SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )

“Moviment liberu tal-persuni — Direttiva 2004/38/KE — Deċiżjoni li tipprekludi lil ċittadin tal-Unjoni Ewropea aċċess għat-territorju ta’ Stat Membru minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika — Artikolu 30(2) tal-imsemmija direttiva — Obbligu li ċ-ċittadin ikkonċernat jiġi informat bil-motivi ta’ din id-deċiżjoni — Żvelar li jmur kontra l-interessi tas-sigurtà tal-Istat — Dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C-300/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2011, fil-proċedura

ZZ

vs

Secretary of State for the Home Department,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz (Relatur), G. Arestis, M. Berger, u E. Jarašiūnas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, J.-C. Bonichot, M. Safjan, D. Šváby u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ZZ, minn H. Southey, QC, S. Cox, barristers irrappreżentati minn M.R. Singh, solicitor,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Behzadi-Spencer, bħala aġent, assistita minn T. Eicke, barrister,

għall-Gvern Ċek, minn D. Hadroušek, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Tufvesson u M. Wilderspin, bħala aġenti,

għall-Autorité de surveillance AELE, minn X. Lewis u G. Mathisen kif ukoll minn F. Cloarec, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77, u r-rettifiki ĠU L 229, p. 35 u ĠU 2005, L 197, p. 34), moqri fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn ZZ u s-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tipprekludih, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, milli jidħol fit-territorju tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-limitazzjoni, mill-Istati Membri, tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

4

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 27(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.”

5

L-Artikolu 30(1) u (2) tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.”

2.   Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni fil-każ tagħhom, sakemm dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà Statali.”

6

L-Artikolu 31(1) u (3) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi kif ġej:

“1.   Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta’ kumpens fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

[...]

3.   Il-proċeduri ta’ riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex disproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28.”

Id-dritt tar-Renju Unit

L-aċċess u l-projbizzjoni ta’ aċċess għat-territorju tar-Renju Unit

7

Ir-regolament tal-2006 dwar l-immigrazzjoni [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-immigrazzjoni”] jittrasponi d-Direttiva 2004/38 fid-dritt tar-Renju Unit. L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“(1)   Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament:

[…]

‘deċiżjoni ŻEE [Żona Ekonomika Ewropea]’, għandha tfisser deċiżjoni meħuda skont dan ir-regolament li jikkonċerna:

(a)

id-dritt ta’ persuna li tidħol fir-Renju Unit;

[…]”

8

Skont l-Artikolu 11(1) u (5) ta’ dan ir-regolament:

“(1)   Ċittadin taż-ŻEE għandu jkun awtorizzat jidħol fit-territorju tar-Renju Unit jekk mal-wasla tiegħu jipproduċi karta tal-identità jew passaport validu maħruġ minn Stat taż-ŻEE.

[...]

(5)   Madankollu, dan l-artikolu japplika bla ħsara għall-Artikolu 19(1) […].”

9

L-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Projbizzjoni ta’ aċċess għat-territorju tar-Renju Unit u ripatrijazzjoni”, jipprovdi:

“Persuna ma tkunx awtorizzata tidħol fit-territorju tar-Renju Unit skont l-Artikolu 11 jekk il-projbizzjoni ta’ aċċess tkun iġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika skont l-Artikolu 21”.

10

L-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“(1)   Għall-finijiet ta’ din il-parti, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

‘Kummissjoni’ tfisser il-Kummissjoni msemmija fil-Liġi tal-1997 dwar [il-Kummissjoni Speċjali tal-Appelli fil-qasam tal-Immigrazzjoni (Special Immigration Appeals Commission Act 1997, iktar ’il quddiem is-‘SIAC’);

[…]”

11

L-Artikolu 28 tar-Regolament dwar l-immigrazzjoni jipprovdi li:

“(1)   Appell kontra deċiżjoni taż-ŻEE jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-[SIAC] fil-każijiet li fihom japplikaw il-paragrafi (2) u (4).

[…]

(4)   Dan il-paragrafu japplika fil-każ li s-Secretary of State jiċċertifika li d-deċiżjoni taż-ŻEE ġiet adottata, totalment jew parzjalment, abbażi ta’ informazzjoni li, fil-fehma tiegħu, ma għandhiex tiġi reża pubblika

(a)

minħabba raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali;

[…]

(8)   Il-Liġi tal-1997 dwar il-Kummissjoni Speċjali ta’ Appelli fil-qasam tal-Immigrazzjoni [Special Immigration Appeals Commission Act 1997 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-SIAC”)] tapplika għal appelli ppreżentati quddiem il-[SIAC] taħt dan ir-regolament bl-istess mod li tapplika għal appelli ppreżentati skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi meta japplika l-paragrafu (2) tal-imsemmi artikolu (appell kontra deċiżjoni fil-qasam tal-immigrazzjoni), ħlief għall-punt (i) tal-imsemmi paragrafu.”

Ir-regoli applikabbli għal appelli minn deċiżjoni dwar projbizzjoni ta’ aċċess

12

Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar is-SIAC, din tal-aħħar għandha tkun qorti ordinarja superjuri.

13

L-Artikolu 5(1), (3) u (6) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“(1)   Il-Lord Chancellor jista’ jistabbilixxi regoli […]

[...]

(3)   Ir-regoli msemmija f’dan l-artikolu jistgħu, b’mod partikolari:

(a)

jipprevedu li l-proċeduri quddiem is-[SIAC] jistgħu jiżvolġu mingħajr ma jkunu ntbagħtu lir-rikorrent id-dettalji kollha tal-motivi tad-deċiżjoni appellata,

[…]

(6)   Waqt it-tfassil tar-regoli msemmija f’dan l-artikolu, il-Lord Chancellor għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari:

(a)

il-ħtieġa li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet appellati jkunu mistħarrġa b’mod korrett, u

(b)

il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-informazzjoni ma tiġix żvelata b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali.”

14

L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar is-SIAC jipprovdi għan-nomina ta’ avukati speċjali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-Attorney General jista’ jinnomina persuna awtorizzata li tidher quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) sabiex tirrappreżenta l-interessi tar-rikorrent fil-proċeduri kollha quddiem is-SIAC li huma esklużi minnha r-rikorrent u r-rappreżentanti legali kollha tiegħu. L-Artikolu 6(4) tal-imsemmija liġi jipprovdi, barra minn hekk, li din il-persuna “ma hijiex responsabbli għall-persuna li fir-rigward tagħha hija tkun inkarigata tirrappreżenta l-interessi tagħha”.

15

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-2003 tal-Kummissjoni Speċjali tal-Appelli fil-qasam tal-Immigrazzjoni [Special Immigration Appeals Commission (Procedure) Rules 2003, iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura tas-SIAC”] jipprovdu fl-Artikolu 4(1) u (3):

“(1)   Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, is-[SIAC] għandha tiżgura li l-informazzjoni ma tiġix żvelata b’mod li jmur kontra l-interessi tas-sigurtà nazzjonali [...].

(3)   Bla ħsara għall-paragrafi (1) u (2), is-[SIAC] għandha tkun konvinta li l-elementi li hija għandha quddiemha jippermettulha tiddeċiedi l-kawża b’mod sodisfaċenti”.

16

L-Artikolu 10 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi:

“(1)   Meta s-Secretary of State jkun jixtieq jikkontesta appell, huwa għandu jippreżenta quddiem is-[SIAC]:

(a)

dikjarazzjoni li tindika l-provi li fuqhom huwa jibbaża l-oppożizzjoni tal-appell tiegħu; u

(b)

l-elementi kollha favurih li għandu konoxxenza tagħhom.

(2)   Sakemm is-Secretary of State ma joġġezzjonax għall-iżvelar tad-dikjarazzjoni lir-rikorrent jew lir-rappreżentant tiegħu, huwa għandu jibgħat kopja tagħha lir-rikorrent fl-istess waqt li huwa jippreżentaha quddiem is-[SIAC].

3)   Jekk is-Secretary of State joġġezzjona għall-iżvelar lir-rikorrent jew lir-rappreżentant tiegħu tad-dikjarazzjoni ppreżentata skont il-paragrafu (1), għandhom japplikaw l-Artikoli 37 u 38.”

17

Fir-rigward tal-funzjonijiet tal-avukat speċjali, previst fl-Artikolu 6 tal-Liġi dwar is-SIAC, l-Artikolu 35 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi dan li ġej:

“Il-funzjonijiet tal-avukat speċjali huma li jirrappreżenta l-interessi tar-rikorrent:

(a)

billi jippreżenta osservazzjonijiet [lil SIAC] waqt is-seduti kollha li huma esklużi minnhom ir-rikorrent u r-rappreżentanti tiegħu;

(b)

billi jipproduċi provi u jagħmel il-kontroeżami tax-xhieda waqt dawn is-seduti; u

(ċ)

billi jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub [lil SIAC]”.

18

Fir-rigward tal-komunikazzjoni bejn ir-rikorrent u l-avukat speċjali, l-Artikolu 36 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi:

“(1)   L-avukat speċjali jista’ jikkomunika mar-rikorrent jew mar-rappreżentant tiegħu f’kull mument qabel ma s-Secretary of State jinnotifikah bl-elementi li fir-rigward tagħhom huwa joġġezzjona li jiġu żvelati lir-rikorrent.

(2)   Wara li s-Secretary of State jkun innotifika lill-avukat speċjali bl-elementi kif indikat fil-paragrafu (1), l-avukat speċjali ma jista’ jikkomunika ma’ ħadd fuq ebda kwistjoni marbuta mal-proċedura, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu (3) jew fil-paragrafu (6)(b), jew skont l-istruzzjoni tal-[SIAC] mogħtija b’risposta għal talba magħmula skont il-paragrafu (4).

(3)   L-avukat speċjali jista’, mingħajr istruzzjonijiet tal-Kummissjoni, jikkomunika dwar il-proċedura, ma’:

(a)

is-[SIAC];

(b)

is-Secretary of State, jew kull persuna li taġixxi f’ismu;

(ċ)

il-maġistrat kompetenti, jew kull persuna li taġixxi f’ismu;

(d)

kull persuna oħra, ħlief ir-rikorrent jew ir-rappreżentant tiegħu, li magħha għandha ssir komunikazzjoni għal skopijiet amministrattivi fir-rigward ta’ kwistjonijiet mhux marbuta mas-sustanza tal-proċedura.

(4)   L-avukat speċjali jista’ jitlob lill-[SIAC] struzzjonijiet li jawtorizzawh jikkomunika mar-rikorrent jew mar-rappreżentant tiegħu jew ma’ kull persuna oħra.

(5)   Meta l-avukat jitlob istruzzjonijiet skont il-paragrafu (4),

(a)

il-Kummissjoni għandha tinnotifika t-talba lis-Secretary of State; u

(b)

is-Secretary of State għandu, f’terminu li jiġi stabbilit mill-Kummissjoni, jippreżenta quddiem il-Kummissjoni u jinnotifika lill-avukat speċjali b’kull oġġezzjoni għall-komunikazzjoni proposta jew għall-mod li bih ikun propost li din issir.

(6)   Il-paragrafu (2) ma jipprekludix lir-rikorrent milli jikkomunika mal-avukat speċjali wara li s-Secretary of State jkun innotifikah bl-elementi kif indikat fil-paragrafu (1), iżda

(a)

ir-rikorrent jista’ jikkomunika mal-avukat speċjali bil-miktub biss u permezz ta’ rappreżentant legali; u

(b)

l-avukat speċjali jista’ jirrispondi għall-komunikazzjoni skont l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni biss; fin-nuqqas tal-imsemmija istruzzjonijiet, huwa jista’ madankollu jibgħat konferma ta’ rċevuta bil-miktub lir-rappreżentant legali tar-rikorrent”.

19

L-Artikolu 37 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jiddefinixxi l-kliem “elementi kunfidenzjali” u jipprovdi, f’dan ir-rigward, kif ġej:

“(1)   Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, il-kliem ‘elementi kunfidenzjali’ jfissru:

a)

elementi li s-Secretary of State jixtieq jinvoka fi proċedura kwalunkwe quddiem il-Kummissjoni;

(b)

elementi li jikkontradixxu l-argumenti tiegħu jew li huma favur ir-rikorrent, jew

[…]

u li fir-rigward tagħhom huwa joġġezzjona li dawn jiġu żvelati lir-rikorrent jew lir-rappreżentant tiegħu.

2)   Is-Secretary of State ma jistax jinvoka elementi kunfidenzjali mingħajr ma jkun inħatar avukat speċjali sabiex jirrappreżenta l-interessi tar-rikorrent.

(3)   Meta s-Secretary of State jkun obbligat, skont l-Artikolu 10(2), jew l-Artikolu 10A(8), jinnotifika lir-rikorrent bl-elementi kunfidenzjali li huwa jixtieq jinvoka minn dawn l-elementi, u meta jkun inħatar l-avukat speċjali, is-Secretary of State għandu jippreżenta lill-[SIAC] u jinnotifika lill-avukat speċjali:

(a)

kopja tal-elementi kunfidenzjali, jekk ikun għadu ma għamilx dan;

(b)

dikjarazzjoni li tindika r-raġunijiet li għalihom huwa oġġezzjona għall-iżvelar tagħhom; u

(ċ)

jekk u sa fejn huwa possibbli li ma jiżvelax l-informazzjoni b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali, deskrizzjoni tal-elementi f’forma li tista’ tiġi nnotifikata lir-rikorrent.

4)   Is-Secretary of State għandu, fl-istess ħin tal-preżentata ta’ dawn, jinnotifika lir-rikorrent b’kull deskrizzjoni ppreżentata skont il-paragrafu 3(ċ).

(4A)   Meta s-Secretary of State jinnotifika lill-avukat speċjali bl-elementi kunfidenzjali li huwa jkun żamm inaċċessibbli għal raġunijiet li ma humiex marbutin mas-sigriet professjonali,

(a)

huwa għandu jippreżenta l-elementi quddiem il-[SIAC] f’forma mhux aċċessibbli, filwaqt li jispjega r-raġunijiet għat-tibdil; u

(b)

is-[SIAC] għandha tagħti lis-Secretary of State istruzzjonijiet dwar il-punti li jistgħu jkunu inaċċessibbli.

(5)   Is-Secretary of State jista’, bl-awtorizzazzjoni tas-[SIAC] jew bil-kunsens tal-avukat speċjali, ibiddel jew jikkompleta f’kull ħin id-dokumenti ppreżentati skont dan l-artikolu”.

20

Fir-rigward tal-eżami tal-oġġezzjonijiet tas-Secretary of State, l-Artikolu 38 tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC jipprovdi li:

“(1)   Meta s-Secretary of State jippreżenta oġġezzjoni skont l-Artikolu 36(5)(b) jew l-Artikolu 37, is-[SIAC] għandha tiddeċiedi li tilqa’ jew li tiċħad l-oġġezzjoni skont dan l-artikolu.

(2)   Is-[SIAC] għandha tiffissa seduta sabiex tippermetti lis-Secretary of State u lill-avukat speċjali jippreżentaw osservazzjonijiet orali [...].

[…]

(5)   Is-seduti miżmuma skont dan l-artikolu għandhom iseħħu fl-assenza tar-rikorrent u tar-rappreżentant tiegħu.

(6)   Is-[SIAC] tista’ tilqa’ jew tiċħad l-oġġezzjoni tas-Secretary of State.

(7)   Is-[SIAC] għandha tilqa’ l-oġġezzjoni ppreżentata mis-Secretary of State skont l-Artikolu 37 meta hija jidhrilha li l-iżvelar tal-elementi inkwistjoni jmur kontra l-interess ġenerali.

(8)   Meta s-[SIAC] tilqa’ l-oġġezzjoni ppreżentata mis-Secretary of State skont l-Artikolu 37, hija għandha:

(a)

teżamina jekk is-Secretary of State għandux jiġi ordnat jinnotifika lir-rikorrent b’sunt tal-elementi kunfidenzjali; u

(b)

tapprova kull sunt ta’ dan it-tip, sabiex tiżgura li ma fih ebda informazzjoni jew ebda element ieħor li l-iżvelar tiegħu jmur kontra l-interess ġenerali.

(9)   Meta s-[SIAC] tiċħad l-oġġezzjoni ppreżentata mis-Secretary of State skont l-Artikolu 37 jew tordnalu jinnotifika lir-rikorrent b’sunt tal-elementi kunfidenzjali,

(a)

is-Secretary of State ma jkunx obbligat jinnotifika dawn l-elementi jew is-sunt, iżda

b)

jekk ma jagħmilx dan, is-[SIAC] tista’, waqt is-seduta li matulha s-Secretary of State u l-avukat speċjali jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet,

(i)

jekk hija jidhrilha li l-elementi jew informazzjoni l-oħra li għandu jsir sunt tagħhom jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-argumenti tas-Secretary of State jew ikunu favur ir-rikorrent, tordna lis-Secretary of State ma jinvokax dawn il-punti fl-argumenti tiegħu, jew li jagħmel konċessjonijiet jew jieħu xi miżuri oħra, skont l-indikazzjonijiet tas-[SIAC];

jew

(ii)

fil-każijiet l-oħra kollha, tordna lis-Secretary of State ma jsemmix l-elementi inkwistjoni jew (jekk ikun il-każ) l-informazzjoni l-oħra li għandu jsir sunt tagħha fil-proċedura.”

21

Fir-rigward tad-deċiżjoni tas-SIAC, l-Artikolu 47(2) sa (4) tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC, jipprovdi:

“(2)   Is-[SIAC] għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll il-motivi tal-istess bil-miktub.

3)   Is-[SIAC] għandha, f’terminu raġonevoli, tinnotifika lill-partijiet b’dokument li jkun fih id-deċiżjoni tagħha kif ukoll, jekk u sa fejn huwa possibbli li tagħmel dan mingħajr ma tiżvela l-informazzjoni b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali, il-motivi tal-istess deċiżjoni.

(4)   Meta d-dokument imsemmi fil-paragrafu (3) ma jkunx fih il-motivi kollha tad-deċiżjoni tagħha, is-[SIAC] għandha tinnotifika lis-Secretary of State u lill-avukat speċjali dokument separat li jinkludi dawn il-motivi.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

22

ZZ għandu kemm nazzjonalità Franċiża kif ukoll nazzjonalità Alġerina. Huwa ilu miżżewweġ lil ċittadina tar-Renju Unit sa mill-1990, li magħha kellu tmint itfal, ta’ età bejn 9 sa 20 sena, fid-data ta’ meta saret il-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Mis-sena 1990 sas-sena 2005, ZZ irrisjeda legalment fir-Renju Unit. Fl-2004, is-Secretary of State alloka fil-konfront tiegħu dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

23

Wara li ZZ telaq mir-Renju Unit sabiex imur l-Alġerija, f’Awwissu 2005, is-Secretary of State iddeċieda li jannulla d-dritt ta’ residenza tiegħu u li jipprekludilu l-aċċess għat-territorju tar-Renju Unit minħabba li l-preżenza tiegħu kienet ta’ ħsara għall-interess ġenerali. Is-SIAC kienet ikkonstatat, fid-deċiżjoni tagħha, li ZZ ma kellu ebda dritt jappella minn din id-deċiżjoni ta’ annullament.

24

F’Settembru 2006, ZZ ivvjaġġa lejn ir-Renju Unit fejn deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul, skont l-Artikolu 19(1) tar-regolament dwar l-immigrazzjoni, ittieħdet mis-Secretary of State għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Wara din id-deċiżjoni, ZZ intbagħat l-Alġerija. Meta ġiet ippreżentata din it-talba għal deċiżjoni preliminari, huwa kien qiegħed jirrisjedi fi Franza.

25

ZZ appella mid-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali li nċaħdet mis-SIAC, minħabba li din id-deċiżjoni kienet iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Quddiem is-SIAC, huwa kien irrappreżentat minn solicitor u minn barrister tal-għażla tiegħu (iktar ’il quddiem il-“konsulenti personali”).

26

Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, is-Secretary of State ikkontesta l-iżvelar lir-rikorrent ta’ fatturi li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni għar-rikors ta’ ZZ. Skont ir-regoli ta’ proċedura applikabbli quddiem is-SIAC, inħatru żewġ avukati speċjali sabiex jippreżentaw l-interessi ta’ dan tal-aħħar. Dawn kellhom konsultazzjonijiet flimkien abbażi ta’ “provi pubbliċi”.

27

Sussegwentement, l-informazzjoni li ma kinitx trażmessa lil ZZ u li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali ntbagħtet lill-imsemmija avukati speċjali li, minn dakinhar, ma kinux awtorizzati jitolbu lil ZZ jew lill-avukati tiegħu, istruzzjonijiet ġodda, jew jitolbu informazzjoni mingħajr l-approvazzjoni tas-SIAC. B’riżerva għal dawn ir-restrizzjonijiet, l-avukati speċjali komplew jirrappreżentaw l-interessi ta’ ZZ quddiem is-SIAC fir-rigward ta’ dawn il-“provi kunfidenzjali”.

28

Għall-finijiet tal-eżami tal-oppożizzjoni tas-Secretary of State għall-iżvelar ta’ ċerti provi lir-rikorrent, is-SIAC żammet seduta in camera, fl-assenza ta’ ZZ u tal-avukati tiegħu, iżda fil-preżenza tal-avukati speċjali tiegħu. Is-SIAC stabbilixxiet, b’mod definittiv, sa fejn l-iżvelar lil ZZ tal-“provi kunfidenzjali” invokati mis-Secretary of State jmorru kontra l-interessi ġenerali.

29

Sussegwentement, inżammet seduta dwar ir-rikors ta’ ZZ, parzjalment fil-pubbliku u parzjalment in camera. Is-sessjonijiet tas-seduta in camera seħħew fl-assenza ta’ dan tal-aħħar u tal-konsulenti personali tiegħu, iżda fil-preżenza tal-avukati speċjali tiegħu li ppreżentaw osservazzjonijiet f’ismu.

30

Is-SIAC tat żewġ deċiżjonijiet, jiġifieri deċiżjoni “pubblika” u deċiżjoni “kunfidenzjali”; din tal-aħħar ġiet ikkomunikata lis-Secretary of State u lill-avukati speċjali biss. Fid-deċiżjoni pubblika tagħha, is-SIAC ikkonstatat, b’mod partikolari, li “ftit mill-każ kontra” ZZ ġie nnotifikat lilu u li dan ma jikkonċernax il-“kwistjonijiet essenzjali”.

31

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni pubblika jirriżulta li s-SIAC hija konvinta li ZZ kien implikat fl-attivitajiet tan-netwerk tal-Grupp Islamiku Armat u f’attivitajiet terroristiċi fl-1995 u fl-1996. Fir-rigward tal-fatti li ġew żvelati lil ZZ, minn din is-sentenza jirriżulta li beni li dan tal-aħħar kien ammetta li huwa proprjetarju jew li kien proprjetarju tagħhom, ġew skoperti fil-Belġju, f’postijiet mikrija minn estremist magħruf, fejn, inter alia, instabet ċerta kwantità ta’ armi u ta’ munizzjoni. Fir-rigward ta’ fatti oħra allegati mis-Secretary of State, bħal b’mod partikolari, soġġorni fl-Italja kif ukoll fil-Belġju, kuntatti ma’ ċerti persuni u l-pussess ta’ somom kbar ta’ flus, is-SIAC ikkunsidrat, sa ċertu punt, bħala kredibbli u rilevanti, it-teħid ta’ pożizzjoni ta’ ZZ u l-provi prodotti minnu. Madankollu, il-kontestazzjonijiet evokati minnu dwar l-implikazzjoni fl-attivitajiet tal-imsemmi netwerk ma ġewx miżmuma mis-SIAC, għal raġunijiet spjegati b’mod partikolari fis-sentenza kunfidenzjali.

32

Fid-deċiżjoni pubblika tagħha, is-SIAC kkonstatat li, “għal raġunijiet li huma biss spjegati fid-deċiżjoni kunfidenzjali”, hija “kienet tal-fehma li l-kondotta personali ta’ ZZ tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tippreġudika wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà, jiġifieri s-sigurtà pubblika u li din tisboq id-dritt tar-rikorrent u tal-familja tiegħu li jgawdu mill-ħajja familjari tagħhom fir-Renju Unit”.

33

ZZ appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju li tatu awtorizzazzjoni għal dan il-għan. Fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ April 2011, mogħtija fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell u li inkludiet deċiżjoni dwar in-neċessità tal-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) ikkonstatat li s-sentenzi ta’ SIAC moqrija flimkien jinkludu konstatazzjonijiet fattwali u fatturi ta’ raġunament li jistgħu faċilment jeskludu l-imsemmija konklużjoni tas-SIAC. F’dawn il-kundizzjonijiet, din tal-aħħar immotivat suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha. Madankollu, l-imsemmija Court of Appeal tistaqsi jekk kienx permess għas-SIAC li ma tiżvelax is-sustanza tal-motivi li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 346(1)(a) [TFUE], jirrikjedi li qorti li quddiemha jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni li tipprojbixxi lil ċittadin tal-Unjoni l-aċċess għat-territorju ta’ Stat Membru għal raġunijiet ta’ ordni pubblika u ta’ sigurtà pubblika skont il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2004/38 għandha tiżgura li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat jiġi informat dwar is-sustanza tal-motivi mressqa kontrih, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet tal-Istat Membru u l-qorti nazzjonali kompetenti, wara li jkunu eżaminaw il-provi kollha invokati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kontra ċ-ċittadin tal-Unjoni, ikkonkludew li raġunijiet li jaqaw taħt interessi ta’ sigurtà tal-Istat jipprekludu l-iżvelar tas-sustanza tal-motivi?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

35

Skont il-Gvern Taljan, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli f’żewġ aspetti. Minn naħa, ir-rikors ta’ ZZ kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju hija inammissibbli, peress li l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ma tistax tagħtih vantaġġ effettiv minħabba l-fatt li d-dħul tiegħu fir-Renju Unit huwa fi kwalunkwe każ prekluż mid-deċiżjoni ta’ Awwissu 2005 li għandha tiġi kkunsidrata bħala valida. Minn dan jirriżulta li d-domanda magħmula ma hijiex konkretament rilevanti fil-proċeduri fil-kawża prinċipali u għalhekk hija inammissibbli. Minn naħa l-oħra, mill-Artikoli 4(2) TUE u 346(1)(a) TFUE jirriżulta li s-sigurtà tal-Istat tibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri biss. Għalhekk, id-domanda magħmula tirreferi biss għal kwistjoni rregolata mid-dritt nazzjonali u, għal din ir-raġuni, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Rintisch, C-553/11, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa biss possibbli jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, id-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 moqri fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 47 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, din id-domanda tqum fil-kuntest ta’ kawża reali dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul meħuda, skont din id-direttiva, mis-Secretary of State kontra ZZ. Barra minn hekk, minkejja li huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, is-sempliċi fatt li deċiżjoni tikkonċerna s-sigurtà tal-Istat ma tistax timplika l-inapplikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-387/05, Ġabra p. I-11831, punt 45).

39

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

40

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li qorti nazzjonali li tkun tressqet kawża quddiemha minn ċittadin tal-Unjoni kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul meħuda skont l-Artikolu 27(1) tal-istess direttiva, tiżgura li tiġi trażmessa lill-persuna kkonċernata s-sustanza tal-motivi tas-sigurtà pubblika li jikkostitwixxu l-bażi ta’ din id-deċiżjoni meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tinvoka quddiem din il-qorti biss motivi dwar is-sigurtà tal-Istat li jopponi tali żvelar.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, fil-każ inkwistjoni, huwa paċifiku li s-Secretary of State, l-awtorità nazzjonali kompetenti f’dan il-qasam, ma kkomunikax lil ZZ il-motivi preċiżi u kompleti li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ttieħdet skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38. Fil-kuntest tal-proċedura quddiem is-SIAC li tiżgura, skont is-sistema implementata mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali deċiżjonijiet, is-Secretary of State invoka l-kunfidenzjalità ta’ fatturi li fuqhom ibbaża r-rifjut tiegħu ta’ ZZ.

42

Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regoli tal-Proċedura tas-SIAC, din hija marbuta li tiżgura li l-informazzjoni ma tiġix żvelata b’mod li jmur kontra l-interessi tas-sigurtà tal-Istat. Barra minn hekk, is-SIAC taħtar, skont l-Artikolu 10(3), moqri flimkien mal-Artikolu 37(2) ta’ dan ir-regolament, avukat speċjali sabiex jippreżenta l-interessi tar-rikorrent meta s-Secretary of State jeħtieġ quddiem din l-aħħar qorti l-kunfidenzjalità tal-provi invokati fil-kuntest tar-rikors ġudizzjarju. Dan l-avukat għandu, skont l-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament, jippreżenta osservazzjonijiet waqt is-seduti li huwa eskluż minnhom ir-rikorrent, jipproduċi provi, iwettaq kontro-eżami tax-xhieda u jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub lis-SIAC.

43

Is-Secretary of State huwa marbut, skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tas-SIAC, li jipproduċi u li jikkomunika lil din tal-aħħar u lill-avukat speċjali kopja tal-fatturi kunfidenzjali kif ukoll dikjarazzjoni li tindika r-raġunijiet li għalihom huwa jopponi l-iżvelar tagħhom. Barra minn hekk, is-Secretary of State, skont l-Artikolu 37(4), għandu jipproduċi deskrizzjoni tal-provi kunfidenzjali f’forma li tista’ tiġi nnotifikata lir-rikorrent jekk u sa fejn huwa possibbli li dan isir mingħajr ma tiġi żvelata informazzjoni li tmur kontra l-interess ġenerali. Skont l-Artikolu 38 tal-istess regolament, l-għan tas-Secretary of Stat għall-iżvelar lir-rikorrent tal-imsemmija fatturi għandu jkun suġġett għal eżami mis-SIAC li fil-kuntest tiegħu s-Secretary of State kif ukoll l-avukat speċjali għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet.

44

Skont l-Artikolu 36 tar-Regoli ta’ Proċedura tas-SIAC, l-avukat speċjali ma jistax jikkomunika mar-rikorrent dwar kwistjonijiet marbuta mal-proċedura ġaladarba ġew innotifikati fatturi marbuta mal-proċedura li kien ippona s-Secretary of State. Madankollu, huwa jista’ jistaqsi lis-SIAC istruzzjonijiet li jawtorizzaw tali komunikazzjoni.

45

Huwa fid-dawl ta’ din il-proċedura nazzjonali li l-qorti tar-rinviju għamlet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

46

L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi, fir-rigward tal-kontenut u tal-motivazzjoni neċessarji ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva, bħad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li din id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata bil-miktub u b’mod li jippermettulha tifhem il-kontenut u l-effetti tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 30(2) jipprovdi li l-motivi preċiżi u kompleti ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika li jikkostitwixxu l-bażi ta’ tali deċiżjoni għandhom jiġu trażmessi lill-persuna kkonċernata, sakemm ma humiex preklużi minn motivi dwar is-sigurtà tal-Istat.

47

L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva jobbliga lill-Istati Membri jipprevedu, fis-sistema legali tagħhom, il-miżuri neċessarji sabiex jippermettu liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jkollhom aċċess għar-rikorsi ġudizzjarji u, skont il-każ, amministrattivi, sabiex jikkontestaw deċiżjonijiet li jillimitaw, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fl-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Byankov, C-249/11, punt 53). Skont l-Artikolu 31(3), il-proċeduri ta’ rikors għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kif ukoll tal-fatti u ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-miżura prevista.

48

Sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tuża l-miżuri ta’ rikors stabbiliti mill-Istati Membri, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, kif jiddikjara l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38, tikkomunika lil tali persuna, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-motivi preċiżi u kompleti tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika jew tas-saħħa pubblika li huma l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni.

49

Huwa biss permezz ta’ deroga li l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/38 jawtorizza lill-Istati Membri jillimitaw l-informazzjoni trażmessa lill-persuna kkonċernata minħabba motivi li jaqgħu taħt is-sigurtà tal-Istat. Bħala deroga mir-regola stabbilita fil-punt preċedenti, din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġett għal interpretazzjoni stretta mingħajr madankollu ma ċċaħħadha mill-effett utli tagħha.

50

Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi ddeterminat jekk u sa fejn l-Artikoli 30(2) u 31 tad-Direttiva 2004/38 jippermettu jew le n-nuqqas tal-iżvelar tal-motivi preċiżi u kompleti ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27 ta’ din l-istess direttiva, peress li d-dispożizzjonijiet tagħhom għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li din l-interpretazzjoni konformi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta kif jirriżulta mis-sistema implementata minn din tal-aħħar fl-intier tagħha. B’mod partikolari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 52(1) tal-Karta għandu limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, din id-dispożizzjoni madankollu teżiġi li kwalunkwe limitazzjoni għandha tosserva b’mod partikolari l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u teħtieġ, barra minn hekk, li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din tkun neċessarja u tissodisfa effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni.

52

Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 30(2) u 31 tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jistax ikollu bħala effett li jikser il-livell ta’ protezzjoni ggarantit kif deskritt fil-punt preċedenti.

53

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tirrikonoxxi l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tiegħu kemm mill-qari tad-deċiżjoni nfisha, kif ukoll mit-trażmissjoni tal-motivi wara li tkun saret talba, bla ħsara għall-poter tal-imħallef kompetenti li jeżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom (sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2011, Peñarroja Fa, C-372/09 et C-373/09, Ġabra p. I-1785, punt 63, kif ukoll tas-17 ta’ Novembru 2011, Gaydarov, C-430/10, Ġabra p. I-11637, punt 41), sabiex tippermettilha tiddefendi d-drittijiet tagħha bl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, b’konoxxenza sħiħa tal-fatti inkwistjoni, jekk huwiex utli li tressaq kawża quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni, kif ukoll sabiex tippermetti lil din tal-aħħar tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 15, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 337).

54

Huwa paċifiku li jista’ jkun neċessarju, kemm fil-proċedura amministrattiva kif ukoll fil-proċedura ġudizzjarja, li ma tkunx trażmessa ċerta informazzjoni lill-persuna kkonċernata, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 342).

55

Fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-prinċipju tal-kontradittorju li jagħmel parti mid-drittijiet ta’ difiża, imsemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta, il-partijiet f’kawża għandhom id-dritt li jeżaminaw l-atti jew l-osservazzjonijiet kollha mressqa quddiem il-qorti bil-għan li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li jiġu diskussi (sentenzi tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C-450/06, Ġabra p. I-581, punt 45; tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C-89/08 P, Ġabra p. I-11245, punt 52, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C-472/11, punt 30; ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjonio Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Ruiz-Mateos vs Spanja tat-23 ta’ Ġunju 1993, Serje A no262, § 63).

56

Ikun hemm ksur tad-dritt fundamentali għal rikors ġudizzjarju jekk deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u fuq dokumenti li l-partijiet infushom, jew wieħed mill-partijiet, ma setgħux jieħdu inkunsiderazzjoni u li, għaldaqstant, qatt ma setgħu jadottaw pożizzjoni dwarhom (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Madankollu, jekk, f’każijiet eċċezzjonali, awtorità nazzjonali tipprekludi l-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata ta’ motivi preċiżi u kompleti li jikkostitwixxu l-bażi ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, billi tinvoka r-raġunijiet dwar is-sigurtà tal-Istat, il-qorti kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha jkollha għad-dispożizzjoni tagħha u għandha timplementa tekniċi u regoli tad-dritt tal-proċedura li tippermetti li jiġu aċċettati, minn naħa, kunsiderazzjonijiet leġittimi tas-sigurtà tal-Istat fir-rigward tan-natura u tas-sorsi tal-informazzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li tiġi ggarantita b’mod suffiċjenti lill-individwu l-osservazzjoni tad-drittijiet proċedura tiegħu, bħad-dritt għal smigħ xieraq kif ukoll bħall-prinċipju tal-kontradittorju (ara, b’analoġija, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 344).

58

Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma marbuta jipprevedu, minn naħa, stħarriġ ġudizzjarju effettiv kemm tal-eżistenza u tal-fondatezza tar-raġunijiet invokati mill-awtorità nazzjonali fir-rigward tas-sigurtà tal-Istat kif ukoll tal-legalità tad-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll, minn naħa, tekniċi u regoli dwar dan l-istħarriġ, kif imsemmija fil-punt preċedenti.

59

Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 previst fl-Artikolu 31 tagħha, huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu regoli li jippermettu lill-qorti awtorizzata bl-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmija deċiżjoni teżamina kemm il-motivi kollha kif ukoll il-provi marbuta magħhom li fuqhom ittieħdet din l-istess deċiżjoni.

60

Fir-rigward tar-rekwiżiti li għandu jissodisfa l-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżistenza u tal-fondatezza tar-raġunijiet invokati mill-awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat, huwa neċessarju li qorti tkun inkarigata tivverifika jekk dawn ir-raġunijiet jipprekludux il-komunikazzjoni tal-motivi preċiżi u kompleti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll il-prova marbuta magħha.

61

Għalhekk, hija l-awtorità nazzjonali li għandha tipproduċi, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, il-prova li s-sigurtà tal-Istat tkun effettivament ippreġudikata bit-trażmissjoni lill-persuna kkonċernata tal-motivi preċiżi u kompleti li jikkostitwixxu l-bażi ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll tal-prova marbuta magħha (ara, b’anoloġija, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-284/05, Ġabra p. I-11705, punti 47 u 49). Minn dan jirriżulta li ma teżistix preżunzjoni favur l-eżistenza u l-fondatezza tar-raġunijiet invokati mill-awtorità nazzjonali.

62

F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha twettaq eżami indipendenti tal-elementi tal-liġi kollha invokati mill-awtorità nazzjonali kompetenti u għandha tevalwa, skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali, jekk is-sigurtà tal-Istat tipprekludix tali komunikazzjoni.

63

Jekk l-imsemmija qorti tikkonkludi li s-sigurtà tal-Istat ma tipprekludix it-trażmissjoni lill-persuna kkonċernata tal-motivi preċiżi u kompleti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul meħuda skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, hija tagħti l-possibbiltà lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-motivi u l-provi nieqsa. Jekk din l-awtorità ma tawtorizzax it-trażmissjoni tagħhom, il-qorti għandha twettaq eżami tal-legalità ta’ tali deċiżjoni sempliċement abbażi tal-motivi u provi li ġew trażmessi.

64

Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta li s-sigurtà tal-Istat tipprekludi effettivament it-trażmissjoni lill-persuna kkonċernata tal-imsemmija motivi, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, kif previst fl-Artikolu 31(1) tagħha, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punti 51, 52 u 57 tas-sentenza preżenti, għandu jsir fil-kuntest ta’ proċedura li tibbilanċja b’mod xieraq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sigurtà tal-Istat ma’ dawk tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi tillimita l-interferenzi possibbli fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal dak li huwa strettament neċessarju.

65

F’dan ir-rigward, minn naħa, fid-dawl tal-osservanza neċessarja tal-Artikolu 47 tal-Karta, l-imsemmija proċedura għandha tiggarantixxi, sa fejn huwa possibbli, l-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju, sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata tikkontesta l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll sabiex tippreżenta osservazzjonijiet fir-rigward tal-provi marbuta magħha u, għalhekk, tinvoka b’mod utli l-motivi ta’ difiża tagħha. B’mod partikolari, huwa neċessarju li tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata, fi kwalunkwe każ, is-sustanza tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul meħuda skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, peress li l-protezzjoni neċessarja tas-sigurtà tal-Istat ma jistax ikollha bħala effett li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mid-dritt għal smigħ tagħha u, għalhekk, li trendi ineffettiv id-dritt ta’ rikors tagħha kif previst fl-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva.

66

Min-naħa l-oħra, l-ibbilanċjar tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva man-neċessità li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat li fuqha hija bbażata l-konklużjoni stabbilita fil-punt preċedenti ma huwiex applikabbli bl-istess mod għall-provi li huma l-bażi tal-motivi prodotti quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, f’ċerti każijiet, l-iżvelar ta’ dawn il-provi jista’ jippreġudika b’mod dirett u partikolari s-sigurtà tal-Istat, inkwantu jista’ jipperikola l-ħajja, is-saħħa jew il-libertà tal-persuni jew jiżvela l-metodi ta’ investigazzjoni speċifikament użati mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sigurtà u għalhekk jostakola serjament, jew saħansitra jipprekludi, it-twettiq futur tal-kompiti ta’ dawn l-awtoritajiet.

67

F’dan il-kuntest, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk u sa fejn ir-restrizzjonijiet għad-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti jirriżultaw b’mod partikolari min-nuqqas ta’ żvelar ta’ provi u ta’ motivi preċiżi u kompleti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda skont l-imsemmi Artikolu 27 huma tali li jaffettwaw il-forza probatorja tal-provi kunfidenzjali.

68

F’dawn il-kundizzjonijiet, hija l-qorti nazzjonali kompetenti, minn naħa, li għandha tevalwa li s-sustanza tal-motivi li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni tkun trażmessa lill-persuna kkonċernata b’mod li tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-kunfidenzjalità neċessarja tal-prova, u min-naħa l-oħra, li tislet, skont id-dritt nazzjonali, il-konsegwenza ta’ ksur possibbli ta’ dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 30(2) u 31 tad-Direttiva 2004/38, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li l-qorti nazzjonali kompetenti tiżgura li n-nuqqas ta’ żvelar mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-persuna kkonċernata tal-motivi preċiżi u kompleti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-provi marbuta magħha għandu jkun limitat għal dak li huwa neċessarju u li fi kwalunkwe każ, għandha tiġi trażmessa s-sustanza tal-imsemmija motivi lill-persuna kkonċernata b’mod li tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-kunfidenzjalità neċessarja tal-provi.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 30(2) u 31 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżiġu li l-qorti nazzjonali kompetenti tiżgura li n-nuqqas ta’ żvelar mill-awtorità nazzjonali kompetenti lill-persuna kkonċernata tal-motivi preċiżi u kompleti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-provi marbuta magħha għandu jkun limitat għal dak li huwa neċessarju u li fi kwalunkwe każ, għandha tiġi trażmessa s-sustanza tal-imsemmija motivi lill-persuna kkonċernata b’mod li tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-kunfidenzjalità neċessarja tal-provi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.