SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Novembru 2012 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema komuni Ewropea tal-ażil — Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) — Kooperazzjoni tal-Istat Membru mal-applikant sabiex jiġu evalwati l-punti rilevanti tal-applikazzjoni tiegħu — Portata — Regolarità tal-proċedura nazzjonali segwita fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat — Rispett tad-drittijiet fundamentali — Dritt li wieħed jinstema’”

Fil-Kawża C-277/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (L-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2011, fil-proċedura

M.

vs

Minister for Justice, Equality and Law Reform,

L-Irlanda,

Attorney General,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President ta’ Awla, M. Ilešič, M. Berger, A. Borg Barthet u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M., minn P. O’Shea u I. Whelan, BL, inkarigati minn B. Burns, solicitor,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn D. Conlan Smyth, barrister,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn N. Graf Vitzthum, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér Miklós kif ukoll minn K. Szíjjártó u Z. Tóth, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

għall-Gvern Svediż, minn K. Petkovska, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li inkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, u r-rettifika ĠU 2005, L 204, p. 24).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. u l-Minister for Justice, Equality and Law Reform (iktar ’il quddiem il-“Minister”), l-Ireland kif ukoll l-Attorney General fir-rigward tar-regolarità tal-proċedura segwita matul l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja li huwa kien ippreżenta fir-rigward taċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea

3

L-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, jipprovdi fis-subartikoli 1 u 2 tiegħu:

“1.   Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2.   Dan id-dritt jinkludi:

a)

id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

b)

id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;

ċ)

l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.”

4

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jirreferi għad-dritt ta’ kull persuna għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Dan l-artikolu jispeċifika li kull persuna għandha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun rappreżentata. Skont l-Artikolu 48(2) tal-Karta, għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.

5

Skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lejn l-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

Is-sistema komuni Ewropea tal-ażil

6

Il-Kunsill Ewropew ta’ Strasbourg tat-8 u tad-9 ta’ Diċembru 1989 iffissa l-għan ta’ armonizzazzjoni tal-politika ta’ ażil tal-Istati Membri.

7

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere tal-15 u tas-16 ta’ Ottubru 1999 ipprovdew, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ sistema komuni Ewropea ta’ ażil, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u globali tal-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Recueil des traités des Nations unies Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)] u daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”). Din il-konvenzjoni kienet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal-1967”).

8

L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni ta’ Genève u fil-Protokoll tal-1967. L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti fihom, iżda l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta jipprovdu li d-dritt għal ażil għandu jiġi ggarantit, b’mod partikolari, b’osservanza ta’ din il-konvenzjoni u tal-Protokoll tal-1967.

9

It-Trattat ta’ Amsterdam, konkluż fit-2 ta’ Ottubru 1997, introduċa l-Artikolu 63 fit-Trattat KE, li ta l-kompetenza lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li tiddeċiedi wara li tikkonsulta l-Parlament Ewropew, sabiex tadotta l-miżuri rrakkomandati mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere.

10

Hija fuq din il-bażi legali li ġiet adottata d-Direttiva 2004/83, kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġja (ĠU L 175M p. 168).

11

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, huwa l-Artikolu 78 TFUE li jipprovdi l-implementazzjoni ta’ sistema Ewropea komuni tal-ażil.

12

Id-Direttivi 2004/83 u 2005/85 jagħmlu riferiment, fil-premessa 1 tagħhom, għall-fatt li politika komuni fil-qasam tal-ażil, li tinkludi sistema Ewropea komuni tal-ażil, hija element li jagħmel parti mill-għan tal-Unjoni li jikkonċerna l-implementazzjoni progressiva ta’ żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja miftuħa għal dawk li, minħabba ċ-ċirkustanzi li jsibu ruħhom fihom, leġittimament ifittxu protezzjoni fil-Komunità Ewropea. Barra minn hekk, dawn l-atti jagħmlu riferiment ukoll, fil-premessa 2 tagħhom, għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere.

13

Id-Direttivi 2004/83 u 2005/85 jindikaw, rispettivament fil-premessa 10 u 8 tagħhom, li huma jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u josservaw il-prinċipji li huma rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta.

Id-Direttiva 2004/83

14

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/83 għandha bħala għan li tistabbilixxi regoli minimi relatati, minn naħa, mal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz jew persuni mingħajr stat sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, mal-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.

15

Skont l-Artikolu 2 tal-istess direttiva, għall-finijiet tagħha:

“a)

‘protezzjoni internazzjonali’, tfisser l-istat ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’(d) u (f);

[…]

ċ)

‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż […];

d)

‘stat ta’ refuġjat’ ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

e)

‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tiegħu jew tagħha, jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15, […] u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

[f]

‘stat ta’ protezzjoni sussidjarja’ ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;

g)

‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex stat ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja […]

[…]”

16

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 intitolat “Stima ta’ fatti u ċirkostanzi”, li jinsab fil-Kapitolu II tagħha, li huwa intitolat “Stima ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, jipprovdi kif ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu iqisuha bħala d-dmir ta’ l-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’koperazzjoni ma’ l-applikant huwa d-dmir ta’ l-Istat Membru li jistma l-elementi rilevanti ta’ l-applikazzjoni.

2.   L-elementi riferiti fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni ta’ l-applikanti rigward l-eta ta’ l-applikant, l-ambjent minfejn ikun ġej, inkluż dak ta’ qraba rilevanti, identità, nazzjonalità(jiet), pajjiż(i) u post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, applikazzjonijiet ta’ asil ta’ qabel, rotti [rotot] ta’ vjaġġar, dokumenti ta’ identita u ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.   L-istima ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi li jitqiesu:

a)

il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ l-oriġin[i] fil-ħin tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni; inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż ta’ l-oriġini u l-manjiera li fiha jiġu applikati;

b)

id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti presentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

ċ)

il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, sess u eta, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikun jammonta għal persekuzzjoni jew periklu serju;

d)

jekk l-attivitajiet ta’ l-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ l-oriġini kienux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawn l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lura lil dak il-pajjiż;

e)

jekk l-applikant ikun mistenni b’mod raġunevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza.

4.   Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-perikolu, huwa indikazzjoni serja tal-biża bir-raġun ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri periklu serju, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin li jista’jitqies li din il-persekuzzjoni jew periklu serju ma jiġix ripetut.

5.   Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skond liema huwa d-dmir ta’ l-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

b)

l-elementi rilevanti kollha, għad-dispożizzjoni ta’ l-applikant, ikun ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li għandha x’taqsam ma’ nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

ċ)

id-dikjarazzjonijiet ta’ l-applikant jistabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ ta’ l-applikant;

d)

l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali fil-ħin l-aktar kmien possibbli, sakemm l-applikant jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u

e)

il-kredibilita ġenerali ta’ l-applikant tkun ġiet stabbilita.”

Id-Direttiva 2005/85

17

Id-Direttiva 2005/85 tistabbilixxi standards minimi li jikkonċernaw il-proċedura ta’ għoti u ta’ rtirar tal-istatus ta’ refuġjat. Barra minn hekk, hija tispeċifika d-drittijiet tal-applikanti għal ażil.

18

B’mod konformi mal-Artikolu 3(1) tagħha, din id-direttiva tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għal ażil ippreżentati fit-territorju tal-Istati Membri.

19

Is-subartikolu 3 tal-imsemmi Artikolu 3 jipprovdi:

“Fejn Stati Membri jużaw jew jintroduċu proċedura li fiha l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu eżaminati kemm bħala applikazzjonijiet abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra kif ukoll bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija taħt iċ-ċirkostanzi definiti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83[…], dawn għandhom japplikaw din id-Direttiva matul il-proċedura kollha tagħhom.”

20

Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85, intitolat “Prinċipji u garanziji bażiċi”, jistabbilixxi regoli minimi dwar il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-garanziji mogħtija lill-applikanti għal ażil. Dan il-kapitolu jiġbor fih l-Artikoli 6 sa 22.

21

L-Artikolu 8 jiddetermina l-kundizzjonijiet partikolari li għalihom huwa suġġett l-eżami tal-applikazzjonijiet.

22

L-Artikolu 9 jsemmi l-kundizzjonijiet li għalihom huma suġġetti d-deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil.

23

L-Artikolu 10 jelenka l-garanziji mogħtija lill-applikanti għal ażil.

24

L-Artikolu 12 jipprovdi d-dritt ta’ applikant għal ażil għal intervista personali qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni u l-Artikolu 13 jispeċifika ċ-ċirkustanzi li għalihom hija suġġetta din l-intervista.

25

Skont l-Artikolu 14, kull intervista personali għandha tkun suġġetta għal rapport bil-miktub li għalih l-applikant għal ażil għandu jkollu aċċess fi żmien utli.

26

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2005/85 jiddefinixxi r-regoli dwar il-proċeduri ta’ prim’istanza.

27

Il-Kapitolu V tal-istess direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ appell”, huwa kkostitwit minn artikolu wieħed, jiġifieri l-Artikolu 39, li jipprovdi, fis-subartikolu 1 tiegħu, id-dritt tal-applikanti għal ażil għal rimedju effettiv quddiem qorti, b’mod partikolari kontra d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni tagħhom għal ażil.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

28

Fl-Irlanda, għall-finijiet tal-kisba ta’ protezzjoni internazzjonali, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ applikazzjonijiet, jiġifieri:

fl-ewwel lok, l-applikazzjoni għal ażil u, fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva dwarha,

fit-tieni lok, l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja.

29

Fl-imsemmi Stat Membru, kull waħda minn dawn iż-żewġ applikazzjonijiet hija suġġetta għal proċedura speċifika li jiżvolġu waħda wara l-oħra.

30

Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal ażil jinsabu essenzjalment fil-Liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati (Refugee Act 1996), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1996”).

31

Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal ażil, il-proċedura tiżvolġi f’diversi stadji li huma dawn li ġejjin:

l-applikazzjoni hija indirizzata mill-persuna kkonċernata lill-Office of the Refugee Applications Commissionner (iktar ’il quddiem l-“ORAC”);

l-applikant għandu l-obbligu jwieġeb kwestjonarju;

uffiċjal tal-ORAC imexxi intervista personali mal-applikant;

l-ORAC jipprepara rapport għall-Minister, li jinkludi rakkomandazzjoni fir-rigward tal-punt dwar jekk l-applikant għandux jibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat jew le;

meta l-imsemmi rapport f’dan ir-rigward jinkludi rakkomandazzjoni negattiva, dan jista’ jkun suġġett għal appell quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal, qorti li, bħala regola ġenerali, jiddeċiedi b’imħallef wieħed u jagħti deċiżjoni li tikkonferma jew tiċħad ir-rakkomandazzjoni tal-ORAC;

il-Minister jadotta deċiżjoni skont kif ġej:

meta r-rakkomandazzjoni tal-ORAC jew id-deċiżjoni tar-Refugee Appeals Tribunal tkun pożittiva, huwa għandu l-obbligu li jagħti l-istatus ta’ refuġjat;

meta l-proposta tkun negattiva, huwa jista’ jsegwiha, iżda xorta waħda għandu setgħa diskrezzjonali li jagħti l-benefiċċju tal-imsemmi status;

meta l-Ministru jkun ċaħad l-applikazzjoni għal ażil, in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jkeċċi l-applikant għandha tinkludi informazzjoni fir-rigward tad-dritt ta’ dan tal-aħħar li japplika għal protezzjoni sussidjarja f’terminu ta’ ħmistax-il jum.

32

Id-deċiżjoni ta’ rifjut li jingħata l-istatus ta’ refuġjat tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament quddiem qorti.

33

Fir-rigward tal-proċedura li tirregola l-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja, dawn jinsabu fir-Regolament tal-2006 dwar il-Komunitajiet Ewropej (kundizzjonijiet li jippermettu li persuna tibbenefika minn protezzjoni) [European Communities (Eligibility for Protection) Regulations 2006], adottat mill-Minister fid-9 ta’ Ottubru 2006, u li għandu bħala għan, b’mod partikolari, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/83 (iktar ’il quddiem ir-“regolament tal-2006”).

34

L-applikazzjoni għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja hija ppreżentata mill-parti kkonċernata permezz ta’ formola li l-mudell tagħha jinsab anness mar-regolament tal-2006.

35

L-imsemmi regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tipprovdi li l-applikant għal tali protezzjoni sussidjarja jinstema’ fil-kuntest tal-istruttorja relatata mal-applikazzjoni tiegħu.

36

Ir-regolament tal-2006 lanqas ma jinkludi regola proċedurali li tista’ tiġi kkunsidrata bħala implementazzjoni tar-rekwiżit imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83.

37

Il-Minister jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni sussidjarja permezz ta’ deċiżjoni mmotivata, billi jilqa’ din l-applikazzjoni jew jiċħadha.

38

Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament quddiem qorti.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

39

M. huwa ċittadin tar-Rwanda tal-etnika tat-Tutsi u li talab l-ażil fl-Irlanda fl-1 ta’ Mejju 2008.

40

Insostenn ta’ din it-talba M. isostni li, kieku kellu jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa kien jgħaddi mir-riskju li jitressaq quddiem qorti militari talli kkritika bil-miftuħ il-metodu ta’ kif kienu jsiru l-investigazzjonijiet dwar il-ġenoċidju tal-1994. Huwa jsostni li kien ġie serjament affettwat minn dan il-ġenoċidju, inkwantu l-ġenituri tiegħu, tlieta minn ħutu u oħtu ġew assassinati.

41

Fir-rigward tas-sitwazzjoni personali tiegħu, huwa jispeċifika li, wara li kiseb il-lawrea tiegħu fil-liġi fl-università nazzjonali tar-Rwanda fl-2003, huwa talab impjieg fis-servizz pubblika tar-Repubblika tar-Rwanda, iżda kien l-uniku wieħed tas-sena akkademika tiegħu li ġie rrifjutat tali impjieg, minkejja l-kwalifiki tiegħu. Minflok ma kiseb dan l-impjieg, huwa kien kostrett jaċċetta impjieg alternattiv fl-uffiċċju tal-prokuratur militari, fejn il-fatt li b’hekk kellu jissuġġetta ruħu għad-dixxiplina tal-liġi militari kien ikkostitwixxa mezz ta’ kif jinżamm sieket u jiġi prekluż milli jiżvela informazzjoni dwar il-ġenoċidju, li setgħet tirriżulta imbarazzanti għall-awtoritajiet. Barra minn hekk, huwa kien ingħata parir ċar li ma jipprotestax u uffiċjal militari kien inqatel peress li kien beda jagħmel mistoqsijiet delikati dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet relatati mal-imsemmi ġenoċidju.

42

F’Ġunju 2006 M. iddaħħal fil-fakultà tal-liġi ta’ università Irlandiża sabiex isegwi studji post-lawrea (LLM). F’dan is-sens, huwa ingħata viża ta’ student f’Settembru 2006 u, wara li kiseb il-lawrea tiegħu f’Novembru 2007, huwa wettaq fl-Istat Membru ospitanti xogħlijiet ta’ riċerka fil-qasam ta’ krimini ta’ gwerra u ta’ ġenoċidju.

43

Ftit żmien wara l-iskadenza tal-viża tiegħu, M. ippreżenta applikazzjoni sabiex jikseb l-ażil fl-Irlanda. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda minħaba l-fatt li l-affermazzjonijiet tiegħu dwar il-persekuzzjoni tiegħu fir-Rwanda tqiesu li ma kinux kredibbli. Ir-rakkomandazzjoni negattiva tal-ORAC hija tat-30 ta’ Awwissu 2008 u ġiet ikkonfermata mir-Refugee Appeals Tribunal fit-28 ta’ Ottubru 2008. Id-deċiżjoni tal-Minister li tirrifjuta li jilqa’ l-applikazzjoni tiegħu għal ażil ġiet innotifikata lill-parti kkonċernata matul ix-xahar ta’ Diċembru 2008.

44

Għalhekk, fil-31 ta’ Diċembru 2008, M. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, billi mela kwestjonarju previst f’dan ir-rigward mil-leġiżlazzjoni Irlandiża.

45

Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Minister tal-24 ta’ Settembru 2010. Fid-deċiżjoni tiegħu, dan tal-aħħar ibbaża ruħu fil-parti l-kbira fuq id-deċiżjoni preċedenti tiegħu tal-2008 li tiċħad l-applikazzjoni għal ażil tal-parti kkonċernata fejn tikkonkludi li dan tal-aħħar ma kienx stabbilixxa l-eżistenza ta’ raġunijiet suffiċjenti biex juri li jgħaddi minn riskju gravi ta’ preġudizzju fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, peress li hemm dubji serji fuq il-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet tiegħu.

46

Huwa kontra din l-aħħar deċiżjoni tal-Minister li, fis-6 ta’ Jannar 2011, M. ippreżenta rikors għal annullament quddiem il-High Court, li fil-kuntest tiegħu huwa jikkontesta l-legalità taċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni sussidjarja, minħabba l-fatt li l-proċedura ta’ eżami ta’ din l-applikazzjoni ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

47

B’hekk, mhux biss l-Irlanda ma ttrasponietx bis-sħiħ id-Direttiva 2004/83, b’mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 4(2) u l-parti inizjali tal-Artikolu 4(3) tagħha, iżda, barra minn hekk, il-Minister f’dan il-każ ma osservax ċerti regoli tad-dritt tal-Unjoni waqt l-istruttorja relatata mal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ppreżentata minn M.

48

Fil-fatt, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ekwità waqt l-implementazzjoni tal-proċeduri amministrattivi jinkludi b’mod iktar partikolari r-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

49

Għandu jingħad ukoll li hija ġurisprudenza stabbilita li, f’kull tip ta’ proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, id-dritt li wieħed jinstema’ jimplika, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika f’dan ir-rigward, li l-parti kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li ssostni b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-punti li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha. L-istess prinċipju huwa barra minn hekk stabbilit mill-Karta.

50

Moqri fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, l-obbligu ta’ kooperazzjoni msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 ifisser li l-Minister għandu l-obbligu li jikkomunika lill-applikant għal ażil ir-riżultati tal-evalwazzjoni tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali, b’tali mod li dan tal-aħħar ikun jista’ jirreaġixxi għall-punti li jagħtu lok għal risposta sfavorevoli, billi jippreżenta kull dokument għalhekk ikun disponibbli jew kull argument tali li jikkonfuta l-pożizzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti, kif ukoll li jiġbed l-attenzjoni tagħha dwar kull kwistjoni rilevanti li ma tteħditx debitament inkunsiderazzjoni.

51

Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li M. f’ebda mument ma nstema’ fil-kuntest tal-istruttorja tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni sussidjarja. Barra minn hekk, matul iż-żmien kollu li ġiet eżaminata din l-applikazzjoni, huwa ma ġiex informat dwar punti kkunsidrati bħala rilevanti mill-Minister sabiex jadotta d-deċiżjoni ta’ rifjut li jagħtih il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, u lanqas id-data li fiha dan tal-aħħar kellu jintervjeni. Barra minn hekk, sabiex jiġġustifika din id-deċiżjoni, il-Minister ħa l-ħsieb, li jirreferi b’mod kunsiderevoli għall-motivi preċedentement invokati sabiex jiċħad l-applikazzjoni għal ażil ta’ M. Barra minn hekk, waqt il-proċedura relatata mal-appell li kien ippreżenta kontra d-deċiżjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal ażil, il-benefiċċju ta’ seduta ta’ trattazzjoni ġie rrifjutat lilu, minħabba l-fatt li huwa ma kienx ippreżenta din l-applikazzjoni fiż-żmien wara l-wasla tiegħu fl-Irlanda u ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi raġuni konvinċenti sabiex jiġġustifika din iċ-ċirkustanza.

52

L-awtoritajiet Irlandiżi kompetenti sostnew li, bħal f’dan il-każ, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ status li jirriżulta mill-protezzjoni sussidjarja, din ma tiġix eżaminata waħedha, iżda tkun suġġetta għal “interazzjoni qawwija bejn l-applikant u l-awtoritajiet”, peress li tali applikazzjoni hija neċessarjament evalwata wara l-eżami – u ċ-ċaħda – ta’ applikazzjoni għal ażil li matulha l-osservazzjonijiet tal-parti kkonċernata jkunu effettivament instemgħu u hija tkun wieġbet kwestjonarju ddettaljat. Madankollu, wara li ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, il-proċedura tkun “inkwiżitorja u mhux kontradittorja”. B’hekk, l-obbligu ta’ kooperazzjoni msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 jikkonċerna s-sempliċi evalwazzjoni tal-punti materjali rilevanti ppreżentati insostenn tat-talba u ma tikkonċernax assolutament il-proċedura deċiżjonali. Barra minn hekk, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-fajl ipprovdut insostenn tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja huwa eżattament identiku għal dak li diġà ġie ppreżentat fil-kuntest tal-applikazzjoni għal ażil, jew mill-inqas sinjifikattivament l-istess, u, fi kwalunkwe każ, kull informazzjoni ġdida hija s-suġġett ta’ evalwazzjoni.

53

Fuq il-mertu, ir-rifjut li tingħata protezzjoni internazzjonali favur M. huwa ġġustifikat bil-fatt li l-allegazzjonijiet tiegħu huma neqsin minn kredibbiltà, liema fatt huwa kkorroborat biċ-ċirkustanza li din tal-aħħar ippreżentat l-applikazzjonijiet tagħha b’dewmien kunsiderevoli meta mqabbla mad-data li fiha daħal fit-territorju Irlandiż.

54

Il-High Court għandha dubji dwar jekk tistax tiġi milqugħa t-teżi difiża minn M. F’dan is-sens diġà ddeċidiet numru ta’ drabi li, fid-dawl tal-kliem u tal-istruttura tad-Direttiva 2004/83, kif ukoll fil-kuntest li fih hija tidħol, il-proċedura istruttorja ta’ applikazzjoni intiża għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja li żvolġiet taħt kundizzjonijiet bħal dawk tal-kwistjoni li biha hija adita l-qorti tar-rinviju ma tistax tiġi vvizzjata fir-rigward tar-rekwiżit imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

55

Madankollu, minn deċiżjoni mogħtija fl-2007 mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) jirriżulta li, fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, meta l-awtorità kompetenti jkollha intenzjoni tiċħad applikazzjoni għal ażil, l-applikant huwa informat dwar dan minn qabel, billi jiġu kkomunikati r-raġunijiet għaċ-ċaħda, u jingħata l-possibbiltà li jlissen il-pożizzjoni tiegħu bil-miktub fit-terminu mogħti.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fl-ipoteżi fejn applikant jitlob l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja wara li jkun ġie rrifjutat l-istatus ta’ refuġjat, u fejn huwa propost li tali talba [applikazzjoni] tinċaħad, il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mal-applikant imposta fuq l-Istati Membri [mit-tieni sentenza tal-]Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83[…] tobbliga lill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru inkwistjoni li jikkomunikaw lill-applikant ir-riżultati ta’ tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali, b’mod li jkun jista’ jirreaġixxi għall-aspetti tad-deċiżjoni proposta li tissuġġerixxi risposta negattiva?”

Fuq id-domanda preliminari

57

Sabiex tiġi mwieġba d-domanda magħmula mill-qorti ta’ rinviju, għandu jiġi osservat qabel kollox li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 japplika effettivament għal applikazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali intiża sabiex jinkiseb il-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

58

Fil-fatt, kemm skont il-kliem tiegħu kif ukoll skont it-titolu tal-kapitolu li fih tidħol din id-dispożizzjoni, hija tikkonċerna l-“applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”.

59

Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(a) u (g) tad-Direttiva 2004/83, bi “protezzjoni internazzjonali” għandu jinftiehem l-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja u mill-“applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” għandha tinftiehem l-applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb jew l-istatus ta’ refuġjat, jew dak mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

60

Madankollu, fir-rigward tal-portata li għandha tiġi rrikonoxxuta lir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni mal-applikant li t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 timponi lill-Istat Membru kkonċernat, ma tistax tiġi milqugħa t-teżi, sostnuta minn M., li din ir-regola ġġiegħel lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex teżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja sabiex tikkomunika lill-applikant, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sfavorevoli f’dan ir-rigward u meta applikazzjoni għal ażil ippreżentata mill-istess persuna tkun ġiet preċedentement miċħuda, il-punti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni tibbaża din id-deċiżjoni u sabiex tiġbor l-osservazzjonijiet tal-persuna kkonċernata f’dan ir-rigward.

61

Fil-fatt għandu jiġi kkonstatat li rekwiżit ta’ din in-natura mkien ma tirriżulta mill-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Issa, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jimponi lill-Istati Membri obbligi bħal dawk issuġġeriti minn M. huwa kien ċertament jispeiċifika dan b’mod espliċitu.

62

Barra minn hekk, dmir ta’ kooperazzjoni hekk inkluż ma jkunx koerenti mas-sistema stabbilita mill-imsemmi leġiżlatur għall-finijiet tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

63

Hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 jikkonċerna “stima ta’ fatti u ċirkostanzi”.

64

Fil-verità, din l-“[i]stima” tiżvolġi f’żewġ stadji separati. L-ewwel stadju jikkonċerna l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn tal-applikazzjoni, filwaqt li t-tieni fażi tikkonċerna l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-provi, li tikkonsisti f’li jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-fatti li jikkaratterizzaw każ speċifiku, il-kundizzjonijiet bażiċi previsti mill-Artikoli 9 u 10 jew 15 tad-Direttiva 2004/83 għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali huma sodisfatti.

65

Issa, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, għalkemm huwa normalment l-applikant li għandu jippreżenta l-provi kollha meħtieġa sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat għandu l-obbligu jikkoopera mal-applikant fl-istadju tad-determinazzjoni tal-provi rilevanti ta’ din l-applikazzjoni.

66

Dan ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni li bih huwa vvinkolat l-Istat ifisser għalhekk konkretament li, jekk, tkun liema tkun ir-raġuni, il-provi prodotti mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali ma humiex kompleti, attwali jew rilevanti, huwa neċessarju li l-Istat Membru kkonċernat jikkoopera attivament, f’dan l-istadju tal-proċedura, mal-applikant sabiex jippermetti li jinġabru l-provi li jistgħu jissostanzjaw l-applikazzjoni. Barra minn hekk, Stat Membru jista’ jkun f’pożizzjoni aqwa mill-applikant sabiex ikollu aċċess għal ċerti tipi ta’ dokumenti.

67

Qabel kollox, l-interpretazzjoni msemmija fil-punt preċedenti hija kkorroborata bl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2005/85, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iħarsu sabiex tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni ġenerali li teżisti fil-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti għal ażil u, jekk ikun il-każ, fil-pajjiżi li ttranżitaw minnhom.

68

Għaldaqstant huwa ċar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83 jikkonċerna biss l-ewwel stadju, imsemmi fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi bħala provi li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni għal ażil.

69

Min-naħa l-oħra, huwa evidenti li t-teżi difiża minn M. tikkonċerna t-tieni stadju, imsemmi fl-istess punt ta’ din is-sentenza, dwar l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-provi prodotti insostenn tal-applikazzjoni, billi jiġi ddeterminat jekk dawn humiex effettivament tali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali mitluba.

70

Issa, tali eżami tal-fondatezza tal-applikazzjoni għal ażil jaqa’ taħt is-sempliċi responsabbiltà tal-awtorità nazzjonali kompetenti, b’tali mod li, f’dan l-istadju tal-proċedura, rekwiżit ta’ kooperazzjoni ta’ din l-awtorità mal-applikant, hekk kif preskritt fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, huwa nieqes minn rilevanza.

71

Għandu jingħad ukoll li dmir ta’ kooperazzjoni li ġġib magħha l-portata ssuġġerita minn M. loġikament ma jsibx postu fil-qafas tad-Direttiva 2004/83.

72

Fil-fatt, fir-rigward tal-kontenut u tal-finalità tagħha, din id-direttiva għandha biss l-għan li tiffissa, minn naħa, kriterji komuni għall-Istati Membri kollha fir-rigward tal-kundizzjonijiet bażiċi li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kontenut materjali ta’ din il-protezzjoni.

73

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva assolutament ma hijiex intiża li tippreskrivi regoli ta’ proċedura applikabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u lanqas, għalhekk, li tiddetermina l-garanziji proċedurali li, f’dan is-sens, għandhom jingħataw lill-applikant għal ażil.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward ta’ dan il-punt għandu jiġi konkluż li r-rekwiżit ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-applikant għal ażil, kif imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn barrani jitlob li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja wara li l-istatus ta’ refuġjat ikun ġie rrifjutat lilu u fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti jkollha l-intenzjoni li tiċħad ukoll din it-tieni applikazzjoni, din l-awtorità għandha l-obbligu f’dan is-sens, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, li tinforma lill-persuna kkonċernata dwar l-eżitu negattiv li hija tkun ser tirriżerva għall-applikazzjoni tagħha kif ukoll li tikkomunikalha l-argumenti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni li tibbaża ċ-ċaħda tagħha, b’tali mod li l-applikant ikun f’pożizzjoni li jsostni l-fehma tiegħu f’dan ir-rigward.

75

B’hekk, mill-osservazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-kawża tqajjem b’mod iktar ġenerali l-kwistjoni tad-dritt tal-barrani li jinstema’ matul il-proċedura li tistħarreġ it-tieni applikazzjoni tiegħu, intiża sabiex jibbenefika minn protezzjoni sussidjarja, meta hija tiġi ppreżentata wara ċ-ċaħda tal-ewwel applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, f’każ bħal dak tal-kawża pendenti quddiem il-qorti ta’ rinviju, fejn l-applikazzjoni inizjali kienet suġġetta għal proċeduri distinti li fil-kuntest tagħhom il-parti kkonċernata setgħet validament issostni l-osservazzjonijiet tagħha.

76

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti ta’ rinviju, jeħtieġ għalhekk li jiġi ddeterminat jekk, fir-rigward ta’ sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, ikkaratterizzata bl-eżistenza ta’ żewġ proċeduri separati u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni għal ażil u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, id-dritt tal-Unjoni huwa kuntrarju għall-fatt li ma jsirx smigħ ġdid tal-persuna kkonċernata meta ssir l-istruttorja tat-tieni applikazzjoni u qabel iċ-ċaħda tagħha, minħabba l-fatt li, hekk kif sostnew kemm il-High Court kif ukoll l-Irlanda, huwa diġà nstema’ fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-ewwel applikazzjoni tiegħu intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat.

77

Qabel kollox, jeħtieġ li jiġi osservat li hija d-Direttiva 2005/85 li tistabbilixxi r-regoli minimi dwar il-proċeduri ta’ eżami tal-applikazzjonijiet u tispeċifika d-drittijiet tal-applikanti għal ażil.

78

F’dan ir-rigward, l-imsemmija direttiva tipprovdi b’mod partikolari li l-eżami ta’ applikazzjoni għal ażil ma tiġix eskluża għas-sempliċi raġuni li hija ma ġietx ippreżentata malajr kemm jista’ jkun [Artikolu 8(1)], li l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u d-deċiżjonijiet adottati individwalment, oġġettivament u imparzjalment [Artikolu 8(2)(a)], li fil-każ ta’ ċaħda, id-deċiżjoni tiġi fattwalment u legalment immotivata [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9(2)] u li, qabel ma l-awtorità responsabbli tagħti d-deċiżjoni tagħha, l-applikant jingħata l-possibbiltà li jkollu intervista personali dwar l-applikazzjoni tiegħu taħt kundizzjonijiet li jippermettu lill-persuna kkonċernata sabiex tesponi r-raġunijiet kollha tagħha [Artikoli 12 u 13(3)].

79

Madankollu, id-Direttiva 2005/05 ma tapplikax għall-applikazzjonijiet ta’ protezzjoni sussidjarja, ħlief meta Stat Membru jistabbilixxi proċedura unika li fil-kuntest tagħha jeżamina applikazzjoni fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri dik dwar l-istatus ta’ refuġjat u dik relatata mal-protezzjoni sussidjarja. Fil-fatt, f’tali każ, ir-regoli msemmija f’din id-direttiva għandhom jiġu applikati matul il-proċedura kollha, għaldaqstant anki meta l-awtorità nazzjonali kompetenti teżamina l-applikazzjoni intiża sabiex tinkiseb protezzjoni sussidjarja.

80

Madankollu din ma hijiex is-sitwazzjoni fl-Irlanda, fejn dan l-Istat Membru għażel li jistabbilixxi żewġ proċeduri separati għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni għal ażil u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, fejn it-tieni waħda tista’ tiġi ppreżentata biss wara li tiġi deċiża l-ewwel waħda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt Irlandiż jippreskrivi l-osservanza tal-garanziji u tal-prinċipji msemmija mid-Direttiva 2005/85 fil-kuntest tal-eżami tas-sempliċi applikazzjonijiet għall-istatus ta’ refuġjat. B’mod iktar partikolari fir-rigward tad-dritt tal-applikant li jinstema’ qabel ma tiġi adottata deċiżjoni, il-High Court speċifikat fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, din il-formalità ma kellhiex tiġi osservata fl-istruttorja ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ippreżentata wara ċaħda ta’ applikazzjoni għal ażil, ġaladarba l-persuna kkonċernata diġà nstemgħet fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni tagħha għal ażil u ż-żewġ proċeduri huma marbuta mill-qrib.

81

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach, C-7/98, Ġabra p. I-1935, punt 42, u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C-349/07, Ġabra p. I-10369, punt 36).

82

F’dan il-każ, b’mod iktar partikolari fir-rigward tad-dritt li wieħed jinstema’ f’kull proċedura, li jagħmel parti sħiħa mill-imsemmi prinċipju fundamentali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 7, u tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punt 32), illum huwa stabbilit mhux biss mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, iżda wkoll mill-Artikolu 41 tagħha, li jiżgura d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

83

Is-subartikolu 2 tal-imsemmi Artikolu 41 jipprovdi li dan id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt li kull persuna tinstema’ qabel ma miżura individwali li taffettwaha b’mod sfavorevoli ma tittieħed kontriha, id-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha, fl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tal-kawżi, kif ukoll l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha.

84

Għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-kliem tagħha stess, din id-dispożizzjoni hija ta’ applikazzjoni ġenerali.

85

Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja baqgħet tafferma l-importanza tad-dritt li wieħed jinstema’ u tal-portata wiesgħa ħafna tiegħu fis-sistema ġuridika tal-Unjoni, billi qieset li dan id-dritt għandu japplika għal kull proċedura li tista’ tagħti lok għal att li jikkawża preġudizzju. (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint Association vs Il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15; Krombach, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

86

B’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tal-imsemmi dritt huwa imperattiv anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipproċedix espressament għal tali formalità (ara s-sentenza Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

87

Id-dritt li wieħed jinstema’ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-287/02, Ġabra p. I-5093, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C-141/08 P, Ġabra p. I-9147, punt 83, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C-27/09 P, Ġabra p. I-13427, punti 64 u 65).

88

L-imsemmi dritt jimplika wkoll li l-amministrazzjoni għandha tagħti kull attenzjoni meħtieġa għall-osservazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata billi teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, il-punti kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u billi timmotiva d-deċiżjoni tagħha fid-dettall (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14, u Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50), fejn għalhekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni b’mod suffiċjentement speċifiku u konkret sabiex il-parti kkonċernata tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet tar-rifjut tal-applikazzjoni tiegħu jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.

89

Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li l-hekk imfassal dritt tal-applikant għal ażil li jinstema’ għandu japplika b’mod sħiħ għall-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni ta’ għoti tal-protezzjoni internazzjonali magħmula mill-awtorità nazzjonali kompetenti skont ir-regoli adottati fil-kuntest tas-Sistema komuni Ewropea tal-ażil.

90

F’dan ir-rigward, ma tistax tiġi aċċettata t-teżi difiża mill-qorti ta’ rinviju u mill-Irlanda, li, fil-każ fejn, bħal f’dan l-Istat Membru, l-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja tkun suġġetta għal proċedura distinta li tiġi neċessarjament wara d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal ażil adottata fi tmiem ta’ istruttorja li kienet tinkludi smigħ tal-parti kkonċernata, ma huwiex neċessarju li jsir smigħ ġdid ta’ din tal-aħħar għall-ħtiġijiet tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, peress li din il-formalità b’ċertu mod tapplika flimkien ma’ dik li minnha l-barrani diġà bbenefika f’kuntest paragunabbli ħafna.

91

Bil-kontra, meta Stat Membru jkun għażel li jistabbilixxi żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, jeħtieġ li, fid-dawl tan-natura fundamentali li għandha, id-dritt tal-persuna kkonċernata li tinstema’ jiġi ggarantit bis-sħiħ fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri.

92

Qabel kollox, din l-interpretazzjoni hija l-iktar ġustifikata f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti ta’ rinviju nnifisha, l-awtorità nazzjonali kompetenti mmotivat id-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja billi tieħu ħsieb tirreferi b’mod kunsiderevoli għar-raġunijiet li diġà ġew invokati minn din l-istess awtorità insostenn taċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal ażil, meta, skont id-Direttiva 2004/83, ma humiex l-istess kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat u għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, fejn in-natura tad-drittijiet inerenti għal dan l-istatus hija barra minn hekk differenti.

93

Għandu jingħad ukoll li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom mhux biss l-obbligu li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni li tidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et , C-411/10 u C-493/10, Ġabra p. I-13905, punt 77).

94

Huwa fir-rigward ta’ dawn il-punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti ta’ rinviju għandha tevalwa l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt tal-proċedura ta’ implementazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja ppreżentata minn M. u, fil-każ li tikkostitwixxi ksur tad-dritt ta’ din il-persuna li tinstema’, għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnha.

95

Fid-dawl tal-kunsiderezzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li:

ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-applikant għal ażil, kif imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn barrani jitlob li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja wara li l-istatus ta’ refuġjat ikun ġie rrifjutat lilu u fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti jkollha l-intenzjoni li tiċħad ukoll din it-tieni applikazzjoni, din l-awtorità għandha l-obbligu f’dan is-sens, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, li tinforma lill-persuna kkonċernata dwar l-eżitu negattiv li hija tkun ser tirriżerva għall-applikazzjoni tagħha kif ukoll li tikkomunikalha l-argumenti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni li tibbaża ċ-ċaħda tagħha, b’tali mod li l-applikant ikun f’pożizzjoni li jsostni l-fehma tiegħu f’dan ir-rigward;

madankollu, fir-rigward ta’ sistema bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali, ikkaratterizzata bl-eżistenza ta’ żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, hija l-qorti ta’ rinviju li għandha tħares li jiġu rrispettati, fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri, id-drittijiet fundamentali tal-applikant u, b’mod iktar partikolari, id-dritt li jinstema’ fis-sens li għandu jkun jista’ jesponi utilment l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li ma tagħtix il-benefiċċju tal-protezzjoni mitluba. F’tali sistema, iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata tkun diġà nstemgħet waqt l-istruttorja tal-applikazzjoni tagħha għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat ma jifissirx li din il-formalità tista’ tiġi injorata fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja.

Fuq l-ispejjeż

96

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat mal-applikant għal ażil, kif imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/83, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li inkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi fejn barrani jitlob li jibbenefika mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja wara li l-istatus ta’ refuġjat ikun ġie rrifjutat lilu u fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti jkollha l-intenzjoni li tiċħad ukoll din it-tieni applikazzjoni, din l-awtorità għandha l-obbligu f’dan is-sens, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, li tinforma lill-persuna kkonċernata dwar l-eżitu negattiv li hija tkun ser tirriżerva għall-applikazzjoni tagħha kif ukoll li tikkomunikalha l-argumenti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni li tibbaża ċ-ċaħda tagħha, b’tali mod li l-applikant ikun f’pożizzjoni li jsostni l-fehma tiegħu f’dan ir-rigward.

 

Madankollu, fir-rigward ta’ sistema bħal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali, ikkaratterizzata bl-eżistenza ta’ żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni intiża sabiex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, hija l-qorti ta’ rinviju li għandha tħares li jiġu rrispettati, fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri, id-drittijiet fundamentali tal-applikant u, b’mod iktar partikolari, id-dritt li jinstema’ fis-sens li għandu jkun jista’ jesponi utilment l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li ma tagħtix il-benefiċċju tal-protezzjoni mitluba. F’tali sistema, iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata tkun diġà nstemgħet waqt l-istruttorja tal-applikazzjoni tagħha għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat ma jifissirx li din il-formalità tista’ tiġi injorata fil-kuntest tal-proċedura relatata mal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.