona industrijali ta’ Maasvlakte (Il-Pajjiżi l-Baxxi).

24

Peress li l-awtoritajiet doganali ma rċevew l-ebda konferma tal-wasla tal-merkanzija għand Eurofrigo, huma wettqu investigazzjoni. Fis-27 ta’ Diċembru 2007, Eurofrigo għarrfithom li, minkejja li s-siġilli tal-kontejner baqgħu intatti, il-kunsinna kellha żewġ pakketti inqas minn dawk li kienu jidhru fid-dikjarazzjoni doganali.

25

Fis-17 ta’ Frar 2008, l-awtoritajiet doganali stiednu lil Codirex, bħala dikjarant, sabiex tipprovdi informazzjoni iktar preċiża fuq il-merkanzija nieqsa. Peress li Codirex ma rrispondietx, fit-3 ta’ Lulju 2008, dawn l-awtoritajiet indirizzawlha avviż ta’ tassazzjoni jitolbuha tħallas id-dazji doganali u anki l-VAT.

26

L-ispettur tat-taxxi, li quddiemu ġie ppreżentat ilment minn Codirex kontra dan l-avviż ta’ impożizzjoni, ikkonferma dan tal-aħħar.

27

Codirex ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank te Haarlem (Tribunal tal-arrondissement ta’ Haarlem).

28

Fis-sentenza tiegħu, dan it-Tribunal qies li merkanzija mhux Komunitarja ddikjarata bil-għan li titqiegħed taħt il-proċedura tat-tranżitu doganali kienet iżżomm l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja sal-mument li s-servizzi doganali jeħilsuha u li, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-proċedura tat-tranżitu doganali ma kinux, f’dan il-każ, infurzabbli kontra Codirex. Ir-Rechtbank te Haarlem, billi rrefera għas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals (C-140/04, Ġabra p. I-8245, punti 35 sa 39) iddeċieda li, bejn il-perijodu ta’ ħażna temporanja u l-mument meta l-awtoritajiet doganali ħelsu merkanzija bil-għan tat-tranżitu, Codirex, li ma kinitx f’pożizzjoni li tiddisponi fiżikament mill-merkanzija, ma setgħetx titqies bħala debitur doganali fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali.

29

L-iStaatssecretaris ippreżenta rikors ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema) kontra din id-deċiżjoni. Din tal-aħħar qieset li interpretazzjoni tal-Kodiċi Doganali kienet neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“F’liema mument il-merkanzija mhux Komunitarja tiġi assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana skont is-sens tal-Artikolu 50 tal-[Kodiċi Doganali] fil-każ ta’ merkanzija li jkollha status ta’ ‘ħażna temporanja’ li tiġi ddikjarata sabiex titqiegħed taħt is-sistema [proċedura] doganali tat-tranżitu Komunitarju estern?”

Fuq id-domanda preliminari

31

Fil-bażi ta’ informazzjoni kkomunikata mill-qorti tar-rinviju, l-eżami tal-kawża huwa bbażat fuq l-ipoteżi li, meta saret id-dikjarazzjoni doganali, il-pakketti kollha ddikjarati u intiżi għat-tranżitu Komunitarju estern kienu preżenti fil-kontejner li kien jinsab fuq is-sit ta’ Seaport International, iżda żewġ pakketti ntilfu qabel dan il-kontejner ġie ssiġillat mid-dwana.

32

Mill-Artikolu 230(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li t-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni tagħti lok, fil-mument ta’ din it-tneħħija, għal dejn doganali fuq l-importazzjoni. L-imsemmija tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali tinkludi kull att jew kull ommissjoni li għandha bħala riżultat li twaqqaf, anki jekk biss temporanjament, l-awtorità doganali kompetenti milli jkollha aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li taffettwa l-kontrolli previsti fl-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali (ara s-sentenza United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Jekk, fil-mument tat-tneħħija tal-merkanzija inkwistjoni mis-sorveljanza doganali, din tal-aħħar tkun diġà tqiegħdet taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern, huwa d-detentur ta’ din il-proċedura li, peress li huwa l-prinċipal fis-sens tal-Artikolu 96(1) tal-Kodiċi Doganali, għandu jeżegwixxi l-obbligi li jirriżultaw mill-użu tal-imsemmija proċedura u li huwa responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 203(3) ta’ dan il-kodiċi, jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-ewwel tliet inċiżi ta’ dan il-paragrafu 3 ma japplikawx.

34

Min-naħa l-oħra, jekk fil-mument tal-imsemmija tneħħija, il-merkanzija tkun għadha ma tqiegħditx taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern, iżda għadha dejjem fil-ħażna temporanja, il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali, jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-ewwel tliet inċiżi tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali ma japplikawx, hija l-persuna li, peress li hija responsabbli li teżegwixxi l-obbligi li jirriżultaw mill-ħażna temporanja, iżżomm il-merkanzija, wara l-ħatt tagħha, sabiex tiżgura ċ-ċaqliq jew il-ħażna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 kif ukoll id-dispożittiv). Fuq il-bażi tal-informazzjoni li tirriżulta mill-proċess, din il-persuna ma hijiex Codirex.

35

Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat il-mument meta, skont il-Kodiċi Doganali, il-ħażna temporanja ta’ merkanzija tispiċċa u t-tqegħid taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern jibda’.

36

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li mis-sentenza tal-1 ta’ Frar 2001, D. Wandel (C-66/99, Ġabra p. I-873, punti 35 sa 38 u 45), mogħtija fir-rigward ta’ merkanzija importata intiża li titqiegħed f’ċirkolazzjoni libera tibqa’ f’ħażna temporanja sal-għoti tal-ħelsien tagħha u l-istatus doganali tagħha jinbidel biss meta dan il-ħelsien jingħata mill-awtoritajiet doganali.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tqegħid f’ċirkolazzjoni libera, skont l-Artikolu 4(16)(a) tal-Kodiċi Doganali, huwa wkoll proċedura doganali u li t-tqegħid tal-merkanzija taħt tali proċedura jikkostitwixxi wkoll trattament jew użu approvat mid-dwana.

38

Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza D. Wandel, iċċitata iktar ’il fuq, minkejja li jirrigwarda proċedura differenti minn dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi traspost f’din il-kawża.

39

Sussegwentement, mill-Artikolu 4(17) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li d-dikjarazzjoni doganali tikkostitwixxi l-att li bih persuna tindika fil-forom u fil-modalitajiet previsti l-volontà li tassenja proċedura doganali speċifika lil merkanzija.

40

Huwa minnu li l-Artikolu 67 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li, ħlief fejn espressament ipprovdut mod ieħor, id-data li għandha tintuża għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun iddikjarata hija dik tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet doganali.

41

Madankollu, l-aċċettazzjoni waħedha tad-dikjarazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex ittemm il-ħażna temporanja.

42

Fil-fatt, l-Artikolu 37(2) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li l-merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Kummissjoni tibqa’ taħt sorveljanza doganali sakemm ikun neċessarju sabiex jiġi ddeterminat l-istatus doganali tagħha u, fir-rigward ta’ merkanzija mhux Komunitarja u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 82(1) ta’ dan il-kodiċi sakemm jinbidel l-istatus doganali tagħha.

43

Skont l-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali, il-merkanzija ppreżentata fid-dwana hija suġġetta għal ħażna temporanja minn din il-preżentazzjoni u sakemm tirċievi trattament u użu approvat mid-dwana.

44

It-tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura doganali huwa, skont l-Artikolu 4(15)(a) ta’ dan il-kodiċi, trattament u użu approvat mid-dwana u t-tranżitu jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 4(16)(b), proċedura doganali. L-Artikolu 4(20) tal-imsemmi kodiċi jiddefinixxi l-ħelsien ta’ merkanzija bħala t-tqegħid għad-dispożizzjoni, mill-awtoritajiet doganali, ta’ merkanzija għall-iskopijiet previsti mill-proċedura doganali li taħtha hija mqiegħda.

45

Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-merkanzija tibqa’ f’ħażna temporanja sakemm tkun is-suġġett tat-tranżitu Komunitarju estern.

46

Madankollu, il-merkanzija ma tistax tkun fi tranżitu Komunitarju estern ħlief meta l-kundizzjonijiet kollha ta’ dan it-tranżitu jiġu ssodisfatti.

47

Fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li hemm lok, skont il-każ, li jiġu vverifikati d-dikjarazzjonijiet doganali, li jittieħdu l-miżuri ta’ identifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni u li jeħtieġ li tiġi kkostitwita garanzija għal ħlas ta’ eventwali dejn doganali.

48

Għalhekk, l-awtoritajiet doganali jistgħu jwettqu, wara li jaċċettaw id-dikjarazzjoni doganali, skont l-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali, verifika tad-dikjarazzjonijiet aċċettati minnhom, billi jikkontrollaw dokumenti u/jew jeżaminaw il-merkanzija.

49

Għal dak li jikkonċerna l-miżuri ta’ identifikazzjoni adottati mill-awtoritajiet doganali, għandu jiġi enfasizzat, kif iddikjarat il-Kummissjoni, li l-verifika prevista f’dan l-Artikolu għandha tiġi kkunsidrata flimkien mal-Artikoli 71 u 73(1) ta’ dan il-kodiċi u tfisser li l-aċċettazzjoni formali ta’ dikjarazzjoni tista’ tiġi segwita mill-adozzjoni ta’ miżuri bħala dawk previsti fl-Artikolu 72 tal-imsemmi kodiċi sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni t-tajba tal-proċedura doganali li għaliha hija suġġetta l-merkanzija. F’dan il-każ, fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet, b’mod partikolari, bejn l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali u l-ħelsien, issiġillaw il-kontejner, sabiex jiżguraw l-osservanza tar-regolarità tat-tranżitu Komunitarju estern.

50

Fir-rigward tal-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 91(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, it-tranżitu Komunitarju estern jippermetti ċ-ċirkolazzjoni minn punt għal ieħor tat-territorju doganali tal-merkanzija mhux Komunitarja mingħajr ma’ din il-merkanzija ma tiġi suġġetta għad-dazji tal-importazzjoni. Din iċ-ċirkolazzjoni hija, għalhekk, suġġett għall-kundizzjonijiet stretti ħafna, iddefiniti fl-Artikoli 91(2), 94 u 96 ta’ dan il-kodiċi. Huwa pprovdut, b’mod partikolari, li, fil-prinċipju, garanzija għandha tiġi pprovduta sabiex tiżgura l-ħlas tad-dejn doganali li jista’ jirriżulta fir-rigward tal-merkanzija, li din tal-aħħar għandha tiġi ppreżentata intatta fl-uffiċċju ta’ dwana ta’ destinazzjoni fit-terminu previst u l-miżuri ta’ identifikazzjoni adottati mill-awtoritajiet kellhom ikunu osservati.

51

Konsegwentement, meta nuqqasijiet jiġu kkonstatati waqt il-verifika tad-dikjarazzjonijiet, l-obbligi li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ identifikazzjoni ma humiex osservati jew il-garanzija meħtieġa ma hijiex ippreżentata, il-merkanzija ma tistax tkun is-suġġett ta’ tranżitu Komunitarju estern.

52

Min-naħa l-oħra, meta l-kundizzjonijiet ta’ tqegħid taħt il-proċedura doganali inkwistjoni huma ssodisfatti, l-awtoritajiet doganali għandhom jeħilsu l-merkanzija, skont l-Artikolu 73(1) tal-Kodiċi Doganali, hekk kif id-dettalji fid-dikjarazzjoni ġew ivverifikati jew aċċettati mingħajr verifika.

53

In-neċessità jew il-possibbiltà għall-awtoritajiet doganali li japplikaw il-miżuri ta’ verifika, ta’ identifikazzjoni jew ta’ garanzija ma jippermettux li jitqies li l-kundizzjonijiet kollha tal-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern jistgħu jiġu ssodisfatti permezz tal-aċċettazzjoni waħedha tad-dikjarazzjoni doganali.

54

Barra minn hekk, il-fatt li l-merkanzija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax taqa’ taħt il-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern ħlief mill-mument tal-ħelsien tagħha li jirriżulta mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(20) tal-Kodiċi Doganali, li jenfasizza l-fatt li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-merkanzija mill-awtoritajiet doganali jsir “għall-iskopijiet stipulati mill-proċedura doganali li taħtha tkun tpoġġiet”.

55

Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 50, 67 u 73 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-merkanzija mhux Komunitarja, li hija s-suġġett ta’ dikjarazzjoni doganali aċċettata mill-awtoritajiet doganali bil-għan tat-tqegħid tagħha taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern u li għandha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja, titqiegħed taħt din il-proċedura doganali u tikseb b’hekk trattament jew użu approvat mid-dwana u hija għalhekk mqiegħda taħt il-proċedura doganali mill-mument li din il-merkanzija tinħeles.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 50, 67 u 73 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-merkanzija mhux Komunitarja, li hija s-suġġett ta’ dikjarazzjoni doganali aċċettata mill-awtoritajiet doganali bil-għan tat-tqegħid tagħha taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern u li għandha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja, titqiegħed taħt din il-proċedura doganali u tikseb b’hekk trattament jew użu approvat mid-dwana u hija għalhekk mqiegħda taħt il-proċedura doganali mill-mument li din il-merkanzija tinħeles.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C-542/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura

Staatssecretaris van Financiën,

vs

Codirex Expeditie BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort u C. Wissels, bħala aġenti,

– għall-Gvern Elleniku, minn I. Backopoulos u I. Pouli, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Staatssecretaris van Financiën (Segretarjat tal-Istat għall-Finanzi, iktar ’il quddiem is-“Staatssecretaris”) u Codirex Expeditie BV (iktar ’il quddiem “Codirex”), fir-rigward ta’ avviż ta’ tassazzjoni li jirrigwarda dazji doganali u taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

Il-kuntest ġuridiku

3. Skont l-Artikolu 4(15) sa (17) u (20) tal-Kodiċi Doganali, għall-finijiet ta’ dan tal-aħħar, għandu jinftiehem:

“15) ‘Trattament jew użu ta’ merkanzija bl-approvazzjoni doganali’ tfisser:

a) it-tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura doganali;

b) id-dħul tagħha ġo żona ħielsa jew maħżen ħieles;

ċ) l-esportazzjoni mill-ġdid tagħha mit-territorju doganali tal-Komunità;

d) il-qerda tagħha,

e) l-abbandun tagħha lit-Teżor;

16) ‘Proċedura doganali’ tfisser:

a) ħelsien għal ċirkolazzjoni liberu,

b) transitu,

[…]

17) ‘Dikjarazzjoni doganali’ tfisser att li bih persuna tindika bil-forma u mod preskritti xewqa li tqiegħed merkanzija taħt proċedura partikolari doganali;

[...]

20) ‘Ħelsien ta’ merkanzija’ tfisser l-att li bih l-awtoritajiet doganali jagħmlu merkanzija disponibbli għall-iskopijiet stipulati mill-proċedura doganali li taħtha tkun tpoġġiet.”

4. L-Artikolu 37 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“1. Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha, mill-ħin tad-dħul tagħha, tkun soġġetta għal sorveljanza doganali. Tista’ tkun soġġetta għal kontroll mill-awtorità doganali skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

2. Għandha tibqa’ taħt dik is-sorveljanza għaż-żmien neċessarju biex jiġi stabbilit l-istatus doganali tagħha, jekk ikun xieraq, u fil-każ ta’ merkanzija mhux tal-Komunità u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 82(1), sakemm l-istatus doganali tagħha jinbidel, tidħol f’żona ħielsa jew maħżen ħieles jew tkun esportata mill-ġdid jew meqruda skond l-Artikolu 182.”

5. L-Artikolu 40 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi, b’mod partikolari, li l-merkanzija li tidħol fil-territorju doganali tal-Komunità tiġi ppreżentata lid-dwana mill-persuna li daħħlitha f’dan it-territorju jew, skont il-każ, mill-persuna li tassumi responsabbiltà għall-ġarr tal-merkanzija wara li jseħħ dan id-dħul.

6. Skont l-Artikolu 48 tal-Kodiċi Doganali, “[m]erkanzija mhux tal-Komunità preżentata lid-dwana għandha tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana awtorizzat għal dik il-merkanzija mhux tal-Komunità.”

7. L-Artikolu 50 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Sakemm tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana, merkanzija preżentata lid-dwana għandha, wara dik il-preżentazzjoni, ikollha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja. Dik il-merkanzija ser tkun deskritta aktar ’l isfel bħala ‘merkanzija f’ħażna temporanja’.”

8. L-Artikolu 51 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“1. Il-merkanzija f’ħażna temporanja għandha tinħażen biss f’postijiet approvati mill-awtoritajiet doganali taħt il-kondizzjonijiet stipulati minn dawk l-awtoritajiet.

2. L-awtoritajiet doganali jistgħu jesiġu li l-persuna li tkun qed iżżomm il-merkanzija tipprovdi garanzija bil-għan li jiġi żgurat il-ħlas ta’ kull dejn doganali li jista’ jinqala’ taħt l-Artikoli 203 jew 204.”

9. L-Artikolu 59 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1. Il-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni għal dik il-proċedura doganali.

2. Merkanzija tal-Komunità dikjarata għal proċedura ta’ esportazzjoni, proċessar tal-ħruġ [passiv], ġarr jew magażinaġġ doganali għandha tkun soġġetta għas-sorveljanza doganali mill-ħin ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali sa dak il-ħin li tħalli t-territorju doganali tal-Komunità jew tinqered jew id-dikjarazzjoni doganali tiġi invalidata.”

10. L-Artikolu 62 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulata kif ġej:

“1. Dikjarazzjonijiet bil-miktub għandhom isiru fuq formola li tikkorrispondi mal-kampjun uffiċjali preskritt għal dak l-għan. Għandhom jiġu ffirmati u jkun fihom id-dettalji neċessarji għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.

2. Id-dikjarazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.”

11. Skont l-Artikolu 63 tal-imsemmi kodiċi:

“Dikjarazzjonijiet li josservaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 62 għandhom jiġu aċċettati immedjatament mill-awtoritajiet doganali, sakemm il-merkanzija li għaliha jirreferu jiġu preżentati lid-dwana.”

12. L-Artikolu 67 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Ħlief fejn espressament ipprovdut mod ieħor, id-data li għandha tintuża għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw il-proċeduri doganali li għalihom il-merkanzija tkun dikjarata għandha tkun id-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet doganali.”

13. Skont l-Artikolu 68 ta’ dan il-kodiċi, għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet li jkunu aċċettaw, l-awtoritajiet doganali jistgħu jeżaminaw id-dokumenti li jirrigwardaw id-dikjarazzjoni u d-dokumenti li jakkompanjawha u jeżaminaw il-merkanzija u jieħdu kampjuni għall-analiżi jew għal eżami fil-fond. Id-drittijiet u l-obbligu tad-dikjarant huma stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 69 sa 70 ta’ dan l-istess kodiċi.

14. L-Artikolu 71 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li r-riżultati tal-verifika tad-dikjarazzjoni għandhom jintużaw għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha tpoġġiet il-merkanzija u li fejn id-dikjarazzjoni ma tiġix ivverifikata, id-dispożizzjonijiet li jsir riferiment għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati skont il-bażi tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni.

15. Skont l-Artikolu 72(1) tal-Kodiċi Doganali:

“L-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jidentifikaw il-merkanzija meta l-identifikazzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kondizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-imsemmija merkanzija tkun ġiet dikjarata.”

16. Mill-Artikolu 73(1) ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li, fil-prinċipju, meta l-kundizzjonijiet biex titqiegħed il-merkanzija taħt il-proċedura inkwistjoni jiġu ssodisfatti, l-awtoritajiet doganali għandhom jeħilsu l-merkanzija hekk kif id-dettalji fid-dikjarazzjoni jkunu ġew ivverifikati jew aċċettati mingħajr verifika.

17. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 74(1) tal-imsemmi kodiċi tipprovdi li:

“Fejn l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali toħloq dejn doganali, il-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni m’għandhiex tinħeles ħlief meta d-dejn doganali jkun ġie mħallas jew garantit.”

18. Skont l-Artikolu 91(1)(a) tal-Kodiċi Doganali:

“Il-proċess [proċedura] ta’ transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:

a) merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali.”

19. L-Artikolu 96(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal:

a) preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni;

b) l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura tat-tranżitu tal-Komunità.”

20. L-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:

“1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

– tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

3. Id-debituri għandhom ikunu:

– il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali,

– kull persuna li tkun ipparteċipat f’dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali,

– kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji [k]konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li kienu tneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali,

kif ukoll

– fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21. Lott ta’ laħam taċ-ċanga ffriżat, li ġie ttrasportat bil-vapur f’kontejner, mill-Brażil lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, tniżżel fil-port ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) mill-kumpannija Seaport International. Din tal-aħħar iddepożitatu fuq is-sit tagħha sakemm kienet qed tistenna li tinħareġ l-approvazzjoni doganali għat-trattament jew għall-użu ta’ din il-merkanzija.

22. Filwaqt li l-kontejner kien jinsab fuq dan is-sit, Codirex ippreżentat dikjarazzjoni doganali elettronikament, fis-6 ta’ Novembru 2007, bil-għan li l-imsemmi lott jitqiegħed taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern. L-awtoritajiet doganali aċċettaw din id-dikjarazzjoni immedjatament. F’dak il-mument, il-merkanzija inkwistjoni kellha l-istatus ta’ “merkanzija f’ħażna temporanja” fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali.

23. Fis-7 ta’ Novembru 2007, l-awtoritajiet doganali waħħlu siġilli fuq il-kontejner u ħelsuh. Dan il-kontejner ġie ttrasportat bit-triq lejn l-impriża destinatarja, jiġifieri Eurofrigo BV (iktar ’il quddiem “Eurofrigo”), li tinsab fiż-żona industrijali ta’ Maasvlakte (Il-Pajjiżi l-Baxxi).

24. Peress li l-awtoritajiet doganali ma rċevew l-ebda konferma tal-wasla tal-merkanzija għand Eurofrigo, huma wettqu investigazzjoni. Fis-27 ta’ Diċembru 2007, Eurofrigo għarrfithom li, minkejja li s-siġilli tal-kontejner baqgħu intatti, il-kunsinna kellha żewġ pakketti inqas minn dawk li kienu jidhru fid-dikjarazzjoni doganali.

25. Fis-17 ta’ Frar 2008, l-awtoritajiet doganali stiednu lil Codirex, bħala dikjarant, sabiex tipprovdi informazzjoni iktar preċiża fuq il-merkanzija nieqsa. Peress li Codirex ma rrispondietx, fit-3 ta’ Lulju 2008, dawn l-awtoritajiet indirizzawlha avviż ta’ tassazzjoni jitolbuha tħallas id-dazji doganali u anki l-VAT.

26. L-ispettur tat-taxxi, li quddiemu ġie ppreżentat ilment minn Codirex kontra dan l-avviż ta’ impożizzjoni, ikkonferma dan tal-aħħar.

27. Codirex ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank te Haarlem (Tribunal tal-arrondissement ta’ Haarlem).

28. Fis-sentenza tiegħu, dan it-Tribunal qies li merkanzija mhux Komunitarja ddikjarata bil-għan li titqiegħed taħt il-proċedura tat-tranżitu doganali kienet iżżomm l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja sal-mument li s-servizzi doganali jeħilsuha u li, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-proċedura tat-tranżitu doganali ma kinux, f’dan il-każ, infurzabbli kontra Codirex. Ir-Rechtbank te Haarlem, billi rrefera għas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals (C-140/04, Ġabra p. I-8245, punti 35 sa 39) iddeċieda li, bejn il-perijodu ta’ ħażna temporanja u l-mument meta l-awtoritajiet doganali ħelsu merkanzija bil-għan tat-tranżitu, Codirex, li ma kinitx f’pożizzjoni li tiddisponi fiżikament mill-merkanzija, ma setgħetx titqies bħala debitur doganali fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali.

29. L-iStaatssecretaris ippreżenta rikors ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema) kontra din id-deċiżjoni. Din tal-aħħar qieset li interpretazzjoni tal-Kodiċi Doganali kienet neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha.

30. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“F’liema mument il-merkanzija mhux Komunitarja tiġi assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana skont is-sens tal-Artikolu 50 tal-[Kodiċi Doganali] fil-każ ta’ merkanzija li jkollha status ta’ ‘ħażna temporanja’ li tiġi ddikjarata sabiex titqiegħed taħt is-sistema [proċedura] doganali tat-tranżitu Komunitarju estern?”

Fuq id-domanda preliminari

31. Fil-bażi ta’ informazzjoni kkomunikata mill-qorti tar-rinviju, l-eżami tal-kawża huwa bbażat fuq l-ipoteżi li, meta saret id-dikjarazzjoni doganali, il-pakketti kollha ddikjarati u intiżi għat-tranżitu Komunitarju estern kienu preżenti fil-kontejner li kien jinsab fuq is-sit ta’ Seaport International, iżda żewġ pakketti ntilfu qabel dan il-kontejner ġie ssiġillat mid-dwana.

32. Mill-Artikolu 230(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li t-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni tagħti lok, fil-mument ta’ din it-tneħħija, għal dejn doganali fuq l-importazzjoni. L-imsemmija tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali tinkludi kull att jew kull ommissjoni li għandha bħala riżultat li twaqqaf, anki jekk biss temporanjament, l-awtorità doganali kompetenti milli jkollha aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li taffettwa l-kontrolli previsti fl-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali (ara s-sentenza United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33. Jekk, fil-mument tat-tneħħija tal-merkanzija inkwistjoni mis-sorveljanza doganali, din tal-aħħar tkun diġà tqiegħdet taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern, huwa d-detentur ta’ din il-proċedura li, peress li huwa l-prinċipal fis-sens tal-Artikolu 96(1) tal-Kodiċi Doganali, għandu jeżegwixxi l-obbligi li jirriżultaw mill-użu tal-imsemmija proċedura u li huwa responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 203(3) ta’ dan il-kodiċi, jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-ewwel tliet inċiżi ta’ dan il-paragrafu 3 ma japplikawx.

34. Min-naħa l-oħra, jekk fil-mument tal-imsemmija tneħħija, il-merkanzija tkun għadha ma tqiegħditx taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern, iżda għadha dejjem fil-ħażna temporanja, il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali, jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-ewwel tliet inċiżi tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali ma japplikawx, hija l-persuna li, peress li hija responsabbli li teżegwixxi l-obbligi li jirriżultaw mill-ħażna temporanja, iżżomm il-merkanzija, wara l-ħatt tagħha, sabiex tiżgura ċ-ċaqliq jew il-ħażna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza United Antwerp Maritime Agencies u Seaport Terminals, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 kif ukoll id-dispożittiv). Fuq il-bażi tal-informazzjoni li tirriżulta mill-proċess, din il-persuna ma hijiex Codirex.

35. Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat il-mument meta, skont il-Kodiċi Doganali, il-ħażna temporanja ta’ merkanzija tispiċċa u t-tqegħid taħt il-proċedura tat-tranżitu Komunitarju estern jibda’.

36. Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li mis-sentenza tal-1 ta’ Frar 2001, D. Wandel (C-66/99, Ġabra p. I-873, punti 35 sa 38 u 45), mogħtija fir-rigward ta’ merkanzija importata intiża li titqiegħed f’ċirkolazzjoni libera tibqa’ f’ħażna temporanja sal-għoti tal-ħelsien tagħha u l-istatus doganali tagħha jinbidel biss meta dan il-ħelsien jingħata mill-awtoritajiet doganali.

37. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tqegħid f’ċirkolazzjoni libera, skont l-Artikolu 4(16)(a) tal-Kodiċi Doganali, huwa wkoll proċedura doganali u li t-tqegħid tal-merkanzija taħt tali proċedura jikkostitwixxi wkoll trattament jew użu approvat mid-dwana.

38. Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza D. Wandel, iċċitata iktar ’il fuq, minkejja li jirrigwarda proċedura differenti minn dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi traspost f’din il-kawża.

39. Sussegwentement, mill-Artikolu 4(17) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li d-dikjarazzjoni doganali tikkostitwixxi l-att li bih persuna tindika fil-forom u fil-modalitajiet previsti l-volontà li tassenja proċedura doganali speċifika lil merkanzija.

40. Huwa minnu li l-Artikolu 67 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi li, ħlief fejn espressament ipprovdut mod ieħor, id-data li għandha tintuża għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun iddikjarata hija dik tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet doganali.

41. Madankollu, l-aċċettazzjoni waħedha tad-dikjarazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex ittemm il-ħażna temporanja.

42. Fil-fatt, l-Artikolu 37(2) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li l-merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Kummissjoni tibqa’ taħt sorveljanza doganali sakemm ikun neċessarju sabiex jiġi ddeterminat l-istatus doganali tagħha u, fir-rigward ta’ merkanzija mhux Komunitarja u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 82(1) ta’ dan il-kodiċi sakemm jinbidel l-istatus doganali tagħha.

43. Skont l-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali, il-merkanzija ppreżentata fid-dwana hija suġġetta għal ħażna temporanja minn din il-preżentazzjoni u sakemm tirċievi trattament u użu approvat mid-dwana.

44. It-tqegħid ta’ merkanzija taħt proċedura doganali huwa, skont l-Artikolu 4(15)(a) ta’ dan il-kodiċi, trattament u użu approvat mid-dwana u t-tranżitu jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 4(16)(b), proċedura doganali. L-Artikolu 4(20) tal-imsemmi kodiċi jiddefinixxi l-ħelsien ta’ merkanzija bħala t-tqegħid għad-dispożizzjoni, mill-awtoritajiet doganali, ta’ merkanzija għall-iskopijiet previsti mill-proċedura doganali li taħtha hija mqiegħda.

45. Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-merkanzija tibqa’ f’ħażna temporanja sakemm tkun is-suġġett tat-tranżitu Komunitarju estern.

46. Madankollu, il-merkanzija ma tistax tkun fi tranżitu Komunitarju estern ħlief meta l-kundizzjonijiet kollha ta’ dan it-tranżitu jiġu ssodisfatti.

47. Fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li hemm lok, skont il-każ, li jiġu vverifikati d-dikjarazzjonijiet doganali, li jittieħdu l-miżuri ta’ identifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni u li jeħtieġ li tiġi kkostitwita garanzija għal ħlas ta’ eventwali dejn doganali.

48. Għalhekk, l-awtoritajiet doganali jistgħu jwettqu, wara li jaċċettaw id-dikjarazzjoni doganali, skont l-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali, verifika tad-dikjarazzjonijiet aċċettati minnhom, billi jikkontrollaw dokumenti u/jew jeżaminaw il-merkanzija.

49. Għal dak li jikkonċerna l-miżuri ta’ identifikazzjoni adottati mill-awtoritajiet doganali, għandu jiġi enfasizzat, kif iddikjarat il-Kummissjoni, li l-verifika prevista f’dan l-Artikolu għandha tiġi kkunsidrata flimkien mal-Artikoli 71 u 73(1) ta’ dan il-kodiċi u tfisser li l-aċċettazzjoni formali ta’ dikjarazzjoni tista’ tiġi segwita mill-adozzjoni ta’ miżuri bħala dawk previsti fl-Artikolu 72 tal-imsemmi kodiċi sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni t-tajba tal-proċedura doganali li għaliha hija suġġetta l-merkanzija. F’dan il-każ, fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet, b’mod partikolari, bejn l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali u l-ħelsien, issiġillaw il-kontejner, sabiex jiżguraw l-osservanza tar-regolarità tat-tranżitu Komunitarju estern.

50. Fir-rigward tal-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 91(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, it-tranżitu Komunitarju estern jippermetti ċ-ċirkolazzjoni minn punt għal ieħor tat-territorju doganali tal-merkanzija mhux Komunitarja mingħajr ma’ din il-merkanzija ma tiġi suġġetta għad-dazji tal-importazzjoni. Din iċ-ċirkolazzjoni hija, għalhekk, suġġett għall-kundizzjonijiet stretti ħafna, iddefiniti fl-Artikoli 91(2), 94 u 96 ta’ dan il-kodiċi. Huwa pprovdut, b’mod partikolari, li, fil-prinċipju, garanzija għandha tiġi pprovduta sabiex tiżgura l-ħlas tad-dejn doganali li jista’ jirriżulta fir-rigward tal-merkanzija, li din tal-aħħar għandha tiġi ppreżentata intatta fl-uffiċċju ta’ dwana ta’ destinazzjoni fit-terminu previst u l-miżuri ta’ identifikazzjoni adottati mill-awtoritajiet kellhom ikunu osservati.

51. Konsegwentement, meta nuqqasijiet jiġu kkonstatati waqt il-verifika tad-dikjarazzjonijiet, l-obbligi li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ identifikazzjoni ma humiex osservati jew il-garanzija meħtieġa ma hijiex ippreżentata, il-merkanzija ma tistax tkun is-suġġett ta’ tranżitu Komunitarju estern.

52. Min-naħa l-oħra, meta l-kundizzjonijiet ta’ tqegħid taħt il-proċedura doganali inkwistjoni huma ssodisfatti, l-awtoritajiet doganali għandhom jeħilsu l-merkanzija, skont l-Artikolu 73(1) tal-Kodiċi Doganali, hekk kif id-dettalji fid-dikjarazzjoni ġew ivverifikati jew aċċettati mingħajr verifika.

53. In-neċessità jew il-possibbiltà għall-awtoritajiet doganali li japplikaw il-miżuri ta’ verifika, ta’ identifikazzjoni jew ta’ garanzija ma jippermettux li jitqies li l-kundizzjonijiet kollha tal-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern jistgħu jiġu ssodisfatti permezz tal-aċċettazzjoni waħedha tad-dikjarazzjoni doganali.

54. Barra minn hekk, il-fatt li l-merkanzija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax taqa’ taħt il-proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern ħlief mill-mument tal-ħelsien tagħha li jirriżulta mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(20) tal-Kodiċi Doganali, li jenfasizza l-fatt li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-merkanzija mill-awtoritajiet doganali jsir “għall-iskopijiet stipulati mill-proċedura doganali li taħtha tkun tpoġġiet”.

55. Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 50, 67 u 73 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-merkanzija mhux Komunitarja, li hija s-suġġett ta’ dikjarazzjoni doganali aċċettata mill-awtoritajiet doganali bil-għan tat-tqegħid tagħha taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern u li għandha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja, titqiegħed taħt din il-proċedura doganali u tikseb b’hekk trattament jew użu approvat mid-dwana u hija għalhekk mqiegħda taħt il-proċedura doganali mill-mument li din il-merkanzija tinħeles.

Fuq l-ispejjeż

56. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 50, 67 u 73 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-merkanzija mhux Komunitarja, li hija s-suġġett ta’ dikjarazzjoni doganali aċċettata mill-awtoritajiet doganali bil-għan tat-tqegħid tagħha taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu Komunitarju estern u li għandha l-istatus ta’ merkanzija f’ħażna temporanja, titqiegħed taħt din il-proċedura doganali u tikseb b’hekk trattament jew użu approvat mid-dwana u hija għalhekk mqiegħda taħt il-proċedura doganali mill-mument li din il-merkanzija tinħeles.