SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

25 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2003/41/KE — Attività u sorveljanza tal-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar professjonali — Nuqqas ta’ traspożizzjoni parzjali fit-terminu previst — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 260 TFUE — Sanzjonijiet pekunjarji — Somma f’daqqa”

Fil-Kawża C-241/11,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, ippreżentat tad-19 ta’ Mejju 2001,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn Z. Malůšková u N. Yerrell kif ukoll minn K.-P. Wojcik, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek u J. Očková, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Rosas, G. Arestis, J. Malenovský u E. Jarašiūnas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, A. Ó Caoimh (Relatur), C. G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-tal-21 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali [professjonali] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 350), u billi b’hekk naqset milli twettaq għalhekk l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika Ċeka ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C-343/08, Ġabra p. I-275), u, għaldaqstant, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260 tat-TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka tħallasha, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni”, pagamenti ta’ penalità għal ammont ta’ EUR 22 364.16 għal kull jum ta’ dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, mid-data li fiha tingħata s-sentenza f’din il-kawża sad-data tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq;

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka tħallasha, fuq l-istess kont, somma f’daqqa għal ammont ta’ EUR 5 644.80 għal kull jum ta’ dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, mid-data li fiha tingħata id-deċiżjoni ta’ din is-sentenza, fl-14 ta’ Jannar 2010, sad-data li fiha tingħata d-deċiżjoni tas-sentenza f’din il-kawża jew sad-data tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji, għar-Repubblika Ċeka, għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza jekk din id-data tkun qabel id-data li fiha tingħata d-deċiżjoni tas-sentenza f’din is-sentenza, u

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

2

Il-premessi 1, 6, 8 u 9 tad-Direttiva 2003/41, li ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 47(2) KE, 55 KE u 95(1) KE, jipprovdu:

“(1)

Suq intern ġenwin għal servizzi finanzjarji huwa kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ l-impjiegi fil-Komunità.

[...]

(6)

Din id-Direttiva għalhekk tirrappreżenta l-ewwel pass għat-triq lejn suq intern għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali [ta’ sistemi ta’ rtirar professjonali] organizzat[i] fuq skala Ewropea. Billi tiġi ffissata r-regola tal-‘persuna prudenti’ bħala l-prinċipju bażi għall-investiment kapitali [tal-kapital] u tagħmilha possibbli għal istituzzjonijiet li joperaw bejn il-fruntieri, id-direzzjoni mill-ġdid tat-tifdil fis-settur ta’ provvista ta’ rtirar okkupazzjonali [sistema ta’ rtirar professjonali] hija inkoraġġita, b’hekk tikkontribwixxi għall-progress ekonomiku u soċjali.

[...]

(8)

Istituzzjonijiet li huma kompletament separati minn xi impriża li tisponsorja [ta’ affiljazzjoni] u li topera fuq bażi ffinanzjat għall-iskop uniku li tipprovdi benefiċċji għall-irtirar għandu jkollhom il-libertà li jipprovdu servizzi u libertà ta’ investiment, bla ħsara biss għall-ħtiġiet koordinati ta’ prudenza, irrispettivament jekk dawn l-istituzzjonijiet humiex ikkunsidrati bħala entitajiet legali.

(9)

Skond il-prinċipju ts-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom iżommu responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni tas-sistemi tagħhom tal-pensjoni kif ukoll għad-deċiżjonijiet dwar ir-rwol li kull waħda minn dawn it-tlett ‘kolonni’ [pilastri] tas-sistema ta’ irtirar fi Stati Membri individwali. Fil-kuntest ta-tieni kolonna [pilastru], għandhom iżommu responsabbiltà sħiħa għall-irwol u l-funzjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet varji li jipprovdu benefiċċji għal irtirar okkupazzjonali [professjonali], bħal fondi ta’ pensjonijiet ma’ firxa wiesgħa ta’ l-industrija, fondi ta’ pensjonijiet ta’ kumpanniji u kumpaniji ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja. Din id-Direttiva mhix intiża sabiex titfa’ xi dubji fuq din il-prerogattiva.”

3

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiżgura li jkun hemm separazzjoni legali bejn impriża ta’ affiljazzjoni u istituzzjoni għall-irtirar professjonali sabiex l-attiv tal-istituzzjoni jiġi ssalvagwardat fl-interessi tal-membri u l-benefiċjarji fil-każ ta’ falliment tal-impriża ta’ affiljazzjoni.

4

L-Artikolu 9(1) tal-istess direttiva jipprovdi li kull Stat Membru għandu jiżgura li kull istituzzjoni għall-irtirar professjonali stabbilita fit-territorju tiegħu tosserva ċerti kundizzjonijiet ta’ funzjonament u b’mod partikolari, li tkun irreġistrata f’reġistru nazzjonali mill-awtorità kompetenti ta’ sorveljanza jew awtorizzata, li tkun immexxija minn nies ta’ reputazzjoni tajba li jkollhom il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali mixtieqa jew jimpjegaw persuni bil-kwalifiki professjonali u l-esperjenza msemmija, u li tkun suġġetta għal regoli adatti. Il-paragrafu 5 ta’ dan l-istess artikolu jipprovdi li, fil-każ ta’ attività transkonfinali, il-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tal-istituzzjoni għall-irtirar professjonali għandhom ikunu suġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru ta’ oriġini.

5

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/41, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat u l-mezzi meħtieġa sabiex jikkontrollaw l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali fit-territorju tiegħu.

6

L-Artikoli 15 sa 18 ta’ din direttiva jipprovdu li l-Istati Membri ta’ oriġini għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali, rispettivament, jikkostitwixxu provvisti tekniċi għad-diversi skemi ta’ rtirar, li għandhom biżżejjed attiv sabiex ikopri dawn il-provvisti, kif ukoll attiv addizzjonali sabiex iservi f’każ ta’ ħtieġa u għandhom jinvestu skont ir-regola tal-“persuna prudenti”.

7

L-Artikolu 20(2) sa (4) tal-istess direttiva jesponi r-regoli fir-rigward ta’ kontroll ta’ attivitajiet transkonfinali tal-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali li għandhom josservaw l-Istati Membri ta’ oriġini.

8

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/41 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-23 ta’ Settembru 2005. Għandhom minnufih javżaw b’dan lill-Kummissjoni.”

Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka

9

Fit-23 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni ppreżentat, skont l-Artikolu 226 KE, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Ċeka, sabiex jiġi kkonstatat li, billi ma ttrasponietx kompletament fl-ordinament ġuridiku intern tagħha d-Direttiva 2003/41, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) ta’ din id-direttiva, dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija direttiva, u b’mod partikolari taħt l-Artikolu 22(1) tagħha.

10

Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors tal-Kummissjoni, billi ddeċidiet fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, li billi ma adottatx, fit-terminu previst, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tad-Direttiva 2003/41, ir-Repubblika Ċeka kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva.

Il-proċedura prekontenzjuża

11

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Ċeka sabiex tikkomunikalha l-miżuri u l-iskeda preċiża li dan l-Istat Membru kellu l-intenzjoni li jadotta sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq.

12

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2010, irreġistrata fl-24 ta’ Frar tal-istess sena, ir-Repubblika Ċeka informat lill-Kummissjoni li, fid-dawl tas-sitwazzjoni politika interna ta’ dan l-Istat Membru, b’mod partikolari, tal-elezzjonijiet leġiżlattivi li kellhom isiru fit-28 u fid-29 ta’ Mejju 2010, it-terminu l-iktar realistiku għat-twettiq ta’ bidliet neċessarji bil-ħsieb ta’ traspożizzjoni kompleta tad-Direttiva 2003/41 kien ta’ sentejn mid-data tal-imsemmija ittra.

13

Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2010, ir-Repubblika Ċeka indirizzat lill-Kummissjoni skeda indikattiva li tinkludi l-istadji tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni tas-sentenza tal-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li dawn il-miżuri ser jiġu adottati mhux iktar tard mix-xahar ta’ Ġunju 2012.

14

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju 2010, ir-Repubblika Ċeka informat lill-Kummissjoni li hija kienet ippreparat dokument ta’ ħidma dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/41, li kellu jiġi eżaminat mill-gvern fil-31 ta’ Mejju 2010. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li kellhom isiru elezzjonijiet leġiżlattivi, id-deċiżjoni li tikkonċerna l-metodu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kellha, skont dan l-Istat Membru, tiġi fdata lill-gvern il-ġdid li jirriżulta minn dawn l-elezzjonijiet, probabbilment fir-Rebbiegħa tal-2010.

15

Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Settembru 2010, ir-Repubblika Ċeka indikat li skeda preċiża tal-modalitajiet ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva ser tintbagħat lill-Kummissjoni fil-futur qarib ħafna.

16

Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ottubru 2010, dan l-Istat Membru informa lill-Kummissjoni li dokument ta’ ħidma ppreparat mill-Ministeru tal-Finanzi, li jirrigwarda t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/41 u analogu għal dak li kellu jiġi eżaminat fil-31 ta’ Mejju 2010, ser jiġu ppreżentat lill-gvern il-ġdid fil-ġimgħat li ġejjin.

17

Fid-29 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika Ċeka ittra ta’ intimazzjoni tinnotifika lil dan l-Istat Membru li huwa kien għadu ma osservax l-obbligi tiegħu taħt is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq. Fuq it-talba ta’ dan l-Istat Membru, it-terminu stabbilit sabiex tingħata risposta għal din l-ittra ta’ intimazzjoni ġie estiż sat-28 ta’ Jannar 2011.

18

Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Jannar 2011, ir-Repubblika Ċeka informat lill-Kummissjoni li l-abbozz ta’ liġi ppreparat għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq ser jiġi ppreżentat, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet ċentrali kompetenti, matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2011. Dan l-Istat Membru kien jipprevedi li dan l-abbozz ser jiġi ppreżentat lill-Parlament nazzjonali matul ix-xahar ta’ April 2011 u li l-liġi ser tidħol fis-seħħ matul l-aħħar tliet xhur tal-istess sena.

19

Peress ma ġietx informata bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex l-imsemmi Stat Membru jikkonforma ruħu mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

L-iżviluppi li saru matul dawn il-proċeduri

20

Fit-2 ta’ Settembru 2011, ir-Repubblika Ċeka informat lill-Kummissjoni bil-pubblikazzjoni u bid-dħul fis-seħħ, fil-31 ta’ Awwissu 2011, tal-Liġi Nru 260/201, li skont dan l-Istat Membru, kienet tiżgura l-eżekuzzjoni integrali tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, billi tissupplimenta l-Liġi Nru 340/2006, tal-24 ta’ Mejju 2006, dwar l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati l-oħrajn partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u temenda l-Liġi Nru 48/1997 dwar l-assigurazzjoni pubblika għall-mard, li temenda u li tissupplimenta diversi liġijiet konnessi, li ttrasponiet parzjalment id-Direttiva 2003/41 fl-ordinament ġuridiku Ċek qabel l-intervent ta’ din is-sentenza.

21

Wara li eżaminat il-kontenut tal-Liġi Nru 260/2011, il-Kummissjoni qieset, fir-risposta tagħha li r-Repubblika Ċeka kienet ikkonformat il-leġiżlazzjoni tagħha mal-imsemmija sentenza.

22

Konsegwentement, il-Kummissjoni tirrinunzja għat-talba sabiex jiġu ffissati pagamenti ta’ penalità. Madankollu, hija żżomm it-talba tagħha għal kundanna tar-Repubblika Ċeka għall-ħlas ta’ somma f’daqqa.

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

23

Peress li t-Trattat FUE elimina mill-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, l-istadju relatat mal-ħruġ ta’ opinjoni motivata, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260 TFUE għandha titqies bħala dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(2) id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, punt 67, u tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-279/11, punt 19).

24

F’dan il-każ, kif ir-Repubblika Ċeka ammettiet, il-miżuri leġiżlattivi neċessarji sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, ġew stabbiliti biss fil-mument tal-adozzjoni tal-Liġi Nru 260/2011, li ġiet ippubblikata u daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Awwissu 2011, jiġifieri wara t-terminu stabbilit f’dan ir-rigward fl-ittra ta’ intimazzjoni tad-29 ta’ Ottubru 2010, li skada fit-28 ta’ Jannar 2011.

25

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, fid-data li fiha skada t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata lir-Repubblika Ċeka mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

Fuq is-somma f’daqqa

L-argumenti tal-partijiet

26

Il-Kummissjoni tesponi li l-ammont tas-somma f’daqqa mitlub, jiġifieri EUR 5 644.80 ta’ kuljum għal ksur, ġie stabbilit skont il-kriterji previsti mill-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005 dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 228 KE [SEK(2005) 1658], kif aġġornata mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Implementazzjoni tal-Artikolu 260 tat-TFUE u l-aġġornament tad-data użata għall-kalkolu tas-somom f’daqqa u ta’ pagamenti ta’ penali li l-Kummissjoni ser tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ksur [SEK (2010) 923] (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2005”), u li saret applikabbli għall-proċeduri rregolati mill-Artikolu 260(2) TFUE, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE (ĠU 2011, C 12, p. 1). Dan l-ammont ta’ kuljum jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-ammont ta’ somma f’daqqa ta’ bażi ta’ EUR 210 bil-koeffiċjent tal-gravità tal-ksur, li f’dan il-każ huwa stmat għal 8 (fuq skala minn 1 sa 20), u minn fattur “n”, li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika Ċeka, li jammonta għal 3.36. Peress li l-ammont totali miksub, jiġifieri, skont il-Kummissjoni, EUR 3 364 891.20 għal 594 jum ta’ ksur, huwa superjuri għas-somma f’daqqa minima ffissata għar-Repubblika Ċeka mill-Komunikazzjoni tal-2005, hija din is-somma f’daqqa stabbilita fuq il-bażi ta’ rata ta’ kuljum li għandha titħallas minn dan l-Istat Membru.

27

Il-Kummissjoni tqis li l-koeffiċjent ta’ ksur aċċettat huwa adattat, peress li normi kkonċernati huma essenzjali għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi transkonfinali mill-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali u li, fin-nuqqas tat-traspożizzjoni kompleta tagħhom fl-ordinament ġuridiku intern, il-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern tal-iskemi ta’ rtirar professjonali, li d-Direttiva 2003/41 tikkostitwixxi l-ewwel stadju tagħhom, ma humiex maħluqa.

28

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma kien ikollu prattikament ebda konsegwenza minħabba l-assenza ta’ tieni pilastru fl-iskema ta’ rtirar tal-imsemmi Stat Membru. Ċertament, id-Direttiva 2003/41 ma tinkludi ebda regola li timponi lill-Istati Membri li jippermettu lill-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali li jistabbilixxu ruħhom fit-territorju tagħhom. Madankollu, billi ma ttrasponietx id-dispożizzjonijiet ikkonċernati ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika Ċeka ma hijiex ippreparata għal possibbli tibdil ta’ sitwazzjoni li jirriżulta minn possibbli deċiżjoni li tissupplimenta l-iskema nazzjonali tagħha permezz ta’ sistema ta’ rtirar professjonali.

29

Il-Kummissjoni tqis barra minn hekk li d-definizzjoni ta’ kundizzjonijiet tekniċi neċessarji għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali hija irrilevanti, fuq il-mertu, għall-dibattitu dwar l-istabbiliment ta’ tieni pilastru.

30

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-fatt li d-Direttiva 2003/41 ġiet parzjalment trasposta huwa irrilevanti. Fil-fatt, ma kienx possibbli li jiġu dedotti, minn din it-traspożizzjoni parzjali, la l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tal-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali suġġetti għall-kontroll tal-korpi Ċeki u lanqas ir-regoli ta’ prudenza applikabbli għal dawn l-istituzzjonijiet.

31

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/41 tikkostitwixxi obbligu li bih l-eżekuzzjoni ma titħalliex għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Barra minn hekk, in-normi kkonċernati tal-imsemmija direttiva huma fformulati b’mod ċar u ma jħallu ebda diskrezzjoni interpretattiva għall-Istati Membri. Bl-istess mod, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, hija fformulata b’mod ċar u ma tqajjem ebda diffikultà rigward il-modalitajiet tal-eżekuzzjoni tagħha.

32

Ir-Repubblika Ċeka tqis, min-naħa tagħha, li hija ma kellhiex tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ somma f’daqqa jew li din tal-aħħar kellha titnaqqas. Il-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, huwa fil-fatt estremament dgħajjef, jekk mhux ineżistenti.

33

Fl-ewwel lok, dan l-Istat Membru jsostni li l-evalwazzjoni tal-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li wettqet il-Kummissjoni hija bbażata fuq premessa żbaljata, peress li hija għamlet konfużjoni bejn din il-kwistjoni u dik tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Dan l-iżball jaffettwa l-imsemmija evalwazzjoni inkwantu l-Kummissjoni naqset milli tevalwa li d-Direttiva 2003/41 kienet ġiet adottata mingħajr ma ttieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’ċerti Stati Membri li kienu ser jaderixxu mal-Unjoni, it-tieni pilastru ma kienx ġie introdott fis-sistema tal-pensjonijiet, b’tali mod li l-imsemmija direttiva seta’ jkollha kunflitt mal-kompetenzi ggarantiti lill-Istati Membri fil-qasam ta’ sigurtà soċjali mill-Artikolu 153(4) TFUE. Dan l-istess żball affettwa wkoll l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwantu l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni la tal-fatt li r-Repubblika Ċeka ma wettqitx ksur sistematiku u kontinwu tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas tal-fatt li t-traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2003/41 ippermettiet il-provvista transkonfinali tas-servizzi inkwistjoni.

34

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ċeka tfakkar li, sabiex tevalwa l-grad ta’ gravità ta’ ksur, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fuq l-interessi privati u pubbliċi, l-urġenza li wasslet lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu, l-importanza tar-regola ġuridika li l-ksur tagħha ġie kkonstatat u l-attitudni ta’ dan l-Istat Membru.

35

L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-konsegwenzi, għall-interessi privati u pubbliċi, tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni inkwistjoni, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat espressament li dan l-Istat Membru kien liberu li jiddeċiedi kif jorganizza s-sistema ta’ sigurtà soċjali tiegħu, inkluż l-introduzzjoni ta’ tieni pilastru tal-iskema ta’ rtirar. F’dawn il-kundizzjonijiet, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ma jikkawżax preġudizzju la għas-suq intern u lanqas għall-interessi privati u pubbliċi.

36

It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-urġenza għall-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, peress li l-uniku għan tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/41 kien li jiġu informati l-individwi li huma potenzjalment ikkonċernati fil-każ ta’ introduzzjoni ta’ tieni pilastru, din l-urġenza għandha tiġi relattivizzata.

37

It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna l-importanza tad-Direttiva 2003/41 fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-imsemmi Stat Membru jfakkar li din id-direttiva ma għandhiex l-għan li toħloq istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali. Billi jittrasponi d-Direttiva 2003/41, Stat Membru għandu biss jistabbilixxi kuntest ġuridiku bil-ħsieb ta’ possibbli organizzazzjoni futura.

38

Ir-raba’ nett, għal dak li jikkonċerna l-attitudni li r-Repubblika Ċeka adottat sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat, dan l-Istat Membru jenfasizza li huwa informa lill-Kummissjoni bil-passi kollha meħuda. It-tlestija tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/41 kienet madankollu suġġetta għar-riżultat ta’ riforma kumplessa ta’ pensjonijiet ta’ rtirar.

39

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ċeka tqis li t-terminu li fih il-proċess ta’ traspożizzjoni tlesta, fil-31 ta’ Awwissu 2011, ma huwiex eċċessiv fid-dawl tat-tul abitwali ta’ adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40

Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa hija bbażata essenzjalment fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun kompla għal żmien twil wara s-sentenza li kienet inizjalment ikkonstatatu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Franza, C-121/07, Ġabra p.I-9159, punt 8; tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, Ġabra p. I-2467, punt 28, kif ukoll il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

41

Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ tali kundanna u l-iffissar, skont il-każ, tal-ammont ta’ somma f’daqqa għandhom, f’kull każ, jibqgħu jsiru skont l-elementi kollha rilevanti li jkunu relatati kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-attitudni speċifika tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 260 TFUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Franza, punt 62; Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 30, u l-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 67).

42

Din id-dispożizzjoni tagħti f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali sanzjoni jew le u li tiddetermina, skont il-każ, l-ammont tagħha (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 141) B’mod partikolari, il-kundanna ta’ Stat Membru għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ma jistax ikollha natura awtomatika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

43

Għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u jikkostitwixxu biss indikazzjonijiet. Bl-istess mod, linji gwida li jirrigwardaw il-kundanna għall-ħlas ta’ somom f’daqqa, bħal dawk li jinsabu fil-Komunikazzjoni tal-2005, li l-Kummissjoni bbażat fuqhom f’din il-kawża, ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiggarantixxu t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mmexxija mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Il-Kummissjoni vs Franza, punt 61, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-każ, għall-finijiet ta’ deċiżjoni fuq it-talba għal kundanna tar-Repubblika Ċeka għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 260 KE ma jispeċifikax it-terminu li fih għandha ssir l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, l-implementazzjoni tal-eżekuzzjoni għandha tinbeda immedjatament u li għandha twassal għar-riżultati mixtieqa fl-iqsar żmien possibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

45

Dan huwa a fortiori l-każ sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat FUE, peress li, kif tfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, dan it-trattat elimina, fil-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, l-istadju relatat mal-ħruġ ta’ opinjoni motivata.

46

F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li kienu għaddew 19-il xahar bejn id-data li fiha ngħatat id-deċiżjoni, fl-14 ta’ Jannar 2010, tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, u dik tal-pubblikazzjoni u tad-dħul fis-seħħ, fil-31 ta’ Awwissu 2011, tal-Liġi Nru 260/2011 li kkonformat il-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożittiv tal-imsemmi sentenza.

47

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm, mix-xahar wara li fih ingħatat id-deċiżjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, u sax-xahar ta’ Settembru 2010, l-awtoritajiet Ċeki informaw lill-Kummissjoni bl-iskeda approssimattiv ta’ adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, kien biss matul ix-xahar ta’ Ottubru tal-istess sena li dokument ta’ ħidma dwar l-imsemmija miżuri ġie kkomunikat lill-gvern, peress li l-awtoritajiet Ċeki ddeċidew li jipposponu tali komunikazzjoni sakemm jitwaqqaf gvern ġdid wara li jsiru l-elezzjonijiet leġiżlattivi, fl-aħħar tax-xahar ta’ Mejju 2010.

48

Madankollu għandu jitfakkar li Stat Membru ma jistax juża dispożizzjonijiet, prattiċi jew ċirkustanzi tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-568/07, Ġabra p. I-4505, punt 50, u tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

49

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa ġġustifikat, f’din il-kawża, li tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ħlas ta’ somma f’daqqa.

50

Għal dak li jikkonċerna l-ammont tal-imsemmija somma, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin, li jirrigwardaw l-attitudni tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll it-tul tal-ksur u l-gravità tiegħu.

51

Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-attitudni tal-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar, kif jirriżulta mill-punti 11 sa 18 ta’ din is-sentenza, ikkoopera b’mod leali mal-Kummissjoni, peress li r-Repubblika Ċeka informat regolarment lil din tal-aħħar bil-miżuri previsti bil-għan tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq.

52

Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur, għandu jiġi rrilevat li kienu għaddew 19-il xahar bejn id-data li fiha ngħatat id-deċiżjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, u d-data li fiha r-Repubblika Ċeka ttrasponiet kompletament id-Direttiva 2003/41 fil-liġi interna u, konsegwentement, ikkonformat il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mal-imsemmija sentenza.

53

Għal dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, il-gravità tal-ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li, fl-assenza, fir-Repubblika Ċeka, ta’ tieni pilastru fis-sistema nazzjonali ta’ pensjonijiet ta’ rtirar, u fid-dawl tal-fatt li l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-pensjonijiet ta’ rtirar huma pprojbiti milli jistabbilixxu ruħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, l-eżekuzzjoni tardiva, minn tal-aħħar, tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, kellha impatt limitat fuq is-suq intern tal-iskemi ta’ rtirar professjonali, li d-d-Direttiva 2003/41, skont il-premessi 1, 6 u 8, hija intiża li tistabbilixxi u għaldaqstant, fuq l-interessi privati u pubbliċi.

54

Iktar speċifikament, it-traspożizzjoni integrali tad-Direttiva 2003/41 hija intiża prinċipalment sabiex tinforma lill-individwi interessati fil-każ li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 51 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, is-sistema nazzjonali ta’ pensjonijiet ta’ rtirar żviluppat f’dan ir-rigward.

55

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, tkun evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ li jiġi ffissat għal EUR 250 000 l-ammont tas-somma f’daqqa li r-Repubblika Ċeka tiġi kkundannata li tħallas lill-Kummissjoni, fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”.

Fuq l-ispejjeż

56

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ċeka tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma adottatx, fid-data li fiha skada t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata lir-Repubblika Ċeka mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ċeka (C-343/08), ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

 

2)

Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, somma f’daqqa ta’ EUR 250 000.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.