SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ April 2013 ( *1 )

“Appell — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra persuni u entitajiet — Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Forza maġġuri — Kunflitt bl-armi”

Fil-Kawżi magħquda C-478/11 P sa C-482/11 P,

li għandhom bħala suġġett ħames appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil-21 ta’ Settembru 2011,

Laurent Gbagbo, (C-478/11 P),

Katinan Justin Koné, (C-479/11 P),

Akissi Danièle Boni-Claverie, (C-480/11 P),

Alcide Djédjé,(C-481/11 P),

Affi Pascal N’Guessan, (C-482/11 P),

irrappreżentati minn L. Bourthoumieux, avukat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u M.-M. Joséphidès, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, M. Ilešič (Relatur), G. Arestis, J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, U. Lõhmus, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, J.-J. Kasel, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, L. Gbagbo, K. J. Koné, A. D. Boni-Claverie, A. Djédjé u A. P. N’Guessan qegħdin jitolbu, rispettivament, l-annullament tad-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2011, Gbagbo vs Il-Kunsill (T-348/11), Koné vs Il-Kunsill (T-349/11), Boni-Claverie vs Il-Kunsill (T-350/11), Djédjé vs Il-Kunsill (T-351/11) u N’Guessan vs Il-Kunsill (T-352/11) (iktar ’il quddiem id-“digrieti appellati”), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala manifestament inammissibbli r-rikorsi rispettivi tagħhom intiżi għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/17/PESK, tal-11 ta’ Jannar 2011 (ĠU L 11, p. 31), 2011/18/PESK, tal-14 ta’ Jannar 2011 (ĠU L 11, p. 36), u 2011/221/PESK, tas-6 ta’ April 2011 (ĠU L 93, p. 20), li jemendaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire, u, min-naħa l-oħra, tar-Regolamenti tal-Kunsill (UE) Nru 25/2011, tal-14 ta’ Jannar 2011 (ĠU L 11, p. 1), u Nru 330/2011, tas-6 ta’ April 2011 (ĠU L 93, p. 10), li jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 560/2006, li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Kosta tal-Avorju (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom.

Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fil-15 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1572 (2004) li permezz tagħha, b’mod partikolari, afferma li s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire kienet qiegħda tkompli tipperikola l-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjun u ddeċieda li jimponi ċerti miżuri restrittivi fil-konfront ta’ dan il-pajjiż.

3

L-Artikolu 14 tar-Riżoluzzjoni 1572 (2004) waqqaf kumitat (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tas-sanzjonijiet”) inkarigat, b’mod partikolari, li jinnomina l-persuni u l-entitajiet li għandhom jintlaqtu mill-miżuri restrittivi fil-qasam tal-ivvjaġġar u tal-iffriżar ta’ fondi, ta’ beni finanzjarji u ta’ riżorsi ekonomiċi li timponi l-imsemmija riżoluzzjoni fil-punti 9 u 11 tagħha u li jżomm din il-lista aġġornata.

4

Fit-13 ta’ Diċembru 2004, peress li kkunsidra li kienet neċessarja azzjoni tal-Komunità Ewropea sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1572 (2004), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra l-Kosta tal-Avorju (ĠU L 153M, 07.06.2006, p. 264).

5

Fit-12 ta’ April 2005, peress li kkunsidra li kien neċessarju regolament sabiex jiġu implementati fuq livell Komunitarju l-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2004/852, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 560/2005, li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Kosta tal-Avorju (ĠU L 159M, 13.6.2006, p. 347).

6

Il-Pożizzjoni Komuni 2004/852 ġiet estiża u emendata diversi drabi, qabel ma ġiet imħassra u ssotitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK, tad-29 ta’ Ottubru 2010, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire (ĠU L 285, p. 28).

7

Fil-31 ta’ Ottubru u fit-28 ta’ Novembru 2010 nżammet elezzjoni sabiex jiġi nnominat il-president tar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire.

8

Fit-3 ta’ Diċembru 2010, ir-rappreżentant speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Côte d’Ivoire iċċertifika r-riżultat definittiv tat-tieni parti tal-elezzjoni presidenzjali kif ipproklamat mill-president tal-Kummissjoni elettorali indipendenti fit-2 ta’ Diċembru 2010, li kkonferma lil Alassane Ouattara bħala r-rebbieħ tal-elezzjoni presidenzjali.

9

Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill enfasizza l-importanza tal-elezzjoni presidenzjali tal-31 ta’ Ottubru u tat-28 ta’ Novembru 2010 sabiex jerġa’ jkun hemm il-paċi u l-istabbiltà fil-Côte d'Ivoire u ddikjara li r-rieda li ntweriet b’mod sovran mill-poplu Ivorjan għandha tiġi rispettata b’mod obbligatorju. Huwa ħa nota wkoll tal-konklużjonijiet tar-rappreżentant speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Côte d’Ivoire fil-kuntest tal-mandat ta’ ċertifikazzjoni tiegħu u feraħ lil A. Ouatara talli ġie elett president tar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire.

10

Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew appella lill-mexxejja Ivorjani kollha, kemm ċivili kif ukoll dawk militari, li kienu għadhom ma għamlux dan, sabiex jissottomettu ruħhom għall-awtorità tal-President elett demokratikament, A. Outtara. Huwa kkonferma d-determinazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tieħu sanzjonijiet immirati fil-konfront ta’ dawk li kienu għadhom qegħdin jostakolaw ir-rispett tar-rieda espressa b’mod sovran mill-poplu Ivorjan.

11

Sabiex jimponi miżuri restrittivi, fil-qasam tal-ivvjaġġar, fil-konfront ta’ ċerti persuni li, għalkemm ma kinux imsemmija mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-sanzjonijiet, kienu qegħdin jostakolaw il-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Côte d’Ivoire, b’mod partikolari dawk li kienu qegħdin jheddu l-eżitu ġust tal-proċess elettorali, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/801/PESK, tat-22 ta’ Diċembru 2010, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK (ĠU L 341, p. 45). Il-lista ta’ dawn il-persuni tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/801.

12

L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/801, huwa mfassal kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tad-dħul jew it-transitu fit-territorji tagħhom:

(a)

tal-persuni msemmija fl-Anness I, maħtura mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet […];

(b)

tal-persuni msemmija fl-Anness II, li mhumiex inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness I u li jostakolaw il-proċess ta’ paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali u b’mod partikolari dawk li jheddu l-eżitu adatt tal-proċess elettorali.”

13

L-ismijiet ta’ L. Gbagbo u A. P. N’Guessan ġew inklużi, permezz tad-Deċiżjoni 2010/801, fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata permezz ta’ din id-deċiżjoni.

14

Fil-11 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/17 sabiex jinkludi, minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire, persuni oħra fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/801.

15

B’hekk, l-ismijiet ta’ K. J. Koné u A. D. Boni-Claverie ġew inklużi, permezz tad-Deċiżjoni 2011/17, fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/801.

16

Fl-14 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/18 sabiex jimponi miżuri restrittivi supplimentari, b’mod partikolari l-iffriżar ta’ fondi.

17

Skont l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/18:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta’ jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn:

(a)

persuni msemmija fl-Anness I innominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u msemmija fl-Artikolu 4(1)(a), jew li huma miżmuma minn entitajiet li huma fil-pussess ta’ jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom jew minn kwalunkwe persuna li qiegħda taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, kif identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(b)

persuni jew entitajiet imsemmija fl-Anness II, li mhumiex inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness I u li jostakolaw il-proċess ta’ paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali, u b’mod partikolari dawk li jheddu l-eżitu adatt tal-proċess elettorali, jew li huma miżmuma minn entitajiet li huma fil-pussess ta’ jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom jew minn kwalunkwe persuna li qiegħda taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom,

għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond, assi finanzjarji jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni jew l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.”

18

Sabiex jiżgura l-konformità mal-proċess ta’ emenda u ta’ reviżjoni tal-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/18, il-Kunsill adotta, fl-14 ta’ Jannar 2011, ir-Regolament Nru 25/2011.

19

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011, jipprovdi:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha tal-persuni fiżiċi jew legali, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness I jew fl-Anness IA, jew li huma proprjetà tagħhom, li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni fiżiċi jew legali, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew l-Anness IA.

3.   Il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, direttament jew indirettament, li jiġu evitati l-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu pprojbiti.

4.   L-Anness I għandu jikkonsisti mill-persuni fiżiċi jew legali, l-entitajiet u l-korpi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Deċiżjoni [2010/656], kif emendata.

5.   L-Anness IA għandu jikkonsisti mill-persuni fiżiċi jew legali, l-entitajiet u l-korpi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Deċiżjoni [2010/656], kif emendata.”

20

Permezz tad-Deċiżjoni 2011/18 u tar-Regolament Nru 25/2011, il-Kunsill żamm l-ismijiet ta’ L. Gbagbo, K. J. Koné, A. P. N’Guessan u A. D. Boni-Claverie fil-lista li tinsab fl-Anness Ii tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/17, u inkluda l-ismijiet tagħhom fil-lista li tinsab fl-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011.

21

Fit-30 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1975 (2011), li l-Anness I tagħha jelenka sensiela ta’ persuni li ostakolaw il-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-Côte d’Ivoire u l-attivitajiet tal-Operazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Côte d’Ivoire (ONUCI) u ta’ entitajiet internazzjonali oħra fil-Côte d’Ivoire, u li wettqu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali umanitarju. L-ismijiet ta’ L. Gbagbo, A. Djédjé u A. P. N’Guessan jinsabu f’dan l-Anness I.

22

Fis-6 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/221 u r-Regolament Nru 330/2011 li permezz tagħhom huwa b’mod partikolari impona miżuri restrittivi supplimentari u emenda l-listi ta’ persuni u entitajiet li jinsabu fl-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/18, u fl-Annessi I u IA tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011.

23

Id-Deċiżjoni 2011/221, b’mod partikolari, neħħiet l-ismijiet ta’ L. Gbagbo u A. P. N’Guessan mil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/18, u inkludiethom fil-lista li tinsab fl-Anness I ta’ din l-istess deċiżjoni, kif emendata.

24

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2011/221 żiedet l-isem ta’ A. Djédjé fil-lista li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/18.

25

Min-naħa tiegħu, ir-Regolament Nru 330/2011 neħħa l-ismijiet ta’ L. Gbagbo u A. P. N’Guessan mil-lista li tinsab fl-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011, u inkludihom fil-lista li tinsab fl-Anness I tal-istess regolament, kif emendat.

26

Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 330/2011 żied l-isem ta’ A. Djédjé fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011.

27

L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/801, jipprovdi:

“1.   Meta l-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jaħtar persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi din il-persuna jew entità fil-lista mniżżla fl-Anness I.

2.   Meta l-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna jew entità għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 4(1)(b), huwa għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ.

3.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna jew l-entità kkonċernata, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar tagħha fil-lista, direttament, jekk l-indirizz tagħha huwa magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ notifika, li tipprovdilha l-possibbiltà li tippreżenta kummenti.

4.   Jekk jiġu fformulati kummenti jew jekk jiġu ppreżentati elementi ġodda ta’ prova sostanzjali, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kif meħtieġ.”

28

L-Artikolu 11a(3) tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011, jipprovdi:

“Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.”

29

Fit-18 ta’ Jannar 2011 u fis-7 ta’ April 2011, il-Kunsill ippubblika, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, avviżi indirizzati lill-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fl-atti kontenzjużi (ĠU C 14, p. 18, u ĠU C 108, p. 2 u 4). F’dawn l-avviżi, il-Kunsill ifakkar l-eżistenza ta’ dawn il-miżuri, jirreferi għall-atti rilevanti fir-rigward tar-raġunijiet għal kull inklużjoni u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li tista’ titressaq talba quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri kkonċernat sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni għall-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet essenzjali jew sabiex isiru ċerti ħlasijiet. Huwa jippreċiża, barra minn hekk, li l-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jibagħtulu talba għal eżami mill-ġdid. Il-Kunsill ifakkar, fl-aħħar nett, li d-deċiżjoni tiegħu tista’ tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 u fir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digrieti appellati

30

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Lulju 2011, l-appellanti talbu l-annullament tal-atti kontenzjużi sa fejn kienu jikkonċernawhom. Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma invokaw, minn naħa, ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju effettiv u, min-naħa l-oħra, ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà ta’ moviment.

31

Barra minn hekk, l-appellanti sostnew li r-rikorsi tagħhom kellhom jiġu ddikjarati ammissibbli mill-Qorti Ġenerali minħabba li t-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 263 TFUE għall-preżentata ta’ rikors ma setax jiġi invokat fil-konfront tagħhom sa fejn l-atti kontenzjużi ma kinux ġew innotifikati lilhom.

32

Permezz tad-digrieti appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi bħala manifestament inammissibbli.

33

Il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett fakkret il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa wieħed ta’ ordni pubbliku introdott sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali u sabiex jiġu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u li, f’dan ir-rigward, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, ex officio, jekk dan it-terminu kienx osservat.

34

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-atti kontenzjużi kienu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

fil-15 ta’ Jannar 2011, fir-rigward tad-Deċiżjonijiet 2011/17 u 2011/18, kif ukoll tar-Regolament Nru 25/2011, u

fis-7 ta’ April 2011, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2011/221 u tar-Regolament Nru 330/2011.

35

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn beda jiddekorri, skont l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, erbatax-il jum wara dawn il-pubblikazzjonijiet u skada, skont l-Artikolu 102(2) tar-regoli msemmija:

fit-8 ta’ April 2011 f’nofsillejl, fir-rigward tad-Deċiżjonijiet 2011/17 u 2011/18, kif ukoll tar-Regolament Nru 25/2011, u

fl-1 ta’ Lulju 2011 f’nofsillejl, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2011/221 u tar-Regolament Nru 330/2011.

36

Peress li r-rikorsi kienu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Lulju 2011, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-rikorsi kienu ġew ippreżentati tard.

37

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tal-appellanti fis-sens li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn ma setax jiġi invokat fil-konfront tagħhom minħabba li l-atti kontenzjużi ma kinux ġew innotifikati lilhom. Dwar dan il-punt il-Qorti Ġenerali ddeċidiet hekk:

“Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li t-termini għall-preżentata ta’ rikors huma maħsuba sabiex tiġi mħarsa ċ-ċertezza legali, billi tiġi evitata l-possibbiltà li l-atti tal-Unjoni li jimplikaw effetti legali jkunu jistgħu jiġu kkontestati għal żmien indeterminat, id-data tal-pubblikazzjoni, jekk ikun hemm tali data, hija l-kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Novembru 2008, TEA vs Il-Kummissjoni, C-500/07 P, [...] punt 23, u S.A.BA.R. vs Il-Kummissjoni, C-501/07 P, [...] punt 22; tad-9 ta’ Lulju 2009, Fornaci Laterizi Danesi vs Il-Kummissjoni, C-498/08 P, [...] punt 22; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2010, Transportes Evaristo Molina vs Il-Kummissjoni, C-36/09 P, [...] punt 37). Rikorrent ma jistax isostni li sar jaf bl-att ikkontestat wara l-pubblikazzjoni tiegħu sabiex jiddifferixxi dan il-bidu tad-dekorrenza (digrieti TEA vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 23; S.A.BA.R. vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 22, u Fornaci Laterizi Danesi vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 22). Minn dan isegwi li, peress li l-atti [kontenzjużi] ġew ippubblikati, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għandu jiġi kkalkolat mill-pubblikazzjoni tagħhom (ara, fir-rigward tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi mill-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2005, Selmani vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-299/04, [...] punt 61), minkejja li ma ġewx innotifikati [lill-appellanti]. F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat ukoll li l-Kunsill ippubblika [...] avviżi indirizzati lill-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti [fl-atti kontenzjużi], li permezz tagħhom huwa b’mod partikolari jiġbed l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati dwar il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kundizzjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u fir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE”.

38

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali osservat li l-appellanti la kienu stabbilixxew u lanqas ma kienu invokaw l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, li kienet tippermetti deroga mit-terminu inkwistjoni fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39

L-appellanti jitolbu li Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digrieti appellati u tiddikjara ammissibbli r-rikorsi ppreżentati minnhom fl-ewwel istanza;

tirrinvija l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-mertu, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

40

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

41

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2011, il-Kawżi C-478/11 P sa C-482/11 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali u għall-finijiet tas-sentenza.

42

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Mejju 2012, mibgħuta permezz ta’ faks u ta’ ittra rreġistrata, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja informa lill-partijiet li kellha tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali fis-26 ta’ Ġunju 2012 u stedinhom iwieġbu bil-miktub sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Ġunju 2012 għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja annessi mal-ittra li ssejħilhom għas-seduta.

43

It-tweġiba tal-Kunsill għall-mistoqsija magħmula waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Ġunju 2012. Madankollu, meta t-terminu sabiex tingħata tweġiba bil-miktub skada fil-15 ta’ Ġunju 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja la kienet irċeviet tweġiba għall-mistoqsija magħmula lill-appellanti u lanqas ma kellha risposta dwar l-intenzjoni tagħhom li jipparteċipaw fis-seduta.

44

L-appellanti ngħataw terminu finali sabiex jindikaw jekk kinux ser jattendu għas-seduta. Peress li dan it-terminu skada fil-21 ta’ Ġunju 2012 mingħajr risposta min-naħa tagħhom, is-seduta għas-sottomissjonijiet orali ma nżammitx.

Fuq l-appelli

45

Insostenn tal-appelli tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri. Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli invokat fil-konfront tagħhom it-terminu għall-preżentata ta’ rikors u l-prinċipju ta’ ċertezza legali li fuqu huwa bbażat dan it-terminu meta l-każijiet tagħhom kienu kkaratterizzati, minn naħa, mill-fatt li l-atti kontenzjużi ma kinux ġew innotifikati lilhom, u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li ma setax jiġi invokat it-terminu għal raġunijiet ta’ distanza previst fir-Regoli tal-Proċeduri tal-Qorti Ġenerali.

46

Għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok it-tieni aggravju.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

47

L-appellanti jsostnu, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u b’hekk wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li, peress li l-atti kontenzjużi kienu ġew ippubblikati, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kellu jiġi kkalkolat mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kien imissha kkunsidrat il-fatt li l-atti kontenzjużi, għall-kuntrarju ta’ dak li jipprovdi b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/801, ma kinux ġew innotifikati, jiġifieri ma kinux is-suġġett ta’ komunikazzjoni individwali li permezz tagħha l-persuni kkonċernati setgħu jsiru jafu bihom.

48

Min-naħa l-oħra, l-appellanti jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali ma kienx imissha invokat it-terminu għal raġunijiet ta’ distanza previst fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha għal rikorrenti residenti fi Stat Afrikan, iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li dan kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt bl-armi.

49

Il-Kunsill isostni li l-kuntest proċedurali ta’ dawn il-kawżi huwa differenti minn dak eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (C-548/09 P, Ġabra p. I-11381). Skont il-Kunsill, f’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-obbligu li jiġu kkomunikati individwalment ir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fuq l-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 969, rettifika fil-ĠU L 64M, 10.03.2009, p. 423). Issa, b’differenza mir-Regolament Nru 423/2007, l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/801, jipprevedi l-possibbiltà ta’ komunikazzjoni permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż f’dawk il-każijiet fejn l-indirizz tal-persuna kkonċernata ma jkunx magħruf mill-Kunsill.

50

F’dan il-każ, il-Kunsill ikkomunika l-atti kontenzjużi lill-appellanti permezz ta’ avviż ippubblikat, skont l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/801. Huwa jsostni li ma setax jikkomunikahom b’mod ieħor sa fejn l-indirizzi privati tal-appellanti ma kinux magħrufa.

51

Fi kwalunkwe każ, id-data tal-pubblikazzjoni tal-atti kontenzjużi timmarka l-bidu tad-dekorrenza għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE. Skont il-Kunsill, din l-interpretazzjoni tirriżulta mir-rekwiżiti ta’ ċertezza legali li huma fil-qofol tal-leġiżlazzjoni dwar it-termini proċedurali.

52

Fl-aħħar nett, il-Kunsill jindika li l-argumenti tal-appellanti dwar it-terminu għal raġunijiet ta’ distanza huma manifestament infondati u essenzjalment jammontaw għal kontestazzjoni tal-validità tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Issa, din id-dispożizzjoni hija biss estensjoni tat-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament li hija tista’ teżamina ex officio l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, peress li dan it-terminu huwa wieħed ta’ ordni pubbliku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1971, Müllers vs CES, 79/70, Ġabra p. 689, punt 6, u Transportes Evaristo Molina vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

54

Għandu jitfakkar ukoll li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[i]l-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura [tal-att], jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ”.

55

F’dan il-każ, l-atti kontenzjużi ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje L, iżda, skont l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/801, u skont l-Artikolu 11a(3) tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011, kellhom jiġu kkomunikati wkoll lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati jew direttament, jekk l-indirizzi tagħhom ikunu magħrufa, jew, meta dawn ma jkunux magħrufa, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż.

56

Din is-sitwazzjoni tirriżulta min-natura partikolari tal-atti kontenzjużi li fl-istess ħin jikkostitwixxu kemm atti b’portata ġenerali sa fejn jipprojbixxu lil kategorija ta’ destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt, b’mod partikolari, milli jqiegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom ikun jinsab fil-listi li jinsabu fl-annessi tagħhom, u kif ukoll sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn il-persuni u entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punti 241 sa 244).

57

Għandu jitfakkar barra minn hekk li, fir-rigward tal-atti adottati fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, bħalma huma l-atti kontenzjużi, hija n-natura individwali ta’ dawn l-atti li tagħti, skont it-termini tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, aċċess għall-qorti tal-Unjoni.

58

Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi partikolari u tar-regoli dwar il-pubblikazzjoni u l-komunikazzjoni li jirriżultaw minnhom, is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma jkunx applikat b’mod koerenti jekk, fir-rigward tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom ikun jinsab fil-listi li jinsabu fl-annessi tal-atti imsemmija, il-bidu tad-dekorrenza għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament ikun, fir-rigward ta’ dawn il-persuni, id-data tal-pubblikazzjoni tal-att inkwistjoni u mhux id-data li fiha dan l-att ikun ġie kkomunikat lilhom. Fil-fatt, l-għan ta’ din il-komunikazzjoni huwa preċiżament li d-destinatarji jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jkunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk ikunx utli għalihom li jiftħu kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 337).

59

Minn dan jirriżulta li għalkemm huwa minnu li d-dħul fis-seħħ ta’ atti bħalma huma l-atti kontenzjużi jseħħ bis-saħħa tal-pubblikazzjoni tagħhom, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament ta’ dawn l-atti skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jibda jiddekorri, fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-persuni u entitajiet, mid-data tal-komunikazzjoni li għandha ssirilha.

60

F’dan il-każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, l-atti kontenzjużi kienu ġew ikkomunikati lilhom.

61

Huma minnu li l-atti msemmija ma ġewx ikkomunikati lilhom direttament fl-indirizzi tagħhom. Fil-fatt, il-Kunsill, peress li kkonstata li kien impossibbli li titwettaq il-komunikazzjoni diretta lil L. Gbagbo, K. J. Koné, A. D. Boni-Claverie, A. Djédjé u A. P. N’Guessan, irrikorra għall-pubblikazzjoni tal-avviżi prevista fl-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/801, u fl-Artikolu 11a(3) tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 25/2011. Huwa għalhekk ippubblika, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, tat-18 ta’ Jannar 2011 u tas-7 ta’ April 2011, l-avviżi msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

62

Peress li tali avviżi huma ta’ natura li jippermettu lill-persuni kkonċernati jidentifikaw ir-rimedju li għandhom sabiex jikkontestaw l-inklużjoni tagħhom fil-listi inkwistjoni kif ukoll id-data li fiha jintemm it-terminu għall-preżentata ta’ rikors (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C-417/11 P, punt 81), għandu jingħad li l-appellanti ma jistgħux jiddifferixxu l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors billi jinvokaw l-assenza ta’ komunikazzjoni diretta jew ta’ konoxxenza effettiva ulterjuri tal-atti kontenzjużi. Jekk l-appellanti jingħataw tali possibbiltà, fl-assenza ta’ każ ta’ forza maġġuri, ikun qiegħed jiġi ppreġudikat l-għan stess tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, li huwa li tiġi mħarsa ċ-ċertezza legali billi jiġi evitat li l-atti tal-Unjoni li jkollhom effetti legali jkunu jistgħu jiġu kkontestati għal żmien indeterminat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1997, Wiljo, C-178/95, Ġabra p. I-585, punt 19; tat-22 ta’ Ottubru 2002, National Farmers’ Union, C-241/01, Ġabra p. I-9079, punt 34, u digriet tal-15 ta’ Novembru 2012, Städter vs BĊE, C-102/12 P, punt 12).

63

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argument tal-appellanti fis-sens li t-terminu għal raġunijiet ta’ distanza ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jistax jiġi applikat fil-konfront tagħhom peress li huma stabbiliti fi Stat terz, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan l-argument huwa megħlub min-natura fissa ta’ dan it-terminu. Minn dan isegwi li l-fatt li l-appellanti kienu jinsabu, matul it-terminu għall-preżentata ta’ rikors, fi Stat terz, ma huwiex ta’ natura li jqiegħedhom f’sitwazzjoni oġġettivament differenti, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan it-terminu, minn dik tal-persuni u tal-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi tal-istess natura.

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, minkejja li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-termini għall-preżentata ta’ rikors kienu bdew jiddekorru mid-dati tal-pubblikazzjoni tal-atti kontenzjużi, dawn it-termini, li kellhom jiġu kkalkolati mid-dati msemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, kienu skadew fis-7 ta’ Lulju 2011, id-data ta’ meta ġew ippreżentati r-rikorsi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud [ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C-282/05 P, Ġabra p. I-2941, punt 33].

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

65

L-appellanti jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja meta ma kkonstatax li kien hemm każ ta’ forza maġġuri fis-sens ta’ dan l-artikolu.

66

Skont l-appellanti, il-kunflitt li kien hemm fil-Côte d’Ivoire kellu jitqies bħala każ ta’ forza maġġuri fil-konfront tagħhom sa fejn, matul dan il-perijodu, huma ma kellhom ebda mezz ta’ komunikazzjoni disponibbli sabiex isiru jafu bl-atti kontenzjużi u għalhekk ma setgħux jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jressqu kawża.

67

Il-Kunsill ifakkar li wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ forza maġġuri huwa l-materjalizzazzjoni ta’ avveniment estern għall-persuna li tixtieq tinvokah, jiġifieri s-seħħ ta’ fatt li jimmaterjalizza barra mill-isfera ta’ intervent ta’ din il-persuna (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-334/08, Ġabra p. I-6869, punt 47). Issa, il-kriżi sussegwentement għall-elezzjoni fil-Côte d’Ivoire u l-vjolenza marbuta ma’ din il-kriżi kienu kkawżati mir-rifjut ta’ L. Gbagbo u tal-kollaboraturi tiegħu li jċedu l-poter lill-president elett. Għaldaqstant, dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex esterni għall-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[e]bda dritt ma jintilef bħala riżultat ta’ l-iskadenza tat-termini, jekk il-parti interessata tipprova l-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri”.

69

Għandu jiġi kkonstatat li, kif osservat il-Qorti Ġenerali fid-digrieti appellati, l-appellanti ma invokawx quddiemha l-eżistenza ta’ tali każ.

70

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li rikorrent ma jistax jiġi kkritikat jekk jinvoka għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri meta l-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet permezz ta’ digriet fuq il-bażi tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ma tkunx informat lir-rikorrent dwar l-intenzjoni tagħha li tiċħad ir-rikors tiegħu bħala tardiv u ma tkunx tagħtu l-opportunità jiġġustifika d-dewmien li bih l-oriġinali tar-rikors ikunu wasslu fir-Reġistru (digriet tat-18 ta’ Jannar 2005, Zuazaga Meabe vs UASI, C-325/03 P, Ġabra p. I-403, punt 24). Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju tal-appellanti dwar l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri.

71

F’dan id-dawl, għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-applikazzjoni stretta tar-regoli proċedurali hija meħtieġa mir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u min-neċessità li jiġu evitati kull diskriminazzjoni u kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C-426/10 P, Ġabra 2011 p. I-8849, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-persuna kkonċernata li għandha tistabbilixxi, minn naħa, li minħabba ċirkustanzi anormali, imprevedibbli u esterni għaliha kien impossibbli għaliha li tosserva t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u, min-naħa l-oħra, li ma setgħetx tipproteġi ruħha kontra l-konsegwenzi ta’ dawn iċ-ċirkustanzi billi tieħu l-miżuri adegwati mingħajr ma ssofri sagrifiċċji eċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée et Rhône, C-314/06, Ġabra p. I-12273, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

F’dan il-każ, l-appellanti jsostnu b’mod ġenerali s-sitwazzjoni ta’ kunflitt bl-armi fil-Côte d’Ivoire, li skonthom beda f’Novembru 2010 u kompla minn tal-inqas sa April 2011.

74

Madankollu, ebda wieħed mill-appellanti ma ppreżenta, fl-appell tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, elementi li permezz tagħhom din il-Qorti tista’ tifhem kif u għal-liema perijodu preċiż is-sitwazzjoni ġenerali ta’ kunflitt bl-armi fil-Côte d’Ivoire u ċ-ċirkustanzi personali invokati mill-appellanti kienu pprekludewhom milli jippreżentaw ir-rikorsi tagħhom fil-ħin.

75

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

76

Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma huwa fondat, l-appelli għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-ispejjeż

77

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

Laurent Gbagbo, Katinan Justin Koné, Akissi Danièle Boni-Claverie, Alcide Djédjé u Affi Pascal N’Guessan huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.