SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
6 ta’ Settembru 2012 ( *1 )
“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 15(1)(c) — Limitazzjoni eventwali ta’ din il-ġurisdizzjoni għall-kuntratti li jsiru mill-bogħod”
Fil-Kawża C-190/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2011, fil-proċedura,
Daniela Mühlleitner
vs
Ahmad Yusufi,
Wadat Yusufi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn:
— |
għal D. Mühlleitner, minn C. Schönhuber, Rechtsanwalt, |
— |
għal A. Yusufi u W. Yusufi, minn U. Schwab, u G. Schwab, Rechtsanwälte, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. I. Fernandes u S. Nunes de Almeida, bħala aġenti, |
— |
għall-Konfederazzjoni Svizzera, minn D. Klingele, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Brussell I”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D. Mühlleitner u A. Yusufi u W. Yusufi u għandha bħala suġġett ix-xoljiment ta’ kuntratt bejgħ ta’ vettura bil-mutur minħabba difetti moħbija, ir-rimbors tal-prezz tal-bejgħ kif ukoll il-ħlas ta’ danni. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), huwa fformulat kif ġej: “Fir-rigward ta’ kuntratt konkluż minn persuna għal raġuni li tista’ titqies bħala barra mill-attività professjonali tiegħu, iktar ’il quddiem imsejjaħ ‘il-konsumatur’; il-ġurisdizzjoni hija stabbilita minn din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 5(5): […]
|
4 |
Skont il-premessa 13 tar-Regolament Brussell I, fil-qasam ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, mal-konsumatur, u ta’ xogħol, huwa opportun li tiġi protetta l-parti l-iktar debboli permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħha għaliex ir-regoli ġenerali ma humiex hekk. |
5 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell I jipprovdi l-prinċipju li jgħid li l-persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, indipendentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru. |
6 |
L-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I jaqra kif ġej: “1. F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus barra minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 4 u l-punt 5 tal-Artikolu 5, jekk: […]
[…]” |
7 |
L-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament Brussell I huwa fformulat kif ġej: “Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur. 2. Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur. […]” |
8 |
Il-premessa 7 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), tistabbilixxi li l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu koerenti meta mqabbla ma’ dawk tar-Regolament Brussell I. |
9 |
Il-premessa 24 tar-Regolament Ruma I hija fformulata kif ġej: “Fir-rigward, aktar partikolarment, ta’ kuntratti konsumistiċi, [...] [i]l-konsistenza mar-Regolament [Brussell I] teħtieġ, minn naħa waħda, li ssir referenza għall-kunċett ta’ ‘attività indirizzata’ bħala kondizzjoni għall-applikazzjoni tar-regola li tipproteġi lill-konsumatur u, min-naħa l-oħra, li dan il-kunċett jiġi interpretat b’armonija fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 u f’dan ir-Regolament, fid-dawl ta’ dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 li tispeċifika li ‘sabiex l-Artikolu 15(1)(c) ikun applikabbli, mhuwiex suffiċjenti għal intrapriża li timmira l-attivitajiet tagħha lejn l-Istat Membru tar-residenza tal-konsumatur, jew lejn numru ta’ Stati Membri inkluż dak l-Istat Membru; għandu jun hemm ukoll kuntratt konkluż fil-kuntest ta’ l-attivitajiet tagħha’. Id-dikjarazzjoni tgħid ukoll li ‘s-sempliċi fatt li sit ta’ l-Internet ikun aċċessibbli mhuwiex suffiċjenti sabiex l-Artikolu 15 ikun applikabbli, għalkemm ikun fattur li dan is-sit ta’ l-Internet iħajjar il-konklużjoni ta’ kuntratti minn distanza u li kuntratt ġie effettivament konkluż minn distanza, bi kwalunkwe mezz. F’dan ir-rigward, il-lingwa jew il-munita użata f’dan is-sit ta’ l-Internet ma tikkostitwixxix fattur rilevanti’.” |
10 |
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I jipprovdi: “1. Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, kuntratt konkluż minn persuna fiżika għal skop li jista’ jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (’il-konsumatur’), ma’ persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (’il-professjonist’) għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li:
u li l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-elementi tal-proċess jirriżulta li D. Mühlleitner, iddomiċiljata fl-Awstrija, fittxet, fuq l-internet, vettura ta’ għamla Ġermaniża li xtaqet tixtri għall-bżonnijiet privati tagħha. Wara li qabdet mal-pjattaforma ta’ riċerka Ġermaniża li jisimha “www.mobil[e].de”, hija speċifikat l-għamla u l-mudell tal-vettura mixtieqa, u b’hekk kisbet lista ta’ vetturi li jirrispondu għall-karatteristiċi speċifikati. |
12 |
Wara li għażlet il-vettura li tikkorrispondi l-aħjar għall-kriterji ta’ riċerka tagħha, hija ġiet mibgħuta lejn offerta tal-konvenuti, A. Yusufi u M. Yusufi, li għandhom kummerċ ta’ bejgħ bl-imnut ta’ vetturi, permezz tal-intermedjazzjoni ta’ Autohaus Yusufi GbR (iktar ’il quddiem “Autohaus Yusufi”), kumpannija ċivili stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja). |
13 |
Peress li xtaqet tikseb iktar informazzjoni dwar il-vettura poposta fuq l-imsemmija pjattaforma ta’ riċerka, D. Mühlleitner ikkuntattjat lill-konvenuti permezz tan-numru tat-telefon indikat fuq is-sit internet ta’ Autohaus Yusufi, li kien jinkludi prefiss internazzjonali. Peress li l-vettura inkwistjoni ma kinitx għadha disponibbli, saritilha proposta ta’ vettura oħra, li l-karatteristiċi tagħha ntbagħtu f’iktar dettalji bil-posta. Ġie wkoll ippreċiżat li n-nazzjonalità Awstrijaka tagħha ma kinitx se tkun ta’ ostaklu għall-akkwist ta’ vettura mingħand il-konvenuti. |
14 |
Sussegwentement, D. Mühlleitner marret il-Ġermanja u, permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ iffirmat fil-21 ta’ Settembru 2009 f’Hamburg, xtrat mingħand A. Yusufi u W. Yusufi l-vettura inkwistjoni għall-prezz ta’ EUR 11 500, b’kunsinna immedjata tal-vettura. |
15 |
Meta rritornat l-Awstrija, D. Mühlleitner skopriet li l-vettura mixtrija kellha difetti sostanzjali u għalhekk talbet lill-konvenuti jirranġawha. |
16 |
Peress li l-konvenuti rrifjutaw li jirranġaw il-vettura, D. Mühlleitner ressqet quddiem il-qorti tad-domiċilju tagħha, il-Landesgericht Wels (l-Awstrija), talba għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ bejgħ tal-vettura, li hija ssostni li kkonkludiet bħala konsumatur ma’ impriża li indirizzat l-attività kummerċjali jew professjonali tagħha lejn l-Awstrija, ipoteżi koperta mill-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I. |
17 |
Il-konvenuti kkontestaw il-kwalità ta’ “konsumatur” ta’ D. Mühlleitner u l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Awstrijaċi, billi kkunsidraw li l-kawża kellha tinbeda quddiem il-qrati kompetenti Ġermaniżi. Huma sostnew ukoll li huma ma jindirizzawx l-attivitajiet tagħhom lejn l-Awstrija u li r-rikorrenti kkonkludiet il-kuntratt fl-uffiċċju rreġistrat tal-impriża tagħhom fil-Ġermanja. |
18 |
Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-qorti tal-ewwel istanza, il-Landesgericht Wels ċaħdet ir-rikors filwaqt li ddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni. Minkejja li ma kkontestatx il-kwalità ta’ “konsumatur” ta’ D. Mühlleitner, l-imsemmija qorti madankollu kkunsidrat li l-possibbiltà li tikkonsulta s-sit internet ta’ Autohaus Yusufi fl-Awstrija ma kienx biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-fondatezza tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi, li t-telefonata tar-rikorrenti kienet l-oriġini tal-konklużjoni tal-kuntratt u li mill-ittra li kienet intbagħtet sussegwentement, ma kienx jirriżulta li l-konvenuti indirizzaw l-attivitajiet tagħhom lejn l-Awstrija. D. Mühlleitner appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Linz. |
19 |
Fis-17 ta’ Ġunju 2010, l-imsemmija qorti kkonfermat id-deċiżjoni tal-ewwel istanza. Lanqas din ma kkontestat il-kwalità ta’ “konsumatur” ta’ D. Mühlleitner, iżda, filwaqt li fakkret id-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikoli 15 u 73 tar-Regolament Brussell I magħmula fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni konġunta”), li tgħid li sit internet purament “passiv” ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li attività hija indirizzata lejn l-Istat tal-konsumatur, hija rrelevat li s-sit internet ta’ Autohaus Yusufi kellu l-karatteristiċi ta’ tali sit “passiv”. Barra minn hekk, filwaqt li osservat li skont id-dikjarazzjoni konġunta, il-kuntratt għandu jiġi konkluż mill-bogħod, hija qieset li dan ma kienx il-każ f’din is-sitwazzjoni partikolari. Din il-qorti madankollu awtorizzat l-appell ta’ “Reviżjoni” billi qieset li l-portata ġuridika tad-dikjarazzjoni konġunta ma kinitx ċara. |
20 |
D. Mühlleitner ippreżentat appell ta’ “Reviżjoni” minn din is-sentenza quddiem l-Oberster Gerichtshof. |
21 |
Kif jirriżulta mill-elementi tal-proċess, l-imsemmija qorti tikkunsidra li l-konvenuti indirizzaw l-attivitajiet tagħhom lejn l-Awstrija fis-sens tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I, fid-dawl tal-possibbiltà li jiġi kkonsultat is-sit ta’ Autohaus Yusufi fl-Awstrija kif ukoll minħabba l-eżistenza ta’ kuntatt mill-bogħod bejn il-partijiet kontraenti permezz tat-telefon u tal-posta. |
22 |
Madankollu, permezz ta’ sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, l-Oberster Gerichtshof kienet iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Pammer u Hotel Alpenhof (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof, C-585/08 u C-144/09, Ġabra p. I-12527), li kellha tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “imexxi [jindirizza] tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru”. |
23 |
Din is-sentenza kompliet tikkonvinċi lill-Oberster Gerichtshof li A. Yusufi u W. Yusufi kienu indirizzaw l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tagħhom lejn l-Awstrija. Din il-qorti lanqas ma għandha dubju dwar il-kwalità ta’ “konsumatur” ta’ D. Mühlleitner. |
24 |
Madankollu, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk mill-punti 86 u 87 tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżultax li l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I japplika biss għall-kuntratti konklużi mill-bogħod. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) [...] tar-Regolament Brussell I), tippresupponi li l-kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjatur ġie konkluż mill-bogħod?” |
Fuq id-domanda preliminari
26 |
Qabel xejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Brussell I jikkostiwixxi deroga kemm għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun iddomiċiljat, kif ukoll għar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam tal-kuntratti, stabbilita fl-Artikolu 5(1) ta’ dan l-istess regolament, li bih il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn obbligazzjoni li hija l-bażi tat-talba kienet jew għandha tiġi eżegwita (sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53). |
27 |
Isegwi li tali deroga għandha neċessarjament tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta, peress li deroga jew eċċezzjoni għal regola ġenerali għandhom jiġu interpretati restrittivament. |
28 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-kunċetti użati fir-Regolament Brussell I ‐ u, b’mod partikolari, dawk li jidhru fl-Artikolu 15(1)(c) ta’ dan ir-regolament ‐ għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, prinċipalment b’referenza għas-sistema u għall-għanijiet tal-imsemmi regolament, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler, C-27/02, Ġabra p. I-481, punt 33, kif ukoll Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55). |
29 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fis-sistema stabbilita mir-Regolament Brussell I, l-Artikolu 15(1)(ċ) għandu, kif ukoll jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan l-istess regolament, l-istess post u jissodisfa l-istess funzjoni ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħala l-parti l-iktar dgħajfa bħall-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2009, Ilsinger, C-180/06, Ġabra p. I-3961, punt 41). |
30 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet kummerċjali ta’ A. Yusufi u W. Yusufi kinux indirizzati lejn l-Awstrija, peress li l-qorti tar-rinviju diġà kkunsidrat li din il-kundizzjoni hija sodisfatta. |
31 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula. |
32 |
Permezz tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I għandux jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li l-kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjant ikun ġie konkluż mill-bogħod. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi jekk mill-punti 86 u 87 tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżultax li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I huwa limitat biss għall-kuntratti mal-konsumatur konklużi mill-bogħod. |
33 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li, anki jekk l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I huwa intiż sabiex jipproteġi lill-konsumaturi, dan ma jimplikax li din il-protezzjoni hija assoluta (ara s-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70). Barra minn hekk, il-bżonn ta’ konklużjoni ta’ kuntratt mal-konsumatur mill-bogħod huwa msemmi fid-dikjarazzjoni konġunta u fil-premessa 24 tar-Regolament Ruma I, li jirriproduċi din id-dikjarazzjoni konġunta. |
34 |
Madankollu, il-gvernijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll il-Kummissjoni jressqu argumenti marbuta mal-intepretazzjoni litterali, mal-oriġini u mal-interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni li huma favur risposta negattiva għad-domanda preliminari. |
35 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I, ma jikkundizzjonax b’mod espliċitu l-applikazzjoni tiegħu għall-fatt li l-kuntratti suġġetti għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jkunu konklużi mill-bogħod. |
36 |
Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tapplika biss meta jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet speċifiċi. Għalhekk, huwa neċessarju, l-ewwel nett, li n-negozjant jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fl-Istat Membru fejn huwa ddomiċiljat il-konsumatur jew li, bi kwalunkwe mezz, jindirizza l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru jew diversi Stati Membri, fosthom dan l-Istat Membru, u, it-tieni nett, li l-kuntratt inkwistjoni jaqa’ fil-kuntest ta’ tali attivitajiet. |
37 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrelevat li, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KE) dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ippreżentata mill-Kummissjoni fi Brussell, fl-14 ta’ Lulju 1999 [COM(1999) 348 finali], din l-istituzzjoni tikkunsidra li “[I]l-fatt li l-kundizzjoni li tinsab fl-ex Artikolu 13 [tal-Konvenzjoni ta’ Brussell], li l-konsumatur ikun issodisfa fl-Istat tiegħu l-atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt, ma tibqax teżisti, jfisser li l-punt 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 [li sar l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regoalement ta’ Brussell I] japplika wkoll għall-kuntratti konklużi fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-konsumatur [...]” |
38 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-formulazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Brussell I, ma hijiex identika għal kollox għal dik tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni li l-kuntratti konklużi mal-konsumatur għandhom jissodisfaw huma minn issa ’l quddiem ifformulati b’mod iktar ġenerali minn qabel, sabiex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tal-konsumatur fid-dawl tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni u tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku (ara s-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59). |
39 |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk issostitwixxa l-kundizzjonijiet imposti minn naħa, fuq in-negozjant, li b’mod speċjali jkun għamel proposta jew indirizza reklamar fl-Istat ta’ domiċilju tal-konsumatur u, min-naħa l-oħra, fuq il-konsumatur li jkun wettaq f’dan l-Istat l-atti neċessarji għall-konklużjoni tal-kuntratt permezz ta’ kundizzjonijiet applikabbli biss għan-negozjant (sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60). |
40 |
F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrelevat li, fir-rapport tat-18 ta’ Settembru 2000 tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta tal-futur Regolament Brussell I (dokument finali A5-0253/2000, emenda 23), jissemma d-dibattitu dwar l-opportunità li tiżdied il-kundizzjoni li tipprovdi li l-kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu konklużi mill-bogħod kif ukoll argumenti li finalment wasslu għan-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ tali emenda. |
41 |
Il-formulazzjoni l-ġdida, inqas restrittiva, tal-ex Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, hija riflessa wkoll fil-ftehim paralleli għall-Konvenzjoni ta’ Brussell u fir-Regolament Brussell I, b’mod partikolari fl-Artikolu 15(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/712/KE, tal-15 ta’ Ottubru 2007, dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 339, p. 1). |
42 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I, għandu jiġi osservat li ż-żieda ta’ kundizzjoni marbuta mal-konklużjoni ta’ kuntratti mal-konsumatur mill-bogħod imur kontra l-għan intiż minn din id-dispożizzjoni, fil-formulazzjoni inqas restrittiva ġdida tagħha, b’mod partikolari dik tal-protezzjoni tal-konsumaturi, partijiet debboli tal-kuntratt. |
43 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tas-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punti 86 u 87 tagħha, b’risposta għall-argumenti mressqa mill-kumpannija Hotel Alpenhof, skont liema l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I ma jistax japplika peress li l-kuntratt mal-konsumatur kien ġie konkluż fuq il-post u mhux mill-bogħod, li dawn l-argumenti ma kinux japplikaw f’dan il-każ peress li, fil-fatt, ir-riservazzjoni tal-kamra tal-lukanda u l-konferma tagħha kienu saru mill-bogħod. |
44 |
Fil-fatt, kif irreleva l-avukat ġenerali fil-punti 36 sa 38 tal-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 86 u 87 tal-imsemmija sentenza jirrappreżentaw biss risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-argumenti ppreżentati mill-kumpannija Alpenhof, mingħajr ma l-portata tagħhom tista’ tiġi estiża lil hinn miċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din il-kawża. Xorta jibqa’ l-fatt li l-kundizzjoni essenzjali li hija suġġetta għaliha l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I hija dik marbuta mal-attività kummerċjali jew professjonali indirizzata lejn l-Istat ta’ domiċilju tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, kemm il-kuntatt mill-bogħod, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ukoll ir-reservazzjoni ta’ beni jew ta’ servizz mill-bogħod, jew, a fortiori, il-konklużjoni ta’ kuntratt mal-konsumatur mill-bogħod huma indizji ta’ rabta tal-kuntratt ma’ tali attività. |
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Brussell I għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li l-kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjant ikun ġie konkluż mill-bogħod. |
Fuq l-ispejjeż
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 15(1)(c) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li l-kuntratt bejn il-konsumatur u n-negozjant ikun ġie konkluż mill-bogħod. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.