SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Standards u proċeduri komuni fil-qasam tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment – Leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’każ ta’ residenza illegali, tipprevedi piena ta’ priġunerija u multa”

Fil-Kawża C‑329/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Paris (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

Alexandre Achughbabian

vs

Préfet du Val-de-Marne,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, J. Malenovský, U. Lõhmus u M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), A. Arabadjiev, C. Toader u J.-J. Kasel, Imħallfin

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2011 dwar id-deċiżjoni li r-rinviju preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Achughbabian, minn C. Papazian u P. Spinosi, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard, G. de Bergues u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou Durande, bħala aġent,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Achughbabian u l-Prefett ta’ Val-de-Marne dwar il-fatt li A. Achughbabian kien qiegħed jirrisjedi fit-territorju Franċiż illegalment.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2008/115

3        Ir-raba’, il-ħames u s-sbatax-il premessa tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu:

“(4)      Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

(5)      Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi sett ta’ regoli orizzontali, applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn jew residenza fi Stat Membru.

[…]

(17)      […] Mingħajr preġudizzju għall-arrest inizjali mill-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, irregolat mil-leġislazzjoni nazzjonali, id-detenzjoni għandha bħala regola tkun f'faċilitajiet speċjalizzati għad-detenzjoni.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li:

a)      huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru […];

b)      huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta’ sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta’ estradizzjoni.

[…]”

6        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

2)      ‘soġġorn illegali’; tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet [...] għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

3)      ‘ritorn’; tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz - kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

–      il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha,

–      pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–      pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’; tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

5)      ‘tneħħija’; tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

[…]”

7        L-Artikoli 6 sa 9 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu:

“Artikolu 6

Deċiżjoni ta’ ritorn

1.      L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. […]

3.      L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed joqgħod illegalment fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor […].

4.      L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. […]

5.      Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jkun is-suġġett ta’ proċedura pendenti għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu jew tagħha jew ta’ xi permess ieħor li joffri d-dritt ta’ soġġorn, dak l-Istat Membru għandu jikkunsidra li joqgħod lura milli joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn sakemm tintemm il-proċedura pendenti […].

[…]

Artikolu 7

Tluq volontarju

1.      Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. […]

[…]

2.      L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju, jestendu l-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u soċjali oħrajn.

3.      Ċerti obbligi maħsuba biex jevitaw ir-riskju ta’ ħarba, bħal ma huma r-rappurtar regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja adegwata, il-preżentazzjoni ta’ dokumenti jew l-obbligu li wieħed jibqa’ f’ċertu post, jistgħu jiġu imposti għat-tul tal-perijodu ta’ tluq volontarju.

4.      Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.

Artikolu 8

Tneħħija

1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta' ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

[…]

4.      Meta l-Istati Membri jużaw - bħala l-aħħar possibbiltà - miżuri koerżivi biex iwettqu t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirreżisti t-tneħħija, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonali u m’għandhomx jeċċedu forza raġonevoli. Dawn għandhom jiġu implimentati kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali skond id-drittijiet fundamentali u bir-rispett dovut għad-dinjità u l-integrità fiżika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat.

[…]

Artikolu 9

Posponiment ta’ tneħħija

1.      L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

a)      meta hija tikser il-prinċipju ta’ non-refoulement jew

b)      sakemm jingħata effett sospensiv skond l-Artikolu 13(2).

2.      L-Istati Membri jistgħu jipposponu t-tneħħija għal perijodu xieraq, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jieħdu kont ta’:

a)      l-istat fiżiku jew il-kapaċità mentali taċ-ċittadin tal-pajjiż terz;

b)      raġunijiet tekniċi, bħan-nuqqas ta’ kapaċità ta’ trasport jew jekk it-tneħħija ma sseħħx minħabba nuqqas ta’ identifikazzjoni.

3.      Jekk tneħħija tiġi posposta kif previst fil-paragrafi 1 u 2, l-obbligi previsti fl-Artikolu 7(3) jistgħu jiġu imposti fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.”

8        L-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu kif ġej:

“Artikolu 15

Detenzjoni

1.      Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

[…]

4.      Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.      Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta' detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.      L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)      nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

b)      dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.

Artikolu 16

Kondizzjonijiet tad-detenzjoni

1.      Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.

[…]”

9        Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Diċembru 2010.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-kodiċi tad-dħul u tar-residenza tal-barranin u tad-dritt għal ażil

10      Skont l-Artikolu L. 211-1 tal-kodiċi Franċiż tad-dħul u tar-residenza tal-barranin u tad-dritt għal ażil (iktar ’il quddiem iċ-“Ceseda”), “[s]abiex jidħol fi Franza, kull barrani għandu jkollu […] dokumenti u viżas meħtieġa mill-ftehim internazzjonali u mir-regoli fis-seħħ […]”.

11      Skont l-Artikolu L.311-1 ta’ dan il-kodiċi, “[…] kull barrani li għandu iktar minn tmintax-il sena li jixtieq jirrisjedi fi Franza għandu, wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur mid-dħul tiegħu fi Franza, ikollu permess ta’ residenza”.

12      L-Artikolu L. 551-1 taċ-Ceseda, fil-verżjoni tiegħu meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi kif ġej:

“Id-detenzjoni ta’ barrani f’postijiet li ma jaqgħux taħt l-amministrazzjoni tal-ħabs tista’ tiġi awtorizzata meta tali barrani:

[…]

3°      għalkemm ikun suġġett għal ordni ta’ deportazzjoni […] li tkun inħarġet inqas minn sena qabel, jew għandu jiġi ddeportat skont projbizzjoni mit-territorju previst […] taħt il-kodiċi penali, ma jkunx jista’ jitlaq immedjatament mit-territorju Franċiż;

[…]

6°       għalkemm ikun suġġett għal obbligu li jitlaq mit-territorju Franċiż li ġie impost […] inqas minn sena qabel u li fir-rigward tiegħu l-perijodu ta’ xahar sabiex jitlaq volontarjament mit-territorju jkun skada, ma jkunx jista’ jitlaq immedjatament minn dan it-territorju.”

13      L-ewwel sentenza tal-Artikolu L. 552-1 taċ-Ceseda, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data ta’ meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, tipprevedi li, “[m]eta jkun skada perijodu ta’ tmienja u erbgħin siegħa mid-deċiżjoni ta’ detenzjoni, għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni quddiem il-juge des libertés et de la détention [Imħallef tal-libertà u tal-kustodja] sabiex tiġi estiża d-detenzjoni.”

14      L-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda jipprevedi:

“Persuna barranija li tkun daħlet u għexet fi Franza mingħajr ma tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli L. 211-1 u L. 311-1 jew li baqgħet fi Franza lil hinn mit-terminu awtorizzat mill-viża tagħha teħel sena priġunerija u multa ta’ EUR 3 750.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tista’ tipprojbixxi lill-persuna barranija kkundannata, matul perijodu ta’ mhux iktar minn tliet snin, milli tidħol jew tirrisjedi fi Franza. Il-projbizzjoni mit-territorju tinkludi ipso iure deportazzjoni tal-persuna kkundannata, skont il-każ fl-iskadenza tal-piena ta’ priġunerija.”

15      Uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet taċ-Ceseda ġew emendati bil-Liġi Nru°2011-672 tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u ċ-ċittadinaza (JORF tas-17 ta’ Lulju 2011, p. 10290), li daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2011. L-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda ma jagħmilx parti mid-dispożizzjonijiet emendati.

 Il-kodiċi ta’ proċedura kriminali

16      Skont l-Artikolu 62-2 tal-kodiċi tal-proċedura kriminali, fil-verżjoni tiegħu fid-data ta’ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali:

“Il-kustodja preventiva hija miżura restrittiva deċiża minn uffiċjal tal-pulizija, taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja, li permezz tagħha persuna li fir-rigward tagħha hemm raġuni jew raġunijiet plawżibbli li jiġi ssuspettat li hija wettqet jew ippruvat twettaq reat ikkundannat b’piena ta’ priġunerija tinżamm għad-dispożizzjoni tal-investigaturi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17      Fl-24 ta’ Ġunju 2011, f’Maisons-Alfort (Franza), saru kontrolli tal-identità fl-awtostrada mill-pulizija. Wieħed mill-persuni interrogati waqt dawn il-kontrolli ddikjara li jismu Alexandre Achughbabian u li twieled fl-Armenja fid-9 ta’ Lulju 1990.

18      Skont ir-rapport tal-pulizija, A. Achughbabian iddikjara wkoll li huwa ċittadin Armen. Madankollu, dan tal-aħħar jinnega li għamel tali dikjarazzjoni.

19      Peress li ġie ssuspettat li wettaq u li ser jissokta jwettaq ir-reat stabbilit fl-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda, A. Achughbabian tqiegħed taħt kustodja preventiva.

20      Eżami iktar dettaljat tas-sitwazzjoni ta’ A. Achughbabian għalhekk irrivela li l-persuna kkonċernata kienet daħlet fi Franza fid-9 ta’ April 2008 u kienet ippreżentat, hemmhekk, applikazzjoni għal permess ta’ residenza, iżda din l-applikazzjoni ġiet miċħuda fit-28 ta’ Novembru 2008, u din iċ-ċaħda ġiet ikkonfermata fis-27 ta’ Jannar 2009 mill-Prefett ta’ Val-d’Oise flimkien ma’ ordni ta’ din tal-aħħar, innotifikata lil A. Achughbabian fl-14 ta’ Frar 2009, dwar obbligu li jħalli t-territorju Franċiż fi żmien xahar.

21      Fil-25 ta’ Ġunju 2011, ġew adottati ordni ta’ deportazzjoni u ordni għal kustodja preventiva mill-Prefett ta’ Val-de-Marne u nnotifikati lil A. Achughbabian.

22      Fis-27 ta’ Ġunju 2011, il-juge des libertés et de la détention du tribunal de grande instance de Créteil, li ġie interpellat skont l-Artikolu L. 552-1 taċ-Ceseda għall-finijiet tal-proroga tad-detenzjoni lil hinn minn 48 siegħa, ordna din il-proroga u ċaħad l-eċċezzjonijiet ta’ nullità mqajma minn A. Achughbabian kontra, b’mod partikolari, il-kustodja preventiva li kien għadu kif tqiegħed fiha.

23      Waħda mill-imsemmija eċċezzjonijiet kienet ibbażata fuq is-sentenza tat-28 ta’ April 2011, El Dridi (C-61/11 PPU, Ġabra p. I‑3015), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2008/115 tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi piena ta’ priġunerija għar-raġuni biss li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment, bi ksur ta’ ordni għat-tluq mit-territorju f’dan l-Istat fi żmien determinat, jibqa’ fl-imsemmi territorju mingħajr raġuni ġġustifikata. Skont A. Achughbabian, minn din is-sentenza jirriżulta li l-piena ta’ priġunerija prevista mill-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward ta’ din l-inkompatibbiltà kif ukoll tar-regola li skontha kustodja preventiva tista’ biss isseħħ f’każ ta’ suspett ta’ reat punibbli b’piena ta’ priġunerija, il-proċedura segwita f’dan il-każ hija illegali.

24      Fit-28 ta’ Ġunju 2011, A. Achughbabian ippreżenta appell mid-digriet tal-juge des libertés et de la détention du tribunal de grande instance de Créteil, quddiem il-cour d’appel de Paris. Din tal-aħħar ikkonstatat li A. Achughbabian huwa ċittadin Armen, li kien is-suġġett ta’ kustodja preventiva u sussegwentement ta’ detenzjoni minħabba li kien qiegħed fil-pajjiż illegalment u sostniet li l-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda huwa inkompatibbli mad-Direttiva 2008/115, kif interpretat fis-sentenza El Dridi, iċċitata iktar ’il fuq.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Paris iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda segwenti:

“Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, id-Direttiva [2008/115/KE] tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu L621-1 taċ-[Ceseda], li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ piena ta’ ħabs għal ċittadin ta’ pajjiż terz biss minħabba l-irregolarità tad-dħul tiegħu jew tar-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali?”

26      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tterminat id-detenzjoni ta’ A. Achughbabian.

27      Fuq talba tal-qorti tar-rinviju, l-Awla nnominata eżaminat in-neċessità dwar jekk din il-kawża għandhiex tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza prevista mill-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, l-imsemmija Awla ddeċidiet li ma tilqax din it-talba.

 Fuq id-domanda preliminari

28      Għandu jingħad qabelxejn li d-Direttiva 2008/115 tikkonċerna biss ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fi Stat Membru illegalment u għalhekk ma għandhiex l-għan li tarmonizza fl-intier tagħhom ir-regoli nazzjonali dwar ir-residenza tal-barranin. Konsegwentement, din id-direttiva ma tipprekludix li dritt ta’ Stat Membru jikkwalifika r-residenza illegali bħala reat u jistabbilixxi sanzjonijiet kriminali sabiex jiddiswadi u jiskoraġġixxi t-twettiq ta’ tali ksur tar-regoli nazzjonali fil-qasam tar-residenza.

29      Peress li l-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2008/115 jikkonċernaw biss l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, għandu jiġi rrilevat, ukoll, li din id-direttiva ma tipprekludix li ċittadin ta’ Stat terz jitqiegħed f’detenzjoni sabiex jiġi deċiż jekk ir-residenza tiegħu hijiex legali jew le.

30      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 17 tal-imsemmija direttiva, li minnha jirriżultaw li l-kundizzjonijiet tal-arrest inizjali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ssuspettati li qiegħdin illegalment fi Stat Membru jibqgħu rregolati mid-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, kif osserva l-Gvern Franċiż, ikun hemm ksur tal-għan tad-Direttiva 2008/115, jiġifieri r-ritorn effikaċi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma legalment residenti, kieku kien impossibbli għall-Istati Membri li jevitaw, permezz ta’ ċaħda tal-libertà bħalma hija l-kustodja preventiva, li persuna suspettata li qiegħda fil-pajjiż illegalment taħrab qabel ma tkun tista’ tiġi ċċarata s-sitwazzjoni tagħha.

31      Għandu jiġi kkunsidrat f’dan ir-rigward, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom terminu qasir iżda raġonevoli sabiex jidentifikaw il-persuna kkontrollata u sabiex ifittxu d-data li tkun tista’ tippermetti li jiġi ddeterminat jekk din il-persuna hijiex ċittadina ta’ pajjiż terz li qiegħda fil-pajjiż illegalment. Id-determinazzjoni tal-isem u taċ-ċittadinanza tista’, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-persuna kkonċernata, tkun diffiċli. Il-verifika tal-eżistenza ta’ residenza illegali tista’ hija wkoll, tkun kumplessa, b’mod partikolari, meta l-persuna kkonċernata tinvoka l-istatus ta’ applikant ta’ ażil jew ta’ refuġjat. F’dan il-każ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sabiex jevitaw ksur tal-għan tad-Direttiva 2008/115, kif imfakkar fil-punt preċedenti, jaġixxu b’diliġenza u jiddeterminaw l-opinjoni tagħhom mingħajr dewmien fuq in-natura legali jew le tar-residenza tal-persuna kkonċernata. Ladarba tkun ikkonstatata l-illegalità tar-residenza, l-imsemmija awtoritajiet għandhom, skont l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva u mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti minn din tal-aħħar, jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn.

32      Filwaqt li minn dak li ntqal jirriżulta li d-Direttiva 2008/115 la tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda, sa fejn din tal-aħħar tikkwalifika r-residenza illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz bħala reat u tipprevedi sanzjonijiet kriminali, inkluż piena ta’ priġunerija, sabiex trażżan tali residenza, u lanqas id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex tiddetermina n-natura legali jew le tar-residenza tiegħu, għandu jiġi eżaminat, sussegwentement, jekk din id-direttiva tipprekludix leġiżlazzjoni bħall-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda sa fejn tista’ twassal għal priġunerija matul il-proċedura ta’ ritorn irregolata mill-imsemmija direttiva.

33      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, fil-prinċipju, il-leġiżlazzjoni kriminali u r-regoli tal-proċedura kriminali jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dan il-qasam tad-dritt jista’ madankollu jiġi affettwat mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, minkejja l-fatt li la l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63(3)(b) KE, dispożizzjoni li ġiet riprodotta fl-Artikolu 79(2)(c) TFUE, u lanqas id-Direttiva 2008/115, adottata b’mod partikolari abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat KE, ma jeskludu l-kompetenza kriminali tal-Istati Membri fil-qasam tal-immigrazzjoni klandestina u ta’ residenza illegali, dawn tal-aħħar għandhom jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom f’dan il-qasam sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. L-imsemmija Stati ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni kriminali li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet mixtieqa mid-direttiva u għalhekk, li jċaħħduha mill-effettività tagħha (sentenza El Dridi, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk id-Direttiva 2008/115 tipprekludix, għal raġunijiet simili għal dawk esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza El Dridi, iċċitata iktar ’il fuq, leġiżlazzjoni bħall-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn, li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa’ taħt dik li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

35      Fil-fatt, mill-faxxikolu u mir-risposta tal-qorti tar-rinviju għal talba li tingħata kjarifika li ġiet indirizzata lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, ordni ta’ tluq mit-territorju Franċiż, li jistabbilixxi terminu ta’ xahar għal tluq volontarju, ġiet innotifikata lil A. Achughbabian fl-14 ta’ Frar 2009 u li, din l-ordni ma ġietx osservata minnu. Peress li din id-deċiżjoni ta’ ritorn ma kinitx iktar fis-seħħ fl-24 ta’ Ġunju 2011, id-data li fiha sar il-kontroll u li A. Achughbabian ittieħed taħt kustodja preventiva, ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn ġdida fil-25 ta’ Ġunju 2011, din id-darba fil-forma ta’ ordni ta’ deportazzjoni, mingħajr terminu għal tluq volontarju. Isegwi li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhiex tiġi kkunsidrata bħal dik ta’ persuna li ma osservatx l-obbligu ta’ ritorn fit-terminu mogħti għal tluq volontarju jew bħal dik ta’ persuna suġġetta għal deċiżjoni ta’ ritorn mingħajr l-iffissar ta’ terminu għal tluq volontarju, l-imsemmija sitwazzjoni hija fi kwalunkwe każ koperta mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 u għalhekk toħloq l-obbligu impost minn dan l-artikolu lill-Istat Membru kkonċernat li jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jipproċedi għat-tneħħija, jiġifieri, kif stabbilit fil-punt 5 tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, it-trasferiment fiżiku tal-persuna kkonċernata barra mill-imsemmi Stat Membru.

36      Għandu jiġi rrilevat, sussegwentement, li mill-Artikolu 8(1) u (4) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta b’mod ċar li t-termini “miżuri” u “miżuri koerżivi” inklużi fih jirreferu għal kull intervent li jwassal, b’mod effikaċi u proporzjonat, għar-ritorn tal-persuna kkonċernata. L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li d-detenzjoni tal-persuna kkonċernata hija biss awtorizzata bil-għan li tiġi ppreparata u tkun possibbli t-tneħħija u li dan it-tiċħid tal-libertà jista’ biss jinżamm għal terminu massimu ta’ sitt xhur; jista’ biss jiżdied terminu ta’ detenzjoni addizzjonali bi tnax-il xhar fil-każ fejn in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn matul l-imsemmija sitt xhur tkun dovuta għal nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-persuna interessata jew għal dewmien fil-ksib tad-dokumenti neċessarji minn pajjiżi terzi.

37      Ċertament, evidentement, l-impożizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija matul l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ ritorn prevista mid-Direttiva 2008/115 ma jikkontribwixxux għat-twettiq tat-tneħħija segwit minn din il-proċedura, jiġifieri t-trasferiment fiżiku tal-persuna kkonċernata barra mill-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, tali piena ma tikkostitwixxix “miżura” jew “miżuri koerżivi” fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/115.

38      Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tipprevedi piena ta’ priġunerija għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu iktar minn tmintax-il sena u li jirrisjedi illegalment fi Franza wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-dħul tiegħu fit-territorju Franċiż, tista’ twassal għal priġunerija filwaqt li, skont l-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti fl-Artikoli 6, 8, 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115, tali ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, prijoritament, ikun suġġett għal proċedura ta’ ritorn u jista’, fir-rigward tat-tiċħid tal-libertà, ikun suġġett l-iktar l-iktar għal detenzjoni.

39      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, konsegwentement, tfixkel l-applikazzjoni tal-istandards u tal-proċeduri komuni stabbiliti fid-Direttiva 2008/115 u ddewwem ir-ritorn, u għaldaqstant, bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza El Dridi, iċċitata iktar ’il fuq, tipperikola l-effettività tal-imsemmija direttiva.

40      Il-konklużjoni stabbilita iktar ’il fuq la hija kkonfutata mill-fatt, invokat mill-Gvern Franċiż, li bl-applikazzjoni ta’ ċirkulari indirizzati lill-qrati ġudizzjarji, il-pieni previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huma rarament imposti f’każijiet minbarra dawk li fihom il-persuna li tkun qiegħda fil-pajjiż illegalment, minbarra r-reat ta’ residenza illegali, tkun wettqet reat ieħor, u lanqas mill-fatt, invokat minn dan il-Gvern, li A. Achughbabian ma ġiex ikkundannat għall-imsemmija pieni.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, minbarra mir-reat ta’ residenza illegali, ikunu wettqu reat jew reati oħra, jistgħu, skont il-każ, abbażi tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/115, jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Madankollu, ebda element mill-proċess li ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jissuġġerixxi li A. Achughbabian wettaq reat ieħor għajr dak li irrisjeda illegalment fit-territorju Franċiż. Għalhekk, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tistax titneħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, peress li l-Artikolu 2(2)(b) tagħha ma jistax manifestament, taħt piena li jċaħħad din id-direttiva mill-għan u mill-effett vinkolanti tagħha, jiġi interpretat fis-sens li jkun legali għall-Istati Membri li ma japplikawx standards u proċeduri komuni stabbiliti mill-imsemmija direttiva liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li wettqu biss il-ksur ta’ residenza illegali.

42      Fir-rigward tal-fatt li A. Achughbabian, sa issa, ma ġiex ikkundannat għall-pieni ta’ priġunerija u għall-multi previsti fl-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li l-adozzjoni fir-rigward tiegħu ta’ ordni ta’ deportazzjoni ġiet ibbażata fuq il-konstatazzjoni tar-reat ta’ residenza illegali previst fl-imsemmi artikolu u li dan tal-aħħar, indipendentement mill-kontenut taċ-ċirkulari msemmija mill-Gvern Franċiż, jista’ jwassal għal kundanna tal-imsemmija pieni. Konsegwentement, l-Artikolu L. 621-1 taċ-Ceseda, kif ukoll il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni, huma rilevanti fil-proċess tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, peress li barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Franċiż la semmew irtirar tal-proċeduri u lanqas b’mod iktar ġenerali, deċiżjoni li teskludi definittivament kull possibbiltà ta’ prosekuzzjoni kontra A. Achughbabian għall-imsemmi reat.

43      Barra minn hekk, u bħal kif tfakkar fil-punt 33 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi enfasizzat id-dmir tal-Istati Membri, li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE u li tfakkar fil-punt 56 tas-sentenza El Dridi, iċċitata iktar ’il fuq, li jieħdu kull miżura xierqa li tiżgura l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/115 u li jonqsu milli jieħdu kwalunkwe miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tagħha. Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli ma jkunux jistgħu jikkonfutaw l-applikazzjoni tajba ta’ standards u ta’ proċeduri komuni introdotti mill-imsemmija direttiva.

44      Fl-aħħar nett, ma tistax tintlaqa’ l-argumentazzjoni tal-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Estonja, li filwaqt li l-Artikoli 8, 15 u 16 tad-Direttiva 2008/115 ċertament jostakolaw il-fatt li piena ta’ priġunerija tiġi imposta matul il-proċedura ta’ tneħħija prevista minn dawn l-artikoli, ma jostakolawx li Stat Membru jimponi, fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment, piena ta’ priġunerija qabel ma ssir it-tneħħija ta’ din il-persuna skont il-modalitajiet previsti mid-direttiva.

45      Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward, li kemm mid-dmir ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri kif ukoll mill-eżiġenzi ta’ effiċjenza mfakkra b’mod partikolari fil-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li l-obbligu impost mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva lill-Istati Membri li jipproċedu, fis-sitwazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-aħħar artikolu, għat-tneħħija, għandu jitwettaq mill-iktar fis possibbli. Dan ċertament ma jkunx il-każ jekk, wara li jkun ikkonstata r-residenza illegali taċ-ċittadin fil-pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat jippreċedi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tar-ritorn, jew saħansitra l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, b’prosekuzzjoni kriminali segwita, skont il-każ, b’piena ta’ priġunerija. Tali pass idewwem it-tneħħija (sentenza El Dridi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59) u barra minn hekk, ma jagħmilx parti mill-ġustifikazzjonijiet għal posponiment tat-tneħħija msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/115.

46      Filwaqt li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Istati Membri marbuta mid-Direttiva 2008/115 ma jistgħux jipprovdu piena ta’ priġunerija għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment f’sitwazzjonijiet li fihom dawn għandhom, skont l-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti minn din id-direttiva, jitneħħew u jistgħu, fid-dawl tal-preparament u tat-twettiq ta’ din it-tneħħija, l-iktar l-iktar jiġu suġġetti għal detenzjoni, dan ma jeskludix il-fakultà għall-Istati Membri li jadottaw jew li jżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet, skont il-każ ta’ natura penali, li fl-osservanza tal-prinċipji tal-imsemmija direttiva u tal-għan tagħha, jirregolaw is-sitwazzjoni fejn il-miżuri restrittivi ma jkunux ippermettew li ssir it-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment (sentenza El Dridi, iċċitata ’il fuq, punti 52 u 60).

47      Fid-dawl ta’ din il-fakultà, għandu jiġi kkonstatat li l-argument li sar mill-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li skonthom interpretazzjoni bħal dik ipprovduta iktar ’il fuq ittemm il-possibbiltà għall-Istati Membri li jiskoraġġixxu residenza illegali, ma hijiex fondata.

48      B’mod partikolari, id-Direttiva 2008/115 ma tipprekludix il-fatt li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali, skont ir-regoli nazzjonali proċedurali kriminali u b’rispett għad-drittijiet fundamentali, fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom ġiet applikata il-proċedura ta’ ritorn stabbilita minn din id-direttiva u li jirrisjedu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-imsemmija regoli proċedurali kriminali, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti hija suġġetta għar-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari, ta’ dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li

–      tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li trażżan ir-residenza illegali permezz ta’ sanzjonijiet kriminali sa fejn din tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, filwaqt li jkun irrisjeda illegalment fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u ma jkunx lest jitlaq volontarjament minn dan it-territorju, ma jkunx ġie suġġett għal miżuri restrittivi fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva u, fil-każ ta’ detenzjoni bil-ħsieb li tiġi ppreparata u mwettqa t-tneħħija tiegħu, ma jkunx laħaq l-iskadenza tat-tul massimu ta’ tali detenzjoni; u

–      ma tipprekludix leġiżlazzjoni sa fejn tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn stabbilita mill-imsemmija direttiva u li jirrisjedi illegalment fl-imsemmi territorju mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandha tiġi interpretata fis-sens li

–        tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li trażżan ir-residenza illegali permezz ta’ sanzjonijiet kriminali sa fejn din tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, filwaqt li jkun irrisjeda illegalment fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru u ma jkunx lest jitlaq volontarjament minn dan it-territorju, ma jkunx ġie suġġett għal miżuri restrittivi fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva u, fil-każ ta’ detenzjoni bil-ħsieb li tiġi ppreparata u mwettqa t-tneħħija tiegħu, ma jkunx laħaq l-iskadenza tat-tul massimu ta’ tali detenzjoni;

–        ma tipprekludix leġiżlazzjoni sa fejn tippermetti l-priġunerija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ġiet applikata l-proċedura ta’ ritorn stabbilita mill-imsemmija direttiva u li jirrisjedi illegalment fl-imsemmi territorju mingħajr raġuni ġġustifikata għan-nuqqas ta’ ritorn tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.